SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

tas-16 ta' Mejju 2006 (*)

"Sigurtà soċjali – Sistema nazzjonali tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat – Spejjeż mediċi magħmula fi Stat Membru ieħor – Artikoli 48 KE sa 50 KE u 152(5) KE – Artikolu 22 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71"

Fil-kawża C-372/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta':

Yvonne Watts

vs

Bedford Primary Care Trust,

Secretary of State for Health,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, N. Colneric, K. Lenaerts (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Sinjura Watts, minn R. Gordon, QC, inkarigat minn J. Hyam, Barrister,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill u S. Nwaokolo, bħala aġenti, assistiti minn D. Lloyd-Jones u D. Wyatt, QC, kif ukoll S. Lee, barrister,

–       għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesai u J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

–       għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,

–       għall-Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent, assistit minn S. Mifsud, avukat,

–       għall-Gvern Pollakk, minn P. Sadowy, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Norman u A. Kruse, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 48 KE sa 50 KE u 152(5) KE, kif ukoll ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża li bdiet wara li l-Bedford Primary Care Trust (iktar 'il quddiem "Bedford PCT") irrifjuta li jħallas lura l-ispejjeż ta' trattament mediku li s-Sinjura Watts, li tirrisjedi fir-Renju Unit, irċeviet fi Franza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Rimanenza barra l-Istat kompetenti — Ritorn lejn jew trasferiment ta' residenza għall-Istat Membru ieħor waqt il-mard jew il-maternità — Bżonn ta' mawra fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura neċessarja", jipprovdi:

"1.      Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18, u:

[…]

c)      li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kundizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i)      għall-benefiċċji b'xi mod ipprovduti f'isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza […], skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti;

[…]

2.      […]

L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura in kwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata u fejn hija ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat ta' saħħitha u l-kors probabbli tal-marda.

[…]"

4       Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 153 (94/604/KE) tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Immigrati tas-7 ta' Ottubru 1993 fuq il-formoli mudelli meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 103-E 127) (ĠU 1994, L 244, p. 22), il-formola E 112 hija ċ-ċertifikat neċessarju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

5       Il-liġi ta' l-1977 fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa (National Health Service Act 1977, iktar 'il quddiem l-"NHS Act") tiddisponi li l-Ministru tas-Saħħa għandu jipprovdi servizz nazzjonali tas-saħħa fl-Ingilterra u f'Wales,

6       L-Artikoli 1 u 3 tal-NHS Act jiddeskrivu dan l-obbligu kif ġej:

"Artikolu 1

1.(1) Il-Ministru għandu d-dmir li jkompli jippromwovi, fl-Ingilterra u f'Wales, servizz tas-saħħa komplut intiż sabiex jiggarantixxi t-titjib –

(a)      tas-saħħa fiżika u mentali tar-residenti ta' l-imsemmija pajjiżi, u

(b)      fil-prevenzjoni, id-djanjosi u t-trattament tal-mard, u sabiex jipprovdi jew jiggarantixxi provvista effettiva ta' servizzi skond dan l-Att.

(2)      Is-servizzi hekk provduti għandhom ikunu mingħajr ħlas sakemm il-fatturazzjoni jew l-irkupru ta' l-spejjeż ma jkunux espressament previsti minn xi liġi oħra, tkun xi tkun id-data ta' l-adozzjoni tagħha.

[…]

Artikolu 3

3. (1)  Il-Ministru għandu l-obbligu li jipprovdi, fit-territorju kollu ta' l-Ingilterra u ta' Wales u safejn huwa jikkunsidra neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet kollha raġonevoli,

(a)      soġġorn fl-isptarijiet;

(b)      soġġorn ieħor sabiex jiġu pprovduti s-servizzi kollha previsti minn dan l-Att;

(c)      servizzi mediċi, għall-kura tas-snien, ta' infermiera u ta' ambulanzi;

(d)      il-faċilitajiet l-oħra kollha għall-kura ta' nisa tqal jew li qegħdin ireddgħu t-trabi u ta' tfal żgħar li huwa jikkunsidra xierqa bħala parti mis-servizzi tas-saħħa;

(e)      il-faċilitajiet l-oħra kollha għall-prevenzjoni tal-mard, il-kura ta' persuni morda u l-kura li persuni jingħataw wara li jkunu fiequ li huwa jikkunsidra xierqa bħala parti mis-servizzi tas-saħħa;

(f)      is-servizzi l-oħra kollha meħtieġa għad-djanjosi u t-trattament tal-mard."

7       Skond l-indikazzjonijiet mogħtija mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-karatteristiċi prinċipali tan-National Health Service (iktar 'il quddiem l-"NHS") huma dawn li ġejjin.

8       Il-kura fl-isptarijiet tingħata mingħajr ħlas mill-korpi li jaqgħu taħt l-NHS, mingħajr skop ta' lukru, lill-persuni kollha li jirrisjedu abitwalment fir-Renju Unit.

9       Din il-kura hija ffinanzjata direttament mill-Istat, prinċipalment permezz tad-dħul mit-taxxi li l-Gvern iqassam bejn it-trusts prinċipali tal-kura (il-Primary Care Trusts, iktar 'il quddiem il-"PCT") skond il-bżonnijiet rispettivi tal-popolazzjoni tas-settur geoġrafiku tagħhom.

10     L-NHS mhuwa ffinanzjat minn ebda sistema ta' kontribuzzjoni mill-ħaddiema jew minn min iħaddem. Lanqas mhija prevista xi sistema fejn il-pazjent għandu jħallas parti mill-ispejjeż.

11     Ma teżisti ebda lista nazzjonali ta' servizzi mediċi li għandhom jingħataw.

12     L-aċċess għall-kura fl-isptarijiet tiddependi prinċipalment mid-deċiżjoni ta' tabib.

13     Peress li l-baġit allokat mill-Gvern lill-NHS mhuwiex biżżejjed sabiex jippermetti li l-pazjenti kollha jirċevu l-kura malajr, ikun x'ikun il-livell ta' urġenza, l-NHS juża r-riżorsi disponibbli billi jistabbilixxi prijoritajiet u dan, għat-trattamenti li mhumiex urġenti wisq, jirriżulta f'listi relattivament twal ta' stennija. Il-korpi tal-NHS jiddeċiedu, fil-limiti tal-baġit allokat lilhom, fuq l-allokazzjoni u l-importanza tal-prijoritajiet kliniċi filwaqt li jiġu osservati d-direttivi nazzjonali.

14     Il-listi ta' stennija huma intiżi, minn naħa, sabiex jiggarantixxu li fl-isptarijiet tingħata kura skond il-prijoritajiet u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-NHS f'dak li jirrigwarda l-użu tar-riżorsi disponibbli u, min-naħa l-oħra, sabiex jippreżervaw l-ekwità bejn il-pazjenti li jkollhom bżonn jiġu trattati fi sptar għal problemi ta' saħħa u b'livelli ta' urġenza differenti.

15     Il-pazjenti li jiddependu mill-NHS m'għandhomx id-dritt jibbenefikaw minn trattament partikolari f'mument determinat. In-natura, il-post, il-mument u t-tul ta' żmien tal-kura fl-isptarijiet jiġu stabbiliti skond il-prijoritajiet kliniċi u r-riżorsi tal-korp kompetenti tal-NHS, u mhux skond l-għażla tal-pazjent. Id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-NHS jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' rikors għal annullament, iżda dawn ir-rikorsi normalment jiġu miċħuda.

16     Peress li l-kura fi ħdan l-NHS tingħata bla ħlas, ma tqumx il-kwistjoni ta' rimborż lill-pazjent u dan lanqas mhuwa rregolat. Konsegwentement, fil-leġiżlazzjoni Ingliża ma teżisti ebda tariffa ta' rimborż.

17     Il-pazjenti li jiddependu mill-NHS ma jistgħux jippretendu li jingħataw kura fi sptarijiet privati fl-Ingilterra u f'Wales a spejjeż tal-NHS.

18     Il-PCT huma entitajiet pubbliċi stabbiliti skond l-Artikolu 16 A tal-NHS Act, li ddaħħal permezz ta' l-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-1999 fuq is-saħħa (Health Act 1999) u emendat mil-liġi ta' l-2002 li tirriforma s-servizzi nazzjonali tas-saħħa u dwar il-professjonijiet tas-saħħa (National Health Service Reform and Health Care Professions Act 2002). Il-kompożizzjoni tagħhom hija stabbilità permezz ta' regolamenti. Uħud mill-membri tagħhom jinħatru mill-ministru. Ir-rwol tal-PCT huwa li jippjanifikaw u li jiggarantixxu l-kura tas-saħħa fuq livell lokali, inklużi s-servizzi ta' mediċina ġenerali. Kull reġjun jaqa' taħt il-kompetenza ta' PCT. Kull sena finanzjarja l-Ministru tas-Saħħa jagħti lid-diversi PCT ammont, li ma jistax jaqbeż ċertu limitu, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta mat-trattamenti fl-isptarijiet u l-ispejjeż ġenerali.

19     L-"NHS trusts" huma persuni ġuridiċi distinti, li ġew stabbiliti skond il-liġi ta' l-1990 dwar is-servizz nazzjonali tas-saħħa u l-kura li tingħata d-dar (National Health Service and Community Care Act 1990). L-Artikolu 5(1) ta' din il-liġi, kif emendat mill-Artikolu 13 tal-liġi ta' l-1999 fuq is-saħħa, jipprovdi li l-NHS trusts għandhom l-għan li jfornu oġġetti u servizzi fil-qafas tal-NHS. Il-funzjonijiet li dawn it-trusts iridu jaqdu jiġu definiti permezz ta' digriet ministerjali. Kważi l-isptarijiet Britanniċi kollha huma amministrati minn NHS trust. L-NHS trusts huma ffinanzjati permezz ta' ħlasijiet li jsiru mill-PCTs għat-trattamenti u s-servizzi mediċi li dawn jordnawlhom.

