SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
11 ta' Jannar 2007 (*)
"Moviment liberu tal-ħaddiema - Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Leġislazzjoni nazzjonali – Ħlas mill-Istat Membru tar-rimunerazzjoni dovuta lill-aġenzija privata għall-impjieg – Xogħol issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali f'dan l-Istat Membru - Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità"
Fil-kawża C-208/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sozialgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Mejju 2005, fil-proċedura
Innovative Technology Center GmbH (ITC)
vs
Bundesagentur für Arbeit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2006,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Innovative Technology Center GmbH (ITC), minn L. A. Wenderoth, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze‑Bahr, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u I. Kaufmann‑Bühler, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta' Ottubru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 49 KE u 87 KE, dan ta' l-aħħar moqri flimkien ma' l-Artikoli 81 KE, 85 KE u 86 KE, kif ukoll l-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Innovative Technology Center GmbH (ITC) (iktar 'il quddiem "ITC"), aġenzija privata għall-impjieg stabbilita fil-Ġermanja, u l-Bundesagentur für Arbeit (l-aġenzija federali ta' l-impjieg, iktar 'il quddiem il-"Bundesagentur"), rigward rifjut minn din ta' l-aħħar li tħallas lill-ITC garanzija għall-impjieg minħabba li l-kuntratt tax-xogħol li din ta' l-aħħar ikkonkludiet f'isem applikant għall-impjieg ma kienx issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fil-Ġermanja.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġislazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 1(1), tar-Regolament Nru 1612/68:
"1. Kwalunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru, għandu, irrispettivament mill-post fejn jgħix, ikollu d-dritt li jidħol għall-attività bħala persuna mpjegata, u li jwettaq attività tali, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet imniżżlin b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li tiggverna l-impjieg taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat."
4 L-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li:
"Kwalunkwe nazzjonal ta' xi Stat Membru u kwalunkwe sid ta' xogħol li jkunu qegħdin iwettqu xi attività fit-territorju ta' xi Stat Membru jistgħu jibdlu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-offerti ta' l-impjieg, u jistgħu jikkonkludu u jħaddmu kuntratti ta' l-impjieg skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ imniżżlin b'liġi, regolament jew azzjoni amministrativa mingħajr l-ebda diskriminazzjoni riżultanti minnhom."
5 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li:
"1. Taħt dan ir-Regolament, dispożizzjonijiet mniżżlin b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva ta' xi Stat Membru m'għandhomx japplikaw:
– fejn huma jillimitaw applikazzjoni għall-offerti ta' l-impjieg, jew id-dritt ta' ċittadini barranin li jidħlu għal u jwettqu xogħol jew jissuġġettaw lil dawn għall-kondizzjonijiet mhux applikabbli fir-rigward ta' l-istess ċittadini tagħhom,
– jew fejn, għalkemm applikabbli irrispettivament miċ-ċittadinanza, l-għan jew l-effett esklussiv jew prinċipali tagħhom hu li jżomm ċittadini ta' Stati Membri oħra 'l bogħod mill-impjieg offrut.
[…]"
6 L-Artikolu 7(1) u (2), ta' l-istess Regolament huwa fformulat kif ġej:
"1. Ħaddiem ċittadin ta' xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta' dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe kondizzjoni ta' l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta' rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta' taxxa bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru."
Il-leġislazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 421g tal-ktieb III tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali (Sozialgesetzbuch, iktar 'il quddiem il-"SGB III") huwa fformulat kif ġej:
"(1) Għandhom dritt għal garanzija għall-impjieg l-impjegati li jibbenefikaw minn benefiċċji jew għajnuna soċjali fir-rigward ta' qgħad u li ma ngħatawx xogħol matul il-perijodu ta' l-ewwel tliet xhur tal-qgħad jew dawk li jokkupaw impjieg li jibbenefika minn għajnuna mill-miżura ta' ħolqien ta' impjieg jew ta' adattament strutturali bis-saħħa tas-sitt taqsima tas-sitt kapitolu. Meta jagħti l-garanzija għall-impjieg, l-Uffiċċju federali ta' l-impjieg jimpenja ruħu li jagħti, skond id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq, il-kummissjoni dovuta lill-intermedjarju li l-impjegat ikun ikkonsulta u li dan jipprokura għal dan ta' l-aħħar impjieg suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali, għal ħin ta' xogħol fil-ġimgħa ta' mill-inqas 15-il siegħa. Il-garanzija għall-impjieg hija valida għall-perjodi suċċessivi ta' tliet xhur.
[…]"
8 Skond l-Artikolu 1 tal-ktieb IV tas-SGB (iktar 'il quddiem il-"SGB IV"):
"(1) […] Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ktieb, bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel u t-tieni titoli tar-raba' sezzjoni u tal-ħames sezzjoni, huma applikabbli wkoll għall-promozzjoni ta' l-impjieg.
