SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta' Marzu 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 85/374/KEE – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligu – Nuqqas ta' eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Sanzjonijiet pekunjarji – Eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza matul il-proċedimenti "

Fil-kawża C‑177/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, imressaq fl-14 ta' April 2004 fil-kawża,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero u B. Stromsky, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u R. Loosli, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Schiemann (Relatur), Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Ottubru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tikkonstata li, peress li ma adottatx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00, Ġabra p. I-3827), dwar it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, p.29), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 228(1) KE;

–       tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagamenti ta' penalità ta' 137 150 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u dan mid-data li fiha ngħatat din is-sentenza sa l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza L-Kummissjoni vs Franza;

–       tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż..

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE (li wara sar l-Artikolu 100 tat-Trattat KE u li wara sar l-Artikolu 94 KE), id-Direttiva 85/374 għandha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-ħsara kkawżata mill-karattru difettuż tal-prodotti tiegħu.

3       Skond l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, "[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu".

4       L-Artikolu 3(3) ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat."

5       L-Artikolu 7 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li l-produttur mhuwiex responsabbli mill-applikazzjoni tagħha jekk huwa jipprova :

«[...]

(d)       li d-difett huwa minħabba [l-]konformità tal-prodott mar-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi; jew

(e)       li l-qagħda tat-tagħrif xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta huwa poġġa l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kinitx tali li tippermetti [li tinstab] l-eżistenza tad-difett […];

[...]"

6       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/374 jiddefinixxi t-terminu "ħsara" skond l-Artikolu 1 tagħha, bħala li jfisser:

"[...]

(b)       ħsara lil, jew qerda ta’, kull oġġett ta’ proprjetà għajr il-prodott difettuż innifsu, fi skala anqas minn 500 ECU kemm-il darba l-oġġett ta’ proprjetà:

(i)       huwa ta’ tip normalment maħsub għal użu jew konsum privat,

u

(ii) kien użat mill-persuna korruta prinċipalment għall-użu jew konsum privat tagħha."

 Is-sentenza L-Kummissjoni vs Franza

7       Fid-dispożittiv tas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet li:

–       billi inkuldiet, fl-Artikolu 1386-2 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż (iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Ċivili"), il-ħsara ta' inqas minn 500 EUR ;

–       billi kkunisdrat, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1386-7 ta' l-istess Kodiċi Ċivili, li l-fornitur ta' prodott difettuż huwa responsabbli f'kull każ u bl-istess mod bħall-produttur, u

–       billi pprovdiet, fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1386-12 ta' l-imsemmi Kodiċi, li l-produttur għandu jipprova li huwa ħa l-passi neċessarji adattati sabiex jevita l-konsegwenzi ta' prodott difettuż sabiex ikun jista' jagħmel użu mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 (d) u (e) tad-Direttiva 85/374,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha rispettivament taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9(b), l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 7 ta' l-imsemmija Direttiva.

 Il-proċedura prekontenzjuża

8       Peress li r-Repubblika Franċiża ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni fl-20 ta' Frar 2003, bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dan l-Istat Membru skond l-Artikolu 228 KE, li biha stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din l-ittra.

9       B' ittra tas-27 ta' Ġunju 2003, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu t-test ta' l-emendi li huma kellhom l-intenzjoni jagħmlu lill-Kodiċi Ċivili sabiex jintemm l-allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu u li kellhom ikunu suġġetti għall-proċedura parlamentari.

10     Fil-11 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża fejn stednitha tadotta, fi żmien xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza L-Kummissjoni vs Fraza, iċċitata iktar 'il fuq.

11     B'risposta għal din l-opinjoni, l-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw, f' ittra tad-9 ta' Settembru 2003, li, minħabba li l-kalendarju parlamentari kien mimli, il-proposti għall-emendi leġiżlativi li kienu preċedentement intbgħatu lill-Kummissjoni, għalkemm adottati f'kuntest interministerjali u wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba ekonomiċi, kienu għadhom ma setgħux jiġu eżaminati mill-Parlament. Huma żiedu li l-Kummissjoni kienet ser tiġi infurmata mill-iktar fis possibbli bid-dati li fihom kienu ser jiġu adottati dawn l-emendi.

