Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-392/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2005, fil-kawża

Georgios Alevizos

vs

Ypourgos Oikonomikon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal G. Alevizos, minn P. Damouli, Dikigoros,

– għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos, I. Bakopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi (ĠU L 105, p. 64), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 89/604/KEE tat-23 ta’ Novembru 1989 (ĠU L 348, p. 28, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva 83/183").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Alevizos u l-Ypourgos Oikonomikon (il-Ministru tal-Finanzi) fir-rigward tas-sisa u ta’ taxxa waħda speċjali supplementari ta’ reġistrazzjoni (iktar ‘il quddiem it-"taxxa speċjali ta’ reġistrazzjoni") li għaliha kien suġġett matul l-importazzjoni permanenti fil-Greċja ta’ vettura għall-użu personali mill-Italja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva 83/183

3. L-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva 83/183 huma fformulati kif ġej:

"Billi, sabiex il-poplu ta’ l-Istati Membri jsiru aktar konxji ta’ l-eżistenza tal-Komunità Ewropea, miżuri oħra li jkunu ta’ benefiċċju għal individwi privati għandhom ikunu kunsidrati sabiex ikunu maħluqa l-kondizzjonijiet fil-Komunità simili għal dawk fis-suq domestiku;

Billi, b’mod partikolari, l-ostakoli għat-taxxa għall-importazzjoni minn individwi privati ta’ propjetà personali ġewwa Stat Membru wieħed minn Stat Membru ieħor huma tali li jfixklu l-moviment ħieles tal-persuni ġewwa l-Komunità; billi, għalhekk, dawn l-ostakoli għandhom ikunu eliminati safejn possibbli bl-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa".

4. Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, l-Istati Membri għandhom, skond il-kundizzjonijiet u fil-każijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, "jeżenta[w] minn taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, taxxa tas-sisa u taxxi oħra tal-konsum li normalment japplikaw għal dik il-propjetà, propjetà importata permanentament minn Stat Membru ieħor minn individwi privati".

5. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu 1 jiddisponi li:

"Drittijiet speċifiċi u/jew taxxi konnessi ma’ l-użu ta’ dik il-propjetà ġewwa l-pajjiż, bħal, per eżempju, drittijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, taxxi għall-użu tat-toroq u liċenzi tat-televixin, mhumiex koperti b’din id-Direttiva."

6. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 83/183 jipprevedi li:

"1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "propjetà personali" tfisser propjetà għall-użu personali tal-persuni interessati jew il-ħtiġijiet tan-nies li joqgħodu magħhom. Dik il-propjetà m’għandhiex, bis-saħħa tan-natura jew kwantità tagħha, tirrifletti xi interess kummerċjali, lanqas tkun maħsuba għal attività ekonomika skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/388/KEE […]

2. L-eżenzjoni li għaliha l-Artikolu 1 jagħmel disposizzjoni għandha tingħata għal propjetà personali:

[…]

b) li tiegħu l-persuna konċernata kellha l-użu attwali qabel il-bidla fir-residenza tkun magħmula jew qabel tkun stabbilita t-tieni residenza. Fil-każ ta’ vetturi bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavani, karavani kbar ipparkjati b’mod kważi permanenti użati bħala residenza, dgħajjes użati għat-tgawdija u ajruplani privati, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-persuna konċernata kienet tgawdi l-użu tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur qabel il-bidla fir-residenza.

[…]"

7. Il-kunċett ta’ "residenza normali" skond id-Direttiva 83/183 huwa mfisser fl-Artikolu 6(1) tagħha, dwar "[r]egoli ġenerali biex tkun stabbilita residenza", bil-kliem li ġejjin:

"Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "residenza normali" tfisser il-post fejn persuna normalment tgħix, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rbit personali u tax-xogħol jew, fil-każ ta’ xi persuna mingħajr irbit tax-xogħol, minħabba rbit personali li juri rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fjen ikun qed jgħix.

Iżda, ir-residenza normali ta’ xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkunu f’post differenti mill-irbit personali u li, konsegwentement tgħix f’postijiet differenti li jkunu qegħdin f’żewġ Stati Membri jew aktar, għandha titqies li tkun il-post ta’ l-irbit personali, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Din l-aħħar kondizzjoni m’għandhiex għalfejn tkun osservata meta l-persuna tkun qed tgħix fi Stat Membru sabiex tagħmel xi xogħol ta’ dewmien definit. Attendenza f’xi università jew skola ma timplikax trasferiment ta’ residenza normali."

8. Skond l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 83/183, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1 ta’ l-istess Direttiva tingħata għal proprjetà personali importata minn individwu privat meta jittrasferixxi r-residenza normali tiegħu.

