SENTENZA TAL-QORTI (Awla Manja)

6 ta' Diċembru 2005 (*)

"Ikel – Regolament (KE) Nru 2065/2003 – Taħwir bl-affumikazzjoni – Għażla tal-bażi ġuridika"

Fil-kawża C-66/04

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fil-11 ta' Frar 2004,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentati minn R. Caudwell u M. Bethell, bħala aġenti, assistiti minn Lord P. Goldsmith QC u N. Paines, QC, kif ukoll minn T. Ward, barristers, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn K. Bradley u M. Moore, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Sims u E. Karlsson kif ukoll minn F. Ruggeri Laderchi, bħala aġenti,

konvenuti

sostnuti minn:

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn J.-P. Keppenne u  N. Yerrel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Schiemann, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta (Relatur), K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Mejju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq jitlob l-annullament tar-Regolament KE Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Novembru 2003, dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (ĠU L 309, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament in kwistjoni").

2       B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom x'jaqsmu mat-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta' l-ikel u mal-materjali mis-sors għall-produzzjoni tagħhom (ĠU L 184, p. 61, iktar 'il quddiem id-"Direttiva") tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi t-taħwir ma jkunx jista' jitqiegħed fis-suq jew jintuża jekk ma jikkonformax mar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

4       Ir-Regolament in kwistjoni, li ġie adottat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95KE, jgħid fl-Artikolu 1 tiegħu:

"1.      L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jassigura l-funzjonament effettiv tas-suq intern fir-rigward tat-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel, waqt li jipprovdi l-bażi għall-assigurar ta' livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa umana u l-interess tal-konsumaturi."

2.      Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi:

a)      proċedura tal-Komunità għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' kondensati primarji tad-duħħan u l-frazzjonijiet primarji tal-qatran għall-użu bħala tali fi jew fuq l-ikel jew fil-produzzjoni ta' taħwir bl-affumikazzjoni derivat għall-użu fi jew fuq l-ikel;

b)      proċedura tal-Komunità għall-istabbiliment ta' lista ta' kondensati primarji tad-duħħan u l-frazzjonijiet primarji tal-qatran bl-esklużjoni ta' l-oħrajn kollha fil-Komunità u l-kundizzjonijiet tagħhom għall-użu fi jew fuq l-ikel."

5       Skond l-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament in kwistjoni japplika għat-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel, għall-materjali tas-sors għall-produzzjoni ta' taħwir affumikat, għall-kundizzjonijiet li fihom it-taħwir bl-affumikazzjoni huwa ppreparat, kif ukoll għall-ikel li fih jew fuqu t-taħwir bl-affumikazzjoni huwa preżenti.

6       L-Artikolu 4 tar-Regolament in kwistjoni, intitolat "Użu ġenerali u ħtiġijiet tas-sigurtà" huwa fformulat kif ġej:

"1.      L-użu ta' taħwir bl-affumikazzjoni fi jew fuq l-ikel għandu jkun awtorizzat biss jekk ikun suffiċjentament muri li:

–       ma jkun jippreżenta l-ebda riskju għas-saħħa umana;

–       ma jkunx iqarraq bil-konsumaturi.

Kull awtorizzazzjoni tista' tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet speċifiċi ta' l-użu.

2.      L-ebda persuna m'għandha tqiegħed fis-suq taħwir bl-affumikazzjoni jew xi ikel li fih jew li fuqu taħwir bl-affumikazjoni bħal dan ikun preżenti jekk it-taħwir bl-affumikazzjoni ma jkunx prodott primarju awtorizzat b'konformità ma' l-Artikolu 6, jew jekk ma jkunx derivat minnhom, u jekk ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet ta' l-użu stabbiliti fl-awtorizzazzjoni b'konformità ma' dan ir-Regolament."

7       L-Artikolu 5 tar-Regolament in kwistjoni, li jindika ċertu numru ta' kundizzjonijiet tal-produzzjoni rigward l-injam użat għall-iżvilupp ta' prodotti primarji, jipprevedi:

"1.      L-injam użat għall-produzzjoni ta' prodotti primarji m'għandux ikun ġie ittrattat, kemm jekk intenzjonalment jew mhux intenzjonalment, b'sustanzi kimiċi, matul is-sitt xhur immedjatament qabel il-qtugħ tas-siġra jew sussegwentement għal dan, sakemm ma jkunx jista' jiġi muri li s-sentenza wżata għat-trattament ma tkunx tista' toħloq sustanzi potenzjalment tossiċi matul il-kombustjoni.