20     Il-kollaborazzjoni bejn il-PCTs u l-NHS trusts hija bbażata, skond l-Artikolu 4 tal-liġi ta' l-1990, fuq sistema ta' "kuntratti NHS", li m'għandhomx saħħa eżekuttiva iżda li magħhom hemm marbuta forma speċjali ta' arbitraġġ intern f'idejn il-Ministru kompetenti. Il-kuntratti NHS, ġeneralment, huma mfassla fuq il-bażi ta' ftehim li jiddefinixxi l-kwantità tas-servizzi mistennija u l-finanzjament korrispondenti.

21     Il-PCTs u l-NHS trusts mhumiex organizzazjonijiet b'għan ta' lukru. Il-baġit allokat li ma jkunx intuża jista' jiġi riallokat b'ċerti kundizzjonijiet. Fin-nuqqas, dan għandu jingħata lura lill-Gvern.

22     Bħala regola, il-pazjenti li ma jirrisjedux abitwalment fir-Renju Unit jistgħu jirċevu kura fi ħdan l-NHS, bi ħlas. Ir-regolament ta' l-1989 fuq l-ispejjeż iffatturati lill-pazjenti barranin [NHS (Charges to Overseas Visitors) Regulations 1989] jipprovdi l-modalitajiet ta' fatturazzjoni u ta' rimborż ta' l-ispejjeż marbutin ma' kura li tkun ingħatat lil dawn il-pazjenti mill-NHS. Il-PCTs għandhom l-obbligu jipproċedu għal dawn l-operazzjonijiet sakemm il-pazjent ma jkunx jaqa' taħt wieħed mill-każijiet ta' eżenzjoni definiti mill-imsemmi regolament. Dan ta' l-aħħar jipprovdi għal eżenzjonijiet, b'mod partikolari, minn naħa, għall-kura mogħtija fi ħdan dipartiment ta' sptar riżervat għall-inċidenti jew fi ħdan dipartiment ta' emerġenza, u, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-drittijiet ta' persuni affiljati ma' sistema ta' sigurtà soċjali ta' Stat Membru ieħor.

23     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li r-Regolament Nru 1408/71 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, m'hemm ebda liġi li timplementah fir-Renju Unit. Pazjent li jiddipendi mill-NHS u li jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit jista' jirċievi kura fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra skond l-Artikolu 22(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament. F'dan il-każ, ir-rimborż ta' l-ispejjeż marbuta ma' din il-kura jsir, konformement ma' dan ir-Regolament, direttament favur l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru li fih tkun ġiet mogħtija l-kura, bir-rata ta' rimborż applikabbli fl-imsemmi Stat Membru.

 Il-kawża prinċipali

24     Peress li kienet issofri minn artrite tal-ġembejn, is-Sinjura Watts staqsiet lill-Bedford PCT għal informazzjoni fuq il-possibbiltà li tiġi operata barra mill-pajjiż taħt kopertura tal-formola E 112.

25     Fl-1 ta' Ottubru 2002, hija ġiet eżaminata minn tabib speċjalista Britanniku li, b'ittra tat-28 ta' Ottubru 2002, informa lill-Bedford PCT li l-każ tas-Sinjura Watts kien jistħoqqlu l-istess kunsiderazzjoni bħall-każijiet tal-pazjenti l-oħra tiegħu li jsofru minn artrite akuta, li l-mobilità ta' din il-pazjenta kienet serjament limitata u li hija kienet issofri minn uġiegħ kostanti. Huwa kklassifika lis-Sinjura Watts fil-kategorija tal-"każijiet ta' rutina", li kien ifisser li hija kellha tistenna madwar sena qabel ma setgħet tiġi operata fi sptar lokali.

26     Fil-21 ta' Novembru 2002, il-Bedford PCT informa lis-Sinjura Watts li kien qiegħed jirrifjuta li jagħtiha formola E 112 minħabba li ma kinitx sodisfatta t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa, fil-fatt, ikkunsidra li t-trattament seta' jingħata lill-pazjenta fi sptar lokali "fi żmien konformi ma' l-għanijiet tal-pjan ta' sigurtà soċjali tal-Gvern", u, għalhekk, "mingħajr dewmien inġustifikat".

27     Fit-12 ta' Diċembru 2002, is-Sinjura Watts bdiet proċeduri sabiex tikseb il-permess biex tressaq rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni ta' rifjut.

28     Is-seduta li fiha ġiet trattata l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors inżammet quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), fit-22 ta' Jannar 2003. Matul din is-seduta ġie indikat li, fil-bidu ta' Jannar 2003, is-Sinjura Watts kienet marret Franza sabiex tikkonsulta tabib speċjalista li kien ikkunsidra li l-ħtieġa li l-pazjenta tiġi operata kienet saret iktar urġenti minħabba li l-istat ta' saħħa tagħha mar għall-agħar. Is-Secretary of State for Health (il-Ministru tas-Saħħa) u l-Bedford PCT għalhekk issuġġerew li s-Sinjura Watts terġa' tiġi eżaminata sabiex id-deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2002 tkun tista' tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

29     Fil-31 ta' Jannar 2003, is-Sinjura Watts ġiet eżaminata mill-ġdid mill-istess tabib speċjalista Britanniku li kien eżaminaha f'Ottubru 2002. Dak inhar stess, permezz ta' ittra, dan it-tabib indika lill-Bedford PCT li f'dan l-istadju s-Sinjura Watts kellha tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-pazjenti li kellhom jiġu operati "fi żmien qasir", jiġifieri f'kategorija intermedjarja bejn dik tal-każijiet l-iktar urġenti u dik tal-każijiet ta' rutina. Dan kien ifisser li hija kienet ser tiġi operata fi żmien tliet jew erba' xhur, jiġifieri f'April jew Mejju 2003.

30     Fl-4 ta' Frar 2003, il-Bedford PCT reġa' rrifjuta l-ħruġ tal-formula E 112, minħabba li ż-żmien ta' stennija sabiex tiġi operata fi sptar lokali kien ġie mnaqqas għal tliet jew erba' xhur. Huwa reġa' bbaża ruħu fuq l-għanijiet ta' pjanifikazzjoni tal-NHS sabiex jikkonkludi li ma kienx hemm dewmien inġustifikat fil-każ tas-Sinjura Watts.

31     Fis-7 ta' Marzu 2003, is-Sinjura Watts għamlet operazzjoni li permezz tagħha intqiegħdet proteżi f'ġembejha f'Abbeville (Franza). Għall-ispejjeż marbuta ma' dan l-intervent mediku hija ħallset ammont ekwivalenti għal 3 900 GBP.

32     Hija kompliet il-proċedimenti biex tikseb il-permess biex tressaq rikors għall-annulament tad-deċiżjoni ta' rifjut tal-Bedford PCT u talbet ukoll ir-rimborż ta' l-ispejjeż mediċi mħallsa fi Franza.

33     Fl-1 ta' Ottubru 2003, il-High Court of Justice (England and Wales) Queen’s Bench Division (Administrative Court), li kienet issospendiet il-proċedimenti sabiex tistenna l-ħruġ tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C-385/99, Ġabra p. I-4509), iddeċidiet li s-servizzi mediċi li s-Sinjura Watts kienet irċeviet fi Franza kienu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE minkejja l-fatt li r-rimborż ta' l-ispejjeż marbuta mat-trattament mogħti jintalab fil-kuntest tal-NHS.

34     Din il-qorti madankollu ċaħdet t-talba tas-Sinjura Watts. Għalkemm qieset li "kull awtorità nazzjonali li tiddeċiedi, kif għandu jkun, skond il-prinċipji stabbiliti mill-[Qorti tal-Ġustizzja], b'mod partikolari fis-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C-157/99, Ġabra p. I-5473) kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, kien ikollha tikkonkludi, f' Ottubru-Novembru 2002, li ż-żmien previst ta' bejn wieħed u ieħor sena kien f'kull każ "eċċessiv" u għalhekk ta' natura li jippermetti l-applikazzjoni tad-dritt, ibbażat fuq l-Artikolu 49 [KE], għar-rifużjoni ta' l-ispejjeż meħtieġa sabiex jinkiseb trattament fi-żmien iktar raġonevoli fi-Stat Membru ieħor", hija madankollu ddeċidiet li s-Sinjura Watts ma kelliex taffaċċja dewmien inġustifikat wara li l-każ tagħha reġa ġie eżaminat lejn l-aħħar tax-xahar ta' Jannar 2003. Hija kkunsidrat li żmien ta' stennija ta' minn tlieta sa' erba' xhur ma kienx ta' natura tali li jagħti lis-sinjura Watts id-dritt li tirċevi trattament barra mill-pajjiż u ma kienx jippermettilha li titlob ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż marbuta ma dan it-trattament mingħand l-NHS.

35     Is-Sinjura Watts u s-Secretary of State for Health appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England and Wales), Civil Division. L-appell imressaq mis-Sinjura Watts kien prinċipalment ibbażat fuq iċ-ċaħda tat-talba tagħha għal rimborż kif ukoll fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, li ż-żmien ta' stennija applikabbli skond id-dritt nazzjonali jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE u element ta' importanza fondamentali fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71. Is-Secretary of State for Health essenzjalment ibbaża l-appell tiegħu fuq l-argument li l-pazjenti li jiddependu mill-NHS m'għandhomx id-dritt li jirrikorru għall-Artikolu 49 KE, b'tali mod li l-każ tas-Sinjura Watts għandu jiġi rregolat biss mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

36     F'deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2004, il-qorti tar-rinviju osservat li, fid-dawl tas-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, is-servizzi nazzjonali tas-saħħa ffinanzjati mill-Istat, bħall-NHS, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE. Hija madankollu żżid li mill-punt 98 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitati iktar 'il fuq, jidher li jirriżulta li d-dritt, ibbażat fuq dan l-Artikolu, li wieħed jirċievi kura barra mill-pajjiż, huwa suġġett għall-eżistenza ta' dritt li wieħed jingħata trattament fl-Istat Membru kompetenti, ħaġa li l-pazjenti Britanniċi m'għandomx fi ħdan l-NHS.

