SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Mejju 2005(*)

"Appell – Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Reklutaġġ – Titwil tal-perijodu ta' prova – Tkeċċija mill-impjieg matul il-perijodu ta' prova"

Fil-kawża C-301/02 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2002,

Carmine Salvatore Tralli, ex-impjegat tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti f'Nidderau (il-Ġermanja), irrappreżentat minn N. Pflüger, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat minn V. Saintot u M. Benisch, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta (Relatur), S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Ġunju 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Far 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tiegħu, Carmine Salvatore Tralli qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta' Ġunju 2002, Tralli vs Il-BĊE (T-373/00, T-27/01, T 56/01 u T 69/01), Ġabra SP p. I-A-97 u II-453, aktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha dik il-Qorti ċaħdet ir-rikorsi tiegħu intiżi għall-annullament ta' ċertu numru ta' atti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

 Il-kuntest ġuridiku

2       Il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, annessi mat-Trattat KE (aktar 'il quddiem l-"Istatut tas-SEBĊ"), jinkludi, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet segwenti:

"Artikolu 12

[ ... ]

12.3      Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi deċiżjonali tiegħu.

[ ... ]

Artikolu 36

Persunal

36.1 Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew.

[ ... ]"

3       Abbażi ta' l-Artikolu 36.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju adotta, fil-31 ta' Marzu 1999, emenda tad-deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 1998 dwar l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 125, p. 32, aktar 'il quddiem il-"Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg"). Dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti kkontestati jipprovdu, b'mod partikolari, li:

"9.      (a)   Ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu huma rregolati permezz tal-kuntratti tax-xogħol konklużi skond dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg. Ir-Regoli applikabbli għall-Persunal adottati mill-Bord Eżekuttiv jippreċiżaw it-termini dettaljati ta' dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

[ .... ]

10.       (a)   Il-kuntratti tax-xogħol bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu għandhom isiru fil-forma ta' ittri ta' ħatra li jiġu ffirmati wkoll mill-impjegati [...].

       (b)   Il-ħatriet jistgħu jkunu akkumpanjati minn perijodu ta' prova li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet previsti fir-Regoli applikabbli għall-Persunal. Il-perijodu ta' prova fl-ebda każ ma jista' jkun ta' aktar minn tnax-il xahar.

11.      (a)   Il-BĊE jista' jtemm il-kuntratti konklużi ma' l-impjegati tiegħu, abbażi ta' deċiżjoni motivata tal-Bord Eżekuttiv, skond il-proċedura stabbilita fir-Regoli applikabbli għall-Persunal u għar-raġunijiet segwenti:

(i)      Fil-każ ta' inkompetenza professjonali persistenti [ ... ].

[ ... ]

41.      Il-membri tal-persunal jistgħu, billi jirrikorru għall-proċedura stabbilita fir-Regoli applikabbli għall-Persunal, jissottomettu lill-amministrazzjoni, bil-għan li jsir eżami prekontenzjuż, ilmenti u kwereli li din ta' l-aħħar għandha teżamina mill-perspettiva ta' kemm l-atti adottati f'kull każ individwali huma koerenti mal-politika tal-persunal u mal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg tal-BĊE. Jekk il-membri tal-persunal ma jkunux ħadu sodisfazzjoni minn dan l-istħarriġ amministrattiv prekontenzjuż, huma jistgħu jirrikorru għall-proċedura ta' l-ilment stabbilita fir-Regoli applikabbli għall-Persunal.

Il-proċeduri msemmija aktar 'il fuq ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi kkontestata:

[...]

(iii) kwalunkwe deċiżjoni li ma tikkonfermax il-ħatra ta' membru tal-persunal li jkun taħt perijodu ta' prova.

42.      Wara li jkun sar rikors għall-proċeduri interni kollha disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tisma' kull kwistjoni bejn il-BĊE u membru jew ex-membru tal-persunal tiegħu li għalih japplikaw dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

Tali ġurisdizzjoni għandha tkun limitata għall-eżami tal-legalita' tal-miżura jew tad-deċiżjoni, ħlief jekk il-kwistjoni tkun ta' natura finanzjarja, f'liema każ il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4       Abbażi ta' l-Aritkolu 12.3 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju adotta, fl-1999, ir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE (ĠU L 125, p. 34, rettifika ĠU L 273, 2000, p. 40, aktar 'il quddiem ir-"Regoli tal-Proċedura"). Taħt it-titolu "Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg", l-Artikolu 21 ta' dawn ir-Regoli jipprovdi li:

"21.      Ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu ddefiniti permezz tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg u tar-Regoli applikabbli għall-Persunal.

21.2 Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv, għandu japprova u jemenda l-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi kkonsultat skond il-proċedura prevista minn dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

21.3      Il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg għandhom jiġu implementati permezz tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, li għandhom jiġu adottati u emendati mill-Bord Eżekuttiv.

21.4      Ir-rappreżentanti tal-persunal għandhom jiġu kkonsultati qabel ma jiġu adottati Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ġodda jew Regoli applikabbli għall-Persunal ġodda. L-opinjoni tagħhom għandha tiġi ppreżentata quddiem il-Kunsill Regolatorju jew quddiem il-Bord Eżekuttiv." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Abbażi ta' l-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u ta' l-Artikolu 9(a), tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE adotta l-"European Central Bank Staff Rules" (aktar 'il quddiem "ir-Regoli applikabbli għall-Persunal"), li b'mod partikolari jipprovdu li:

"2.1 Perijodu ta' prova

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(b) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg huma s-segwenti:

2.1.1 Il-ħatriet huma akkumpanjati minn perijodu ta' prova ta' tliet xhur sakemm il-Bord Eżekuttiv ma jirrinunzjax għall-perijodu ta' prova. F'każijiet eċċezzjonali, il-Bord Eżekuttiv jista' jiffissa perijodu ta' prova ta' aktar minn tliet xhur, konformement mal-paragrafu 2.1.2 (a), hawn taħt.