Il-persuna li tqiegħed fis-suq prodotti primarji għandha tkun tista' turi b'ċertifikazzjoni jew dokumentazzjoni xierqa li l-ħtiġijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew sodisfatti.

2.      Il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta' prodotti primarji huma stabbiliti fl-Anness I. Il-fażi żejtnija li ma tinħallx fl-ilma li hija prodott sekondarju tal-proċess m'għandhiex tintuża għall-produzzjoni ta' taħwir affumikat.

3.      Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Komunità, il-prodotti primarji jistgħu jkunu aktar ipproċessati bi proċessi fiżiċi xierqa għall-produzzjoni ta' taħwir bl-affumikazzjoni derivat. Meta l-opinjonijiet jiddifferrixxu dwar jekk proċess fiżiku partikolari jkunx xieraq, deċiżjoni tista' tintlaħaq b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2)."

8       Din l-aħħar proċedura, imsejħa l-"Proċedura regolatorja" hija ddefinita fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU 1999 L 184, p. 23).

9       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament in kwistjoni, il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura regolatorja, tistabbilixxi l-lista tal-prodotti primarji awtorizzati bl-esklużjoni ta' l-oħrajn kollha fil-Komunità, għall-użu bħala tali fi jew fuq l-ikel u/jew għall-produzzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni dderivat (iktar 'il quddiem il-"lista pożittiva").

10     Skond l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġi inkluż prodott primarju f'din il-lista pożittiva, l-interessat għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru. L-applikazzjoni għandha jkollha magħha, b'mod partikolari, stqarrija b' raġunijiet li tafferma li l-prodott huwa konformi ma' l-Artikolu 4(1) ta' l-istess Regolament.

11     L-Artikolu 8(1) tar-Regolament in kwistjoni jipprovdi li, fis-sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni valida, l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta' l-Ikel (iktar 'il quddiem l-"Awtorità") tagħti opinjoni dwar jekk il-prodott u l-użu intiż tiegħu jkunx konformi ma' l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament. Skond il-paragrafu (4) ta' l-istess Artikolu, fil-każ ta' opinjoni favur l-awtorizzazzjoni tal-prodott evalwat, l-opinjoni tista' tinkludi xi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet marbuta ma' l-użu tal-prodott primarju evalwat. Il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jindika li din l-opinjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant.

12     L-adozzjoni ta' l-awtorizzazzjoni Komuntarja u l-istabbiliment tal-lista pożittiva huma regolati mill-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament in kwistjoni.

13     Skond l-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni ta' l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tipprepara "abbozz ta' miżura" li għandha tittieħed fir-rigward ta' l-applikazzjoni għall-inklużjoni ta' prodott primarju fil-lista pożittiva, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) ,ta' l-istess Regolament, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, u ta' fatturi oħrajn marbuta mal-materja li qed tiġi kkunsidrata.

14     Din il-miżura hija kemm abbozz ta' Regolament li jistabbilixxi l-lista inizjali tal-prodotti primarji awtorizzati jew li temendaha, kif ukoll abbozz ta' deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' l-inklużjoni tal-prodott ikkonċernat fil-lista pożittiva.

15     Sakemm l-awtorizzazzjoni tiġi adottata, din hija valida fil-Komunità kollha għal perijodu ta' għaxar snin. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament in kwistjoni, awtorizzazzjoni tista' tiġi mmodifikata fuq talba tad-detentur ta' l-awtorizzazzjoni indirizzata lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru. Skond l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, awtorizzazzjoni tista' wkoll tiġġedded fuq talba lill-Kummissjoni mid-detentur ta' l-awtorizzazzjoni.

 Fuq ir-rikors

16     Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit jitlob l-annullament tar-Regolament in kwistjoni u l-kundanna tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex ibatu l-ispejjeż filwaqt li ssostni li l-Artikolu 95KE ma jikkostitwixxix bażi ġuridiku xieraq għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

17     Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jitolbu li r-rikors jiġi miċħud tar-rikors bħala infondat u l-kundanna tar-Renju Unit għall-ispejjeż.

