SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2006 (*)

"Politika soċjali – Protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom – Direttiva 80/987/KEE – Direttiva li temenda 2002/74/KE – Kumpens għal sensja miftiehem waqt il-konċiljazzjoni – Ħlas assigurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija – Ħlas suġġett għal adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja"

Fil-kawża C-81/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2005, fil-proċedura

Anacleto Cordero Alonso

vs

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric (Relatur), K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għall-Fondo de Garantía Salarial (Fogasa), minn A. García Trejo, abogado del Estado,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (80/987/KEE) (ĠU L 283, p. 23) fil-verżjoni inizjali tagħha (iktar ’il quddiem id-"Direttiva 80/987"), kif ukoll fil-verżjoni tagħha emendata mid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 270, p. 10, iktar ’il quddiem id-"Direttiva 80/987 emendata").

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Cordero Alonso u l-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ Garanzija tal-Paga, iktar ’il quddiem il-"Fogasa") dwar ir-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jħallas lis-Sur Cordero Alonso, abbażi tar-responsabbiltà sussidjarja tiegħu, kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987 jipprovdi li "[d]in id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet ta’ l-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta’ insolvenza skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)".

4       L-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmija Direttiva jispeċifika li din ta’ l-aħħar hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem "impjegat", "min iħaddem", "paga", "dritt li jagħti titolu immedjat" u "dritt li jagħti titolu fil-ġejjieni".

5       L-Artikolu 3(1) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata."

6       Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, billi jillimitawha għal paga għal perijodu definit jew billi jiffissaw limitu massimu.

7       L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li din ta’ l-aħħar "ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu aktar lill-impjegati".

8       Skond l-Artikolu 10(a) ta’ l-istess Direttiva, din ta’ l-aħħar ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri "li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi".

9       L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 emendata jaqra kif ġej:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoni[ji]et pendenti [ta’ l-impjegati] li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew [mir-]relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri."

10     Skond l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2002/74 daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fit-8 ta’ Ottubru 2002.

11     L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

"1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet riferiti fl-ewwel subparagrafu għal kull stat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem li jiġri wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi [kif] issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     L-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistabbilixxi d-dritt fundamentali ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi.

13     L-Artikolu 26(1) u (2) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, dwar l-approvazzjoni tat-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema (Estatuto de los Trabajadores, BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi 60/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997 (BOE Nru 304, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1997, p. 37453, iktar ’il quddiem l-"Istatut tal-Ħaddiema"), jipprovdi:

"1.      Huma kkunsidrati bħala pagi l-vantaġġi ekonomiċi kollha li jirċievu l-impjegati, fi flus jew in natura, bħala korrispettiv għas-servizzi li huma jipprovdu għan-nom ta’ ħaddiehor fl-ambitu tax-xogħol tagħhom, meta dawn il-vantaġġi jikkumpensaw ix-xogħol effettiv, tkun xi tkun il-forma tal-paga, jew il-perijodi tal-mistrieħ ekwiparabbli għax-xogħol. […]

2.      Huma esklużi mill-kunċett ta’ paga s-somom li jirċievi l-impjegat bħala rimbors ta’ l-ispejjeż li huwa jinkorri fit-twettiq ta’ l-attività professjonali tiegħu, il-benefiċċji u l-kumpens tas-sigurtà soċjali u l-kumpens relattiv għal trasferimenti, sospensjonijiet jew sensji."

14     L-Artikolu 33 (1), (2) u (8) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, jgħid:

"1.      Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, korp awtonomu li jaqa’ taħt il-Ministeru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali u li għandu personalità ġuridika u l-kapaċità li jaġixxi bil-għan li jwettaq l-għanijiet tiegħu, għandu jħallas lill-impjegati l-ammont tal-pagi li huma dovuti lilhom f’każ ta’ insolvenza, ta’ sospensjoni tal-pagamenti, ta’ falliment jew ta’ amministrazzjoni ta’ min iħaddimhom taħt il-kontroll tal-qorti.