Id-Direttiva 92/12/KEE

9. It-tielet, ir-raba’ u l-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), tgħid li:

"Billi l-kunċett ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jiġi definit; billi dawk l-oġġetti biss li huma hekk ittrattati fl-Istati Membri kollha jistgħu jkunu għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità;[…]

Billi sabiex jiġi żgurat l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri;

[…]

Billi, bħala riżultat tat-tneħħija tal-prinċipju ta’ taxxi fuq importazzjonijiet f’relazzjoni bejn l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet dwar eżenzjonijiet u allowances fuq importazzjonijiet ma jibqax japplika f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri; billi dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jitneħħew u d-direttivi konċernati jiġu hekk addattati".

10. Id-Direttiva 92/12 għandha bħala għan, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, li "tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità".

11. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 jiddisponi li:

"Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

– żjut minerali,

– alkoħol u xorb alkoħoliku,

– tabakk maħdum."

12. Skond l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 92/12:

"Id-dispożizzjonijiet dwar id-dazju tas-sisa stabbiliti fid-Direttivi li ġejjin m’għandhomx jibqgħu jgħoddu wara l-31 ta’ Diċembru 1992:

[…]

– Id-Direttiva 83/183/KEE […],

[…]"

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13. Id-Direttiva 83/183 ġiet trasposta fid-dritt Grieg bid-digriet D.264/23 tal-Ministru tal-Finanzi, tat-8 ta’ Marzu 1985 (FEK B’ 139/18.3.1985). Dan id-digriet ġie ssostitwit bid-digriet D.245/11 tal-Ministru tal-Finanzi, ta’ l-1 ta’ Marzu 1988 (FEK B’ 195/6.4.1988, iktar ‘il quddiem id-"digriet D.245/11").

14. Skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, id-digriet D.245/11 "jispeċifika l-każijiet li fihom tingħata eżenzjoni mid-dazji doganali u taxxi oħra fuq il-proprjetà personali importata ta’ individwi".

15. L-Artikolu 2(1)(c) tad-digriet D.245/11, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 15 tal-liġi 2187/1994 (FEK A’ 16), li ġie adottat wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑9/92, Ġabra p. I‑4467), jirriproduċi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ residenza normali fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183.

16. L-Artikolu 3(1) tad-digriet D.245/11 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali u ta’ taxxi oħra f’dak li jikkonċerna l-proprjetà personali importata minn persuni fiżiċi li jittrasferixxu r-residenza normali tagħhom minn Stat ieħor lejn il-Greċja.

17. Taħt il-kapitolu 8 tad-digriet D.245/11, hemm l-Artikolu 25, ifformulat kif ġej:

"1. L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet għandhom jingħataw għall-proprjetà personali importata minn ċittadini Elleniċi li għandhom ir-residenza normali tagħhom fil-Greċja li telqu mill-pajjiż sabiex jaħdmu barra, fejn ilhom jgħixu iktar minn żewġ (2) snin konsekuttivi sabiex hemmhekk jeżerċitaw impjieg jew impieg għal rashom, u li, fi tmiem l-impjieg tagħhom, jiġu lura fil-Greċja sabiex jistabbilixxu ruħhom definittivament.

2. Fost il-persuni interessati fil-paragrafu ta’ qabel, hemm l-uffiċjali pubbliċi Griegi (inklużi d-diplomatiċi), l-uffiċjali fl-amministrazzjoni ġudizzjarja, il-fizzjali, is-sottuffiċjali u suldati tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà u tal-korpi portwali, li jgħixu barra mill-pajjiż għal iktar minn żewġ (2) snin konsekuttivi esklużivament fit-twettiq tas-servizz tagħhom u li, fi tmiem is-servizz tagħhom, jiġu lura fil-Greċja minħabba fi trasferiment jew definittivament."

18. L-Artikolu 6(13) tal-liġi 2459/1997, li jħassar l-eżenzjonijiet fiskali u dispożizzjonijiet oħra (FEK A’ 17), b’mod partikolari ħassar l-Artikolu 25 tad-digriet D.245/11 "dwar l-eżenzjoni tal-proprjetà personali tal-Griegi li jaħdmu barra l-pajjiż, iżda biss f’dak li jikkonċerna l-mezzi tat-trasport". Skond din l-istess dispożizzjoni, "[g]ħall-vetturi intiżi għall-ġarr tal-passiġġieri li l-persuni fuq imsemmija kellhom fil-pussess tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 1996, fil-każ ta’ ħelsien mid-dwana fis-sitt (6) xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi fil- Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika , is-sisa hija kkalkulata abbażi tal-koeffiċjenti stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-liġi 882/1990, hekk kif emendata". Din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997. It-terminu previst f’dan l-Artikolu 6(13) ġie pprorogat sal-31 ta’ Diċembru 1997 mill-Artikolu 32(1) tal-liġi 2523/1997 (FEK A’ 179).