[…]"
9 L-Artikolu 3 tas-SGB IV jipprevedi li:
"Id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta' assigurazzjoni u dwar id-dritt ta' assigurazzjoni huma applikabbli,
1. safejn dawn jippreżupponu attività ta' impjieg jew indipendenti, għal persuni kollha li jeżerċitaw xi waħda minn dawn l-attivitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-kodiċi,
2. [...]."
10 Skond l-Artikolu 30 tal-ktieb I tas-SGB:
"(1) Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kodiċi huma applikabbli għal persuni kollha li d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom hija stabbilita fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
(2) Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli bla ħsara għar-regoli tad-dritt supranazzjonali jew internazzjonali.
(3) […]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Fis-27 ta' Awwissu 2003, ITC ikkonkludiet kuntratt għall-impjieg ma’ M. Halacz, applikant għall-impjieg. Dan il-kuntratt kien jobbliga lill-ITC tgħin li dan ta' l-aħħar sabiex jikseb impjieg suġġett għall-kundizzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali u li jagħmel dak kollu neċessarju sabiex jitwettaq dan l-impjieg.
12 M. Halacz kien ippreżenta lill-ITC il-garanzija għall-impjieg li l-Bundesagentur kienet tagħtu. Il-garanzija kienet tippreċiża li l-applikant għall-impjieg seta' jagħżel intermedjarju wieħed jew aktar u li l-ammont stipulat fuq il-garanzija jitħallas lill-intermedjarju privat li jkun sablu impjieg. Skond id-dispożizzjonijiet pertinenti tas-SGB III, ir-rimunerazzjoni titħallas bil-kundizzjoni, b'mod partikolari, li l-impjieg ikun suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali, li l-ħin tax-xogħol ikun ta' mill-inqas ħmistax-il siegħa fil-ġimgħa u li l-perijodu ta' impjieg mifthiem ikun ta' mill-inqas tliet xhur.
13 Fit-3 ta' Settembru 2003, wara l-intervent ta' ITC, M. Halacz ikkonkluda kuntratt ta' xogħol b'terminu determinat ma' kumpannija stabbilita fl-Olanda, għal perijodu li kien jibda fl-4 ta' Settembru 2003 sa l-4 ta' Marzu 2004. Min iħaddem ikkonferma li dan kien jikkonsisti f'relazzjoni ta' impjieg suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali u li l-ħin tax-xogħol kien ta' mill-inqas ħmistax-il siegħa kull ġimgħa.
14 B'ittra tal-15 ta' Settembru 2003, ITC talbet lill-Bundesagentur il-ħlas, għall-ewwel, tas-somma ta' EUR 1,000 skond il-garanzija għal impjieg li hija ppreżentat fl-istess ħin. Il-Bundesagentur ċaħad din it-talba bid-deċiżjoni amministrattiva tat-2 ta' Ottubru 2003 minħabba li M. Halacz ma tpoġġiex f'impjieg suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju Ġermaniż.
15 It-talba ppreżentata, fis-16 ta' Ottubru 2003, minn ITC ġiet miċħuda mill- Bundesagentur bid-deċiżjoni amministrattiva tas-27 ta' Ottubru, 2003 minħabba li l-kunċett ta' assigurazzjoni soċjali obbligatorja kien iddefinit fl-Artikoli 1, 2 u 3 tas-SGB IV, dispożizzjonijiet li jirregolaw ukoll is-SGB III. Id-dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni obbligatorja huma applikabbli b'hekk għall kull persuna impenjata f'relazzjoni ta' impjieg fit-territorju ta' applikazzjoni tas-SGB, jiġifieri fit-territorju Ġermaniż.
16 Fl-14 ta' Novembru 2003, ITC ippreżentat quddiem is-Sozialgericht Berlin rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni tal-Bundesagentur, tat-2 ta' Ottubru 2003, hekk kif ikkonfermata bid-deċiżjoni mogħtija fis-27 ta' Ottubru 2003 wara t-talba tagħha.
17 Waqt li ddikjarat li d-dispożizzjoni fil-kawża tas-SGB III tista' tiġi interpretata b'mod konformi mad-dritt komunitarju, din il-qorti tikkonstata li meta jiġi applikat id-dritt Ġermaniż biss, din hija applikabbli biss għall-impjiegi eżerċitati fit-territorju ta' applikazzjoni tas-SGB.