Għall-finijiet tas-subparagrafu preċedenti, huwa kkunsidrat bħala paga l-ammont rikonoxxut bħala tali fl-att ta’ konċiljazzjoni jew fid-deċiżjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-elementi kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 26(1), kif ukoll il-kumpens addizzjonali bħala ‘salarios de tramitación’, mogħti, jekk ikun il-każ, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, b’dan li l-Fond f’ebda każ m’għandu jħallas, konġuntament jew separatament, ammont ogħla mis-somma li tirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-doppju tal-paga minima interprofessjonali ta’ kuljum bin-numru ta’ jiem ta’ paga mhux imħallsa, sa massimu ta’ mija u għoxrin jum.

2.      Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, għandu jħallas il-kumpens stabbilit b’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva favur impjegati minħabba s-sensja tagħhom jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom skond l-Artikoli 50, 51 u 52(c) tal-preżenti liġi, sal-limitu massimu ta’ sena paga, b’dan li l-paga ta’ kuljum, li tintuża bħala bażi għall-kalkolu, ma tistax taqbeż id-doppju tal-paga minima interprofessjonali.

L-ammont tal-kumpens, għall-finijiet biss tal-ħlas tiegħu mill-Fond ta’ Garanzija tal-Paga f’każ ta’ sensja jew ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 50 tal-preżenti liġi, hija kkalkulata fuq il-bażi ta’ 25 jum għal kull sena ta’ servizz u ma tistax taqbeż il-limitu indikat fis-subparagrafu preċedenti.

[…]

8.      Fil-każ ta’ l-impriżi b’inqas minn ħamsa u għoxrin impjegat, il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga għandu jħallas 40 % tal-kumpens legali dovut lill-impjegati li r-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom intemmu in segwitu għall-proċedura mibdija skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 51 tal-preżenti liġi jew għar-raġuni prevista fil-punt (c) ta’ l-Artikolu 52.

[...]"

15     L-Artikolu 52(c) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, li jelenka l-kawżi ta’ estinzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol "għal raġunijiet oġġettivi", jipprovdi:

"Il-kuntratt jispiċċa

[....]

c)      f’każ ta’ neċessità oġġettivament rikonoxxuta li jitneħħew postijiet tax-xogħol għal waħda mill-kawżi previsti fl-Artikolu 51(1) tal-preżenti liġi u f’numru inferjuri għal dak stabbilit fl-istess Artikolu.

Għal dan il-għan, min iħaddem għandu jattribwixxi d-deċiżjoni ta’ estinzjoni għal kawżi ekonomiċi, bil-għan li dan jikkontribwixxi sabiex huwa joħroġ minn sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli, jew għal kawżi ta’ natura teknika, organizzattiva jew produttiva, bil-għan li jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-operat tajjeb ta’ l-impriża, li jkunu dovuti għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ din ta’ l-aħħar fis-suq, jew għal ħtiġijiet konnessi mat-talba, bis-saħħa ta’ organizzazzjoni aħjar tar-riżorsi."

16     L-estinzjoni ta’ kuntratt għal raġunijiet oġġettivi teżiġi min-naħa ta’ min iħaddem l-osservanza ta’ ċerti obbligi definiti fl-Artikolu 53(1) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, fosthom l-obbligu li

"[...]

b)      jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem [...] il-kumpens ta’ għoxrin jum għal kull sena ta’ servizz, kumpens li jkun ikkalkulat pro rata tan-numru ta’ xhur fir-rigward tal-perjodi ta’ inqas minn sena, u b’massimu ta’ tnax-il pagament mensili.

[...]"

17     L-Artikolu 84 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/1995, tas-7 ta’ April 1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar il-proċedura tax-xogħol (Ley de Procedimiento laboral, BOE Nru 86, tal-11 ta’ April 1995, p. 10695, iktar ’il quddiem il-"LPL") jipprovdi li, f’każ li tfalli l-konċiljazzjoni quddiem servizz amministrattiv li għandu jisma’ l-proċedura fl-ewwel lok skond l-Artikolu 63 ta’ l-istess Digriet, għandha obbligatorjament issir proċedura ġdida ta’ konċiljazzjoni quddiem l-organu ġudizzjarju kompetenti.

