KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2007 (1)
Kawża C‑7/06 P
Beatriz Salvador García
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża C‑8/06 P
Anna Herrero Romeu
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża C‑9/06 P
Tomás Salazar Brier
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Kawża C‑10/06 P
Rafael De Bustamante Tello
vs
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
“Appelli – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ ‘xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali’ – Xogħol li sar għal kollettività territorjali – Xogħol li sar għal kumpannija inkarigata li tiddefendi l-interessi ta’ kollettività territorjali fl-istituzzjonijiet Komunitarji – Funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew”
1. Il-kawżi preżenti għandhom bħala suġġett appelli ppreżentati minn Beatriz Salvador García u Anna Herrero Romeu kif ukoll minn Tomás Salazar Brier, uffiċjali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u minn Rafael De Bustamante Tello, uffiċjal tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija fil-25 ta’ Ottubru 2005(2), li bihom ġew miċħuda r-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni(3) u tal-Kunsill(4), u permezz tagħhom ġew imċaħħda mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni kif ukoll benefiċċju għall-istabbiliment u ta’ l-għajxien ta’ kuljum li, skond l-appellanti, huma relatati miegħu
2. Il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni jingħata lill-uffiċjali tal-Komunità li jkollhom jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-pajjiż tad-domiċilju tagħhom lejn il-pajjiż ta’ impjieg tagħhom meta huma daħlu fis-servizz tal-Komunitajiet Ewropej. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej(5), l-għoti ta’ dan il-benefiċċju huwa suġġett għall-kundizzjoni li qabel id-dħul fis-servizz l-uffiċjal ma kienx jgħix jew iwettaq l-okkupazzjoni ewlenija tiegħu ġewwa t-territorju ta’ l-Istat ta’ impjieg
3. L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi madankollu li, biex tapplika din il-kundizzjoni, iċ-“ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali” ma jiġux ikkunsidrati.
4. Hija l-portata ta’ din l-eċċezzjoni li tikkostitwixxi s-suġġett tal-kontestazzjonijiet fil-kawżi preżenti. L-appellanti jilmentaw li Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor japplika biss għax-xogħol li sar għall-awtoritajiet ċentrali ta’ Stat ieħor u ma jkoprix, għaldaqstant, dak imwettaq għal kollettività territorjali, bħall-komunitajiet awtonomi Spanjoli, u lanqas, a fortiori, dak imwettaq għal kumpannija privata inkarigata li tiddefendi l-interessi ta’ komunità awtonoma fl-istituzzjonijiet Komunitarji, anki jekk din il-kumpannija hija inkarigata b’missjoni ta’ interess pubbliku. Waħda minn dawn il-kawżi tqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ jekk il-funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew jistgħux jitqiesu li huma xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tad-dispożizzjoni in kwistjoni.
5. Peress li dawn l-erba’ kawżi jirrigwardaw prinċipalment l-istess kwistjoni ġuridika, dawn ser jiġu eżaminati flimkien f’dawn il-konklużjonijiet.
6. Bil-preżenti nindika li l-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor mhuwiex limitat, fil-fehma tiegħi, biss għall-funzjonijiet imwettqa għall-awtoritajiet ċentrali ta’ Stat, iżda jkopri wkoll dawk imwettqa għal kollettività territorjali kif ukoll dawk imwettqa għal entità li, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, kienet inkarigata, bis-saħħa ta’ att ta’ l-awtorità pubblika, li twettaq missjoni ta’ interess ġenerali taħt il-kontroll ta’ l-imsemmija awtorità, bħall-ġestjoni jew id-difiża ta’ l-interessi ta’ kollettività territorjali fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
7. Se nuri wkoll li l-funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, meta l-assistent kien impjegat direttament mill-Membru, jiġifieri li kien hemm rabta ġuridika diretta miegħu, għandhom jiġu analizzati bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal .
8. Ser insostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenzi appellati, għamlet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor u ser nippreżenta l-konsegwenzi li għandhom jinħarġu minn dan l-iżball ta’ liġi f’kull waħda mill-kawżi eżaminati.
I – Il-kuntest ġuridiku
9. Ir-remunerazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tinkludi, skond l-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal, salarju bażiku, benefiċċji tal-familja u benefiċċji oħra.
10. Fost dawn il-benefiċċji hemm il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, li l-ammont tiegħu huwa ffissat, fl-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal, għal 16 % tat-total tas-salarju bażiku u tal-benefiċċju tal-familja kif ukoll tal-benefiċċju għat-tfal dipendenti li għalihom huwa intitolat l-uffiċjal. Dan il-benefiċċju jitħallas matul il-perijodu kollu ta’ attività ta’ l-uffiċjal.
11. L-imsemmi benefiċċju ġie stabbilit bir-Regolament Nru 31(KEE) u 11 (EAKE), tat-18 ta’ Diċembru 1961, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea dwar [ta’] l-Enerġija Atomika li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1962(6).
12. Il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni jissostitwixxi l-benefiċċju ta’ separazzjoni. Dan il-benefiċċju ta’ separazzjoni, li l-ammont tiegħu kien ekwivalenti għal 20 % tas-salarju bażiku, kien jingħata lill-uffiċjali li, qabel id-dħul fil-kariga tagħhom, kienu joqogħdu b’mod permanenti għal aktar minn sitt xhur f’lokalità li tinsab aktar minn 25 kilometru ’l bogħod mis-sede ta’ l-istituzzjoni għall-uffiċjali tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u aktar minn 70 kilometru għall-uffiċjali tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika.
13. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni huma speċifikati fl-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-kundizzjonijiet baqgħu l-istess sa minn meta ġie stabbilit dan il-benefiċċju fl-1961. Din id-dispożizzjoni tgħid hekk:
“L-allowance [benefiċċju] ta’ l-espatrijazzjoni […] għandu jitħallas:
a) lill- uffiċjali:
– li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih [fit-]territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati
u
– li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkustanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;
b) għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.
[…]”
14. Skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li, peress illi m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni huwa intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija, li l-ammont tiegħu huwa daqs kwart tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni..
15. Il-benefiċċju għall-istabbiliment u l-benefiċċju ta’ l-għajxien ta’ kuljum huma previsti rispettivament fl-Artikoli 5 u 10 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
16. L-Artikolu 5 ta’ dan l-Anness, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħu l-fatti, jistabbilixxi li l-uffiċjal titolari li jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni huwa intitolat għal benefiċċju għall-istabbiliment ekwivalenti għal salarju bażiku ta’ xahar.
17. L-Artikolu 10 ta’ l-imsemmi Anness jistabbilixxi li uffiċjal li jipprovdi evidenza li kellu jbiddel ir-residenza tiegħu biex jissodisfa l-obbligi ta’ residenza speċifikati fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu dritt għal benefiċċju ta’ l-għajxien ta’ kuljum li l-ammont tiegħu huwa stabbilit skond l-istess Artikolu 10.
II – Il-fatti li taw lok għal dawn il-kawżi
18. Il-fatti fl-erba’ kawżi eżaminati jistgħu jinġabru fil-qosor skond kif ġej.
A – Il-kawża C‑7/06 P
19. Beatriz Salvador García, ta’ nazzjonalità Spanjola, daħlet fis-servizz tal-Kummissjoni, fi Brussell, bħala uffiċjal fis-16 ta’ April 2001.
20. Qabel dik id-data, hija kienet studjat fi Brussell bejn Settembru 1991 sa Lulju 1992, u wara kienet għamlet stage mal-Kummissjoni bejn Ottubru 1992 sa Frar 1993.
21. Mill-1 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994, hija ħadmet fi Brussell għall-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra, u sussegwentement, bejn il-21 ta’ Frar 1995 sa l-20 ta’ Awwissu 1995, hija kienet impjegata ma’ Sociedad de Desarrollo de Navarra, Sodena, SA(7), kumpannija inkarigata mill-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-komunità awtonoma.
22. Bejn l-1 ta’ Settembru 1995 u t-30 ta’ Ġunju 1996, Beatriz Salvador García kienet ħadmet bħala assistent ma’ Membru tal-Parlament Ewropew.
23. Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 1996, hija kienet għamlet xogħol ta’ volontarjat ma’ organizzazzjoni mhux governattiva fil-Perù.
24. Bejn it-2 ta’ Settembru 1996 u t-28 ta’ Frar 1997, hija ħadmet fi Brussell mal-kumpannija ECO, li kienet ġiet inkarigata mill-Kummissjoni biex twettaq missjonijiet ta’ assistenza teknika.
25. Bejn l-1 ta’ Marzu 1997 u l-31 ta’ Marzu 1999, hija kienet impjegata fi Brussell ma’ Sociedad de Desarrollo Exterior de Navarra, Sodexna, SA(8), kumpannija inkarigata mill-iżvilupp ekonomiku estern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra, u sussegwentement, mill-1 ta’ April 1999 sal-15 ta’ April 2001, hija eżerċitat il-funzjoni ta’ delegat għall-Gvern ta’ din il-komunità awtonoma.
26. B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-appellanti ma setgħetx tibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni kif ukoll mill-benefiċċji relatati miegħu.
27. Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Marzu 2002, li tiċħad l-oġġezzjoni ta’ l-appellanti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-attivitajiet imwettqa minnha fi Brussell, kemm bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, bħala impjegata tal-kumpanniji Sodena u Sodexna kif ukoll għall-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra, ma setgħux jitqiesu bħala “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali”, skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal .
28. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-attivitajiet kellhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati u li l-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, imsejjaħ il-“perijodu ta’ referenza”, kien jestendi mis-16 ta’ Ottubru 1995 sas-16 ta’ Ottubru 2000. Minn dan hija ddeduċiet li, matul dan il-perijodu, l-appellanti kienet għexet u eżerċitat l-attivitajiet professjonali prinċipali tagħha fil-Belġju.
B – Il-kawża C‑8/06 P
29. Anna Herrero Romeu, ta’ nazzjonalità Spanjola, daħlet fis-servizz tal-Kummissjoni, fi Brussell, bħala uffiċjal fis-16 ta’ Novembru 2001.
30. Qabel dik id-data, hija kienet ħadmet fi Brussell minn Jannar 1993 sa Novembru 2001 fi ħdan id-delegazzjoni tal-Patronat Català Pro Europa(9), organizzazzjoni inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-interessi tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Katalunja fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
31. B’deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-appellanti ma setgħetx tibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni u mill-benefiċċji relatati miegħu.
32. Hija ċaħdet l-oġġezzjoni fformulata mill-appellanti b’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 fuq il-bażi li l-attività professjonali tal-parti kkonċernata mal- Patronat ma setgħetx titqies bħala “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”. Minn dan hija ddeduċiet li l-perijodu ta’ referenza kellu jiġi ffissat bejn il-15 ta’ Mejju 1996 u l-15 ta’ Mejju 2001 u li, matul dan il-perijodu, l-appellanti kienet għexet u eżerċitat l-attivitajiet professjonali prinċipali tagħha fil-Belġju.
C – Il-kawża C‑9/06 P
33. Tomás Salazar Brier, ta’ nazzjonalità Spanjola, daħal fis-servizz tal-Kummissjoni, fi Brussell, bħala uffiċjal fl-1 ta Ġunju 2002.
34. Qabel din id-data, huwa kien ħadem bejn it-3 ta’ Ottubru 1994 u l-31 ta’ Awwissu 1998, bħala impjegat ta’ Sociedad Canaria de Fomento Económico, Sofesa SA(10), kumpannija inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-interessi tal-komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji u ta’ l-Uffiċċju ta’ Rappreżentanza tal-Gvern ta’ din il-komunità awtonoma fi Brussell, u sussegwentement, mill-1 ta’ Settembru 1998 sal-31 ta’ Mejju 2002, bħala aġent temporanju mal-Gvern ta’ l-imsemmija komunità awtonoma.
35. Il-Kummissjoni, fid-dokument li jiddetermina d-drittijiet ta’ Tomás Salazar Brier, stabbilit fil-25 ta’ Lulju 2002, iddeċidiet li l-parti kkonċernata ma setgħetx tibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni u mill-benefiċċji relatati miegħu.