19. Id-Direttiva 92/12 ġiet trasposta fid-dritt Grieg bil-liġi 2127/1993, dwar l-armonizzazzjoni mad-dritt Komunitarju tas-sistema fiskali tal-prodotti tal-petroleum, ta’ l-alkoħol etiliku u ta’ xarbiet alkoħoliċi kif ukoll ta’ tabakk immanifatturat, u dispożizzjonijiet oħra (FEK A’ 48).

20. L-Artikolu 75 tal-liġi 2127/1993 jipprevedi li:

"Il-vetturi bil-mutur u l-muturi, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat KEE u li huma mibgħuta jew ittrasportati fil-pajjiż mat-tluq minn Stati Membri oħra tal-Komunità, huma suġġetti għad-dazji tas-sisa previsti għall-vetturi korrispondenti li huma importati jew prodotti fuq it-territorju nazzjonali."

21. L-Artikolu 83 ta’ l-istess liġi jiddisponi:

"L-eżenzjoni totali jew parzjali tad-drittijiet tas-sisa li huwa previst mid-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ għall-vetturi importati definittivament minn pajjiżi terzi hija applikabbli wkoll għall-vetturi msemmija fl-Artikolu 75, bl-istess kundizzjonijiet."

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22. G. Alevizos, uffiċjal tal-forzi ta’ l-ajru Grieg, ġie ttrasferit mit-12 ta’ Lulju 1995 sat-8 ta’ Awwissu 1997, b’digriet tal-Ministru tad-Difiża Griega, lill-kwartier ġenerali tal-forzi alleati tan-Nofsinhar ta’ l-Ewropa, f’Napli (l-Italja), fejn okkupa kariga fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq (NATO). Deċiżjoni tal-kap ġenerali tal-persunal tal-forzi ta’ l-ajru approva t-trasferiment ta’ residenza, imħallas mis-servizz, ta’ martu u ż-żewġt itfal ta’ G. Alevizos.

23. Fi tmiem iż-żmien fis-servizz previst għal din il-kariga, il-konsolat ġenerali tar-Repubblika Ellenika f’Napli ħareġ, għal G. Alevizos u l-membri tal-familja tiegħu, ċertifikat sabiex jirritorna fil-Greċja, li fih G. Alevizos kien ikklassifikat bħal persuna li taqa’ taħt il-kapitolu 8 tad-digriet D.245/11.

24. Ma’ dan iċ-ċertifikat ġiet mehmuża dikjarazzjoni tal-parti interessata li skond din dan xtaq jimporta fil-Greċja vettura bil-mutur għall-użu privat, tal-marka Mercedes, mudell E 200 (iffabbrikata fl-1996), li kien xtara fil-Ġermanja fis-17 ta’ Diċembru 1996 u li kienet ingħatatlu fit-23 ta’ Diċembru ta’ wara.

25. Me ta rritorna l-Greċja, G. Alevizos ippreżenta lill-uffiċċju tad-dwana ta’ Eleusina dikjarazzjoni ta’ trasferiment ta’ din il-vettura.

26. B’deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 1997, dan l-uffiċċju talab lil G. Alevizos is-somma ta’ GRD 4,136, 413 bħala dazji tas-sisa previsti fl-Artikolu 75 tal-liġi 2127/1993. Din is-somma ġiet ikkalkulata, skond l-Artikolu 6(13) tal-liġi 2459/1997, abbażi tal-koeffiċjenti mnaqqsa ddefiniti fl-Artikolu 37 tal-liġi 1882/1990 li kienet fis-seħħ. B’din l-istess deċiżjoni, ġiet ukoll mitluba mill-persuna interessata somma ta’ GRD 1,470,775 skond it-taxxa speċjali ta’ reġistrazzjoni, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(7) tal-liġi 2367/1953.

27. Wara li ħallas is-somom lilu mitluba kemm bħala sisa kif ukoll tat-taxxa speċjali ta’ reġistrazzjoni (iktar ‘il quddiem, flimkien, it-"taxxi fil-kawża prinċipali"), G. Alevizos ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ tassazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 1997 quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-qorti amministrattiva ta’ l-ewwel istanza ta’ Ateni), li parzjalment bidlet din id-deċiżjoni billi żiedet il-perċentwali tat-tnaqqis għall-użu tal-vettura marbuta ma’ l-użu normali.

28. G. Alevizos appella din id-deċizjoni quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-qorti amministrattiva ta’ l-appell ta’ Ateni).

29. Waqt illi kkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, din il-qorti qieset li G. Alevizos għex Napli fuq missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku u li, waqt li kien qed jaħdem man-NATO f’din il-belt, ir-residenza normali tiegħu, skond l-Artikoli 6(1) tad-Direttiva 83/183 u 2 tad-digriet D.245/11, baqgħet fil-Greċja, fejn jinsab iċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi personali u professjonali tiegħu, minkejja l-fatt li l-membri tal-familja kienu ġew miegħu fl-Italja.

