SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

28 ta' Settembru 2006 (*)

"Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta' 'ne bis in idem' - Kamp ta' applikazzjoni – Liberazzjoni ta' akkużati minħabba preskrizzjoni tad-delitt"

Fil-kawża C-467/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Málaga (Spanja), permezz ta' Deċiżjoni tat-8 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-2 ta' Novembru 2004, fil-proċedura kriminali kontra

Giuseppe Francesco Gasparini,

José Ma L. A. Gasparini,

Giuseppe Costa Bozzo,

Juan de Lucchi Calcagno,

Francesco Mario Gasparini,

José A. Hormiga Marrero,

Sindicatura Quiebra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Marzu 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal G. F. Gasparini, minn H. Oliva García, L. Pinto, I. Ayala Gómez u P. González Rivero, abogados,

–       għal J. Mª L. A. Gasparini, minn C. Font Felíu, abogado,

–       għal G. Costa Bozzo, minn L. Rodríguez Ramos, abogado, u C. Randón Reyna, procurador,

–       għal J. de Lucchi Calcagno, minn F. García Guerrero-Strachan, abogado, u B. De Lucchi López, procuradora,

–       għal F. M. Gasparini, minn J. García Alarcón, abogado,

–       għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn J.-C. Niollet, bħala aġent,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Polakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Escobar Guerrero, W. Bogensberger u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, ta' l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 (iktar 'il quddiem il-"KIFS"), u min-naħa l-oħra, ta' l-Artikolu 24 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura kriminali kontra G. F. Gasparini, J. Ma L. A. Gasparini, G. Costa Bozzo, J. de Lucchi Calcagno, F. M. Gasparini u J. Hormiga Marrero, kif ukoll kontra s-Sindicatura Quiebra, li huma akkużati li qegħdu fis-suq Spanjol żejt taż-żebbuġa ta' kuntrabandu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-kuntest ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea mit-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), tlettax-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża, huma awtorizzati jimplementaw bejniethom kooperazzjoni msaħħa f'oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif iddefinit fl-Anness ta' dan il-Protokoll.

4       Jiffurmaw parti mill-acquis ta' Schengen kif iddefinit, b'mod partikolari, il-ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 13), iffirmat f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' Schengen"), kif ukoll il-KIFS.

5       Bis-saħħa ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, l-acquis ta' Schengen huwa applikabbli mall-ewwel għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll.

6       Fl-applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE, fl-20 ta' Mejju 1999, li jiddetermina, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17). Mill-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni jirriżulta li flimkien ma' l-Anness A ta' din ta' l-aħħar, il-Kunsill stabbilixxa l-Artikoli 34 TEU u 31 TEU li jagħmlu parti mit-titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni" bħala bażi ġuridika ta' l-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS.

7       L-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS jaqgħu taħt il-Kapitolu 3, intitolat "Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem" tat-titlu III tiegħu, ukoll intitolat "Pulizija u Sigurtà".

8       L-Artikolu 54 tal-KIFS jipprovdi:

"Persuna li ġiet iġġudikata b'mod definittiv minn Parti Kontraenti ma tistax, għall-istess fatti, tiġi ppersegwita minn Parti Kontraenti oħra, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' kundanna, il-piena tkun diġa eżegwita jew qed tiġi eżegwita, jew ma tistax tiġi eżegwita skond il-liġi tal-Parti Kontraenti li tagħti s-sentenza". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill, tat-13 ta' Ġunju 2002, fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċessjoni bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat "Raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit mandat ta' arrest Ewropew":

"L-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru ta' l-eżekuzzjoni (hawnhekk iżjed 'il quddiem "l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi") għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2)      jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta' l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta' l-Istat Membru li jagħti s-sentenza;

[…]"

10     L-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni kwadru, intitolat "Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew" jipprovdi kif ġej:

"L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista' tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew:

[…]

4)      fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi mwaqqfa mill-istatut skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru taħt il-liġi kriminali proprja;

[…]"

11     Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi preliminarjament fuq is-suġġetti li jaqaw taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE hija rregolata permezz ta' l-Artikolu 35 ta' dan ta' l-aħħar.

