SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta' Jannar 2006 (*)

"Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 5, 6 u 7 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu fuq titjira u kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira – Validità – Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE"

Fil-kawża C-344/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta':

International Air Transport Association,

European Low Fares Airline Association

vs

Department for Transport,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann u J. Malenovský (Relatur), Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Ġunju 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal International Air Transport Association, minn M. Brealey, QC, M. Demetriou, barrister, appuntati minn J.Balfour, solicitor,

–       għal European Low Fares Airline Association, minn G. Berrisch, Rechtsanwalt, u C. Garcia Molyneux, abogado,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn C. Lewis, barrister,

–       għall-Parlament Ewropew, minn K. Bradley u M. Gómez Leal, bħala aġenti,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u K. Michoel, kif ukoll R. Szostak, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Benyon u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu [fuq titjira] u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1). Min-naħa l-oħra, din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn, minn naħa, International Air Transport Association (iktar 'il quddiem "IATA") u European Low Fares Airline Association (iktar 'il quddiem l-"ELFAA") u min-naħa l-oħra, id-Department for Transport (Ministeru għat-Trasport) rigward l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

3       Il-konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta' ċerti regoli dwar it-trasport internazzjonali bl-ajru ġiet approvata permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' April 2001 (ĠU L 194, p. 38), iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Montreal".

4       L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat "Responsabbiltà tat-trasportatur u l-portata tal-kumpens għal danni"

5       L-Artikolu 19 ta' din il-konvenzjoni, intitolat "Dewmien", jiddisponi:

"It-trasportatur hu responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien fit-trasport bl-ajru ta' passiġġieri, bagalji jew merkanzija. Madankollu, it-trasportatur mhux responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien jekk huwa jġib prova li hu, l-impjegati u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment jittieħdu sabiex jiġi evitat id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 22(1) ta' l-imsemmija konvenzjoni jillimita r-responsabbiltà tat-trasportatur meta din tirriżulta minn dewmien li jammonta għal 4150 dritt speċjali ta' preljev għal kull passiġġier. Il-ħames paragrafu ta' l-istess artikolu, essenzjalment, jgħid li din il-limitazzjoni mhijiex applikabbli jekk id-dannu jirriżulta minn att jew omissjoni tat-trasportatur, magħmul bl-intenzjoni li jikkawża dannu, jew bi traskuraġni u b'konoxxenza li probabbilment kien ser jirriżulta dannu.

7       L-Artikolu 29 ta' l-istess konvenzjoni, intitolat "Bażi tar-rikorsi", huwa fformulat kif ġej:

"Fit-trasport ta' passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull rikors għal kumpens ta' dannu, imressaq fuq kwalunkwe bażi, kemm jekk taħt din il-konvenzjoni, jew fuq il-bażi ta' kuntratt jew delitt jew kwalunkwe raġuni oħra, ma jistax jiġi mressaq ħlief taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ta' responsabbiltà stabbiliti f'din il-konvenzjoni, bla ħsara għad-determinazzjoni tal-persuni li għandhom id-dritt li jressqu kawża u għad-drittijiet rispettivi tagħhom. F'kull rikors ta' dan it-tip, danni punittivi, eżemplari jew danni li mhumiex kumpensatorji ma jistgħux jiġu rkuprati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97

8       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2027/97, tad-9 ta' Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti (ĠU L 285, p. 1) ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 889/2002 tat-13 ta' Mejju 2002 (ĠU L 140, p. 2, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2027/97").

9       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jiddisponi:

"Ir-responsabbiltà ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta' Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà."

10     L-anness tar-Regolament Nru 2027/97 jinkludi, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin taħt it-titolu "Dewmien lill-passiġġier":

"Fil-każ ta' dewmien lill-passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien lill-passiġġieri hi limitata għal 4150 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali)."

 Ir-Regolament Nru 261/2004

11     L-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 261/2004 huma fformulati kif ġej:

"(1) Azzjoni mill-Komunitá fil-qasam ta’ trasport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. Barra minn dan, tird tingħata kunsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2) Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri

12     Skond it-tnax-il premessa ta' l-imsemmi regolament:

"Il-problemi u l-inkonvenjent għal passiġġieri kkawżat minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jinkiseb permezz tat-tħeġġiġ tat-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b'kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti alternattivi. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkumpensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f'ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu."


13     Skond l-erbatax-il premessa ta' l-istess regolament:

"Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligi dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera"

14     L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat "Kanċellazzjoni", jgħid:

"1.      Fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mit-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8;

(b)      jiġu offruti assistenza mit-trasportatur ta' l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta' għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ), u

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mit-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      jiġu informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin ta' tluq skedat, jew

(ii)      jiġu informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba' sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat, jew

(iii) jiġu informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat[a].

2.      Meta passiġġieri jiġu informati bil-kanċellazzjoni, għandha tingħata spjegazzjoni fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkustanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu.

4.      L-[oneru] tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera."

15     L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat "Dewmien", huwa fformulat kif ġej:

"1.      Meta trasportatur ta' l-ajru li jopera jistenna b'mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil 'hinn mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta' titjiriet ta' 1500 kilometru jew inqas, jew

b)      għal tliet sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta' aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru, jew

c)       għal erba' sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mit-trasportatur ta' l-ajru li jopera:

i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), u

ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ), u

iii)      meta d-dewmien hu ta' mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta' kull parentesi ta' distanza."

16     L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat "Dritt għall-kumpens" jiddisponi:

"1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      250 EUR għat-titjiriet kollha ta' 1500 kilometru jew inqas;

b)      400 EUR għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta' aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru;

c)      600 EUR għat-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla' jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiltà oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta' liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament:

a)      b'sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta' 1500 kilometru jew inqas; jew

b)      b'tliet sigħat, fir-rigward tat-titjiriet intra-Komunitarjii kollha ta' aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru, jew

c)      b'erba' sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt (a) jew (b),

it-trasportatur ta' l-ajru li jopera jista' jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

3.      Il-kumpens imsejjaħ fiil-paragrafu 1, għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta' trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f;irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.

4.      ]Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route."

17     Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat "Dritt għar-rimbors jew rotta differenti":

"1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)      —rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b'liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma', meta rilevanti,

—titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

b)      rotta differenti, taħt kundizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá, jew

c)      rotta differenti, taħt kundizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

2.      Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejn dan id-dritt iqum taħt id-Direttiva 90/314/KEE.