12     Peress li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 L-iżviluppi li seħħu matul dawn il-proċedimenti

13     Sabiex isostni l-kontro-replika tiegħu, il-Gvern Franċiż irreffera għall-fatt li l-Parlament kien adotta l-liġi Nru 2004-1343 tad-9 ta' Diċembru 2004, dwar simplifikazzjoni tad-dritt (JORF ta' l-10 ta' Diċembru 2004, p. 20857, iktar 'il quddiem "il-liġi ta' l-2004"), li l-Artikolu 29 tagħha jipprovdi:

"I – Il-Kodiċi Ċivili huwa emendat kif ġej:

1) L-Artikolu 1386-2 għandu jiddisponi:

'Art. 1386-2 – Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-titolu għandhom japplikaw fir-rigward tal-kumpens għall-ħsara li tirriżulta minn feriment ta' xi persuna.

Dawn għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tal-kumpens għall-ħsara li teċċedi ammont stabbilit b'digriet, li tirriżulta minn ħsara lil proprjetà għajr il-prodott difettuż innifsu.';

2) L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1386-7 għandu jiddisponi:

'Min ibiegħ, min jikri, barra minn jagħti leasing jew min jikri bl-istess kundizzjonijiet ta' leasing, jew kull fornitur ieħor professjonali huwa responsabbli għan-nuqqas ta' sigurtà tal-prodott taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-produttur biss jekk dan ta' l-aħħar jibqa' mhux magħruf.';

3) It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1386-12 huwa abrogat.

[…]"

14     Fit-23 ta' Frar 2005, il-Gvern Franċiż, barra minn hekk, bagħat lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja kopja tad-Digriet Nru 2005-113, tal-11 ta' Frar 2005, li jimplementa l-Artikolu 1386-2 tal-Kodiċi Ċivili (JORF tat-12 ta' Frar 2005, p. 2408, iktar 'il quddiem "id-digriet ta' l-2005"), li l-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi:

"L-ammont imsemmi fl-Artikolu 1386-2 tal-Kodiċi Ċivili huwa stabbilit għal 500 EUR"

15     F'ittra tal-15 ta' April 2005 indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja u magħrfa lill-Gvern Franċiż, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tikkunsidra li l-emendi magħmula mil-Liġi ta' l-2004 u mid-Digriet ta' l-2005 kienu jiżguraw il-konformità tal-leġiżlazzjoni Franċiża ma' l-Artikolu 7 u ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 85/374. Konsegwentement, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrinunzja r-rikors safejn dan kien intiz sabiex jiġi konstatat li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżegwixxi s-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, fir-rigward ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva.

16     Min-naħa l-oħra, billi kienet tqis li l-liġi ta' l-2004 ma kinitx tiżgura l-eżekuzzjoni totali ta' l-imsemmija sentenza f'dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, il-Kummissjoni ppreċiżat, f'din l-istess ittra, li hija kienet qegħdha żżomm ir-rikors tagħha fir-rigward ta' dan il-punt, filwaqt li kienet qed tirriduċi l-portata tal-konstatazzjoni magħmula f'dan ir-rigward.

17     Barra minn hekk, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni indikat li, minħabba l-eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, li twettqet, hija kienet beħsieba tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta' penalità li hija kienet inizjalment ipproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

18     Bis-saħħa ta' l-imsemmija ittra, li l-kontenut tagħha ġie rripetut mill-Kummissjoni matul is-seduta, din ta' l-aħħar issa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tikkonstata li, billi ma adottatx ċerti miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni tas-sentenza L-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, dwar it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 85/347 u, b'mod partikolari, billi baqgħet tikkunsidra lill-fornitur tal-prodott difettuż bħala responsabbli bl-istess mod bħall-produttur, meta dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi identifikat, anke meta l-fornitur ikun indika lill-vittima, f'terminu raġonevoli, l-identità ta' min kien fornielu l-prodott, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 228(1) KE,

–       tikkundanna lir-Repubblika Franċiża tħallas pagamenti ta' penalità ta' 13 715 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza, mid-data li fiha ngħatat din is-sentenza .