12     Ir-Renju ta' Spanja ddikjara li jaċċetta l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi preliminarjament fuq il-validità u l-interpretazzjoni ta' l-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skond il-modalitajiet previsti fl-inċiżi 2 u 3(a) ta' dan l-Artikolu (ĠU 1999, C 120, p. 24).

13     Skond l-Artikolu 24 KE:

"Prodotti li ġejjin minn pajjiż mhux membru għandhom jitqiesu li huma f’ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru jekk il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu ġew miġbura fl-Istat Membru in kwistjoni, u li ma kinux ibbenefikaw minn xi rimborż totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji jew piżijiet."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     L-inċiż 1 ta' l-ewwel Artikolu, punti 1 u 2, tal-Liġi Qafas Nru 7/1982, tat-13 ta' Lulju 1982, li temenda l-leġiżlazzjoni fir-rigward ta' kuntrabandu u li tirregola d-delitti u l-ksur amministrattivi f'dan ir-rigward, (BOE Nru 181, tat-30 ta' Lulju 1982, p. 20623), jipprovdi:

"1.      Huwa ħati ta' delitt ta' kuntrabandu, meta l-valur ta' l-oġġetti jew effetti huwa mhux inqas minn miljun peżeta, kull min:

1)      jimporta jew jesporta legalment oġġetti fil-kummerċ, mingħajr ma jippreżentahom lill-uffiċċji doganali;

2)      iwettaq tranżazzjonijiet kummerċjali, iżomm jew iqiegħed legalment fiċ-ċirkulazzjoni oġġetti li ġejjin minn barra l-pajjiż fil-kummerċ mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet legali ta' importazzjoni."

15     Skond l-Artikolu 847 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali (ley de enjuiciamento criminal), l-ebda appell m'huwa possibbli kontra deċiżjoni mogħtija mill-Audiencia Provincial li taġixxi bħala organu inkarigata mill-appell.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16     Skond l-Audiencia Provincial de Málaga, jirriżulta minn indiċi razzjonali li, f'data mhux stabbilita tas-sena 1993, l-azzjonisti u l-amministraturi tal-kumpannija Minerva ddeċidew li jdaħħlu mill-port ta' Setúbal (il-Portugal) żejt taż-żebbuġa lampanti (jiġifieri raffinat) li ġej mit-Tuneżia u mit-Turkija, li ma kienx ġie ddikjarat lill-awtoritajiet doganali. Il-merkanzija kienet sussegwentement ġiet ittrasportata permezz ta' trakkijiet minn Setúbal sa Málaga (Spanja). L-akkużati kienu kkonċepixxu mekkaniżmu ta' kontijiet foloz li jagħtu wieħed x'jifhem li ż-żejt kien provenjenti mill-Iżvizzera.

17     Skond il-qorti tar-rinviju, is-Supremo Tribunal de Justiça (Portugal) qies, fis-sentenza tiegħu mogħtija fuq appell magħmul kontra t-Tribunal ta' Setúbal, li ż-żejt lampanti importat fil-Portugal kien ġie għaxar darbiet mit-Tuneżija u darba mit-Turkija, u li kienu ġew iddikjarati lill-awtoritajiet doganali Portugiżi kwantitajiet inqas minn dawk realment importati.

18     Is-Supremo Tribunal de Justiça llibera, minħabba preskrizzjoni, tnejn mill-akkużati fil-kawża li nstemgħet quddiemu, li huma akkużati wkoll fil-kawża prinċipali.

19     L-Audiencia Provincial de Málaga tispjega li hija għandha tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk jeżistix delitt ta' kuntrabandu jew jekk, għall-kuntrarju, dan id-delitt huwiex ineżistenti fir-rigward ta' l-awtorità tar-res judicata li għandha s-sentenza tal-Supremo Tribunal de Justiça jew fuq il-fatt jekk il-merkanzija hijiex f'ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju Komunitarju.

20     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Málaga ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Il-konstatazzjoni, mill-qrati ta' Stat Membru, li delitt huwa preskritt torbot lill-qrati ta' Stati Membri oħra?

