SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Settembru 2006 (*)
"Appell – Persunal temporanju – Artikolu 2(a) tal-KIU – Perijodu fi ħdan il-Kummissjoni bħala espert nazzjonali ssekondat– Talba għal annullament – Ammissibbiltà – Talba skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett – Att li jaffettwa lil persuna ħażin"
Fil-kawża C-417/05 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta’ Novembru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Martin u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Maria Dolores Fernández Gómez, irrappreżentata minn J. R. Iturriagagoitia, abogado,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, G. Arestis (Relatur) u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2006,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Settembru 2005, Fernández Gómez vs Il-Kummissjoni (T-272/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza, minn naħa, annullat id-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2003 ta’ l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ li tiċħad it-talba għal tiġdid tal-kuntratt tas-Sinjura Fernández Gómez (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-Kummissjoni sabiex tħallas lil din ta' l-aħħar is-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu subit minħabba din id-deċiżjoni kif ukoll sabiex tħallas l-ispejjeż.
Il-kuntest ġuridiku, il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
2 L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jistabbilixxi miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif kienu fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, jiddeterminaw rispettivament ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem "ir-Regolamenti tal-Persunal") u l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-"KIU").
3 Skond l-Artikolu 2(a) tal-KIU, persunal temporanju jfisser "persunal imqabbad biex jimla post li huwa inkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budget rigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta' l-estimi kklassifikaw bħala temporanji".
4 L-Artikolu 8 tal-KIU jispeċifika b’mod partikolari li persunal temporanju li għalih japplika l-imsemmi Artikolu 2(a), għandu jitqabbad jaħdem għal perijodu stabbilit jew indefinit u li l-kuntratt ta' tali persunal għal perijodu stabbilit jista’ jiġġedded darba waħda biss għal perijodu stabbilit.
5 Fit-18 ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni adottat Kodiċi ta’ kondotta tajba dwar id-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u ċerti kategoriji tal-persunal (iktar ’il quddiem il-"Kodiċi ta’ kondotta tajba").
6 Id-diversi kategoriji ta’ persunal previsti minn dan il-Kodiċi huma l-"persunal mhux suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-KIU" u "ċerti kategoriji speċifiċi [ta’ persunal]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond il-punt I B ta’ dan il-Kodiċi, "ċerti kategoriji speċifiċi [ta’ persunal]" tfisser "persuni koperti bir-Regolamenti tal-Persunal, bil-KIU jew b'kuntratti regolati bid-dritt pubbliku" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn it-termini ta' l-aħħar ikopru l-persunal awżiljari, esperti nazzjonali ssekondati (iktar ’il quddiem l-"ENI"), l-uffiċjali jew membri oħra tal-persunal bil-leave fuq raġunijiet personali jew li jaħdmu part-time, il-persuni li qabel kienu uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju kif ukoll l-"uffiċjali l-oħra tal-Komunitajiet" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 Fit-13 ta’ Novembru 1996, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni intitolata "Politika dwar il-persunal temporanju kopert bl-Artikolu 2(a) tal-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (KIU)" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 1996"). Din id-deċiżjoni tadotta, bħala orjentazzjonijiet ġodda, "dispożizzjonijiet operattivi" dwar ir-reklutaġġ u s-selezzjoni tal-persunal temporanju kopert bl-Artikolu 2(a) tal-KIU, it-terminu tal-kuntratti tagħhom, il-limitazzjoni ta’ akkumulazzjoni fiż-żmien ma’ karigi amministrattivi oħra jew kuntratti mal-Kummissjoni kif ukoll il-kompetizzjonijiet interni u esterni li jistgħu jinteressawhom.