19      Ir-Repubblika Franċiża, hija u tieħu nota tar-rinunzja parzjali li tirriżulta mit-talbiet il-ġodda tal-Kummissjoni u mit-tnaqqis ta' l-ammont tal-paġamenti ta' penalità proposti minnha, f'ittra tas-27 ta' Mejju 2005 indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, indikat li hija kienet tikkunsidra li l-ilment parzjali li l-Kummissjoni żammet kien jikkostitwixxi fil-verità ilment ġdid. Minħabba dan il-fatt, l-imsemmi Stat Membru irrepeta t-talba tiegħu li jiġi mismugħ mill-Qorti tal-Ġustizzja matul seduta.

 Fuq l-allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

20     Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li d-data ta' referenza sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 228 KE hija d-data li fiha jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata mogħtija skond l-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

21     Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta' penalità, għandu wkoll jiġi stabbilit jekk l-allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu baqax jissussisti sa' ma' l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

22     F'din il-kawża, huwa kostanti li, fid-data li fiha skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata tal-11 ta' Lulju 2003, ir-Repubblika Franċiża kienet għadha ma adottatx ebda waħda mill-miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni rrinunzjat ir-rikors tagħha safejn dan kien intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta' miżuri adatti sabiex il-leġiżlazzjoni Franċiża tkun konformi ma' l-Artikolu 7 u ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 85/374.

24     F'dak li jirrigwarda l-ilment relatat man-nuqqas ta' implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligi li jirriżultaw mill-istess sentenza f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva, kif jirriżulta mill-punt 18 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża li ma adottatx xi uħud mill-miżuri adatti sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, billi baqgħet tikkunsidra lill-fornitur tal-prodott difettuż bħala responsabbli bl-istess mod bħall-produttur, meta dan ta' l-aħħar ma jkunx jista' jiġi identifikat, anke jekk il-fornitur ikun indika lill-vittma, f'terminu raġonevoli, l-identità ta' min kien fornielu l-prodott.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tar-Repubblika Franċiża

25     Fl-ittra tiegħu tas-27 ta' Mejju 2005 u matul is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li tali riformulazzjoni, matul il-proċedimenti, tat-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala talba ġdida ta' natura tali li twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

26     Jirriżulta, b'mod partikolari, kemm mill-punt 36 tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u kif ukoll mir-rikors u mir-replika tal-Kummissjoni fil-proċedimenti li taw lok għal dik is-sentenza li, f'dawn ta' l-aħħar, il-Kummissjoni llimitat ruħha li takkuża lir-Repubblika Franċiża li ma pprovdietx, fil-leġiżlazzjoni tagħha, li r-responsabbiltà tal-fornitur tqum biss b'mod sussidjarju meta mqabbla ma' dik tal-produttur, u dan meta dan ta' l-aħħar jibqa' mhux magħruf.

27     Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, qatt ma akkużat lir-Repubblika Franċiża, fil-kuntest ta' l-imsemmija kawża, li naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 billi ma eskludietx espressament ir-responsabbiltà tal-fornitur meta dan ikun indika lill-vittma l-isem tal-fornitur tiegħu stess.

28     Minn dan isegwi li tali nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ma setgħax jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta' April 2002, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, kif barra minn hekk jikkonferma d-dispożittiv ta' din is-sentenza, li jikkonstata biss in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu tar-Repubblika Franċiża minħabba l-fatt li, fil-leġiżlazzjoni tagħha, kien previst li l-fornitur ta' prodott difettuż kien "f'kull każ" responsabbli bl-istess mod bħall-produttur.

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex ammissibbli li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti, tallega nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza fit-termini l-ġodda msemmija fil-punt 18 ta' din is-sentenza. Skond il-Gvern Franċiż, l-adozzjoni tal-ligi ta' l-2004 assigurat, għall-kuntrarju ta' dan, l-eżekuzzjoni totali tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, peress li l-konsegwenza ta' din il-liġi hija li l-fornitur ta' prodott difettuż issa m'għadux iktar responsabbli "f'kull każ" bl-istess mod bħall-produttur.

30     Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż isostni li l-ilment il-ġdid kif ifformulat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli wkoll minħabba li din ta' l-aħħar ma indikatx fi żmien raġonevoli lir-Repubblika Franċiża li l-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili, li kienet intbgħatitilha fl-istadju ta' abbozz matul il-proċedura prekontenzjuża, ma kinitx tali li ttemm in-nuqqas allegat.