[...]

2.1.2 Meta, waqt il-perijodu ta' prova, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista' teżerċita d-dmirijiet tagħha, minħabba mard, inċident, leave tal-maternità jew, f'każijiet eċċezzjonali, leave speċjali, għal perijodu ta' aktar minn xahar, il-Bord Eżekuttiv jista' jtawwal il-perijodu ta' prova b'perijodu korrispondenti.

Barra minn dan, il-Bord Eżekuttiv jista', f'każijiet eċċezzjonali:

a) itawwal il-perijodu ta' prova għal perijodu ta' mhux aktar minn tnax-il xahar; jew

b) itawwal il-perijodu ta' prova għal perijodu ta' mhux aktar minn tnax-il xahar, filwaqt li l-persuna kkonċernata tingħata dmirijiet oħra.

2.1.3 Matul il-perijodu ta' prova, il-Bord Eżekuttiv jista' jtemm il-kuntratt, permezz ta' avviż minn xahar qabel, fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx adegwata jew tkun professjonalment inkompetenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Permezz tad-Deċiżjoni BĊE/1997/7 (1999/811/KE), tat-12 ta' Ottubru 1999, il-BĊE adotta, abbażi ta' l-Artikoli 8 u 24 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (ĠU, L 314, p. 34).

7       L-imsemmija deċiżjoni tikkunsidra li kien "meħtieġ li tiġi adottata [ ... ] proċedura sabiex ikunu jistgħu jiġu ddelegati s-setgħat li tirrispetta [ ... ] il-prinċipju tar-responsabbilità kollettiva tal-Bord Eżekuttiv." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Din id-deċiżjoni b'mod partikolari tipprovdi li:

"Artikolu 1

Natura supplementari ta' din id-deċiżjoni

Din id-deċiżjoni għandha tissupplimenta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. It-termini użati f'din id-deċiżjoni għandhom l-istess tifsira mogħtija fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

[ ... ]

Artikolu 5

Delega tas-setgħat

1.      Il-Bord Eżekuttiv jista' jawtorizza wieħed jew aktar mill-membri tiegħu sabiex jadotta, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, miżuri ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni definiti b'mod ċar u, b' mod partikolari, atti preparatorji għal deċiżjoni li sussegwentament għandha tittieħed kollettivament mill-membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll atti intiżi għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet finali meħuda mill-Bord Eżekuttiv.

2.      Il-Bord Eżekuttiv jista' wkoll jitlob lil wieħed jew aktar mill-membri tiegħu, bi qbil mal-President, sabiex jadotta (a) it-test finali ta' att kif iddefinit fl-Artikolu 5(1), bil-kundizzjoni li l-kontenut ta' dan l-att kien diġà ġie ddeterminat matul id-deliberazzjonijiet tiegħu, u/jew (b) deċiżjonijiet finali, li fir-rigward tagħhom din id-delega tinvolvi setgħat eżekuttivi limitati u ddefiniti b'mod ċar, li l-eżeċizzju tagħhom huwa suġġett għal kontroll strett abbażi ta' kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Bord Eżekuttiv.

3.      Id-delegi u d-deċiżjonijiet addotatti skond l-Artikolu 5(1) u (2), għandhom jiġu mniżżla fil-minuti tal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

4.      Is-setgħat iddelegati b'dan il-mod jistgħu jiġu sub-delegati biss jekk fid-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jkun hemm dispożizzjoni speċifika f'dan ir-rigward.

[ ... ]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9       Fl-10 ta' Marzu 2000, il-BĊE ppubblika avviż ta' post vakanti għal uffiċjal tas-sigurtà li d-dmirijiet tiegħu kellhom essenzjalment jikkonsistu fis-sorveljanza ta' l-aċċess għall-bini tal-BĊE u fit-twettiq ta' kontrolli ta' sigurtà waqt il-ħinijiet tal-ftuħ.

10     Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2000, ir-rikorrent ġie magħżul sabiex mill-1 ta' Lulju 2000 jibda jaqdi dawn id-dmirijiet. F'din l-ittra ta' ħatra kien hemm indikat li l-kuntratt tax-xogħol tal-persuna kkonċernata kien irregolat mill-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg u mir-Regoli applikabbli għall-Persunal u li din il-persuna kienet suġġetta għall-perijodu ta' prova ta' tliet xhur.

11     Fil-21 ta' Awwissu 2000, waqt intervista, is-superjur dirett tar-rikorrent informa lil dan ta' l-aħħar li s-servizzi mogħtija minnu ma kinux jikkorrispondu mal-livell li l-inkarigu in kwistjoni kien jitlob.

12     Il-kwalità ta' l-imsemmija servizzi kienet ukoll is-suġġett ta' intervista li saret fl-1 ta' Settembru 2000 bejn ir-rikorrent, is-superjur dirett tiegħu u żewġ kollaboraturi oħra, wieħed minnhom il-koordinatur tas-sigurtà tal-BĊE.

13     Fit-8 ta' Settembru 2000, ir-rikorrent irċieva kopja ta' nota interna fejn il-koordinatur tas-sigurtà tal-BĊE talab lill-imsemmi superjur dirett sabiex itawwal il-perijodu ta' prova. F'din in-nota, kien indikat li dan il-perijodu supplementari ta' prova kien meħtieġ minħabba r-rendiment professjonali inkompetenti tar-rikorrent u sabiex dan ikun jista' jirċievi aktar taħriġ f'dak li jirrigwarda kemm id-dmirijiet prinċipali tiegħu, kif ukoll is-sistema tas-sigurtà tal-BĊE. Skond din in-nota, ir-rikorrrent kien ikkonferma r-rieda tiegħu li jieħu sehem f'dan it-taħriġ u li jaċċetta li l-perijodu ta' prova tiegħu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2000. Ir-rikorrent ikkonferma bil-miktub fuq din in-nota li huwa kien ħa nota tagħha.

