SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta' Settembru 2006 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Artikoli 87 u 88(3) KE – Taxxa fuq il-bejgħ dirett tal-mediċini – Impożizzjoni ta' taxxa fuq laboratorji farmaċewtiċi iżda mhux fuq id-distributuri bl-ingrossa – Projbizzjoni li tiġi eżegwita miżura ta' għajnuna mhux notifikata – Possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta' miżura ta' għajnuna sabiex jinkiseb il-ħlas lura ta' taxxa – Kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għall-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuq id-distributuri bl-ingrossa – Oneru tal-prova ta' kumpens żejjed – Modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali – Projbizzjoni li l-ħlas lura tat-taxxa jsir prattikament impossibli jew diffiċli wisq"

Fil-kawża C-526/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Diċembru 2004, fil-proċedura

Laboratoires Boiron SA

vs

Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales (Urssaf) ta' Lyon, aventi kawża ta' l-Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Laboratoires Boiron SA, minn A. Lyon-Caen, J. Philippe, C.-M. Dorémus u O. Cavézian, avocats,

–       għall-Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale u d’allocations familiales (Urssaf) ta' Lyon, aventi kawża ta' l-Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS), minn H. Calvet u O. Billard, avocats,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat u, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 87 KE u 88(3) KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq mil-Laboratoires Boiron SA (iktar 'il quddiem "Boiron") sabiex tikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa lill-Agence centrale des organismes de sécurité sociale (iktar il' quddiem "ACOSS") bħala taxxa fuq il-bejgħ dirett ta' mediċini. Sussegwentement, l’Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales (Urssaf) ta' Lyon saret l-aventi kawża ta' ACOSS.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       Skond l-Artikolu R. 5106 5° tal-Code de la santé publique (Kodiċi tas-saħħa pubblika), il-kliem "distributuri bl-ingrossa" ifisser "kull impriża li tixtri u taħżen il-mediċini, li ma jkunux intiżi biex jiġu sperimentati fuq il-bniedem, bl-għan li tiddistribwihom bl-ingrossa u fl-istat oriġinali tagħhom"

4       Id-deċiżjoni Ministerjali tat-3 ta' Ottubru 1962, dwar l-obbligi tad-distributuri bl-ingrossa f'dak li jirrigwarda l-provvista ta' mediċini lill-ispiżeriji (JORF tat-12 ta' Ottubru 1962, p. 9999), fis-seħħ sa Frar 1998, b'mod partikolari tipprovdi:

"Artikolu 1 – Kull stabbiliment, kif ukoll kull fergħa tiegħu, li jbiegħ bl-ingrossa prodotti farmaċewtiċi msemmija fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu R. 5115-6 tal-Code de la santé publique għandu jżomm ħażna permanenti ta' mediċini speċjalizzati li tippermetti li tiġi assigurata l-provvista tal-konsum ta' kull xahar ta' l-ispiżeriji taż-żona ta' distribuzzjoni tiegħu li jagħmlu parti mill-klijenti abitwali tiegħu.

Din il-ħażna ta' mediċini trid tkun tikkorrispondi, in natura, ma' "gamma" ta' mediċini speċjalizzati li minn ta' l-inqas ikopru żewġ terzi tan-numru ta' mediċini speċjalizzati effettivament mibjugħa u, fir-rigward tal-valur, din għandu jkollha l-valur medju tal-fatturat ta' kull xahar tas-sena preċedenti.

Artikolu 2 – Kull stabbiliment, kif ukoll kull fergħa tiegħu, li jbiegħ bl-ingrossa prodotti farmaċewtiċi għandu jkun jista' jassigura l-provvista tal-mediċini speċjalizzati kollha lill-ispiżeriji kollha li jagħmlu parti mill-klijenti abitwali tiegħu u li jaqgħu taħt iż-żona ta' distribuzzjoni tiegħu u, fi żmien erba' u għoxrin siegħa wara li jirċevi ordni, ta' kull mediċina speċjalizzata li tagħmel parti mill-gamma tiegħu.