36. L-oġġezzjoni fformulata mill-parti kkonċernata ġiet miċħuda impliċitament fl-24 ta’ Frar 2003, u sussegwentement ġiet miċħuda espliċitament b’deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Marzu 2003. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-attivitajiet ta’ l-appellant ma’ Sofesa u għall-gvern tal-komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji ma kinux jikkostitwixxu “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”. Minn dan hija ddeduċiet li l-perijodu ta’ referenza kellu jiġi ffissat bejn l-1 ta’ Diċembru 1996 sat-30 ta’ Novembru 2001 u li, matul dan il-perijodu, l-appellant kien għex u eżerċita l-attivitajiet professjonali prinċipali tiegħu fil-Belġju.
D – Il-kawża C‑10/06 P
37. Rafael De Bustamante Tello, ta’ nazzjonalità Spanjola, daħal fis-servizz tal-Kunsill, fi Brussell, bħala uffiċjal fl-1 ta’ Jannar 2003.
38. Qabel dik id-data, huwa kien eżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Brussell bejn it-2 ta’ Diċembru 1991 u l-31 ta’ Lulju 1996, ma’ l-Instituto de Fomento de la Región de Murcia(11), entità pubblika tal-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, inkarigata b’mod partikolari biex issegwi l-leġiżlazzjoni u l-programmi Komunitarji li huma ta’ interess għal din il-komunità awtonoma.
39. Bejn Awwissu 1996 u Diċembru 2002, huwa kien ħadem ukoll fi Brussell bħala direttur ta’ l-Oficina de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia ante las Comunidades europeas(12), korp amministrattiv tal-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-interessi ta’ dan ir-Reġjun fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
40. B’deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill iddeċieda li l-appellant ma setax jibbenefika mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni u mill-benefiċċji relatati miegħu.
41. Fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ Lulju 2003, li tiċħad l-oġġezzjoni ta’ l-appellant, il-Kunsill iddeċieda li l-attivitajiet professjonali ta’ l-appellant ma’ l-INFO u l-ORM ma setgħux jitqiesu bħala “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”. Minn dan huwa b’hekk ikkonkluda li l-perijodu ta’ referenza kellu jiġi ffissat bejn l-1 ta’ Lulju 1997 sat-30 ta’ Ġunju 2002 u li, matul dan il-perijodu, il-parti kkonċernata kienet għexet u ħadmet b’mod abitwali fil-Belġju.
III – Is-sentenzi appellati
42. B’atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fl-4 ta’ Lulju u l-1 ta’ Ottubru 2002 kif ukoll fit-3 ta’ Marzu u l-4 ta’ Novembru 2003, Beatriz Salvador García u Anna Herrero Romeu kif ukoll Tomás Salazar Brier u Rafael De Bustamante Tello ppreżentaw quddiem l-imsemmija Qorti rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li bihom huma kienu ġew imċaħħda mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni kif ukoll mill-benefiċċji relatati miegħu.
43. L-appellanti talbu wkoll li l-istituzzjonijiet konvenuti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.
44. In sostenn tat-talba tagħhom fir-rigward tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, l-appellanti invokaw tliet motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fit-tielet lok fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
45. Beatriz Salvador García u Anna Herrero Romeu kif ukoll Tomás Salazar Brier akkużaw ukoll lill-Kummissjoni bi ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.
46. In sostenn tat-talba tagħhom fir-rigward tal-benefiċċju ta’ l-għajxien ta’ kuljum u l-benefiċċju għall-istabbiliment, l-appellanti argumentaw li, skond is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Lozano Palacios(13), dawn il-benefiċċju kienu jingħatawlhom awtomatikament kieku d-dritt tagħhom għal benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni kien ġie rrikonoxxut.
47. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talbiet ta’ l-appellanti u ddeċidiet li kull parti kellha tbati l-ispejjeż tagħha.
48. Hija ċaħdet il-motivi invokati in sostenn tat-talbiet relatati mal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni bħala inammissibbli jew infondati.
49. Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dan ma kienx fondat għar-raġunijiet segwenti.
50. Hija indikat li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-ratio tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni hu li jingħata kumpens għall-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti ta’ funzjonijiet f’pajjiż fejn l-uffiċjal ma jkunx stabbilixxa konnessjonijiet stabbli qabel ma jkun ħa l-kariga tiegħu u li, biex jiġi kkunsidrat li dawn il-konnessjonijiet stabbli jkunu diġà jeżistu bil-konsegwenza li l-uffiċjal jitlef il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, il-leġiżlatur jeħtieġ li l-uffiċjal ikollu r-residenza ordinarja tiegħu jew ikun eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu għal perijodu ta’ ħames snin fil-pajjiż ta’ impjieg tiegħu.
51. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement osservat li r-ratio ta’ l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, favur persuni li jkunu wettqu xogħol għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta’ referenza huwa bbażat fuq il-fatt li, f’ċirkustanzi ta’ dak it-tip, dawk il-persuni ma jistgħux jitqiesu li jkunu stabbilixxew konnessjonijiet stabbli mal-pajjiż ta’ impjieg minħabba n-natura temporanja tas-sekondament tagħhom f’dak il-pajjiż.
52. Hija kkunsidrat li, meta wieħed iqis id-data meta l-appellanti ħadu l-karigi tagħhom mal-Kummissjoni jew mal-Kunsill, il-perijodu ta’ referenza kellu jiġi ffissat, għal Beatriz Salvador García, mis-16 ta’ Ottubru 1995 sal-15 ta’ Ottubru 2000, għal Ana Herrero Romeu, mis-16 ta’ Mejju 1996 sal-15 ta’ Mejju 2001, għal Tomás Salazar Brier, mill-1 ta’ Diċembru 1996 sat-30 ta’ Novembru 2001, u għal Rafael De Bustamante Tello, mill-1 ta’ Lulju 1997 sat-30 ta’ Ġunju 2002.
53. Hija rrilevat li, matul il-parti l-kbira ta’ dawn il-perijodi ta’ referenza, l-appellanti kienu eżerċitaw l-attività professjonali prinċipali tagħhom fi Brussell, bil-mod segwenti:
– Beatriz Salvador García, minn naħa waħda, ma’ Sodexna u mad-dipartiment tal-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra fi Brussell u, min-naħa l-oħra, bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew;
– Anna Herrero Romeu, fi ħdan id-delegazzjoni tal-Patronat;
– Tomás Salazar Brier, ma’ Sofesa u mas-servizz tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji;
– Rafael De Bustamante Tello, ma’ l-ORM.
54. Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li l-kwistjoni prinċipali fil-kuntest tar-rikorsi ta’ l-appellanti hija li jiġi ddeterminat jekk ix-xogħol li sar minn kull wieħed u waħda minnhom fi Brussell matul il-perijodu ta’ referenza għandux jitqies li huwa “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u, fir-rigward tal-funzjoni ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew eżerċitata minn Beatriz Salvador García, jekk din il-funzjoni għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali”, fis-sens ta’ l-istess dispożizzjoni.
55. Hija osservat li d-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ir-Regolamenti tal-Persunal, jagħtu indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li tiġi ppreċiżata l-portata ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tagħhom u, b’hekk, li tiġi stabbilita interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ Stat fil-konfront tad-diversi liġijiet nazzjonali.
56. Hija indikat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta b’mod ċar mit-Trattat KE li l-kunċett ta’ “Stat Membru”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali, jirreferi biss għall-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati Membri u ma jistax jiġi estiż għall-gvernijiet tar-reġjuni jew tal-komunitajiet awtonomi, irrispettivament mill-firxa ta’ kompetenzi rrikonoxxuti lilhom. Interpretazzjoni kuntrarja għal din twassal sabiex jiġi mgħedded l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati, li jiddeterminaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri, jiġifieri l-Istati li huma partijiet kontraenti għat-Trattati “li jistabbilixxu l-Komunitajiet” u għat-Trattati ta’ adeżjoni, jipparteċipaw fil-funzjonament ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji(14).
57. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ukoll, fit-tieni lok, li skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom l-għan waħdieni li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali billi jistabbilixxu drittijiet u dmirijiet reċiproċi, jużaw terminoloġija preċiża li ma tistax tiġi estiża b’analoġija għal każijiet mhux ikkontemplati b’mod espliċitu(15).
58. Hija osservat li, fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur għażel it-terminu “Stat” minkejja li diġà kien hemm, fil-mument meta ġew adottati r-Regolamenti tal-Persunal, Stati Membri bi struttura federali jew reġjonali, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u mhux biss Stati bi struttura interna ta’ natura ċentralizzata. Minn dan hija kkonkludiet li, kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried jinkludi s-suddiviżjonijiet politiċi jew l-awtoritajiet lokali f’dan l-artikolu, huwa kien jagħmel dan espressament.
59. Hija kkonkludiet, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-kunċett ta’ “Stat” previst fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi biss għall-Istat, bħala persuna ġuridika u suġġett unitarju tad-dritt internazzjonali kif ukoll il-korpi governattivi tiegħu. Hija osservat li interpretazzjoni bħal dik proposta mill-appellanti tista’ twassal biex jiġu kkunsidrati bħala Stati l-entitajiet pubbliċi kollha mogħtija personalità ġuridika tagħhom li lilhom il-gvern ċentrali jkun ittrasferixxa kompetenzi interni, inklużi l-muniċipalitajiet u kull entità li lilha tkun ġiet iddelegata funzjonijiet mill-amministrazzjoni.
60. Hija kkonkludiet li l-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat li ma jkoprix ix-xogħol li sar għall-gvernijiet tas-suddiviżjonijiet politiċi ta’ l-Istati.
61. Fis-sentenzi hawn fuq iċċitati Salvador García vs Il-Kummissjoni u Salazar Brier vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet qalet ukoll li l-attività ta’ l-appellanti fis-servizz ta’ kumpanniji pubbliċi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ kumpanniji kummerċjali ma tistax, iktar u iktar, titqies bħala xogħol li sar għal Stat. Fil-fatt, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn il-kumpanniji pubbliċi kummerċjali, anonymes jew b’responsabbiltà limitata, ma jagħmlux parti, min-natura tagħhom stess, mill-organi amministrattivi ta’ l-Istat, minkejja li dawn għandhom il-kapaċità li jiġġestixxu jew jirrappreżentaw ċerti interessi pubbliċi jew huma fdati b’responsabbiltajiet ta’ interess pubbliku.
62. Hija kkonkludiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li x-xogħol li sar mill-appellanti matul il-perijodi ta’ referenza ma jistgħux jitqiesu li huwa xogħol li sar għal Stat ieħor fis-sens ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
63. Hija ppreċiżat li din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ta’ l-appellanti bbażat fuq il-fatt li jeżisti kunċett awtonomu ta’ Stat taħt id-dritt Komunitarju, li jinkludi l-entitajiet deċentralizzati. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, għalkemm fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat, kemm dawk ċentrali kif ukoll dawk territorjali jew diċentralizzati, li jiżguraw il-ħarsien tar-regoli tad-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, ir-rikors li fuq il-bażi tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata li Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu jikkonċerna biss il-Gvern ta’ dan ta’ l-aħħar, minkejja li n-nuqqas ikun jirriżulta minn azzjoni jew nuqqas li tittieħed azzjoni minn reġjun jew komunità awtonoma. Il-ġurisprudenza ċċitata mill-appellanti b’hekk ma tistax tintuża biex issostni l-argument favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ Stat sostnut minn dawn ta’ l-aħħar.
64. Il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat għaliex l-argumenti ta’ l-appellanti bbażati fuq il-kompetenzi esklużivi tal-komunitajiet awtonomi taħt is-sistema ġuridika Spanjola għandhom jiġu miċħuda.
65. Hija ċaħdet ukoll l-argument ta’ l-appellanti li jgħid li l-fatt li huma kienu suġġetti għall-istess sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa u l-istess sistema fiskali bħall-impjegati li jaħdmu mar-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta’ Spanja fl-Unjoni Ewropea fi Brussell.
66. Hija qalet fl-aħħar nett, dwar l-argument ta’ l-appellanti bbażat fuq il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Komunitajiet Awtonomi fil-kumitati konsultattivi tal-Kummissjoni, li biex jibbenefikaw mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ li l-parti kkonċernata jkollha relazzjonijiet ġuridiċi diretti ma’ l-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali in kwistjoni. Hija kkonstatat li l-appellanti ammettew espressament matul is-seduta li huma qatt ma integraw jew kienu parti mid-delegazzjoni Spanjola li tipparteċipa fil-laqgħat ta’ l-organi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li saru matul il-perijodi ta’ referenza. L-appellanti lanqas ma sostnew li kellhom relazzjoni ġuridika diretta mal-Gvern ċentrali tar-Renju ta’ Spanja, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li huma wettqu xogħol għal dan l-Istat matul l-imsemmija perijodi.
