SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Mejju 2005 ?(1)

"Rikors għal annullament – Għajnuniet mill-Istat – Miżuri fir-rigward ta' impriżi involuti fit-trasport marittimu – Kuntratti ta' servizz pubbliku – Nuqqas ta' għajnuna, għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE – Obbligu ta' sospensjoni"

Fil-kawża C-400/99,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-18 ta’ Ottubru 1999,

Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn U. Leanza, imbagħad minn I. M. Braguglia, bħala aġenti, assistiti minn P. G. Ferri u M. Fiorilli, avvocati dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. De Persio kif ukoll minn D. Triantafyllou u V. Di Bucci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, J.-P. Puissochet (Relatur), R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, innotifikata permezz ta' ittra SG(99) D/6463, tas-6 ta' Awwissu 1999, li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat C 64/99 (ex NN 68/99) – Italja – mogħtija lill-impriżi tal-Gruppo Tirrenia di Navigazione (ĠU C 306, p. 2, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), safejn din id-deċiżjoni tiddeċiedi dwar is-sospensjoni ta' l-għajnuna in kwistjoni.

 Il-fatti u l-proċedura

2       Peress li kienu rċevew ilmenti li l-awtoritajiet Taljani kienu qegħdin jagħtu għajnuniet mill-Istat, mingħajr awtorizzazzjoni, lis-servizzi ta' trasport intern permezz ta' laneċ ġestiti mill-impriżi tal-Gruppo Tirrenia di Navigazione (aktar 'il quddiem il-"grupp Tirrenia"), is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu domandi lill-awtoritajiet Taljani dwar dan is-suġġett permezz ta' ittra tat-12 ta' Marzu 1999.

3       Din it-talba għal informazzjoni kienet tikkonċerna b'mod partikolari l-obbligi ta' servizz pubbliku li kienu marbuta bihom l-impriżi tal-grupp Tirrenia u dwar il-kundizzjonijiet kif ikunu ddeterminati l-ispejjeż addizzjonali kkawżati minn dawn l-obbligi u kif ikunu kkumpensati dawn l-ispejjeż.

4       Wara diversi skambji ta' korrispondenza ma' l-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta' miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuniet mogħtija mill-Istat lill-impriżi tal-grupp Tirrenia. Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fetħet, fir-rigward ta' dawn l-allegati għajnuniet, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat il-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet ġodda jew modifiki ta' għajnuniet eżisteni, fis-sens ta' l-Artikolu 88(3) KE (aktar 'il quddiem l-"għajnuniet ġodda") u mhux bħala għajnuniet eżistenti, fis-sens ta' l-Artikolu 88(1) KE (aktar 'il quddiem l-"għajnuniet eżistenti"). Sussegwentament, hija nnotifikat din id-deċiżjoni lill-awtoritajiet Taljani.

5       Fil-parti ta' l-imsemmija deċiżjoni intitolata "Konklużjonijiet", il-Kummissjoni indikat, b'mod partikolari, li hija kienet qiegħda tirriżerva d-dritt tagħha li titlob lill-awtoritajiet Taljani sabiex jissospendu l-ħlas ta' kull għajnuna li taqbeż l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-provvista tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Sussegwentament, hija stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jikkonfermaw, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, is-sospensjoni ta' dan il-ħlas u mbagħad ddikjarat li, jekk l-għajnuniet mogħtija b'eċċess ta' l-imsemmija spejjeż ma jkunux sospiżi u jekk l-ammont sospiż ma jkunx iġġustifikat, hija setgħet toħroġ inġunzjoni f'dan is-sens fir-rigward ta' l-awtoritajiet Taljani. Il-Kummissjoni ppreċiżat li s-sospensjoni kienet meħtieġa sabiex jiġi llimitat l-impatt tad-distorsjonjiet fil-kompetizzjoni iżda li din is-sospensjoni ma kinitx timplika s-sospensjoni tas-servizzi stess, li setgħu jibqgħu jiġu pprovduti skond modalitajiet konformi mad-dritt Komunitarju. B'mod partikolari, hija ġibdet l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet Taljani għall-fatt li l-Artikolu 88(3) KE għandu effett sospensiv u għall-ittra mibgħuta lill-Istati Membri fit-22 ta' Frar 1995 fejn kienet indikat li l-għajnuniet kollha mogħtija b'mod illegali setgħu jiġu rkuprati mingħand il-benefatturi ta' dawn l-għajnuniet.