2)      Il-liberazzjoni ta' persuna akkużata b'delitt, minħabba l-eżistenza ta' preskrizzjoni, huwa ta' benefiċċju, b'rifless, għall-persuni akkużati fi Stat Membru ieħor, meta l-fatti imputati huma identiċi jew, bl-istess mod, jista' jiġi kkunsidrat li l-preskrizzjoni tiffavorixxi wkoll l-individwi akkużati fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta' fatti identiċi?

3)      Jekk il-qrati kriminali ta' Stat Membru jikkonstataw li n-natura extrakomunitarja ta' merkanzija mhijiex stabbilita għall-finijiet ta' delitt ta' kuntrabandu u jilliberaw l-akkużati, il-qrati ta' Stat Membru ieħor jistgħu jestendu l-investigazzjoni tagħhom sabiex jistabbilixxu li l-importazzjoni tal-merkanzija mingħajr ħlas tad-dazji twettqet minn ġewwa Stat terz?

4)      Peress li qorti ta' Stat Membru kkonstatat li mhuwiex stabbilit li l-merkanzija ġiet importata b'mod illegali fit-territorju Komunitarju jew li d-delitt ta' kuntrabandu huwa preskritt:

a)      Jista' jitqies li din il-merkanzija hija f'ċirkulazzjoni libera fit-territorju ta' Stati Membri oħra?

b)      Jista' jitqies li t-tqegħid fis-suq ta' Stat Membru ieħor, sussegwentement għall-importazzjoni fl-Istat li ddeċieda l-liberazzjoni, jikkostitwixxi komportament awtonomu u għaldaqstant li għandu jiġi punit jew, għall-kuntrarju, għandu jitqies bħala komportament inerenti għall-importazzjoni?"

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Jirriżulta mill-punti 12 u 15 ta' din is-sentenza li, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS skond l-Artikolu 35(1) sa (3)(a) UE.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk il-prinċipju ta' ne bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-KIFS, huwiex applikabbli għal deċiżjoni ta' qorti ta' Stat kontraenti li permezz tagħha l-akkużat huwa definittivament illiberat minħabba l-preskrizzjoni tad-delitt li wassal għall-akkużi.

23     Skond l-imsemmi Artikolu 54, l-ebda individwu ma jista' jiġi akkużat fi Stat kontraenti għall-istess fatti bħal dawk li għalihom huwa diġà ġie "definittivament iġġudikat" fi Stat Membru kontraenti ieħor, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta' kundanna, il-piena tkun diġa eżegwita jew qed tiġi eżegwita, jew ma tistax tiġi eżegwita.

24     Il-propożizzjoni prinċipali li tinsab fl-unika frażi li tikkostitwixxi l-Artikolu 54 tal-KIFS ma tagħmel l-ebda riferiment għall-kontenut tas-sentenza li saret definittiva. Hija mhijiex applikabbli għas-sentenzi li jagħtu kundanna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza reċenti, Van Straaten, C-150/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 56).

25     B'hekk, il-prinċipju ta' ne bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 54 tal-KIFS, jista' jiġi applikat għal deċiżjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat kontraenti li permezz tagħha akkużat huwa definittivament illiberat minħabba nuqqas ta' provi (sentenza Van Straaten, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

26     Il-kawża prinċipali tpoġġi l-mistoqsija dwar jekk jiġrix l-istess f'dak li jirrigwarda liberazzjoni definittiva għal preskrizzjoni tad-delitt li wassal għal akkużi.

27     Huwa kostanti li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu bħala objettiv li jevita li individwu, bil-fatt li huwa jeżerċita d-dritt tiegħu ta' ċirkulazzjoni libera, ma jkunx akkużat għall-istess fatti fit-territorju ta' diversi Stati kontraenti (ara s-sentenzi tal-11 ta' Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 38, u dik ta' llum, Van Straaten, msemmija qabel, punt 57). Huwa jassigura l-paċi ċivili ta' l-individwi li, wara li jkunu ġew akkużati, ikunu ġew definittivament iġġudikati. Dawn ta' l-aħħar għandhom ikunu jistgħu jiċċirkulaw liberament mingħajr ma jkollhom iħarsu minn akkużi kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor.