31     Skond il-Gvern Franċiż, kienet Il-Kummissjoni li kellha, skond l-obbligu ta' kooperazzjoni leali li hija għandha taħt l-Artikolu 10 KE, tavża mill-iktar fis possibbli lir-Repubblika Franċiża b' eventwali oġġezzjonijiet li setgħu jkun hemm fir-rigward tad-dispożizjonijiet il-ġodda li hija kienet beħsieba tadotta. Wieħed mill-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża huwa speċifikatament li jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħhu kompletament mill-iktar fis possibbli mad-dritt Komunitarju.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     F'dan ir-rigward għandu l-ewwelnett jiġi mfakkar li, fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 billi kkunsidrat, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili, li l-fornitur ta' prodott difettuż huwa responsabbli f'kull każ u bl-istess mod bħall-produttur.

33     Indipendentement mit-termini preċiżi li bihom il-Kummissjoni setgħet tifformula l-argumenti invokati b'sostenn għat-talbiet tar-rikors tagħha, l-imsemmija dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni Franċiża fis-seħħ ma kinitx teżenta lill-fornitur mir-responsabbiltà li normalment għandu l-produttur f'ebda' wieħed mill-każijiet li fihom l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 jipprovdi tali eżenzjoni.

34     Il-konstatazzjoni hekk magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża, b'mod partikolari, għall-każ fejn tali eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornitur tirriżulta mill-fatt li dan ikun indika lill-vittima, f'terminu raġonevoli, l-identità tal-fornitur tiegħu stess.

35     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tillimita l-portata tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li hija titlob il-konstatazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 228 KE, b'tali mod li tieħu in kunsiderazzjoni miżuri ta' eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, adottati matul dawn il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36     F'din il-kawża, fil-fatt, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 22 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tfittex tikseb il-konstatazzjoni li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 228(1) KE, peress li din ta' l-aħħar ma pprovdietx, sad-data li fiha skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri f' ebda' wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, ma jistax jiġi kkuntestat lil din l-istituzzjoni li naqset milli tfittex tikseb tali konstatazzjoni ħlief f'dak li jirrigwarda wieħed biss mill-każijiet hekk imsemmija, minħabba l-adozzjoni, minn dan l-Istat Membru, ta' miżuri ta' eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-174/91, p. I-2275, punti 8 sa' 12).

37     Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li s-suġġett tar-rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE ikun illimitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li timponi f'kull każ qbil perfett bejn id-dispożittiv ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża ma ġiex estiż jew modifikat iżda ġie, għall-kuntrarju, sempliċement limitat. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b'mod partikolari li, meta ssir emenda leġiżlattiva matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-rikors jista' jikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jkunux l-istess bħal dawk imsemmija fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-1 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 29).

38     Issa, xejn ma jipprekludi li dan ikun ukoll il-każ meta tali emenda leġiżlattiva issir wara li jkun tressaq ir-rikors u meta l-ilment li l-Kummissjoni tkun żammet fir-rigward ta' l-imsemmija emenda leġiżlattiva kien neċessarjament inkluż f'dak l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas totali ta' eżekuzzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'analoġija, fir-rigward ta' l-Artikolu 226 KE, is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

39     Billi imputat, matul il-proċedimenti, l-ilmenti mressqa kontra l-verżjoni preċedenti ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili, li wasslet għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu fis-sentenza tal-25 ta' April 2002, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, għall-verżjoni l-ġdida ta' l-imsemmi Artikolu li ssostitwietu matul din il-proċedura kontenzjuża, il-Kummissjoni ma bidlitx is-suġġett tal-kawża (ara, b'analoġija, f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 226 KE, is-sentenza tal-5 ta' Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-42/89, Ġabra p. I-2821, punt 11).