67. Fis-sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ukoll il-kwistjoni ta’ jekk l-attività ta’ l-appellanti bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandhiex titqies li hija xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal .
68. Hija ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tingħata risposta għal din il-kwistjoni għar-raġunijiet segwenti. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, anki jekk din l-attività kellha titqies li hija xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali u jekk il-perijodu korrispondenti kellu jiġi eskluż mill-perijodu ta’ referenza, din bdiet fis-16 ta’ Diċembru 1994 u, f’dak il-mument, l-appellanti diġà kienet irreġistrata fil-komun ta’ Saint‑Gilles sa mis-17 ta’ Diċembru 1993 u kienet taħdem sa mill-1 ta’ Ottubru 1993 għall-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra fi Brussell. Dawn l-elementi b’hekk jistabbilixxu li r-residenza ordinarja ta’ l-appellanti kienet tinsab fi Brussell ta’ mill-inqas mis-16 ta’ Diċembru 1994.
69. Fl-aħħar nett, fis-sentenzi appellati, mill-fatt li l-appellanti ma kellhomx id-dritt li jirċievu l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li t-talba tagħhom fir-rigward tal-benefiċċju għall-istabbiliment u l-benefiċċju ta’ l-għajxien kuljum, ibbażata fuq in-natura awtomatika tad-dritt għal dawn il-benefiċċji f’każ li jingħata l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, kellha tiġi miċħuda.
IV – L-appelli
70. L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell tagħhom ammissibbli u tannulla s-sentenzi appellati.
71. Beatriz Salvador García u Tomás Salazar Brier jitolbu wkoll li, jekk ikun il-każ, il-kawża tagħhom tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
72. L-erba’ rikorrenti jitolbu wkoll, fl-aħħar nett, li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u dawk quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
73. Il-Kummissjoni titlob li dawn it-talbiet jiġu miċħuda fil-kawżi C‑7/06 P sa C‑9/06 P.
74. Il-Kunsill, fil-kawża C‑10/06 P, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat, kif ukoll tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
A – L-argumenti tal-partijiet
1. L-appellanti
75. L-appellanti jibbażaw l-appell tagħhom fuq l-istess aggravju, ibbażat fuq ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
76. Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jinvokaw erba’ lmenti.
77. Fl-erba’ kawżi eżaminati, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, interpretat b’mod wisq restrittiv l-eċċezzjoni in kwistjoni u, fit-tieni lok, interpretat b’mod żbaljat ir-ratio legis u l-kuntest tagħha.
78. Fil-kawżi C‑7/06 P u C‑9/06 P, Beatriz Salvador García u Tomás Salazar Brier jilmentaw ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet mill-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor ix-xogħol li sar bħala impjegati ta’ kumpannija pubblika kummerċjali, anonyme jew b’responsabbiltà limitata, inkarigata b’missjoni ta’ interess pubbliku, mingħajr ma investigat jekk dik il-kumpannija kinitx ikkontrollata mill-Istat.
79. Fl-aħħar nett, fil-kawża C‑7/06 P, Beatriz Salvador García tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, li ma ddeċidietx jekk l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew taqax taħt dan il-kunċett.
a) L-interpretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni
80. L-appellanti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjoni in kwistjoni meta, peress li din tikkonsisti f’eċċezzjoni ta’ eċċezzjoni, hija kellha tagħti interpretazzjoni aktar wiesgħa.
81. Huma jsostnu li, billi ddeċidiet hekk fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza marret kontra l-ġurisprudenza preċedenti, b’mod partikolari s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni(16).
b) L-interpretazzjoni żbaljata tar-ratio legis u tal-kuntest tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal
82. L-appellanti jfakkru li r-ratio ta’ l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal favur persuni li jkunu wettqu xogħol għal Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali huwa bbażat fuq il-fatt li dawn il-persuni ma jistgħux jitqiesu li stabbilixxew konnessjonijiet stabbli mal-pajjiż ta’ impjieg tagħhom minħabba n-natura temporanja tal-missjoni tagħhom f’dak il-pajjiż.
83. Huma jindikaw ukoll li, f’din il-perspettiva, kien ġie deċiż fis-sentenza Vardakas vs Il-Kummissjoni hawn fuq iċċitata, li l-espatrijazzjoni ta’ persuna hija indipendenti mill-istatus partikolari li hija tgawdi minnu, taħt id-dritt internazzjonali, bħala membru tal-persunal ta’ organizzazzjoni internazzjonali pubblika.
84. Minn dan huma jiddeduċu li s-sentenzi appellati, safejn dawn jeskludu minn din l-eċċezzjoni x-xogħol li sar għall-Stat permezz tal-komunitajiet awtonomi, jinjoraw ir-ratio ta’ din id-dispożizzjoni u barra minn hekk joħolqu diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali li wettqu xogħol għal-Istat permezz ta’ l-amministrazzjoni ċentrali fil-kuntest ta’ rappreżentanza permanenti u dawk li wettqu dan ix-xogħol permezz tal-komunitajiet awtonomi. Fil-fatt, fil-fehma ta’ l-appellanti, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, l-uffiċjal ma jkunx stabbilixxa konnessjonijiet stabbli mal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Komunità, minħabba n-natura temporanja tal-kollokament tiegħu f’dak il-pajjiż. Huma jsostnu li l-punt prinċipali għandu jkun jekk il-konnessjonijiet stabbiliti bejn l-uffiċjal u l-pajjiż ta’ impjieg tiegħu humiex ta’ natura stabbli jew le.
85. Fil-fehma tagħhom, bejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni, ma jeżistux differenzi li jistgħu jiġġustifikaw dan it-trattament diskriminatorju. Barra minn hekk, dawn il-kategoriji ta’ persuni jeżerċitaw funzjonijiet simili, li jikkonsistu f’kuntatti mal-Kummissjoni, li jibagħtu informazzjoni, etc, kollha fis-servizz ta’ l-Istat, f’kuntest fejn il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet awtonomi fil-qasam Komunitarju tkun aktar u aktar wiesgħa.
86. L-appellanti jsostnu li, meta ħoloq din l-eċċezzjoni, il-leġiżlatur ried li l-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konnessjonijiet stabbli mal-pajjiż ta’ impjieg tapplika meta l-funzjonijiet f’dak il-pajjiż ikunu jikkorrispondu għal missjonijiet ta’ interess pubbliku.
87. Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din l-interpretazzjoni wiesgħa ma twassalx biex jitqiesu li huma Stati l-entitajiet pubbliċi kollha li lilhom tiġi attribwita personalità ġuridika. Il-portata ta’ l-eċċezzjoni tibqa’ limitata għall-entitajiet li jkollhom kompetenzi fil-qasam Komunitarju, kif huwa l-każ għall-komunitajiet awtonomi.
c) L-esklużjoni tax-xogħol li sar għal kumpannija inkarigata b’missjoni ta’ interess pubbliku
88. Beatriz Salvador García u Tomás Salazar Brier isostnu li, billi eskludiet mill-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor ix-xogħol li sar bħala impjegati ta’ kumpannija inkarigata b’missjoni ta’ interess pubbliku, mingħajr ma investigat jekk, meta jiġu kkunsidrati l-għamla tagħha, il-funzjonijiet tagħha previsti mil-liġi u d-dipendenza tagħha fuq l-awtoritajiet pubbliċi, din l-kumpannija taqax taħt l-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes(17), u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda(18).
d) In-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkunsidra l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali
89. Fl-aħħar nett, Beatriz Salvador García, fil-kawża C‑7/06 P, issostni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi fl-analiżi ta’ l-attivitajiet tagħha fis-servizz tal-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra fi Brussell u ma’ Sodexna, il-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni tal-funzjonijiet tagħha bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandha tiġi eżaminata.
2. Id-difiża tal-Kummissjoni fil-kawżi C‑7/06 P à C‑9/06 P
90. Il-Kummissjoni tqajjem dawn l-argumenti.
a) Fuq l-ilment dwar l-interpretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni
91. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma interpretatx b’mod restrittiv l-eċċezzjoni in kwistjoni. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset b’mod korrett li l-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat jeżiġi relazzjonijiet ġuridiċi diretti bejn il-parti kkonċernata u dak l-Istat. Issa, l-appellanti ma kellhomx relazzjonijiet ġuridiċi diretti mar-Renju ta’ Spanja.
b) Fuq l-interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tar-ratio legis u tal-kuntest tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal
92. Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-argument ta’ l-appellanti huwa bbażat fuq premessa infondata.
93. Skond il-Kummissjoni, l-appellanti mhux qed jiddistingwu bejn żewġ kunċetti differenti, jiġifieri r-ratio legis ta’ l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u dak ta’ l-użu tat-terminu “Stat” li jintuża f’din l-eċċezzjoni. Dak li kien ġie diskuss quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li issa huwa diskuss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-interpretazzjoni tat-terminu “Stat”. Ir-ratio legis ta’ l-eċċezzjoni, fir-rigward ta’ l-ineżistenza ta’ konnessjonijiet stabbli mal-pajjiż ta’ impjieg, m’huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat” f’din id-dispożizzjoni.
94. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-fatt li, fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur Komunitarju għażel it-terminu “Stat”, meta diġà kien hemm, fiż-żmien meta ġew adottati r-Regolamenti tal-Persunal, Stati Membri bi struttura federali jew reġjonali, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’tali mod li, li kieku l-leġiżlatur kien ried jinkludi s-suddiviżjonijiet politiċi jew l-awtoritajiet lokali fl-Artikolu msemmi, kien jagħmel hekk espressament.
95. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjoni ta’ l-appellanti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali li wettqu xogħol għall-Istat permezz ta’ l-amministrazzjoni ċentrali fil-kuntest ta’ rappreżentanza permanenti u dawk li wettqu xogħol għall-Istat permezz ta’ komunitajiet awtonomi, m’hijiex fondata.
96. Fil-fatt, hija ssostni li ż-żewġ sitwazzjonijiet m’humiex komparabbli fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati, peress li, kif indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-delegazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli fi Brussell għandhom bħala missjoni l-ġestjoni ta’ l-interessi ta’ l-amministrazzjonijiet li huma jirrappreżentaw, u dawn l-interessi mhux neċessarjament jikkoinċidu ma’ dawk tal-komunitajiet awtonomi l-oħrajn u ma’ dawk tar-Renju ta’ Spanja bħala Stat.
97. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjoni ta’ l-appellanti, li fil-każ tax-xogħol li sar għal komunità awtonoma, l-uffiċjal ikkonċernat ma jkunx stabbilixxa konnessjonijiet stabbli fil-pajjiż ta’ impjieg minħabba n-natura temporanja tal-kariga tiegħu f’dak il-pajjiż, m’hijiex rilevanti. Skond il-Kummissjoni, għandha tiġi rrispettata d-deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li ma riedx jinkludi fl-eċċezzjoni in kwistjoni s-suddiviżjonijiet politiċi ta’ Stat, bħall-gvernijiet reġjonali, il-komunitajiet awtonomi jew entitajiet lokali oħrajn.
98. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ l-appellanti, li l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi applikata għax-xogħol kollu mwettaq fis-servizz ta’ l-interess pubbliku, bil-kontra ta’ dak imwettaq għal interessi privati.
99. Hija tosserva li din l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija eċċezzjoni mhux biss tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur, iżda twassal ukoll biex jiġu kkunsidrati bħala Stati l-entitajiet pubbliċi kollha li lihom tiġi attribwita personalità ġuridika li jkunu ġew assenjati kompetenzi interni mill-gvern ċentrali, inklużi l-muniċipalitajiet u kull entità li lilha tkun ġiet iddelegata funzjonijiet mill-amministrazzjoni.