28     Issa, li ma jiġix applikat l-Artikolu 54 KIFS meta qorti ta' Stat kontraenti tkun tat, wara ta' l-eżerċizzju ta' l-azzjoni kriminali, deċiżjoni li tillibera l-akkużat definittivament minħabba l-preskrizzjoni tad-delitt li wassal għal akkużi jikkomprometti l-implementazzjoni ta' l-imsemmi objettiv. Tali individwu għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala ġġudikat definittivament fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

29     Ċertament, fir-rigward tal-perijodi ta' preskrizzjoni, ma saritx armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati kontraenti. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat UE, dwar il-kooperazzjoni kriminali fl-affarijiet interni u ġudizzjarji, li l-Artikoli 34 u 31 tiegħu ġew stabbiliti bħala l-bażijiet ġuridiċi ta' l-Artikolu 54 sa 58 tal-KIFS, u lanqas il-Ftehim ta' Schengen jew tal-KIFS stess ma jissuġġettaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS għall-armonizzazzjoni jew, almenu, għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-proċeduri ta' estinzjoni ta' l-azzjoni pubblika (sentenza Gözütok u Brügge, msemmija qabel, punt 32) u, iktar ġeneralment, għall-armonizzazzjoni jew għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali ta' dawn ta' l-aħħar (ara s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2006, Van Esbroeck, C-436/04, Ġabra pġ. I-2333, punt 29).

30     Għandu jingħad ukoll li l-prinċipju ta' ne bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 54, jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja komuni ta' l-Istati Kontraenti fis-sistemi rispettivi tagħhom ta' ġustizzja kriminali u li kull wieħed mill-imsemmija Stati jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri kontraenti oħra, anki jekk l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali stess iwassal għal soluzzjoni differenti (sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

31     Id-Deċiżjoni qafas 2002/584 ma timpedixxix l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ne bis in idem fl-ipoteżi ta' liberazzjoni definittiva minħabba l-preskrizzjoni tad-delitt. L-Artikolu 4(4) tagħha, invokat mill-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet li ressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew b'mod partikolari meta jkun hemm preskrizzjoni ta' l-azzjoni kriminali skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li jeżegwixxi u meta l-fatti jaqgħu taħt il-kompetenza ta' dan l-Istat skond il-liġi kriminali tiegħu stess. L-implementazzjoni ta' din il-fakultà mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta' sentenza bbażata fuq il-preskrizzjoni ta' l-azzjoni kriminali. L-ipoteżi li tgħid li l-individwu kkonċernat kien is-suġġett ta' sentenza definittiva għall-istess fatti minn Stat Membru hija rregolata permezz ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-imsemmija Deċiżjoni qafas, dispożizzjoni li tipprovdi raġuni għal non eżekuzzjoni obbligatorju ta' mandat ta' arrest Ewropew.

32     Fir-rigward tal-kumplessità tal-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat, fl-aħħar nett, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-fatti definittivament iġġudikati humiex l-istess.

33     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ta' qabel li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ta' ne bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-KIFS, huwa applikabbli għal deċiżjoni ta' qorti ta' Stat Kontraenti, mogħtija b'konsegwenza ta' l-eżerċizzju ta' l-azzjoni kriminali, li permezz tagħha akkużat jiġi definittivament illiberat minħabba l-preskrizzjoni tad-delitt li wassal għall-akkużi.

 Fuq it-tieni domanda

34     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment liema huma l-individwi li jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipju ta' ne bis in idem.

35     F'dan ir-rigward, jirriżulta b'mod ċar mill-formulazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS li huma biss l-individwi li ġew definittivament iġġudikati darba li jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipju ta' ne bis in idem.

36     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-finalità tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE, hekk kif ipprovduta fir-raba inċiż ta' l-Artikolu 2(1)UE, jiġifieri "li jżomm u jiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiħom il-moviment ħieles tal-persuni huwa assigurat flimkien ma' miżuri xierqa fir-rigward ta' [...] tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu".

37     Konsegwentement, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-prinċipju non bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-KIFS, mhuwiex applikabbli għal individwi oħra barra dawk li ġew definittivament iġġudikati minn Stat kontraenti.