Dan għandu jikkontrolla l-provvisti ta' mediċini speċjalizzati tiegħu sabiex jevita li tispiċċa l-ħażna."

5       Din is-sistema ġiet emendata, b'mod partikolari, mid-digriet Nru 98-79 tal-11 ta' Frar 1998, dwar l-istabbilimenti farmaċewtiċi u li jemenda l-Code de la santé publique (JORF tat-13 ta' Frar 1998, p. 2287).

6       L-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164, tad-19 ta' Diċembru 1997, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-1998 (JORF tat-23 ta' Diċembru 1997, p. 18635), li b'mod partikolari daħħal l-Artikolu L. 245-6-1 fil-Code de la sécurité sociale, jistabbilixxi kontribuzzjoni ta' 2.5 % ikkalkulata fuq il-fatturat mingħajr taxxa li l-laboratorji farmaċewtiċi jkunu għamlu fi Franza minn bejgħ bl-ingrossa ta' mediċini speċjalizzati lill-ispiżeriji normali, lill-ispiżeriji relatati mas-sigurtà soċjali u lill-ispiżeriji ta' kumpanniji ta' sokkors tal-minjieri. Din il-kontribuzzjoni hija msemmija "taxxa fuq il-bejgħ dirett".

7       L-Artikolu L. 245-6-4 tal-Code de la securité sociale jipprovdi li t-taxxa fuq il-bejgħ dirett tinġabar favur il-Caisse nationale d’assurance maladie des travailleurs salariés (fond ta' assigurazzjoni nazzjonali kontra l-mard għall-impjegati).

8       Fid-deċiżjoni 97-393 tat-18 ta' Diċembru 1997 (JORF tat-23 ta' Diċembru 1997, p. 18649), mogħtija wara rikors li sar kontra l-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164, il-Conseil constitutionnel (Franza) fakkar li t-taxxa fuq il-bejgħ dirett, li ma tinġabarx fuq il-bejgħ ta' mediċini magħmul mid-distributuri bl-ingrossa, ġiet stabbilita sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Caisse nationale d’assurance maladie u sabiex jiġu bbilanċjati l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-mezzi ta' distribuzzjoni tal-mediċina, li kienu meqjusa bħala distorti minħabba l-fatt li d-distributuri bl-ingrossa huma suġġetti għal obbligi ta' servizz pubbliku li mhumiex imposti fuq il-laboratorji farmaċewtiċi.

9       L-Artikolu L. 245-6-1 tal-Code de la sécurité sociale ġie mħassar, sa mill-1 ta' Jannar 2003, mill-Artikolu 16 tal-liġi Nru 2002-1487 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-2003 (JORF ta' l-24 ta' Diċembru 2002, p. 21482).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Boiron hija kumpannija Franċiża li tipproduċi mediċini speċjalizzati omeopatiċi u, fi Franza, hija tiddistribwixxihom esklużivament fl-ispiżeriji permezz ta' sistema ta' bejgħ dirett jew permezz tad-distributuri bl-ingrossa.

11     Fir-rigward tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett għas-snin 1998 u 1999 hija ddikjarat, lill-ACOSS, biss il-fatturat magħmul minn bejgħ dirett lill-ispiżeriji, bl-esklużjoni ta' dak li nkiseb mill-bejgħ li kien sar permezz tad-distributuri bl-ingrossa.

12     L-ACOSS ikkunsidrat li dan l-aħħar bejgħ kellu jiġi inkluż mat-total tal-bejgħ dirett li jikkostitwixxi l-bażi ta' l-imsemmija taxxa u, konsegwentement, hija għamlet ir-rettifika li tikkorrispondi ma' din l-inklużjoni.