18     Fid-data tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-Renju ta’ Spanja ma kien adotta ebda dispożizzjoni li tinkludi referenza għad-Direttiva 2002/74, u lanqas ma nnotifika lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     Is-Sur Cordero Alonso kien impjegat f’impriża b’inqas minn 25 impjegat. Huwa ġie ssensjat għal motiv marbut mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-impriża. Il-proċeduri ġudizzjarji mressqa mis-Sur Cordero Alonso kontra din is-sensja wasslu għal ftehim ta’ konċiljazzjoni konkluż mal-konvenut fil-kawża prinċipali fil-preżenza u bl-intervent ta’ l-imħallef li quddiemu tressqu l-proċeduri, li rratifikah aktar tard, fatt li kellu l-effett li jagħti lill-imsemmi ftehim il-forza ta’ sentenza għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni furzata tiegħu f’każ ta’ inadempjenza. F’dan il-ftehim, il-partijiet ftehmu li jaċċettaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol għall-motivi invokati minn min iħaddem filwaqt li ġie ffissat, b’mod partikolari, kumpens ta’ EUR 5 540,06 għall-impjegat, li kellu jitħallas minn min iħaddmu.

20     Peress li min iħaddem ma ħallasx minn jeddu d-debiti li kienu s-suġġett tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni, is-Sur Cordero Alonso talab l-eżekuzzjoni ġudizzjarja furzata ta’ l-imsemmi ftehim, u wara dan, min iħaddem ġie ddikjarat insolventi fl-24 ta’ April 2003, fin-nuqqas ta’ beni li setgħu jiġu maqbuda u użati sabiex jagħmlu tajjeb għall-ħlas tas-somom dovuti lill-impjegat.

21     Is-Sur Cordero Alonso għalhekk talab lill-Fogasa jħallsu d-debiti in kwistjoni. Il-Fogasa ħallsu 40 % tal-kumpens tas-sensja, skond l-Artikolu 33(8) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, iżda rrifjuta r-responsabbiltà għall-ħlas tas-60 % li kien fadal peress li l-kumpens kien ġie rikonoxxut f’att ta’ konċiljazzjoni, u mhux f’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva.

22     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għalhekk ressaq talba kontra l-Fogasa quddiem il-Juzgado de lo Social de Palencia, fejn talbu ammont li jikkorrispondi għal 60 % tal-kumpens miftiehem fl-att ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja. Din il-qorti ċaħdet it-talba għar-raġuni li l-Fogasa huwa, legalment, marbut biss li jħallas kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol meta dan il-kumpens ikun ġie rikonoxxut f’sentenza jew f’deċiżjoni amministrattiva, iżda mhux jekk ikun ġie miftiehem bejn il-partijiet f’att ta’ konċiljazzjoni. Is-Sur Cordero Alonso appella minn din is-sentenza quddiem l-Awla Industrijali tat-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.

23     Din il-qorti tosserva li, fis-sentenza tagħha Nru 306/1993, tal-25 ta’ Ottubru 1993, it-Tribunal Constitucional eżamina l-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema ma’ l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola. Skond it-Tribunal Constitucional, mhemmx ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi peress li ma jeżistix trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet identiċi. Fid-dawl tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C-442/00, Ġabra p. I‑11915), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effetti tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u partikolarment fuq il-poter tagħha li ma tapplikax liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, meta ma teżistix liġi proċedurali Spanjola li tagħtiha din il-kompetenza.

24     Jekk poter bħal dan jirriżulta mid-dritt Komunitarju, ikun neċessarju li jiġi stabbilit jekk, minkejja l-fatt li d-Direttiva 80/987 ma tipprovdix espressament għall-kumpens għat-terminazzjoni ta’ kuntratt, id-dritt Komunitarju japplikax f’dan il-każ. Fil-każ li d-dritt Komunitarju huwa applikabbli, ikun dubjuż jekk is-supremazija ta’ dan ta’ l-aħħar fuq id-dritt nazzjonali testendix għan-normi li jirregolaw id-drittijiet fundamentali. Jekk dan ikun il-każ, ikun neċessarju li jiġi stabbilit jekk id-differenza fit-trattament in kwistjoni f’dan il-każ hijiex ġustifikata. Din il-kwistjoni mhijiex interament riżolta permezz tas-sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, peress li huwa l-każ, fil-kawża prinċipali, ta’ kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt. Jekk ikun deċiż li tali kumpens ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, jeħtieġ li jiġi mistoqsi jekk l-Istat Spanjol diġà applikax id-Direttiva 2002/74 inkwantu l-kontenut tagħha huwa diġà inkorporat fid-dritt Spanjol. Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, iqumu l-istess domandi għal dak li jikkonċerna d-dritt fundamentali ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi bħal fil-każ fejn jiġi deċiż li l-Istat Spanjol, meta jiddeċiedi fuq il-każ tas-Sur Cordero Alonso, japplika d-Direttiva 80/987.