40     Barra minn dan, il-fatt li ma tiġix aċċettata l-ammissibbiltà ta' l-ilment f'każ bħal dan iwassal lill-Kummissjoni żżomm, xi drabi kontra r-rieda tagħha, l-ilment inizjali invokat kollu kemm hu, li ma jkun la fl-interess ta' l-Istat Membru konvenut u lanqas f'dak ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

41     It-tieninett, l-ammissibbiltà ta' l-ilment hekk irriformulat mill-Kummissjoni ma tistax tiġi effettwata mill-fatt li, għalkemm il-Kummissjoni kienet infurmata matul il-proċedura prekontenzjuża bil-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet beħsiebha tadotta dispożizzjoni, li iktar 'il quddiem ġiet adottata fil-forma ta' l-Artikolu 1386-7 l-ġdid tal-Kodiċi Ċivili, din ma indikatx lill-Istat Membru li tali dispożizzjoni nazzjonali ma kinitx tiżgura traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, peress illi din ma kinitx tipprovdi għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornitur meta dan ikun indika, f'terminu raġonevoli, lill-vittma l-isem tal-fornitur tiegħu stess.

42     Fil-fatt, l-imsemmi fatt ma pprekludiex lir-Repubblika Franċiża milli ttemm il-ksur ikkonstatat preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja u ma kinx ta' dannu għad-drittijiet tad-difiża ta' dan l-Istat Membru, u lanqas ma kellu effett fuq is-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rikors tal-Kummissjoni.

43     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 228 KE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta' Stat Membru li josserva l-obbligi tiegħu (sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

44     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ilment hekk kif irriformulat mill-Kummissjoni matul il-proċedimenti huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tar-Repubblika Franċiża

45     Fuq il-mertu, il-Gvern Franċiż isostni li l-fatt li l-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili ma teżentax espliċitament lill-fornitur mir-responsabbiltà li normalment hija tal-produttur fil-każ fejn dan il-fornitur ikun indika lill-vittma, f'terminu raġonevoli, l-identità tal-fornitur tiegħu stess ma jikkostitwixxix nuqqas tat-twettiq ta' l-obbligu ta' implimentazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374.

46     Mistoqsi matul is-seduta fuq il-portata ta' l-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Ċivili, dan il-Gvern fil-fatt sostna, minn naħa, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li mhux dejjem hija meħtieġa traspożizzjoni litterali tat-test tad-direttivi u, min naħa l-oħra, li l-possibbiltà li fornitur jindika lill-vittma l-identità tal-fornitur tiegħu stess tkun fil-prattika biss ta' importanza sekondarja, meta l-istess produttur jibqa' mhux magħruf, u li, f'dan il-każ, l-imsemmi fornitur ikun barra minn hekk fil-pożizzjoni li jsejjaħ lill-istess fornitur tiegħu bħala garanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47     F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 1386-7 li ġiet introdotta fil-Kodiċi Ċivili bil-liġi ta' l-2004 ma tiżgurax l-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, li tinkludi b'mod partikolari l-obbligu li l-fornitur jiġi eżentat mir-responsabbiltà li normalment għandu l-produttur fil-każijiet li fihom l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 jipprovdi tali eżenzjoni.

48     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, kull Stat Membru huwa obbligat jimplimenta d-direttivi b'mod li jissodisfa għal kollox il-ħtiġijiet ta' ċarezza u ta' ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi imposti mil-leġiżlatur Komunitarju, fl-interess tal-persuni kkonċernati. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet ta' direttiva għandhom jiġu implimentati b' forza vinkolanti inkontestabbli, kif ukoll bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-354/99, Ġabra p. I-7657, punt 27). Id-dispożizzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni ta' direttiva għandhom għalhekk b'mod partikolari joħolqu sitwazzjoni ġuridika preċiża, ċara u trasparenti biżżejjed sabiex tippermetti lill-individwi jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u tad-dmirijiet tagħhom, u, f'dak li jirrigwarda dawn ta' l-aħħar, li jagħmlu użu minnhom, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta' Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-131/88, Ġabra p. I-825, punt 6).

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstat li mill-kliem ċar u preċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tagħti lill-vittmi ċerti drittijiet li huma jistgħu jagħmlu użu minnhom kontra l-fornituri fiċ-ċirkustanzi preċiżi li hija tiddetermina. Min-naħa l-oħra, l-istess dispożizzjoni toħloq dmirijiet korrispondenti, daqstant preċiżi u limitati, fir-rigward ta' dawn l-imsemmija fornituri.