14     Fit-18 ta' Settembru 2000, il-BĊE, permezz ta' ittra, innotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni li l-perijodu ta' prova tiegħu kien qiegħed jiġi mtawwal sal-31 ta' Diċembru 2000 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova"). Dan ta' l-aħħar ġie wkoll informat li d-deċiżjoni li tikkonferma l-ħatra tiegħu kienet tiddependi fuq il-livell tar-rendiment professjonali tiegħu matul dan il-perijodu ta' prova mtawwal.

15     Permezz ta' ittra tad-29 ta' Novembru 2000, innotifikata lir-rikorrent fl-istess ġurnata u ffirmata mid-Direttur Ġenerali ta' l-Amministrazzjoni u tal-Persunal kif ukoll mill-Kap tad-Diviżjoni ta' l-Iżvilupp tal-Persunal, ir-rikorrent ġie informat bid-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv li ttemm il-kuntratt tiegħu b'effett mill-31 ta' Diċembru 2000 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tat-tkeċċija"). Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li, anke matul il-perijodu mtawwal ta' prova, ir-rendiment professjonali tar-rikorrent ma kienx tjieb biżżejjed sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet minimi mitluba mill-inkarigu in kwistjoni. B'mod partikolari, ir-rikorrent kien wera nuqqasijiet fit-tħaddim tas-sistema ta' sigurtà tal-BĊE u fir-rigward tar-rispett ta' regoli u proċeduri amministrattivi u organizzattivi tax-xogħol.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

16     Permezz ta' rikors tat-12 ta' Diċembru 2000, ir-rikorrent ppreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (kawża T-373/00), fejn, b'mod partikolari, talab l-annullament tad-deċiżjoni tat-tkeċċija.

17     Barra minn dan, ir-rikorrent ippreżenta tliet rikorsi oħra li, b'mod partikolari, kienu intiżi sabiex:

–       tiġi annullata d-deċiżjoni tal-President tal-BĊE li ma laqgħetx l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova (kawża T-27/01);

–       jiġi kkonstatat li l-President tal-BĊE kien illegalment baqa' lura milli jieħu pożizzjoni dwar it-talba tiegħu sabiex id-deċiżjoni tat-tkeċċija tiġi mistħarrġa (kawża T-56/01) u

–       tiġi annullata d-deċiżjoni tal-President tal-BĊE li tiċħad l-ilment li huwa ressaq kontra d-deċiżjoni tat-tkeċċija (kawża T-69/01).

18     Permezz tad-digriet tal-15 ta' Jannar 2002, dawn id-diversi rikorsi ġew magħqudin għall-finijiet tal-proċedura orali. Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza għaqqdet dawn ir-rikorsi għall-finijiet tas-sentenza, ċaħdet ir-rikors fil-kawża T-373/00 u kkonstatat li ma kienx għad hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-kawżi T-27/01, T-56/01 u T-69/01.

19     Permezz ta' l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fil-kawża T-373/00, kull parti kellha tbati l-ispejjeż tagħha u li, fil-kawżi T-27/01, T-56/01 u T-69/01, ir-rikorrent kellu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll terz ta' l-ispejjeż tal-BĊE.

 Is-sentenza kkontestata

20     Il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tiċħad fuq il-mertu r-rikors fil-kawża T-373/00, ikkunsidrat li, l-ewwel nett, l-eċċezzjoni ta' illegalità ppreżentata mir-rikorrent fir-rigward tar-regoli ta' delega ta' setgħat li l-BĊE adotta fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal ma kinitx fondata. F'dan ir-rigward hija pprovdiet is-segwenti raġunijiet:

"43       Skond ir-rikorrent, ir-Regoli applikabbli għall-Persunal huma neqsin minn bażi legali. Fil-fatt, dawn jirrigwardaw is-sistema applikabbli għall-persunal tal-BĊE u għalhekk kellhom jiġu adottati, skond l-Artikolu 36.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, mill-Kunsill Regolatorju fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv u mhux mill-Bord Eżekuttiv li ma kellux kompetenza f'dan il-qasam.

44       F'dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi osservat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza X vs BĊE, [sentenza tat-18 ta' Ottubru 2001, X vs BĊE, T-333/99, Ġabra SP p. I-A-199 u II-921; Ġabra p. II-3021] [...], il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha quddiema eċċezzjoni ta' illegalità li kellha l-istess suġġett bħal dak invokat mir-rikorrent f'dan il-każ. Issa, f'dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 96 sa 109, li r-Regoli applikabbli għall-Persunal mhumiex ivvizzjati mill-irregolaritajiet allegati mir-rikorrent, b'mod partikolari safejn, fl-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, il-Kunsill Regolatorju ddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, jiġifieri r-Regoli applikabbli għall-Persunal".

21     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, it-tieni nett, li lanqas il-motiv, sostnut mir-rikorrent u bbażat kemm fuq il-ksur tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg u tar-Regoli applikabbli għall-Persunal kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ma kien fondat.

22     Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, qabel kollox, li dan il-motiv kien maqsum f'żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova u, min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tat-tkeċċija. Wara dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat kull wieħed mill-ilmenti msemmija f'dawn iż-żewġ partijiet.