 L-argumenti tal-partijiet

18     Ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 95KE ma jagħtix bażi ġuridiku korrett għall-adozzjoni tar-Regolament in kwistjoni, minħabba li dan ta' l-aħħar ma jressaqx flimkien il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, imma jistabbilixxi proċedura ċċentralizzata fil-livell Komunitarju relatata ma' l-awtorizzazzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni għall-ikel. Issa, il-poter leġiżlattiv mogħti mill-Artikolu 95KE huwa poter ta' armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, imma mhux poter li jistabbilixxi entitajiet Komunitarji jew li jimponi dmirijiet lil tali entitajiet, u lanqas li jistabbilixxi l-proċeduri relatati ma' l-approvazzjoni ta' listi ta' prodotti awtorizzati.

19     Huwa jirrikonoxxi li miżura adottata b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 95KE jista' jkollha dispożizzjonijiet li, minnhom stess, ma jarmonizzawx il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jekk dawn id-dispożizzjonijiet ikunu fihom sempliċement elementi aċċessorji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jwettqu armonizzazzjoni, jew jekk dawn jikkostitwixxu l-implementazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet.

20     Minbarra dan, ir-Renju Unit jallega li, jekk huwa ċertament permess li jiġu armonizzati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali permezz ta' leġiżlazzjoni Komunitarja, tali leġiżlazzjoni għandha madankollu twassal għal riżultat li għalih ikun possibbli tasal peremezz ta' l-adozzjoni simultanja ta' leġiżlazzjoni identika f'kull Stat Membru. Issa, is-sistema ta' evalwazzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni previst mir-Regolament in kwisjtoni jikkostitwixxi mekkaniżmu Komunitarju li ebda Stat Membru, ikkunsidrat individwalment, ma kellu l-poter li jistabbilixxi. Konsegwentement, tali sistema ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala miżura ta' armonizzazzjoni per se.

21     Ir-Renju Unit josserva li, fl-ipoteżi li l-miżuri previsti mir-Regolament in kwistjoni huma miżuri relativi "għall-approssimazzjoni", skond it-termini ta' l-Artikolu 95KE, dawn ma jarmonizzawx l-"elementi essenzjali" jew l-"istandardijiet" għall-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament iħallu miftuħa l-kwistjoni dwar liema huma t-taħwir bl-affumikazzjoni li huma awtorizzati u bl-liema mod għandhom jiġu kkunsidrati. Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, produttur jew awtorità nazzjonali ma jistax jiddetermina jekk taħwir bl-affumikazzjoni partikolari huwa awtorizzat jew le.

22     Fir-rigward ta' l-inkarigu mogħti lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura regolatorja, ir-Renju Unit isostni li, skond l-Artikolu 202KE, il-Kummissjoni tista' ċertament ikollha rwol fl-implementazzjoni ta' miżuri adottati skond l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 95KE, imma bil-kundizzjoni madankollu li dan l-intervent jiġi kkwalifikat bħala "eżekuzzjoni" ta' dawn il-miżuri.

23     L-Istat Membru rikorrenti jammetti li l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament in kwistjoni, moqrija flimkien ma' l-Anness I ta' dan ta' l-aħħar, fihom ċertu numru ta' kundizzjonijiet uniformi li t-taħwir bl-affumikazzjoni għandhom jissodisfaw. Madankollu, dawn l-elementi m' humiex ekwivalenti għal ġabra ta' normi relatati ma' dawn is-sustanzi li fil-kuntest tagħhom il-proċedura ta' evalwazzjoni tikkonsisti biss f'li tivverifika prodotti b'relazzjoni ma' serje ta' kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament. Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) tiegħu, tgħid li dawn il-prodotti m'għandhom jippreżentaw ebda riskju għas-saħħa umana, hija kundizzjoni importanti imma mhux preċiża biżżejjed. Bl-istess mod, il-metodi ta' produzzjoni elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament huwa l-bogħod milli jikkostitwixxu lista eżawrjenti.