50     Din id-dispożizzjoni tipprovdi, b'mod partikolari, li ma tistax tiġi imputata lill-fornitur ir-responsabbiltà li d-Direttiva 85/374 tagħti lill-produttur meta l-fornitur jindika lill-vittma, f'terminu raġonevoli, l-identità tal-fornitur tiegħu stess.

51     F' din il-kawża, huwa kostanti li tali eżenzjoni ta' responsabbiltà ma tirriżultax mill-kliem tal-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 1387-6 tal-Kodiċi Ċivili. Minn dan isegwi li tali dispożizzjoni ma tiżgurax traspożizzjoni kompluta ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374.

52     Dwar l-argument ta' difiża bbażat fuq il-fatt li n-nuqqas ta' eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornitur fil-każ fejn dan jindika l-fornitur tiegħu stess lill-vittma m'għandux konsegwenzi prattiċi kbar u, għalhekk, ma jikkostitwixxix implimentazzjoni żbaljata tad-Direttiva, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, anke jekk dan il-fatt jiġi ppruvat, in-nuqqas ta' osservanza ta' obbligu impost minn regola ta' dritt Komunitarju, fiħ innifsu, jikkostitwixxi nuqqas ta' twettiq ta' obbligu u l-fatt li dan in-nuqqas ta' osservanza ma kellux konsegwenzi huwa rrilevanti (ara, b'mod partikulari, is-sentenza tal-21 ta' Jannar 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-150/97, Ġabra p. I-259, punt 22).

53     Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġa' ddeċidiet li l-possibiltà li l-fornitur kellu li jsejjaħ bħala garanti l-produttur, taħt il-verżjoni l-preċedenti ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili, kellha bħala effett il-multiplikazzjoni tal-kjamati in kawża, ħaġa li l-azzjoni diretta li l-vittma tiddisponi minnha kontra l-produttur, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374, għandha eżattament l-għan li tevità. L-istess raġunament japplika f'dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiddisponi minnha l-fornitur li jsejjaħ lill-fornitur tiegħu stess bħala garanti, taħt is-sistema stabbilita mill-verżjoni l-ġdida ta' l-imsemmi Artikolu 1386-7.

54     Minn dan isegwi li din l-aħħar dispożizzjoni ma ttrasponietx kompletament l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 u li, għaldaqstant, ma ppermettietx li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

55     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi baqgħet tikkunsidra lill-fornitur tal-prodott difettuż bħala responsabbli bl-istess mod bħall- produttur, meta dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi identifikat, u meta l-fornitur indika lill-vittma, f'terminu raġonevoli, l-identità ta' min fornielu l-prodott, ir-Repubblika Franċiża ma implimentatx il-miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, f'dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, u minħabba f'hekk naqset milli twettaq l-obbligu li hija għandha taħt l-Artikolu 228 KE.

56     Peress li b'hekk ġie stabbilit li n-nuqqas tar-Repubblika Franċiża li twettaq obbligu baqa' jissussista sad-data ta' meta l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti, għandha għalhekk tiġi eżaminata l-proposta ta' pagamenti ta' penalità mressqa mill-Kummissjoni.

 Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

57     F'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu hekk identifikat, il-Kummissjoni issa titlob, kif jirriżulta mill-punt 18 ta' din is-sentenza, li r-Repubblika Franċiża tiġi ordnata tħallas pagamenti ta' penalità ta' 13 715 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, li jibdew jiddekorru mid-data ta' meta tinqara din is-sentenza.

58     F'dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f'kull kawża, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti (sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).

59     Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE għandha l-għan li tħeġġeġ Stat Membru li jkun qed jonqos jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligu u, b'hekk, tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju minn dan l-Istat. Iż-żewġ miżuri previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħlas ta' somma f'daqqa u l-pagamenti ta' penalità, it-tnejn għandhom dan l-istess għan (sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 80).

60     L-impożizzjoni ta' pagamenti ta' penalità u/jew ta' ħlas ta' somma f'daqqa mhijiex intiża sabiex tikkumpensa xi ħsara kienet ikkawżata mill-Istat Membru kkonċernat, iżda sabiex tpoġġi fuq dan ta' l-aħħar piż ekonomiku li jħajjru jtemm in-nuqqas ikkonstatat. Għalhekk is-sanzjonijiet pekunjarji imposti għandhom jiġu imposti skond il-livell ta' persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jibdel għemilu (sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91).

