SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ April 2006 (*)

“Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 93/104/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Kumpens finanzjarju għal nuqqas ta’ tgawdija tal-perijodu minimu tal-leave annwali mħallas”

Fil-kawża C-124/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (l-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Marzu 2005, fil-proċedura

Federatie Nederlandse Vakbeweging

vs

Staat der Nederlanden,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric (Relatur), K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Federatie Nederlandse Vakbeweging, minn L. S. J. de Korte u M. A. C. Vijn, advocaten,

–       għar-Renju ta’ l-Olanda, minn H. G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

–       għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, minn T. Linden, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u P. van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), kif emendata permezz tad-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 195, p. 41, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Federatie Nederlandse Vakbeweging (il-federazzjoni Olandiża tas-sindakati, iktar ‘il quddiem il-“FNV”) u l-istat Olandiż, fil-kwistjoni dwar jekk ix-xiri tal-perijodu minimu ta’ leave annwali skond id-Direttiva, li jkunu akkumulaw matul is-snin ta’ qabel, imurx kontra l-Artikolu 7(2) ta’ din id-Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-DDirettiva ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 118A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE). Skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, hija tiffissa r-rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

4       It-Taqsima II tad-Direttiva tipprevedi l-miżuri li l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu biex kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum, ta’ mistrieħ fil-ġimgħa kif ukoll ta’ leave annwali mħallas. Hi tirregola wkoll il-waqfiet u l-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa.

5       F’dak li jirrigwarda l-leave annwali, l-Artikolu 7 tad-Dirretiva jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas għall-inqas għal erba’ ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet [ta’ l-]intitolament għal, u l-għotja ta’, dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

2.      Il-perjodu minimu tal-leave annwali mħallas ma’ jistax ikun mibdul b’benefiċċju [bħala kumpens], sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx terminata.”

6       L-Artikolu 17 tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga, taħt ċertu kundizzjonijiet, għal numru ta’ dispożizzjonijiet, mingħajr ma madankollu jsemmi l-Artikolu 7.

7       Id-Direttiva ġiet mħassra u ssostitwita, mit-2 ta’ Awwissu 2004, mid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti [ta’ l-]organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9). Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva baqa’ ma nbidilx.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Id-dispożizzjonijiet rilevanti, adottati sabiex id-Direttiva tiġi trasposta fl-ordni ġuridiku intern Olandiż, huma inklużi fil-ktieb 7, titolu 10 (kuntratt ta’ xogħol), kapitolu 3 (leave), tal-kodiċi ċivili (Burgerlijk wetboek, iktar ‘il quddiem il-“BW”).

9       Il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 7:634 tal-BW jiddisponi:

“Il-ħaddiem, għal kull sena li matulha kellu dritt għal ħlas għall-perijodu kollu ta’ xogħol miftiehem, jikseb dritt ta’ leave annwali li huwa għallinqas ta’ erba’ darbiet il-ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa jew għal perijodu li għallinqas huwa l-istess jekk iż-żmien ta’ xogħol miftiehem huwa espress f’siegħat kull sena.”

10     Skond l-Artikolu 7:638 tal-BW:

“1.      Min iħaddem għandu kull sena jagħti l-possibbiltà lill-ħaddiem li jieħu l-leave annwali li għandu dritt għalih skond l-Artikolu 634.

2.      Fejn il-leave mhuwiex stabbilit bi ftehim bil-miktub jew bi jew skond ftehim kollettiv ta’ xogħol, ta’ regolament maħruġ minn jew f’isem korp amministrattiv kompetenti għal dan il-għan jew mil-liġi, min iħaddem jistabbilixxi l-bidu u t-tmiem ta’ dan skond ix-xewqat tal-ħaddiem, sakemm ma hemmx motivi gravi kontra dan. […]

[…]

6.      Min iħaddem għandu jagħti lill-ħaddiem il-bqija tal-leave li għandu dritt għalih fi ġranet jew siegħat, sakemm ma hemmx motivi gravi kontra dan.

[…]”

11     Taħt l-Artikolu 7:639 tal-BW:

“Matul il-leave tiegħu, il-ħaddiem iżomm id-dritt tiegħu għal ħlas.”

12     L-Artikolu 7:640 tal-BW jiddisponi:

“1.      Matul il-kuntratt tiegħu ta’ xogħol, il-ħaddiem ma jistax jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ leave b’kumpens.