37     Din il-qorti hija ta' l-opinjoni li, peress li l-attivitajiet mediċi huma provvista ta' servizzi skond is-sens ta' l-Artikolu 49 KE, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-finanzjament tal-kura tas-saħħa ma jistgħux, bħala regola, iwaqqfu lir-residenti milli jirċievu kura fi Stat Membru ieħor, sakemm tali restrizzjoni ma tkunx tista' tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm servizz mediku u ta' sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd, tali ġustifikazzjoni ma tistax madankollu tiġi invokata meta din tirriżulta f'dewmien inġustifikat fl-ħruġ tat-trattament lill-pazjent fl-Istat Membru ta' residenza tiegħu.

38     Hija tosserva li, skond is-sentenza tat-23 ta' Ottubru 2003, Inizan (C-56/01, Ġabra p. I-12403), il-kunċett ta' dewmien inġustifikat għandu jiġi interpretat, bħal fil-każ tat-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet ta' natura klinika marbutin ma' kull każ individwali, u mhux billi jiġu kkunsidrati ż-żmien normali ta' stennija u listi li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika. Hija madankollu tiddikjara li, sal-ġurnata ta' llum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma fornietx risposti ċari fuq kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett.

39     Hija tistaqsi wkoll, fid-dawl tas-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, fuq ir-rilevanza tal-kunsiderazzjonijiet ta' natura finanzjarja fil-kuntest ta' kawża bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat li Stat Membru huwa obbligat jalloka riżorsi intiżi sabiex jippermettu li ċ-ċittadini tiegħu jirċievu trattament barra mill-pajjiż fi żmien iqsar, bir-riskju, minn naħa, li għall-każijiet l-iktar urġenti jitwal iż-żmien meħtieġ għall-ksib ta' trattament fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li tiġi affettwata l-amministrazzjoni tar-riżorsi u l-pjanifikazzjoni tas-sistema ta' kura tas-saħħa kkonċernata.

40     Jekk jiġi meqjus li dan l-obbligu jeżisti, hija tistaqsi jekk l-Istat Membru kkonċernat huwiex obbligat li jirrifondi l-ispejjeż ta' trattament mogħti barra mill-pajjiż skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn dan jingħata, skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jew skond il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, skond l-Artikolu 49 KE. Hija tistaqsi wkoll jekk l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u tas-soġġorn għandhomx jiġu kkunsidrati f'tali każ.

41     Hija tenfasizza li obbligu ta’ rimborż skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jkun ifisser, għal sistema bħal dik tal-NHS, fejn il-kura tas-saħħa tingħata b’xejn, obbligu ta’ rimborż sħiħ. Għalhekk, hija tikkunsidra li, jekk il-kunċett ta’ dewmien inġustifikat għandu jiġi evalwat mingħajr ma jiġu meqjusa kunsiderazzjonijiet ta’ natura finanzjarja, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE tirriżulta f’interferenza tad-dritt Komunitarju fil-politika finanzjarja ta’ l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika, b’tali mod li tqajjem mistoqsijiet f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 152(5) KE.

 Id-domandi preliminari

42     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales), Civil Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta titqies in-natura tal-NHS u l-pożizzjoni tiegħu fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tas-sentenzi Smits [u Peerbooms], Müller-Fauré [u van Riet] kif ukoll Inizan, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, il-persuni li jirrisjedu abitwalment fir-Renju Unit jistgħu jippretendu, skond id-dritt Komunitarju, li jibbenefikaw minn kura fi sptarijiet ta’ Stati Membri oħra a spejjeż tal-NHS?

Partikolarment f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 49 KE:

a)      Teżisti distinzjoni bejn servizz nazzjonali tas-saħħa ffinanzjat mill-Istat, bħall-NHS, minn naħa, u fondi ta’ assigurazzjoni bħas-sistema Olandiża ZWF, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-NHS m’għandu l-ebda fond li minnu jiġu effettwati l-ħlasijiet?

b)      L-NHS għandu jawtorizza u jħallas għal dik il-kura li tingħata fi Stat Membru ieħor, anke jekk huwa mhuwiex marbut jawtorizza u jħallas għal din il-kura meta s-servizz jingħata mis-settur privat fir-Renju Unit?

c)      Il-fatt li pazjent jikseb il-kura indipendentement mill-korp kompetenti tal-NHS u mingħajr awtorizzazzjoni jew notifika minn qabel huwa rilevanti?

2)      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, hemm għalfejn jiġi aċċertat jekk il-kura fl-isptarijiet li tingħata mill-NHS hijiex, fiha nfisha, ħruġ ta’ servizz fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, u fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti iktar ‘il fuq, l-Artikoli 48 [KE], 49 [KE] u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li bħala regola:

a)      il-kura fl-isptarijiet li tingħata minn korpi li jaqgħu taħt l-NHS tikkostitwixxi ħruġ ta’ servizz fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE;

b)      pazjent li jirċievi kura fl-isptarijiet taħt is-sistema tal-NHS jeżerċita, bħala tali, id-dritt tiegħu li jirċievi servizzi skond l-Artikolu 49 KE; u

c)      il-korpi tal-NHS li jipprovdu l-kura fl-isptarijiet huma persuni li jagħtu servizz fis-sens ta’ l-Artikoli 48 KE u 50 KE?

3)      Jekk l-Artikolu 49 KE japplika għall-NHS, jistgħu, dan ta’ l-aħħar jew il-Ministru, sabiex oġġettivament jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jagħtu l-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor, jibbażaw irwieħhom:

a)      fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tkun ta’ dannu serju għas-sistema tal-NHS li tikkonsisti fl-amministrazzjoni tal-prijoritajiet mediċi permezz ta’ listi ta’ stennija;

b)      fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tippermetti lill-pazjenti li jkunu jeħtieġu intervent mediku inqas urġenti jiksbu prijorità fuq pazjenti li jkunu jeħtieġu trattament mediku iktar urġenti;

c)      fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni jkollha l-effett li jintefqu riżorsi band'oħra sabiex titħallas kura inqas urġenti għal pazjenti li jkunu lesti jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u b’hekk tkun ta’ ħsara għal dawk li ma jkunux iridu jew ma jistgħux jivjaġġaw barra mill-pajjiż jew iżżid l-ispejjeż tal-korpi tal-NHS;

d)      fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tista’ tobbliga lir-Renju Unit iżid il-baġit tal-NHS jew inaqqas il-gamma ta' trattamenti li tkun tista’ tingħata mill-NHS;

e)      fuq l-ispejjeż kumparattivi tat-trattament u fuq l-ispejjeż inċidentali tiegħu fl-Istat Membru l-ieħor?

4)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kura tistax tinkiseb 'fi żmien xieraq' għall-finijiet ta' l-Artikolu 49 KE, safejn huwa meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

a)      iż-żmien ta' stennija;

b)      il-prijorità klinika li l-kura tingħata mill-korp kompetenti tal-NHS;

c)      l-amministrazzjoni ta' l-ħruġ tal-kura fl-isptarijiet konformement mal-prijoritajiet intiżi sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati;

d)      il-fatt li l-kura mogħtija mill-NHS hija mingħajr ħlas fil-post fejn il-pazjent jirċievi t-trattament;

e)      il-kundizzjoni medika individwali tal-pazjent, kif ukoll l-istorja klinika tiegħu u l-iżvilupp probabbli tal-marda li għaliha l-pazjent ikun qed ifittex li jiġi kkurat.

5)      Fuq l-interpretazzjoni korretta ta' l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u b'mod partikolari l-kliem 'fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni':

a)      il-kriterji applikabbli huma identiċi għal dawk applikabbli għall-kwistjonijiet ta' 'żmien xieraq' għall-finijiet ta' l-Artikolu 49 KE?

b)      jekk ir-risposta tkun negattiva, safejn huwa meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati l-fatturi msemmija fir-raba' domanda?

6)      Fil-każ li d-dritt Komunitarju jobbliga lill-Istat Membru jiffinanzja l-kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra lil persuni li abitwalment jirrisjedu fl-ewwel Stat Membru, l-ispejjeż ta' din il-kura għandhom jiġu kkalkulati skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih tingħata l-kura jew skond l-Artikolu 49 KE, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza?

F'kull każ:

a)      X'inhi l-portata eżatta ta' l-obbligu ta' ħlas jew ta' rimborż ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet, b'mod partikolari meta, bħal fil-każ tar-Renju Unit, din il-kura tingħata lill-pazjenti mingħajr ħlas fil-post fejn dawn jingħataw it-trattament u fejn ma teżisti ebda tariffa fissa fuq livell nazzjonali għar-rimborż ta' l-ispejjeż ta' trattament lill-pazjenti?

b)      Dan l-obbligu huwa limitat għall-ispiża reali tal-provvista ta' trattament identiku jew ekwivalenti fl-ewwel Stat Membru?

c)      Dan jinkludi wkoll l-obbligu li jitħallsu lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u tas-soġġorn?

7)      L-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiffinanzjaw il-kura mogħtija fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet finanzjarji u, jekk dan huwa l-każ, dawn il-ħtiġiet huma kompatibbli mar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-provvista ta' servizzi tas-saħħa u ta' kura medika msemmija fl-Artikolu 152(5) KE?

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

43     Permezz tad-domandi tagħha, il-Qorti tar-rinviju titlob li tiġi ċċarata kemm il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dik ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

44     Kif issuġġeriet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ewwel nett għandha tittieħed deċiżjoni fuq id-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1480/71.

45     Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, li s-Sinjura Watts talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tmur, taħt kopertura tal-formola E 112, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk tirċievi kura xierqa għall-kundizzjoni tagħha u dan a spejjeż tal-NHS, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Bedford PCT, li miegħu kienet irreġistrata s-Sinjura Watts, irrifjutalha din l-awtorizzazzjoni minħabba li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 22(2) ta' l-imsemmi Regolament.

46     Il-fatt li l-imsemmi Artikolu 22 japplika għal din il-kawża, madankollu, ma jeskludix li din ta' l-aħħar tista' taqa' wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.