100. Il-Kummissjoni tindika wkoll li, fir-rigward ta’ l-argument ta’ l-appellanti bbażat fuq l-idea li “il-punt saljenti għandu jkun jekk il-konnessjonijiet li jkun stabbilixxa l-uffiċjal fil-pajjiż ta’ impjieg tiegħu humiex ta’ natura stabbli jew le [li jista’ jiġi affermat], u li bejn is-sitwazzjoni professjonali u personali ta’ persuna li tkun wettqet xogħol għall-Istat permezz ta’ komunità awtonoma u persuna li tkun għamlet dan permezz ta’ l-amministrazzjoni ċentrali (rappreżentanza permanenti) ma teżisti ebda differenza li tista’ tiġġustifika dan it-trattament diskriminatorju”, dan jikkonsisti fi kwistjoni ġdida, jew ta’ mill-inqas kwistjoni li ma ġietx ifformulata b’dan il-mod quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’hekk l-ammissibbiltà tagħha hija dubjuża. Il-Kummissjoni tissottometti dan il-punt għall-ġudizzju savju tal-Qorti tal-Ġustizzja.
c) Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata ta’ l-esklużjoni tax-xogħol li sar bħala impjegati ta’ kumpannija pubblika, invokat fil-kawżi C‑7/06 P u C‑9/06 P
101. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment mhuwiex fondat peress li s-sentenzi hawn fuq iċċitati, Beentjes u Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, li għalihom jirreferu l-appellanti, jirrigwardaw id-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi(19), li r-ratio legis tagħha hija differenti minn dik ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni.
102. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li persuna li tkun ħadmet ma’ kumpannija pubblika m’għandhiex relazzjoni ġuridika diretta ma’ l-Istat, filwaqt li l-eżistenza ta’ tali relazzjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni imperattiva, stabbilita mill-ġurisprudenza, għall-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni.
d) Fuq in-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkunsidra l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali
103. Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tippronunċja ruħha dwar il-kwistjoni jekk l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew imwettqa minn Beatriz Salvador García għandhiex tiġi meqjusa bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, in kwantu hija ddeċidiet li r-risposta għal din id-domanda ma kien ser ikollha ebda effett fuq l-għoti tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, peress li l-appellanti kellha r-residenza ordinarja tagħha fi Brussell qabel u wara l-eżerċizzju ta’ din l-attività.
104. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, din l-attività ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni, peress li l-appellanti, fil-kuntest ta’ din l-attività, ma kellhiex relazzjonijiet ġuridiċi diretti mal-Parlament.
3. Id-difiża tal-Kunsill fil-kawża C‑10/06 P
105. Preliminarjament, il-Kunsill isostni li l-appell ta’ Rafael De Bustamante Tello huwa inammissibbli, peress li sempliċement jipproduċi mill-ġdid l-argumenti li huwa qajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex sempliċement teżamina mill-ġdid dawn l-istess argumenti.
106. Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.
107. Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-interpretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Vardakas vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, il-Kunsill josserva li l-appellant jinvoka din is-sentenza barra mill-kuntest tagħha sabiex jikkonfuta ġurisprudenza kostanti, li tgħid li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jagħtu dritt għal konċessjonijiet finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett(20).
108. Il-Kunsill isostni, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor, mogħtija mill-appellant, tmur kontra ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ “Stat Membru”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali, jinkludi biss l-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati Membri u ma jistax jiġi estiż għall-gvernijiet reġjonali jew għall-komunitajiet awtonomi, irrispettivament mill-firxa tal-kompetenzi assenjati lilhom. Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li jekk jiġi ammess il-kuntrarju, l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati jiġi mgħedded
109. F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-allegata interpretazzjoni żbaljata tar-ratio legis u tal-kuntest tad-dispożizzjoni in kwistjoni, il-Kunsill isostni li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija perfettament konformi ma’ l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati. Skond din l-istituzzjoni, kieku kellu jiġi aċċettat l-argument ta’ l-appellant, dan ikollu l-effett li jestendi l-kunċett ta’ Stat mhux biss għall-komunitajiet awtonomi jew awtoritajiet reġjonali analogi, iżda wkoll għall-awtoritajiet komunali, lokali u l-impriżi pubbliċi, u dan sa limiti li ma jistgħux jiġu previsti faċilment.
B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
1. Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-appell fil-kawża C‑10/06 P
110. Is-sottomissjoni mill-ġdid, fil-kuntest ta’ appell, tal-motivi u l-argumenti invokati quddiem il-Qorti li tkun ħadet deċiżjoni dwar il-merti tal-każ ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, bażi għall-inammissibbiltà ta’ l-appell. Peress illi din il-forma ta’ rikors m’għandhiex ikollha bħala suġġett evalwazzjoni mill-ġdid tal-kawża prinċipali, l-appellant m’għandux jillimita ruħu li jissottometti mill-ġdid purament u sempliċement il-motivi u l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u li jitlob għalhekk eżami mill-ġdid tat-talba tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja
111. Madankollu, kemm-il darba l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti legali mqajma u eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell(21). Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, kieku l-appellant ma jkollux il-possibbiltà li jibbaża appell fuq motivi u argumenti li diġà jkunu ġew imqajma quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan ir-rikors jitlef parti mis-sinjifikat tiegħu(22).
112. Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-eżami ta’ l-appell ippreżentat minn R. De Bustamante Tello li dan mhux qed jitlob ritrattazzjoni tat-talba tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq iż-żewġ ilmenti bbażati fuq l-interpretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni kif ukoll fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-ratio legis u tal-kuntest tiegħu. Huwa jippreċiża l-punti tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa qed jikkontesta.
113. Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-appell ta’ Rafael De Bustamante Tello għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Barra minn hekk, nikkonstata li l-appelli ppreżentati mit-tliet rikorrenti l-oħra huma fformulati bl-istess mod bħal dak ta’ Rafael De Bustamante Tello u li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tagħhom.
2. Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-argument ta’ l-appellanti bbażat fuq l-idea li “l-punt prinċipali għandu jkun jekk il-konnessjonijiet stabbiliti bejn l-uffiċjal u l-pajjiż ta’ impjieg tiegħu humiex ta’ natura stabbli jew le”.
114. Jiena tal-fehma li dan l-argument huwa ammissibbli. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li dan l-argument ma ġiex ifformulat f’dawn it-termini quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan ma jikkostitwixxix motiv ġdid, fis-sens ta’ l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jbiddel is-suġġett tal-kawża sottomessa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li l-eżami tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tobbliga lil din ta’ l-aħħar tmur lil hinn mill-funzjoni tagħha fil-kuntest ta’ appell, jiġifieri li sempliċement tistħarreġ id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.
115. Fil-fatt, dawn huma sempliċiment kunsiderazzjonijiet li permezz tagħhom l-appellanti qed jippruvaw juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat ir-ratio legis tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk dawn huma argumenti invokati in sostenn ta’ l-aggravju li jallega ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ din id-dispożizzjoni u ma jeżisti ebda obbligu li jeżiġi li kull argument imqajjem fil-kuntest ta’ appell irid ikun ġie diskuss qabel fl-ewwel istanza(23).
3. Fuq il-mertu
116. L-appelli ppreżentati mill-appellanti jwassluna biex neżaminaw, fuq bażi preliminari, żewġ kwistjonijiet ġurdiċi. L-ewwel waħda, li hija komuni fl-erba’ kawżi, tirrigwarda l-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, li jinsab fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
117. Ser nindika għalfejn, fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett ma jkoprix biss ix-xogħol li sar għall-awtoritajiet ċentrali ta’ l-Istati Membri, iżda għandu jkopri wkoll dak imwettaq għal kollettività territorjali kif ukoll dak imwettaq għal entità li, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, kienet inkarigata, bis-saħħa ta’ att ta’ l-awtorità pubblika, twettaq missjoni ta’ interess ġenerali taħt il-kontroll ta’ l-imsemmija awtorità, bħall-ġestjoni jew id-difiża ta’ l-interessi ta’ kollettività territorjali fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
118. It-tieni kwistjoni tirrigwarda biss il-kawża C‑7/06 P. Fis-sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha ta’ l-attivitajiet imwettqa mill-appellanti mal-kumpannija Sodexna u l-komunità awtonoma ta’ Navarra matul il-perijodu ta’ referenza, ma kienx meħtieġ li tippronunċja ruħha dwar il-punt jekk il-funzjonijiet ta’ l-appellanti bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew kellhomx jitqiesu bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal .
119. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tiegħi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor, il-kwalifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew fir-rigward tad-dispożizzjoni in kwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kiwstjoni fil-kawża C‑7/06 P. Ser nispjega taħt liema kundizzjonijiet dawn il-funzjonijiet għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu kkunsidrati bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.
a) Il-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”
120. Peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux id-dritt lill-Istati Membri jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII, dan il-kunċett, kif indikat ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi appellati, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità.
121. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-analiżi tagħha li l-kunċett in kwistjoni għandu jinftiehem li jkopri biss ix-xogħol li sar għall-awtoritajiet governattivi jew ċentrali ta’ Stat, għal żewġ motivi. Fl-ewwel lok, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kunċett ta’ “Stat Membru”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali, jinkludi biss l-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istat. Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi reċiproki bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali Komunitarji jużaw terminoloġija preċiża li ma tistax tiġi estiża b’analoġija għal każijiet mhux ikkontemplati b’mod espliċitu. Kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried jinkludi s-suddiviżjonijiet politiċi fid-dispożizzjoni in kwistjoni, kien jagħmel dan espressament, peress li fil-mument meta ġew adottati r-Regolamenti tal-Persunal, stati bi struttura federali jew reġjonali, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, diġà kienu membri tal-Komunitajiet.
122. Fil-fehma tiegħi dawn il-motivi m’humiex konvinċenti għar-raġunijiet segwenti.
123. Fir-rigward ta’ l-ewwel motiv, għandu jiġi osservat li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux definizzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ Stat lanqas m’huwa ddefinit fid-dritt Komunitarju. Ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ħidma tagħha ta’ interpretazzjoni tat-Trattati u din l-interpretazzjoni m’hijiex uniformi. Il-kunċett ta’ Stat jista’ jkun ta’ portata wiesgħa jew restrittiva skond il-kuntest li fih jiġi applikat u skond dak li jkun meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju.
124. Għaldaqstant, hija ġurisprudenza kostanti li l-kunċett ta’ “Stat Membru” imsemmi fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, li jiċċitaw il-partijiet li jeżerċitaw id-dritt li jippreżentaw rikors dirett ta’ annullament kontra att Komunitarju ta’ liġi sussidjarj, ikopri biss l-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati(24). L-awtoritajiet tal-kollettivitajiet territorjali ta’ l-Istati Membri kif ukoll l-organi taħt il-kontroll tagħhom m’għandhomx dan il-mezz ta’ rikors ħlief fil-konfront ta’ att li jkun jirrigwardhom direttament u individwalment.
125. Bl-istess mod, l-eċċezzjoni għall-projbizzjonijiet ta’ ostakli għal-libertà ta’ moviment tal-persuni, previsti fl-Artikoli 39(4) KE u 45 KE, li bihom dawn il-projbizzjonijiet ma japplikawx għal “impjieg fl-amministrazzjoni pubblika” jew għal attivitajiet relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, hija suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva. Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza, din l-eċċezzjoni ma tkoprix l-impjiegi kollha ma’ l-amministrazzjoni pubblika, iżda biss dawk relatati mal-funzjonijiet l-aktar sovrani ta’ l-Istat, jiġifieri dawk l-inkarigi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika u tar-responsabbiltà tal-ħarsien ta’ l-interessi ġenerali ta’ l-Istat(25).
126. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-portata tar-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ Stat. Sabiex jiġi evitat li l-eżekuzzjoni tad-dritt Komunitarju tkun tiddependi mill-organizzazzjoni politika, istituzzjonali u amministrattiva ta’ l-Istati Membri, u sabiex din ma tiġix assorbita fi ħdan din l-organizzazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-prinċipju tad-dritt internazzjonali li bih is-suġġett tad-dritt li jagħti impenn u li jkun obbligat li jirrispetta l-impennji tiegħu huwa l-Istat, fit-totalità istituzzjonali u funzjonali tiegħu(26).
127. F’din il-perspettiva, il-kunċett ta’ Stat Membru m’huwiex limitat biss għall-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet dan il-kunċett għall-entitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi kollha ta’ l-Istati, bħall-kollettivitajiet territorjali. Hija ddeċidiet ukoll li dan il-kunċett jinkludi wkoll l-entitajiet privati suġġetti għall-kontroll tagħhom.
128. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE tista’ tintuża fil-konfront ta’ kull organu ta’ l-Istat Membru li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu tkun tat lok għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan il-kuntest hija żammet responsabbli lill-Istati Membri mhux biss għal atti ta’ l-organi ċentrali tagħhom, inklużi dawk ta’ awtoritajiet kostituzzjonalment indipendenti(27), iżda wkoll għal dawk l-atti tal-kollettivitajiet territorjali tagħhom, bħal reġjun ta’ Stat Federali jew komun(28). Hija żammithom ukoll responsabbli għal atti mwettqa minn entitajiet privati, li lihlom tiġi attribwita personalità ġuridika, li l-attivitajiet tagħhom ikunu direttament jew indirettament suġġetti għall-kontroll tagħhom(29).
129. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dispożizzjonijiet ċari u preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu applikati direttament, f’kawża, fil-konfront ta’ l-kollettivitajiet territorjali ta’ l-Istati Membri(30). Hija ddeċidiet li dawn jistgħu jiġu applikati wkoll fil-konfront ta’ organi jew entitajiet, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, li jkunu suġġetti għall-awtorità jew il-kontroll ta’ l-Istat jew ta’ awtorità pubblika bħal kollettività territorjali(31), jew li jkunu inkarigati, bis-saħħa ta’ att ta’ l-awtorità pubblika, li jwettqu servizz ta’ interess pubbliku taħt il-kontroll ta’ dik l-awtorità(32).
130. Fuq l-istess bażi, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” skond l-Artikolu 87(1) KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, m’huwiex limitat għall-għajnuna mogħtija direttament mill-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati Membri. Dan ikopri wkoll l-għajnuna mogħtija mill-kollettivitajiet territorjali tagħhom, fuq kull livell(33), kif ukoll mill-entitajiet privati li jaġixxu taħt il-kontroll tagħhom(34).
131. Nista’ niċċita wkoll id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” fid-direttivi adottati fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, li għalihom jirreferu l-appellanti, u li huma intiżi li jirregolaw l-aġir ta’ l-Istati fl-għoti ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti sabiex tiġi protetta l-kompetizzjoni(35).
132. Isegwi illi, fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod effettiv, l-atti mwettqa għall-kollettivitajiet territorjali jew kumpanniji privati taħt il-kontroll ta’ l-awtoritajiet governattivi ta’ Stat Membru jew ta’ dawn il-kollettivitajiet huma imputabbli lill-Istat, fis-sens ta’ l-Artikolu 226 KE, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, jew l-Artikolu 87(1) KE. Huwa għalhekk, meta tiġi kkunsidrata n-nuqqas ta’ restrizzjoni, fir-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor, li jiena ma nemminx li dan il-kunċett għandu neċessarjament jinftiehem, b’rigward għall-mod ta’ kif inhu miktub, li jinkludi biss ix-xogħol li sar għall-organi ċentrali ta’ l-Istati Membri.
133. Fir-rigward tat-tieni motiv, li jgħid li l-leġiżlatur Komunitarju, kieku ried jinkludi l-kollettivitajiet territorjali fl-eċċezzjoni in kwistjoni, kien isemmihom espressament, jidhirli li dan m’huwiex determinanti. Rajna li l-ġurisprudenza tat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “Stat” imsemmi fl-Artikolu 226 KE fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE dwar l-effett dirett tad-Direttivi jew fl-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, minkejja li dawn l-Artikoli tat-Trattat ma jsemmux espressament dawn il-kollettivitajiet jew l-organi l-oħra li jistgħu jkunu relatati ma’ l-Istat.
134. Għaldaqstant ma jidhirlix li mill-ġurisprudenza li tgħid li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jużaw terminoloġija preċiża u m’għandhomx jiġu estiżi għal każijiet mhux imsemmija espressament nista’ niddeduċi li l-eċċezzjoni in kwistjoni tkopri biss ix-xogħol li sar għall-awtoritajiet governattivi ta’ Stat ieħor.
135. Min-naħa l-oħra, l-argumenti sottomessi mill-appellanti in sostenn tal-pożizzjoni tagħhom fil-fehma tiegħi huma iktar konvinċenti.
136. Kif huma jsostnu, il-portata tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat għandha tiġi ddeterminata skond ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni. Bil-kontra tal-pożizzjoni li ssostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ Stat, li jintuża f’din l-espressjoni, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi sseparat minnha u jiġi ssuġġettat għal interpretazzjoni separata. Il-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor għandu jittieħed fit-totalità tiegħu u jiġi interpretat, skond il-metodu kristalizzat fil-ġurisprudenza, skond il-kliem u l-objettivi tar-regolament li minnu jagħmel parti(36).
137. Il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza kostanti, għandu l-iskop li “jikkumpensa l-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mid-dħul fis-servizz fil-Komunitajiet għall-uffiċjali li jkollhom jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-pajjiż tad-domiċilju tagħhom għall-pajjiż ta’ impjieg u jintegraw f’ambjent ġdid”(37).
138. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju jiddependu mill-grad ta’ integrazzjoni ta’ l-uffiċjal fl-Istat ta’ impjieg. Il-kriterji ta’ din l-integrazzjoni, adottati mil-leġiżlatur Komunitarju, huma r-residenza jew ix-xogħol fl-Istat ta’ impjieg matul perijodu sinjifikattiv qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet. L-uffiċjal li jkun diġà jgħix jew jaħdem fl-Istat ta’ impjieg jitqies li diġà huwa integrat u għandu biss dritt, kemm-il darba m’huwiex jew qatt ma kien ċittadin ta’ dak l-Istat, għal benefiċċju ta’ residenza barranija, li huwa ekwivalenti għal kwart tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni.
139. Il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni b’hekk jingħata, skond l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-uffiċjali li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati u li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kinux jgħixu jew iwettqu hemmhekk l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom.
140. Skond l-eċċezzjoni in kwistjoni, b’deroga mill-kundizzjonijiet speċifikati qabel, ir-residenza jew ix-xogħol fit-territorju ta’ l-Istat ta’ impjieg ma jiġux ikkunsidrati meta jkunu jirriżultaw minn xogħol li sar għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali.
141. Meta neżamina l-kontenut ta’ din l-eċċezzjoni fir-rigward tal-kuntest tagħha, nikkonstata li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi mill-perijodu rilevanti “iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali”, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tat-tip ta’ xogħol imwettaq, ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ l-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali u t-tul ta’ żmien ta’ din l-attività.
142. Il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ma xtaqx jillimita l-portata ta’ l-imsemmija eċċezzjoni għal funzjonijiet partikolari jew għal persuni li kienu impjegati ma’ Stat jew organizzazzjoni internazzjonali skond reġim jew stat speċifiku. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza, li stabbilixxiet li xogħol li sar bħala staġista(38) jew konsulent indipendenti ma’ istituzzjoni Komunitarja(39) jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni.
143. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, safejn il-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor” imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikopri x-xogħol kollu mwettaq għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali, jidher li huwa loġiku li minn dan jiġi dedott li l-kunċett ta’ “Stat”, imsemmi fl-istess dispożizzjoni, għandu jkun ukoll suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa u, għaldaqstant, għandu japplika għax-xogħol li sar għad-diversi organi jew entitajiet li jistgħu jkunu relatati ma’ Stat(40).
144. Din l-analiżi hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-għan imfittex mil-leġiżlatur Komunitarju permezz ta’ din id-dispożizzjoni.
145. Skond il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li ma ċċaħħadx il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni lill-persuni li stabbilixxew ruħhom fil-pajjiż ta’ impjieg futur tagħhom bil-għan li jwettqu hemmhekk tali attivitajiet, għaliex dawn l-attivitajiet m’humiex ta’ natura li tippermettilhom ikollhom konnessjonijiet stabbli ma’ dak il-pajjiż(41). L-uffiċjali li, matul il-perijodu rilevanti, ikunu għexu jew ħadmu fil-pajjiż ta’ impjieg futur tagħhom fis-servizz ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali b’hekk huma preżunti li ma jkunux ħolqu konnessjonijiet stabbli ma’ dak il-pajjiż(42).
146. L-idea li fuqha hija bbażata din l-eċċezzjoni ġiet spjegata mill-Avukat Ġenerali Reischl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Vutera vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata. Skond l-Avukat Ġenerali, “minkejja żmien twil fil-pajjiż ta’ impjieg tagħhom, l-uffiċjali li wettqu xogħol għal Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali ma kellhomx hemmhekk, qabel d-dħul fis-servizz tagħhom, residenza abitwali fis-sens ta’ konnessjoni stabbli ma’ dak il-pajjiż. Bħala regola ġenerali, huma jintbagħtu f’pajjiż partikolari biss għal perijodu limitat u matul dak il-perijodu huma jżommu konnessjonijiet mill-qrib ma’ l-Istat ta’ oriġini tagħhom” (43).
147. Il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ried li x-xogħol li sar fil-pajjiż ta’ impjieg għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jċaħħdux lill-persuna kkonċernata mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, peress li dan ix-xogħol huwa preżunt, min-natura tiegħhu stess, li ma jippermettilhiex integrazzjoni fil-pajjiż. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Skond din id-dispożizzjoni, il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni jingħata wkoll lil uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat ta’ impjieg bil-kundizzjoni li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz huma kienu jgħixu f’pajjiż ieħor għal “raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali”(44)
148. Għaldaqstant, kif isostnu l-appellanti, huwa x-xogħol għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali li jitqies li ma jippermettix il-ħolqien ta’ konnessjonijiet stabbli bejn il-persuna kkonċernata u l-pajjiż ta’ impjieg.
149. Għaldaqstant, ma narax għalfejn din il-preżunzjoni għandha tgħodd biss għax-xogħol li sar għall-gvern ċentrali ta’ l-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, la fil-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas fl-argumenti ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti m’hemm elementi li jistabbilixxu li, b’mod ġenerali, meta l-persuni li jkunu jaħdmu għal kollettività territorjali jiġu ssekondati f’pajjiż ieħor, dan ikun għal perijodu indefinit u li ma jżommux, ma’ l-Istat tagħhom, l-istess konnessjonijiet bħall-uffiċjali tal-gvern ċentrali. Kif jindikaw l-appellanti, il-kollokament fil-pajjiż ta’ impjieg f’isem kollettività territorjali huwa wkoll ġeneralment ta’ natura temporanja. Il-kunċett ta’ “Stat”, imsemmi fl-espressjoni in kwistjoni, b’hekk m’huwiex limitat għall-awtoritajiet ċentrali, iżda jkopri wkoll, fil-fehma tiegħi, il-kollettivitajiet territorjali kollha ta’ l-Istati kif ukoll l-entitajiet li, minn perspettiva istituzzjonali, jagħmlu parti mill-amministrazzjoni ċentrali jew territorjali ta’ l-Istati.
150. L-analiżi preċedenti tista’ tiġi applikata wkoll, fil-fehma tiegħi, għall-persuni li jaħdmu għal korpi li, għalkemm formalment u istituzzjonalment ma jagħmlux parti mill-gvern ċentrali ta’ l-Istat, jistgħu jitqiesu li huma relatati miegħu, skond il-ġurisprudenza, peress li, skond att ta’ l-awtorità pubblika, jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku taħt il-kontroll ta’ din ta’ l-aħħar(45).
151. Fil-fatt, peress li huwa x-xogħol għall-Istat li jiġġustifika l-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni fil-pajjiż ta’ impjieg u mhux funzjonijiet partikolari jew status partikolari, din il-preżunzjoni għandha tkun tista’ tapplika irrispettivament mill-forma tal-korp li lilu l-Istat, fil-poter sovran organizzattiv, istituzzjonali, politiku u amministrattiv tiegħu, ikun feda l-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu. In kwantu l-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità, it-terminu “Stat” użat f’dan il-kunċett m’għandux ikun limitat għal kriterju istituzzjonali, li jiddependi mill-organizzazzjoni amministrattiva ta’ kull Stat, iżda għandu jikkunsidra wkoll kriterju funzjonali.
152. Nosserva, barra minn hekk, li, fil-każ preżenti, l-erba’ rikorrenti argumentaw li, matul il-perijodu tagħhom ta’ attività fi Brussell fis-servizz ta’ komunità awtonoma Spanjola, huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-persunal li jaħdem mar-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta’ Spanja fl-Unjoni Ewropea, peress li kienu suġġetti għall-istess sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa u l-istess sistema fiskali(46). Barra minn hekk, bħall-persunal ta’ dik ir-rappreżentanza permanenti, l-appellanti wettqu missjoni ta’ interess pubbliku, billi ddefendew, fl-istituzzjonijiet Komunitarji, l-interessi tal-komunitajiet awtonomi tagħhom, li huma parti integrali mir-Renju ta’ Spanja.