23     Għalhekk, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza l-ewwel nett ikkunsidrat li d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova kienet ġiet adottata b'mod konformi mar-regoli proċedurali applikabbli f'dan il-każ. It-tieni nett, hija ddeċidiet, fil-punti 51 u 52 ta' dik is-sentenza, li l-BĊE seta' jtawwal dan il-perijodu ta' prova. It-tielet nett, hija osservat, fil-punti 56 u 57 ta' l-istess sentenza, li l-BĊE seta' jikkunsidra li kien hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li kienu jippermettu t-titwil tal-perijodu ta' prova, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal. F'dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tat-tkeċċija, il-Qorti tal-Prim'Istanza l-ewwel nett osservat, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrent kien informat dwar l-ilmenti magħmula fir-rigward tal-kwalità ta' l-għarfien u tas-servizzi professjonali tiegħu. It-tieni nett, fil-punt 73 ta' dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li ma kien hemm l-ebda element li seta' jagħti l-wieħed x'jifhem li r-rikorrent ma kellux l-opportunità li jaħdem il-perijodu ta' prova tiegħu f'ċirkustanzi normali. It-tielet nett, hija sostniet, fil-punt 81 ta' l-istess sentenza, li ma jistax jiġi lmentat li l-BĊE temm il-kuntratt tar-rikorrent bi ksur tad-drittijiet ta' dan ta' l-aħħar.

24     Fl-aħħar nett, sabiex tikkundanna lir-rikorrent ibati kemm l-ispejjeż tiegħu kif ukoll terz mill-ispejjeż tal-BĊE fil-kawżi T-27/01, T-56/01 u T-69/01, il-Qorti tal-Prim'Istanza pprovdiet il-motivi segwenti:

"99      Il-Qorti tal-Prim'Istanza, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, tikkunsidra li mill-Artikolu 41(iii) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg jirriżulta b'mod ċar li deċiżjonijiet ta' titwil tal-perijodu ta' prova u tat-tkeċċija matul il-perijodu ta' prova ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' stħarriġ amministrattiv prekontenzjuż jew ta' kwereli. Fil-fatt, l-iskop ta' dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huwa li 'ma [j]ikkonferma[wx] il-ħatra ta' membru tal-persunal li jkun taħt perijodu ta' prova', fis-sens ta' dik id-dispożizzjoni.

100      Għalhekk, il-preżentazzjoni tar-rikorsi fil-kawżi T-27/01 u T-69/01 ikkawżaw lill-konvenut spejjeż vessatorji.

101      F'dak li jirrigwarda l-kawża T-56/01, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Marzu 2001, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta' azzjoni minħabba li ma ngħatatx risposta għall-ilment ippreżentat fil-5 ta' Frar 2000 meta, minn naħa, skond l-Artikolu 8.2.1 ta' l-Istatut tal-Persunal, din it-talba kienet ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni impliċita mogħtija xahar wara li ġie ppreżentat l-ilment u, min-naħa l-oħra, il-President tal-BĊE kien ċaħad l-ilment tar-rikorrent fit-12 ta' Marzu 2001.

102      Konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ir-rikors għandux jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta' intimazzjoni qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors intiż għall-konstatazzjoni ta' nuqqas ta' azzjoni, xorta jibqa' l-fatt li, meta ġie ppreżentat ir-rikors fil-kawża T-56/01 jew, minn ta' l-anqas fil-ġranet li ġew immedjatament wara tali data, ir-rikorrent kien jaf li l-konvenut kien ħa pożizzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 232 KE. Madankollu huwa ma ħa l-ebda miżura xierqa sabiex jevita li dan ir-rikors jikkawża spejjeż mhux raġonevoli lill-konvenut.

103      Konsegwentement, pjuttost milli l-konvenut jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tar-rikorrent, kif mitluba minn dan ta' l-aħħar, hemm lok li r-rikorrent jiġi kkundannat ibati terz ta' l-ispejjez tal-konvenut fil-kawżi T-27/01, T-56/01 u T-69/01."

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25     Ir-rikorrent qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tannulla s-sentenza kkontestata u d-deċiżjonijiet tal-BĊE, jiġifieri kemm dik li ttawwal il-perijodu ta' prova kif ukoll dik tat-tkeċċija;

–       tikkundanna lill-BĊE jħallsu, għall-perijodu ta' wara l-31 ta' Diċembru 2000, il-paga bażi tiegħu li tammonta għal EUR 32,304 fis-sena, flimkien mal-benefiċċji u l-elementi l-oħra ta' kumpens previsti fil-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg;

–       tikkundanna lill-BĊE jbati l-ispejjeż.

26     Il-BĊE qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       tiċħad l-appell;

–       tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27     Sabiex isostni l-appell tiegħu r-rikorrent jinvoka tliet motivi.

 Fuq l-ewwl motiv dwar ir-regoli fil-qasam ta' delega ta' setgħat

 L-argumenti tal-partijiet

28     Permezz ta' dan il-motiv, ir-rikorrent qiegħed essenzjalment isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żbalji ta' dritt meta, fil-punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet l-eċċezzjoni ta' illegalità li tirrigwarda t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2.1.2 u l-Artikolu 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal. Huwa essenzjalment jibbaża l-motiv tiegħu fuq l-argumenti li ġejjin.

29     Ir-rikorrent l-ewwel nett isostni li mill-Artikolu 36.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ma kienx kompetenti sabiex jadotta s-sistema applikabbli għall-persunal u li din il-kompetenza kienet tal-Kunsill Regolatorju.

30     It-tieni nett, skond ir-rikorrent, l-Artikolu 12.3 ta' l-Istatut tas-SEBĊ ma kienx jawtorizza lill-Kunsill Regolatorju sabiex jiddelega lill-Bord Eżekuttiv setgħat li jirrigwardaw il-persunal.

31     F'dan ir-rigward, huwa jżid li, anke jekk il-Kunsill Regolatorju seta' jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jadotta s-sistema applikabbli għall-persunal, huwa kien imissu għamel dan b'mod espliċitu. Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx dan l-argument iżda ppreżumiet l-eżistenza ta' delega impliċita fil-kuntest ta' l-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura.