2.      Jekk jinkiseb dritt għal leave għola mill-minimu previst mill-Artikolu 634, tista’ ssir derogat għall-paragrafu 1 bi ftehim bil-miktub, safejn dan id-dritt jew din il-miżura jaqbeż dan il-minimu.”

13     Skond l-Artikolu 7:642 tal-BW:

“L-azzjoni għall-għarfien ta’ dritt għal leave tiġi preskritta f’għeluq ħames snin minn wara l-aħħar ġurnata tas-sena fejn ingħata lok għal dan id-dritt.”

14     Taħt l-Artikolu 7:645 tal-BW:

“Ma tistax issir deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 634 sa 643, inklużi, għad-dannu tal-ħaddiem, sakemm dawn l-Artikoli ma jippermettux tali deroga.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Fir-rigward tar-regoli legali fuq imsemmija, fuljett ta’ informazzjoni ppubblikat mill-Ministru ta’ l-Affarijiet soċjali u ta’ l-impjieg, bit-titolu “Nieuwe vakantiewetgeving. Meer ruimte voor maatwerk” (Il-leġiżlazzjoni l-ġdida fuq il-leave: skop usa għal leave ppersonalizzat), ta’ Frar 2001 (iktar ‘il quddiem il-“fuljett”), jistqarr dan li ġej:

“Il-bażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-leave tibqa l-istess: kull ħaddiem għandu dritt għal-leave li jibqa’ jiġi mħallas. In-numru minimu ta’ ġranet tal-leave fis-sena jiżdied għallinqas erba’ darbiet in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol fil-ġimgħa. […]

Li jingħata iktar leave għadu possibbli, iżda qatt inqas!

[…]

3.      L-akkumulu tal-ġranet tal-leave

Jista’ ħaddiem jakkumula l-ġranet tiegħu tal-leave matul numru ta’ snin sabiex ikun jista’ jagħmel vjaġġ twil madwar id-dinja?

Iva, dan huwa perfettament possibbli. Il-ġranet tal-leave jistgħu jiġu akkumulati fuq perijodu itwal qabel ma jiskadu. […]

4.      Ix-xiri tal-ġranet tal-leave

Id-dar trid tiġi rrinnovata. Ħaddiem jista’ jirċievi flus minflok ġranet ta’ leave akkumulati?

Iva, iżda… Minn issa ‘l quddiem huma l-ġranet ta’ leave supplementari li jistgħu jinxtraw. F’dan il-każ dan jirrigwarda ġranet tal-leave li huma iktar min-numru minimu obbligatorju ta’ ġranet tal-leave fis-sena jew ġranet li ġew akkumulati matul is-snin ta’ qabel.

Eżempju: ħaddiem b’impjieg full-time akkumula 50 jum ta’ leave u jrid ibiegħhom lil min iħaddmu. Hu għadu ma ħax leave din is-sena. Għalhekk jista’ ibigħ l-iktar 50 – 20 (minimu legali) = 30 ġurnata.”

16     Matul ix-xogħlijiet parlamentari dwar l-Artikolu 7:640 tal-BW, il-Gvern Olandiż ifformula, fil-qosor, l-osservazzjonijiet li ġejjin: id-dritt minimu għal-leave jikkonsisti f’ċertu numru ta’ ġranet li matulhom ħaddiem għandu dritt, f’kull każ, matul sena partikolari, għall-esklużjoni tal-ġranet mhux mogħtija mil-liġi tas-sena in kwistjoni kif ukoll dawk il-ġranet akkumulati matul is-snin ta’ qabel. Il-ġranet kollha akkumulati matul dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu kkunsidrati għax-xiri tal-ġranet tal-leave, indipendentement mill-oriġini tagħhom. Il-fatt li dawn il-ġranet ġew akkumulati minn leave mhux mogħti bil-liġi jew mil-leave minimu ta’ sena ta’ qabel huwa għalhekk irrilevanti. Meta ħaddiem ma użax id-dritt minimu tiegħu għal-leave, tkun xi tkun ir-raġuni (kollu jew parti), dan id-dritt ma jibqax jgħodd bħala dritt minimu matul is-sena ta’ wara. Fil-fatt, għal din is-sena jeżisti dritt minimu distint. Fir-rigward ta’ dan id-dritt mhux użat tas-sena ta’ qabel, jista’ jiġi previst kumpens finanzjarju.

