Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-417/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta' Settembru 2004,

Regione Siciliana, irrappreżentata minn A. Cingolo u G. Aiello, avvocati dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. de March u L. Flynn, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur), J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Novembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz ta' l-appell tagħha, ir-Regione Siciliana titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Lulju 2004, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni (T-341/02, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, iktar 'il quddiem id-"digriet ikkontestat"), li bih ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2002) 810439, tal-5 ta' Settembru 2002, li tagħlaq l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) rigward il-proġett ewlieni "Autostrada Messina-Palermo" (Għajnuna Nru 93.05.03.001) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

Il-kuntest ġuridiku

2. Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali, skond l-Artikolu 158 KE, ġew adottati r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, rigward il-missjonijiet tal-Fondi għal finijiet strutturali, l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament ta' l-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti (ĠU L 185, p. 9), hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2052/88"), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f'dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta' Fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn il-fondi u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 4253/88"). [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jgħid:

"L-azzjoni Komunitarja hija maħsuba sabiex tikkumplementa l-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom. Hija tiġi stabbilita permezz ta' konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti […] innominati mill-Istat Membru fuq il-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew oħrajn, peress li l-partijiet kollha msieħba għandhom għan komuni. Din il-konsultazzjoni hija msejħa iktar 'il quddiem "sħubija". Is-sħubija tirrigwarda t-tħejjija, l-iffinanzjar, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ex post ta' l-azzjonijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4. Taħt it-titolu "Addizzjonalità", l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi li, "sabiex jinkiseb impatt ekonomiku effettiv, l-approprjazzjonijiet mill-Fondi strutturali […] ma jistgħux jiġu ssostitwiti bl-ispejjeż strutturali pubbliċi jew simili ta' l-Istat Membru fit-territorji kollha eliġibbli għal objettiv". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5. Skond l-Artikolu 24 ta' l-istess Regolament:

"1. Jekk it-twettiq ta' azzjoni jew miżura jidher li ma jiġġustifikax l-għajnuna finanzjarja mogħtija la parzjalment u lanqas kollha kemm hi, il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami approprjat tal-każ fil-kuntest ta' l-assoċjazzjoni, billi b'mod partikolari titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet iddeżinjati minnhom għat-twettiq ta' l-azzjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu previst.

2. Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta' irregolarità jew ta' modifika importanti li teffettwa n-natura jew iċ-ċirkustanzi tat-twettieq ta' l-azzjonijiet jew tal-miżura u li għaliha l-awtorizzazzjoni tal-Kummisjoni mhux mitluba.

3. Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6. Permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Diċembru indirizzata lir-Repubblika Taljana (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' għotja"), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat għajnuna finanzjarja ta' l-ERDF għall-bini ta' awtostrada bejn Palermo u Messina, fi Sqallija (iktar 'il quddiem il-"proġett ERDF"). Ix-xogħlijiet meħtieġa għat-twettiq ta' dan il-proġett ġew mqassma f'għaxar lottijiet.

7. Skond l-anness tad-deċiżjoni ta' għotja, ir-rikorrenti ġiet innominata bħala awtorità responsabbli għat-twettiq ta' dan il-proġett.

8. Permezz ta' ittra tas-26 ta' Settembru 1997, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni estensjoni tat-termini ta' ħlas għal diversi lottijiet.

9. Fl-ittra ta' risposta tagħha, tat-30 ta' Ottubru 1997, il-Kummissjoni, wara li fakkret li estensjoni diġà kienet ingħatat sal-31 ta' Diċembru 1997, indikat li l-miżuri kollha meħtieġa kellhom jittieħdu minnufih sabiex ix-xogħlijiet jintemmu sa mhux aktar tard minn din id-data.

10. Permezz ta' ittra tas-17 ta' Ġunju 1998, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Ministru tat-Teżor tar-Repubblika Taljana u lill-Kummissjoni ċ-ċertifikazzjoni finali ta' l-ispejjeż magħmula sal-31 ta' Diċembru 1997, it-talba ta' ħlas mill-ERDF u r-rapport ta' eżekuzzjoni finali.