153. Għaldaqstant jiena tal-fehma li, fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni, ma teżisti ebda differenza rilevanti bejn persuna li tkun wettqet xogħol għall-Istat permezz ta’ kollettività territorjali jew organu li jaħdem taħt il-kontroll tagħha, u persuna li tkun ipprovdiet xogħol għall-amministrazzjoni ċentrali, bħar-rappreżentanza permanenti ta’ l-Istat. L-appellanti huma wkoll korretti meta jsostnu li, billi rrestrinġiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni għax-xogħol li sar għall-gvern ċentrali ta’ l-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet diskriminazzjoni bi ħsara għall-persuni li jwettqu xogħol għall-kollettivitajiet territorjali ta’ l-Istati Membri jew għal entitajiet oħra dipendenti fuq l-Istat.
154. Fil-konfront ta’ din l-analiżi, l-istituzzjonijiet konvenuti jqajmu diversi argumenti.
155. Huma jsostnu, fl-ewwel lok, li s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-persuni li jwettqu xogħol għall-gvern ċentrali u dawk li jaħdmu, direttament jew indirettament, għal kollettività territorjali huma differenti, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni ma jeżerċitawx l-istess funzjonijiet u l-interessi li huma jiddefendu mhux dejjem jikkoinċidu.
156. Fil-fehma tiegħi dan l-argument ma jwaqqax il-merti tal-pożizzjoni ta’ l-appellanti għar-raġunijiet segwenti. Il-punt prinċipali, fil-fehma tiegħi, huaa l-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati huma kkollokati f’pajjiż ieħor jippermettulhomx, b’mod ġenerali, joħolqu hemmhekk konnessjonijiet stabbli. Kif diġà rajna, il-leġiżlatur Komunitarju ppreżuma li x-xogħol li jsir għall-Istat ma jippermettix il-ħolqien ta’ dawn il-konnessjonijiet. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni ma tiddependix min-natura tax-xogħol imwettaq, peress li tkopri x-xogħol kollu mwettaq għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali.
157. L-istituzzjonijiet konvenuti jsostnu, sussegwentement, li fil-kuntest ta’ xogħol li sar għal kollettività territorjali, il-persuni kkonċernati ma kellhomx relazzjoni diretta ma’ l-Istat.
158. Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Huwa minnu li l-eċċezzjoni in kwistjoni tapplika biss jekk il-persuna kkonċernata kienet impjegata direttament mill-Istat. Din il-kundizzjoni tirriżulta loġikament mill-bażi ta’ l-eċċezzjoni, li tgħid li l-persuni impjegati mill-Istat, meta jiġu kkollokati f’pajjiż ieħor, jiġu hekk ikkollokati għal żmien limitat u jżommu ma’ l-Istat tagħhom konnessjonijiet mill-qrib li ma jippermettulhomx jintegraw fil-pajjiż ta’ impjieg. Din il-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ konnessjoni diretta b’hekk hija intiża, fil-fehma tiegħi, sabiex tillimita l-benefiċċju ta’ l-eċċezzjoni għall-persuni li kienu impjegati direttament mill-Istat, u sabiex teskludi lil dawk li, in kwantu impjegati ta’ kumpannija terza, ikunu wettqu xogħol għal Stat f’isem din il-kumpannija(47).
159. Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-persuni li huma impjegati direttament minn kollettività territorjali jew organu inkarigat, taħt il-kontroll ta’ din il-kollettività, li jwettaq missjoni ta’ interess pubbliku għandhom ċertament konnessjoni diretta ma’ din il-kollettività jew dan l-organu u, għaldaqstant, ma’ l-Istat.
160. L-istituzzjonijiet konvenuti josservaw, fl-aħħar nett, li l-estensjoni tal-kunċett ta’ “Stat” imsemmi fid-dispożizzjoni in kwistjoni għall-kollettivitajiet territorjali u, a fortiori, għal entitajiet oħrajn ikollha l-konsegwenza li testendi l-possibbiltà tal-benefiċċju fi proporzjonijiet li ma jistgħux jiġu faċilment previsti, waqt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jagħtu dritt għal konċessjonijiet finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett.
161. Fil-fehma tiegħi dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet segwenti. Minn naħa waħda, il-kunċett ta’ Stat, kif ġie ddefinit mill-ġurisprudenza, m’huwiex mingħajr limitu. Kif indikajt ukoll qabel, il-ġurisprudenza, b’mod partikolari dik relatata ma’ l-effett dirett tad-direttivi, iddefinixxiet il-kriterji li taħthom korp jista’ jitqies li huwa relatat ma’ l-Istat.
162. Beatriz Salvador García u Tomás Salazar Brier jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi hawn fuq iċċitati Beentjes tas-17 ta’ Diċembru 1998, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda. Huwa minnu, kif tindika l-Kummissjoni, li dawn is-sentenzi jirrigwardaw il-qasam speċifiku tal-kuntratti pubbliċi. Il-kriterji li taħthom korp għandu jiġi kkwalifikat bħala “awtorità aġġudikanti” b’hekk ma jistgħux jiġu trasposti bħala tali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni in kwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal .
163. Madankollu, dawn il-kriterji jsegwu l-istess għan bħal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ l-Artikoli 226 KE, 249 KE u 87 KE, jiġifieri li tiġi żgurata l-implementazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt Komunitarju indipendentement mill-organizzazzjoni amministrattiva ta’ l-Istati Membri. Dawn b’hekk jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu kkunsidrati, fuq bażi indikattiva, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ kontroll minn awtorità pubblika fuq kumpannija inkarigata li tiddefendi l-interessi ta’ kollettività territorjali fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
164. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal dawk relatati mal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, għandhom l-għan li jagħtu lill-Komunitajiet funzjoni pubblika Ewropea indipendenti, ta’ livell għoli, komposta minn uffiċjali li jissodisfaw livelli għolja ta’ kompetenza, effikaċja u integrità, u reklutati fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri(48).
165. L-eċċezzjoni in kwistjoni, kif diġà rajna, għandha l-għan li ma ċċaħħadx mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni l-persuni li jkunu ħadmu fil-pajjiż ta’ impjieg futur tagħhom għal Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali. Dan il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni, li huwa ekwivalenti għal 16 % tas-salarju bażiku u tal-benefiċċju tal-familja kif ukoll tal-benefiċċju għat-tfal dipendenti, u li jitħallas matul il-perijodu kollu ta’ l-attività fis-servizz tal-Komunitajiet, jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv biex jagħmel attraenti l-impjiegi offruti mill-istess Komunitajiet. Jiena tal-fehma li l-Komunitajiet għandhom interess li ma jillimitawx il-portata ta’ dan il-vantaġġ biss għall-persuni li jkunu ħadmu għall-gvern ċentrali ta’ l-Istati sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll, jekk ikun il-każ, mill-kompetenza li jkunu kisbu l-persuni li jkunu ħadmu, fl-Istat ta’ impjieg, għal kollettivitajiet territorjali kif ukoll mad-diversi organi dipendenti ta’ l-Istati.
166. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor ma jkoprix biss ix-xogħol li sar għall-awtoritajiet governattivi ta’ l-Istati Membri, iżda għandu jinftiehem li jinkludi wkoll ix-xogħol li sar għal kollettività territorjali kif ukoll dak imwettaq għal entità li, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, tkun ġiet inkarigata, bis-saħħa ta’ att ta’ l-awtorità pubblika, li twettaq missjoni ta’ interess ġenerali taħt il-kontroll ta’ l-imsemmija awtorità, bħall-ġestjoni jew id-difiża ta’ l-interessi ta’ kollettività territorjali fl-istituzzjonijiet Komunitarji.
b) Il-funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew jikkostitwixxu “xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali”, fis-sens ta’ l’Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal?
167. M’huwiex ikkontestat u ma jidhirx li huwa kontestabbli li l-Parlament għandu jitqies bħala organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li attivitajiet imwettqa fil-Kummissjoni ġew meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni(49).
168. Il-Kummissjoni ssostni li l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni, peress li assistent ta’ dan it-tip ma jkollux relazzjonijiet ġuridiċi diretti ma’ dik l-istituzzjoni(50).
169. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Kif diġà indikajt qabel, il-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-persuna in kwistjoni u l-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati, li hija meħtieġa minħabba l-iskop ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni, timplika li dik il-persuna kienet impjegata direttament minn dak l-Istat jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali. Din il-kundizzjoni għandha twassal għall-esklużjoni mill-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni l-persuni li, bħala impjegati ta’ kumpannija terza, ikunu, f’isem din il-kumpannija, wettqu xogħol għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali(51).
170. Il-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-persuna kkonċernata u istituzzjoni Komunitarja b’hekk hija sodisfatta meta dik il-persuna kienet ingaġġata direttament minn dik l-istituzzjoni b’kuntratt jew f’forma oħra, skond ir-reġim applikabbli għall-aġenti oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej jew ma’ test Komunitarju ieħor(52).
171. Ir-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew, li ġie adottat mill-Uffiċċju ta’ dik l-istituzzjoni fl-1984(53), jipprevedi fl-Artikolu 14 tiegħu l-possibbiltà għal kull Membru tal-Parlament li jibbenefika minn benefiċċju intiż biex ikopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-impjieg jew mill-użu ta’ servizzi ta’ assistent wieħed jew aktar. Skond din id-dispożizzjoni, diversi Membri tal-Parlament jistgħu wkoll jużaw is-servizzi ta’ l-istess assistent.
172. B’hekk jirriżulta mid-dispożizzjonijiet adottati mill-Parlament għall-funzjonament tiegħu li l-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jirreklutaw direttament assistenti parlamentari biex jgħinuhom fil-funzjonijiet tagħhom matul il-mandat tagħhom. Barra minn hekk, il-Membri tal-Parlament huma preċiżament dawk li, bħala Membri tal-Parlament jeżerċitaw, taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u r-regoli adottati minn dik l-istituzzjoni, il-kompetenzi attribwiti lilhom.
173. Assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, peress li jkun ġie rreklutat direttament minn dak il-membru u mhux imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu permezz ta’ fornitur ta’ xogħol, fil-fehma tiegħi għandu relazzjoni diretta mal-Parlament bħala organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal . Il-fatt li l-kuntratt bejn l-assistent u l-Membru tal-Parlament huwa kuntratt privat suġġett għal liġi nazzjonali, bħal dak konkluż bejn Beatriz Salvador García u l-Membru tal-Parlament li miegħu kienet impjegata, ma jnaqqas xejn minn din l-analiżi. Il-fattur importanti, fil-fehma tiegħi, hu li dan il-kuntratt ikun konkluż bejn l-assistent u l-Membru tal-Parlament u li l-possibbiltà li Membru tal-Parlament jimpjega assistent biex jgħinu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan din l-istituzzjoni hija prevista b’att ta’ din ta’ l-aħħar.
174. Għaldaqstant, il-funzjonijiet ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-assistent in kwisjtoni jkun impjegat direttament mill-Membru tal-Parlament u mhux imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu bħala impjegat ta’ kumpannija li tipprovdi xogħol.
175. Issa ser jiġu eżaminati l-konsegwenzi li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu dderivati minn dawn l-analiżi fl-erba’ kawżi eżaminati.
4. Il-konsegwenzi ta’ dawn l-analiżi fl-erba’ kawżi eżaminati
a) Fil-kawża C‑7/06 P
176. Beatriz Salvador García, għandu jiġi mfakkar, daħlet taħdem mal-Kummissjoni fi Brussell fis-16 ta’ April 2001. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ffissat il-perijodu ta’ referenza fir-rigward tagħha bejn is-16 ta’ Ottubru 1995 u l-15 ta’ Ottubru 2000.
177. Fis-sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-appellanti eżerċitat l-attività professjonali prinċipali tagħha fi Brussell, matul il-parti l-kbira ta’ dan il-perijodu, bħala impjegata ta’ Sodexna, kumpannija inkarigata mill-iżvilupp estern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra, u sussegwentement bħala delegata tal-gvern ta’ din il-komunità awtonoma.
178. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dawn l-attivitajiet ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala xogħol li sar għal Stat ieħor, fis-sens tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi li din id-dispożizzjoni ma tkoprix ix-xogħol li sar għas-suddiviżjonijiet politiċi ta’ Stat u lanqas, a fortiori, dak imwettaq għal kumpannija bħal Sodexna, peress li din ma tagħmilx parti, min-natura tagħha stess, mill-organi ta’ l-Istat, minkejja li din il-kumpannija għandha missjoni ta’ interess pubbliku.
179. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-analiżi tiegħi tal-kunċett ta’ “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor” imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi eskludiet dawn l-attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett filwaqt li l-komunità awtonoma ta’ Navarra tikkostitwixxi awtorità pubblika tar-Renju ta’ Spanja u mingħajr ma eżaminat jekk Sodexna teżerċitax l-attivitajiet tagħha taħt il-kontroll ta’ l-imsemmija komunità awtonoma, wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.
180. L-aggravju bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’hekk huwa fondat.
181. Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi li għandhom jinħarġu minn dan l-iżball ta’ liġi, għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet ta’ Beatriz Salvador García, fil-Belġju, matul il-ħames snin qabel ma bdiet taħdem ma’ Sodexna fl-1 ta’ Marzu 1997, humiex suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata ċ-ċaħda tar-rikors tagħha għall- annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha hija ġiet irrifjutata l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni.
182. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, meta persuna tkun wettqet xogħol għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali matul il-perijodu rilevanti, li jiġi kkalkulat mid-dħul fis-servizz tagħha mal-Komunitajiet, l-awtorità tal-ħatra (AIPN) għandha tgħaqqad perijodu ta’ ħames snin waqt li tnaqqas iż-żmien iddedikat għal dan ix-xogħol(54). Il-persuna kkonċernata ma tistax tippretendi l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni jekk, matul il-perijodu ta’ referenza kkalkulat b’dan il-mod, hija tkun, b’mod abitwali, għexet jew eżerċitat l-attività professjonali prinċipali tagħha fit-territorju Ewropew ta’ l-Istat tal-post ta’ impjieg(55).
183. Fl-eżami tas-sitwazzjoni ta’ l-appellanti fis-snin qabel ma bdiet taħdem ma’ Sodexna, fl-1 ta’ Marzu 1997, jista’ jiġi kkonstatat li hija studjat fil-Belġju minn Settembru 1991 sa Lulju 1992, u sussegwentement għamlet stage mal-Kummissjoni, fi Brussell, bejn Ottubru 1992 u Frar 1993.
184. Mill-1 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994, l-appellanti ħadmet f’din il-belt għall-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra, u sussegwentement, mill-21 ta’ Frar 1995 sa l-20 ta’ Awwissu 1995, ma’ Sodena, kumpannija inkarigata mill-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-komunità awtonoma.
185. Bejn l-1 ta’ Settembru 1995 u t-30 ta’ Ġunju 1996, Beatriz Salvador García ħadmet bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.
186. Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 1996, hija kienet wettqet xogħol ta’ volontarjat ma’ organizzazzjoni mhux governattiva fil-Perù, u sussegwentement, bejn it-2 ta’ Settembru 1996 u t-28 ta’ Frar 1997, hija eżerċitat l-attività professjonali tagħha fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg iffirmat fis-17 ta’ Lulju 1996 mal-kumpannija privata ECO, li kienet ġiet inkarigata mill-Kummissjoni biex twettaq missjonijiet ta’ assistenza teknika.
187. Fl-eżami ta’ dan il-perijodu fit-totalità tiegħu, jista’ jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tiegħu kien iddedikat għal attivitajiet imwettqa fil-kwalità ta’ impjegata mal-gvern tal-komunità awtonoma ta’ Navarra (15-il xahar) u ma’ Sodena (6 xhur), bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew (10 xhur) kif ukoll bħala staġista mal-Kummissjoni (5 xhur). Dawn l-attivitajiet, skond l-analiżi tiegħi tal-kunċett ta’ xogħol li sar għal Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, jaqgħu jew jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett.
188. Fir-rigward tal-perijodi li l-appellanti għamlet fi Brussell bħala studenta, bejn Settembru 1991 u Lulju 1992, u bħala impjegata tal-kumpannija ECO, għal perijodu ta’ sitt xhur, dawn m’humiex biżżejjed, fihom infushom, biex juru li l-persuna kkonċernata kellha, b’mod abitwali, ir-residenza jew l-attività professjonali prinċipali tagħha fil-Belġju għal ħames snin.
189. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-appell ippreżentat mill-appellanti huwa fondat u li s-sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, għandha tiġi annullata.
190. Skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Fil-fehma tagħna dan japplika għall-każ preżenti.
191. Beatriz Salvador García titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Marzu 2002, li tiċħad l-oġġezzjoni tagħha kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001, li permezz tagħha hija ġiet miċħuda l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni kif ukoll il-benefiċċji relatati miegħu.
192. Skond id-deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2002, dan ir-rifjut huwa bbażat, prinċipalment, fuq l-istess raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li, fil-fehma tiegħi, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.
193. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dawn ir-raġunijiet:
– l-attività ta’ assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew ma tistax titqies li hija “xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali”, fis-sens ta’ l’Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-appellanti ma kellhiex relazzjoni ġuridika diretta mal-Parlament, billi l-unika relazzjoni kuntrattwali li hija kellha kienet fil-forma ta’ kuntratt privat konkluż ma’ Membru tal-Parlament Ewropew;
– l-attivitajiet professjonali mwettqa mill-appellanti għall-kumpanniji Sodena u Sodexna ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija, peress li, għalkemm huwa rrikonoxxut li dawn il-kumpanniji huma ta’ natura pubblika billi kienu inkarigati li jirrappreżentaw l-interessi tal-komunità awtonoma ta’ Navarra fi Brussell, ix-xogħol li sar mill-appellanti lill-imsemmija kumpanniji kien irregolat b’kuntratt privat, u
– lanqas l-attivitajiet imwettqa direttament minn Beatriz Salvador García għall-Gvern ta’ Navarra ma setgħu jitqiesu li huwa “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-fatt li l-komunitajiet awtonomi Spanjoli għandhom kompetenzi esklużivi mogħtija lilhom mill-kostituzzjoni ma jagħmilhomx Stati.
194. Dawn il-motivi, għar-raġunijiet li indikajt iktar ’il fuq, huma żbaljati, u b’hekk il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fondat. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001 u tas-27 ta’ Marzu 2002, li jiċħdu lill-appellanti l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu kif ukoll il-benefiċċji relatati miegħu, b’hekk għandhom jiġu annullati.
195. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tiegħi, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 233 KE, tieħu deċiżjoni ġdida dwar it-talba ta’ Beatriz Salvador García għall-ħlas ta’ dawk il-benefiċċji, li tkun konformi mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u mal-motivi tagħha.
196. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 122, tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell permezz ta’ l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
197. Skond dawn id-dispożizzjonijiet u t-talbiet ta’ Beatriz Salvador García, jiena b’hekk nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedimenti preżenti kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
b) Fil-kawżi C-8/06 P sa C-10/06 P
198. Il-konklużjonijiet li nipproponi fil-kawża C-7/06 P fil-fehma tiegħi japplikaw ukoll fit-tliet kawżi l-oħrajn eżaminati, fuq l-istess raġunament.
199. Anna Herrero Romeu (kawża C-8/06 P) daħlet fis-servizz tal-Kummissjoni fi Brussell fis-16 ta’ Novembru 2001. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ffissat il-perijodu ta’ referenza fir-rigward tagħha bejn is-16 ta’ Mejju 1996 u l-15 ta’ Mejju 2001. Matul dan il-perijodu kollu, l-appellanti ħadmet fi Brussell mal-Patronat, entità pubblika inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-interessi tal-gvern tal-komunità awtonoma tal-Katalunja.
200. Tomás Salazar Brier (kawża C‑9/06 P) daħal fis-servizz tal-Kummissjoni fi Brussell fl-1 ta’ Ġunju 2002. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ffissat il-perijodu ta’ referenza fir-rigward tiegħu bejn l-1 ta’ Diċembru 1996 u t-30 ta’ Novembru 2001. Hija kkonstatat li, matul dak il-perijodu, l-appellant kien wettaq l-attività professjonali prinċipali tiegħu fi Brussell, l-ewwel ma’ Sofesa, kumpannija inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-interessi tal-komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji u ta’ l-uffiċċju ta’ rappreżentanza tal-gvern ta’ din il-komunità awtonoma, u wara direttament mal-gvern ta’ din ta’ l-aħħar.
201. Rafael De Bustamante Tello (kawża C‑10/06 P), daħal fis-servizz tal-Kunsill fi Brussell bħala uffiċjal fl-1 ta’ Jannar 2003. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ffissat il-perijodu ta’ referenza fir-rigward tiegħu bejn l-1 ta’ Lulju 1997 u t-30 ta’ Ġunju 2002. Hija kkonstatat li, matul dak il-perijodu, l-appellant kien eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fi Brussell, ma’ ORM, entità inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-interessi tal-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia fil-Komunitajiet Ewropej.
202. Fit-tliet sentenzi hawn fuq iċċitati Herrero Romeu vs Il-Kummissjoni, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni u De Bustamante Tello vs Il-Kunsill, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-attivitajiet ta’ l-appellanti mwettqa matul dawn il-perijodi ta’ referenza ma setgħux jitqiesu li huma xogħol li sar għal Stat ieħor, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-istess raġunijiet mogħtija fis-sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata. Dawn ir-raġunijiet, kif diġà indikat, huma, fl-opinjoni tiegħi, ivvizzjati bi żball ta’ liġi.
203. Fl-eżami tas-sitwazzjoni ta’ dawn l-appellanti matul il-perijodu ta’ qabel il-perijodu ta’ referenza ffissat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jista’ jiġi kkonstatat li l-attivitajiet tagħhom fil-Belġju mhumiex tali li jiġġustifikaw r-rifjut tal-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni.
204. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ Anna Herrero Romeu, l-uniċi attivitajiet li hija wettqet fil-Belġju huma dawk imwettqa għall-Patronat, minn Jannar 1993.
205. Fir-rigward ta’ Tomás Salazar Brier, huwa ħadem ma’ Sofesa fi Brussell mit-3 ta’ Ottubru 1994 sal-31 ta’ Awwissu 1998, fil-bidu bħala staġista u sussegwentement b’kuntratt ta’ impjieg. Xejn ma jindika li, qabel ma beda jaħdem ma’ Sofesa fit-3 ta’ Ottubru 1994, li Tomás Salazar Brier kellu abitwalment, matul perijodu ta’ ħames snin, ir-residenza jew l-attività professjonali prinċipali tiegħu fil-Belġju.
206. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ Rafael De Bustamante Tello, jirriżulta mill-elementi ta’ l-atti tal-kawża li huwa eżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Brussell bejn it-2 ta’ Diċembru 1991 u l-31 ta’ Lulju 1996, ma’ INFO, entità pubblika tal-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, inkarigata b’mod partikolari li ssegwi l-leġiżlazzjoni u l-programmi Komunitarji li huma ta’ interess għal din il-komunità awtonoma, fil-bidu bħala staġista, u sussegwentement b’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indefinit. Minn Awwissu 1996, huwa ħadem fi Brussell bħala Direttur ta’ ORM.
207. Dawn l-attivitajiet kollha jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, fis-sens tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-appelli ta’ l-appellanti fit-tliet kawżi eżaminati huma fondati u li s-sentenzi hawn fuq iċċitati Herrero Romeu vs Il-Kummissjoni, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni u De Bustamante Tello vs Il-Kunsill għandhom jiġu annullati.
208. Peress li jidhirli li dawn il-kawżi huma fi stat li jiġu deċiżi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dawn il-kawżi.
209. Anna Herrero Romeu kif ukoll Tomás Salazar Brier u Rafael De Bustamante Tello jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet mogħtija rispettivament mill-Kummissjoni, fid-19 ta’ Novembru 2001 u l-25 ta’ Lulju 2001, kif ukoll mill-Kunsill fl-24 ta’ Jannar 2003, li bihom dawn l-istituzzjonijiet iddeċidew li huma ma setgħux jibbenefikaw mill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni u l-benefiċċji relatati miegħu.
210. Nikkonstata li r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija istituzzjonijiet irrifjutaw l-għoti ta’ l-imsemmija benefiċċji, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet mogħtija rispettivament fl-10 ta’ Ġunju 2002, l-24 ta’ Marzu 2003 u t-28 ta’ Lulju 2003, li jiċħdu l-oġġezzjonijiet ifformulati mill-appellanti, huma identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi appellati u li, fil-fehma tiegħi, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant, l-aggravju bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fondat.