47     Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li miżura nazzjonali tista' eventwalment tkun konformi ma' dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja, f'dan il-każ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, m'għandux l-effett li jeżenta din il-miżura mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenza tat-28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 25).

48     Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan li jagħti dritt għal servizzi in natura mogħtija, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjonijiet tal-post fejn tingħata l-kura, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn jingħataw dawn is-servizzi, bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet irreġistrata ma' din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). L-applikabbiltà ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-każ in kwistjoni ma teskludix li l-persuna kkonċernata jista' fl-istess ħin ikollha, skond l-Artikolu 49 KE, dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor taħt kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż differenti minn dawk previsti mill-imsemmi Artikolu 22 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2001, Vanbraekel et., C-368/98, Ġabra p. I-5363, punti 37 sa 53).

49     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandha l-ewwel nett tingħata risposta għad-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, li kienet is-suġġett tal-ħames domanda, imbagħad għall-ewwel erba' domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, fl-aħħar nett għas-sitt u s-seba' domandi, li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

50     Bħalma għamlet il-Kummissjoni, għandu jerġa' jiġi osservat li din il-kawża tikkonċerna biss servizzi mediċi mogħtija f'kuntest ta' sptarijiet u fejn kien hemm bżonn li l-persuna kkonċernata tinżamm għal xi żmien fl-istabbiliment li fi ħdanu ġew ipprovduti l-imsemmija servizzi.

 Fuq il-ħames domanda

51     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriterji ta' interpretazzjoni tal-kliem "fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni" li jinsabu fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 humiex identiċi għal dawk li jintużaw sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta' "żmien xieraq" fil-kuntest ta' l-Artikolu 49 KE.

52     Il-qorti tar-rinviju, billi f'dan l-istadju tirreferi għar-raba' domanda, tixtieq ukoll tkun taf jekk, sabiex jiġi interpretat iż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, huwiex meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati l-fatturi msemmija f'din ir-raba' domanda, jiġifieri l-eżistenza ta' żmienijiet ta' stennija, il-prijoritajiet kliniċi indikati mill-korp kompetenti tal-NHS, l-amministrazzjoni ta' l-ħruġ ta' kura fl-isptarijiet skond prijoritajiet maħsuba sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati, il-fatt li l-kura fil-kuntest ta' l-istrutturi tal-NHS jingħata mingħajr ħlas kif ukoll il-kundizzjoni medika individwali tal-pazjent, l-istorja klinika tiegħu u kif x'aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu.

53     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, imdaħħal fil-kuntest ta' l-għanijiet ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jaqa' fost il-miżuri li jistgħu jippermettu lil pazjent li huwa rreġistrat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jibbenefika, skond il-kundizjonijiet li din tipprovdi, minn servizzi in natura fl-Istati Membri l-oħra, tkun liema tkun l-istituzzjoni nazzjonali li jaqa' taħtha jew il-post ta' residenza tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta' Lulju 2003, Van der Duin u ANOZ Zorgverzekeringen, C-156/01, Ġabra p. I-7045, punt 50, u tat-12 ta' April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 45).

54     L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, billi fil-paragrafu 1(c)(i) tiegħu jiggarantixxi, lill-pazjent li huwa rreġistrat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li jkollu awtorizzazzjoni, aċċess għal kura fl-Istati Membri l-oħra bl-istess kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż li jibbenefikaw minnhom il-persuni li huma rreġistrati taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-imsemmija Stati Membri u billi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu jippreċiża li l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti ma tistax tirrifjuta tali awtorizzazzjoni meta jkunu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni, jikkontribwixxi għat-tħaffif tal-moviment liberu tal-pazjenti u, bl-istess mod, il-provvista ta' servizzi mediċi bejn il-fruntieri ta' l-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et., punt 32; Inizan, punt 21, u Keller, punt 46).

55     It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi żewġ kundizzjonijiet li, jekk jiġu sodisfatti, jirrendu obbligatorju l-ħruġ, mill-istituzzjoni kompetenti, ikun liema jkun l-Istat Membru li lilu tappartjeni, ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel li tirreferi għaliha l-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

56     Sabiex tkun sodisfatta l-ewwel kundizzjoni hemm bżonn li l-kura in kwistjoni tkun elenkata fost is-servizzi previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata. Ma jidhirx li, fil-kawża prinċipali, ir-rifjut ta' l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament kien ibbażat fuq in-nuqqas ta' rispett ta' din l-ewwel kundizzjoni.

57     It-tieni kundizzjoni tkun sodisfatta biss jekk il-kura, li l-pazjent beħsiebu jirċievi fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huwa jirrisjedi, ma tkunx tista', minħabba l-istat attwali ta' saħħtu u l-iżvilupp probabbli tal-marda tiegħu, tingħatalu fiż-żmien normalment neċessarju għall-ksib tat-trattament in kwistjoni fl-Istat Membru ta' residenza

58     Din it-tieni kundizzjoni hija evidentement in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta kemm mill-mod kif inhi fformulata l-ħames domanda, kif ukoll mill-kliem li bihom il-korp kompetenti informa lill-persuna kkonċernata bir-rifjut li tingħatalha l-formula E 112 (ara l-punti 26 u 30 ta' din is-sentenza).

59     F'dan ir-rigward, kif osservaw is-Sinjura Watts, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, tat interpretazzjoni taż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 billi rreferiet għal dak li kienet diġà ddeċidiet fir-rigward tal-kliem "fi żmien xieraq", fis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms (punti 103 u 104), kif ukoll Müller-Fauré u van Riet (punti 89 u 90), f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE ta' dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet li ser tingħata fi Stat Membru ieħor għal kundizzjoni marbuta man-natura neċessarja ta' din il-kura.

60     Fil-fatt, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhemm l-ebda raġuni li tiġġustifika serjament interpretazzjonijiet differenti fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, minn naħa, u f'dak ta' l-Artikolu 49 KE, min-naħa l-oħra, peress li fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni hija, kif isostni l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jekk il-kura fl-isptarijiet meħtieġa minħabba l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata tistax tingħata fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza tagħha fi żmien aċċettabbli li jippreżerva l-utilità u l-effikaċja tagħha.

61     Fis-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq (punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja b'hekk iddeċidiet, billi b'analoġija rreferiet għall-punt 103 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll għall-punt 89 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, li t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiġix sodisfatta kull meta jkun jidher li trattament identiku jew li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent jista' jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta' residenza ta' dan ta' l-aħħar.

62     Billi rreferiet għall-punt 104 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll għall-punt 90 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk trattament li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta' residenza, l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret, billi tikkunsidra b'mod xieraq, mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent meta tintalab l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun hemmm bżonn, il-livell ta' uġieħ jew in-natura tad-diżabbiltà ta' dan ta' l-aħħar, li tista', per eżempju, tagħmila impossibbli jew diffiċli wisq għalih li jeżerċita attività professjonali, iżda wkoll l-istorja klinika ta' dan ta' l-aħħar (sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

63     Fis-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq (punt 92), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sabiex jiġi stabbilit jekk trattament identiku jew li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent huwiex disponibbli fi żmien xieraq fi stabbiliment li jinsab fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tibbaża ruħha biss fuq l-eżistenza ta' listi ta' stennija fl-imsemmi territorju, mingħajr ma tikkunsidra ċ-ċirkustanzi konkreti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni medika tal-pazjent ikkonċernat.

64     Din l-aħħar preċiżazzjoni, mogħtija fir-rigward ta' l-Artikolu 49 KE, tista' tiġi adottata fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, meta jiġi kkunsidrat dak li ntqal fil-punti 59 u 60 ta' din is-sentenza.

65     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta' April 2004, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, p. 1), li għandu jissostitwixxi l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdi għall-obbligu li tingħata l-awtorizzazzjoni in kwistjoni meta, b'mod partikolari, il-kura ma tkunx tista' tingħata, fl-Istat Membru ta' residenza, "fi żmien li jista' jkun iġġustifikat mill-perspettiva medika meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha".

66     Huwa fid-dawl ta' dawn l-indikazzjonijiet li għandha tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-fatturi li din għandha tikkunsidra, fost dawk indikati fir-raba' domanda, sabiex tivverifika jekk it-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 hijiex sodisfatta jew le.

67     F'kuntest ikkaratterizzat minn talba dejjem tikber għal kura fl-isptarijiet minħabba, prinċipalment, il-progress tal-mediċina u ż-żieda fil-medja ta' l-għomor tal-ħajja, minn naħa, u minn provvista neċessarjament limitata minn bżonnijiet finanzjarji, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-amministrazzjoni tal-provvista ta' tali kura għandhom id-dritt li jistabbilixxu, jekk jidrilhom li jkun meħtieġ, sistema ta' listi ta' stennija sabiex jippjanifikaw il-provvista ta' din il-kura u jistabbilixxu prijoritajiet skond ir-riżorsi u l-postijiet disponibbli.

68     Kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, u skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 62 u 63 ta' din is-sentenza, sabiex l-istituzzjoni kompetenti tkun tista' tiġġustifika li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni prevista fl-artikolu 22(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament minħabba raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija, għandha madankollu tistabbilixxi li ż-żmien, li jirriżulta mill-għanijiet ta' pjanifikazzjoni u ta' amministrazzjoni tal-provvista ta' sptarijiet li l-awtoritajiet nazzjonali jixtiequ jilħqu skond il-prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f'termini ġenerali, fejn it-trattament fl-isptarijiet mitlub mill-istat ta' saħħa tal-pazjent jista' jinkiseb fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni, ma jkunx jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta' evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-kundizzjoni medika tagħha, ta' l-istorja klinika tagħha, ta' l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha, tal-livell ta' uġiegħ tagħha u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tagħha meta tintalab l-awtorizzazzjoni.