11. Fit-23 ta' Lulju 1998, il-Kummissjoni rritornat dan ir-rapport lill-Ministru tat-Teżor minħabba li ma kienx fih l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jingħalaq il-proġett ERDF u talbet lill-awtoritajiet Taljani jħejju rapport finali ġdid li jkun fih, b'mod partikolari, għal kull lot, preżentazzjoni ta' l-istat ta' żvilupp tekniku u finanzjarju sal-31 ta' Diċembru 1997 u ġustifikazzjoni xierqa għar-raġunijiet tad-dewmien ikkonstatat fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.

12. Wara li eżaminat ir-rapport finali ġdid, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Frar 1999, għarrfet lill-Ministeru tat-Teżor li minn dan ir-rapport jirriżulta li l-impenn tar-rikorrenti li tiffinanzja l-ikkompletar tax-xogħlijiet marbuta ma' l-imsemmi proġett sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1997 milli jidher ma ġiex irrispettat, peress li żewġ lottijiet biss mill-għaxra previsti ġew mitmuma f'din id-data, u dan, b'dewmien ta' sentejn. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni sostniet li l-likwidazzjoni eventwali tal-bilanċ ta' l-għajnuna finanzjarja għandha ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivament magħmula għaż-żewġ lottijiet mitmuma, bil-kundizzjoni li x-xogħlijiet imwettqa jkunu konformi mal-proġett inizjali.

13. Fil-21 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Taljana proposta ta' għeluq tal-proġett ERDF minħabba dewmien ikkonstatat fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Din il-proposta ta' għeluq ġiet ibbażata fuq l-ispejjeż magħmula sal-31 ta' Diċembru 1997 rigward ix-xogħlijiet mitmuma sal-31 ta' Diċembru 1999.

14. Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha rigward l-imsemmija proposta.

15. Fil-5 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Taljana d-deċiżjoni kkontestata li tieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż magħmula sal-31 ta' Diċembru 1997 rigward ix-xogħlijiet mitmuma fil-5 ta' Settembru 2002. Skond din id-deċiżjoni, li kopja tagħha ntbagħtet lir-rikorrenti, il-bilanċ li ma ntefaqx li għandu jitneħħa huwa ta' EUR 26 378 246 u l-ammont li għandu jiġi rkuprat jammonta għal EUR 58 036 177.

Id-digriet ikkontestat

16. Fl-14 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata. Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli. Il-motivi essenzjali ta' dan id-digriet huma dawn li ġejjin:

"55 […] [I]d-deċiżjoni [kkontestata] kellha […] bħala effett, minn naħa, li tneħħi l-impenn ta' l-ERDF għall-ammonti ta' l-għajnuna li għadhom ma ngħatawx rigward l-ispejjeż li saru ineliġibbli u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-Kummissjoni tirkupra l-ammonti diġà mħallsa mill-ERDF li kienu jikkonċernaw l-imsemmija spejjeż. Id-deċiżjoni [kkontestata] b'hekk ħolqot effet ta' 'qtugħ' ta' l-għajnuna finanzjarja ta' l-ERDF (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta Ġunju 2002, SLIM Sicilia vs Il-Kummissjoni, T-105/01, Ġabra p. II-2697, punt 47).

56 Rigward id-determinazzjoni ta' l-effetti ta' din id-deċiżjoni għar-rikorrenti, għandu jingħad li, skond id-deċiżjoni inizjali ta' għotja ta' l-għajnuna kkontestata tat-22 ta' Diċembru 1993 ir-rikorrenti kienet l-awtorità responsabbli għat-twettiq tal-proġett. […]

57 F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni [ikkontestata] tista' titqies li ħolqot direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti biss jekk, minħabba l-imsemmija deċiżjoni, u mingħajr ma r-Repubblika Taljana kellha setgħa diskrezzjonali f'dan ir-rigward, l-imsemmija rikorrenti, minn naħa, kienet miċħuda mill-ħlas ta' l-ammonti mneħħija li jikkorrispondu għas-somom li għadhom ma ġewx riċevuti minngħand il-ERDF taħt l-għajnuna kkontestata u relatati ma' l-ispejjeż li saru ineliġibbli u, min-naħa l-oħra, kellha l-obbligu tagħti lura l-ammonti indebiti li jikkorrispondu għas-somom li diġà ġew riċevuti taħt l-imsemmija għajnuna u intiżi sabiex isostnu spejjeż li saru ineliġibbli.