18 F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Berlin iddeċidiet li tissosspendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Sa fejn l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, ta' SGB III, fis-sens li b'impjieg suġġett għall-kundizzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali wieħed irid ifisser biss impjieg ta' dan it-tip li jiġi eżerċitat fit-territorju ta' applikazzjoni ta' [SGB], taffettwa r-regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġi l-moviment liberu tal-persuni, imsemmija b'mod partikolari fl-Artikoli 18 KE u 39 KE, kif ukoll l-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68?
2) a) Kemm huwa possibbli u neċessarju li tiġi interpretata din id-dispożizzjoni b'mod konformi mad-dritt Komunitarju sabiex tevita l-ksur li jirriżulta, jekk dan huwa l-każ, mill-ipoteżi prevista fl-ewwel domanda?
b) Fil-każ fejn mhuwiex possibli jew neċessarju li jiġi interpretat b'mod konformi mad-dritt komunitarju: sa fejn l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, imur kontra r-regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġu l-moviment liberu tal-ħaddiema?
3) Sa fejn l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, fis-sens li b'impjieg suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali wieħed irid ifisser biss impjieg ta' dan it-tip li jiġi eżerċitat fit-territorju ta' applikazzjoni ta' [SGB], jaffetwa r-regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni, imsemmija b'mod partikolari fl-Artikoli 49KE, 50 KE u 87 KE, moqrija flimkien ma' l-Artikoli 81 KE, 85 KE u 86 KE jew regoli oħra tad-dritt komunitarju?
4) a) Sa fejn huwa possibbli u neċessarju li tiġi interpretata din id-dispożizzjoni b'mod konformi mad-dritt komunitarju sabiex tevita l-ksur li jirriżulta, jekk dan huwa l-każ, ta' l-ipoteżi prevista fit-tielet domanda?
b) Fil-każ fejn m'huwiex possibbli jew neċessarju li jiġi interpretat b'mod konformi mad-dritt komunitarju: l-Artikolu 421g, paragrafu 1, it-tieni frażi, tas-SGB III, kemm imur kontra d-dritt komunitarju sa fejn il-moviment liberu tal-ħaddiema mhuwiex protett?"
Fuq l-ewwel domanda u l-parti (b) tat-tieni domanda dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema
19 Bil-mistoqsijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 39 KE, kif ukoll l-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament Nru 1612/68, jipprekludux li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, tipprevedi li l-ħlas minn Stat Membru lill-aġenzija privata għall-impjieg tar-rimunerazzjoni dovuta minn applikant għall-impjieg lil din l-aġenzija abbażi ta' l-impjieg tiegħu għandu jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-impjieg li jinsab minn dan l-intermedjarja jkun suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju ta' dan l-Istat.
20 Fl-ewwel lok, huwa tajjeb li tingħata risposta għall-argument tal-Gvern Ġermaniż li jgħid li aġenzija privata, bħalma hija ITC, ma tista’ tinvoka la l-Artikolu 39 KE u lanqas ir-Regolament Nru 1612/68 minħabba li, peress li hija qed taġixxi bħala intermedjarja u mhux bħala impjegata, hija ma taqax fil-qasam ta' applikazzjoni ratione personae ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa jirreferi f'dan ir-rigward għas-sentenza tal-11 ta' Diċembru 1997, Job Centre, imsejjaħ "Job Centre II" (C‑55/96, Ġabra p. I‑7119, punt 13).
21 L-Artikolu 39(1) KE jipprevedi, f'termini ġenerali, li l-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jiġi assigurat fi ħdan il-Komunità Ewropea. Skond il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, din il-libertà timplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq nazzjonalità, bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjieg, ir-rimunerazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol, u jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta' pubblika u saħħa pubblika, li jiġu aċċettati offerti ta' impjieg li jkunu saru; li jsiru spostamenti liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta' l-Istati Membri, li minħabba hekk wieħed jista' joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat.
22 Madankollu, jekk jiġi stabbilit li dawn id-drittijiet ta' moviment ħieles previsti fl-Artikolu 39 KE jibbenefikaw għall-ħaddiema inklużi l-applikanti għall-impjieg (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta' Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punti 12 u 13), xejn fil-kliem ta' dan l-Artikolu ma jindika li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu invokati minn oħrajn (ara s-sentenza tas-7 ta' Mejju 1998, Clean Car Autoservice, C‑350/96, Ġabra p. I‑2521, punt 19).
23 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu impenjati u okkupati mingħajr diskriminazzjoni neċessarjament għandu jkollu bħala korollarju tiegħu d-dritt ta' min iħaddem li jimpjegahom fir-rispett tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza Clean Car Autoservice, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).
24 F'dak li jirrigwarda aġenzija privata għall-impjieg bħalma hija l-ITC, din hija responsabbli għal attivitajiet ta' medjazzjoni u ta' interpożizzjoni bejn it-talbiet u l-offerti ta' l-impjieg. Kuntratt ta' impjieg konkluż ma' l-applikant għall-impjieg għalhekk jikkonferixxi fuq din l-aġenzija rwol ta' intermedjarja safejn hija tirrapreżenta lil dan l-applikant u tfittex li tikkonkludi, f’ismu, kuntratt ta' xogħol.