24     Ir-Renju Unit isostni li l-Awtorità, fil-mument li ħolqot opinjoni fuq il-kwistjoni jekk prodott determinat ma jippreżenta ebda riskju għall-konsum uman, u l-Kummissjoni, fil-mument li adottat deċiżjoni rigward dan is-suġġett, m'għandhiex tillimita ruħha li teżamina jekk il-metodi ta' produzzjoni elenkati fl-Anness I tar-Regolament in kwistjoni ġew irrispettati. Skond dan, huwa neċessarju li tagħti informazzjoni li tmur lil hinn jew minn sempliċi dimostrazzjoni ta' rispett lejn dan l-anness, bħal, b'mod partikolari, id-dettalji dwar il-kompożizzjoni kimika tal-prodott primarju u tad-data tossikoloġika.

25     Għandu jingħad ukoll f'dan ir-rigward li l-kunsiderazzjoni tal-metodi ta' produzzjoni stabbiliti f'dan l-Anness ma jiggarantixxix li l-prodott huwa tajjeb għall-konsum uman. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tas-sigurtà tiegħu mill-Awtorità u "l-amministrazzjoni tar-riskji" mill-Kummissjoni jeħtieġ analiżi approfondita ta' l-esperti fil-materja.

26     Ir-Renju Unit jikkonkludi li l-unika bażi ġuridika xieraqa għall-adozzjoni tar-Regolament in kwistjoni huwa l-Artikolu 308KE.

27     Il-Parlament isostni li r-Regolament in kwistjoni jarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw it-taħwir bl-affumikazzjoni fl-ikel u li l-Artikolu 95KE jikkostitwixxi bażi ġuridika xierqa u suffiċjenti għall-istabbiliment tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni prevista minn dan ir-Regolament.

28     Il-Parlament josserva li l-Artikolu 95KE ma jirrikjedix li l-miżuri mwaqqfa jarmonizzaw huma stess id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. Fil-fatt, approssimazzjoni ġuridika tagħhom tista' tiġi operata kemm mil-leġiżlazzjoni stess, kemm minn atti adottati bis-saħħa ta' l-aħħar, kemm minn waħda jew mill-oħrajn. Din id-dispożizzjoni ma timponix fuq il-leġiżlatur Komunitarju li jwaqqaf bid-dettalji kollha miżuri ta' "approssimazzjoni" tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri u jħallulu marġini ta' evalwazzjoni fir-rigward tat-teknika leġiżlattiva li għandu jsegwi, partikolarment fil-każ ta' stabbiliment ta' lista armonizzata ta' prodotti awtorizzati, bil-kundizzjonjoni li l-elementi essenzjali tal-materja li għandha tiġi rregolata jinsabu fl-att ta' bażi.

29     Huwa jżid ukoll f'dan ir-rigward li l-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex marbut li jistabbilixxi b'mod eżawrjenti, fil-leġiżlazzjoni primarja, serje ta' kriterji li jippreżentaw karattru daqshekk preċiż li jistgħu jiġu applikati minnhom stess.

30     Il-Parlament isostni li r-Regolament in kwistjoni jopera approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-aspetti l-aktar fundamentali ta' l-użu u ta' l-implementazzjoni fuq is-suq tat-taħwir bl-affumikazzjoni, jiġifieri d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġetti l-użu ta' dawn it-taħwir fi jew fuq l-ikel u l-projbizzjoni tat-tqiegħid fis-suq ta' taħwir bl-affumikazzjoni mhux awtorizzat jew li ma jirrispettax dawn il-kundizzjonijiet.

31     Din l-istituzzjoni ssostni li n-nuqqas ta' approċċ komuni ta' l-evalwazzjoni tas-sigurtà tat-taħwir bl-affumikazzjoni jimplika li l-leġiżlatur Komunitarju ma kienx fil-pożizzjoni, għal raġunijiet xjentifiċi oġġettivi, li jistabbilixxi, fl-istess test tar-Regolament in kwistjoni, lista eżawrjenti tal-prodotti awtorizzjati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex jassigura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa umana u sabiex jiggarantixxi fl-istess ħin il-moviment libertu tal-prodotti li fihom it-taħwir bl-affumikazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien obbligat li jipprevedi li l-lista tal-prodotti awtorizzati tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tossikoloġika ta' kull wieħed mill-prodotti kkonċernati u li tinkariga lill-Kummissjoni b'din il-missjoni.

32     Il-Parlament iqis li xejn fir-Regolament in kwistjoni ma jippermetti li jiġi sostnut li l-proċedura ta' evalwazzjoni tikkostitwixxi ħaġa oħra ħlief mezz għal għan, jiġifieri l-istabbiliment ta' lista armonizzata ta' prodotti primarji awtorizzati, irrikonoxxuta fil-Komunità kollha, bl-għan li ttejjeb il-funzjoni tas-suq intern.