69     Barra minn dan, kif osservat il-Kummissjoni, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iffissar taż-żmien ta' stennija għandu jiġi kkonċepit b'mod flessibbli u dinamiku, li jippermetti li jiġi kkunsidrat mill-ġdid iż-żmien li għall-ewwel kien ġie nnotifikat lill-persuna kkonċernata minħabba li eventwalment l-istat ta' saħħa tagħha jkun mar għall-agħar wara l-ewwel applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

70     Jekk iż-żmien li jirriżulta mill-għanijiet ġenerali ta' pjanifikazzjoni ma jkunx jaqbeż iż-żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta' din is-sentenza, l-istituzzjoni kompetenti hija ġġustifikata li tikkunsidra li t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 mhijiex sodisfatta u tirrifjuta l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba mill-persuna kkonċernata skond il-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu.

71     Fil-fatt, kieku pazjenti koperti minn servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu awtorizzati jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex hemmek jirċevu, a spejjeż ta' l-istituzzjoni kompetenti, kura fl-isptarijiet li l-infrastrutturi, li jaqgħu taħt l-imsemmi servizz, jistgħu jipprovdulhom fi żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta' din is-sentenza, sempliċement għar-raġuni li kura identika jew li tippreżenta l-istess livell ta' effikaċja tkun disponibbli iktar malajr fl-Istat Membru l-ieħor, b'riżultat ta' dan, ikun hemm flussi migratorji ta' pazjenti ta' natura tali li jġibu fix-xejn l-isforżi ta' pjanifikazzjoni u razjonalizzazjoni magħmula mill-Istat Membru kompetenti fil-qasam vitali tal-kura tas-saħħa sabiex jevita l-problemi ta' ffullar fl-isptarijiet, ta' żbilanċ fl-ħruġ ta' kura medika fl-isptarijiet, ta' ħela u ta' telf, kemm loġistiku kif ukoll finanzjarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi msemmija iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punt 106, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 91).

72     Min-naħa l-oħra, f'każ kuntrarju għal dak indikat fil-punt 70 ta' din is-sentenza, it-tieni kundizzjoni prevista fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta.

73     Il-fatt li l-prezz tat-trattament fl-isptar li għandu jingħata fl-Istat Membru l-ieħor jista' jkun ogħla milli kien ikun kieku t-trattament ingħata fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni ma jistax, f'tali każ, jikkostitwixxi raġuni leġittima għar-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni.

74     F'każ bħal dan, lanqas ma jikkostitwixxi tali raġuni valida l-fatt li l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba jkollha l-effett li ġġiegħel servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratteriżat minn kura fl-isptarijiet li tingħata b'xejn fil-kuntest ta' l-infrastrutturi tiegħu, jipprovdi għal mekkaniżmu finanzjarju maħsub sabiex jippermetti lil dan is-servizz jissodisfa t-talba għal rimborż li tkun ġejja mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura u relatata mas-servizzi in natura li l-pazjent ikkonċernat ikun irċeva mingħand din ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, punt 105).

75     Kuntrarjament għall-apprensjonijiet espressi mill-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni taż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hekk kif tirriżulta mill-punti 59 sa 72 ta' din is-sentenza, mhijiex ta' natura tali li tikkuntesta l-fakultà ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jamministraw il-kapaċità disponibbli fl-isptarijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom permezz ta' listi ta' stennija, sakemm l-eżistenza ta' tali listi ma tostakolax it-teħid in kunsiderazzjoni, f'kull każ individwali, taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizaw is-sitwazzjoni medika u l-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata meta din titlob awtorizzazzjoni sabiex tirċievi kura fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor a spejjeż tas-sistema li magħha hija rreġistrata.

76     Barra minn dan, tali interpretazzjoni tispiċċa biex tipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jirrifjutaw l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba minn pazjent li l-każ personali tiegħu jkollu, wara evalwazzjoni medika oġġettiva, livell ta' urġenza li jkun jiġġustifika l-ksib ta' trattament fi Stat Membru ieħor fi żmien li jkun iqsar minn dak li jirriżulta mil-listi ta' stennija li jirriflettu objettivi ġenerali ta' pjanifikazzjoni kif ukoll ta' amministrazzjoni, u li fih il-persuna kkonċernata tista' tikseb it-trattament in kwistjoni fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt is-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni ma tikkuntestax id-dritt ta' dawn l-awtoritajiet li jopponu l-ħruġ ta' awtorizzazzjoni meta ma jkun hemm ebda raġuni ta' urġenza relatata mas-sitwazzjoni klinika tal-pazjent ikkonċernat li tippermetti li ż-żmien ta' stennija li jirriżulta minn tali objettivi jiġi kkunsidrat bħala irraġonevoli fir-rigward ta' din is-sitwazzjoni.

77     Din l-interpretazzjoni lanqas mhija ta' natura li twassal għal eżodu ta' pazjenti li, peress li jkunu jiddisponu minn riżorsi biżżejjed għal dan il-għan, beħsiebhom imorru fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu, a spejjeż tas-servizz nazzjonali tas-saħħa li huma rreġistrati miegħu u mingħajr kull kunsiderazzjoni ta' ħtieġa medika, it-trattament in kwistjoni fl-isptarijiet fi żmien iqsar minn dak li fih l-imsemmi trattament jista' jingħatalhom fi stabbiliment nazzjonali li jaqa' taħt dan is-servizz. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tħares id-dritt ta' l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet prevista fi Stat Membru ieħor meta ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari li jagħtu lil wieħed x'jifhem li ż-żmien ta' stennija impost fuq il-persuna kkonċernata jkun iktar miż-żmien medikament aċċettabbli fil-każ individwali tiegħu.

78     Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iż-żmien ta' stennija invokat mill-korp kompetenti tal-NHS u bbażat fuq l-obbjettivi ta' pjanifikazzjoni mfittxa mill-awtoritajiet Britanniċi, sabiex jiċħdu l-ewwel talba għal awtorizzazzjoni u t-talba l-ġdida, kienx jaqbeż, rispettivament meta saru ż-żewġ talbiet, iż-żmien medikament aċċettabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi individwali tal-persuna kkonċernata.

79     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun iġġustifikata tiċħad l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu għal raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija għal trattament fl-isptarijiet, l-istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi li dan iż-żmien ma jaqbiżx iż-żmien aċċettabbli stabbilit wara evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni medika tagħha meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jew meta din tiġi mġedda.

 Fuq l-ewwel erba' domandi

80     Permezz ta' l-ewwel erba' domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u taħt liema kundizjonijiet, pazjent li jiddipendi mill-NHS għandux dritt, skond l-Artikolu 49 KE, li jibbenefika minn kura fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor a spejjeż ta' dan is-servizz nazzjonali.

81     Permezz ta' l-ewwel domanda din il-qorti tistaqsi jekk, meta jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tal-NHS, persuna li tirrisjedi fir-Renju Unit tistax tippretendi, skond l-imsemmi Artikolu, li tibbenefika minn kura fl-isptarijiet ta' Stat Membru differenti mir-Renju Unit, a spejjeż tal-NHS. Fil-kuntest ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b'mod partikolari, jekk, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 49 KE f'tali kuntest, għandux jiġi kkunsidrat, minn naħa, in-nuqqas ta' fondi li jiddisponu minnhom il-korpi tal-NHS sabiex jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' tali kura u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-NHS mhuwiex obbligat jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li tkun ingħatat lil pazjent li jiddipendi minnu, fi stabbiliment privat li jinstab fl-Ingilterra jew f'Wales. Hija tixtieq ukoll tkun taf jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew ta' notifika minn qabel lill-korp kompetenti tal-NHS huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.

82     Permezz tat-tieni domanda tagħha hija tistaqsi jekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandux jiġi determinat jekk il-kura mogħtija fl-isptarijiet fil-kuntest tal-NHS tikkostitwixxix servizz fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE.

83     Fit-tielet domanda tagħha hija tagħti lista, fil-każ li din l-aħħar dispożizzjoni tkun applikabbli, ta' numru ta' fatturi li fir-rigward tagħhom hija tixtieq issir taf jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx id-dritt jinvokawhom sabiex jirrifjutaw l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż, min-naħa tal-NHS, tat-trattament li għandu jingħata fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor.

84     Permezz tar-raba' domanda, li tkompli mat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema fatturi jistgħu jew għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi evalwat jekk it-trattament fl-isptarijiet, li l-istat tas-saħħa tal-pazjent jeħtieġ, jistax jingħata mingħajr dewmien inġustifikat fi stabbiliment li jaqa' taħt l-NHS u jekk, konsegwentement, l-awtorizzazzjoni mitluba minn dan il-pazjent għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor tistax tiġi miċħuda mill-istituzzjoni kompetenti.

85     Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 49 KE huwiex applikabbli għal fatti bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

86     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland, C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt 18, kif ukoll Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29), mingħajr ma jkun hemm għalfejn issir distinzjoni bejn jekk il-kura tkunx ingħatat f'kuntest ta' sptarijiet jew barra minn tali kuntest (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et., punt 41; Smits u Peerbooms, punt 53; Müller-Fauré u van Riet, punt 38, kif ukoll Inizan, punt 16).

87     Ġie wkoll deċiż li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarji tas-servizzi, b'mod partikolari tal-persuni li għandhom jirċevu kura medika, li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi (ara s-sentenza tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16).

88     Bilfors għandu jiġi kkonstatat li, f'dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, is-Sinjura Watts ħallset direttament l-istabbiliment, li jinsab fi Stat Membru ieħor, fejn ingħatalha t-trattament.

89     Il-fatt li r-rimborż tal-kura fl-isptar in kwistjoni jintalab sussegwentement mingħand servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex ta' natura li jelimina l-applikazzjoni tar-regoli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punt 55, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 39). Diġà ġie deċiż li ħruġ ta' servizz mediku ma jitlifx il-kwalifika tiegħu bħala provvista ta' servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE għar-raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lil min ikun ipprovdielu s-servizz barra mill-pajjiż għall-kura li jkun ingħata, jitlob sussegwentement li servizz nazzjonali tas-saħħa jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' din il-kura (ara s-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, punt 103).