25     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      L-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew speċjali sabiex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat jew mill-atti ta’ istituzzjonijiet tal-Komunità (Artikolu 10 KE), kif ukoll il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju fuq id-dritt nazzjonali, jimplikaw minnhom infushom u mingħajr il-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet espliċiti tad-dritt intern, li l-organi ġudizzjarji nazzjonali għandhom il-poter li ma japplikawx it-tipi kollha ta’ normi tad-dritt intern li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, indipendentement mill-istatus ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-ġerarkija tan-normi (regolamenti, liġijiet, u saħansitra Kostituzzjoni)?

2)      a)     Meta l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Spanjoli huma msejħa jiddeċiedu fuq id-dritt ta’ impjegat, li min iħaddmu jkun ġie ddikjarat insolventi, li jirċievi mill-[Fogasa] il-kumpens li huwa dovut lilu għat-terminazzjoni ta’ kuntratt tax-xogħol, fuq il-bażi tal-garanzija stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’każ ta’ insolvenza, huma japplikaw id-dritt Komunitarju, minkejja li d-Direttiva 80/987 ma tipprovdix espressament, taħt l-Artikoli 1 u 3 tagħha, għall-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt?

b)       F’każ ta’ risposta affermattiva, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Spanjoli huma marbuta, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 u tan-normi tad-dritt intern li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva, bil-prinċipju ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, bil-portata speċifikata mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja [...], għalkemm din ma tikkoinċidix ma’ l-interpretazzjoni tad-dritt fundamentali analogu rikonoxxut mill-Kostituzzjoni Spanjola kif interpretata mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional espagñol?

ċ)      F’każ ta’ risposta affermattiva, id-dritt fundamentali ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi li jirriżulta mid-dritt Komunitarju jimponi obbligu ta’ trattament ugwali bejn il-każijiet li fihom id-dritt ta’ l-impjegat għal kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, u l-każijiet li fihom dan id-dritt jirriżulta minn ftehim bejn l-impjegat u min iħaddmu konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju?

3)      a)     Meta Stat membru diġà rrikonoxxa fid-dritt intern tiegħu, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74, id-dritt ta’ l-impjegat li jikseb, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddmu, il-protezzjoni ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija dwar kumpens għal terminazzjoni ta’ kuntratt, jista’ wieħed jqis li l-Istat Membru jkun ilu japplika d-dritt Komunitarju sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, fit-8 ta’ Ottubru 2002, minkejja li t-terminu massimu mogħti għall-implementazzjoni tad-Direttiva ma jkunx għadu ddekorra, meta huwa jiddeċiedi dwar il-ħlas, mill-istituzzjoni ta’ garanzija, ta’ dan il-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt fil-każijet fejn l-insolvenza ta’ min iħaddem ġiet iddikjarata wara t-8 ta’ Ottubru 2002?

b)      F’każ ta’ risposta affermattiva, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Spanjoli huma marbuta, fl-applikazzjoni tad-Direttiva [2002/74] u tan-normi tad-dritt intern li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva, bil-prinċipju ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, bil-portata speċifikata mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja [...], għalkemm din ma tikkoinċidix ma’ l-interpretazzjoni tad-dritt fundamentali analogu rikonoxxut mill-Kostituzzjoni Spanjola kif interpretata mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional espagñol?