32     Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin il-ġurisprudenza relatata ma' l-Artikolu 110 ta' l-Istatut ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem l-"Istatut ta' l-Uffiċjali") dwar id-delega ta' setgħat fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-Komunità, billi, fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, sostniet li l-Kunsill Regolatorju seta' jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jadotta r-Regoli applikabbli għall-Persunal. Fl-aħħar nett, huwa josserva li din is-sentenza tikser il-"prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali" safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza approvat ġuridikament id-delega tas-setgħat diskrezzjonali lil korpi li mhumiex dawk stabbiliti mid-dritt prinċipali.

33     It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li, bl-adozzjoni ta' l-Artikoli 2.1.2 u 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, il-Bord Eżekuttiv kiser l-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura, safejn dawn mhumiex sempliċi miżuri ta' eżekuzzjoni tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg iżda regoli sostantivi awtonomi. Fil-fatt, dan l-Artikolu 2.1.2 jawtorizza titwil unilaterali tal-perijodu ta' prova, u din is-setgħa tmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(b) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

34     F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jgħid ukoll li l-imsemmi Artikolu 2.1.3 jistabbilixxi kawża ta' tkeċċija matul il-perijodu ta' prova, marbuta mal-karattru mhux xieraq ta' l-imġiba jew tar-rendiment tal-persuna kkonċernata, li hija differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 11(a)(i) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

35     Minn naħa tiegħu, il-BĊE jsostni li t-talbiet kollha mressqa mir-rikorrent fil-kuntest ta' l-ewwel u t-tieni argumenti la huma rilevanti u lanqas fondati. Huwa jenfasizza li, skond il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 110 ta' l-Istatut ta' l-Uffiċjali, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali ta' eżekuzzjoni, bil-kundizzjoni li ma jiġix ristrett il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Istatut. Barra minn dan, l-għoti ta' ċerti kompetenzi lill-Bord Eżekuttiv mill-Kunsill Regolatorju huwa konformi mal-prinċipju ta' bilanċ istituzzjonali.

36     Il-BĊE josserva li r-rikorrent ma jindikax il-parti tas-sentenza kkontestata li huwa jixtieq jikkontesta permezz tat-tielet argument tiegħu. F'kull każ, dan l-argument mhuwiex fondat. Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2.1.2 u l-Artikolu 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal jikkostitwixxu miżuri ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(b) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, li huma parti integrali mill-kuntratt tax-xogħol. Barra minn dan, l-Artikolu 11 ta' dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ma japplikax matul il-perijodu ta' prova.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jipprova jistabbilixxi li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljata meta ddeċidiet li s-sistema ta' delega, fi ħdan il-BĊE, ta' setgħat f'dak li jirrigwarda l-persunal u l-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat mill-korpi kkonċernati ta' dan ta' l-aħħar huma legali.

38     F'dan ir-rigward għandu jiġi preliminarjament osservat li l-Kunsill Regolatorju ngħata, bis-saħħa ta' l-Artikoli 12.3 u 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ, setgħa leġiżlattiva sabiex jadotta, minn naħa, Regoli tal-Proċedura sabiex tiġi ddeterminata l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, is-sistema applikabbli għall-persunal tal-BĊE.

39     Għandu jiġi enfasizzat li s-setgħat ta' organizzazzjoni u ta' ġestjoni definiti b'dan il-mod jikkorrispondu ma' dawk mogħtija lil istituzzjonijiet u korpi oħra stabbiliti taħt id-dritt prinċipali (ara, per eżempju, għall-Kummissjoni Ewropea, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 218 KE).

40     B'mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni ċċitati aktar 'il fuq, il-Kunsill Regolatorju adotta l-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg tal-BĊE. Min-naħa tagħhom dawn id-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar jawtorizzaw lill-Bord Eżekuttiv sabiex jispeċifika, permezz tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, il-metodi ġenerali ta' implementazzjoni ta' dawn il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

41     F'dak li jirrigwarda l-konformità ta' din is-sistema ta' delega ta' setgħat mad-dritt Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, Ġabra p. 9, 42 u 43), il-kompetenzi mogħtija lil istituzzjoni jinkludu l-fakultà li jiġu ddelegati, b'konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat, numru ta' setgħat li jaqgħu taħt l-imsemmija kompetenzi skond il-kundizzjonijiet li hija tiddetermina.

42     F'dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li jekk ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq, kien jirrigwarda d-delega ta' setgħat, fir-rigward ta' l-implementazzjoni ta' ċerti mekkaniżmi finanzjarji, lil korpi ta' dritt privat mogħnija b'personalità ġuridika distinta, dan ir-raġunament japplika aktar u aktar għal istituzzjoni jew korp Komunitarju awtorizzati sabiex jistabbilixxu sistema ta' miżuri ta' organizzazzjoni u ta' delega ta' setgħat lill-korpi deċiżjonali fi ħdanhom, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-persunal tagħhom. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Ottubru 2004, Pflugradt vs Il-BĊE (C-409/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), korp Komunitarju inkarigat b'funzjoni ta' interess ġenerali huwa awtorizzat sabiex, permezz ta' regolament, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu.

43     F'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati fil-kuntest ta' tali delegi ta' setgħat, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq (ara p. 40 sa 44, 46 u 47), l-awtorità li tiddelega ma tistax tagħti lill-korp delegat setgħat li jkunu differenti minn dawk li hija stess tkun irċeviet. It-tieni nett, l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-korp delegat għandu jkun suġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien ikun suġġett għalihom li kieku eżerċitathom direttament l-awtorità li tiddelega, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta' motivazzjoni u ta' pubblikazzjoni. Fl-aħħar nett, anke jekk tkun awtorizzata sabiex tiddelega s-setgħat tagħha, l-awtorità li tiddelega għandha tieħu deċiżjoni espliċita meta tittrasferihom u d-delega tista' tirrigwarda biss setgħat ta' eżekuzzjoni definiti b'mod preċiż.