211. B’hekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla dawn id-deċiżjonijiet u, skond it-talbiet ta’ l-appellanti, li tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti preżenti kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
V – Konklużjoni
212. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skond kif ġej:
1) Fil-kawża C-7/06 P:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2005, Salvador García vs Il-Kummissjoni (T‑205/02);
– tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001 u tas-27 ta’ Marzu 2002, li jirrifjutaw lil Beatriz Salvador García l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll benefiċċji relatati miegħu, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
2) Fil-kawża C‑8/06 P:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2005, Herrero Romeu vs Il-Kummissjoni (T‑298/02);
– tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2001 u ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002, li jirrifjutaw lil Anna Herrero Romeu l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll benefiċċji relatati miegħu, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
3) Fil-kawża C‑9/06 P:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni (T‑83/03);
– tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2002, kif ukoll ta’ l-24 ta’ Frar u l-24 ta’ Marzu 2003, li jirrifjutaw lil Tomás Salazar Brier il-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll benefiċċji relatati miegħu, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
4) Fil-kawża C‑10/06 P:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il-Kunsill (T‑368/03);
– tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Jannar 2003 u t-28 ta’ Lulju 2003, li jirrifjutaw lil Rafael De Bustamante Tello l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll benefiċċji relatati miegħu, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
1 – Lingwa oriġinali : Il-Franċiż
2 – Għall-kawża C‑7/06 P, sentenza Salvador García vs Il-Kummissjoni (T‑205/02, Ġabra p. II‑1311); għall-kawża C‑8/06 P, sentenza Herrero Romeu vs Il-Kummissjoni (T‑298/02, Ġabra p. II‑4599); għall-kawża C‑9/06 P, sentenza Salazar Brier vs Il-Kummissjoni (T‑83/03, Ġabra SP p. I‑A‑311 II‑1407), u, għall-kawża C‑10/06 P, sentenza De Bustamante Tello vs Il-Kunsill (T‑368/03, Ġabra SP‑I‑A‑321 p. II‑1439) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).
3 – Għall-kawża C‑7/06 P, deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2001; għall-kawża C‑8/06 P, deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2001, u, għall-kawża C‑9/06 P, deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2002.
4 – Għall-kawża C‑10/06 P, deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2003.
5 – Iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal ”.
6 – ĠU 45, 1962, p. 1385.
7 – Kumpannija ta’ żvilupp ta’ Navarre (iktar ’il quddiem “Sodena”).
8 – Kumpannija għall-iżvilupp estern ta’ Navarra (iktar ’il quddiem “Sodexna”).
9 – Iktar ’il quddiem il-“Patronat”.
10 – Kumpannija tal-Gżejjer Kanarji għall-iżvilupp ekonomiku (iktar ’il quddiem “Sofesa”).
11 – Istitut għall-iżvilupp tar-Reġjun ta’ Murcia (iktar ’il quddiem “INFO”).
12 – Uffiċċju tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia fil-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “ORM”).
13 – C‑62/97 P, Ġabra p. I‑3273.
14 – Il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet għad-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1997, Région wallonne vs Il-Kummissjoni (C‑95/97, Ġabra p. I‑1787, punt 6), u ta’ l-1 ta’ Ottubru 1997, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni (C‑180/97, Ġabra p. I‑5245, punt 6).
15 – Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitat is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1971, Bernardi vs Il-Parlament (48/70, Ġabra p. 175, punti 11 u 12), u ta’ l-20 ta’ Ġunju 1985, Klein vs Il-Kummissjoni (123/84, Ġabra p. 1907, punt 23), kif ukoll is-sentenza tagħha tad-19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il-Kummissjoni (T‑74/98, Ġabra FP p. I‑A‑151 u II‑797, punt 38).
16 – T‑4/92, Ġabra p. II‑357.
17 – 31/87, Ġabra p. 4635 (punt 12).
18 – C‑353/96, Ġabra p. I‑8565 (punt 26).
19 – ĠU L 185, p. 5.
20 – Il-Kunsill jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni (T‑498/93, Ġabra FP p. I‑A‑257 u II‑813, punt 38).
21 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 43).
22 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 17). Ara wkoll, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 32).
23 – Sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill, hawn fuq iċċitata (punt 66).
24 – Digriet Reġjun tal-Vallonja vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata (punt 6).
25 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, Ġabra p. I‑10391, punt 39).
26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 34).
27 – Ara, fir-rigward ta’ nuqqas imputabbli lil-leġiżlatur, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1970, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (77/69, Ġabra p. 237, punt 15), u, fir-rigward ta’ nuqqas imputabbli lil awtorità ġudizzjarja, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punti 29 u 32).
28 – Ara, fir-rigward tal-Länder Ġermaniżi, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑383/00, Ġabra p. I‑4219, punt 18); fir-rigward ta’ reġjun Belġjan, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑423/00, Ġabra p. I‑593 punt 16), u, fir-rigward ta’ komun Franċiż, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1985, Steinhauser (197/84, Ġabra p. 1819).
29 – Fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1982, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (249/81, Ġabra p. 4005), il-Qorti ddikjarat li kienet fondata l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Irlanda minħabba l-kampanja “Buy Irish” immexxija mill-Irish Goods Council, kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt il-liġi Irlandiża. Hija kkonstatat li l-istatus privat ta’ din il-kumpannija ma kienx jippermetti lill-Gvern Irlandiż jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu f’din l-azzjoni kontra d-dritt Komunitarju peress illi dan l-istess Gvern jinnomina l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, jagħti sussidji pubbliċi bil-għan li jkopri l-ispejjeż tagħha, u jiddefinixxi l-kontenut tal-kampanja pubbliċitarja mwettqa minnha (punt 15).
30 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839).
31 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 18), kif ukoll id-digriet tas-26 ta’ Mejju 2005, Sozialhilfeverband Rohrbach (C‑297/03, Ġabra p. I‑4305, punti 27 u 30).
32 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et (C‑253/96 sa C‑258/96, Ġabra p. I‑6907, punt 46), u tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C‑157/02, Ġabra p. I‑1477, punt 24).
33 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punt 17), fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija minn Land Ġermaniż.
34 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra p. 595, punt 21).
35– Il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” huwa ddefinit li jfisser l-Istat, il-kollettivitajiet territorjali, il-korpi pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet ikkostitwiti minn waħda jew aktar minn dawn il-kollettivitajiet jew korpi pubbliċi. Il-kunċett ta’ “korp pubbliku” jirreferi għal kull korp maħluq biex jissodisfa speċifikament ħtiġijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali u b’persoanlità ġuridika u li l-attività tiegħu tkun iffinanzjata fil-parti l-kbira tagħha mill-Istat, il-kollettivitajiet territorjali jew entitajiet pubbliċi oħra, kemm jekk il-ġestjoni tagħhom tkun suġġetta għall-kontroll ta’ dawn ta’ l-aħħar, kemm jekk l-organu ta’ amministrazzjoni, direzzjoni jew ta’ kontroll ikun kompost minn membri li aktar minn nofshom ikunu maħtura mill-Istat, kollettivitajiet territorjali jew entitajiet pubbliċi oħra [ara l-Artikolu 1 (b) tad-Direttivi tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54)].
36 – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring (C‑63/00, Ġabra p. I‑4483, punt 24), kif ukoll ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 203 sa 206 u ġurisprudenza ċċitata). Ara, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punti 16 u 22).
37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni (C-452/93 P, Ġabra, p. I-4295, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ottubru 1989, Atala‑Palmerini vs Il-Kummissjoni (201/88, Ġabra p. 3109, punt 6), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il-Kunsill (T‑60/00, Ġabra FP p. I‑A‑107 u II‑489, punti 49 u 50).
39 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Diamantaras vs Il-Kummissjoni (T‑72/94, Ġabra FP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 52).
40 – Din l-analiżi taqbel ma’ dik mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Vardakas vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet ukoll mill-formulazzjoni ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni u mill-kuntest tagħha li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jagħti interpretazzjoni wiesgħa lill-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni (punt 37). Hija kkonstatat ukoll, fil-perpettiva tar-ratio ta’ dan il-benefiċċju, li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, imsemmi fl-eċċezzjoni in kwistjoni, m’għandux ikun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva (punt 41).
41 – Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1988, Nuñez vs Il-Kummissjoni (211/87, Ġabra p. 2791, punt 11).
42 – Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1981, Vutera vs Il-Kummissjoni (1322/79, Ġabra p. 127, punt 8).
43 – Ara p. 143.
44 – Enfażi tiegħi.
45 – Ara s-sentenza Foster et, hawn fuq iċċitata (punt 20).
46 – L-istess konstatazzjoni tista’ ssir fil-kawża Adam vs Il-Kummissjoni (C‑211/06 P), li tinsab attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Is-Sinjura Adam, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, daħlet fis-servizz tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 2003. Hija kienet ġiet miċħuda l-benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni fuq il-bażi li kienet ħadmet fi Brussell ma’ l-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-Land ta’ Sarre sa mill-1 ta’ Ottubru 1997 peres illi l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-funzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu xogħol li sar għal Stat ieħor. L-appellanti, fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, issottomettiet li hija kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-impjegati federali li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, bħal dawk l-impjegati, hija kellha twiegħed li tirrispetta l-Liġi fundamentali u l-kuntratt tax-xogħol tagħha kien suġġett għall-ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati federali.
47 – Il-portata tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika diretta hija wkoll in kwistjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Hosman‑Chevalier (C‑424/05), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-15 ta’ Marzu 2007.
48 – Ara t-tieni premessa tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (Euratom); it-tieni u t-tielet premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1), kif ukoll ir-risposta ta’ Neil Kinnock, Viċipresident tal-Kummissjoni responsabbli għar-riforma amministrattiva , għal domanda parlamentari tat-22 ta’ Marzu 2001 (ĠU C 40 E, p. 9).
49 – Sentenzi hawn fuq iċċitati Atala‑Palmerini vs Il-Kummissjoni (punt 6) u Liaskou vs Il-Kunsill (punti 49 u 50).
50 – Din hija wkoll il-pożizzjoni li qed issostni l-Kummissjoni fil-kawża Asturias Cuerno vs Il-Kummissjoni (T‑473/04), li tinsab subjudice quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
51 – Ara, fir-rigward ta’ persuna li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni minn aġenzija tax-x-xogħol temporanju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il-Kummissjoni (T‑127/00, Ġabra FP p. I‑A‑149 u II‑781, punti 53 u 58).
52 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 1995, Lo Giudice vs Il-Parlament (T‑43/93, Ġabra FP p. I‑A‑57 u II‑189, punt 34).
53 – Dan id-dokument, li ma ġiex ippubblikat, għandu t-titolu “Rules governing the payment of expenses and allowances to Members” (PE 133.116).
54 – Barra minn hekk, fis-sentenza Atala‑Palmerini vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet iffaċċata b’din is-sitwazzjoni. Is-Sinjura Atala‑Palmerini, ċittadina Peruvjana mit-twelid u Taljana biż-żwieġ, studjat fil-Belġju bejn Settembru 1970 u Ġunju 1973, u sussegwentement, wara żmien qasir fil-Perù, għamlet stage mal-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Settembru 1973 u l-31 ta’ Jannar 1974. Fis-7 ta’ Diċembru 1974, hija żżewġet uffiċjal tal-Kummissjoni ta’ nazzjonalità Taljana, li kien jaħdem fi Brussell. Għas-snin akkademiċi 1974/1975 u 1975/1976, hija kienet irreġistrata fl-université de Paris X‑Nanterre fejn hija studjat għal dottorat. Mis-6 ta’ Marzu 1978 sat-30 ta’ Marzu 1987, hija ħadmet ma’ l-ambaxxata tal-Perù fil-Belġju. Fis-16 ta’ April 1987, is-Sinjura Atala‑Palmerini daħlet fis-servizz tal-Kummissjoni, fi Brussell. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodu ta’ referenza ta’ ħames snin kien bejn is-6 ta’ Ottubru 1972 u l-31 ta’ Awwissu 1973 u bejn l-1 ta’ Frar 1974 u l-5 ta’ Marzu 1978, peress li l-perijodu ta’ stage mal-Kummissjoni u dak fis-servizz ta’ l-ambaxxata tal-Perù ma kellhomx jiġu kkunsidrati.
55 – Sentenza Atala‑Palmerini vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata (punti 10 u 11). Ara, fl-istess sens, is-sentenza Nuñez vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata (punt 12).