6       Fit-18 ta' Ottubru 1999, ir-Repubblika Taljana ressqet dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata "fil-parti fejn tiddeċiedi dwar is-sospensjoni [ta' l-]għajnuniet iddikjarati illegali".

7       Fid-19 ta' Ottubru 1999, Tirrenia di Navigazione SpA, Adriatica di Navigazione SpA, Caremar SpA, Toremar SpA, Siremar SpA u Saremar SpA, kumpanniji tal-grupp Tirrenia, ippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej rikors, irreġistrat bin-numru T-246/99, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

8       Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni, abbażi ta' l-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li m'hemmx lok li tagħti deċiżjoni jew li tiddeċiedi favur eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

9       Permezz tas-sentenza tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-400/99, Ġabra p. I-7303, aktar 'il quddiem is-"sentenza interlokutorja"), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba u l-proċedura tkompliet fuq il-mertu. Essenzjalment, f'dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors huwa ammissibbli minħabba li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet ġodda implementati b'mod illegali filwaqt li l-Gvern Taljan qiegħed isostni, li uħud mill-għajnuniet huma għajnuniet eżistenti mogħtija b'mod legali u li oħrajn minn fosthom ma jinkludux elementi ta' għajnuna, fatt li jimplika li dawn il-miżuri m'għandhomx ikunu sospiżi, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl ta' dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmija deċiżjoni kellha effetti legali awtonomi u li għaldaqstant kienet tikkostitwixxi att li jista' jkun ikkontestat. Għal aktar dettalji dwar l-analiżi li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex waslet għal din il-konklużjoni, isir riferiment għas-sentenza interlokutorja.

10     Permezz ta' digriet tal-25 ta' Marzu 2003, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fir-rigward tagħha, issospendiet, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura pendenti quddiemha fil-kawża T-246/99 sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'din il-kawża.

11     Sadattant, il-Kummissjoni kkonkludiet il-proċedura miftuħa permezz tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil waħda mill-impriżi tal-grupp Tirrenia, jiġifieri lill-kumpannija marittima Tirrenia di Navigazione SpA, fil-kuntest tas-sistema li tirriżulta minn ftehim, konkluż ma' l-Istat Taljan fl-1991, dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku ta' din l-impriża [Deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 2001, dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija mill-Italja lill-kumpannija marittima Tirrenia di Navigazione (ĠU L 318, p. 9, aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 2001")]. Il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni l-finanzjamenti mogħtija f'dan il-kuntest bħala kumpens għal servizz pubbliku mill-1 ta' Jannar 1990 sal-31 ta' Diċembru 2000 u awtorizzat, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istess tipi ta' finanzjamenti għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2004. Madankollu, permezz ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni żammet il-klassifikazzjoni ta' għajnuniet ġodda li kienet diġà ngħatat lil dawn il-miżuri fid-deċiżjoni kkontestata u li hija kkontestata f'dan ir-rikors mir-Repubblika Taljana.

12     Permezz ta' tieni deċiżjoni adottata wara l-konklużjoni tal-proċedura miktuba f'din il-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet il-proċedura miftuħa mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-impriżi l-oħra tal-grupp Tirrenia [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE, tas-16 ta' Marzu 2004, dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia) (ĠU 2005 L 53, p. 29)]. Il-Kummissjoni ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq komuni l-parti l-kbira tal-finanzjamenti mogħtija bħala kumpens ta' servizz pubbliku lil dawn l-impriżi wara l-1 ta' Jannar 1992 u ssuġġettat għal ċerti kundizzjonijiet il-kontinwazzjoni ta' l-għoti tagħhom wara l-2004. Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni ċerti finanzjamenti mogħtija lill-impriża Adriatica fir-rigward ta' konnessjoni marittima bejn Jannar 1992 u Lulju 1994 u ordnat li jitwaqqaf, mill-1 ta' Settembru 2004, finanzjament mogħti lill-impriża Caremar għal konnessjoni rapida għat-trasport ta' passiġġieri. F'din it-tieni deċiżjoni ta' konklużjoni, il-Kummissjoni reġgħet żammet il-klassifikazzjoni ta' għajnuniet ġodda mogħtija lill-miżuri kollha msemmija aktar 'il fuq, li kienet diġà ngħatat fid-deċiżjoni kkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