8 Il-punt 6(b) u (c) ta’ din id-deċiżjoni jiddefinixxi t-terminu tal-kuntratti kif ukoll il-modalitajiet tar-regola kontra l-akkumulazzjoni applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju koperti bl-Artikolu 2(a) tal-KIU li lilhom saret offerta ta’ impjieg mill-1 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem ir-"regola kontra l-akkumulazzjoni"). Il-punt 6(c) b’mod partikolari jispeċifika dan li ġej:
"It-terminu totali ta' impjieg mal-Kummissjoni ta’ persunal li mhux uffiċjal m'għandux jaqbeż total ta’ 6 snin. Għal dan il-kalkolu ta’ 6 snin, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi bħala persunal temporanju 2-a) jew 2-b), persunal awżiljari u bħala persunal mhux suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-KIU. […] Rakkomandazzjonijiet ser ikunu indirizzati lid-Direttorati Ġenerali sabiex ikunu jistgħu japplikaw din il-limitazzjoni ta’ akkumulazzjoni fil-proposti tagħhom ta’ reklutaġġ." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Fl-14 ta’ Novembru 1996, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali "Persunal u amministrazzjoni" (iktar 'il quddiem id-"DĠ IX") bagħat ittra ta’ informazzjoni lill-persunal dwar il-"politika ġdida dwar il-persunal temporanju kopert bl-Artikolu 2-a) tal-KIU". Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regola kontra l-akkumulazzjoni li tillimita t-terminu totali ta’ impjieg tal-persunal mhux permanenti għal massimu ta’ sitt snin, dik l-ittra tispjega li, għall-kalkolu ta’ dan it-terminu massimu, jeħtieġ b’mod partikolari li jittieħdu in kunsiderazzjoni "il-perijodi li wieħed ikun serva […] bħala ENI jew bħala membru ieħor tal-persunal mhux suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-KIU" fi ħdan il-Kummissjoni.
10 Is-Sinjura Fernández Gómez ħadmet mal-Kummissjoni bħala ENI għal tliet snin, mill-1 ta’ Diċembru 1997 sat-30 ta’ Novembru 2000. Sussegwentement, hija ġiet ingaġġata bħala membru tal-persunal awżiljari, għal terminu ta’ xahrejn u nofs, mill-1 ta’ Diċembru 2000 sal-15 ta’ Frar 2001.
11 Sussegwentement, hija applikat għal impjieg ippubblikat fl-avviż ta’ post vakanti 13T/TRADE/2000 intiż sabiex jimtlew erba’ postijiet temporanji fi ħdan id-Direttorat Ġenerali "Kummerċ". Fir-rigward tat-terminu tal-kuntratt, dan l-avviż kien jindika:
"[F]in-nomina ta’ kandidat [...], il-Kummissjoni għandha tapplika r-regoli kontenuti fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 1996 bil-għan li tillimita t-terminu tal-kuntratti konklużi skond l-Artikolu 2(a) tal-[KIU] għal perijodu massimu ta’ tliet snin, b’possibbiltà waħda biss ta’ tiġdid għal perijodu massimu ta’ sena."
12 Peress li l-kandidatura tagħha ġiet milqugħa, is-Sinjura Fernández Gómez ikkonkludiet mal-Kummissjoni kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) tal-KIU. Dan il-kuntratt, iddatat 17 ta’ Jannar 2001, daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2001. Skond l-Artikolu 4 ta’ dan il-kuntratt, it-terminu ta’ dan il-kuntratt kien iffissat għal sentejn u disa’ xhur u nofs, b’mod li kellu jintemm fit-30 ta’ Novembru 2003.
13 Dan il-kuntratt ġie kkomunikat lill-konvenuta fl-appell permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2001 li fiha s-servizz kompetenti tal-Kummissjoni ġibed l-attenzjoni tas-Sinjura Fernández Gómez għall-fatt li "l-kuntratt [kien] konkluż għal perijodu determinat ta’ sentejn u disa’ xhur u nofs u li ma [setax] ikun imġedded konformement mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 1996 li tistabbilixxi t-terminu massimu tad-diversi tipi ta’ kuntratti".