3.      Meta, fil-każ fejn belt, ċittá jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier."

18     Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat "Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud":

"1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew,

b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

–       fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–       fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

c)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.      Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3.      Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     L-IATA hija assoċjazzjoni li tiġbor fiha 270 kumpannija ta' l-ajru mqassma f'130 pajjiż u li tittrasporta 98 % tal-passiġġieri tal-kumpanniji ta' l-ajru internazzjonali regolari fid-dinja. L-ELFAA hija assoċjazzjoni li twaqqfet de facto f'Jannar 2004 u li tirrappreżenta l-interessi ta' 10 kumpanniji li joffru prezzijiet baxxi ta' 9 pajjiżi Ewropej. Dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ressqu żewġ rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju ("judicial review") rigward l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 kontra l-Ministeru għat-Trasport quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court).

20     Billi rat li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux infondati, il-High Court of Justice ddeċidiet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-seba' domandi li huma kienu ppreżentaw sabiex jikkontestaw il-validità tar-Regolament Nru 261/2004. Peress li l-Ministeru għat-Trasport ma kienx ċert dwar il-possibbiltà li jiġu indirizzati sitta minn dawn id-domandi minħabba li, fl-opinjoni tiegħu, ma kinux jqajmu dubju serju dwar il-validità ta' l-imsemmi Regolament, il-High Court of Justice xtaqet tkun taf liema kriterju kellu jiġi sodisfatt jew liema limitu kellu jintlaħaq qabel ma jkollha titressaq domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-validità ta' att Komunitarju fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 KE. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa invalidu minħabba li huwa inkompatibbli mal-[…] Konvenzjoni ta' Montreal […] u, b'mod partikolari, ma' l-Artikoli 19, 22 u 29 tagħha, u dan il-fatt (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) jaffettwa l-validità tar-regolament fit-totalità tiegħu?

2)      L-emenda ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 261/2004] waqt l-eżami ta' l-abbozz ta' test mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni saret b'mod li mhuwiex konformi ma' l-eżiġenzi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE u, jekk dan hu l-każ, l-Artikolu 5 [ta' dan ir-]regolament huwa invalidu u, jekk dan hu l-każ, dan il-fatt (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) jaffettwa l-validità tar-Regolament fit-totalità tiegħu?

3)      L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huma invalidi (kompletament jew parzjalment) minħabba li mhumiex konformi mal-prinċipju ta' ċertezza legali u, jekk dan hu l-każ, din l-invalidità (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) taffettwa l-validità tar-regolament fit-totalità tiegħu?

4)      L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huma invalidi (kompletament jew parzjalment) minħabba li mhumiex motivati jew mhumiex motivati biżżejjed, u, jekk dan hu l-każ, din l-invalidità (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) taffettwa l-validità tar-Regolament fit-totalità tiegħu?

5)      L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huma invalidi (kompletament jew parzjalment) minħabba li mhumiex konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità li japplika għal kull miżura li tieħu l-Komunità [Ewropea] u, jekk dan hu l-każ, din l-invalidità (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) taffettwa l-validità tar-regolament fit-totalità tiegħu?

6)      L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huma invalidi (kompletament jew in parti) minħabba li huma diskriminatorji, b'mod partikolari, kontra l-membri tat-tieni organizzazzjoni rikorrenti b'mod li hu arbitrarju jew li mhux iġġustifikat oġġettivament u, jekk dan hu l-każ, din l-invalidità (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) taffettwa l-validità tar-Regolament fit-totalità tiegħu?

7)      L-Artikolu 7 tar-regolament huwa null jew invalidu (kompletament jew parzjalment) minħabba li l-impożizzjoni ta' responsabbiltà diġà stabbilita fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira għal raġunijiet li mhumiex koperti mill-eżenzjoni ta' responsabbiltà bbażata fuq ċirkustanzi straordinarji hija diskriminatorja, ma tissodisfax il-kriterji ta' responsabbiltà meħtieġa għal kull azzjoni tal-Komunità, jew mhijiex ibbażata fuq motivazzjoni xierqa u, jekk dan hu l-każ, din l-invalidità (flimkien ma' kull element ieħor rilevanti) taffettwa l-validità ta' dan ir-regolament fit-totalità tiegħu?

8)      Meta qorti nazzjonali tawtorizza li jitressaq rikors quddiemha li jqajjem kwistjonijiet rigward il-validità tad-dispożizzjonijiet ta' att Komunitarju, kwistjonjiet li hija tqis li jistgħu jiġu sostnuti u li mhumiex infondati, hemm prinċipji ta' dritt Komunitarju dwar kriterju jew limitu li l-qorti nazzjonali għandha tapplika meta tiddeċiedi jekk għandhiex tipproċedi għal rinviju ta' dawn id-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 KE?"

21     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Settembru 2004, it-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju biex din il-kawża tiġi ttratata bil-proċedura mħaffa prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura ġiet miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tmin domanda

22     Permezz tat-tmin domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali mhijiex fl-obbligu li tressaq domanda preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità ta' att Komunitarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ħlief meta jkun hemm ċertu livell ta' dubju fuq din il-validità.

 Fuq l-ammissibbiltà

23     Il-Parlament Ewropew isostni li d-domanda hija inammissibbli peress li d-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' eventwalment tagħti mhija ta' ebda użu għall-eżitu tal-kawża li hija quddiem il-qorti tar-rinviju u li tirrigwarda l-validità tar-Regolament Nru 261/2004.

24     F'dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li ċ-ċaħda ta' domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhix possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandhiex x'taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex twieġeb b'mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra I-4291, punt 61; tal-5 ta' Ġunju 1997, Celestini, C-105/94, Ġabra p. I-2971, punt 22, u tas-7 ta' Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22). Ħlief f'dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt Komunitarju (ara s-sentenza Bosman, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).

25     Fil-kawża prinċipali, minħabba li r-rikorrenti kkontestaw il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 quddiem il-qorti tar-rinviju, qamet il-kwistjoni dwar jekk din il-kontestazzjoni tal-validità ta' l-imsemmi regolament kinitx tiġġustifika l-fatt li saret domanda għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 234 KE. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta' l-imsemmi artikolu li din il-qorti titlob permezz tad-domanda preżenti ma tistax titqies bħala waħda li m'għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Il-fatt li, fl-istess ħin, l-imsemmija qorti staqsiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 u li r-risposti li ser jingħataw għalihom għandhom mnejn isolvu l-kawża prinċipali, ma jistax ipoġġi fid-dubju r-rilevanza li d-domanda dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE għandha minnha nfisha.

26     Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

 Fuq il-mertu

27     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-qrati nazzjonali m'għandhomx is-setgħa jiddikjaraw bħala invalidi l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE hija essenzjalment maħsuba sabiex tassigura applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju mill-qrati nazzjonali. Din l-eżiġenza ta' uniformità hija partikolarment importanti meta l-validità ta' att Komunitarju hija in kwistjoni. Diverġenzi bejn il-qrati ta' l-Istati Membri rigward il-validità ta' atti Komunitarji jkollhom mnejn jikkompromettu l-unità stess ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju u jippreġudikaw l-eżiġenza fundamentali taċ-ċertezza legali (sentenzi tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 15; tal-15 ta' April 1997, Bakers of Nailsea, C-27/95, Ġabra p. I-1847, punt 20, u tas-6 ta' Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur BV, C-461/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-invalidità ta' att Komunitarju (sentenzi tal-21 ta' Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 17, u tal-21 ta' Marzu 2000, Greenpeace France et, C-6/99, Ġabra p. I-1651, punt 54).