13     Ir-Repubblika Taljana qiegħda titlob:

–       l-annullament ta' l-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta' Awwissu 1999 "fil-parti fejn tiddeċiedi dwar is-sospensjoni ta' l-għajnuniet iddikjarati illegali";

–       li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

14     Il-Kummissjoni qiegħda titlob:

–       li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-rikors sar mingħajr skop fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-għajnuniet lil Tirrenia di Navigazione;

–       fir-rigward tal-bqija, li r-rikors jiġi miċħud;

–       li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet li m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni

15     Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors m'għadx għandu skop safejn jikkonċerna l-għajnuniet lil Tirrenia di Navigazione SpA. Peress li d-Deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 2001 ma kinitx ikkontestata sat-tmiem tat-termini preskritti sabiex jitressaq rikors, issa huwa stabbilit b'mod definittiv li, minkejja li huma kompatibbli mas-suq komuni, il-miżuri meħuda favur din il-kumpannija kienu jikkostitwixxu għajnuniet illegali, jiġifieri għajnuniet ġodda implementati mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel mitluba mill-Artikolu 88(3) KE. Fir-rigward tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tilfet kull effett legali awtonomu u l-Gvern Taljan m'għadx għandu interess li jikseb l-annullament tagħha.

16     L-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

17     Huwa veru li fid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta' Ġunju 2001, li kkonkludiet parzjalment il-proċedura miftuħa mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjoni preliminari tagħha li s-sussidji mogħtija lil Tirrenia di Navigazione SpA minħabba l-obbligi ta' servizz pubbliku tagħha kienu jikkostitwixxu għajnuniet ġodda, bħal dawk koperti mill-Artikolu 88(3) KE, u li din id-deċiżjoni, li ma ġietx ikkontestata fit-termini preskritti sabiex jitressaq rikors, saret definittiva. Madankollu, ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata huwa essenzjalment intiż sabiex jiġi deċiż li l-miżuri li l-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tagħhom f'din id-deċiżjoni ma kellhomx jiġu sospiżi qabel ma jkunu ngħataw id-deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet li jikkonkludu l-proċedura miftuħa mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, kwistjoni bħal din ma tagħmilx parti mill-iskop ta' deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura bħalma jirriżulta mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE, kif ukoll mill-Artikolu 7(2) sa (5) u mill-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1, aktar 'il quddiem, ir-"Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat").

18     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li r-rikors għad baqagħlu l-iskop kollu tiegħu.

 Fuq il-mertu

19     Il-Gvern Taljan qiegħed essenzjalment iressaq erba' motivi ta' annullament. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn nuqqas ta' motivazzjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tatx l-opportunità lill-awtoritajiet Taljani li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tielet lok, hija wettqet użu ħażin ta' poter. Fl-aħħar lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 88(1) u (3) KE għal diversi motivi.

 Fuq il-motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

20     Il-Gvern Taljan qiegħed jakkuża lill-Kummissjoni li, fl-att ikkontestata, hija m'għamlet l-ebda riferiment għar-Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat minkejja li dan ir-regolament kien diġà daħal fis-seħħ.

21     Il-Kummissjoni twieġeb li l-bażi legali ta' deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, tinsab direttament fit-Trattat KE u li għaldaqstant ir-Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat ma kellux għalfejn jissemma.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     L-Artikolu 253 KE jipprovdi, b'mod partikolari, li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu motivati. L-iskop ta' l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni li tolqot b'mod negattiv lill-persuna indirizzata huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizjata b'difett li abbażi tiegħu tista' tkun ikkontestata l-legalità tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22).