58 Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li tali konsegwenzi ma jirriżultawx la minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-għajnuna finanzjarja ta' l-ERDF u lanqas minn dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju intiża sabiex tirregola l-effett ta' tali deċiżjoni (digriet [tal-Qorti tal-Prim'Istanza] SLIM Sicilia vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar 'il fuq], punt 51).

59 F'dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond is-sistema istituzzjonali tal-Komunità u r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, huma dawn ta' l-aħħar li, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt Komunitarju, għandhom jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-liġijiet Komunitarji fit-territorju tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et , 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, u tas-7 ta' Lulju 1987, Étoile commerciale u CNTA vs Il-Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra p. 3005, punt 11 […]). Rigward, b'mod aktar partikolari, l-azzjonijiet ta' finanzjament meħuda fil-kuntest ta' l-ERDF, huma l-Istati Membri […] li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-irkupru tal-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza.

[…]

61 F'din is-sistema, huma għaldaqstant l-Istati Membri li għandhom, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplementaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja u li jieħdu, fir-rigward ta' l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, id-deċiżjonijiet individwali meħtieġa […]

[…]

65 Għandu jingħad li f'dan il-każ xejn ma jimpedixxi lir-Repubblika Taljana milli tiddeċiedi li toħroġ mill-fondi proprji tagħha l-parti tal-finanzjament Komunitarju mneħħija, sabiex tiffinanzja l-ikkompletar tax-xogħlijiet relatati mal-proġett in kwistjoni. F'dan ir-rigward, għandu jingħad, b'mod partikolari, li skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88, l-għajnuna ta' l-ERDF hija intiża sabiex tikkumplementa azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom, u barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 4253/88 jippreċiża li l-għajnuniet Komunitarji ma jistgħux, skond il-prinċipju ta' "addizzjonalità", jiġu ssostitwiti bl-ispejjeż pubbliċi ta' l-Istat Membru.

66 Rigward […] ir-restituzzjoni ta' l-indebitu, għandu jingħad li, fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni limitat ruħha tindika lir-Repubblika Taljana li s-somom li kienu s-suġġett ta' ħlas Komunitarju u li jikkorrispondu għal spejjeż li saru ineliġibbli kellhom jiġu rkuprati mill-ERDF. B'differenza għall-prassi ġeneralment adottata mill-Kummissjoni fil-qasam ta' għajnuniet illegali ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni, id-deċiżjoni [kkontestata] ma fiha ebda dispożizzjoni li ġġiegħel lir-Repubblika Taljana tirkupra s-somom indebiti mingħand il-benefiċjarji tagħhom […].

[…]

68 L-eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjoni [kkontestata] timplika biss għaldaqstant, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li r-Repubblika Taljana tagħti lura lill-ERDF is-somom indebiti li huma indikati fiha […].

[…]

71 Madankollu, rigward l-għajnuna finanzjarja ta' l-ERDF, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li xejn ma jippermetti […] li jiġi konkluż li l-Istat Membru m'għandu ebda setgħa diskrezzjonali, u aktar minn hekk ebda setgħa ta' deċiżjoni, f'dak li għandu x'jaqsam ma' tali ħlas lura (digriet [tal-Qorti tal-Prim'Istanza] SLIM Sicilia vs Il-Kummissjoni, [iċċitata iktar 'il fuq], punt 52).