14 Fit-13 ta’ Frar 2003, is-Sinjura Fernández Gómez bagħtet ittra elettronika lil aġent tad-DĠ IX, is-Sur Daum. Din l-ittra, intitolata "Domandi dwar l-issekondar ta’ l-ENI", kienet taqra hekk:
"[…] inkun grata jekk jogħġbok tagħtini l-informazzjoni segwenti:
– ir-'regola kontra l-akkumulazzjoni’ (deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 1996) hija applikabbli għall-issekondar ta’ ENI li bdew u spiċċaw qabel il-5 ta’ Jannar 2002? Fl-affermattiv,
– wara liema data hija applikabbli, u
– għal liema raġuni tali limitazzjoni ma tidhirx fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2001 (li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-ENI) u għal liema raġuni l-perijodi ta’ ssekondar ta’ l-ENI mhumiex imsemmija fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 1996?
[…]"
15 Permezz ta’ nota tat-3 ta’ April 2003 indirizzata lid-DĠ IX, il-kap ta’ l-unità li fih kienet taħdem is-Sinjura Fernández Gómez talab b’mod partikolari l-proroga tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ din ta' l-aħħar sabiex jintlaħaq terminu totali ta’ erba’ snin li huwa kien jikkunsidra bħala t-terminu massimu ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, din it-talba għal proroga kienet tispjega r-raġunijiet li għalihom iż-żamma tal-persuni kkonċernati fi ħdan l-unità kienet "mixtieqa bil-kbir". Min-naħa l-oħra, l-imsemmija nota rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 1996 ma kinitx tipprovdi li l-perijodu ta’ ssekondar bħala ENI għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ sitt snin previst mir-regola kontra l-akkumulazzjoni. Din l-istess nota indikat ukoll li l-ENI ma kinux inklużi bħala "persunal mhux suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-KIU" fil-Kodiċi ta’ kondotta tajba.
16 Fit-12 ta’ Mejju 2003, aġent tad-DĠ IX bagħat ittra elettronika lil aġent ta’ l-unità li kienet tagħmel parti minnha s-Sinjura Fernández Gómez. Din l-ittra kienet tgħid hekk:
"Ġejt mistoqsi nirrispondi [l-]messaġġ dwar il-prorogi mitluba permezz tan-nota tiegħek tat-3 ta’ April 2003 għal żewġ [membri tal-persunal temporanju] 2 a), is-Sinjura Fernández Gómez u s-Sur [...]
Is-Sinjura Fernández Gómez ikkuntattjat direttament lis-Sur Daum dwar il-kwistjoni tal-perijodu ENI kkalkolat fir-regola kontra l-akkumulazzjoni; dan ta' l-aħħar irrispondiha li kienet prassi stabbilita li dan il-perijodu ENI jiġi kkalkolat bħala perijodu ‘persunal mhux suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-KIU’ [...]
Konsegwentement nikkonferma li għal dawn iż-żewġ membri tal-persunal temporanju, bħal fil-każ ta’ l-oħrajn kollha fl-istess sitwazzjoni, mhux previst li jiġi newtralizzat il-perijodu li fih servew bħala ENI u lanqas li tiġi riveduta l-iskadenza tal-kuntratt tagħhom.
[…]"
17 Din l-ittra ntbagħtet lis-Sinjura Fernández Gómez permezz ta’ ittra elettronika tat-18 ta’ Ġunju 2003.
18 Fil-11 ta’ Lulju 2003, din ta' l-aħħar ressqet ilment fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li ġie miċħud fid-29 ta’ Ottubru 2003 permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni.
19 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Awwissu 2003, is-Sinjura Fernández Gómez fil-frattemp ippreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 101 328.60, flimkien ma’ l-interessi għad-dewmien, bħala kumpens tad-dannu subit.
20 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess jum, is-Sinjura Fernández Gómez ippreżentat ukoll talba intiża b’mod partikolari sabiex tikseb is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
21 Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Settembru 2003, Fernández Gómez vs Il-Kummissjoni (T-272/03 R, ĠabraSP p. I-A-197 u II-979), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.