23     F'din il-kawża, in-nuqqas ta' riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għar-Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat jew għal uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jista' jikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, nuqqas ta' motivazzjoni biss jekk il-Kummissjoni kienet applikat dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament li ma jirriżultawx direttament mit-Trattat. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li dan ir-regolament, fil-parti l-kbira tiegħu, huwa kodifikazzjoni dettaljata ta' l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tat-Trattat dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija mill-qrati Komunitarji qabel l-adozzjoni ta' dan ir-regolament.

24     F'din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ma timplementa l-ebda dispożizzjoni ta' proċedura dwar il-kontroll ta' l-għajnuniet mill-Istat li ma tirriżultax direttament mit-Trattat. Permezz ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni intimat lill-awtoritajiet Taljani sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri indikati fl-ittra ta' intimazzjoni, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 88(2) KE, u fformulat din l-intimazzjoni billi kklassifikat provviżorjament dawn il-miżuri bħala għajnuniet ġodda, liema fatt kien għaldaqstant jinvolvi s-sospensjoni tagħhom kif ippreċiżat fl-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenzi tat-30 ta' Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-312/90, Ġabra p. I-4117, punt 17, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I-4145, punt 25, kif ukoll is-sentenza interlokutorja, punt 56). L-ebda proċedura u l-ebda effett legali li jirriżulta minn din id-deċiżjoni m'huma bbażati fuq dispożizzjoni tar-regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat li tintroduċi xi ħaġa ġdida.

25     Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Gvern Taljan ma ngħatax l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

26     Il-Gvern Taljan qiegħed isostni li l-Kummissjoni kien imissha tatu l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma ħadet id-deċiżjoni kkontestata li timplika s-sospensjoni ta' ċerti ħlasijiet. Huwa jqis li n-nuqqas ta' opportunità bħal din huwa partikolarment gravi fir-rigward ta' żewġ tipi ta' miżuri milquta mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri miżuri li jakkompanjaw il-proġett industrijali tal-grupp Tirrenia għall-perijodu 1999-2002 u miżuri fiskali dwar il-provvista ta' fjuwil u ta' żejt tal-lubrikazzjoni li qatt ma ġew diskussi ma' l-awtoritajiet Taljani qabel ma ġew inklużi fid-deċiżjoni kkontestata.

27     Il-Kummissjoni tfakkar li din id-deċiżjoni ma tinkludix inġunzjoni għas-sospensjoni tal-miżuri in kwistjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-proċeduri fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat, invokati mill-Gvern Taljan fir-rikors tiegħu u li jeżiġu li jinkisbu l-osservazzjonijiet ta' l-Istat Membru kkonċernat qabel ma tinħareġ inġunzjoni bħal din, ma kinux, skondha, applikabbli. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi preċiżament stedina sabiex jiġu fformulati osservazzjonijiet dwar il-possibbiltà li sussegwentament tinħareġ inġunzjoni ta' sospensjoni.

28     Il-Kummissjoni żżid li fil-każ ta' għajnuniet ġodda li ma jkunux innotifikati u li jkunu implementati (għajnuniet "illegali" imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat), id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE m'għandhiex tkun ippreċeduta minn korrispondenza ma' l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 10(2) ta' dan ir-regolament ċertament jippermetti lill-Kummissjoni li titlob minn qabel informazzjoni mingħand l-imsemmi Stat iżda ma jobbligahiex li tagħmel dan. L-Artikolu 13(1) ta' l-imsemmi regolament jawtorizza li tinfetaħ l-imsemmija proċedura mingħajr ma jimponi l-ebda obbligu preliminari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     Fid-dawl tal-konsegwenzi legali ta' deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li tikklassifika provviżorjament il-miżuri msemmija bħala għajnuniet ġodda filwaqt li l-Istat Membru kkonċernat aktarx ma jaqbilx ma' din il-klassifikazzjoni (ara s-sentenza interlokutorja, punti 59 u 60), il-Kummissjoni għandha preliminarjament tiddiskuti l-miżuri in kwistjoni ma' l-Istat Membru kkonċernat sabiex dan ikollu l-opportunità li jindikalha, jekk ikun il-każ, li, skondu, l-imsemmija miżuri ma jammontawx għal għajnuniet jew li jammontaw għal għajnuniet eżistenti.