28     F'dan ir-rigward għandu jingħad li l-Artikolu 234 KE ma jikkostitwixxix mezz ta' rikors miftuħ għall-partijiet fil-kawżi pendenti quddiem l-qorti nazzjonali u għalhekk mhux biżżejjed li parti ssostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta' validità tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti kkonċernata jkollha tikkunsidra li tkun tqajmet kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 234 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 9). Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta' kontestazzjoni tal-validità ta' att Komunitarju quddiem il-qorti nazzjonali mhix biżżejjed, minnha nfisha, sabiex tiġġustifika r-rinviju ta' domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29     Fir-rigward tal-qrati li jista' jsir appell mid-deċiżjonijiet tagħhom skond il-liġi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn jistgħu jeżaminaw il-validità ta' att Komunitarju u, jekk huma jqisu li l-motivi ta' invalidità li l-partijiet jressqu quddiemhom mhumiex fondati, huma jistgħu jiċħdu dawn il-motivi filwaqt li jikkonkludu li l-att huwa kompletament validu. Fil-fatt, meta jagħmlu hekk, huma ma jikkontestawx l-eżistenza ta' l-att Komunitarju (sentenza Foto-Frost, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

30     Min-naħa l-oħra, meta tali qrati jqisu li allegazzjoni jew diversi allegazzjonijiet ta' invalidità mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio (ara, f'dan is-sens is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra p. 1563, punt 7) huma fondati, huma jkunu fl-obbligu li jissospendu l-proċeduri u li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda għal rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni ta' validità.

31     Barra minn hekk, l-ispirtu ta' kooperazzjoni li għandu jipprevali fl-eżerċizzju tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li l-qorti nazzjonali tesponi fid-deċiżjoni preliminari tagħha r-raġunijiet għaliex tqis li tali rinviju huwa neċessarju.

32     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tmin domanda għandha tkun li, meta qorti li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta' rimedju ġudizzjarju skond il-liġi nazzjonali tqis li allegazzjoni jew diversi allegazzjonijiet ta' invalidità ta' att Komunitarju mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, huma fondati, hija għandha tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda għal rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni ta' validità.

 Fuq id-domandi l-oħra

33     Permezz ta' l-ewwel seba' domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex invalidi u jekk dan huwa l-każ, jekk l-invalidità tagħhom tistax twassal għall-invalidità ta' l-imsemmi Regolament fl-intier tiegħu.

 Dwar il-kompatibbiltà ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 mal-Konvenzjoni ta' Montreal

34     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huwiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

35     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 300(7) KE, "Kull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri". Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, dawn l-akkordji jieħdu preċedenza fuq it-testi tad-dritt Komunitarju sekondarju (sentenzi ta' l-10 ta' Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52, u ta' l-1 ta' April 2004, Bellio F.lli, C-286-02, Ġabra p. I-3465, punt 33).

36     Il-Konvenzjoni ta' Montreal, iffirmata mill-Komunità fid-9 ta' Diċembru 1999 fuq il-bażi ta' l-Artikolu 300(2) KE, ġiet approvata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' April 2001 u daħlet fis-seħħ, għal dak li għandu x'jaqsam mal-Komunità, fit-28 ta' Ġunju 2004. Jirriżulta li minn din id-data, skond ġurisprudenza kostanti, id-dispożizzjonijiet ta' din il-konvenzjoni jagħmlu parti integrali mis-sistema legali Komunitarja (sentenzi tat-30 ta' April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5, u tat-30 ta' Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7). Huwa wara din id-data li, permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Lulju 2004, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tad-domandi għal "judicial review" li ġiet imressqa quddiemha, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preżenti għal rinviju għal deċiżjoni preliminari.

37     L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddisponi li fil-każ ta' dewmien twil ta' titjira, it-trasportatur bl-ajru operattiv għandu joffri assistenza u jassumi r-responsabbiltà għall-passiġġieri kkonċernati. Huwa ma jipprevedix li dan it-trasportatur jista' jeżonera ruħu minn tali obbligi fil-każ ta' ċirkustanzi straordinarji li ma kienx ikun possibbli li jiġu evitati anke li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

38     L-IATA u l-ELFAA sostnew fid-domanda tagħhom li ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju, u jsostnu quddiem il-Qorti tal Ġustizzja, li dan l-Artikolu 6 huwa għalhekk inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreal li fiha, fl-Artikoli 19 u 22(1) tagħha, klawsoli ta' eżoneru u li jillimitaw ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta' dewmien fit-trasport tal-passiġġieri, u li tgħid, fl-Artikolu 29 tagħha, li kull azzjoni għal danni u interessi, magħmula fuq kwalunkwe bażi, ma tistax tiġi eżerċitata ħlief fil-kundizzjonijiet u limiti previsti fl-imsemmija konvenzjoni.

39     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta' Montreal huma inklużi fin-normi li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tikkontrolla l-validità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, peress li, minn naħa, la n-natura u lanqas l-ekonomija ta' l-imsemmija konvenzjoni ma jipprojbixxu tali kontroll, u li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta' dawn it-tliet Artikoli jidhru, taħt l-aspett tal-kontenut tagħhom, assoluti u preċiżi biżżejjed.

40     Rigward l-interpretazzjoni ta' l-imsemmija Artikoli, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skond ġurisprudenza kostanti, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skond it-termini li hu ġie miktub fihom kif ukoll fid-dawl ta' l-obbjettivi tiegħu. L-Artikoli 31 tal-konvenzjonijiet ta' Vjenna, tat-23 ta' Mejju 1969, fuq id-dritt tat-trattati, u, tal-21 ta' Marzu 1986, fuq id-dritt tat-trattati bejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jesprimu f'dan is-sens id-dritt internazzjonali konswetudinarju ġenerali, jippreċiżaw, f'dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat bona fide, skond is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl ta' l-iskop u l-għan tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-20 ta' Novembru 2001, Jany et, C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 35).

41     Jirriżulta, mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta' Montreal, li l-Istati li huma membri tagħha għarfu "l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport bl-ajru internazzjonali u l-ħtieġa ta' kumpens ġust fondat fuq il-prinċipju ta' restituzzjoni". Huwa għaldaqstant fid-dawl ta' dan l-obbjettiv li għandha tiġi evalwata l-portata li l-awturi ta' l-imsemmija konvenzjoni riedu jagħtu lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 19, 22 u 29.