13     Boiron ħallset dawn l-ammonti taħt protest. Fin-nuqqas ta' risposta mingħand il-kunsill amministrattiv ta' l-ACOSS, li quddiemu hija kienet ressqet talba għal rikunsiderazzjoni, Boiron talbet il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa quddiem it-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta' Lyon.

14     Sabiex issostni r-rikors tagħha, hija essenzjalment sostniet li, fir-rigward ta' l-Artikolu 87 KE, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-bejgħ dirett tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat favur id-distributuri bl-ingrossa.

15     Permezz tas-sentenza tat-3 ta' Ġunju 2000, it-Tribunal des affaires de sécurité sociale ta' Lyon laqa' r-rikors ta' Boiron u kkundanna lill-ACOSS tħallas lura l-ammonti mħallsa minn Boiron.

16     ACOSS appellat quddiem il-Cour d’appel ta' Lyon li, għall-ewwel issospendiet il-proċeduri sakemm ingħatat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Novembru 2001, Ferring (C-53/00, Ġabra p. I-9067), u wara dan, permezz tas-sentenza tad-29 ta' Ottubru 2002, annullat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

17     Għaldaqstant, Boiron appellat quddiem il-Cour de cassation fejn qajjmet erba' motivi li minnhom l-ewwel wieħed biss, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati ma' l-għajnuna mill-Istat, huwa s-suġġett tad-domandi preliminari.

18     Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, l-ewwel nett, li l-Cour d'appell ta' Lyon ma laqgħetx it-talba ta' Boiron, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Banks (C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha), billi ddeċidiet li l-persuni suġġetti għal kontribuzzjoni obbligatorja ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta' l-imsemmija kontribuzzjoni. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata permezz tas-sentenza tat-13 ta' Ġunju 2002, Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen (C-430/99 u C-431/99, Ġabra p. I-5235, punt 47).

19     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f'sentenzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprekludietx l-ammissibbiltà ta' l-azzjoni għal ħlas lura ta' taxxi jew ta' kontribuzzjonijiet miġbura fin-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligu ta' notifika preliminari previst mill-Artikolu 88(3) KE.

20     Il-Cour de cassation tikkunsidra li dawn is-sentenzi jew jiddeċiedu fuq dan il-punt biss b'mod impliċitu, anke meta tkun tqajjmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà (ara s-sentenza Ferring, iċċitata iktar 'il fuq), jew jirrigwardaw skemi ta' għajnuna fejn it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet li tagħhom kien qiegħed jintalab il-ħlas lura kienu nġabru speċifikament għall-finanzjament ta' l-għajnuna kkontestata (sentenzi tal-21 ta' Ottubru 2003, Van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769).

21     Il-qorti tar-rinviju tfakkar, it-tieni nett, li fis-sentenza Ferring, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li t-taxxa fuq il-bejgħ dirett, safejn din hija imposta biss fuq il-bejgħ dirett ta' mediċini magħmul mil-laboratorji farmaċewtiċi, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur id-distributuri bl-ingrossa biss safejn il-vantaġġ li huma jieħdu mill-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa jaqbeż l-ispejjeż żejda li huma jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

22     Il-Cour de cassation tosserva li, fis-sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex għajnuna pubblika tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi li l-impriżi benefiċjarji taw sabiex jissodisfaw obbligi ta' servizz pubbliku, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk ikunx hemm il-kundizzjonijiet segwenti (iktar 'il quddiem il-"kundizzjonijiet imsejħa 'Altmark'"):

–       l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata bit-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu definiti b'mod ċar;

–       it-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti;

–       it-tielet nett, il-kumpens ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, ikkawżati mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul relatat kif ukoll benefiċċju raġjonevoli għat-twettiq ta' dawn l-obbligi;

–       ir-raba' nett, meta l-għażla ta' l-impriża li għandha tiġi inkarigata mit-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku ma ssirx permezz ta' proċedura ta' kuntratti pubbliċi, il-livell ta' kumpens meħtieġ ikun ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' analiżi ta' l-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u ekwipaġġata biżżejjed sabiex tkun tista' tissodisfa l-eżiġenzi meħtieġa tas-servizz pubbliku, kien ikollha sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul relatat kif ukoll benefiċċju raġjonevoli għat-twettiq ta' dawn l-obbligi.