30     L-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament dwar il-proċedura fir-rigward ta' għajnuniet mill-Istat, invokati mill-Kummissjoni, huma kompatibbli ma' dan ir-rekwiżit. Għalhekk, fl-Artikolu 10, li jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni jkollha informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, irrispettivament mis-sors tagħha, il-kliem "jekk meħtieġ", użati fl-Artikolu 10(2), li jintroduċu s-sentenza "[j]ekk meħtieġ, [il-Kummissjoni] għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat", jirreferu għall-każijiet fejn il-Kummissjoni tkun diġà ddiskutiet b'mod xieraq il-miżura in kwistjoni ma' l-imsemmi Stat Membru, per eżempju jekk kien huwa stess li informa lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' din il-miżura. Dawn il-kliem ma jfissrux li l-Kummissjoni tista' tevita li tiddiskuti l-miżura ma' l-Istat Membru in kwistjoni qabel ma tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) fir-rigward tiegħu. Bl-istess mod, l-Artikolu 13, li jindika li l-eżami ta' għajnuna possibbilment illegali jista' jwassal għal deċiżjoni li tinfetaħ l-imsemmija proċedura, ma jeħlisx lill-Kummissjoni milli tiddiskuti l-miżura in kwistjoni ma' l-Istat Membru kkonċernat qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni bħal din.

31     F'din il-kawża, il-Kummissjoni ma ddiskutitx ma' l-awtoritajiet Taljani s-sistema fiskali li minnha bbenefika l-grupp Tirrenia fir-rigward tal-provvista ta' fjuwil u ta' żejt tal-lubrikazzjoni għall-vapuri tiegħu qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni kienet tippresupponi s-sospensjoni, ta' l-anqas parzjali, ta' din is-sistema. Li kieku l-Kummissjoni ddiskutietha, l-awtoritajiet Taljani kien ikollhom l-opportunità sabiex, qabel kollox, isostnu provi intiżi sabiex juru li din is-sistema ma kellhiex tiġi sospiża bħala għajnuna illegali. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni li tikkonkludi parzjalment il-proċedura tal-21 ta' Ġunju 2001 dwar Tirrenia di Navigazione, il-Kummissjoni innotatat li l-awtoritajiet Taljani kienu estendew is-sistema għall-vapuri kollha li ma jkunux qegħdin ibaħħru minħabba operazzjonijiet ta' manutenzjoni permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Marzu 1996, jiġifieri qabel id-deċiżjoni kkontestata.

32     Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-pjan industrijali tal-grupp Tirrenia għall-perijodu 1999-2002, mill-inkartament tal-proċess jirriżulta li, fit-talba tagħha għal informazzjoni fl-ittra tat-12 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-mekkaniżmu tal-pjanijiet ekonomiċi għal diversi snin li l-grupp Tirrenia għandu jippreżenta lill-awtoritajiet Taljani. Għaldaqstant, jekk pjan ġdid, jew miżuri addizzjonali għal pjan preċedenti, kienu qegħdin jiġu ppreparati u sussegwentament kienu ppreżentati mill-grupp matul il-fażi preliminari ta' eżami tal-miżuri indikati fl-imsemmija ittra, l-awtoritajiet Taljani setgħu jistennew li dan il-pjan il-ġdid jew dawn il-miżuri addizzjonali jkunu inklużi f'deċiżjoni eventwali li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. L-awtoritajiet Taljani setgħu jinformaw huma stess lill-Kummissjoni dwar dan billi jsostnu, jekk ikun il-każ, provi adegwati sabiex jiġi evitat li dawn il-miżuri jkunu inklużi f'deċiżjoni bħal din bħala allegati għajnuniet ġodda.