25 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li aġenzija privata għall-impjieg tista', f'ċerti ċirkustanzi, tinvoka d-drittijiet direttament irrikonoxxuti għall-ħaddiema komunitarji taħt l-Artikolu 39 KE.
26 Fil-fatt, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jaċċedu għall-attività ta' impjieg, u sabiex tiġi eżerċitata fit-territorju ta' Stat Membru ieħor mingħajr diskriminazzjoni, għandu wkoll ikollu bħala korollarju tiegħu d-dritt ta' l-intermedjarji, bħala aġenżija privata għall-impjieg, li tgħinhom sabiex isibu impjieg bir-rispett tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
27 Din l-interpretazzjoni ta' dawn ir-regoli hija neċessarja l-iktar fiċ-ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, meta aġenzija privata għall-impjieg tkun ikkonkludiet kuntratt ta' ingaġġ ma' applikant għall-impjieg bis-saħħa ta' garanzija għall-impjieg mogħtija lil dan ta' l-aħħar li biha l-aġenzija federali ta' l-impjieg tkun responsabbli għall-ispejjeż ta' l-aġenzija privata għall-impjieg jekk din issib għal dan l-applikant ta' impjieg kuntratt ta' xogħol li jissodisfa ċerti kriterji. F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa obbligu ta' l-aġenzija privata għall-impjieg u mhux ta' l-applikant għall-impjieg li titlob mingħand l-aġenzija federali ta' l-impjieg il-ħlas tar-rimunerazzjoni ta' din l-aġenzija.
28 Fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Job Centre II, iċċitata iktar 'il fuq, xejn ma jmur kontra din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
29 Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Ġermaniż li jgħid li ITC ma tistax tinvoka d-drittijiet previsti fl-Artikolu 39 KE minħabba li din l-aġenzija hija stabbilita fi Stat Membru wieħed, għandu jiġi mfakkar li r-regoli tat-Trattat f'dan il-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti li jeżegwuhom ma jistgħux jiġu applikati għall-attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta' rabta ma' kwalunkwe sitwazzjoni prevista mid-dritt komunitarju u li l-elementi kollha pertinenti jseħħu ġewwa Stat Membru wieħed biss (sentenzi tas-26 ta' Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 26, u tal-11 ta' Ottubru 2001, Khalil et, C‑95/99 sa C‑98/99 u C‑180/99, Ġabra p. I‑7413, punt 69).
30 Madankollu, anki jekk aġenzija privata għall-impjieg stabbilita fil-Ġermanja, bħal ma hija l-ITC, tixtieq tinvoka r-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, dan m'għandux ikollu effett fuq l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli. Fil-fatt, din l-aġenzija tilmenta preċiżament li ġiet żvantaġġata mis-sistema ta’ garanzija għall-impjieg stabbilita mill-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, b'tali mod li l-applikant għall-impjieg li hija sabitlu impjieg kien jew seta' jkun ukoll żvantaġġat, minħabba li dan l-impjieg kien jinsab fi Stat Membru ieħor (ara wkoll, f'dan is-sens, Terhoeve, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).
31 Fit-tielet lok, f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk leġislazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, liċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jagħtu żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta huma jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta' Lulju 1988, Wolf et, 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 13; tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 94; Terhoeve, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37; tas-27 ta' Jannar 2000, Graf, C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 21, u tas-17 ta' Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 25).
32 F'dan il-kuntest iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri jiddisponu b'mod partikolari mid-dritt, li huma direttament għandhom taħt it-Trattat, li joħorġu mill-Istat Membru ta' origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u joqgħodu hemm sabiex jeżerċitaw attività ekonomika hemm stess (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Bosman, punt 95, u Terhoeve, punt 38).
33 Dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixxklu jew jiddiswadu ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru milli joħroġ mill-Istat ta' oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakli għal din il-libertà anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Bosman, punt 96; Terhoeve, punt 39; Graf, punt 23; sentenzi tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 74; tat-2 ta' Ottubru 2003, Van Lent, C‑232/01, Ġabra p. I‑11525, punt 16, u Kranemann, iċċitati iktar 'il fuq, punt 26).
34 Fil-fatt, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ħaddiem jew applikant għall-impjieg jista' jiġi applikat lilu fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat fil-qasam tal-moviment (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 30, u tad-29 ta' April 2004, Pusa, C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 18).