22 Permezz ta’ att ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
23 B’digriet tat-30 ta’ April 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza iddeċidiet li tirriżerva l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għall-ġudizzju fuq il-mertu.
24 Permezz tas-sentenza kkontestata, wara li ddikjarat ir-rikors ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni tħallas lis-Sinjura Fernández Gómez is-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens tad-dannu subit.
It-talbiet tal-partijiet
25 Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla s-sentenza kkontestata;
– tiddeċiedi l-kawża, tilqa' t-talbiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tiċħad ir-rikors;
– sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
– tordna lis-Sinjura Fernández Gómez tbati l-ispejjeż ta’ l-istanza, inklużi l-ispejjeż tagħha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
26 Il-konvenuta fl-appell titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell kollu kemm hu;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż relatati mar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ma' l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
27 Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet, konformement ma’ l-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorizzazzjoni biex tippreżenta replika. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.
Fuq l-appell
28 Sabiex issostni l-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ dritt li allegatament wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza meta kkunsidrat ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata ammissibbli. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ dritt dwar l-Artikolu 8 tal-KIU u r-regola kontra l-akkumulazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ dritt għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dannu allegatament subit mill-konvenuta fl-appell.
Fuq l-ewwel motiv
29 Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett ikkonstatat fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata li d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-ittra elettronika tat-12 ta’ Mejju 2003, tikkontjeni r-risposta mogħtija mill-amministrazzjoni għat-talba għal proroga tal-kuntratt tas-Sinjura Fernández Gómez ippreżentata mill-kap ta’ l-unità tagħha fit-3 ta’ April 2003.
30 Skond il-punt 38 ta’ l-istess sentenza, id-deċiżjoni kkontestata tiċħad din it-talba għar-raġuni li l-perijodu ta’ tliet snin li l-konvenuta fl-appell serviet mal-Kummissjoni bħala ENI għandu jiġi kkalkolat għall-implementazzjoni tar-regola kontra l-akkumulazzjoni, billi l-imsemmi perijodu jiġi miżjud ma’ dawk, minn naħa, ta’ xahrejn u nofs li hija għamlet bħala membru tal-persunal awżiljari u, min-naħa l-oħra, ta’ sentejn u disa’ xhur u nofs li hija għamlet bħala membru tal-persunal temporanju, li jikkorrispondi, b'kollox, għall-perijodu massimu ta’ sitt snin ta’ impjieg fi ħdan l-istituzzjoni previst mir-regola kontra l-akkumulazzjoni.
31 It-tieni nett, b'risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, li skondha kulma tagħmel id-deċiżjoni kkontestata huwa li tikkonferma l-kontenut tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-konvenuta fl-appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, li l-paragun tad-deċiżjoni kkontestata mal-kuntratt u l-ittra tad-19 ta’ Jannar 2001 li kkomunikat dan il-kuntratt jippermetti li jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjoni tikkontjeni element ġdid fis-sens li hija tiċħad it-talba għal proroga ta’ l-imsemmi kuntratt għar-raġuni li l-perijodu mwettaq fis-servizz tal-Kummissjoni bħala ENI jrid jittieħed in kunsiderazzjoni għall-implementazzjoni tar-regola kontra l-akkumulazzjoni, filwaqt li l-atti preċedenti ħadu pożizzjoni biss fuq il-kwistjoni waħdanija tat-terminu tal-kuntratt mingħajr ma ppronunzjaw ruħhom fuq il-kwistjoni tal-eventwali proroga tiegħu meta dan il-kuntratt ikun wasal fi tmiemu, u fuq dan il-punt jirreferu għar-regoli applikabbli.
32 Wara li konsegwentement qieset, fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex att li jikkonferma deċiżjoni preċedenti, iżda att li jaffettwa ħażin lill-konvenuta fl-appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-aħħar nett ikkunsidrat, fil-punti 45 u 46 ta’ l-istess sentenza, li t-termini legali ġew osservati, sabiex tikkonkludi, fil-punt 47 ta’ l-imsemmija sentenza, li r-rikors huwa ammissibbli kollu kemm hu.