33     Fir-rigward tas-sussidji mħallsa lill-grupp Tirrenia fir-rigward ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku tagħha, mill-inkartament tal-proċess jirriżulta li dawn il-miżuri kienu tqajmu kemm mis-servizzi tal-Kummissjoni u kemm mill-awtoritajiet Taljani, fit-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 1999, fir-risposta mogħtija għal din it-talba mill-awtoritajiet Taljani u matul laqgħa bilaterali, li kollha jippreċedu l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, fir-rigward ta' dawn is-sussidji, il-Gvern Taljan ma jistax isostni li ma kienx ingħata l-opportunità li jippreżenta provi rilevanti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

34     Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn timplika s-sospensjoni tas-sistema fiskali applikata għall-grupp Tirrenia fir-rigward tal-provvista ta' fjuwil u ta' żejt tal-lubrikazzjoni għall-vapuri tagħha.

35     Għaldaqstant, f'dan l-istadju ta' din is-sentenza, l-analiżi segwenti tikkonċerna biss is-sussidji mogħtija lill-impriżi tal-grupp Tirrenia fir-rigward ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku tagħhom, li, fir-rigward tagħhom, il-Gvern Taljan isostni li, għalkemm fihom elementi ta' għajnuna, huma jikkostitwixxu, f'kull każ, għajnuniet eżistenti, kif ukoll il-pjan industrijali tal-grupp Tirrenia għall-perijodu 1999-2002.

 Fuq l-użu ħażin ta' poter

 L-argumenti tal-partijiet

36     Il-Gvern Taljan jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata, li tikklassifika l-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet illegali u li timplika s-sospensjoni tagħhom, ma tipprovdidx motivazzjoni li tiġġustifika din il-klassifikazzjoni. L-unika motivazzjoni dwar is-sospensjoni hija marbuta mad-dannu li l-kontinwazzjoni ta' l-implementazzjoni ta' l-imsemmija miżuri tista' tikkawża lill-impriżi kompetituri ta' Tirrenia iżda ma tindikax li huma involuti għajnuniet, fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, u għajnuniet ġodda. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni ta' sospensjoni sempliċement bħala prekawzjoni fl-eventwalità li l-miżuri kkonċernati jkunu efettivament għajnuniet ġodda illegali, iżda din id-deċiżjoni bl-ebda mod m'hija bbażata fuq eżami suffiċjenti li jippermetti li tintlaħaq din il-konklużjoni.

37     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħti l-ebda inġunzjoni ta' sospensjoni li kienet tkun teżiġi prova ta' l-eżistenza ta' għajnuniet illegali. Din id-deċiżjoni tesprimi biss dubji dwar l-eżistenza ta' għajnuniet, dwar in-natura illegali tagħhom u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Il-kunsiderazzjonijiet dwar id-dannu eventwali li l-miżuri in kwistjoni jistgħu jikkawżaw lill-kompetituri tal-grupp Tirrenia huma marbuta biss ma' l-eventwalità li tingħata sussegwentament inġunzjoni għal sospensjoni, li dwarha l-awtoritajiet Taljani kienu mistiedna jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38     Il-kunċett ta' użu ħażin ta' poter jirreferi għall-fatt, fil-każ ta' awtorità amministrattiva, li din tuża l-poteri tagħha għal skop differenti minn dak li għalih kienu ngħatawlha dawn il-poteri (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1982, Buyl et vs Il-Kummissjoni, 817/79, Ġabra p. 245, punt 28). Deċiżjoni hija vvizjata minn użu ħażin ta' poter biss jekk, abbażi ta' indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li tkun ittieħdet għal skop bħal dan (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Mejju 1966, Gutmann, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 170).

39     Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza interlokutorja, is-sospensjoni ta' miżuri li kienu qegħdin jiġu implementati u li l-Kummissjoni tikklassifika bħala għajnuniet ġodda f'deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, tirriżulta direttament minn din il-klassifikazzjoni, flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE. Għaldaqstant, l-użu ħażin tal-poter seta' biss jiġi stabbilit kieku ġie pprovat li l-Kummissjoni kienet deliberatament ikklassifikat bħala għajnuniet ġodda miżuri li, fir-rigward tagħhom, hija ma seta' kellha l-ebda dubju li kienu għajnuniet eżistenti suġġetti għas-sistema ta' kontroll prevista fl-Artikolu 88(1) KE, jew miżuri li lanqas biss jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE, jiġifieri li kieku ġie pprovat li l-Kummissjoni kienet xtaqet deliberatament tikseb fi żmien qasir is-sospensjoni ta' miżuri li fir-rigward tagħhom hija ma setgħatx tiddubita li setgħu jibqgħu jkunu implementati b'mod legali, minn ta' l-anqas sal-konklużjoni tal-proċedura.