[…]

73 Ma jistax jiġi […] eskluż li ċirkustanzi partikolari jistgħu jwasslu lir-Repubblika Taljana tirrinunzja milli titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna kkontestata u tbati hija nfisha l-ispejjeż tal-ħlas lura lill-ERDF ta' l-ammonti li hija b'mod żbaljat qieset li kellha tħallas […].

[…]

80 Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni [ikkontestata] ma ħolqotx effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

It-talbiet tal-partijiet

17. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet ikkontestat u, konsegwentement, tieħu kull deċiżjoni f'dak li jikkonċerna t-tkomplija tal-proċedimenti tal-kawża u l-ispejjeż.

18. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

Fuq it-talba għall-annullament tad-digriet ikkontestat.

19. Ir-rikorrenti tqajjem erba' motivi sabiex issostni l-appell tagħha:

– ksur ta' l-Artikoli 113 u 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

– ksur ta' l-Artikolu 230 KE;

– ksur ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 u ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 4253/88, u

– difetti fil-motivazzjoni.

20. Permezz tat-tieni u t-tielet motivi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-digriet ikkontestat huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li r-Regione Siciliana hija persuna distinta mir-Repubblika Taljana, Stat Membru destinatarju ta' l-għajnuna finanzjarja, meta fil-fatt, peress li hija komponent territorjali ta' l-imsemmija Repubblika, hija għandha d-dritt, l-istess bħalha, li tressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata.

21. F'dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċiediet li r-rikors ta' entità reġjonali jew lokali ma jistax jiġi mqabbel mar-rikors ta' Stat Membru, peress li l-kunċett ta' Stat Membru skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE jkopri biss l-awtoritajiet governamentali ta' l-Istati Membri. Dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż għall-gvernijiet ta' reġjoni jew ta' entitajiet oħra substatali mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattat (ara d-digriet ta' l-1 ta' Ottubru 1997, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni, C-180/97, Ġabra p. I-5245, punti 6 u 8, u s-sentenza tat-22 ta' Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, C-452/98, Ġabra p. I-8973, punt 50).

22. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet ebda żball ta' dritt meta ttrattat ir-Regione Siciliana bħala persuna distinta mir-Repubblika Taljana.

23. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta qieset li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, KE sabiex tressaq ir-rikors tagħha.

24. Fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, entità reġjonali jew lokali tista', safejn hija għandha – bħar-Regione Siciliane – personalità ġuridika taħt id-dritt nazzjonali, tressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet indirizzati lilha u kontra d-deċiżjonijiet li, minkejja li huma meħuda bħala regolament jew deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, jikkonċernawha direttament u individwalment (ara s-sentenzi Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C-142/00 P, Ġabra p. I-3483, punt 59).

25. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza limitat l-eżami tagħha għall-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatt li din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna individwalment l-imsemmija rikorrenti.

26. Mill-punti 65 sa 73 tad-digriet ikkontestat jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeduċiet in-nuqqas ta' interess dirett fir-rigward tar-rikorrenti mill-fatt li r-Repubblika Taljana setgħet tiddeċiedi li tbati hija stess l-ispejjeż tal-ħlas lura li għandu jsir lill-ERDF u li toħroġ mill-fondi propji tagħha l-parti ta' l-għajnuna Komunitarja mneħħija sabiex tiffinanzja l-ikkompletar tax-xogħol.

27. Ir-rikorrenti ssostni li dan ir-raġunament, mhux talli ma jsostnix in-nuqqas ta' interess dirett, iżda huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta' kumplimentarità u ta' addizzjonalità tal-fondi strutturali msemmija rispettivament fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jgħid li l-interventi Komunitarji jseħħu flimkien ma' l-interventi nazzjonali u ma jissostitwuhomx.

28. Sabiex tingħata risposta għal dan l-argument, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew legali għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, hekk kif previst fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, titlob li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta' natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta' regoli oħra intermedjarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C-404/96 P, Ġabra p. I-2435, punt 41, u tad-29 ta' Ġunju 2004, Front National vs Il-Parlament, C-486/01 P, Ġabra p. I-6289, punt 34).