 Fuq it-tielet domanda

38     It-tielet domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li tgħid li l-qrati kriminali ta' Stat Membru jikkonstataw li n-natura extrakomunitarja ta' merkanzija ma ġietx stabbilita għall-finijiet tad-delitt ta' kuntrabandu.

39     Din l-ipoteżi tikkontradixxi madankollu l-fatti tal-kawża prinċipali, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punti 16 sa 18 ta' din il-kawża.

40     Ċertament, il-maġġoranza ta' l-akkużati fil-kawża prinċipali jakkużaw lill-qorti tar-rinviju li għamlet qari żbaljat tas-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça. Huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, dan it-tribunal ma ddeċidiex li kwantitajiet inqas minn dawk realment importati fil-Portugal kienu ġew iddikjarati lill-awtoritajiet doganali. Skondhom, il-proċedura kriminali li tirrigwarda d-delitti ta' kuntrabandu u ta' falsifikazzjoni ta' dokumenti kienet ġiet iddikjarata skaduta minħabba l-preskrizzjoni ta' dawn ta' l-aħħar, ikkonstatata b'deċiżjoni ġudizzjarja, li ngħatat qabel il-ftuħ tas-seduta quddiem l-imsemmi tribunal. Barra minn hekk, fir-rigward ta' talba għal kumpens ta' natura ċivili ppreżentata fil-kuntest ta' din l-istess proċedura, l-akkużati kienu ġew illiberati, billi l-fatti allegati ma kinux ġew ippruvati.

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE għandha bħala għan li tkun applikabbli għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, salv il-kundizzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu (ara s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 28). Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa' taħt il-kompetenza ta' l-imħallef nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' biss tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta' test Komunitarju skond il-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1998, Dumon u Froment, C‑235/95, Ġabra p. I‑4531, punt 25, u tas-16 ta' Ottubru 2003, Traunfellner, Ġabra p. I‑11941, punt 21).

42     Madankollu, fid-dawl tal-qari mogħti mill-qorti tar-rinviju tas-sentenza tas- Supremo Tribunal de Justiça, l-ammissibbiltà tat-tielet domanda tqajjem id-dubji.

43     Fil-fatt, fir-rigward ta' dan il-qari, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa li fuqha hija bbażata t-tielet domanda, jiġifieri l-liberazzjoni ta' l-akkużati għan-nuqqas jew insuffiċjenza ta' provi tan-natura extrakomunitarja tal-merkanzija, hija nieqsa.

44     Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din ta' l-aħħar hija, bħala regola, obbligata li tagħti deċiżjoni meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, hija għandha, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, teżamina l-kundizzjonijiet li jitressqu quddiemha mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-kompetenza tagħha stess. Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali mhuwiex possibbli ħlief meta jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m'għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji biex tirrispondi b'mod utli għad-domandi li huma magħmula lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45     F'dan il-każ, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-fatti effettwata permezz tal-qorti tar-rinviju, it-tielet domanda tirrigwarda problema ta' natura ipotetika.

46     Konsegwentement, mhemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi din id-domanda.

 Fuq ir-raba' domanda

47     Għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 41 sa 45 ta' din is-sentenza, ir-raba' domanda hija inammissibbli safejn hija bbażata fuq il-premessa ta' liberazzjoni ta' l-akkużati għal nuqqas jew insuffiċjenza ta' provi. Min-naħa l-oħra, hija ammissibbli safejn hija ssemmi l-ipoteżi li fiha qorti ta' Stat Membru tkun ikkonstatat li d-delitt ta' kuntrabandu huwa preskritt.

 Fuq ir-raba' domanda, paragrafu (a)

48     Permezz tar-raba' domanda, paragrafu (a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk jistax jiġi preżunt mid-deċiżjoni ta' qorti ta' Stat kontraenti li saret definittiva li tikkonstata l-preskrizzjoni ta' delitt ta' kuntrabandu li l-merkanzija kkonċernata hija f'ċirkulazzjoni libera fit-territorju ta' l-Istati Membri l-oħra.