17     Matul dawn ix-xogħlijiet parlamentari, ġie rrikonoxxut li possibbiltà ta’ xiri ta’ ġranet tal-leave jista’ jħajjar lill-ħaddiema ma jieħdux dawn il-ġranet ta’ leave billi jafu li dawk li ma jieħdux ġranet ta’ leave waqt sena ta’ xogħol jistgħu jkunu suġġetti għal xiri fis-snin ta’ wara. F’dan ir-rigward ġie ppreċiżat li għandhom jitħallew lil min iħaddem u lill-ħaddiema r-responsabbiltajiet tagħhom u li kien mistenni li, fil-każ partikolari, il-partijiet ikkonċernati jaġixxu b’mod raġonevoli. Ġie indikat li, skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 7:638 tal-BW, min iħaddem għandu l-obbligu li jagħti, kull sena, l-opportunità lill-ħaddiem li jieħu għallinqas il-leave minimu annwali. Il-ħaddiem jista’ jimponi lil min iħaddmu li jagħtih dan il-leave.

18     Ġie propost li l-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 7:640 tal-BW jiġi adattat sabiex, fuq in-numru totali ta’ ġranet ta’ leave akkumulati, ma jkunx permess xiri tal-parti ta’ dak li joħroġ mill-fatt li ttieħdu inqas ġranet tal-leave mill-minimu legali matul is-snin ta’ qabel. Din il-proposta ġiet miċħuda matul dawn ix-xogħlijiet Parlamentari.

19     Il-FNV ressaq rikors quddiem ir-Rechtbank te ‘s-Gravenhage sabiex jiġi kkonstatat, essenzjalment, li l-istat Olandiż aġixxa illegalment meta kkunsidra u spjega, kuntrarjament għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “perijodu minimu ta’ leave”, previst mill-Artikolu 7:634 tal-BW, li l-ġranet, kemm mogħtija kif ukoll mhux mogħtija mil-liġi, li akkumulaw minn snin oħra huma iktar minn dak li hu d-dritt ta’ leave minimu u jistgħu bħala prinċipju jkunu s-suġġett ta’ xiri. Il-FNV, għalhekk, talab li l-istat Olandiż jiġi kkundannat li ma jibqax iktar jikkomunika l-interpretazzjoni żbaljata tiegħu ta’ l-Artikolu 7:640 tal-BW, li ma jibqax iktar ixandar dan il-fuljett u jippubblika d-deċiżjoni ta’ intervent.

20     Ir-Rechtbank te ‘s-Gravenhage ċaħdet ir-rikors. Fl-appell quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage, il-FNV ukoll talab fuq titolu sussidjarju li hu intiż bil-liġi li interpretazzjoni raġonevoli tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 7:640 tal-BW, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, jimplika li l-ġranet ta’ leave li l-ħaddiem kellu iżda ma bbenifikax minnhom matul il-kors ta’ kwalunkwe sena meta mqabbel mad-dritt minimu miksub legalment matul dik is-sena ma jistax ikun is-suġġett ta’ xiri.

21     Il-qorti tar-rinviju tqis li jirriżulta mit-teħid flimkien ta’ l-oriġini tal-liġi u minn dan il-fuljett li l-perijodu minimu tal-leave annwali jista’ jiġi mibdul b’kumpens finanzjarju matul sena oħra jekk il-ħaddiem ma jkunx għamel użu minnhom. Meta wieħed jikkunsidra d-dokumenti preparatorji ta’ din il-liġi, il-kontenut tal-fuljett in kwistjoni huwa tali li, billi jmur kontra l-mod kif id-Direttiva trid tiġi interpretata u trasposta, id-diffużjoni fin-nuqqas ta’ kwalunkwe forma ta’ avviż – li ma tidhirx – ikun qarrrieq u għalhekk illeċitu. Huwa suffiċjentement probabbli li l-possibbiltà ta’ xiri ulterjuri ta’ ġranet tal-perijodu minimu ta’ leave annwali jista’ jwassal li ħaddiema ma jieħdux jew ma jieħdux kompletament dan il-leave minimu annwali. L-interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva mill-istat Olandiż tista’ twassal biex l-interessi tal-FNV jiġu milquta, bħala gwardjana ta’ l-interessi tal-ħaddiema fl-Olanda.