30. Konsegwentement, id-Dioikitiko Efeteio Athinon iddeċidiet li l-każ ta’ G. Alevizos ma kienx jaqa’ taħt l-Artikolu 3 tad-digriet D.245/11, iżda taħt l-Artikoli 25(1) u (2) ta’ dan l-istess digriet u 6(13) tal-liġi 2459/1997 li ħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 25.

31. G. Alevizos ippreżenta rikors fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tad-Dioikitiko Efeteio Athinon quddiem il-qorti tar-rinviju.

32. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li joħolqu dubji fir-rigward tal-mod kif il-kunċett ta’ "residenza normali" għandu jiġi interpretat skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"L-uffiċjali pubbliċi u l-fizzjali, sottuffiċjali u suldati tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà u tal-korpi portwali, huma suġġetti, bħall-ħaddiema l-oħra, għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE u jistgħu jiksbu ‘residenza normali’ f’pajjiż ieħor fejn jgħixu għall-inqas 185 ġurnata fis-sena sabiex iwettqu missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku jew huma jibqgħu, anki matul iż-żmien tal-missjoni tagħhom f’dan il-pajjiż l-ieħor, iżommu r-residenza normali tagħhom fil-Greċja, indipendentement mill-fatt li jkunu ttrasferew f’dan il-pajjiż l-ieħor ir-rabtiet personali u professjonali tagħhom?"

Fuq id-domanda preliminari

33. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 għandux jiġi interpretat fis-sens li membru tal-persunal ta’ l-amministrazzjoni pubblika, tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà jew tal-korpi portwali ta’ Stat Membru, li jgħix għallinqas 185 ġurnata fis-sena fi Stat Membru ieħor mal-membri tal-familja tiegħu sabiex f’dan ta’ l-aħħar titwettaq missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku, ikollu, matul iż-żmien ta’ din il-missjoni, ir-residenza normali tiegħu, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1) fi Stat Membru ieħor, jew, bil-kontra, jibqa’ jiddisponi minnha fl-ewwel Stat Membru.

34. Qabel ma titwieġeb din id-domanda, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 83/183 hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 83/183

35. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva 83/183, l-argument tal-Gvern Grieg li jgħid li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar is-sisa kienu waqfu, skond id-Direttiva 92/12, milli jiġu applikati fid-data tat-trasferiment tal-vettura ta’ G. Alevizos mill-Italja lejn il-Greċja.

36. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ddefinit b’riferiment għat-tliet kategoriji ta’ prodotti elenkati b’mod limitat, li jikkorrispondu, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ din id-direttiva, għall-oġġetti ttrattati bħala prodotti suġġetti għas-sisa "fl-Istati Membri kollha". Dan l-elenku ma jinkludix il-vetturi bil-mutur, li huma għalhekk esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva.

37. Hekk kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi aċċettat, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 92/12, f’dan il-każ l-Artikolu 23(3) tagħha, tingħatalha, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni espressa mil-leġiżlatur f’dan is-sens, kamp ta’ applikazzjoni usa minn dak mogħti, b’mod ġenerali, lil din id-direttiva mill-Artikolu 3(1) tagħha.

38. Barra minn dan, waqt li, għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, l-armonizzazzjoni mwettqa minnha, b’mod partikolari permezz ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà uniformi tas-sisa fil-Komunità, sabiex tassigura l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern (ara r-raba’ premessa ta’ din l-istess direttiva, ara, ukoll, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et , C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 22; tal-5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, Ġabra p. I‑2729, punt 39, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑240/01, Ġabra p. I‑4733, punt 36), tippermetti li titneħħa tassazzjoni doppja fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri u għaldaqstant tirrendi irrilevanti l-applikazzjoni għal dawn il-prodotti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/183 dwar eżenzjonijiet fuq importazzjonijiet fir-rigward tas-sisa (ara l-għoxrin premessa tad-Direttiva 92/12), minn naħa l-oħra, dan ma jgħoddx fil-każ tal-prodotti l-oħra.

39. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni Komunitarja li titqabbel ma’ dik stabbilita mid-Direttiva 92/12 għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1) tagħha, dawn il-prodotti l-oħra għandhom ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja fir-relazzjonijiet intrakomunitarji, kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha. Fir-rigward ta’ l-għan tat-twettiq ta’ suq intern, riskju bħal dan jiġġustifika ż-żamma ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/183 dwar l-eżenzjonijiet fiskali f’dak li jirrigwarda dawn il-prodotti.

40. Isegwi li l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 92/12, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/183 dwar id-dazju tas-sisa ma jkollhomx effett mill-31 ta’ Diċembru 1992, jirrigwarda t-tliet kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12. Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli minn wara din id-data f’dak li jikkonċerna l-prodotti l-oħra, bħal vetturi bil-mutur, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/12.

41. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 83/183, jekk, hekk kif isostni l-Gvern Grieg, dan jirrigwardax biss l-importazzjonijiet ta’ oġġetti magħmula minn ħaddiema skond l-Artikolu 39 KE, bl-esklużjoni ta’ dawk magħmula mill-membri ta’ l-amministrazzjoni pubblika bħal ma huwa G. Alevizos.

42. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitqies li d-Direttiva 83/183 ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 99 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 93 KE). Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej seta’ jipproċedi għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, fost l-oħrajn, id-dazju tas-sisa, sa fejn din l-armonizzazzjoni hija neċessarja sabiex tassigura l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

43. Barra minn hekk, jirriżulta minn qari flimkien ta’ l-ewwel u t-tieni premessi tad-Direttiva 83/183 flimkien ma’ l-Artikoli 1 u 2 tagħha, li din id-direttiva ġiet adottata għal benefiċċju ta’ "individwi privati" sabiex itejbu l-moviment ħieles tal-"persuni" ġewwa l-Komunità u għalhekk tkabbar is-sentiment ta’ sħubija ma’ din ta’ l-aħħar, u li għal dan il-għan hija bi ħsieba tiffaċilita l-importazzjoni ta’ oġġetti personali, iddefiniti bħala oġġetti intiżi "għall-użu personali tal-persuni interessati jew il-ħtiġijiet tan-nies li joqgħodu magħhom".

44. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 83/183 mhuwiex limitat għall-ħaddiema skond l-Artikolu 39 KE, la jeskludi, fost dawn ta’ l-aħħar, dawk li għandhom impjieg ma’ l-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru.

45. Isegwi li sitwazzjoni bħal dik ta’ G. Alevizos taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 83/183.

46. It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 83/183 f’dak li jikkonċerna t-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

47. Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, jaqgħu b’mod partikolari taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni s-"sisa u taxxi oħra tal-konsum li normalment japplikaw għal dik il-propjetà, propjetà importata permanentament minn Stat Membru ieħor minn individwi privati".

48. Skond il-każ, waħda mit-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, skond id-dritt nazzjonali applikabbli, "sisa" (ara l-punt 26 ta’ din is-sentenza) u għalhekk taqa’ normalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183. Madankollu, peress li l-isem mogħti lit-taxxa mil-liġi nazzjonali mhuwiex, bħala tali, deċiżiv (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors, C-365/02, Ġabra p. I-7183, punt 24), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din it-taxxa tistax titqies li hija normalment applikabbli għall-importazzjoni permanenti fil-Greċja ta’ vettura personali minn Stat Membru ieħor, hekk kif mitlub minn dan l-Artikolu 1(1).

49. F’dak li jikkonċerna t-taxxa speċjali ta’ reġistrazzjoni, mitluba wkoll mill-persuna interessata (ara l-punt 26 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, it-taxxa in kwistjoni għandha tikkorrispondi, skond id-dritt nazzjonali applikabbli, għal taxxa marbuta ma’ l-importazzjoni bħala tali. Min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-taxxa kkonċernata jqegħdu l-fatt li joħloq din f’ċirkustanza oħra li mhijiex l-operazzjoni ta’ importazzjoni, bħall-ewwel reġsitrazzjoni jew l-użu ta’ vettura fuq it-territorju nazzjonali, din it-taxxa ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183 (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 47; Lindfors, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26, u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑138/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13).

50. Billi l-inkartament li tressaq għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa nieqes minn kull indikazzjoni dwar il-fatt li ħoloq it-taxxa speċjali ta’ reġistrazzjoni (fil-kawża prinċipali), hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

51. Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq li sisa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183 meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li huma normalment applikabbli għall-importazzjoni permanenti, minn individwu privat, ta’ vettura għall-użu personali minn Stat Membru ieħor. Taxxa waħda speċjali supplementari ta’ reġistrazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ wkoll taħt dan l-Artikolu 1(1) meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li hija marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ importazzjoni ta’ vettura bħala tali.

52. Jekk jirriżulta li t-taxxi fil-kawża priniċpali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183

53. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi mfakkar l-għan tad-Direttiva 83/183, li fid-dawl tagħha għandha tingħata risposta lil din id-domanda, li huwa, skond il-premessi tagħha, li tiffavorixxi l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni interessati fil-Komunità. It-tneħħija ta’ l-ostakli fiskali għall-importazzjoni fi Stat Membru ta’ oġġetti personali li jinsabu fi Stat Membru ieħor tirriżulta, f’din il-perspettiva, b’mod partikolari neċessarja għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet analogi għal dik tas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis, C‑262/99, Ġabra. p. I‑5547, punt 58).

54. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, p. 59), li jiddefinixxi l-kunċett ta’ residenza normali bl-istess kliem użati mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 83/183, il-Qorti tal-Ġustizzja ġà ddeċidiet li l-kriterji ta’ determinazzjoni ta’ dan il-kunċett jirrigwardaw kemm ir-rabta, professjonali u personali, ta’ persuna ma’ post speċifiku kif ukoll it-tul ta’ żmien ta’ din ir-rabta u li għandhom, konsegwentement, jiġu eżaminati b’mod kumulattiv (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Ryborg, C‑297/89, Ġabra p. I‑1943, punt 19, u Louloudakis, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 51).