42     Jirriżulta, mill-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreal, inklużi fil-Kapitolu III tagħha intitolat "Responsabbiltà tat-trasportatur u l-portata tal-kumpens għal danni", li huma jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu eżerċitati l-azzjonijiet għal danni u interessi li jistgħu jitressqu kontra t-trasportaturi bl-ajru mill-passiġġieri fuq il-bażi ta' danni mġarrba minħabba dewmien. Huma jillimitaw ir-responsabbiltà tat-trasportatur għas-somma ta' 4150 dritt speċjali ta' preljev għal kull passiġġier.

43     Għandu jingħad li kull dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u b'mod partikolari jekk huwa twil, jista' jikkawża fuq livell ġenerali żewġ tipi ta' dannu. Minn naħa, dewmien twil iżżejjed jikkawża danni, kważi identiċi għall-passiġġieri kollha, li r-restituzzjoni tagħha tista' tkun fl-għamla ta' assistenza jew ta' assunzjoni ta' responsabbiltà, standardizzati u immedjati, għal dawk kollha interessati fil-provvista, per eżempju, ta' xorb, ta' ikliet, ta' akkomodazzjoni u ta' telefonati. Min-naħa l-oħra, il-passiġġieri għandhom mnejn iġarbu danni individwali, inerenti jew ikkawżati mill-ivvjaġġar tagħhom, li r-restituzzjoni tagħhom teżiġi evalwazzjoni tal-każ speċifiku ta' l-ammont tad-danni kkawżati u ma tistax, għaldaqstant, ma jkunx is-suġġett ta' kumpens a posteriori u individwalizzat.

44     Issa, jirriżulta biċ-ċar mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta' Montreal li huma jillimitaw ruħhom li jagħmlu regoli dwar il-kundizzjonijiet li fihom, wara dewmien ta' titjira, jistgħu jitressqu, mill-passiġġieri kkonċernati, l-azzjonijiet li jitlobu, fuq il-bażi ta' restituzzjoni individwalizzata, danni u interessi, jiġifieri kumpens, mingħand it-trasportaturi responsabbli ta' dannu li jirriżulta minn dan id-dewmien.

45     Ma jirriżultax la minn dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-Konvenzjoni ta' Montreal li l-awturi ta' din ta' l-aħħar riedu jeskludu l-imsemmija trasportaturi minn kull forma oħra ta' intervent, b'mod partikolari minn dawk li jistgħu jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu kkumpensati, b'mod standardizzat u immedjat, id-danni li jikkostitwixxu l-fastidji kkawżati mid-dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, mingħajr ma dawn ikollhom jbatu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implementazzjoni ta' azzjonijiet għal danni u interessi quddiem il-qrati.

46     Il-Konvenzjoni ta' Montreal ma setgħetx lanqas tipprojbixxi l-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju sabiex jistabbilixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fil-qasam tat-trasport u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-kundizzjonijiet li fihom kellhom jiġu kkumpensati d-danni marbuta mal-fastidji msemmija iktar 'il fuq. Minkejja li l-assistenza u l-assunzjoni tar-responsabbiltà tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta' dewmien twil ta' titjira tikkostitwixxi tali miżuri ta' restituzzjoni standardizzati u immedjati, huma mhumiex inklużi fost dawk li għalihom l-imsemmija konvenzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju. Id-dispożittiv previst fl-imsemmi Artikolu 6 għandu sempliċement il-preċedenza fuq dak li jirriżulta mill-Konvenzjoni ta' Montreal.

47     Il-miżuri ta' assistenza u ta' assunzjoni tar-responsabbiltà standardizzati u immedjati ma jipprojbixxux minnhom infushom li l-passiġġieri kkonċernati, fil-każ meta l-istess dewmien jikkawżalhom ukoll danni li jagħtu lok għad-dritt għal kumpens, ikunu jistgħu, barra minn hekk, jibdew azzjonijiet għal kumpens ta' l-imsemmija danni fil-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta' Montreal.

48     Dawn il-miżuri, li jtejbu l-protezzjoni ta' l-interessi tal-passiġġieri kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom japplika kontrihom il-prinċipju ta' restituzzjoni, ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu bħala inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta' Montreal.

 Dwar il-validità ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 rigward l-Artikolu 251 KE

49     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk, billi emenda l-Artikolu 5 ta' l-abbozz li ta bidu għar-Regolament Nru 261/2004, hekk kif jirriżulta mill-pożizzjoni komuni (KE) Nru 27/2003, tat-18 ta' Marzu 2003, (ĠU C 125 E, p. 63), (iktar 'il quddiem l-"abbozz ta' Regolament"), il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni previst fl-Artikolu 251 KE ssodisfax l-eżiġenzi proċedurali li huma mitluba f'din l-aħħar dispożizzjoni.

50     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar il-kuntest li fih il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni intervjiena fil-proċedura ta' adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, meta jitqies, b'mod partikolari, it-tħassib tal-leġiżlatur Komunitarju dwar il-kunsiderazzjoni jew le taċ-ċirkustanzi li jippermettu lit-trasportaturi bl-ajru li jiġu eżonerati mill-obbligi tagħhom ta' assunzjoni ta' responsabbiltà tal-passiġġieri b'mod preliminari każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira.

51     Fil-pożizzjoni komuni tagħha Nru 27/2003, il-Kunsill iddeċieda li t-trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu eżonerati mill-obbligi tagħhom ta' kumpens u ta' assunzjoni ta' responsabbiltà previsti, fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjiriet, fl-Artikolu 5 ta' l-abbozz ta' Regolament u ta' l-obbligi tagħhom previsti, fil-każ ta' dewmien twil. Fl-Artikolu 6 ta' l-istess abbozz, jekk il-persuni interessati jkunu kapaċi jipprovaw li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien kienu kkawżati minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anke li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

52     Waqt l-eżami ta' din il-pożizzjoni komuni fit-3 ta' Lulju 2003, fit-tieni qari, il-Parlament ma ppropona ebda emenda għall-Artikolu 5 ta' l-abbozz tar-Regolament. Min-naħa l-oħra, huwa adotta, fost l-oħrajn, l-emenda Nru 11 li tirrigwarda l-Artikolu 6 ta' dan l-istess abbozz f'dan is-sens, b'mod partikolari, li abolixxa kull riferiment għall-klawsola ta' eżoneru rigward ċirkustanzi straordinarji (iktar 'il quddiem, l-"iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji").