33     Il-Kunsill jikkunsidra li r-Regolament in kwistjoni jaqa' taħt il-qasam ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 95KE, minħabba li jistabbilixxi normi materjali armonizzanti li jikkonċernaw il-kontenut tat-taħwir bl-affumikazzjoni billi jippreskrivi t-tip ta' prodotti primarji li minnhom l-affumikazzjoni għandha ssir. Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll regoli armonizzanti oħra li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tal-prodotti primarji, il-kundizzjonijiet materjali armonizzati li tirregola il-provi xjentifiċi neċessarji sabiex tintalab l-awtorizzazzjoni ta' inklużjoni fil-lista pożittiva ta' prodotti primarji ddestinati sabiex jiġu użati fit-taħwir bl-affumikazzjoni, l-effetti ta' l-awtorizzazzjonijiet kif ukoll l-aċċess tal-pubbliku għad-data rilevanti, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' din id-data.

34     Din l-istituzzjoni tosserva li r-Regolament in kwisjtoni b'hekk ma jidderogax mill-prinċipju li jirregola l-leġiżlazzjoni Komuntarja dwar l-oġġetti ta' l-ikel li skond din għandu distinzjoni bejn l-istabbiliment ta' perizja xjentifika indipendenti (evalwazzjon tar-riskji) u t-teħid ta' deċiżjoni (amministrazzjoni tar-riskji).

35     Il-Kunsill isostni li l-awtorizzazzjoni, għall-Komunità kollha, ta' prodotti bħal ma huma t-taħwir bl-affumikazzjoni tirrikjedi evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi. Ikun pratikament impossibbli li jiġi elaborat strument leġiżlattiv li fih il-paratmetri tekniċi kollha jkunu deskritti b'mod daqshekk iddettaljat li kull marġini ta' evalwazzjoni tneħħiet titneħħa matul dawn l-evalwazzjonijiet.

36     Il-Kunsill jammetti li, meta l-kompetenzi ta' eżekuzzjoni huma ddelegati, għandu jinħares ir-rispett lejn il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 202KE kif ukoll fid-Deċiżjoni 1999/468. Dan japplika, b'mod partikolari, għall-obbligu li jiġu stabbiliti l-"elementi essenzjali" tal-materja li għandha tiġi rregolata. Peress li huma kwistjonijiet tekniċi kumplessi, il-leġiżlatur huwa awtorizzat jagħti lill-Kummissjoni kompetenzi ta' eżekuzzjoni wiesgħa u, konsegwentement, il-kunċett ta' "elementi essenzjali" ' m'għandux jiġi interpretat b'mod ristrett. F'dan il-każ, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni ma tkun xejn ħlief proċedura ddestinata li tinkludi fil-lista pożittiva, permezz ta' mezzi ta' eżekuzzjoni, is-sustanzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' bażi stabbiliti mir-Regolamenti in kwistjoni.

37     Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 95KE jagħmel riferiment għal termini ġenerali għal "miżuri għall-approssimazzjoni" tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, pjuttost milli għal "miżuri ta' approssimazzjoni". Filwaqt li din l-aħħar espressjoni tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet li jipproċedu direttament għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, l-ifformular ta' din id-dispożizzjonijiet hija ħafna aktar wiesgħa u tħalli miftuħa l-kwistjoni tat-teknika leġiżlattiva li għandha tintagħżel sabiex wieħed jasal għal dan ir-riżultat. Fil-fatt, l-unika kundizzjoni li għaliha kien suġġett ir-rikors fl-Artikolu 95KE kien li l-miżuri adottati għandhom "jimmiraw" lejn approssimazzjoni tad-dispożizzjonijet nazzjonali, fis-sens li huma għandhom iwasslu għal approssimazzjoni, imma, bla ħsara għar-rispett ta' dan il-kriterju, il-leġiżlatur Komunitarju jista' jagħżel il-mekkaniżmu l-aktar xieraq għal ċirkustanzi speċifiċi.