44     Fir-rigward tad-delegi ta' kompetenzi effettwati fi ħdan il-BĊE f'dak li jirrigwarda l-persunal u fir-rigward ta' l-argumenti mressqa mir-rikorrent sabiex isostni l-ewwel motiv tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet adottati mill-BĊE fil-qasam ikkonċernat u l-portata tad-delegi mwettqa f'dan ir-rigward huma kompletament konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata aktar 'il fuq (ara l-punt 41 ta' din is-sentenza).

45     Fil-fatt, f'dak li jirrigwarda l-preċiżjoni meħtieġa fir-rigward ta' delegi ta' setgħat, għandu jiġi osservat li l-Kunsill Regolatorju, li huwa kompetenti sabiex jadotta s-sistema applikabbli għall-persunal, u, b'mod partikolari, il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, ipprovda espliċitament, fl-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li huwa l-Bord Eżekuttiv li għandu jadotta u jemenda r-regoli dettaljati ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

46     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 110 ta' l-Istatut ta' l-Uffiċjali ma jistax jintlaqa'. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza Pflugradt vs Il-BĊE, iċċitata aktar 'il fuq, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom sabiex jimplementaw il-miżuri ġenerali ta' eżekuzzjoni fil-qasam tal-persunal, il-korpi amministrattivi tal-BĊE bl-ebda mod ma jinsabu f'sitwazzjoni distinta minn dik tal-korpi amministrattivi ta' istituzzjonijiet u organi Komunitarji oħrajn fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-impjegati tagħhom. F'dan il-kuntest u f'dak li jirrigwarda l-"prinċipju ta' bilanċ istituzzjonali", huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-imsemmi prinċipju huwa intiż sabiex jiġi applikat biss għar-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet Komunitarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta' Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-70/88, Ġabra p. I-2041, punti 21 sa 23).

47     F'dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq ksur, mill-Bord Eżekuttiv, tas-setgħat ta' eżekuzzjoni mogħtija mill-Kunsill Regolatorju, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 2.1.2 u 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, adottati mill-Bord Eżekuttiv, jipprovdu għal ċertu numru ta' ċirkustanzi li jistgħu jseħħu matul il-perijodu ta' prova. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu, b'mod partikolari, minn naħa, li l-perijodu ta' prova jiġi mtawwal u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt tax-xogħol jiġi mitmum matul dan il-perijodu.

48     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikoli 2.1.2 u 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal ma jmorrux lil hinn mil-limiti tas-setgħat ta' eżekuzzjoni li l-Artikolu 21.3 tar-Regoli tal-Proċedura jagħti lill-Bord Eżekuttiv. Bil-kontra ta' dak li jargumenta r-rikorrent, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jippreġudikawx l-Artikolu 10(b) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, li jipprovdi li l-Bord Eżekuttiv jista', b'mod konformi mar-Regoli applikabbli għall-Persunal, jistabbilixxi sistema ta' perijodi ta' prova. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati lanqas ma jmorru lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 11(a)(i) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg f'dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom il-BĊE jista' jtemm il-kuntratti tax-xogħol konklużi ma' l-impjegati tiegħu.

49     Fil-fatt, kif ġustament jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-Bord Eżekuttiv huwa awtorizzat, skond l-Artikolu 10(b) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, sabiex jadotta r-regoli dettaljati li jirregolaw il-perijodu ta' prova, huwa baqa' fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu f'dan il-qasam meta pprovda li, matul l-imsemmi perjijodu, meta tingħata attenzjoni partikolari għas-servizzi mogħtija mill-impjegat ikkonċernat, kuntratt tax-xogħol jista' jiġi mitmum "fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx adegwata jew tkun professjonalment inkompetenti".

50     Għandu jingħad ukoll li, kif osservat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, jekk il-Bord Eżekuttiv għandu s-setgħa li jtemm il-kuntratt tax-xogħol matul il-perijodu ta' prova, dan għandu, aktar u aktar, ikollu s-setgħa li unilateralment itawwal l-imsemmi perijodu ta' prova.

51     Minn dan isegwi li kemm is-sistema ta' delega ta' kompetenzi fil-qasam tal-persunal kif ukoll l-eżerċizzju ta' dawn il-kompetenzi mill-korpi tal-BĊE huma legali.

52     Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet li l-BĊE adotta f'dan ir-rigward mhumiex ivvizzjati minn illegalità. Għalhekk, l-ewwel motiv mhuwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv dwar l-Artikoli 2.1.2 u 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal

53     Alternattivament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 2.1.2 u 2.1.3 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal huma legali, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljatat meta, fil-punti 46 sa 83 tas-sentenza kkontestata, iddeċidiet li d-deċiżjonijiet li, minn naħa, itawwlu l-perijodu ta' prova tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra jkeċċu lil dan ta' l-aħħar mix-xogħol, kienu konformi mal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg u mar-Regoli applikabbli għall-Persunal. Dan il-motiv fih ħames partijiet.

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

54     Fl-ewwel parti r-rikorrent josserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tikkunsidra, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova kienet ġiet adottata bi ksur ta' l-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal. Fil-fatt, is-setgħa li jiġi mtawwal il-perijodu ta' prova hija tal-Bord Eżekuttiv u ma tistax tiġi ddelegata lill-viċi president tal-BĊE.

55     F'dan ir-rigward il-BĊE isostni li mhux biss m'hemm l-ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi lill-Bord Eżekuttiv milli jqassam ix-xogħol bejn il-membri tiegħu, iżda, bil-kontra ta' dan, ir-Regoli tal-Proċedura jipprovdu espressament għal awtorizzazzjonijiet bħal dawn.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, il-Bord Eżekuttiv, permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta' Marzu 1999, iddelega lill-viċi president tal-BĊE s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet ta' titwil tal-perijodu ta' prova ta' l-impjegati l-ġodda.