53     Permezz ta' ittra tat-22 ta' Settembru 2003, il-Kunsill għarraf li ma kienx lest li japprova l-emendi kollha tal-Parlament, u l-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament, sejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

54     Dan ta' l-aħħar, matul il-laqgħa ta' l-14 ta' Ottubru 2003, wassal għal ftehim fuq abbozz komuni, li ġie approvat fl-1 ta' Diċembru 2003, li bih, b'mod partikolari, ġie mneħħi fl-Artikolu 5 ta' l-abbozz tar-Regolament kull riferiment għall-iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji li jippermettu lit-trasportaturi bl-ajru li jeżoneraw ruħhom mill-obbligi tagħhom ta' assunzjoni ta' responsabbiltà. Ir-Regolament ġie approvat, skond l-abbozz komuni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, mill-Parlament fit-tielet qari, fit-18 ta' Diċembru 2003, u mill-Kunsill, fis-26 ta' Jannar 2004.

55     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, billi emenda l-Artikolu 5 ta' l-abbozz tar-Regolament meta ma kienx is-suġġett ta' xi emenda mill-Parlament fit-tieni qari, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni mar lil hinn mill-kompetenzi li ngħataw lilu mill-Artikolu 251 KE.

56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ġie msejjaħ, fil-kuntest tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim tal-Kunsill fuq l-emendi proposti mill-Parlament fit-tieni qari. Huwa paċifiku li tali nuqqas ta' ftehim deher fil-proċedura ta' adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, li jiġġustifika s-sejħa ta' l-imsemmi Kumitat.

57     Kontrarjament għal dak li ssostni l-IATA, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, ladarba msejjaħ, m'għandux bħala missjoni li jasal għal ftehim fuq l-emendi proposti mill-Parlament imma, bħalma jirriżulta mit-termini stess ta' l-Artikolu 251 KE, "li jwassal għal ftehim fuq test komuni", billi jeżamina l-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill, fuq il-bażi ta' l-emendi proposti mill-Parlament. It-test ta' l-Artikolu 251 ma jinvolvi ebda restrizzjoni rigward il-kontenut tal-miżuri li huma kkunsidrati li jippermettu li jwasslu għal ftehim fuq test komuni.

58     Billi użaw it-terminu "konċiljazzjoni", l-awturi tat-Trattat riedu jagħtu effett utli lill-proċedura adottata u jagħtu lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni diskrezzjoni wiesgħa ta' evalwazzjoni. Bl-adozzjoni ta' tali mod ta' soluzzjoni ta' nuqqas ta' ftehim, huma fittxew preċiżament li t-tqarrib ta' l-opinjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill isir fuq il-bażi ta' eżami ta' l-aspetti kollha ta' dan in-nuqqas ta' ftehim, u bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fix-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandha l-awtorità li tieħu "l-inizjattivi kollha meħtieġa sabiex tippromwovi tqarrib tal-pożizzjonijiet tal-Parlament […] u tal-Kunsill".

59     F'din il-perspettiva, meta titqies is-setgħa ta' medjazzjoni hekk fdata fil-Kummissjoni u l-libertà li għandhom fl-aħħar mill-aħħar għad-dispożizzjoni tagħhom il-Parlament u l-Kunsill li japprovaw jew le t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, l-Artikolu 251 ma jistax jinqara bħala tali li jillimita bħala regola ġenerali d-diskrezzjoni ta' l-imsemmi Kumitat. L-unika ċirkustanza li, f'dan il-każ, l-Artikolu 5 tat-test tar-Regolament ma jkunx is-suġġett ta' emenda mill-Parlament fit-tieni qari mhux tali li jiġi stabbilit li l-imsemmi Kumitat ma rrispettax il-limitu ta' kompetenzi li huma fdati lilu mill-Artikolu 251 KE.

60     Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fin-nuqqas ta' natura pubblika tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, jiġu pperikolati l-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva.

61     Ċertament, il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament fil-proċess leġislattiv tal-Komunità, skond il-proċeduri previsti mit-Trattat, tirrappreżenta element essenzjali ta' l-ekwilibrju istituzzjonali li huwa mfittex minn dan it-Trattat. Madankollu, huwa paċifiku li l-Parlament stess huwa rrappreżentat fi ħdan il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u li din ir-rappreżentanza hija wkoll komposta skond l-importanza relattiva ta' kull grupp politiku fi ħdan il-Parlament. Barra minn hekk, it-test konġunt adottat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għad għadu jrid jiġi sottomess, skond l-Artikolu 251(5) KE, għall-eżami tal-Parlament innifsu għal approvazzjoni. Dan l-eżami, li jidħol neċessarjament fil-kundizzjonijiet normali ta' trasparenza tax-xogħol ta' din l-assemblea, jassigura b'hekk, f'kull każ, il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva.

62     Għandu jiġi rrimarkat, fid-dawl tad-dokumenti tal-proċess, li, f'dan il-każ, in-nuqqas ta' ftehim li ġie mressaq quddiem il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jirrigwarda, b'mod partikolari, id-domanda dwar jekk it-trasportaturi bl-ajru jistgħux jew le jużaw l-iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji biex jeżoneraw ruħhom mill-obbligi tagħhom ta' assistenza u ta' assunzjoni ta' resposabbiltà tal-passiġġieri, previsti fl-Artikolu 6 tat-test tar-Regolament, fil-każ ta' dewmien twil ta' titjira. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni wasal għal ftehim li jgħid li kull riferiment għall-iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji ġiet imeħħija fl-Artikolu 6 ta' dan it-test, sabiex jiġu ggarantiti lill-passiġġieri assunzjoni ta' resposabbiltà u assistenza immedjati, tkun xi tkun il-kawża tad-dewmien tat-titjira. Il-Kumitat għalhekk qabel ukoll, sabiex jiggarantixxi metodu koerenti u simetriku, li jneħħi, fl-Artikolu 5 ta' l-imsemmi test, dan l-istess riferiment għal dak li jikkonċerna l-obbligi ta' assunzjoni ta' responsabbiltà tal-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira.

63     F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma marx lil hinn mill-kompetenzi tiegħu meta biddel l-Artikolu 5 tat-test tar-Regolament.

 Dwar l-obbligu ta' motivazzjoni u l-osservanza tal-prinċipju ta' ċertezza legali

64     Permezz tat-tielet u r-raba' domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex invalidi fis-sens li mhumiex konformi mal-prinċipju ta' ċertezza legali jew li ma jissodisfawx l-obbligu ta' motivazzjoni. Permezz tas-seba' domanda tagħha, hi tistaqsi wkoll dwar l-osservanza ta' dan l-aħħar obbligu mill-Artikolu 7 ta' l-imsemmi Regolament.

65     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li r-Regolament ikkontestat għandu ambigwitajiet, omissjonijiet jew kontradizzjonijiet li jaffettwaw il-legalità tiegħu kemm fir-rigward ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

66     Għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta' l-att in kwistjoni, b'tali mod li tippermetti lill-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u, lill-Qorti tal-Ġustizzja, li teżerċita l-kontroll tagħha, mhuwiex madankollu mitlub li hija tispeċifika l-punti kollha ta' dritt jew ta' fatt rilevanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' Frar 1996, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29, ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-1189-1, punt 63, u tat-12 ta' Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 133).