38     Skond il-Kummissjoni, jirriżulta li miżura adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95KE tista' perfettament tinkludi proċess f'żewġ fażijiet tat-tip ta' dak stabbilit mir-Regolament in kwistjoni, li fih proċedura ta' awtorizzazzjoni mhijiex implementata ħlief bl-għan li toħloq lista armonizzata ta' prodotti primarji awtorizzati, bħala objettiv finali, minħabba li dan kien jirrigwarda miżura li twassal direttament għal approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti kkonċernati.

39     Din l-istituzzjoni ssostni li dan il-proċess f'żewġ fażijiet jikkostitwixxi, f'dan il-każ, proċedura proporzjonata u xjentifikament fondata, minħabba li huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista li hija kemm iddettaljata, miftuħa u li tista' tiġi emendata skond l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi. Fil-fatt, kien ikun impossibbli – u nieqes minn kull sens – li tirregola fit-test stess tar-Regolament in kwistjoni lista tal-prodotti primarji awtorizzati kollha.

40     Il-Kummissjoni tikkonkludi li, meta wieħed jikkunsidra l-bosta restrizzjonijiet tekniċi ta' l-evalwazzjonijiet tossikoloġiċi neċessarji, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-obbligu li jipprevedi sistema li tinkludi evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti primarji każ b'każ u l-istabbiliment progressiv ta' lista armonizzata, fuq il-bażi tal-kriterji materjali msemmija fir-Regolament in kwistjoni.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq il-portata ta' l-Artikolu 95KE

41     L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta jeżistu ostakli għall-kummerċ, jew meta huwa probabbli li ostakli bħal dawn jistgħu jitfaċċaw fil-futur, minħabba l-fatt li l-Istati Membri ħadu, jew ikunu ser jieħdu, fir-rigward ta' prodott jew ta' kategorija ta' prodotti, miżuri diverġenti ta' natura li jiġi assigurat livell ta' protezzjoni differenti u minħabba dan il-fatt iwaqqaf il-prodotti jew il-prodotti kkonċernati li jiċċirkulaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95KE jawtorizza lil-leġiżlatur Komunitarju li jintervjeni billi jieħu l-miżuri xierqa fir-rispett, minn naħa, tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji ġuridiċi msemmija fit-Trattat KE jew ikkjarifikati mill-ġurisprudenza (sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 34, u Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 33, u tat-12 ta' Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 32).

42     Fil-każ in eżami, skond l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-ħames premessa tar-Regolament u li r-Renju Unit ma jikkontestax, kien hemm fil-mument ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, differenzi bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi nazzjonali li jkkonċernaw l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni, li setgħu jostakolaw il-moviment liberu ta' dawn it-taħwir bl-affumikazzjonijiet, filwaqt li joħolqu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni inġusti u mhux leali.

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, intervent tal-leġiżlatur Komunitarju bbażat fuq l-Artikolu 95KE huwa ġġustifikat għal dak li jikkonċerna t-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew iddestinat sabiex jiġi użat fi jew fuq l-ikel.

44     Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, bħal ma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni mhijiex użata bħala bażi ġuridika ħlief meta jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att ġuridiku li dan ta' l-aħħar għandu bħala għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' l-istabbiliment u l-funzjoni tas-suq intern.

45     Għandu sussegwentement jiġi osservat li permezz ta' l-espressjoni "miżuri għall-approssimazzjoni" li tinsab fl-Artikolu 95KE, l-awturi tat-Trattat xtaqu jagħtu lill-leġiżlatur Komunitarju, fil-funzjoni tal-kuntest ġenerali u taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-materja li għandha tiġi armonizzzata, marġini ta' evalwazzjoni fir-rigward tat-teknika ta' approssimazzjoni l-aktar xierqa sabiex twassal għar-riżultat mixtieq, partikolarment fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi.

46     Dan il-marġini ta' evalwazzjoni jista' jiġi użat partikolarment sabiex tintagħżel it-teknika ta' armonizzazzjoni l-aktar xierqa meta l-approssimazzjoni prevista tirrikjedi analiżi fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi kif ukoll il-kunsiderazzjoni ta' l-iżviluppi xjentifiċi relatati mal-materja kkonċernata. Tali evalwazzjonijiet rigward is-sigurtà tal-prodotti jirrispondu fil-fatt għall-obbjettif mogħti lil-leġiżlatur Komunitarju permezz ta' l-Artikolu 95(3)KE, li huwa li jassigura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa.