35 Safejn leġislazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-Istat Membru jagħti biss ir-rimunerazzjoni dovuta lill-aġenzija privata għall-impjieg jekk l-impjieg mogħti minn din l-aġenzija huwa suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali f'dan l-Istat Membru, applikant għall-impjieg li għalih din l-aġenzija sabet kuntratt ta' xogħol suġġett għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fi Stat Membru ieħor isib ruħu f'sitwazzjoni aktar żvantaġġata minn dik ta’ fejn l-aġenzija in kwistjoni tikkonkludi kuntratt ta' xogħol f'dan l-Istat Membru, għaliex f'każ simili huwa kien jibbenefika mill-ħlas tar-rimunerazzjoni dovuta lill-aġenzija intermedjarja minħabba l-ingaġġ.
36 Leġislazzjoni bħal din, li toħloq ostaklu li jista' jidisswadi lill-applikanti għall-impjieg, b'mod partikolari dawk li r-riżorsi finanzjarji tagħhom huma limitati, u, konsegwentement, l-aġenziji privati għall-impjieg, li jfittxu xogħol fi Stat Membru ieħor peress li l-kummissjoni ta' l-ingaġġ ma titħallasx mill-Istat Membru ta' origini ta' dan l-applikant, hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 39. Konsegwentement, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk hemmx ksur ta' l-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament Nru 1612/68.
37 Miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema ma tistax tiġi aċċettata sakemm ma jkollhiex xi għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tkun ġustifikabbli b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Però, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan in kwistjoni u ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kranemann, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).
38 Għalhekk, hemm lok, li jiġi eżaminat jekk miżura bħas-sistema tal-garanziji għall-impjieg ġermaniż tistax tiġi ġġustifikata, l-ewwel nett, mill-fatt li tali sistema tirrapreżenta strument ġdid ta' politika tas-suq tax-xogħol nazzjonali previst li jtejjeb l-impjieg tal-ħaddiema kif ukoll li jonqos il-qgħad, it-tieni nett, bil-fatt li hija tipprevedi li tipproteġi l-assigurazzjoni soċjali nazzjonali li tista' tiġi ggarantita biss permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fuq livell nazzjonali u li ssofri telf tal-kontribuzzjonijiet fil-każ ta' ingaġġ ta' applikanti ta' impjieg fi Stati Membri oħra, u, fl-aħħar nett, mill-fatt li hija tipprevedi li tipproteġi s-suq tax-xogħol nazzjonali kontra t-telf ta’ l-impjegati kkwalifikati.
39 F'dak li jirrigwarda l-ewwel ġustifikazzjoni prevista, għandu jiġi mfakkar li huwa obbligu ta' l-Istati Membri li jagħżlu l-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet li huma jfittxu fil-qasam ta' l-impjieg. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta' diskrezzjoni kbira fl-eżerċizzzju ta' din il-kompetenza. Barra minn hekk, m'għandux jiġi kkontestat li l-promozzjoni ta' l-impjieg tikkostitwixxi għan leġittimu ta' politika soċjali (ara, f'dak li jirrigwarda t-trattament ugwali bejn il-ħaddiema maskili u ħaddiema femminili, is-sentenzi tad-9 ta' Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez, C‑167/97, Ġabra p. I‑623, punti 71 u 74, u tal-11 ta' Settembru 2003, Steinicke, C‑77/02, Ġabra p. I‑9027, punti 61 u 62).
40 Madankollu, il-marġni ta' diskrezzjoni li jiddisponu minnha l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali ma jistgħux jiġġustifikaw il-fatt li jinkisru d-drittijiet tal-persuni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati Terhoeve, punt 44; Seymour‑Smith u Perez, punt 75, u Steinicke, punt 63).
41 Issa, sempliċi affermazzjonijiet ġenerali dwar il-kapaċità tas-sistema tal-garanziji għall-impjieg in kwistjoni fil-kawża prinċipali li jitjieb l-ingaġġ tal-ħaddiema kif ukoll li jonqos il-qgħad fil-Ġermanja mhumiex biżżejjed sabiex juru li l-għan ta' din is-sistema jiġġustifika li l-eżerċizzju ta' waħda mil-libertajiet fundamentali tad-dritt komunitarju jiġi ristrett, lanqas ma tagħti elementi li jippermettu b'mod raġjonevoli li jiġi evalwat li l-motivi magħżula huma jew jistgħu jkunu kapaċi li jiffaċilitaw it-twettiq ta' dan il-għan.
42 Dan huwa applikabbli wkoll għat-tieni ġustifikazzjoni, dwar il-protezzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniza. Fil-fatt, l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn it-telf tal-kontribuzzjonijiet soċjali fil-Ġermanja u l-ingaġġ ta' l-applikant għall-impjieg fi Stat Membru ieħor ma ġiex stabbilit. Barra minn hekk, meta jitqies il-livell tal-qgħad għoli fil-Ġermanja, mhuwiex ċar li impjieg vakanti f'dan l-Istat jibqa' hemm għal ħafna żmien minħabba li applikant għall-impjieg ġie ingaġġat fi Stat Membru ieħor.