29. F'dan il-każ, hekk kif jidher fil-punt 7 ta' din is-sentenza, ir-rikorrenti kienet ġiet indikata, fl-anness tad-deċiżjoni ta' għotja, bħala awtorità responsabbli għat-twettiq tal-proġett ERDF.

30. Madankollu, ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti ġiet direttament effettwata, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230, f'din il-kwalità. F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-funzjoni ta' awtorità responsabbli għat-twettiq tal-proġett, imsemmija fl-anness tad-deċiżjoni ta' għotja, ma tfissirx li r-rikorrenti kienet hija nfisha intitolata għad-dritt għall-għajnuna.

31. Din l-analiżi mhijiex invalidata mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 u mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 4253/88, invokati mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn l-Artikoli, li jsemmu l-prinċipju ta' kumplementarità ta' l-għajnuniet finanzjarji Komunitarji in relazzjoni mal-finanzjamenti nazzjonali, mhumiex rilevanti fil-każ fejn il-Kummissjoni għalqet għajnuna Komunitarja.

32. Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx direttament kkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kien għaldaqstant inammissibbli.

33. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda.

34. L-ewwel u r-raba' motivi mqajma mir-rikorrenti, li bihom tallega li d-digriet ikkontestat, minn naħa, kiser l-Artikoli 113 u 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u, min-naħa l-oħra, huwa vvizzjat b'difetti ta' motivazzjoni, lanqas ma jistgħu jwasslu għall-annullament tad-digriet ikkontestat.

35. Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssemmi tliet ilmenti: l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha għaliex ma kienet teżisti, f'dan il-każ, ebda inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, skond dan l-Artikolu; it-tieni nett, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fin-nuqqas ta' proċedura orali, ir-rikorrenti ma setgħetx tiddefendi ruħha; it-tielet nett, il-Kummissjoni kellha tippreżenta eċċezzjoni ta' inammissibbiltà b'att separat, skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

36. F'dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-inammissibbiltà dedotta mill-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta' rikors imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li mhix indirizzata lilha għall-kundizzjoni li hija tkun direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni, stabbilit fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, hija ta' ordni pubbliku, b'tali mod li l-qrati Komunitarji jistgħu f'kull ħin iqajmu l-imsemmija inammissibbiltà, anke ex officio (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-5 ta' Lulju 2001, Conseil national des professions de l'automobile et vs Il-Kummissjoni, C-341/00 P, Ġabra p. I-5263, punt 32). Għaldaqstant, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddikjara rikors inammissibbli anke fin-nuqqas ta' eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma b'att separat minn waħda mill-partijiet in kawża.

37. Għandu jiġi mfakkar, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiggarantix l-iżvolġiment ta' fażi orali, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista', b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha li għalih jirreferi l-Artikolu 113 ta' l-istess Regoli, tiddeċiedi wara t-tmiem ta' proċedura li ssir biss bil-miktub (sentenza tad-19 ta' Jannar 2006, AIT vs Il-Kummissjoni, C-547/03 P, li għadha ma ġietx fil-Ġabra, punt 35). Barra minn hekk jirriżulta mid-digriet ikkontestat li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjonijiet suffiċjenti mingħajr ma tisma' d-difiżi orali tal-partijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fir-replika tagħha.

38. Rigward ir-raba' motiv, li bih ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza huma inkoerenti, arbitrarji u mingħajr motivazzjoni inkwantu huma bbażati fuq istuttorja insuffiċjenti u fuq allegazzjonijiet mhux ippruvati, biżżejjed issir riferenza għall-motivi tad-digriet ikkontestat li jinsabu fil-punt 16 ta' din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat b'mod dettaljat u koerenti l-kwistjoni tal-kwalità tar-rikorrenti li taġixxi.

39. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

40. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1) L-appell huwa miċħud.

2) Ir-Regione Siciliana hija ordnata tbati l-ispejjeż.