47     Għandu jingħad fl-aħħar li, meta l-leġiżlatur Komunitarju jipprevedi armonizzazzjoni li hija kkaratterizzata minn bosta stadji li jikkonsistu, per eżempju, fl-istabbiliment ta' ċertu numru ta' kriterji essenzjali, imsemmija fir-Regolament ta' bażi, kif ukoll, sussegwentement, fl-evalwazzjoni xjentifika relatata mas-sustanzi kkonċernati u l-adozzjoni ta' lista poiżittiva ta' sustanzi awtorizzati fil-Komunità kollha, żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti.

48     Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li jiddetermina, fuq l-att ta' bażi, l-elementi essenzjali tal-miżura ta' armonizzazzjoni li tkun.

49     Fit-tieni lok, il-mekkaniżmu ta' implementazzjoni ta' dawn l-elementi għandu jiġi kkunsidrat b'mod li jwassal għal armonizzazzjoni skond l-Artikolu 95KE. Dan iseħħ meta l-leġiżlatur Komunitarju jistabbilixxi mekkaniżmi ddettaljati li permezz tagħhom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet f'kull stadju ta' tali proċedura ta' awtorizzazzjoni u jiddetermina u jiġbor bi preċiżjoni s-setgħat tal-Kummissjoni, bħala l-entità li għandha tieħu d-deċiżjoni finali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-armonizzazzjoni in kwistjoni tikkonsisti fl-istabbiliment ta' lista ta' prodotti awtorizzati għall-Komunità kollha bl-esklużjoni ta' kull prodott ieħor.

50     Tali interpretazzjoni ta' l-Artikolu 95 hija barra minn hekk korroborata mill-fatt li, skond it-termini stess, ifformulati fil-paragrafi 4 u 5 ta' din id-dispożizzjoni jirrikonoxxu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri ta' armonizzazzjoni. Fil-fatt, ir-referenza għal din is-setgħa tal-Kummissjoni f'dawn il-paragrafi, moqrija flimkien mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, ifisser att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95KE skond il-proċedura ta' ko deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 251KE, tista' tillimita ruħha li tiddefinixxi d-dispożizzjonijiet essenzjali għat-twettiq ta' l-għanijiet marbuta ma' l-istabbiliment u l-funzjoni tas-suq intern fil-qasam ikkonċernat, filwaqt li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri ta' armonizzazzjoni li jinneċessitaw l-eżekuzzjoni ta' l-att leġiżlattiv in kwistjoni.

 Fuq il-kwalifika tar-Regolament in kwistjoni bħala miżura ta' armonizzazzjoni skond l-Artikolu 95KE

51     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament in kwistjoni jissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet mfakkra fil-punti 50 u 51 ta' din is-sentenza sabiex jiġu kkunsidrati bħala miżura ta' armonizzazzjoni skond l-Artikolu 95KE.

52     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-materja armonizzata mir-Regolament in kwisjtoni tippreżenta karatteristiċi mfakkra fil-punt 46 ta' din is-sentenza. Fil-fatt, is-sitt sad-disa' premessi tar-Regolament jikkunsidraw il-karatteristiċi għat-taħwir bl-affumikazzjoni għall-użu fi jew fuq l-ikel, b'mod partikolari l-kumplessità tal-kompożizzjoni kimika ta' l-affumikazzjoni, il-karatteristiċi eventwalment tossiċi ta' dawn is-sustanzi u l-mekkaniżmi ta' produzzjoni relatati magħhom.

53     Fir-rigward ta' l-ewwel kundizzjoni, imsemmija fil-punt 48 ta' din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-Regolament jinkludix l-elementi essenzjali li jikkonċernaw l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi ta' l-Istati Membri rigward il-karatteristiċi tat-taħwir bl-affumikazzjoni użat fi jew fuq l-ikel.

54     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-termini ta' l-Artikolu 1(2) tiegħu, ir-Regolament in kwistjoni jiddefinixxi l-parametri għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' kondensati primarji tad-duħħan u ta' frazzjonijiet primarji tal-qatran jew intiż li jiġi użat bħala tali fi jew fuq ikel, jew għall-produzzjoni tat-taħwir bl-affumikazzjoni derivat, għall-użu fi jew fuq l-ikel.