49     Skond l-Artikolu 24 KE, tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti sabiex prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi jitqiesu li huma f’ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru. Fil-fatt huma kkunsidrati bħala tali l-prodotti li għalihom, l-ewwel nett, il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni jkunu twettqu, it-tieni nett, id-dazji doganali u l-piżijiet ekwivalenti dovuti jkunu nġabru f'dan l-Istat Membru u, it-tielet nett, li ma jkunux ibbenefikaw minn xi rimbors totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji jew piżijiet.

50     Il-konstatazzjoni minn qorti ta' Stat Membru li d-delitt ta' kuntrabandu allegat lill-akkużat huwa preskritt ma jbiddilx il-kwalifika legali tal-prodotti kkonċernati.

51     Il-prinċipju ne bis in idem ma jorbotx il-qrati ta' Stat kontraenti ħlief safejn huwa jimpedixxi li akkużat li diġà ġie definittivament iġġudikat minn Stat kontraenti ieħor jiġi akkużat għat-tieni darba għall-istess fatti.

52     Għandha tingħata risposta għar-raba' domanda, paragrafu (a) li l-qorti kriminali ta' Stat kontraenti ma tistax tikkunsidra merkanzija bħala f'ċirkulazzjoni libera fit-territorju tiegħu minħabba l-unika fatt li l-qorti kriminali ta' Stat kontraenti ieħor ikun ikkonstata, fir-rigward ta' din l-istess merkanzija, li d-delitt ta' kuntrabandu huwa preskritt.

 Fuq ir-raba' domanda, paragrafu (b)

53     Permezz tar-raba' domanda tagħha, paragrafu (b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk it-tqegħid fis-suq fi Stat Membru ieħor, wara l-importazzjoni fl-Istat Membru li ddikjara l-liberazzjoni minħabba l-preskrizzjoni, jagħmilx parti mill-istess fatti jew jikkostitwixxix komportament awtonomu b'relazzjoni ma' l-importazzjoni fl-ewwel Stat Membru.

54     L-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "l-istess fatti" fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS huwa dak ta' l-identità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta' grupp ta' ċirkustanzi konkreti marbuta indissoċabilment flimkien (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

55     Fir-rigward b'mod iktar partikolari ta' sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li hija tista' tikkostitwixxi tali grupp ta' fatti.

56     Madankollu, l-evalwazzjoni definittiva f'dan ir-rigward għandha ssir mill-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali kkonċernati jikkostitwixxux grupp ta' fatti marbuta indissoċabilment fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll permezz ta' l-għan tagħhom (ara s-sentenza Van Esbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

57     Jirriżulta minn dak li jippreċedi li t-tqegħid fis-suq ta' merkanzija fi Stat Membru ieħor, wara l-importazzjoni tagħha fl-Istat Membru li ddeċieda l-liberazzjoni, jikkostitwixxi komportament li jista' jagħmel parti mill-"istess fatti" fis-sens ta' l-Artikolu 54 tal-KIFS.

 Fuq l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-prinċipju ta' ne bis in idem, li jinsab fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni, iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen, huwa applikabbli għal deċiżjoni ta' qorti ta' Stat Kontraenti, mogħtija wara ta' l-eżerċizzju ta' l-azzjoni kriminali, li permezz tagħha akkużat jiġi definittivament illiberat minħabba l-preskrizzjoni tad-delitt li wassal għall-akkuża.

2)      L-imsemmi prinċipju mhuwiex applikabbli għal individwi oħra barra dawk li jkunu ġew definittivament iġġudikati minn Stat kontraenti.

3)      Il-qorti kriminali ta' Stat kontraenti ma tistax tikkunsidra merkanzija bħala li hija f'ċirkulazzjoni libera fuq it-territorju tiegħu minħabba l-fatt waħdu li l-qorti kriminali ta' Stat kontraenti ieħor ikkonstata, fir-rigward ta' din l-istess merkanzija, li d-delitt ta' kuntrabandu huwa preskritt.

4)      It-tqegħid fis-suq ta' Stat Membru ieħor, posterjuri għall-importazzjoni tagħha fl-Istat Membru li ddeċieda l-liberazzjoni, jikkostitwixxi komportament li jista' jagħmel parti mill-"istess fatti" fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 54.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.