90     Għalhekk għandu jingħad li l-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għas-sitwazzjoni ta' pazjent li, bħas-Sinjura Watts, jingħata servizzi mediċi bi ħlas, ġewwa sptar, fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta' residenza tiegħu, indipendentement minn kif taħdem is-sistema nazzjonali li magħha hi rreġistrata din il-persuna u li minnha sussegwentement tintalab l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi.

91     Mingħajr ma hemm bżonn, f'dan il-każ, li jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta' kura mogħtija fi sptarijiet fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa bħall-NHS jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni, bħal dik li fuqha hija bbażata l-kawża prinċipali, fejn persuna li l-istat ta' saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u, bi ħlas, tirċievi l-kura in kwistjoni, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet.

92     Għalkemm mhuwiex ikkontestat li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta' armonizazzjoni fuq livell komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta' l-ħruġ ta' servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa' l-fatt li, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punti 44 sa 46; Müller-Fauré u van Riet, punt 100, kif ukoll Inizan, punt 17). L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni li l-Istati Membri jdaħħlu jew iżommu restrizzjonijiet inġustifikati fuq l-eżerċizzju ta' din il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

93     Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk teżistix restrizzjoni bħal din f'sitwazzjonai bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

94     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-ħruġ ta' servizzi purament interni ta' Stat Membru (sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17; Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, kif ukoll Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

95     F'dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ta' l-20 ta' Frar 2004 kif ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, b'mod partikolari mit-tielet domanda, jirriżulta li, għalkemm il-pazjenti li jiddependu mill-NHS ċertament għandhom il-possibiltà li jagħmlu użu minn stabbiliment tal-kura li jinsab fi Stat Membru ieħor, xorta jibqa' l-fatt li, sakemm ma jkollux awtorizzazzjoni minn qabel, il-pazjent ma jistax jikseb, a spejjeż tal-NHS, servizzi ta' kura fi stabbiliment bħal dan.

96     Huwa minnu li, kif isostnu l-Gvernijiet tar-Renju Unit, ta' Spanja, ta' l-Irlanda, ta' Malta u tal-Finlandja, pazjent li jiddipendi mill-NHS m'għandux l-għażla ta' meta u ta' fejn tiġi amministrata lilu l-kura meħtieġa mill-istat ta' saħħa tiegħu fil-kuntest ta' l-infrastrutturi tal-NHS. Madankollu, mhuwiex ikkontestat li, mad-dmir li l-Ministru tas-saħħa għandu skond l-Artikoli 1 u 3 tal-NHS Act (ara l-punt 6 ta' din is-sentenza), jikkorrispondi l-ħruġ b'xejn, fi stabbilimenti li jaqgħu taħt l-NHS, ta' servizzi disponibbli fil-kuntest ta' dan ta' l-aħħar, mingħajr ma dan l-ħruġ ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.

97     Konsegwentement, filwaqt li, skond id-deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2004 u d-deċiżjoni tar-rinviju, l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż mill-NHS, għall-kura disponibbli fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor tiddependi minn awtorizzazzjoni minn qabel , min-naħa l-oħra, l-ħruġ b'xejn ta' servizzi disponibbli fil-kuntest tal-NHS ma jiddependix minn tali awtorizzazzjoni. Huma biss il-modalitajiet ta' dan l-ħruġ li huma suġġetti għal deċiżjoni minn qabel ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

98     Għalhekk għandu jiġi meqjus li s-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fil-punt 95 ta' din is-sentenza tiskoraġġixxi, x'aktarx tostakola, lill-pazjenti kkonċernati milli jikkonsultaw rwieħhom ma' min jipprovdi servizzi ta' kura fi sptarijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor u tikkostitwixxi, kemm għal dawn il-pazjenti, kif ukoll għal min jipprovdi s-servizz, ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizz (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Smits u Peerbooms, punt 69, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 44).

99     Din l-analiżi mhijiex ikkontestata mill-fatt, indikat fil-punt b) ta' l-ewwel domanda, li l-NHS mhijiex obbligata tawtorizza u tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet mogħtija lill-pazjenti fi stabbilimenti privati, li ma jaqgħux taħt l-NHS, li jinsabu fit-territorju ta' l-Ingilterra u ta' Wales.

100   Fil-fatt, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 94 ta' din is-sentenza, il-kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà, mill-imsemmi servizz, għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet li għandha tingħata fi Stat Membru ieħor m'għandhomx jiġu mqabbla mat-trattament li d-dritt nazzjonali jirrizerva għas-servizzi ta' kura fl-isptarijiet li l-pazjenti jingħataw fi stabbilimenti lokali privati. Bil-kontra ta' dan, il-paragun għandu jsir mal-kundizzjonijiet li fihom jingħataw tali servizzi minn dan is-servizz fil-kuntest ta' l-isptarijiet li jaqgħu taħtu.

101   Peress li l-eżistenza ta' restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġiet stabbilità, u qabel ma tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk pazjent li jiddependi mill-NHS għandux id-dritt, skond l-Artikolu 49 KE, jibbenefika, a spejjeż tas-servizz nazzjonali kkonċernat, minn kura medika li tingħata fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma jkun imfixkel minn din ir-restrizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

102   F'dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra, kif sar f'numru kbir ta' osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi imperattivi li jistgħu jintużaw sabiex jiġu ġġustifikati l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi f'kuntest ta' sptarijiet.

103   Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta' sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostaklu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi Kohll, punt 41; Smits u Peerbooms, punt 72; kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 73).

104   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd ukoll jista’ jaqa' taħt id-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika skond l-Artikolu 46 KE, inkwantu tali għan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 50; Smits u Peerbooms, punt 73, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

105   Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-Artikolu 46 KE jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u ta’ sptarijiet, safejn iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali hija essenzjali għas-saħħa pubblika, u iktar u iktar għas-sopravivenza tal-popolazzjoni tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 51; Smits u Peerbooms, punt 74, kuf ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

106   Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni in kwistjoni tistax effettivament tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ tali raġunijiet imperattivi u, f'tali każ, għandux jiġi ggarantit, skond ġurisprudenza kostanti, li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ oġġettivament għal dan il-għan u li dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb b’regoli anqas restrittivi (ara s-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 75, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107   F’dak li jirrigwarda s-servizzi mediċi pprovduti fi sptar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet, fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

108   Huwa magħruf li n-numru ta’ sptarijiet, it-tqassim ġeografiku tagħhom, il-manutenzjoni tagħhom u l-apparat li għandhom, jew inkella n-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom ikunu s-suġġett ta’ pjanifikazzjoni li ġeneralment tirrispondi għal diversi ħtiġiet.

109   Minn naħa, din il-pjanifikazzjoni tipprova tilħaq l-għan li fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat tkun iggarantita aċċessibilità suffiċjenti u permanenti għal firxa ekwilibrata ta’ kura fi sptarijiet ta’ kwalità. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel parti minn rieda li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat, safejn possibbli, kull tberbiq ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Tberbiq bħal dan ikun effettivament iktar ta’ dannu peress li hu ġeneralment irrikonoxxut li s-settur tal-kura fl-isptarijiet iġib miegħu spejjeż konsiderevoli u jrid jirrispondi għal bżonnijiet dejjem ikbar, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji li jistgħu jiġu allokati għall-kura tas-saħħa, ikun x’ikun il-metodu ta’ finanzjament użat, huma limitati.

110   F’din il-perspettiva doppja, il-ħtieġa li l-assunzjoni, mis-sistema nazzjonali, tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ kura li għandha tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor jiġi ssuġġettat għal awtorizzazzjoni minn qabel tidher li hija miżura neċessarja u fl-istess ħin raġonevoli.

111   F’dak li jirrigwarda s-sistema Olandiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li kienet in kwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-punt 81 ta’ din ta’ l-aħħar, li jekk il-pazjenti jkunu jistgħu minn jeddhom u f’kull ċirkustanza jagħmlu użu minn sptarijiet li ma jkunu kkonkludew ebda ftehim mal-fondi ta' assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom, kemm jekk ikunu sptarijiet li jinsabu fl-Olanda u kemm jekk fi Stat Membru ieħor, jiġi kompromess, f’daqqa waħda, kull sforz ta’ pjanifikazzjoni magħmul permezz ta’ sistema ta’ ftehim, sabiex jiġi ggarantit servizz ta’ kura fl-isptarijiet li tkun razzjonalizzata, stabbli, ekwilibrata u aċċessibbli.

112   Dawn il-kunsiderazzjonijiet, magħmula fir-rigward ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali bbażata fuq sistema ta’ ftehim bejn il-fondi pubbliċi ta' assigurazzjoni kontra l-mard u dawk li jipprovdu l-kura fl-isptarijiet, u li jippermettu, f’isem il-ħtiġiet ta’ pjanifikazzjoni, li jiġi limitat id-dritt tal-pazjent li jirrikorri, a spejjeż tas-sistema nazzjonali li huwa rreġistrat fiha, għal servizzi ta’ kura fl-isptarijiet li ma jaqgħux taħt l-imsemmija sistema, jistgħu jiġu applikati għal servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak tal-NHS.

113   Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, u sabiex tingħata risposta għall-paragrafu c) ta’ l-ewwel domanda, id-dritt Komunitarju, partikolarment l-Artikolu 49 KE, għalhekk ma jipprekludix li d-dritt tal-pazjent li jikseb kura fl-isptarijiet ta’ Stat Membru ieħor a spejjeż tas-sistema li fiha huwa rreġistrat ikun suġġett għal miżura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

114   Madankollu, huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet marbutin ma' l-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati fid-dawl tal-ħtiġiet imsemmija iktar ‘il fuq u li dawn jissodisfaw il-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fil-punt 106 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi msemmija iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 82, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 83).

115   Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tagħtix id-dritt li jittieħdu deċiżjonijiet diskrezzjonali min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura tali li jċaħħdu d-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 90, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti).