55     Minbarra dan, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta' l-istess Regolament, iż-żewġ kundizzjonijiet fundamentali ta' sigurtà imsemmija f'din id-dispożizzjoni għandhom jiġu rrispettati qabel ma' t-taħwir bl-affumikazzjoni jistgħu ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni rrikonoxxuta fil-Komunità kollha. L-użu tagħhom fi jew fuq l-ikel fil-fatt ma jistax jiġi awtorizzat ħlief jekk kien jintwera n-nuqqas ta' riskju għas-saħħa umana. Minbarra dan, l-awtorizzazzjoni mhijiex mogħtija ħlief jekk l-użu ta' dawn is-sustanzi ma twassalx lill-konsumaturi li jiżbaljaw.

56     Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament in kwistjoni jipprevedi numru kbir ta' kundizzjonijiet li jrid jissodisfa l-injam użat għall-produzzjoni tal-prodotti primarji. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni tal-prodotti primarji, il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiddisponi li dawn huma stabbiliti fl-Anness I ta' l-istess Regolament, li jiddefinixxi t-tip ta' prodotti li minnhom jista' jinkiseb l-affumikazzjoni, l-ingredjenti ammissibbli fil-proċess ta' kombustjoni, l-ambjent meħtieġ, l-għola temperatura ta' kombustjoni, il-metodu li permezz tiegħu l-affumikazzjoni għandu jiġi kondensat, il-kompożizzjoni kimika tal-kondensati u l-kontenut massimu f'ċerti sustanzi kif ukoll l-elementi oħra rigward il-proċess ta' produzzjoni.

57     L-informazzjoni relatata ma' l-evalwazzjoni xjentifika tal-prodotti primarji għandhom barra minn hekk jinsabu fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fformulata skond l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament li jinqara flimkien ma' l-Anness II tiegħu. Minbarra dan, l-Artikoli 9(4) sa (6) u 13 sa 16 tar-Regolament in kwistjoni jistabbilixxu r-regoli armonizzati li jikkonċernw l-effetti ta' l-awtorizzazzjoni adottata, id-drittjiet u l-obbligi li jirriżultaw, l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodotti primarji, kif ukoll l-aċċess tal-pubbliku, il-kunfidenzjalità ta' ċerti informazzjoni u l-protezzjoni tad-data.

58     Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li r-Regolament in kwistjoni jinkludi l-elementi essenzjali li jikkaratterizzaw miżura ta' armonizzazzjoni.

59     Jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, dan ir-Regolament m'għandux bħala effett li jarmonizza b'mod kumplementari s-suq intern, (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-209/97, Ġabra p. I-8067, punt 35), imma huwa intiż għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-taħwir bl-affumikazzjoni.

60     Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, imsemmija fil-punt 49 ta' din is-sentenza, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura ta' awtorizzazzjoni Komunitarja prevista mir-Regolament in kwistjoni hija ddefinita fl-Artikolu 19(2) tiegħu, li jagħmel riferiment għall-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468, bħala "proċedura regolatorja".

61     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-Artikolu 7 sa 9 tar-Regolament in kwistjoni, wara l-introduzzjoni ta' talba intiża għad-dħul ta' prodott primarju fil-lista pożittiva u t-trażmissjoni ta' din l-appikazzjoni mill-entità nazzjonali kompetenti lill-Awtorità, hija kompetenza tagħha u tal-Kummissjoni li japplikaw lil dan il-prodott il-kriterji ta' evalwazzjoni msemmija fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, li jinqraw flimkien ma' l-Anness I u II tiegħu.

62     Jirriżulta minn tali kuntest ġuridiku li l-inkarigi mogħtija lill-Awtorità u lill-Kummissjoni huma mhux biss definiti b'mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament in kwistjoni imma wkoll li l-proċedura prevista minnu twassal għall-adozzjoni tal-lista pożittiva tas-sustanzi awtorizzati fil-Komunità kollha.

63     Għaldaqstant, il-proċedura prevista minn dan ir-Regolament tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex twassal għall-approssimazzjoni mixtieqa, jiġifieri għall-istabbiliment ta' lista pożittiva ta' sustanzi awtorizzati fil-Komunità kollha.

64     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi ġustament konkluż li r-Regolament in kwistjoni huwa fondat fuq l-Artikolu 95KE. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

65     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Renju Unit tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill. Skond il-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem 


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.