SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Marzu 2006 (*)

"Regolament (KE) Nru 1954/2003– Artikoli 3, 4 u 6 – Immaniġġjar ta’ l-isforz għas-sajd – Żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità – Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika tal-Portugall u l-aġġustamenti għat-Trattati – Indiviżibbiltà – Inammissibbiltà"

Fil-kawża C-36/04

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-29 ta’ Jannar 2004,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Monteiro u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentat minn T. van Rijn u minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament ta’ l-Artikoli 3, 4 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, dwar l-immaniġġjar ta’ l-isforz għas-sajd li jirrigwarda ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità u li jimmodifika r-Regolament [(KEE)] Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 685/95 u (KE) Nru 2027/95 (ĠU L 289, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament in kawża").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 3 tar-Regolament in kawża jiddisponi:

"1. Ħlief għaż-żona definita fl-Artikolu 6(1), l-Istati Membri għandhom:

a)       jagħmlu stima tal-livelli ta’ sforzi għas-sajd magħmula minn bastimenti ta’ 15-il metru jew aktar fit-tul kollu, bħala medja annwali tal-perjodu 1998 sa 2002, f’kull waħda miż-żoni ta’ l-ICES u d-diviżjonijiet ta’ CECAF imsemmijin fl-Artikolu 1 għal meded ta’ baħar b’ħut tal-qiegħ, ħlief meded ta’ ħut tal-qiegħ, dawk koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi għall-aċċess u kondizzjonijiet applikabbli fis-sajd għal stokkijiet ta’ ħut f’baħar fond [9] u meded ta’ baħar b’molluski bivalvi tal-familja Pectinidae, granċi ta’ l-ikel u għaġuż, kif preskritt fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Biex ikun kalkolat l-isforz għas-sajd il-kapaċità għas-sajd ta’ bastiment għandha titkejjel bħala l-potenza elettrika stallata espressa f’kilowatts (kW);

b)       jallokaw il-livell ta’ l-isforz stmat għas-sajd li jikkonforma mas-subparagrafu (a) f’kull żona ta’ l-ICES jew diviżjoni ta’ CECAF, għal kull medda ta’ baħar fejn jinqabad il-ħut, imsemmija fis-subparagrafu (a).

[…]"

3       Taħt l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament:

"1.      L-isforz għas-sajd ta’ dgħajjes tas-sajd ta’ 15-il-metru jew inqas fit-tul kollu jrid jiġi stmat globalment għal kull medda ta’ baħar tal-ħut jew żona jew diviżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) matul il-perjodu 1998 sa 2002.

2.      L-isforz għas-sajd ta’ dgħajjes tas-sajd ta’ 10 metri jew inqas fit-tul kollu jrid jiġi stmat globalment għal kull medda ta’ baħar bil-ħut jew żona jew diviżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) matul il-perjodu 1998 sa 2002.

3.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isforz għas-sajd ta’ dawn id-dgħajjes ikun limitat għal-livell ta’ sforz għas-sajd stmat li jikkonforma mal-paragrafi 1 u 2."

4       L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema partikolari ta’ mmaniġġjar ta’ l-isforz għas-sajd għal żona bijoloġikament sensittiva fiż-żona magħluqa ‘l barra mill-kosta ta’ l-Irlanda, li fiha "l-Istati Membri jagħmlu stima tal-livelli ta’ l-isforz għas-sajd eżerċitat minn bastimenti ta’ 10 metri jew aktar fit-tul kollu, bħala medja annwali għall-perjodu 1998 sa 2002, għal meded ta’ baħar bil-ħut tal-qiegħ, minbarra dawk koperti bir-Regolament (KE) Nru 2347/2002 meded ta’ baħar b’molluski bivalvi tal-familja Pectinidae, granċi li jittieklu u għaġuż, u jallokaw il-livell ta’ sforz għas-sajd hekk stmat għal kull waħda minn dawk il-meded ta’ baħar bil-ħut".

 It-talbiet tal-partijiet

5       Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla l-Artikoli 3, 4 u 6 tar-Regolament in kawża (iktar ‘il quddiem "id-dispożizzjonijiet ikkontestati");

–       tikkundanna l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż.

6       Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna r-Renju ta’ Spanja jbati l-ispejjeż.

7       Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna r-Renju ta’ Spanja jbati l-ispejjeż. Qed titlob ukoll, fil-każ li jintlaqa’ r-rikors, li jinżammu l-effetti fiż-żmien tad-dispożizzjonijiet ikkontestati skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 231 KE.

 Fuq ir-rikors

8       Ir-Renju ta’ Spanja fis-sustanza jqajjem żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tiegħu.żewġ L-ewwel waħda ssemmi l-ksur tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni. Dan l-Istat Membru jqis li l-Kunsill ma ħax in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-flotta Spanjola li toħroġ mir-regoli tat-Trattat ta’ adeżjoni li kienu stabbilixxew il-perijodu ta’ referenza għall-ikkalkular ta’ l-isforz tas-sajd, u li applika sistema speċifika ta’ mmaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd f’żona li tinsab f’lbiċ ta’ l-Irlanda. It-tieni raġuni ssemmi abbuż ta’ poter imwettaq mill-Kunsill billi stabbilit it-termini ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament in kawża safejn l-għan reali tad-delimitazzjoni ta’ żona bijoloġikament sensittiva mhijiex il-konservazzjoni tal-merluzz żgħir iżda li jtawwal il-perijodu ta’ restrizzjonijiet li għalihom il-flotta Spanjola hija ġa sottomessa.