23     F'dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tikkonstata li l-kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" jirrigwardaw informazzjoni li l-operatur ekonomiku, li jallega l-illegalità ta' l-għajnuna u li ma jidħolx fir-relazzjonijiet ġuridiċi li jorbtu lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna jew ta' l-eżenzjoni ma' l-Istat jew ma' l-organu li dan ta' l-aħħar ikun waqqaf jew ħatar sabiex jamministra l-għajnuna mhux bilfors ikollu aċċess għaliha ħlief fil-każ ta' proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw lill-benefiċjarju stess.

24     Wara dan il-Cour de Cassation tfakkar li skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhumiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju dawk il-metodi ta' prova kollha li jagħmlu l-ksib tal-ħlas lura ta' taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju prattikament impossibbli jew diffiċli wisq (ara, b'mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 14, u tad-9 ta' Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 48).

25     Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali f'dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, l-operatur ekonomiku li jinvoka, sabiex isostni t-talba tiegħu għall-ħlas lura, l-allegazzjoni li l-miżura in kwistjoni għandha n-natura ta' għajnuna mill-Istat, jista' jkun obbligat li jġib il-prova li l-kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" mhumiex sodisfatti. Hija żżid li n-nuqqas li tinġieb il-prova meħtieġa sabiex l-allegazzjoni ta' dan l-operatur tiġi ġġustifikata jista' jikkostitwixxi l-uniku ostakolu sabiex tiġi ppruvata n-natura ta' għajnuna mill-Istat ta' din il-miżura.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li laboratorju farmaċewtiku, suġġett għal kontribuzzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164 tad-19 ta' Diċembru 1997, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għall-1998, għandu d-dritt li jeċċepixxi, sabiex jikseb il-ħlas lura ta' din il-kontribuzzjoni, li l-fatt li d-distributuri bl-ingrossa mhumiex suġġetti għal din il-kontribuzzjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat?

2)      Jekk dan huwa possibbli u peress li s-suċċess tat-talba għal ħlas lura tista' tiddependi biss mill-provi mressqa mill-awtur tagħha, id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu modalitajiet ta' prova li l-effett tagħhom huwa li jagħmlu prattikament impossibli jew diffiċli wisq il-ħlas lura ta' kontribuzzjoni obbligatorja, bħall-kontribuzzjoni prevista mill-Artikolu 245-6-1 tal-Code de la sécurité sociale, li t-talba għall-ħlas lura tagħha tkun saret quddiem l-awtorità kompetenti minħabba li l-eżenzjoni ta' kontribuzzjoni li minnha jibbenefikaw id-distributuri bl-ingrossa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dawk ir-regoli ta' dritt nazzjonali li jissuġġettaw dan il-ħlas lura għall-prova, li għanda tinġieb minn min jagħmel it-talba, li l-vantaġġ li jgawdu dawn il-benefiċjarji jeċċedi l-ispejjeż li dawn ta' l-aħħar jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew li mhumiex sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-24 ta' Lulju 2003, [Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg]?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27     Mis-sentenza Ferring, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li l-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħalma hija t-taxxa fuq il-bejgħ dirett, safejn tikkonċerna biss il-bejgħ dirett ta' mediċini magħmul mil-laboratorji farmaċewtiċi, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lid-distributuri bl-ingrossa sakemm din ma tkunx tinkludi ħlas żejjed għall-benefiċċju ta' dawn ta' l-aħħar, jiġifieri meta l-vantaġġ li dawn l-operaturi ekonomiċi jieħdu mill-eżenzjoni ta' din it-taxxa jkun ikbar mill-ispejjeż li huma jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