40     Issa, fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl ta' l-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha f'dik id-data, ma kienx jidher b'mod li ma jħalli l-ebda dubju li s-sussidji mogħtija lill-grupp Tirrenia b'eċċess ta' l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, li kienu s-suġġett tas-sospensjoni li tirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, kienu jikkostitwixxu jew għajnuniet eżistenti, fis-sens deskritt aktar 'il fuq, jew miżuri mingħajr elementi ta' għajnuniet.

41     Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq użu ħazin ta' poter mhuwiex fondat.

 Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u ta' l-Artikolu 88(1) u (3) KE

 L-argumenti tal-partijiet

42     Il-Gvern Taljan jenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li mhuwiex possibbli, f'dan l-istadju, li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna. Livell ta' inċertezza bħal dan ma jippermettix li tinfetaħ proċedura li timplika s-sospensjoni tal-miżuri in kwistjoni. F'dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-47/91, Ġabra p. I-4635) li fiha, fir-rigward tal-kwistjoni tal-konformità ta' għajnuniet individwali ma' deċiżjoni ta' approvazzjoni ta' sistema ta' għajnuniet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

"33      […] peress li [l-Artikolu 88(3) KE] jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tordna s-sospensjoni tal-ħlas ta' għajnuniet ġodda biss, mhuwiex biżżejjed li hija jkollha sempliċi dubji dwar il-konformità ta' għajnuniet individwali mad-deċiżjoni tagħha li tapprova sistema ta' għajnuniet.

34      Jekk il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-konformità ta' għajnuniet individwali mad-deċiżjoni tagħha li tapprova sistema ta' għajnuniet, hija għandha tordna lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jgħaddilha, f'terminu stabbilit minnha, id-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità ta' l-għajnuna kontenzjuża mad-deċiżjoni tagħha li tapprova s-sistema ta' għajnuniet."

43     Barra minn hekk, skond il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni aċċettat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuniet meħtieġa sabiex ikunu koperti l-ispejjeż addizzjonali ta' servizz pubbliku, mogħtija taħt kuntratti ta' servizz pubbliku li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7), huma awtorizzati taħt l-Artikolu 4(3) ta' dan ir-regolament li jipprovdi li l-"[k]untratti eżistenti ta' servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sad-data ta' l-iskadenza tal-kuntratt rilevanti."

44     F'dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jindika li l-ħlasijiet kollha magħmula lill-impriżi tal-grupp Tirrenia bħala korrispettiv għall-inkarigi ta' servizz pubbliku tagħhom huma previsti fil-kuntratti ta' servizz pubbliku konklużi fit-30 ta' Lulju 1991 bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-imsemmija impriżi, li l-Kummissjoni kienet informata dwar dawn il-kuntratti mill-1991 u li uħud mid-dettalji dwar dan is-suġġett intbagħtu lill-Kummissjoni bejn l-1991 u l-1997. Fir-replika tiegħu, huwa jenfasizza li għalhekk, l-eventwali għajnuniet kienu implementati qabel il-liberalizzazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 3577/92 filwaqt li l-elementi essenzjali ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku u ta' kumpens fir-rigward ta' dawn l-obbligi kienu jippreċedu anki t-Trattat ta' Ruma, u li, f'kull każ, peress li l-Kummissjoni kienet informata dwar l-imsemmija kuntratti, hija kienet espliċitament jew impliċitament awtorizzat l-imsemmija għajnuniet. Għaldaqstant, kieku l-ħlasijiet magħmula favur l-impriżi tal-grupp Tirrenia kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuniet mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, huma jkunu jikkostitwixxu, f'kull każ, għajnuniet eżistenti.