ċ)      F’każ ta’ risposta affermattiva, id-dritt fundamentali ta’ l-ugwaljanza quddiem il-liġi li jirriżulta mid-dritt Komunitarju jimponi obbligu ta’ trattament ugwali bejn il-każijiet li fihom id-dritt ta’ l-impjegat għal kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, u l-każijiet li fihom dan id-dritt jirriżulta minn ftehim bejn l-impjegat u min iħaddmu konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju?"

 Fuq it-tielet domanda

26     Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar l-applikabbiltà fiż-żmien tad-Direttiva 80/987 emendata [domanda 3(a)] u, min-naħa l-oħra, dwar l-eventwali obbligu, skond il-prinċipju Komunitarju ta’ l-ugwaljanza u tan-non diskriminazzjoni, li jiġu ttrattati bl-istess mod il-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u dak li jirriżulta minn ftehim bejn impjegati u min iħaddimhom konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju [domanda 3(b) u (ċ)].

 Fuq l-applikabbiltà fiż-żmien tad-Direttiva 80/987 emendata

27     Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005.

28     It-tieni subparagrafu ta’ l-imsemmi paragrafu jipprovdi li huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti fl-ewwel subparagrafu għal kull stat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem li jiġri wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, stat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem u l-konsegwenzi tiegħu għalhekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratio temporis tad-Direttiva 80/987 emendata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, saħansitra qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74.

29     Għandhom ikunu kkunsidrati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/74, mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu l-imsemmija Direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jassiguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali ma’ din id-Direttiva.

30     Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 emendata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4 ta’ l-istess Direttiva, il-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol inkluż, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għalih, il-ħlas tal-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol.

31     Għalkemm l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 emendata ma jobbligax Stat Membru li jipprovdi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li tittrasponi d-Direttiva 2002/74 li jkun assigurat il-ħlas tal-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, għandu jiġi kkunsidrat li, safejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tinkludi dispożizzjoni li tkopri tali kumpens taħt il-protezzjoni mogħtija mill-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, din id-dispożizzjoni nazzjonali tidħol, mit-8 ta’ Ottubru 2002 ’il quddiem, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 emendata.

32     Minn dan isegwi li dispożizzjoni bħall-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, li tipprovdi taħt ċerti kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ kumpens lill-ħaddiema mill-istituzzjoni ta’ garanzija f’każ ta’ sensja jew ta’ terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, taqa’ taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74 u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tagħha għal fatti li jseħħu wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

33     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74, id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jittieħdu bil-għan li jittrasponu d-Direttiva, għandhom jikkontjenu referenza għal din id-Direttiva preżenti meta jiġu adottati jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Kunsiderazzjonijiet proċedurali bħal dawn ma jistgħux effettivament iwasslu għal tnaqqis tal-protezzjoni tal-ħaddiema prevista mid-Direttiva 2002/74.

34     Għalhekk, ir-risposta għad-domanda 3(a) għandha tkun li, meta Stat Membru jkun irrikonoxxa fid-dritt intern tiegħu, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74, id-dritt għall-impjegat li jikseb il-protezzjoni ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddmu fir-rigward ta’ kumpens għal terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-każ fejn l-insolvenza ta’ min iħaddem isseħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 emendata.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza

35     Meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, hija trid tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi li jiġu rispettati (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, għal dak li jikkonċerna l-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, il-Fogasa hija biss obbligata tħallas, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem, il-kumpens rikonoxxut permezz ta’ sentenza jew deċiżjoni amministrattiva.

37     Għalkemm huwa d-dritt nazzjonali li jrid jispeċifika l-kumpens li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 emendata, din is-setgħa hija suġġetta għall-osservanza tad-drittijiet fundamentali, li jinkludu, inter alia, il-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza u tan-non diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2005, Guerrero Pecino, C-177/05, Ġabra p. I-10887, punti 25 u 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux trattati b’mod differenti sakemm differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament (sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, il-kumpens għal tkeċċija inġusta, li jiġi rikonoxxut permezz ta’ sentenza jew deċiżjoni amministrattiva, għandu jkun ikkunsidrat, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, bħal kumpens għat-terminazzjoni ta’ relazzjoni tax-xogħol li jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 80/987 emendata, kumpens ta’ l-istess tip, stabbilit fi proċedura ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja bħal dik prevista fl-Artikolu 84 ta’ l-LPL, għandu wkoll ikun ikkunsidrat bħala kumpens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30).