28     F'dan il-każ, Boiron, laboratorju farmaċewtiku suġġett għat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, issostni li l-eżenzjoni tad-distributuri bl-ingrossa minn din it-taxxa tinkludi kumpens żejjed favur dawn ta' l-aħħar u għalhekk tikkostitwixxi, bħala tali, għajnuna illegali favurihom. Fuq din il-bażi, dan l-operatur għamel talba għall-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa bħala taxxa fuq il-bejgħ dirett għas-snin 1998 u 1999.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li miżura ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE li hija applikata bi ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE hija illegali. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom iħarsu d-drittijiet tal-partijiet f'każ ta' ksur eventwali, min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, billi jieħdu l-miżuri konsegwenzjali kollha skond id-dritt nazzjonali tagħhom f'dak li jirrigwarda kemm il-validità ta' l-atti li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta' għajnuna in kwistjoni kif ukoll il-ħlas lura tas-sostenn finazjarju mogħti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta' Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I-9481, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30     Huwa minnu li, f'diversi kawżi li tressqu quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuni suġġetti għal taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta' l-imsemmija taxxa jew sabiex jiksbu l-ħlas lura tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Banks, punt 80, u Distribution Casino France et, punti 42 u 44, kif ukoll tal-15 ta' Ġunju 2006, Air Liquide, C-393/04 u C-41/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

31     Madankollu, in-natura tal-miżuri nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti huma essenzjalment differenti minn dik tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett.

32     Fil-fatt, kull waħda mill-imsemmija kawżi kienu jittrattaw eżenzjoni għall-benefiċċju ta' ċerti operaturi minn taxxa ta' portata ġenerali u kien allegat li din l-eżenzjoni kienet, fiha nfisha, tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna.

33     Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali ma tittrattax tali sistema ta' intaxxar, iżda taxxa li għaliha hija suġġetta waħda biss miż-żewġ kategoriji ta' operaturi li jikkompetu ma' xulxin, jiġifieri l-laboratorji farmaċewtiċi.

34     F'każ bħal dan fejn l-obbligu ta' ħlas ta' taxxa jkun asimmetriku, l-allegata għajnuna tirriżulta mill-fatt li kategorija oħra ta' operaturi ekonomiċi, li l-kategorija ntaxxata tkun f'relazzjoni diretta ta' kompetizzjoni magħha, f'dan il-każ id-distributuri bl-ingrossa, ma tkunx suġġetta għall-imsemmija taxxa.

35     F'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li din l-eżenzjoni tikkostitwixxi għan intenzjonali, jew anki l-għan prinċipali tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett.

36     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 19 tas-sentenza Ferring, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li fi Franza jeżistu żewġ kategoriji li jikkompetu direttament fid-distribuzzjoni tal-mediċina: minn naħa, dik tad-distributuri bl-ingrossa u, min-naħa l-oħra, dik tal-laboratorji farmaċewtiċi li jużaw is-sistema tal-bejgħ dirett. Barra minn dan, fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-taxxa fuq il-bejgħ dirett hija intiża, b'mod partikolari, sabiex jiġu ekwilibrati l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn iż-żewġ mezzi ta' distribuzzjoni tal-mediċina, li huma distorti, skond il-leġiżlatur Franċiż, minħabba l-eżistenza ta' obbligi ta' servizz pubbliku imposti biss fuq id-distributuri bl-ingrossa. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, wara l-ħolqien ta' din it-taxxa permezz tal-liġi Nru 97-1164, mhux biss ma baqax jikber il-bejgħ dirett li kien ġie rreġistrat fis-snin preċedenti, iżda talli din it-tendenza ġiet invertita, bid-distributuri bl-ingrossa jiksbu lura ishma tas-suq.

37     Jekk jiġi ppruvat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-bejgħ dirett iġġib magħha kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa, inkwantu l-vantaġġ li dawn ta' l-aħħar jieħdu minn din l-eżenzjoni jkun ikbar mill-ispejjeż li dawn jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom, l-obbligu tal-ħlas ta' tali taxxa minn laboratorju farmaċewtiku, bħal Boiron, jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta' miżura ta' għajnuna.