55. Ir-residenza normali għandha titqies li hija l-post fejn il-persuna interessata tkun stabbilixxet iċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Ryborg, punt 19, u Louloudakis, punt 51).

56. Il-kriterju ta’ permanenza jirreferi għall-kundizzjoni li skond din il-persuna interessata għandha normalment tgħix fil-post ikkonċernat għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja. Fil-kawża prinċipali, li fiha, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, it-tul speċifiku li fih G. Alevizos ħadem man-NATO fl-Italja ma jeskludix, bħala tali, li dan kellu, matul il-perijodu in kwistjoni, ir-residenza normali tiegħu f’dan l-Istat Membru.

57. Sabiex tiġi stabbilita r-residenza normali bħala ċentru permanenti ta’ l-interessi tal-persuna interessata, l-elementi kollha tal-fatti rilevanti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara s-sentenza Ryborg, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20), jiġifieri, b’mod partikolari, il-preżenza fiżika tagħha, dik tal-membri tal-familja tagħha, id-disponibbiltà ta’ post fejn joqgħodu, il-post fejn effettivament imorru l-iskola t-tfal, il-post fejn twettaq l-attivitajiet professjonali, il-post fejn jinsabu l-interessi ta’ natura ekonomika, dawk tar-rabtiet amministrattivi ma’ l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi soċjali, sa fejn dawn l-elementi jindikaw ir-rieda ta’ din il-persuna li tagħti ċertu stabbiltà lill-post tar-rabta, minħabba f’kontinwità li tirriżulta mill-mod kif jgħix u mill-mod kif jiżviluppaw ir-rapporti soċjali u professjonali normali (sentenza Louloudakis, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 55).

58. Għandu jingħad ukoll li, jekk, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183, l-element dwar il-frekwentazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ taħriġ ma jimplikax it-trasferiment tar-residenza normali meta jirrigwarda l-persuna interessata stess, madankollu dan jista’, meta kkunsidrat fil-kuntest ta’ familja, jikkostitwixxi l-indikazzjoni ta’ trasferiment bħal dan meta, hekk kif ippreċiżat minn G. Alevizos fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan jirrigwarda wliedu (ara, b’analoġija, is-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 56).

59. Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Grieg li skond dan G. Alevizos, f’dan il-każ, matul il-perijodu li kien qed jaħdem man-NATO fl-Italja, żamm ir-rabtiet professjonali tiegħu ma’ l-amministrazzjoni Griega kif ukoll rabta soċjali u fiskali mal-Greċja, għandu jingħad li, minn naħa, din iċ-ċirkustanza eventwali mhijiex ta’ natura li tneħħi l-fatt li, matul dan il-perijodu, il-parti interessata eżerċitat l-attività professjonali tagħha fl-Italja, fejn kien jinsab dakinhar iċ-ċentru tar-rabtiet professjonali tiegħu, hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha.

60. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 li din id-dispożizzjoni tipprivileġa r-rabtiet personali fl-ipoteżi fejn il-persuna interessata m’għandhiex irbit personali u professjonali li huma kkonċentrati fi Stat Membru wieħed (ara, b’analoġija, is-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 52).

61. Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 jipprevedi t-teħid in kunsiderazzjoni kemm tar-rabtiet professjonali u personali f’post speċifiku u għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn evalwazzjoni globali tar-rabtiet professjonali u personali mhumiex biżżejjed sabiex jiġi lokalizzat iċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi tal-persuna interessata, il-prevalenza għandha tingħata, għal din il-lokalizzazzjoni, lir-rabtiet personali (ara, b’analoġija, is-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 53).

62. Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 għandu jiġi interpretat fis-sens li membru tal-persunal ta’ l-amministrazzjoni pubblika, tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà jew tal-korpi portwali ta’ Stat Membru, li jgħix għallinqas 185 ġurnata fis-sena fi Stat Membru ieħor mal-membri tal-familja tiegħu sabiex f’dan ta’ l-aħħar titwettaq missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku, għandu, matul iż-żmien ta’ din il-missjoni, ir-residenza normali tiegħu, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1), fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-Artikoli 18 KE u 39 KE

63. Matul is-seduta, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qieset li l-kawża prinċipali setgħet ukoll tiġi eżaminata fir-rigward ta’ l-Artikoli 18 KE u 39 KE.

64. F’dan ir-rigward, anki jekk, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 83/183, ċirkustanza bħal din mhijiex ta’ ostaklu għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jiġu użati sabiex il-kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendetement minn jekk hija tagħmilx jew le riferiment għall-formulazzjoni tad-domandi li hija tkun irrinvijat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, Ġabra p. I‑4695, punt 8; ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, Ġabra p. I‑1301, punt 16; Weigel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 44, u Lindfors, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32).