33 Il-Kummissjoni ssostni li, b'dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet bosta żbalji ta’ dritt. F’dan ir-rigward, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-konvenuta fl-appell ma għamlitx talba, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-proroga tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju, b’mod li, taħt dan il-kap biss, ir-rikors huwa inammissibbli. Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, billi d-deċiżjoni kkontestata hija sempliċi ittra ta’ informazzjoni mingħajr portata deċiżjonali, hija ma tammontax għal att li jaffettwa lil persuna ħażin.
34 Hemm lok li jiġu mfakkra t-termini ta’ l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skondhom:
"1. Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament[i] tal-Persunal tista' tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra [iktar 'il quddiem l-"AĦ"] biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erba’ xhur mid-data ta' meta ssir it-talba. Jekk fl-aħħar ta' dak il-perjodu, ma tasal l-ebda tweġiba għat-talba, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma kenitx aċċettata, li kontriha lment jista' jsir skond il-paragrafu li ġej.
2. Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista' tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li [j]affettwah[a] ħażin, kemm jekk l-imsemmi[ja] awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. […]
[…]"
35 Għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li talba tista' titressaq lill-AĦ biss minn persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal.
36 Bħala membru tal-persunal temporanju, il-konvenuta fl-appell tagħmel parti mill-persuni li għalihom japplika l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk tista’, abbażi ta’ dan, tressaq talba prevista minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk hija effettivament ressqitx talba bħal din.
37 Kif jirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuta fl-appell ikkuntattjat lid-DĠ IX permezz ta' l-ittra elettronika tat-13 ta’ Frar 2003 ċċitata fil-punt 14 tal-preżenti sentenza, fir-rigward tal-kuntratt tagħha. Mingħajr ma tinsisti partikolarment dwar il-fatt li din l-ittra tikkostitwixxi talba fis-sens ta' l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konvenuta fl-appell issostni li t-talba għal proroga tal-kuntratt tagħha tressqet, wara inizjattiva personali tagħha, mill-kap ta’ l-unità li fiha kienet taħdem.
38 Huwa ċertament minnu li, permezz ta’ nota tat-3 ta’ April 2003, l-imsemmi kap ta’ l-unità talab il-proroga tal-kuntratt tal-konvenuta fl-appell. Madankollu, kif jirriżulta mit-termini ċari ta’ l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal riprodotti fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, huma biss il-persuni li għalihom japplikaw l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal li jistgħu jagħmlu talba bħal din. Nota indirizzata minn servizz tal-Kummissjoni lil ieħor għalhekk ma taqax fil-kuntest definit minn din id-dispożizzjoni. Minbarra dan, jidher li nota bħal din ma tistax tiġi ekwiparata ma’ talba prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, għaliex altrimenti tkun tista' tiġi evitata l-proċedura stabbilita minn dik id-dispożizzjoni.
39 Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-ittra elettronika tat-13 ta’ Frar 2003 imsemmija iktar ’il fuq li l-konvenuta fl-appell ma stednitx lill-AĦ sabiex tieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ din l-ittra, intitolata "Domandi dwar l-issekondar ta’ l-ENI", il-konvenuta fl-appell limitat ruħha li titlob informazzjoni dwar l-applikazzjoni, fil-każ tagħha, tar-regola kontra l-akkumulazzjoni.
40 Minn dan isegwi li l-konvenuta fl-appell ma ssottomettiet l-ebda talba fis-sens ta' l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fin-nuqqas ta’ tali talba, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att li jaffettwa lil persuna ħażin, peress li l-konvenuta fl-appell, fi kwalunkwe każ, ressqet, kontra dan l-att, ilment fis-sens ta' l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
42 F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent direttament u immedjatament billi jimmodifikaw, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jistgħu jaffettwawh ħażin.
43 Għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li l-ittra elettronika tad-DĠ IX tat-12 ta’ Mejju 2003 manifestament ma tikkostitwixxix tali att.