43 Jekk huwa minnu li riskju ta' effett gravi għall-ekwilibru finanzjarju ta' sistema tas-sigurtà soċjali jista' jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta' interess ġenerali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta' April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41), tali riskju ma ntweriex f'dan il-każ. Fil-fatt, it-telf tal-kontribuzzjonijiet tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża jistgħu jiġu mmoderati. Minn naħa, jekk l-applikant għall-impjieg ingaġġat fi Stat Membru ieħor mhuwiex aktar obbligat li jħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali fl-Istat Membru tiegħu ta' oriġini, dan ta' l-aħħar mhuwiex aktar obbligat li jħallas kumpens tal-qgħad. Minn naħa l-oħra l-istess natura tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilita mit-Trattat timplika li t-tluq ta' ħaddiem lejn Stat Membru ieħor tista' tiġi kkumpensata bil-miġja ta' ħaddiem minn Stat Membru ieħor.
44 Anki jekk wieħed kellu jqis li l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluża l-prevenzjoni tat-telf ta' impjegat ikkwalifikat, tista', f'ċerti ċirkustanzi u billi jiġu rrispettati ċertu kundizzjonijiet, tiġġustifika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu, f'kull każ, jiġi rrilevat li leġislazzjoni nazzjonali bħal din tal-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li jidher li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Għanijiet simili ma jistgħux jiġġustifikaw li jiġi rrifjutat b'mod sistematiku l-benefiċċju ta’ garanziji għall-impjieg għall-applikanti ta' impjieg imqabbda fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, tali miżura hija ekwivalenti għall-istess negazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilita fl-Artikolu 39 KE, li jipprevedi li jigarantixxi għall-ħaddiema u għall-applikanti ta' impjieg komunitarju d-dritt li jaċċedu għal attività ta' impjieg ta' l-għażla tagħhom u li jeżerċitawha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor (ara, f'dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tal-5 ta' Novembru 2002, Überseering, C‑208/00, Ġabra p. I‑9919, punt 93).
45 F'dawn iċ-ċirkostanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 39 KE jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal ma huwa l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, jipprevedi li l-ħlas minn Stat Membru lil aġenzija privata għall-impjieg tar-rimunerazzjoni dovuta minn applikant għall-impjieg fir-rigward ta' l-ingaġġ tiegħu jiġi sottomess għall-kundizzjoni li l-impjieg misjub minn din l-intermedjarja jkun issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju ta' dan l-Istat.
Fuq it-tielet domanda
46 B'din id-domanda l-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludux li leġislazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, jipprevedi li l-ħlas minn Stat Membru lil aġenzija privata għall-impjieg tar-rimunerazzjoni dovuta minn applikant għal impjieg lil din l-aġenzija fir-rigward ta' l-ingaġġ minn din ta' l-aħħar ikun sottomess għall-kundizzjoni li l-impjieg misjub minn din l-intermedjarja jkun issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju ta' dan l-Istat. Minn naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 87 KE, moqri flimkien ma' l-Artikoli 81 KE, 85 KE u 86 KE, jipprekludix tali leġislazzjoni.
Fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta' għajnuniet mill-Istat
47 F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-digriet ta’ rinviju li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-garanziji għall-impjieg previsti fl-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB, jikkostitwixxux għajnuniet mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, safejn il-fatt li l-applikant għall-impjieg jiġi meħlus mill-obbligu tiegħu li jħallas lill-aġenzija privata għall-impjieg ir-rimunerazzjoni dovuta lilha fir-rigward ta' l-ingaġġ li hija sabitlu jista' jwassal li jagħti vantaġġ lil dawn l-aġenziji intermedjarji.
48 F'dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jiġi mfakkar li hija l-qorti nazzjonali biss li għandha l-każ quddiemha li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, biex tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta' kull kawża, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari biex tkun f'pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Bosman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).
49 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma setgħetx tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, m’għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew ma’ l-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ tip ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tingħata risposta effettiva għad-domandi magħmula lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 2000, Idéal Tourisme, C‑36/99, Ġabra p. I‑6049, punt 20).
50 F'dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax l-implikazzjoni ta' kwalifika eventwali tas-sistema tal-garanziji għall-impjieg stabbilita mil-leġislazzjoni in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat għall-kawża pendenti quddiemha.