38     Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha, kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta' din is-sentenza, tieħu l-miżura konsegwenzjali kollha, skond id-dritt nazzjonali tagħha, f'dak li jirrigwarda l-validità ta' tali att.

39     F'dan il-każ, il-miżura li allegatament tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat hija t-taxxa fuq il-bejgħ dirett stess u mhux xi eżenzjoni li tista' tiġi dissoċjata minnha.

40     F'każ bħal dak tal-kawża prinċipali, għandu jiġi deċiż li operatur ekonomiku bħal Boiron jista' jeċċepixxi l-illegalita tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, minħabba li din tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna, sabiex jitlob il-ħlas lura tagħha.

41     Min-naħa l-oħra dan ma jkollux il-konsegwenza li jwassal lill-qorti nazzjonali biex tippermetti li n-numru ta' benefiċjarji ta' l-għajnuna jikber. Għall-kuntrarju, tali ħlas lura, kemm il-darba jkun dovut, ikun jikkostitwixxi miżura partikolarment xierqa sabiex tnaqqas in-numru ta' operaturi ekonomiċi li jkunu ġew leżi mill-miżura meqjusa bħala li tikkostitwixxi għajnuna u, għaldaqstant, sabiex jiġu limitati l-effetti anti-kompetittivi tagħha.

42     Il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qajjmu l-kwistjoni jekk id-dritt li tiġi eċċepita l-illegalità tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett meqjusa bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jinkiseb il-ħlas lura huwiex koerenti mal-prinċipji li jiggwidaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' taxxi para-fiskali li kienet inbdiet mis-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, u żviluppata f'sentenzi li ġew warajha.

43     Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta miżura ta' għajnuna li l-metodu ta' finanzjament tagħha jkun jagħmel parti integrali minnha tkun ġiet implementata bi ksur ta' l-obbligu ta' notifika, il-qrati nazzjonali huma obbligati, bħala regola, jordnaw il-ħlas lura tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet li jkunu nġabru speċifikatament għall-finanzjament ta' din l-għajnuna (sentenza Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).

44     F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex taxxa tiġi kkunsidrata li tagħmel parti integrali minn miżura ta' għajnuna, għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Air Liquide, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45     F'dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-bejgħ dirett, il-partikolarità tagħha tinsab fil-fatt li din it-taxxa u l-allegata miżura ta' għajnuna jikkostitwixxu ż-żewġ elementi, li ma jistgħux jiġu dissoċjati, ta' miżura fiskali waħda. F'każ bħal dan, ir-rabta bejn it-taxxa u l-għajnuna hija iktar stretta minn dik ta' taxxa para-fiskali bħal dik li kienet is-suġġett fil-kawża Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq.

46     F'dawn iċ-ċirkustanzi, li operatur ekonomiku bħal Boiron jingħata d-dritt li jeċċepixxi l-illegalità tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett sabiex jikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa skond din it-taxxa huwa koerenti mal-prinċipji li jiggwidaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-taxxi para-fiskali li kienet inbdiet mis-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, u żviluppata f'sentenzi li ġew warajha

47     Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, tali ħlas lura jkun jista' jingħata biss jekk jiġi ppruvat li l-imsemmija ammonti jew, għall-inqas il-parti minnhom li għalihom ikun qiegħed jintalab il-ħlas lura, ikunu jirrappreżentaw kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa u għalhekk jagħtu, b'dan il-mod, vantaġġ ekonomiku lil dawn ta' l-aħħar u jekk, barra minn hekk, humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 87(1) KE sabiex miżura tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

48     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li laboratorju farmaċewtiku, li jkun suġġett għal kontribuzzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164, għandu d-dritt jeċċepixxi li l-eżenzjoni tad-distributuri bl-ingrossa minn din il-kontribuzzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jikseb il-ħlas lura tal-parti mill-ammonti mħallsa li tkun tikkorrispondi mal-vantaġġ ekonomiku li d-distributuri bl-ingrossa jkunu kisbu inġustament.