44 Fil-fatt, anki jekk wieħed iqis li l-ittra in kwistjoni tikkontjeni deċiżjoni, skond il-ġurisprudenza, huwa biss il-kuntratt ta’ xogħol li joħloq effetti ġuridiċi għall-persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il-Kummissjoni, 329/85, Ġabra p. 3281, punti 10 u 11, u d-digriet ta’ l-4 ta’ Mejju 1988, Contini vs Il-Kummissjoni, 95/87, Ġabra p. 2537, punt 8). Issa, huwa paċifiku li l-konvenuta fl-appell qatt ma kkontestat il-klawżoli tal-kuntratt tagħha, kif speċifikati fl-ittra tad-19 ta' Jannar 2000 mibgħuta flimkien mal-kuntratt, fit-termini statutarji.
45 Minbarra dan, fir-rigward ta' l-ittra tat-12 ta’ Mejju 2003, għandu jiġi kkonstatat li, b'referenza għall-imsemmija klawżoli, din ma tikkontjeni ebda element ġdid f'dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar id-data li fiha jasal fi tmiemu l-kuntratt tal-konvenuta fl-appell u l-kwistjoni tal-proroga ta' dan il-kuntratt.
46 Issa, att li ma jikkontjeni l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti jammonta għal att purament konfermattiv ta' dan ta' l-aħħar u għaldaqstant ma jistax ikollu bħala effett li jiftaħ terminu ġdid ta’ appell (ara, s-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs il-Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18).
47 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrat, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni kkontestata tesponi r-risposta mogħtija mill-amministrazzjoni għat-talba għal proroga tal-kuntratt tas-Sinjura Fernández Gómez ippreżentata mill-kap ta’ l-unità tagħha fit-3 ta’ April 2003, u meta mbagħad ikkunsidrat, fil-punt 44 ta’ l-imsemmija sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jaffettwa lil persuna ħażin, sabiex tikkonkludi, fil-punt 47 ta’ l-istess sentenza, li r-rikors tal-konvenuta fl-appell huwa ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
48 Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa' l-ewwel motiv ta’ l-appell u li tiġi annullata s-sentenza kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi oħra invokati mill-Kummissjoni. Konsegwentement, hemm lok ukoll li tiġi annullata s-sentenza kkontestata safejn din ikkundannat lill-Kummissjoni tagħmel tajjeb għad-dannu allegatament subit mis-Sinjura Fernández Gómez minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
49 Skond it-tieni sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’dan il-każ partikolari.
50 Jirriżulta mill-punti 43 sa 47 iktar ’il fuq li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tintlaqa'. Konsegwentement, hemm lok li r-rikors tas-Sinjura Fernández Gómez jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn għandu l-għan li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.
51 F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-inammissibbiltà ta’ talba għall-annullament ta’ att iġġib magħha l-inammissibbiltà tat-talba għall-kumpens meta, kif huwa manifestament il-każ f’dan il-każ partikolari, teżisti rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ talbiet.
52 Minn dan isegwi li hemm lok li r-rikors tas-Sinjura Fernández Gómez jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
53 Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
54 Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
55 Madankollu, skond l-Artikolu 70 ta’ l-imsemmija Regoli, applikabbli għall-appelli magħmula mill-istituzzjonijiet skond l-Artikoli 118 u 122 ta' dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom, bħala regola, ibatu l-ispejjeż tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Settembru 2005, Fernández Gómez vs Il-Kummissjoni (T-272/03), hija annullata.
2) Ir-rikors imressaq mis-Sinjura Fernández Gómez quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, bil-għan li tiġi annullata d-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2003 ta’ l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ li tiċħad it-talba għal tiġdid tal-kuntratt tas-Sinjura Fernández Gómez u għall-kumpens tad-dannu allegat bħala l-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni, huwa miċħud bħala inammissibbli.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha għal dak li jikkonċerna kemm il-proċedura ta’ l-ewwel istanza kif ukoll l-appell.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.