22     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechshof te ‘s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tippermetti, matul il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol, li jiġi miftiehem bil-miktub li jingħata kumpens finanzjarju matul sena oħra lil ħaddiem li ma jkunx użufruwixxa jew ma jkunx użufruwixxa kompletament mil-leave annwali minimu tiegħu matul sena partikolari, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ma’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/104 […]?

Id-domanda titlaq mill-prinċipju li l-kumpens ma jingħatax għad-dritt tal-ħaddiem għal-leave minimu matul dik is-sena jew matul is-snin ta’ wara.”

 Fuq id-domanda preliminari

23     L-ewwel nett, għandha tiġi kkunsidrata l-eventwali illegalità, imqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ta’ trasferiment tal-ġranet tal-perijodu minimu ta’ leave annwali.

24     Mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata din id-domanda fid-detall, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leave ggarantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jeffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-519/03, Ġabra p. I-3067, punt 33). B’dan il-mod, fil-każ ta’ akkumulu tal-perijodi ta’ leave ggarantiti mid-dritt Komunitarju fl-aħħar ta’ sena, it-trasferiment tal-leave annwali jew ta’ parti minn dan fuq is-sena ta’ wara tista tkun inevitabbli.

25     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprekludix li dispożizzjoni nazzjonali tippermetti, matul il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol, li l-ġranet ta’ leave annwali skond id-Direttiva, li ma jkunx sar użu minnhom matul sena jiġu mibdula f’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens finanzjarju matul sena oħra.

26     L-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni iktar tajba tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ, b’mod partikolari ta’ leave annwali mħallas, u ta’ perijodi ta’ mistrieħ adegwat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 38, u ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

27     Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas għall-inqas għal erba’ ġimgħat skond il-kundizzjonijiet ta’ ksib u għotja ta’ dan il-leave stipulat mil-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiċi nazzjonali.

28     Id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem irid ikun ikkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari, li ma jistax jiġi dderogata u li t-twettiq fis-seħħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jrid jiġi effettwat biss fil-limiti espressament imħabbra mill-istess Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi BECTU, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43, u tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C-342/01, Ġabra p. I-2605, punt 29).

29     Id-Direttiva, minbarra dan, tistabbilixxi r-regola li tgħid li l-ħaddiem għandu normalment jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu, billi huwa biss fil-każ fejn l-impjieg ikun ġie tterminat li l-Artikolu 7(2) tiegħu jippermetti li d-dritt tal-leave annwali mħallas jiġi msarraf f’kumpens finanzjarju (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq BECTU, punt 44, u Merino Gómez, punt 30).

30     Ċertament, l-effett pożittiv ta’ dan il-leave għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem huwa kollu kemm hu spjegat jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena partikolari. Madankollu, dan iż-żmien ta’ mistrieħ ma jitlifx l-interess tiegħu f’dan ir-rigward jekk jiġi meħud matul perijodu sussegwenti.

31     Billi l-leave skond id-Direttiva jista’, meta jittieħed matul sena sussegwenti, dejjem jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat li jibqa’ rregolat mid-Direttiva.

32     F’kull każ, il-possibbiltà ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali minimu trasferit joħloq inċentiv, inkompatibbli ma’ l-iskop ta’ din id-Direttiva, li dak li jkun jirrinunzja għal-leave ta’ mistrieħ jew li jagħmel b’mod li l-ħaddiema jirrinunzjaw għal dan.

33     Konsegwentement, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jipprekludi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali jiġi mibdul minn kumpens finanzjarju fil-każ ta’ trasferiment fuq sena oħra.

34     Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 7 tad-Direttiva mhuwiex fost id-dispożizzjonijiet li espressament jippermettu deroga (ara s-sentenza BECTU, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41). Għalhekk, mhuwiex essenzjali li kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas ikunx ibbażat jew le fuq ftehim kuntrattwali.

35     Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda mqiegħda tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali tippermetti, matul il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol, li l-ġranet ta’ leave annwali skond l-Artikolu 7(1) li ma jkunx sar użu minnhom matul sena jiġu msarrfa f’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens finanzjarju, matul sena oħra.

 Fuq l-ispejjeż

36     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata permezz tad-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali tippermetti, matul il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol, li l-ġranet ta’ leave annwali skond l-Artikolu 7(1) li ma jkunx sar użu minnhom matul sena jiġu msarrfa f’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, finanzjarju matul sena oħra.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.