39     L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-kumpens legali dovut għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol.

40     Fil-fatt, minn naħa, l-impjegati kollha li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli meta min iħaddimhom ma jkunx jista’, minħabba l-istat ta’ insolvenza tiegħu, iħallashom il-kumpens li legalment għandhom dritt għalih. Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-qorti tar-rinviju, u lanqas l-intervenjenti, ma invokaw xi argument ġdid dwar eventwali ġustifikazzjoni tat-trattament inugwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex diġà l-okkażjoni li tikkunsidra fil-kuntest tas-sentenzi Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero (C-520/03, Ġabra p. I‑12065), kif ukoll tad-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq.

41     Peress li l-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza u tan-non diskriminazzjoni huwa prinċipju tad-dritt Komunitarju, l-Istat Membri huma marbuta b’dan il-prinċipju kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa l-każ ukoll meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni hija, skond il-ġurisprudenza kostituzzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, konformi ma’ dritt fundamentali analogu rikonoxxut mis-sistema legali nazzjonali.

42     Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda 3(b) u (ċ) għandha tkun li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 emendata, il-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza, kif rikonoxxut fis-sistema legali Komunitarja, jeżiġi li, meta, skond leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpens legali dovut għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, li jkun rikonoxxut permezz ta’ sentenza, ikollu jitħallas mill-istituzzjoni ta’ garanzija f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem, kumpens ta’ l-istess tip, li jkun rikonoxxut fi ftehim bejn impjegat u min iħaddmu konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju, għandu jkun ittrattat bl-istess mod.

 Fuq it-tieni domanda

43     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, li tirrigwarda d-Direttiva 80/987 fil-verżjoni inizjali tagħha.

 Fuq l-ewwel domanda

44     L-ewwel domanda tirrigwarda, essenzjalment, l-eventwali obbligu, għall-qorti tar-rinviju, li ma tapplikax, skond id-dritt Komunitarju, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt nazzjonali li mhuwiex konformi mad-Direttiva 80/987 fil-verżjoni inizjali jew emendata tagħha.

45     Meta tkun ġiet ikkonstatata diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza jista’ jiġi assigurat biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata ta’ l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata (sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

46     F’sitwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw l-impjegati l-oħra (sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti nazzjonali għandha dan l-obbligu indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-kompetenza sabiex tagħmel dan.

47     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali m’għandhiex tapplika leġiżlazzjoni interna li, bi ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza kif rikonoxxut mis-sistema legali Komunitarja, teskludi r-responsabbiltà għall-ħlas, min-naħa ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, tal-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt rikonoxxut fi ftehim bejn impjegati u min iħaddimhom konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Meta Stat Membru jkun irrikonoxxa fid-dritt intern tiegħu, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva 80/987/KEE, id-dritt għall-impjegat li jikseb il-protezzjoni ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddmu fir-rigward ta’ kumpens għal terminazzjoni ta’ kuntratt, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-każ fejn l-insolvenza ta’ min iħaddem isseħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata mid-Direttiva 2002/74.

2)      Fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, kif emendata mid-Direttiva 2002/47, il-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza, kif rikonoxxut fis-sistema legali Komunitarja, jeżiġi li, meta, skond leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpens legali dovut għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, li jkun rikonoxxut permezz ta’ sentenza, ikollu jitħallas mill-istituzzjoni ta’ garanzija f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem, kumpens ta’ l-istess tip, li jkun rikonoxxut fi ftehim bejn impjegat u min iħaddmu konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju, għandu jkun ittrattat bl-istess mod.

3)      Il-qorti nazzjonali m’għandhiex tapplika leġiżlazzjoni interna li, bi ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza kif rikonoxxut mis-sistema legali Komunitarja, teskludi r-responsabbiltà għall-ħlas, min-naħa ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, tal-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt rikonoxxut fi ftehim bejn impjegati u min iħaddimhom konkluż fil-preżenza ta’ l-imħallef u rratifikat mill-organu ġudizzjarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.