9       Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba ta’ ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-ġurisprudenza li tgħid li l-annullament parzjali ta’ Att Komunitarju mhux possibbli ħlief jekk l-elementi li tagħhom l-annullament qed jintalab jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament ta’ l-Att (ara b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punti 45 u 46; tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u L-Kunsill, C‑378/00, Ġabra p. I‑937, punt 30; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punt 33, u ta’ l-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 12).

10     Waqt is-seduta, il-Kunsill sostna li, jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jinfirdu waħda mill-oħra, dan iseħħ differentement minn dawn u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament in kawża, u li, konsegwentement, dawn ta’ l-aħħar m'għandhomx iktar sens fil-każ ta’ annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. L-effetti ta’ tali annullament huma partikolarment delikati f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15 ta’ l-istess Regolament, li jirrigwarda, l-abrogazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 685/95 tas-27 ta’ Marzu 1995, dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol tas-sajd li għandu x’jaqsam ma’ ċerti arji u riżorsi tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 71, p. 5) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/95 tal-15 ta’ Ġunju tal-1995, li jistabbilixxi sistema għall-amministrazzjoni ta’ l-isforzi tas-sajd dwar ċerti żoni u riżorsi tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 199, p. 1). Konsegwentement, huwa jesprimi dubji fuq l-ammissibbiltà tar-rikors.

11     Il-Kummissjoni tagħmel tagħha l-argument tal-Kunsill, billi tirrileva li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu l-qalb tas-sistema l-ġdida ta’ l-immaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd u li, fil-każ ta’ annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ebda sistema ta’ mmaniġġjar ta’ dan l-isforz ma tkun applikabbli għall-ibħra tal-Punent.

12     Hekk kif huwa mfakkar fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-annullament parzjali ta’ Att Komunitarju mhux possibbli ħlief jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qed jintalab jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament ta’ l-Att.

13     Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li mhijiex sodisfatta b’din l-eżiġenza ta’ separazzjoni meta l-annullament parzjali ta’ Att għandu l-effett li jimmodifika s-sustanza ta’ dan l-Att (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 257; Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 34, u Franza vs Il-Parlament u L-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 13).

14     Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi l-kwistjoni jekk annullament parzjali jibdilx is-sustanza tal-miżuri kkontestati jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, u mhux kriterju suġġettiv marbut ma’ l-intenzjoni politika ta’ l-Awtorità li adottat il-miżura in kawża (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

15     F’din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, waqt li jibqgħu jeżistu d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament in kawża, jemenda oġġettivament l-istess sustanza ta’ dan ir-Regolament.

16     Issa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu l-qalb ta’ dan ir-Regolament.

17     Fil-fatt, skond ir-raba’ premessa tiegħu, ir-Regolament in kawża jfittex li tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ mmaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd fiż-żoni ddefiniti sabiex jiġi żgurat "li ma jkun hemm ebda żidiet fil-livelli ġenerali ta’ l-isforz eżisten[t]i għas-sajd".

18     Minbarra dan, id-diid-dispożizzjonijiet ikkontestati huma inklużi fil-Kapitolu II tar-Regolament in kawża dwar sistema ta’ mmanniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd. Għalhekk, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi miżuri dwar il-qabdiet ta’ speċi tal-qiegħ u ċerti molluski u krustaċji, l-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament jistabbilixxi l-isforz tas-sajd applikabbli għad-dgħajjes tas-sajd ta’ 15-il metru jew inqas u l-Artikolu 6 ta’ dan l-istess Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ dan l-isforz fiż-żoni bijoloġikament sensittivi.

19     Id-dispożizzjonijiet ikkontestati, konsegwentement, jistabbilixxu l-elementi li jiddeterminaw l-immaniġġjar ta’ l-isforz għas-sajd filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu II tar-Regolament in kawża għandhom natura teknika, peress li l-applikazzjoni tagħhom hija marbuta ma’ l-Artikoli 3, 4, u 6 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ kontroll għall-osservanza ta’ l-immaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd u konsegwentement jagħmel sens biss jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu jeżistu minn qabel.

20     Fl-aħħar, l-Artikolu 15 tar-Regolament in kawża abroga r-Regolamenti Nru 685/95 u Nru 2027/95 l-iktar tard fl-1 ta’ Awwissu 2004. Dawn iż-żewġ Regolamenti jiddefinixxu u jimplementaw is-sistema ta’ mmaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd fir-rigward ta’ ċerti żoni u riżorsi tas-sajd Komunitarji. L-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jkollu bħala effett li joħloq lakuna ġuridika li twassal biex, bħala konsegwenza ta’ tali annullament, l-ebda Regolament li jirrigwarda l-immaniġġjar ta’ l-isforz tas-sajd ma jkun iktar fis-seħħ.

21     Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma indiviżibbli mill-bqija tar-Regolament in kawża. Jirriżulta li t-talbiet għall-annullament parzjali ta’ dan ir-Regolament, ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja, huma inammissibbli u li r-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

22     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-istess Artikolu, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.