 Fuq it-tieni domanda

49     Fil-kawża prinċipali, laboratorju farmaċewtiku, suġġett għat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, li mhuwiex ikkontestat li ma kinitx ġiet notifikata skond l-Artikolu 88(3) KE, jeċċepixxi l-illegalità ta' din it-taxxa sabiex b'hekk jikseb il-ħlas lura tagħha minħabba li l-eżenzjoni minn din it-taxxa tad-distributuri bl-ingrossa, li huma kompetituri diretti ta' dan il-laboratorju, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

50     F'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-rispett tal-prinċipju ta' l-effettività huwiex iggarantit meta, konformement mal-liġijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam ta' l-oneru tal-prova u sabiex ikun jista' jinkiseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa bħala taxxa fuq il-bejgħ dirett, huwa l-operatur ekonomiku li jkun qiegħed jitlob il-ħlas lura ta' dawn l-ammonti li għandu jistabbilixxi li din l-eżenzjoni tad-distributuri bl-ingrossa mit-taxxa ġġib magħha kumpens żejjed favur dawn ta' l-aħħar, meta minn ta' l-anqas waħda mill-erba' kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" ma tkunx sodisfatta, u għalhekk tikkostitwixxi, bħala tali, vantaġġ ekonomiku previst mill-Artikolu 87(1) KE.

51     Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji f'dan ir-rigward, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali ta' rimedji ġudizzjarji intiżi biex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-individwi li jitnisslu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju, sakemm dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u sakemm ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibli jew diffiċli wisq (prinċipju ta' l-effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' April 2003, Steffensen, C-276/01, Ġabra p. I-3735, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li għalkemm bħala regola l-prova ta' kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa, li timplika li jintwera li minn ta' l-anqas waħda mill-erba' kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" mhijiex sodisfatta, għandha tinġieb mill-operatur ekonomiku li jallega l-eżistenza ta' l-għajnuna sabiex jikseb il-ħlas lura tat-taxxa in kwistjoni, dan id-dritt nazzjonali jagħti wkoll lill-qorti nazzjonali setgħa wiesgħa sabiex minn jeddha tordna kull miżura istruttorji legalment ammissibbli.

53     Il-qorti tar-rinviju tosserva, min-naħa l-oħra, li din is-setgħa hija biss fakultattiva u li n-nuqqas ta' l-imsemmi operatur milli jipproduċi l-prova meħtieġa biex l-allegazzjoni tiegħu tiġi ġġustifikata jista' jikkostitwixxi l-uniku ostakolu sabiex tintwera natura ta' għajnuna mill-Istat tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, fis-sens ta' l-Artikolu 88(3) KE, peress li l-kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" jirrigwardaw informazzjoni li dan l-operatur mhux bilfors ikollu aċċess għaliha ħlief fil-każ ta' proċeduri ġudizzjarji li jikkontestaw il-benefiċjarju ta' l-allegata għajnuna.

54     L’Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales (Urssaf) ta' Lyon barra minn dan osservat li l-qorti nazzjonali b'mod partikolari tiddisponi mill-fakulta li tordna lil waħda mill-partijiet fil-kawża jew lil terz li jippreżentaw xi att jew xi dokument.

55     F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipju ta' l-effettivita, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-fatt li jiġi impost, fuq laboratorju farmaċewtiku bħal Boiron, l-oneru tal-prova ta' l-eżistenza ta' kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa, u għalhekk tan-natura ta' għajnuna mill-Istat tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, jista' jagħmilha impossibbli jew diffiċli wisq li din il-prova tinġieb, b'mod partikolari minħabba li din tiddependi minn informazzjoni li tali laboratorju ma jistax ikollu, din il-qorti għandha tuża l-mezzi kollha proċedurali li d-dritt nazzjonali jagħtiha, fosthom id-dritt li tordna l-miżuri istruttorji meħtieġa, li jinkludu l-produzzjoni minn waħda mill-partijiet jew minn terz ta' xi att jew xi dokument.