67     L-osservanza ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandha barra minn hekk tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni ta' l-att, imma wkoll mill-kuntest tiegħu, kif ukoll mill-ġabra ta' regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Meta tkun kwistjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ta' att maħsub għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista' sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-obbjettivi ġenerali li għandu l-intenzjoni li jilħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' Marzu 2005, Spanja vs il-Kunsill, C-342/03, Ġabra p. I-1975, punt 55). Jekk l-att ikkontestat juri l-idea essenzjali ta' l-għan mfittex mill-istituzzjonijiet, ikun inutli li tiġi mitluba motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li huma jkunu ħadu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Lulju 2001, l-Italja vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64, u Alliance for Natural Health, et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 134).

68     Fir-rigward tal-prinċipju ta' ċertezza legali, dan jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' dritt Komunitarju li jeżiġi, b'mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (ara s-sentenzi tad-9 ta' Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, tat-13 ta' Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u ta' l-14 ta' April 2005, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30).

69     Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, għandu jingħad, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu bi preċiżjoni u b'mod ċar l-obbligi li huma imposti fuq it-trasportatur bl-ajru operattiv fil-każ ta' kanċellazzjoni jew ta' dewmein twil ta' titjira. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet joħroġ, ukoll b'mod ċar, mill-ewwel u t-tieni premessi ta' dan ir-Regolament li jgħid li l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandha b'mod partikolari tfittex li tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-passiġġieri u tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta' protezzjoni tal-konsumaturi in ġenerali, meta l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta' titjira jwassal għal inkonvenjenti serji għall-passiġġieri.

70     Barra minn hekk, it-tnax u t-tlettax-il premessa ta' l-istess Regolament jiddisponu li l-passiġġieri ta' titjira li ġiet ikkanċellata għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiġu kkumpensati meta ma jiġux mgħarrfa fi żmien xieraq b'din il-kanċellazzjoni, li jingħataw ir-rimbors tal-biljett tagħhom jew li jingħataw rotta oħra b'kundizzjonijiet sodisfaċenti, u għandhom jibbenefikaw minn assunzjoni ta' responsabbiltà adatta waqt l-istennija ta' titjira oħra. Is-sbatax-il premessa ta' l-imsemmi Regolament tiddisponi li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom tittardja b'perijodu ta' ħin definit għandhom jibbenefikaw minn assunzjoni ta' responsabbiltà adatta u jkollhom il-possibbiltà li jikkanċellaw it-titjira tagħhom u jitħallsu lura l-prezz tal-biljett tagħhm jew li jitolbuh b'kundizzjonijiet sodisfaċenti. Dawn l-elementi juru għalhekk l-idea essenzjali ta' l-għan imfittex.

71     Huwa paċifiku, barra minn hekk, li d-diversi danni li jġarrbu l-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira jeżistu. Mhux stabbilit u lanqas ma ġie sostnut li l-inċidenti ta' din in-natura jikkostitwixxu fenomenu insinifikanti biss. Issa, ma jirriżultax la mill-Artikolu 253 KE, u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra li l-validità ta' l-att Komunitarju in kwistjoni għandha tkun sottoposta għall-kundizzjoni li l-att ikun fih data numerika preċiża li tiġġustifika il-ħtieġa ta' intervent mil-leġiżlatur Komunitarju.

72     Lanqas ma jista' jiġi mitlub li r-Regolament Nru 261/2004 jinkludi motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi meħuda. F'dan ir-rigward, peress li l-għan ta' protezzjoni tal-passiġġieri jitlob li jiġu adottati miżuri ta' kumpens standardizzati u effettivi, li ma jistgħux jiġu kkontestati fil-waqt stess li huma kellhom jiġu implementati, ħaġa li, milli jidher, l-iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji ma kinitx ser tonqos milli tikkawża, il-leġiżlatur Komunitarju seta', mingħajr ma jkun naqas mill-obbligu ta' motivazzjoni tiegħu, jastjeni milli jesponi l-motivi li għalihom huwa qies li t-trasportaturi bl-ajru operattivi ma jistgħux jużaw tali skuża sabiex jeżoneraw ruħhom mill-obbligi tagħhom previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament. Bl-istess mod, kontrarjament għal dak li ssostni l-ELFAA, il-leġiżlatur Komunitarju seta', mingħajr ma jivvizzja l-att in kwistjoni b'illegalità, jistabbilixxi fl-Artikolu 7 ta' l-imsemmi Regolament il-prinċipju u l-ammont tal-kumpens waħdieni dovut fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira mingħajr ma jesponi r-raġunijiet għalfejn għażel din il-miżura u dan l-ammont.

73     It-tieni nett, il-miżuri standardizzati u immedjati previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 mhumiex inklużi fost dawk li għalihom il-Konvenzjoni ta' Montreal tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju u li mhumiex kompatibbli ma' din il-konvenzjoni. Jirriżulta minn hekk li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jirregolaw ċerti drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta' dewmien twil ta' titjiriet jistgħu jiġu sottoposti għal kundizzjonijiet differenti minn dawk li tistabbilixxi l-imsemmija konvenzjoni fir-rigward tad-drittijiet l-oħra. Għaldaqstant m'huma bl-ebda mod kontrarji għal dawk li jinstabu fir-Regolament Nru 2027/97 u li ttieħdu, skond l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

74     F'dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux isostnu li billi ma jsemmix dan l-aħħar Regolament, ir-Regolament Nru 261/2004 kien ġie adottat mingħajr ma ġie osservat l-obbligu ta' motivazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament ma jistax jinqara bħala wieħed li, fin-nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju ta' ċertezza legali, neħħa lill-impriżi rrappreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li jkunu jafu mingħajr ambigwità l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożittiv li jirriżulta mir-Regolament Nru 2027/97.

75     It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi, b'mod inkoerenti fl-erbatax u l-ħmistax-il premessa, li ċirkustanzi straordinarji jistgħu jillimitaw jew jeżoneraw it-trasportatur bl-ajru operattiv mir-responsabbiltà fil-każ ta' kanċellazzjoni jew ta' dewmien twil ta' titjiriet filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament, li jirregolaw l-obbligi tiegħu f'tali każ, ma jinkludux, ħlief fejn jikkonċerna l-obbligu ta' kumpens, tali skuża ta' responsabbiltà.