116   Għalhekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata anke meta din tidderoga minn tali libertà fundamentali, din għandha, f’kull każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jkun limitat sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju. Sistema ta’ awtorizzazzjoni bħal din għanda wkoll tkun ibbażata fuq sistema proċedurali faċilment aċċessibbli u li tista’ tiggarantixxi lill-persuni interessati li l-applikazzjoni tagħhom tiġi pproċessata, oġġettivament u imparzjalment, fi żmien raġonevoli u, barra minn dan, rifjut eventwali ta’ awtorizzazzjoni għandu jkun jista’ jiġi kkontestat permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji jew kważi ġudizzjarji (sentenzi msemmija iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 90, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 85).

117   Għalhekk, ir-rifjuti ta’ awtorizazzjoni, jew l-opinjonijiet li fuqhom ikunu eventwalment bbażati dawn ir-rifjuti, għandhom jindikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li fuqhom ikunu bbażati u għandhom ikunu motivati b’mod xieraq fid-dawl ta’ dawn ta’ l-aħħar. Bl-istess mod, il-qrati li quddiemhom jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjonijiet ta' rifjut bħal dawn għandhom ikunu jistgħu, jekk iqisu li dan ikun neċessarju sabiex jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju li għandhom iwettqu, jiksbu l-opinjoni ta’ esperti indipendenti li jkunu jistgħu jiggarantixxu l-oġġettività u l-imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

118   Issa, f’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummisjoni, li l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-NHS ma tindikax il-kriterji għall-ħruġ jew għar-rifjut ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura pprovduta fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor. L-imsemmija leġiżlazzjoni għalhekk ma tillimitax l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan ir-rigward. Għalhekk, dan in nuqqas ta’ limitazzjoni ġuridika jirrendi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta' awtorizzazzjoni diffiċli.

119   F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanżi u l-fatturi msemmija fit-tielet u r-raba’ domandi, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta' l-analiżi esposta fil-punti 59 sa 77 ta’ din is-sentenza, li rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-serviżżi fl-isptarijiet skond il-prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret, fil-każ individwali kkonċernat, evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

120   Minn dan isegwi li, meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jidher li jaqbeż, fil-każ individwali kkonċernat, iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizaw is-sitwazzjoni u l-ħtiġiet kliniċi tal-persuna kkonċernata, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiv tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

121   Dwar il-fatturi msemmija fid-domandi 1(a) u 3(d), ma’ l-analiżi żviluppata fil-punti 59 sa’ 77 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miżjud li għalkemm id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jamministraw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u jiddeċiedu fuq il-livell ta’ riżorsi li għandhom jiġu allokati għall-funzjonament tagħhom, il-kisba tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat madankollu tobbliga lill-Istati Membri jagħmlulhom xi adattamenti, mingħajr madankollu ma jista’ jiġi kkunsidrat li minħabba dan il-fatt jiġu ppreġudikati s-setgħat sovrani tagħhom f’dan il-qasam (ara s-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 100 u 102).

122   Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi aċċettat li l-ħtieġa ta’ l-Istati Membri li jirrikonċiljaw il-prinċipji u l-ekonomija tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, minn naħa, u l-ħtiġiet li jirriżultaw mil-libertajiet Komunitarji, min-naħa l-oħra, iġġib magħha, bħal fil-każ tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, l-obbligu li l-awtoritajiet responsabbli minn servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak tal-NHS jipprovdu mekkaniżmi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor lill-pażjenti li l-imsemmi servizz mhuziex f’pożizzjoni li jipprovdulhom it-trattament meħtieġ fi żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

123   Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel erba’ domandi għal deċiżjoni preliminari għandha tkun kif ġej:

–       L-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għal sitwazzjoni fejn persuna li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u hemmhekk tirċievi din il-kura bi ħlas, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ kura mogħtija fl-isptar fil-kuntest tas-sistema nazzjonali li magħha hija rreġistrata din il-persuna jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

–       L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li għandha tingħata fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor tkun issuġġettata għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

–       Rifjut li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-servizzi fl-isptarijiet skond prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

Meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva ta’ l-imsemmija elementi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiva tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

 Fuq is-sitt domanda

124   Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż, li skond id-dritt Komunitarju l-Istat huwa obbligat jeffettwa, tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor, għandhiex tiġi kkalkulata, skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1480/71, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn tkun ġiet ipprovduta l-kura (l-Istat Membru l-ieħor) jew, skond l-Artikolu 49 KE, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-pazjent (l-Istat Membru kompetenti). Hija tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza, għall-kwistjoni ta’ din l-assunzjoni tar-responsabbiltà, ta’ l-ħruġ b’xejn tal-kura fl-isptarijiet li tingħata fil-kuntest tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa in kwistjoni u tan-nuqqas korrispondenti ta’ tariffa ta’ rimborż fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti. Hija tistaqsi wkoll jekk l-obbligu ta’ l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ trattament li jingħata fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor jinkludix ukoll il-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u tas-soġġorn.

125   F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-pazjent li, wara li jkun talab awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, tingħatalu tali awtorizzazzjoni jew jiġi affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat għandu jibbenefika, skond din l-istess dispożizzjoni, minn ħruġ ta’ servizzi in natura, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mogħtija mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, bħallikieku huwa rreġistrat ma' din l-aħħar istituzzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et., punt 32; Inizan, punt 20, u Keller, punt 65).

126   Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni simili, huma l-modalitajiet ta’ intervent previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor li għandhom jiġu applikati, u l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata tirrifondi sussegwentement lill-istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1480/71 (ara s-sentenza Vanbraekel et., iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

127   Il-fatt li, minħabba li l-kura li tingħata fl-isptarijiet li jaqgħu taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa in kwistjoni tingħata mingħajr ħlas, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti ma tipprovdix għal tariffa ta' rimborż mhuwiex ta' natura tali li jxekkel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 22(1)(c)(i) u 36 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq l-istituzzjoni kompetenti, fil-kuntest tas-sistema stabbilità minn dawn id-dispożizzjonijiet, jikkonsisti fir-rimborż lill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor ta’ l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi pprovduti minn din ta’ l-aħħar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Stat, mingħajr ma hemm bżonn, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għal kwalunkwe tariffa ta’ rimborż skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti.

128   Wara dan, għandu jiġi eżaminat jekk pazjent li jiddipendi mill-NHS għandux id-dritt jikseb mingħand l-istituzzjoni kompetenti, skond l-Artikolu 49 KE, assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor, li tkun ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

129   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti ma tiggarantixxix lil pazjent, suġġett għal din il-leġiżlazzjoni, li jkun ġie awtorizzat jirċievi kura fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istess livell ta’ assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż bħal dak li dan il-pazjent kien jibbenefika minnu li kieku rċieva kura fl-Istat Membru kompetenti, jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE (ara s-sentenza Vanbraekel et., iċċitata iktar ‘il fuq, punti 43 sa 52).

130   Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li l-kura li tingħata fl-istabbilimenti li jaqgħu taħt is-servizz nazzjonali tas-saħħa li hija tistabbilixxi tingħata mingħajr ħlas, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija eskluża fil-każ fejn il-pazjent, li jkun irreġistrat ma' l-imsemmi servizz, u li jkun ġie awtorizzat jirċievi trattament fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu dritt għall-assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ l-imsemmi trattament skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata mhijiex obbligata, f'tali każ, tikkontribwixxi finanzjarjament għall-ispejjeż ta’ dan it-trattament.

131   Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ nuqqas ta’ assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, il-fatt li l-pazjent jitqiegħed mill-ġdid fil-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku s-servizz nazzjonali tas-saħħa li hu rreġistrat miegħu kien f'pożizzjoni li jipprovdilu, fi żmien medikament aċċettabbli, trattament ekwivalenti għal dak li jkun irċieva fl-Istat Membru l-ieħor, jimplika, għall-istituzzjoni kompetenti, l-obbligu li jintervjeni b’mod supplementari favur il-persuna kkonċernata sabiex ikopri d-differenza bejn, minn naħa, l-ammont li jikkorrispondi ma’ l-ispejjeż oġġettivament kwantifikati, ta’ dan it-trattament ekwivalenti, li, jekk ikun hemm bżonn, ma jkunx jista' jaqbeż l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li jkun tħallas mill-istituzzjoni ta' l-imsemmi Stat li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, meta l-ewwel ammont ikun ikbar mit-tieni wieħed.

132   Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tas-Sinjura Watts fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk l-istituzzjoni kompetenti jkollha l-obbligu li tkopri, f’kull każ, id-differenza sħiħa bejn l-ammont kollu ta’ l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor u l-ammont li jitħallas mill-istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tiegħu, anke meta l-ispejjeż ta’ dan it-trattament ikunu ikbar minn dawk ta’ trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti, dan ifisser li l-pazjent ikun qiegħed jibbenefika minn livell ta’ kopertura li jkun jeċċedi d-dritt fil-konfront tas-servizz nazzjonali tas-saħħa li taħtu huwa rreġistrat.

133   Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni li, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi, skond l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara l-punt 22 ta’ din is-sentenza), regoli intiżi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ l-ispejjeż li, bħala regola, għandhom jiġu fatturati lil ċerti pazjenti barranin, u rkuprati mingħand dawn ta’ l-aħħar, għall-kura li tkun ingħatatilhom fi sptar li jaqa’ taħt is-servizz nazzjonali tas-saħħa, l-imsemmija regoli jistgħu jikkostitwixxu strumenti siewja ta’ riferiment sabiex jiġu ddeterminati, għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni prevista fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż li jinvolvu, fl-Istat Membru kompetenti, trattament fl-isptarijiet li jaqgħu taħt l-imsemmi servizz, ekwivalenti għal dak mogħti lill-pazjent fl-Istat Membru l-ieħor.

134   F'dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta' vvjaġġar u tas-soġġorn, għandu jiġi osservat, f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' awtorizzazzjoni stabbilità fl-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, li din id-dispożizzjoni tagħti lill-pazjent id-dritt li jibbenefika minn "servizzi in natura", f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru l-ieħor skond id-dispożizzjonijiet implementati minn dan ta' l-aħħar.