56     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' regoli tad-dritt nazzjonali li jissuġġettaw il-ħlas lura ta' kontribuzzjoni obbligatorja, bħal dik prevista mill-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164, għall-prova, li l-oneru tagħha huwa fuq min jagħmel it-talba għall-ħlas lura, li l-vantaġġ li d-distributuri bl-ingrossa jieħdu mill-eżenzjoni minn din il-kontribuzzjoni huwa ikbar mill-ispejjeż li dawn jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b'mod partikolari, li minn ta' l-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsejħa "Altmark" mhijiex sodisfatta.

57     Madankollu, sabiex jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipju ta' l-effettività, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-fatt li jiġi impost, fuq laboratorju farmaċewtiku bħal Boiron, l-oneru tal-prova ta' l-eżistenza ta' kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa, u għalhekk tan-natura ta' għajnuna mill-Istat tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, jista' jagħmilha impossibbli jew diffiċli wisq li din il-prova tinġieb, b'mod partikolari minħabba li din tiddependi minn informazzjoni li tali laboratorju ma jistax ikollu, din il-qorti għandha tuża l-mezzi kollha proċedurali li d-dritt nazzjonali jagħtiha, fosthom id-dritt li tordna l-miżuri istruttorji meħtieġa, li jinkludu l-produzzjoni minn waħda mill-partijiet jew minn terz ta' xi att jew xi dokument.

 Fuq l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li laboratorju farmaċewtiku, li jkun suġġett għal kontribuzzjoni bħal prevista fl-Artikolu 12 tal-liġi Nru 97-1164 tad-19 ta' Diċembru 1997, dwar il-finanzjament tas-sigurtà soċjali għas-sena 1998, għandu d-dritt jeċċepixxi li l-eżenzjoni tad-distributuri bl-ingrossa minn din il-kontribuzzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jikseb il-ħlas lura tal-parti mill-ammonti mħallsa li tkun tikkorrispondi mal-vantaġġ ekonomiku li d-distributuri bl-ingrossa jkunu kisbu inġustament.

2)      Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta' regoli tad-dritt nazzjonali li jissuġġettaw il-ħlas lura ta' kontribuzzjoni obbligatorja, bħal dik prevista mill-Artikolu 12 ta' l-imsemmija liġi Nru 97-1164, għall-prova, li l-oneru tagħha huwa fuq min jagħmel it-talba għall-ħlas lura, li l-vantaġġ li d-distributuri bl-ingrossa jieħdu mill-eżenzjoni minn din il-kontribuzzjoni huwa ikbar mill-ispejjeż li dawn jagħmlu sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b'mod partikolari, li minn ta' l-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00) mhijiex sodisfatta.

Madankollu, sabiex jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipju ta' l-effettività, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-fatt li jiġi impost, fuq laboratorju farmaċewtiku bħal Boiron, l-oneru tal-prova ta' l-eżistenza ta' kumpens żejjed favur id-distributuri bl-ingrossa, u għalhekk tan-natura ta' għajnuna mill-Istat tat-taxxa fuq il-bejgħ dirett, jista' jagħmilha impossibbli jew diffiċli wisq li din il-prova tinġieb, b'mod partikolari minħabba li din tiddependi fuq informazzjoni li tali laboratorju ma jistax ikollu, din il-qorti għandha tuża l-mezzi kollha proċedurali li d-dritt nazzjonali jagħtiha, fosthom id-dritt li tordna l-miżuri istruttorji meħtieġa, li jinkludu l-produzzjoni minn waħda mill-partijiet jew minn terz ta' xi att jew xi dokument.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.