76     Madankollu, għandu jingħad, f'dan ir-rigward, minn naħa, li għalkemm il-preambolu ta' att Komunitarju għandu mnejn jippreċiża l-kontenut ta' l-istess att (ara s-sentenza Alliance for Natural Health et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91) ma jistax jiġi invokat biex issir deroga għad-dispożizzjonijiet infushom ta' l-att ikkonċernat (sentenzi tad-19 ta' Novembru 1998, Nilsson et, C-162/97, Ġabra p. I-7477, punt 54, u ta' l-24 ta' Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C-136/04, li għadha ma ġiet ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Min-naħa l-oħra, ċertament, il-formulazzjoni ta' dawn il-premessi tagħti l-impressjoni li, b'mod ġenerali, it-trasportatur bl-ajru operattiv għandu jinħeles mill-obbligi kollha tiegħu fil-każ ta' ċirkustanzi straordinarji, u tqajjem għaldaqstant ċerta ambigwità bejn l-intenzjoni hekk speċifikata mil-leġiżlatur Komunitarju u l-kontenut innifsu ta' l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 li ma jagħtux natura daqstant ġenerali lil din l-iskuża ta' responsabbiltà. Madankollu, tali ambigwità mhix tali li tirrendi inkoerenti d-dispożittiv adottat fuq il-bażi ta' dan iż-żewġ Artikoli, li huma per se mingħajr ebda ambigwità.

77     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali jew l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Dwar l-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità

78     Permezz tal-ħames u s-seba' domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

79     Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li hu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-mezzi implementati permezz ta' dispożizzjoni Komunitarja jkunu adattati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil 'hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-imsemmi għan jintlaħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 59, ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-191/01, Ġabra p. I-11453, punt 122, u Swedish Match, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

80     Rigward l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi enfasizzat li għandha tiġi rrikonoxxuta, lil-leġiżlatur Komunitarju, diskrezzjoni wiesgħa ta' evalwazzjoni f'oqsma li jitolbu minnu għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub jeffettwa evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux adegwata ta' tali miżura meħuda f'dawn l-oqsma, rigward l-għan li l-istituzzjoni kompetenti bi ħsiebha ssegwi, li tista' taffettwa l-legalità ta' tali miżura [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1996, ir-Renju Unit vs il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58; tat-13 ta' Mejju 1997, il-Ġermanja vs il-Parlament u l-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 55 u 56; tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar 'il fuq, punt 123]. L-istess japplika, b'mod partikolari, fil-qasam ta' politika komuni tat-trasport (ara, f'dan is-sens, b'mod particolari, is-sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf, C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I-4475, punt 23, u tat-12 ta' Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 63).

81     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li l-miżuri ta' assistenza, ta' assunzjoni ta' responsabbiltà u ta' kumpens tal-passiġġieri previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ ta' kanċellazzjoni u ta' dewmien twil ta' titjira, ma jippremettux li jintlaħaq l-għan li jitneħħew dawn il-każijiet ta' kanċellazzjoni u ta' dewmien, u f'kull każ huma, minħabba tariffi finanzjarji kunsiderevoli li huma jimponu fuq it-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità, totalment sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għan imfittex.

82     Sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa tal-miżuri in kwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għan immedjat imfittex mil-leġiżlatur Komunitarju, hekk kif jirriżulta mill-ewwel erbgħa premessi tar-Regolament Nru 261/2004, huwa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri li jġarrbu kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira, billi jingħata kumpens, b'mod standardizzat u immedjat, għal ċerti danni kkawżati lil dawk ikkonċernati li jinsabu f'tali sitwazzjonijiet.

83     Ċertament, barra minn dan l-għan dirett, espost b'mod espliċitu mil-leġiżlatur Komunitarju, l-imsemmi Regolament, bħal kull leġiżlazzjoni ġenerali oħra, jista' indirettament jinvolvi għanijiet oħra sekondarji bħal, hekk kif isostnuh ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dak li jitnaqqas, fl-ammont, in-numru ta' kanċellazzjonijiet u ta' dewmien twil ta' titjiriet. Hija l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-ewwel nett jekk il-miżuri adottati humiex manifestament inadattati fir-rigward ta' l-għan espliċitu tar-Regolament, dak li jfittex it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-passiġġieri, li l-leġittimità tiegħu minnha nfisha mhix ikkontestata.

84     Għandu jingħad, l-ewwel nett, li l-miżuri previsti mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 huma minnhom infushom tali li jikkumpensaw immedjatament x'uħud mid-danni mġarrba minn dawn il-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira, u jippermettu għaldaqstant li jiġi ggarantit livell għoli ta' protezzjoni ta' dawk ikkonċernati, hekk kif imfittex mir-Regolament.

85     It-tieni nett, huwa paċifiku li l-ġabra ta' miżuri differenti meqjusa mil-leġiżlatur Komunitarju jvarja skond id-daqs tad-danni mġarrba mill-passiġġieri, li huwa evalwat jew skond it-tul tad-dewmien u ta' l-istennija tat-titjira li jkun imiss, jew skond iż-żmien li jittieħed sabiex jiġu mgħarrfa dawk ikkonċernati bil-kanċellazzjoni tat-titjira. Il-kriterji hekk meqjusa sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tal-passiġġieri favur dawn il-miżuri għaldaqstant ma jidhrux li m'għandhom ebda relazzjoni ma' l-eżiġenza ta' proporzjonalità.

86     It-tielet nett, dwar il-miżuri ta' kumpens standardizzat u immedjat bħalma huma t-titjira differenti għall-passiġġieri jew il-provvista ta' xorb, ta' ikliet, ta' akkomodazzjoni jew ta' l-offerta ta' mezzi ta' komunikazzjoni ma' terzi, dawn huma maħsubin sabiex jipprovdu għall-bżonnijiet immedjati, fuq il-post, tal-passiġġieri, tkun xi tkun il-kawża tal-kanċellazzjoni jew tad-dewmien tat-titjira. Peress li l-imsemmija miżuri jvarjaw bħalma ngħad fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, skond id-daqs tad-danni mġarrba mill-passiġġieri, lanqas ma jidher li huma jippreżentaw natura manifestament inadatta mill-fatt biss li t-trasportaturi ma jistgħux jużaw l-iskuża ta' ċirkustanzi straordinarji.

87     Ir-raba' nett, mhuwiex stabbilit li s-sħubija f'assikurazzjonijiet volontarji mill-passaġġieri biex ikopru r-riskji inerenti għad-dewmien u l-kanċellazzjonijiet ta' titjiriet, hekk kif hija proposta mill-ELFAA, tippermetti f'kull każ li tirrimedja għad-danni mġarrba fuq il-post minn dawk ikkonċernati. Tali miżura ma tistax, għaldaqstant, titqies bħala aktar xierqa għall-għan imfittex minn dawk speċifikati mil-leġiżlatur Komunitarju.