135   Kif jikkonfermaw it-termini tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-paragrafu 1(c)(i) ta' l-istess Artikolu għandu biss l-iskop li jagħti, lill-pazjenti koperti mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li jkollhom awtorizzazzjoni maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti, aċċess għall-"kura" fi Stat Membru ieħor taħt kundizzjonijiet ta' intervent li jkunu favorevoli daqs dawk li jibbenefikaw minnhom il-pazjenti koperti mil-leġiżlazzjoni ta' dan l-aħħar Stat Membru (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et., punt 32, u Inizan, punt 21).

136   L-obbligu impost fuq l-istituzzjoni kompetenti mill-Artikoli 22 u 36 tar-Regolament 1408/71 għalhekk jirrigwarda biss l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa miksuba mill-pazjent fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda l-kura li tingħata fl-isptarijiet, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar għall-ħtiġiet tat-trattament tiegħu.

137   Il-karatteristika essenzjali tas-"servizzi in natura" fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 fil-fatt hija li dawn huma "intiżi li jkopru kura mogħtija lill-persuna assigurata" permezz ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas jew ta' rimborż ta' l-"ispejjeż ta' natura medika" inkorsi mill-Istat ta' dan ta' l-aħħar (ara, fil-kuntest ta' sistema legali relatata ma' l-assigurazzjoni soċjali kontra r-riskju ta' dipendenza, is-sentenza tal-5 ta' Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, Ġabra p. I-843, punti 32 u 34).

138   Għalhekk peress li m'għandux l-iskop li jirregola l-kwistjoni ta' l-ispejjeż aċċessorji, bħalma huma eventwali spejjeż ta' vvjaġġar u tas-soġġorn barra l-istess sptar, imħallsa minn pazjent awtorizzat mill-istituzzjoni kompetenti li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura xierqa għall-istat ta' saħħa tiegħu, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jimponix, iżda lanqas ma jipprojbixxi, l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' tali spejjeż. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta' tali assunzjoni tar-responsabbiltà jistax jirriżulta mill-Artikolu 49 KE (ara, b'analoġija, is-sentenza Vanbraekel et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

139   F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 94 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 49 KE, teskludi l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji sostnuti minn pazjent awtorizzat li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi trattament ġewwa sptar, meta din tkun tipprovdi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' dawn l-ispejjeż meta t-trattament jingħata fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni.

140   Minn naħa l-oħra, Stat Membru mhuwiex obbligat, skond l-Artikolu 49 KE, jipprovdi li l-isituzzjonijiet kompetenti tiegħu jkollhom l-obbligu li jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji relatati ma' vvjaġġar lil hinn mill-fruntieri awtorizzat għal skopijiet mediċi, meta tali obbligu ma jkunx jeżisti fir-rigward ta' spejjeż simili meta dawn ikunu marbuta ma' vvjaġġar ġewwa t-territorju nazzjonali.

141   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Britannika tipprovdix għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' tali vvjaġġar intern ġewwa r-Renju Unit.

142   Jekk dan ikun il-każ, il-pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet, jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt, kif espona l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jitlob l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' dan l-ivvjaġġar għal raġunijiet mediċi bejn il-fruntieri taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet, oġġettivi u trasparenti, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kompetenti għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' trattament mediku mogħti fl-Istat Membru kompetenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Marzu 2004, Leichtle, C-8/02, Ġabra p. I-2641, b'mod partikolari l-punti 41 sa 48).

143   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun kif ġej:

–       L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti tipprovdi għall-kura fl-isptarijiet li tingħata mingħajr ħlas fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa, u fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih il-pazjent li hu rreġistrat ma' l-imsemmi servizz ġie, jew kellu jiġi, awtorizzat jirċievi trattament fl-isptarijiet a spejjeż ta' dan is-servizz ma tipprovdix għal assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' l-imsemmi trattament, l-istituzzjoni kompetenti għandha tagħti lil dan il-pazjent rimborż li jikkorrispondi għad-differenza eventwali bejn, minn naħa, l-ammont ta' l-ispejjeż, oġġettivament ikkwantifikati, ta’ trattament ekwivalenti fi stabbiliment li jaqa' taħt is-servizz in kwistjoni, li ma jkunx jista' jaqbeż, jekk ikun hemm bżonn, l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar hija obbligata tħallas, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru.

–       L-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jagħti lill-pazjent ikkonċernat jirrigwarda esklużivament l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa li dan il-pazjent ikun ingħata fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda kura li tingħata fi sptar, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar.

–       L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut ta' awtorizzazzjoni li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt jitlob li l-istituzzjoni kompetenti tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' dan l-ivvjaġġar lil hinn mill-fruntieri għal finijiet mediċi biss jekk il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti timponi fuq is-sistema nazzjonali obbligu simili ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż fil-kuntest ta' trattament mogħti fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt l-imsemmija sistema.

 Fuq is-seba' domanda

144   Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu kkunsidrati li jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jiffinanzjaw kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jagħtu kas il-limitazzjonijiet ta' natura finanzjarja u, f'tali każ, jekk dan l-obbligu huwiex kompatibbli ma l-Artikolu 152(5) KE.

145   F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tar-risposti għall-ewwel sitt domandi, il-ħtiġiet li jirriżultaw mill-Artikoli 49 KE u 22 tar-Regolament Nru 1408/71 m'għandhomx jiġu interpretati bħala li jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jagħtu kas ta' kull kunsiderazzjoni ta' natura finanzjarja, iżda għall-kuntrarju ta' dan, huma bbażati fuq it-tfittxija ta' ekwilibriju bejn l-għan ta' moviment liberu tal-pazjenti, minn naħa, u l-ħtiġiet nazzjonali ta' pjanifikazzjoni tal-kapaċità ta' l-isptarijiet, ta' kontroll ta' l-ispejjeż tas-saħħa u ta' ekwilibriju finanzjarju tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, minn-naħa l-oħra.

146   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 152(5) KE, l-intervent tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika għandu jirrispetta għal kollox ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-organizazzjoni u l-provvista ta' servizzi tas-saħħa u ta' kura medika.

147   Din id-dispożizzjoni madankollu ma teskludix li l-Istati Membri jkunu obbligati, skond dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikolu 49 KE, jew skond miżuri Komunitarji adottati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jadattaw is-sistema nazzjonali ta' sigurtà soċjali tagħhom, mingħajr b'daqshekk ma jista' jiġi kkunsidrat li minħabba dan il-fatt jiġu ppreġudikati s-setgħat sovrani tagħhom f'dan il-qasam (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, punt 102; ara ukoll, b'analoġija, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 78).

148   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għas-seba' domanda għanda tkun li l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti għandha, kemm skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll skond l-Artikolu 49 KE, li tawtorizza pazjent irreġistrat ma' servizz nazzjonali tas-saħħa li jikseb, a spejjeż ta' l-imsemmija istituzzjoni, trattament fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor meta ż-żmien ta' stennija jkun jaqbeż iż-żmien aċċettabli skond evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi tal-pazjent ikkonċernat, ma jmurx kontra l-Artikolu 152(5) KE.

 Fuq l-ispejjeż

149   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun iġġustifikata tiċħad l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu għal raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija għal trattament fl-isptarijiet, l-istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi li dan iż-żmien ma jaqbiżx iż-żmien aċċettabbli stabbilit wara evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-fatturi kollha li jikkaratterizaw il-kundizzjoni medika tagħha meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jew meta din tiġi mġedda.

2)      L-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għal sitwazzjoni fejn persuna, li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u hemmhekk tirċievi din il-kura bi ħlas, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ kura mogħtija fl-isptar fil-kuntest tas-sistema nazzjonali li magħha hija rreġistrata din il-persuna jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li għandha tingħata fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor tkun issuġġettata għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

Rifjut li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-servizzi fl-isptarijiet skond prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

Meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva ta’ l-imsemmija elementi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet fondati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiva tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti tipprovdi għall-kura fl-isptarijiet li tingħata mingħajr ħlas fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa, u fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru, li fih il-pazjent li hu rreġistrat ma' l-imsemmi servizz ġie, jew kellu jiġi, awtorizzat jirċievi trattament fl-isptarijiet a spejjeż ta' dan is-servizz, ma tipprovdix għal assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' l-imsemmi trattament, l-istituzzjoni kompetenti għandha tagħti lil dan il-pazjent rimborż li jikkorrispondi għad-differenza eventwali bejn, minn naħa, l-ammont ta' l-ispejjeż, oġġettivament ikkwantifikati, ta’ trattament ekwivalenti fi stabbiliment li jaqa' taħt is-servizz in kwistjoni, li ma jkunx jista' jaqbeż, jekk ikun hemm bżonn, l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar hija obbligata tħallas, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament Nru 118/97, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru.

L-artikolu 22(1)(c)(i) ta' l-imsemmi Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li huwa jagħti lill-pazjent ikkonċernat jirrigwarda esklużivament l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa li dan il-pazjent ikun ingħata fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda kura li tingħata fi sptar, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar.

L-artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut ta' awtorizzazzjoni li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt jitlob li l-istituzzjoni kompetenti tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma dan l-ivvjaġġar lil hinn mill-fruntieri għal finijiet mediċi biss jekk il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti timponi fuq is-sistema nazzjonali obbligu simili ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż fil-kuntest ta' trattament mogħti fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt l-imsemmija sistema.

4)      L-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti għandha, kemm skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament Nru 118/97, kif ukoll skond l-Artikolu 49 KE, li tawtorizza pazjent irreġistrat ma' servizz nazzjonali tas-saħħa li jikseb, a spejjeż ta' l-imsemmija istituzzjoni, trattament fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor meta ż-żmien ta' stennija jkun jaqbeż iż-żmien aċċettabli skond evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi tal-pazjent ikkonċernat, ma jmurx kontra l-Artikolu 152(5) KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.