57     F'dak li jirrigwarda l-validità ta' din l-awtorizzazzjoni, għandu jiġi osservat li, kif ġustament josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istituzzjonijiet u l-organi Komunitarji jgawdu minn setgħa ta' organizzazzjoni interna fis-sens li l-korpi kollettivi tagħhom jistgħu jiddelegaw lill-wieħed jew aktar mill-membri tagħhom is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet ta' natura individwali f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-persunal f'qasam li diġà kien is-suġġett ta' regolamentazzjoni ġenerali mill-korp kollettiv ikkonċernat.

58     Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjonijiet u l-organi Komunitarji jiddisponu minn setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni fl-organizzazzjoni interna tagħhom skond ir-responsabbiltajiet li jkunu ġew fdati lilhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-BEI, C-15/00, Ġabra p. I-7281, punt 67, u Pflugradt vs Il-BĊE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

59     B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/58, Ġabra p. 2585, punti 35 sa 37) li l-Kummissjoni tista', mingħajr ma tippreġudika l-prinċipju ta' kollettività li jirregola l-funzjonament tagħha, tawtorizza lill-membri tagħha sabiex jadottaw ċerti deċiżjonijiet f'isimha. Din is-sistema ta' awtorizzazzjoni m'għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mis-setgħat deċiżjonali tagħha peress li l-membri jadottaw dawn id-deċiżjonijiet f'isem il-Kummissjoni li tassumi responsabbiltà sħiħa fir-rigward tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din l-evalwazzjoni b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-organu deċiżjonali jkun jista' jiffunzjona, ħtieġa li tikkorrispondi għal prinċipju inerenti għal kull sistema istituzzjonali.

60     Din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda s-sistema ta' awtorizzazzjoni implementata fi ħdan il-Kummissjoni, hija applikabbli għal dan il-każ peress li s-sistema in kwistjoni m'għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Bord Eżekuttiv mis-setgħa leġiżlattiva tiegħu u li d-deċiżjonijiet ta' titwil tal-perijodu ta' prova meħudin mill-viċi president jittieħdu f'isem il-Bord Eżekuttiv, li jassumi responsabbiltà sħiħa fir-rigward tagħhom. L-awtorizzazzjoni kkontestata hija, fil-fatt, limitata għal deċiżjonijiet individwali li jirrigwardaw it-titwil tal-perijodu ta' prova ta' impjegat ġdid u bl-ebda mod ma tirrigwarda l-kwistjonijiiet ta' natura ġenerali.

61     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li l-viċi president tal-BĊE kien intitolat li jadotta d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova tar-rikorrent.

62     Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma tistax tintlaqa'.

 Fuq it-tieni parti

–       L-argumenti tal-partijiet

63     Fit-tieni parti tal-motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 56 et seq tas-sentenza kkontestata, evalwat ħażin il-karattru ambigwu tal-kriterji ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, peress li dawn id-dispożizzjoijiet setgħu jwasslu għal miżuri arbitrarji u, għalhekk, inkompatibbli mar-"regoli superjuri tad-dritt Komunitarju". Fil-fatt, il-fatt li jkun hemm dubju dwar l-abbiltà ta' l-impjegat, matul il-perijodu ta' prova, ma jikkostitwixxix "każ eċċezzjonali" fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 2.1.2. Ir-rikorrent iżid li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkonstatatx li din id-dispożizzjoni hija kontradittorja mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(a) tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg peress li hija inadegwata sabiex tippreċiża l-metodi ta' applikazzjoni.

64     Il-BĊE jikkunsidra li l-argument mhuwiex fondat peress li l-eżistenza ta' marġni ta' diskrezzjoni ma jwassalx awtomatikament għat-teħid ta' deċiżjonijiet arbitrarji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65     preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-użu tal-kliem "każ eċċezzjonali" fl-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal jirrifletti r-rieda ta' l-awtorità kkonċernata, jiġifieri l-Bord Eżekuttiv, li jżomm għalih setgħa ta' diskrezzjoni sabiex jiddetermina, skond il-fatti tal-każ u ċ-ċirkustanzi individwali, f'liema sitwazzjoni jista' jkun xieraq li l-perijodu ta' prova ta' impjegat ġdid jiġi mtawwal.

66     Barra minn hekk u kif ġustament jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjonijiet meħudin fuq din il-bażi jistgħu jkunu s-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn dan, il-possibbiltà li l-perijodu ta' prova jiġi mtawwal ma tistax tiġi kkunsidrata, a priori, bħala li hija ta' detriment għall-persuna kkonċernata, peress li tippermetti l-introduzzjoni ta' aspetti intiżi sabiex itejbu r-relazzjonijiet tax-xogħol, fl-interess taż-żewġ partijiet ikkonċernati u, minħabba f'hekk, iż-żamma ta' l-imsemmija relazzjonijiet.

67     Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet li d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova tar-rikorrent kienet legali.

68     Għalhekk it-tieni parti tal-motiv ma tistax tintlaqa'.

 Fuq it-tielet parti

–       L-argumenti tal-partijiet

69     Fit-tielet parti tal-motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-eżistenza ta' dubji dwar l-abbiltà professjonali tista' tikkostitwixxi "każ eċċezzjonali" fis-sens ta' l-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal.

70     Il-BĊE jindika li l-espressjoni "każ eċċezzjonali", li tinsab fl-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, bl-ebda mod ma tfisser li l-istituzzjoni ma tkunx obbligata li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet meħuda f'dan il-qasam. Billi kkonstatat li l-imsemmija espressjoni teħtieġ l-eżistenza ta' kundizzjonijiet oġġettivi, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet kriterju li jipprekludi t-teħid ta' deċiżjoni arbitrarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71     Għandu jiġi mfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 59 ta' din is-sentenza, il-BĊE jgawdi minn setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-persunal tiegħu sabiex ikun jista' jwettaq ir-responsabbiltajiet ta' interess ġenerali li ġew fdati lilu.