88     Il-ħames nett, il-konsegwenzi dannużi li huma kkawżati mid-dewmien u li għalihom ir-Regolament Nru 261/2004 ifittex li jirrimedja m'għandhom ebda rabta mal-prezz tal-biljett imħallas. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-miżuri adottati biex jattenwaw dawn il-konsegwenzi kellhom ikunu stabbiliti skond il-prezz tal-biljett ma jistax jiġi milqugħ.

89     Is-sitt nett, jekk l-IATA u l-ELFAA jsostnu li l-miżuri ċċitati iktar 'il fuq għandhom mnejn jinvolvu konsegwenzi sinifikanti fuq l-ispejjeż finanzjarji tat-trasportaturi u li mhumiex adatti għall-għan sekondarju tar-Regolament li jfittex li jnaqqas in-numru ta' kanċellazzjonijiet u tad-dewmien twil ta' titjiriet, għandu jingħad li t-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma wrietx figuri fuq il-frekwenza ta' dawn id-dewmien u kanċellazzjonijiet. Għaldaqstant, l-ispejjeż teoretiċi li jirrappreżentaw dawn il-miżuri għall-kumpanniji ta' l-ajru, hekk kif ġew imressqa minn dawk ikkonċernati, ma jippermettux, f'kull każ, li jiġi meqjus bħala stabbilit li dawn l-inċidenti jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-interess ta' l-imsemmija miżuri.

90     Għandu jingħad ukoll li l-obbligi sodisfatti skond ir-Regolament Nru 261/2004 ma jipprekludux lit-trasportaturi bl-ajru milli jitolbu kumpens mingħand kull persuna, inklużi terzi, skond il-liġi nazzjonali, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 13 ta' l-imsemmi Regolament. Għaldaqstant tali kumpens għandu mnejn jattenwa u saħansitra jeskludi l-ispiża finanzjarja fuq l-imsemmija trasportaturi bħala riżultat ta' dawn l-obbligi. Ma jidhirx barra minn loku, barra minn hekk, li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar 'il fuq, inizjalment fuq it-trasportaturi bl-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati huma marbuta b'kuntratt ta' trasport li jagħtihom dritt għal titjira li m'għandhiex tiġi la kkanċellata u lanqas mdewma.

91     Is-seba' nett, rigward il-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li l-passiġieri jistgħu jitolbu taħt l-Artikolu 5, meta jiġu mgħarrfa tard wisq bil-kanċellazzjoni ta' titjira, it-trasportaturi bl-ajru jistgħu jiġu eżonerati mill-ħlas ta' dan il-kumpens jekk juru li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anke li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu. Fid-dawl ta' l-eżistenza ta' tali kawża ta' eżoneru u tal-kundizzjonijiet restrittivi ta' l-osservanza ta' dan l-obbligu li t-trasportaturi bl-ajru mhumiex marbutin bih jekk l-informazzjoni tkun ingħatat kmieni biżżejjed jew jekk ġiet mogħtija flimkien ma' offerti ta' rotot oħrajn, l-imsemmi obbligu ma jidhirx li hu manifestament mhux adatt għall-għan imfittex. Barra minn hekk, l-ammont tal-kumpens, stabbilit għas-somom ta' 250, 400 u 600 EUR skond id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati lanqas ma jidher eċċessiv u jaqbel barra minn hekk fis-sustanza, bħalma sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata, ma' l-aġġustament tal-livell ta' kumpens previst mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, ta' l-4 ta' Frar, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta' kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU L 36, p. 5), billi tiġi kkunsidrata l-inflazzjoni li kien hemm mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

92     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

 Rigward l-osservanza tal-prinċipju ta' trattament ugwali

93     Permezz tas-sitta u s-seba' domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza, jekk l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

94     L-ELFAA tallega li l-kumpanniji bl-ajru bi prezzijiet baxxi li hija tirrappreżenta jirċievu trattament diskriminatorju meta l-miżuri previsti fl-imsemmija Artikoli jimponu l-istess obbligi lit-trasportaturi bl-ajru l-oħra kollha mingħajr distinzjoni fuq il-bażi tal-politika ta' prezz u ta' servizzi tagħhom li huma joffru. Barra minn hekk, id-dritt Komunitarju ma jimponix l-istess obbligi fuq il-mezzi l-oħra ta' trasport.

95     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali jew ta' non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza Swedish Match, iċċitata iktar 'il fuq, punt 70).

96     F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-metodi ta' tħaddim tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta' l-aċċessibbiltà tagħhom, u tat-tqassim tan-netwerkijiet tagħhom, il-modi differenti ta' trasport mhumiex, rigward il-kundizzjonijiet ta' użu tagħhom, skambjabbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza SAM Schiffahrt u Stapf, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Is-sitwazzjoni ta' l-impriżi li intervenew fis-settur ta' attività ta' kull wieħed minn dawn il-modi ta' trasport huwa għaldaqstant komparabbli.

97     Hemm lok li jingħad, imbagħad, li, fil-qasam ta' trasport bl-ajru, il-passaġġieri li jkollhom kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjira, jinsabu f'sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik li jgħaddu minnha passiġġieri ta' mezzi oħra ta' trasport fil-każ ta' inċidenti ta' l-istess natura. Fil-fatt, minħabba, b'mod partikolari, il-pożizzjoni ta' l-ajruporti ġeneralment barra miċ-ċentri urbani u tal-metodi speċifiċi ta' reġistrazzjoni u ta' rkupru tal-bagalji, il-fastidji mġarrba minn dawk ikkonċernati f'tali inċidenti mhumiex komparabbli.

98     Fl-aħħar nett, id-danni mġarrba mill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru fil-każ ta' kanċellazzjoni jew ta' dewmien twil ta' titjiriet huma analogi, huma min huma l-kumpanniji li magħhom huma ntrabtu b'kuntratt, u m'għandhomx x'jaqsmu mal-politika ta' prezz ipprattikata minnhom. Għaldaqstant, sabiex ma jaffettwawx il-prinċipju ta' ugwaljanza, meta mqabbel ma' l-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li jkabbar il-protezzjoni tal-passiġġieri kollha tat-trasport bl-ajru, il-leġiżlatur Komunitarju għandu jittratta b'mod identiku l-kumpanniji ta' l-ajru kollha.

99     Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 mhumiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament.

100   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel seba' domandi mqajma għandha tkun li l-eżami tagħhom ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq l-ispejjeż

101   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Meta qorti, li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta' rimedju ġudizzjarju ta' liġi nazzjonali, tqis li motiv jew diversi motivi ta' invalidità ta' att Komunitarju mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, huma fondati, hija għandha tissospendi l-proċeduri u tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2)      L-eżami tad-domandi ppreżentati ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità ta' l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u ta' l-assistenza tal-passiġġieri fil-każ ta' rifjut ta' imbark u ta' kanċellazzjoni jew ta' dewmien twil ta' titjira, u li jabolixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.