65. Fl-ipoteżi fe jn it-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, għandha tiġi eżaminata l-influwenza ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn it-taxxi fuq id-dritt ta’ ċittadin Komunitarju bħal G. Alevizos għall-moviment liberu, stabbilit mill-Artikoli 18 KE u 39 KE.

66. Skond ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 18 KE, li jsemmi, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jivvjaġġa ġewwa u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 26, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen, C‑520/04, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk il-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 39 KE.

67. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, il-kunċett ta’ "ħaddiem", fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE, għandu tifsira Komunitarja speċifika u m’għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha titqies li hija "ħaddiem" kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jitqiesu li huma purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skond din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 26, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 15).

68. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, in-natura legali tar-relazzjoni ta’ xogħol mhijiex determinanti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 5; tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punt 16, u Trojani, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16). Il-fatt li l-ħaddiem jinsab impjegat bħala uffiċjal jew ukoll li r-relazzjoni tiegħu ta’ xogħol mhijiex irregolata mid-dritt privat, iżda mid-dritt pubbliku, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Sotgiu, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 5).

69. Barra minn dan, anki jekk il-kariga ta’ G. Alevizos fil-forzi ta’ l-ajru Grieg qabel ma kien qed jaħdem b’mod temporanju man-NATO tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ "impjieg fl-amministrazzjoni pubblika" skond l-Artikolu 39(4) KE, billi għandu parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fl-eżerċizzju tal-poteri pubbliċi u l-funzjonijiet li għandhom bħala suġġett is-salvagwardja ta’ l-interessi ġenerali ta’ l-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1980, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 149/79, Ġabra p. 3881, punt 10; tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑290/94, Ġabra p. I‑3285, punt 2, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et , C‑47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 58), għandu jiġi mfakkar li d-derogi aċċettati minn din id-dispożizzjoni m’għandhomx, fid-dawl tan-natura fundamentali, fis-sistema tat-Trattat KE, tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, portata li tmur lil hinn mill-għan li fir-rigward tagħha din il-klawżola dwar deroga ġiet inkluża (sentenza Sotgiu, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4).

70. Dan il-għan jirriżerva lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrestrinġu d-dħul taċ-ċittadini barranin għal ċerti impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika (sentenza Sotgiu, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4), li jippreżupponi, minn naħa ta’ dawk li jokkupawhom, l-eżistenza ta’ rapport partikolari ta’ solidarjetà fir-rigward ta’ l-Istat kif ukoll tar-reċiproċità tad-drittijiet u dmirijiet li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 10). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 39(4) KE m’għandux l-effett li jċaħħad ħaddiem, ladarba ammess mas-servizz ta’ l-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru, ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 39 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sotgiu, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4).

71. Barra minn hekk, l-ebda element ta’ l-inkartament ma jindika, f’dan il-każ, li l-ġbir tat-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa marbut ma’ l-istatus ta’ uffiċjal tal-forzi ta’ l-ajru ta’ G. Alevizos. Dawn it-taxxi jolqtu lil dan ta’ l-aħħar billi hija persuna li ttrasferiet ir-residenza tagħha minn Stat Membru għal ieħor.

72. Fir-rigward tat-trasferiment b’mod temporanju ta’ G. Alevizos fuq xogħol tan-NATO, hija ġurisprudenza stabbilita li ċittadin Komunitarju li jaħdem fi Stat Membru ieħor għajr milli fl-Istat ta’ l-oriġini ma jitlifx l-istatus ta’ "ħaddiem", skond l-Artikolu 39(1) KE, minħabba l-fatt li huwa jokkupa impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punti 11 u 15; tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C‑209/01, Ġabra p. I‑13389, punt 28; tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C‑293/03, Ġabra p. I‑12013, punt 37, u tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C‑185/04, Ġabra p. I‑1453, punt 12).

73. Minn dan jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru, bħal G. Alevizos, m’għandux jiġi rrifjutat milli jingħata d-drittijiet u l-protezzjoni li l-Artikolu 39 KE jagħtih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Öberg, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 13).

74. Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li flimkien, id-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni, għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Komunità (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 94; tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 37; tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 21, u Weigel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 52).

75. F’dan il-każ, il-ġbir tat-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jkollu l-effett li jagħmel inqas attraenti r-ritorn tal-persuna interessata fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jekk, minħabba fil-liġi ta’ dan l-Istat, dan ir-ritorn, wara t-twettiq ta’ attività professjonali fi Stat Membru ieħor, ifisser konsegwenzi sfavorevoli, fil-qasam fiskali, meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-ħaddiema li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Konsegwenzi bħal dawn jistgħu jwasslu li jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq sabiex jeżerċita l-attività tiegħu fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C‑370/90, Ġabra p. I‑4265, punti 19 u 23, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 31).