51 Barra minnhekk, filwaqt li din il-qorti tispjega, b'mod ġenerali, it-tħaddim tas-sistema tal-garanziji għall-impjieg in kwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta' indikazzjonijiet konkreti dwar l-eżistenza jew le ta' vantaġġ u dwar l-effett ta' din is-sistema fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, dan ma jippermettix li jiġi vverifikat jekk din is-sistema hijiex konformi mar-regoli komunitarji applikabbli fil-qasam ta' għajnuniet mill-Istat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punti 58 sa 62, u d-digriet tat-8 ta' Ottubru 2002, Viacom, C‑190/02, Ġabra p. I‑8287, punt 21).
52 Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet suffiċjenti, mhuwiex possibbli li tiġi ddefinita l-problema konkreta ta' interpretazzjoni li tista' titqajjem minn dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarju fil-qasam tal-kompetizzjoni li l-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni tagħha. Issa, ir-rekwiżit ta' preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġislattiv japplika b’mod partikolari fis-settur tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (digriet tad-19 ta' Marzu 1993, Banchero, C‑157/92, Ġabra p. I‑1085, punt 5; sentenza tat-13 ta' April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, Ġabra p. I‑2681, punt 22, u digriet tat-28 ta' Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, Ġabra p. I‑4979, punt 19).
53 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, m'hemmx lok li tingħata risposta għal din il-parti tat-tielet domanda.
Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi
54 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-attività ta' l-ingaġġ ta' impjegati tikkostitwixxi, skond il-ġurisprudenza, provvista ta' servizzi skond l-Artikoli 49 KE u 50 KE (ara s-sentenzi tat-18 ta' Jannar 1979, Van Wesemael, 110/78 u 111/78, Ġabra p. 35, punt 7, u tas-17 ta' Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punti 8 u 9).
55 Fir-rigward tad-domanda dwar jekk leġislazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, twassalx għal restrizzjoni pprojbita skond l-Artikolu 49 KE, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi teżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta' kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta' kull restrizzjoni, anke jekk din tapplika b'mod indistint għall-fornituri nazzjonali u dawk ta' Stati Membri oħra, meta hija ta' natura li tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, Ġabra p. I‑3949, punt 56; tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 33, u ta' l-20 ta' Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I‑1271, punt 21).
56 B’applikazzjoni ta' din ir-regola, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista', bil-kontra ta’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż, tiġi invokata minn impriża fir-rigward ta' l-Istat fejn hija stabbilita peress li s-servizzi jiġu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u, b'mod aktar ġenerali, f'kull każ fejn fornitur ta' servizzi joffri servizzi fit-territorju ta' Stat Membru minn barra dak fejn huwa stabbilit (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, Ġabra p. I‑5145, punt 14).
57 Billi tissuġġetta l-ħlas ta' garanzija għall-impjieg għall-kundizzjoni li l-applikant għall-impjieg jiġi impjegat f'impjieg issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju nazzjonali, leġislazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bbażati fuq il-post ta' eżekuzzjoni ta' din il-provvista.
58 Fil-fatt, tali leġislazzjoni tista' taffettwa lid-destinatarju tas-servizzi, jiġifieri, f'dan il-każ fil-kawża prinċipali, lill-applikant għall-impjieg li jrid, waqt il-kuntratt tax-xogħol konkluż mill-aġenzija privata għall-impjieg li tinsab fi Stat Membru ieħor, iħallas huwa stess ir-rimunerazzjoni dovuta lil din l-aġenzija.
59 Fir-rigward ta' l-aġenzija privata għall-impjieg, li pprovdiet is-servizzi, jekk hija tista' ċertament teżerċita l-attività tagħha ta' ingaġġ fi Stati Membri oħra, il-fatt li ssib impjieg għall-applikant ta' impjieg fi Stat Membru ieħor jimplika li r-rimunerazzjoni ta' l-ingaġġ ma tiġix mħallsa aktar mill-aġenzija federali ta' l-impjieg, imma taqa' fuq l-applikant għall-impjieg innifsu. Għalhekk, jekk l-attività ta' din l-aġenzija għall-impjieg ma tiġix eskluża, il-possibiltà li testendi l-attività tagħha fi Stati Membri oħra tiġi ristretta safejn huwa l-aktar bis-saħħa ta' l-eżistenza tas-sistema tal-garanziji għall-impjieg li numru ta' applikanti ta' impjieg irrikorrew għas-servizzi ta' din l-aġenzija, kif ukoll huwa bis-saħħa ta' din is-sistema li din l-aġenzija tista' timpjega applikant għall-impjieg fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tinkorri nuqqas ta' ħlas.
60 Fir-rigward tad-domanda dwar jekk jeżistix ukoll ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' l-aġenziji għall-impjieg ta' impjegati stabbiliti barra mit-territorju Ġermaniż, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija, fir-rigward tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ipotetika, b'tali mod li m'hemmx lok li tingħata risposta f'dan il-każ.