61     Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta' evalwazzjoni tagħha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-ammont tal-pagamenti ta' penalità b'tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta' ħlas ta' l-Istat Membru kkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 103).

62     Fid-dawl ta' dan u kif issuġeriet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' Frar 1997, dwar il-metodu ta' kalkolu tal-pagamenti ta' penalità previsti fl-Artikolu [228] tat-Trattat KE (ĠU C 63, p.2), il-kriterji bażiċi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tkun żgurata n-natura impożittiva tal-pagamenti ta' penalità sabiex ikun hemm applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt Komunitarju huma, prinċipalment, it-tul taż-żmien tal-vjolazzjoni, il-grad ta' gravità tagħha u l-kapaċità ta' ħlas ta' l-Istat Membru in kwistjoni. Għall-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi u l-urġenza li jista' jkun hemm sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 104).

63     F' din il-kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina, skond il-livell ta' persważjoni li jidrilha xieraq, is-sanzjonijiet pekunjarji adatti sabiex tħeġġeġ l-Istat membru kkonċernat jeżegwixxi effettivament is-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

64     Fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, għandu l-ewwelnet jiġi kkunsidrat li, il-ħlas ta' pagamenti ta' penalità jikkostitwixxi mezz adattat u li l-impożizzjoni ta' ħlas ta' somma f'daqqa ma tidhirx adatta.

65     F'dak li jirrigwarda, it-tieninett, il-gravità tal-ksur u, b'mod partikolari, tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza fuq l-interessi privati u pubbliċi, għandu jiġi kkonstatat li, kif ammettiet l-istess Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-15 ta' April 2005 u matul is-seduta, in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li baqa' jissussista wara l-adozzjoni tal-liġi ta' l-2004 u tad-digriet ta' l-2005 mhuwiex partikularment gravi, anke jekk huwa evidentement importanti li r-Repubblika Franċiża ttemm dan in nuqqas fl-aqsar żmien possibbli skond l-obbligu li hija għandha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

66     Fil-fatt, il-każijiet li fihom jista' jkun hemm responsabbiltà tal-fornitur bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 ġew imnaqqsa konsiderevolment bl-adozzjoni tal-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 1386-7 tal-Kodiċi Ċivili, b'tali mod li ma jistax jiġi sostunt li għad hemm ostaklu gravi għall-objettivi tad-Direttiva jew għall-interessi pubbliċi jew privati.

67     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-koeffiċjent ta' 1 (fuq skala minn 1 sa' 20) propost mill-Kummissjoni jirifletti b'mod adatt il-grad ta' gravità tal-ksur li baqa' jissussisti sad-data ta' meta l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-fatti.

68     F'dak li jirrigwarda, t-tieletnett, il-koeffiċjent relatat mat-tul taż-żmien tal-ksur, għandu min-naħa l-oħra jiġi kkonstatat li l-proposta tal-Kummissjoni intiża sabiex dan jiġi stabbilit għal 1.3 (fuq skala minn 1 sa' 3) ma tistax tiġi milqugħa.

69     Il-Kummissjoni ssostni li dan il-koeffiċjent ġie stabbilit skond metodu ġdid ta' kalkolu deċiż minn din l-istituzzjoni matul l-laqgħa tagħha tat-2 ta' April 2001 u li jipprovdi li l-koeffiċjent relatat mat-tul ta' żmien tal-ksur huwa kkalkolat fuq il-bażi ta' 0.10 fix-xahar li jibda' jiddekorri mis-seba' xahar ta' wara li tkun ingħatat is-sentenza li ma tkunx ġiet eżegwita, b'massimu stabbilit għal 3. Peress li għaddew 19 -il xahar bejn is-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda fis-16 ta' Diċembru 2003, li tressaq dan ir-rikors, din ta' l-aħħar ipproponiet li l-koeffiċjent relatat mat-tul ta' żmien tal-ksur jiġi stabbilit għal 1.3.