72     Minn dan jirriżulta li huwa b'mod partikolari matul il-perijodu ta' prova li istituzzjoni jew organi Komunitarji għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata tissodisfa r-rekwiżiti personali u professjonali kollha meħtieġa sabiex tokkupa l-post li għalih hija ġiet irreklutata u sabiex tkun tista' taqdi l-funzjonijiet relatati miegħu. F'dan il-kuntest, titwil tal-perijodu ta' prova jista' jikkostitwixxi miżura xierqa għal dan il-għan.

73     Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlitx żball ta' dritt meta kkunsidrat li l-eżistenza ta' dubji dwar l-abbiltà ta' impjegat ġdid tista' tikkostitwixxi "każ eċċezzjonali", fis-sens ta' l-Artikolu 2.1.2 tar-Regoli applikabbli għall-Persunal, li jiġġustifika li l-perijodu ta' prova jiġi mtawwal.

74     Għalhekk it-tielet parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba' parti

–       L-argumenti tal-partijiet

75     Fir-raba' parti, ir-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-perijodu ta' prova tiegħu ġie mtawwal minħabba dubji dwar l-abbiltà professjonali tiegħu. Il-Qorti tal-Prim'Istanza, f'dan ir-rigward, ibbażat ruħha fuq fatti mhux eżatti, billi naqset milli tosserva l-oneru tal-prova u billi injorat id-dikjarazzjonijiet tal-BĊE fis-sens li t-titwil tal-perijodu ta' prova kien dovut għan-negliġenza tal-BĊE stess minħabba li kien naqas milli jipprovdi għal perijodu ta' xogħol aktar rappreżentattiv li ma kienx jaqa' fil-vaganzi tas-sajf.

76     Il-BĊE jqis li din il-parti tat-tieni motiv hija inammissibbli peress li hija intiża sabiex tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li d-deċiżjoni ta' titwil tal-perijodu ta' prova tar-rikorrent kienet ibbażata fuq dubji dwar l-abbiltà ta' dan ta' l-aħħar li jaqdi d-dmirijiet tiegħu. Huwa jindika, b'mod partikolari, li l-perijodu ta' prova ġie mtawwal sabiex ir-rikorrent jingħata l-opportunità li jadatta ruħu aħjar għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiffamiljarizza ruħu mal-ħtiġijiet tas-servizz fil-BĊE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77     Għandu jiġi osservat li, permezz ta' din il-parti tal-motiv tiegħu, ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jikkontesta wħud mill-evalwazzjonijiet fattwali magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

78     Għandu jiġi enfasizzat li, kif ġustament ifakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, skond ġurisprudenza stabbilita (ara, per eżempju, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C-122/01 P, Ġabra p. I-4261, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun aċċettat sabiex in sostenn ta' dawn il-fatti. Sakemm dawn il-provi jkunu nkisbu b'mod regolari u sakemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta' proċedura applikabbli fir-rigward ta' l-oneru u s-smigħ tal-provi jkunu ġew irrispettati, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi ppreżentati quddiemha. Għalhekk din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, minbarra fil-każ ta' żnaturazzjoni ta' dawn il-provi, kwistjoni ta' dritt li tista' tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

79     F'dan ir-rigward u kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, safejn ir-rikorrent ma pprovax u lanqas sostna serjament li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żnaturat il-fatti u l-provi ppreżentati quddiemha, l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-mezzi implementati sabiex tiġi assigurata l-formazzjoni ta' l-impjegati l-ġodda tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta' l-appell.

80     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba' parti tal-motiv għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

 Fuq il-ħames parti

–       L-argumenti tal-partijiet

81     Fil-ħames parti r-rikorrent josserva li, bil-kontra ta' dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza kkontestata, huwa ma kienx ingħata l-opportunità li jaħdem il-perijodu ta' prova tiegħu f'kundizzjonijiet normali.

82     Il-BĊE jsostni li anke din il-parti hija inammissibbli peress li hija intiża sabiex tikkontesta l-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-perijodu ta' prova tar-rikorrent żvolġa f'kundizzjonijiet normali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta' l-argument tiegħu r-rikorrent irid jikkontesta konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

84     Fil-fatt, fil-punt 73 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li "xejn ma jippermetti [...] li jiġi konkluż li r-rikorrent ma ngħatax l-opportunità li jaħdem il-perijodu ta' prova tiegħu f'ċirkustanzi normali".

85     F'dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 78 ta' din is-sentenza, u peress li r-rikorrent ma invoka l-ebda żnaturazzjoni, il-ħames parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv dwar l-ispejjeż

 L-argumenti tal-partijiet

86     Ir-rikorrent isostni li s-sentenza kkontestata, fil-punti 90 sa 103, hija vvizzjata bi-żball ta' dritt safejn tobbligah ibati parti mill-ispejjeż tal-kawżi T-27/01 u T-69/01. Huwa jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta ddeċidiet li l-imsemmija rikorsi ġew immressqa mingħajr raġuni valida. F'dak li jirrigwarda r-rikors fil-kawża T-56/01, ir-rikorrent jispjega li qabel ma sar dan ir-rikors kien hemm imġiba ħażina min-naħa tal-BĊE.

87     Il-BĊE jsostni li l-motiv huwa inammissibbli fl-intier tiegħu u dan skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88     Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 51 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, "[l]-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta' l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom". Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-ipoteżi li l-motivi l-oħra kollha ta' appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet li jirrigwardaw l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli skond din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punt 31, kif ukoll tat-30 ta' Settembru 2003, Freisaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P. Ġabra p. I-9975, punt 124).

89     Safejn il-motivi l-oħra kollha ta' l-appell tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda, l-aħħar motiv imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-qsim ta' l-ispejjeż, għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

90     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

91     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell taħt l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 70 ta' dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 122 ta' dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli f'każ ta' appell mressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta' istituzzjoni kontra l-istess istituzzjoni. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud

2)      Is-Sur Tralli huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.