61 Fl-aħħarnett, fir-rigward, tad-domanda dwar jekk tali ostaklu jistax ikun iġġustifikat, safejn il-motivi invokati sabiex jiġġustifikaw dan l-ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma identiċi għal dawk eżaminati fil-punti 37 sa 44 ta' din il-kawża f'dak li għandu x'jaqsam mall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi konkluż li leġislazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 421g, paragrafu 1, it-tieni frażi, tas-SGB III, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mistennija.
62 Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu li leġislazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III, jipprevedi li l-ħlas minn Stat Membru lil aġenzija privata għall-impjieg tar-rimunerazzjoni dovuta mill-applikant għall-impjieg lil din l-aġenzija fir-rigward ta' ingaġġ ta' din ta' l-aħħar ikun sottomess għall-kundizzjoni li l-impjieg misjub minn din l-intermedjarja jkun issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju ta' dan l-Istat.
Fuq l-ewwel domanda, dwar iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni Ewropea
63 B'din id-domanda, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18 KE jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tas-SGB III.
64 F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Artikolu 18 KE, li jipprovdi b'mod ġenerali d-dritt, għaċ-ċittadini kollha ta' l-Ewropa, ta' moviment u residenza libera fit-territorji ta’ l-Istati Membri, isib espressjoni sinjifikattiva fl-Artikoli 39 KE u 49 KE f'dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.
65 Issa, safejn il-kawża prinċipali taqa' taħt dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interpetazzjoni ta' l-Artikolu 18 KE (ara s-sentenzi tas-26 ta' Novembru 2002, Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 26, u tas-6 ta' Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, Ġabra p. I‑1291, punt 20).
Fuq il-parti (a) tat-tieni u r-raba' domanda
66 Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi safejn huwa possibbli u neċessarju li tinterpreta dispożizzjoni ta' dritt intern b'mod konformi mad-dritt komunitarju.
67 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 KE, 49 KE u 50 KE jagħtu lill-persuni drittijiet li jistgħu jiġu invokati minnhom quddiem il-qorti u li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 7, u tat-3 ta' Diċembru 1974, Van Binsbergen, 33/74, Ġabra p. 1299, punt 26).
68 Skond ġurisprudenza kostanti, hija l-qorti nazzjonali li tagħti għad-dispożizzjoni tad-dritt intern, safejn permezz tad-dritt nazzjonali tagħha hija tkun ingħatat marġni ta' diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni skond l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Frar 1988, Murphy et, 157/86, Ġabra p. 673, punt 11, u tas-26 ta' Settembru 2000, Engelbrecht, C-262/97, Ġabra p. I-7321, punt 39).
69 Jekk tali applikazzjoni konformi mhijiex possibbli, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt komunitarju u li tipproteġi d-drittijiet li dan id-dritt jikkonferixxi lill-persuni, billi tħalli jekk hemm bżonn inapplikabbli d-dispożizzjonijiet konfliġġenti tad-dritt intern (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Murphy et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11; tad-29 ta' April 1999, Ciola, C‑224/97, Ġabra p. I‑2517, punt 26, u Engelbrecht, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).
70 Għalhekk, ir-risposta għal parti a) tat-tieni u r-raba' domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali għandha tagħti, lil dispożizzjoni ta' dritt intern, safejn mid-dritt nazzjonali tagħha tkun ingħatat marġni ta' diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi għall-eżiġenzi tad-dritt komunitarju, u, sa fejn tali interpretazzjoni konformi mhijiex possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jkunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti u li l-qrati nazzjonali għandhom iħarsu, għandhom jitħallew inapplikabbli d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt intern li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) l-Artikoli 39 KE, 49 KE u 50 KE jipprekludu leġislazzjoni nazzjonali li, bħal ma huwa l-Artikolu 421g(1), it-tieni frażi, tal-ktieb III tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, jipprevedi li l-ħlas minn Stat Membru lill-aġenzija privata għall-impjieg tar-rimunerazzjoni dovuta minn applikant għall-impjieg fir-rigward ta' l-ingaġġ tiegħu jiġi sottomess għall-kundizzjoni li l-impjieg misjub minn din l-intermedjarja jkun issuġġettat għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali fit-territorju ta' dan l-Istat.
2) il-qorti nazzjonali għandha tagħti, lil dispożizzjoni ta' dritt intern, safejn mid-dritt nazzjonali tagħha ma tkunx ingħatat marġni ta' diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi għall-eżiġenzi tad-dritt komunitarju, u, sa fejn tali interpretazzjoni konformi mhijiex possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jkunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti u li l-qrati nazzjonali għandhom iħarsu, għandhom jitħallew inapplikabbli d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt intern li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.