70     Għandu jiġi mfakkar li, anki jekk linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Kummissjoni jistgħu effettivament jikkontribwixxu sabiex tkun garantita t-trasparenza, il-previdibbiltà u ċ-ċertezza legali ta' l-azzjoni ta' din l-istituzzjoni, jibqa' xorta waħda l-fatt li l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' l-Artikolu 228(2) KE mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tadotta tali regoli, li, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari s-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 85). Dan jogħodd ukoll, b'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-iskala relatata mal-koeffiċjent relatat mat-tul taż-żmien tal-ksur u l-kriterji li bihom jiġi stabbilit l-imsemmi koeffiċjent.

71     L-imsemmi koeffiċjent għandu finalment jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, it-tul ta' żmien ta' l-infrazzjoni għandu jiġi evalwat b'rigward għall-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux għall-mument li fih il-każ tressaq quddiem din ta' l-aħħar mill-Kummissjoni, u barra minn hekk is-setgħa ta' evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex limitata mill-iskala ta' 1 sa' 3 proposta mill-Kummissjoni.

72     Fil-każ in eżami, huwa konstanti li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, kienet teħtieġ biss l-adozzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, li barra minn hekk kienu ċarament definiti.

73     Issa, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-eżekuzzjoni parzjali tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, li anke din seħħet tard ħafna, in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża li twettaq l-obbligu li hija għandha li tiżgura l-eżekuzzjoni kompluta ta' l-imsemmija sentenza baqa' jissussista għal tul ta' żmien konsiderevoli, peress li għaddew madwar erba' snin minn meta ngħatat din is-sentenza.

74     F'dawn iċ-ċirkustanzi, koefiċċjent ta' 3 jidher adattat sabiex jirrifletti t-tul ta' żmien tal-ksur.

75     Ir-rabanett, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mmultiplikat ammont bażi b' koeffiċjent ta' 21.1 ibbażat fuq il-prodott gross domestiku tar-Repubblika Franċiża u fuq in-numru ta' voti li din għandha fil-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, tikostitwixxi mod adattat ta' kif tiġi riflessa l-kapaċità ta' ħlas ta' dan l-Istat Membru filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 109).

76     Il-multiplikazzjoni ta' l-ammont bażi ta' 500 EUR bil-koeffiċjenti stabbiliti għal 21.1 (għall-kapaċità ta' ħlas), għal 1 (għall-gravità tal-ksur) u għal 3 (għat-tul taż-żmien tal-ksur) twassal f'din il-kawża għal ammont ta' 316 50 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien.

77     F'dak li jirrigwarda, l-ħamesnett, il-perjodiċità tal-pagamenti ta' penalità, għandhom, f'dak li jirrigwarda, bħal f'din il-kawża, l-eżekuzzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teħtieġ l-adozzjoni ta' dispożizzjoni leġislattiva li temenda, jiġu imposti pagamenti ta' penalità fuq bażi ta' kuljum.

78     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, ir-Repubblika Franċiża għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagamenti ta' penalità ta' 31 650 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, li jibdew jiddekorru minn meta tingħata din is-sentenza sa l-eżekuzzjoni kompluta ta' l-imsemmija sentenza tal-25 ta' April 2002.

 Fuq l-ispejjeż

79     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, bis-saħħa ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(5), fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir ta' l-istess kontroparti.

80     F'din il-kawża r-Repubblika Franċiża tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha li jikkonċernaw l-ilment li Kummissjoni żammet. Fir-rigward tar-rinunzja parzjali ta' din ta' l-aħħar, din kienet biss ir-riżultat ta' l-adozzjoni parzjali u tardiva mir-Repubblika Franċiża ta' miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq.

81     Għalhekk hemm lok li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeciedi

1)      Billi baqgħet tikkunsidra lill-fornitur tal-prodott difettuż bħala responsabbli bl-istess mod bħall-produttur, meta dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi identifikat, anke meta l-fornitur ikun indika lill-vittima, f'terminu raġonevoli, l-identità ta' min kien fornielu l-prodott, ir-Repubblika Franċiża ma implimentatx il-miżuri li jammontaw għall-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00), f'dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi u minħabba f'hekk naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 228 KE.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagamenti ta' penalità ta' 31 650 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, minn meta tingħata din is-sentenza sa' l-eżekuzzjoni kompluta ta' l-imsemmija sentenza tal-25 ta' April 2002.

3)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.