76. Madankollu, it-Trattat KE ma jassigurax lil ħaddiem li t-trasferiment ta’ l-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor barra dak fejn huwa kien residenti qabel ikun ħieles mit-tassazzjoni. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam, trasferiment bħal dan jista’, skond il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż għall-ħaddiem f’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni indiretta. Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, eventwali żvantaġġ, meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha dan il-ħaddiem ikun eżerċita l-attivitajiet tiegħu qabel l-imsemmi trasferiment, ma jmurx kontra l-Artikolu 39 KE, bil-kundizzjoni madankollu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tkunx iktar ta’ żvantaġġ għal dan il-ħaddiem milli għal dawk li diġà kienu assuġġettati għal tassazzjoni bħal din (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Weigel, punt 55, u Lindfors, punt 34).

77. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompatibbiltà tat-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ l-Artikolu 39 KE jiddependi, b’mod partikolari, mir-rata ta’ dawn it-taxxi u tal-metodi kif dawn ġew applikati (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16).

78. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u jiggarantixxu, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna t-teħid in kunsiderazzjoni tad-deprezzament reali tal-vettura suġġetta għat-tassazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑47/88, Ġabra p. I‑4509, punti 19 sa 22; Weigel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 70, u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 u 51 sa 57), li G. Alevizos mhuwiex mqiegħed f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li fiha jinsab ħaddiem li kien residenti b’mod permanenti fil-Greċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindfors, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).

79. Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li teżisti din is-sitwazzjoni anqas vantaġġuża, hija għandha teżamina jekk din id-differenża fit-trattament hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni interessati u proporzjonati għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jrid jilħaq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq D’Hoop, punt 36, u Lindfors, punt 35).

80. Billi l-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 39 KE, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26).

81. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li:

– Sisa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183 meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li huma normalment japplikaw għall-importazzjoni permanenti, minn individwu privat, ta’ vettura għall-użu personali minn Stat Membru ieħor. Taxxa waħda speċjali supplementari ta’ reġistrazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ taħt dan l-Artikolu 1(1) meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li hija marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ importazzjoni ta’ vettura bħala tali.

– L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 għandu jiġi interpretat fis-sens li membru tal-persunal ta’ l-amministrazzjoni pubblika, tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà jew tal-korpi portwali ta’ Stat Membru, li jgħix għallinqas 185 ġurnata fis-sena fi Stat Membru ieħor mal-membri tal-familja tiegħu sabiex f’dan ta’ l-aħħar titwettaq missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku, għandu, matul it-tul taż-żmien ta’ din il-missjoni, ir-residenza normali tiegħu, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1) fi Stat Membru ieħor.

– Fil-każ fejn, skond il-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li t-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, hija din il-qorti, fid-dawl ta’ l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-Artikolu 39 KE, li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jirregolaw dawn it-taxxi tiggarantixxix li, fir-rigward tagħhom, il-persuna li tipproċedi, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ residenza, għall-importazzjoni ta’ vettura fl-Istat Membru ta’ oriġini mhijiex imqegħda f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li fiha jinsabu l-persuni residenti b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru u, skond il-każ, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni interessati u proporzjonati għall-għan imfittex leġittimament mid-dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

82. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Sisa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi, hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 89/604/KEE tat-23 ta’ Novembru 1989, meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li huma normalment japplikaw għall-importazzjoni permanenti, minn individwu privat, ta’ vettura għall-użu personali minn Stat Membru ieħor. Taxxa waħda speċjali supplementari ta’ reġistrazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ taħt dan l-Artikolu 1(1) meta jirriżulta – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – li hija marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ importazzjoni ta’ vettura bħala tali.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183 għandu jiġi interpretat fis-sens li membru tal-persunal ta’ l-amministrazzjoni pubblika, tal-forzi armati, tal-korpi ta’ sigurtà jew tal-korpi portwali ta’ Stat Membru, li jgħix għallinqas 185 ġurnata fis-sena fi Stat Membru ieħor mal-membri tal-familja tiegħu sabiex f’dan ta’ l-aħħar titwettaq missjoni ta’ servizz għal żmien speċifiku, għandu, matul it-tul taż-żmien ta’ din il-missjoni, ir-residenza normali tiegħu, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1) fi Stat Membru ieħor.

Fil-każ fejn, skond il-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li t-taxxi in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183, hija din il-qorti, fid-dawl ta’ l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-Artikolu 39 KE, li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jirregolaw dawn it-taxxi tiggarantixxix li, fir-rigward tagħhom, il-persuna li tipproċedi, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ residenza, għall-importazzjoni ta’ vettura fl-Istat Membru ta’ oriġini mhijiex imqegħda f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li fiha jinsabu l-persuni residenti b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru u, skond il-każ, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti mir-residenza tal-persuni interessati u proporzjonati għall-għan imfittex leġittimament mid-dritt nazzjonali.