45     Issa, skond il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni injorat l-informazzjoni li kienet ingħatat bejn l-1991 u l-1997 sabiex tiddeċiedi jekk quddiemha kellhiex għajnuniet eżistenti jew għajnuniet ġodda. Mill-bidu, il-Kummissjoni għażlet, mingħajr ġustifikazzjoni, it-tieni ipotesi.

46     Il-Kummissjoni tispjega li l-fatt li esprimiet xi inċertezzi dwar l-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna fil-miżuri eżaminati huwa normali fil-kuntest ta' deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Hija tindika li, mill-banda l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, hija m'esprimiet l-ebda dubji dwar in-natura ġdida tal-miżuri in kwistjoni minħabba li fil-korrispondenza tagħhom qabel l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Taljani bl-ebda mod ma sostnew li kienu involuti għajnuniet eżistenti. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni mhijiex komparabbli għal dik li wasslet għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b'mod kostanti, meta l-Kummissjoni teżamina miżuri ta' għajnuna fid-dawl ta' l-Artikolu 87 KE sabiex tiddetermina jekk dawn il-miżuri humiex kompatibbli mas-suq komuni, hija marbuta tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta, wara l-fażi ta' eżami preliminari, hija ma tkunx tista' twarrab id-diffikultajiet kollha li jżommuha milli tikkonkludi li dawn il-miżuri huma kompatibbli mas-suq komuni (sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. I-1451, punt 13). Naturalment, l-istess prinċipji għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni jibqgħalha wkoll xi dubji dwar il-klassifikazzjoni stess tal-miżura eżaminata bħala għajnuna, fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli fetħet l-imsemmija proċedura anki meta fid-deċiżjoni meħuda għal dan l-iskop hija tesprimi xi dubji dwar in-natura ta' għajnuniet, fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, tal-miżuri li huma s-suġġett tagħha.

48     Madankollu, fid-dawl tal-konsegwenzi legali tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' miżuri kkunsidrati bħala għajnuniet ġodda, meta l-Istat Membru kkonċernat jallega li dawn il-miżuri ma jammontawx għal għajnuniet fis-sens ta' l-Artikolu 87(1), il-Kummissjoni għandha twettaq eżami suffiċjenti tal-kwistjoni abbażi ta' l-informazzjoni li tkun ingħatatilha f'dan l-istadju mill-imsemmi Stat, anki jekk dan l-eżami jwassal għal evalwazzjoni li ma tkunx definittiva. Fil-kuntest tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, u sabiex ma jinħoloqx dewmien fil-proċedura, huwa l-Istat Membri li jidhirlu li l-miżuri in kwistjoni ma jammontawx għal għajnuniet li għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, malajr kemm jista' jkun wara li l-Kummissjoni tiġbidlu l-attenzjoni dwar dawn il-miżuri, l-informazzjoni li fuqha jkun ibbaża l-pożizzjoni tiegħu. Jekk din l-informazzjoni tippermetti li jitneħħew id-dubji fis-sens ta' nuqqas ta' elementi ta' għajnuna fil-miżuri eżaminati, il-Kummissjoni ma tistax tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Mill-banda l-oħra, jekk din l-informazzjoni ma tippermettix li jitwarrbu d-dubji dwar l-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna u jekk ikunu jeżistu wkoll xi dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, il-Kummissjoni għalhekk ikollha tiftaħ l-imsemmija proċedura.

49     F'din il-kawża, mill-inkartament tal-proċess jirriżulta li, b'risposta għall-ewwel talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, l-awtoritajiet Taljani sostnew li s-sussidji li jirriżultaw mill-kuntratti ta' servizz pubbliku konklużi ma' l-impriżi tal-grupp Tirrenia fl-1991 ma kinux għajnuniet mill-Istat. Madankollu, fin-nuqqas ta' possibbiltà li jiġi vverifikat, f'dan l-istadju, kemm is-sussidji verament kienu jikkonċernaw l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligi ta' servizz pubbliku, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tirriżerva xi dubji dwar l-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna f'dawn is-sussidji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni m'għamlitx riferiment għas-sospensjoni ta' dawn is-sussidji ħlief safejn kienu jaqbżu l-ispejjeż netti addizzjonali marbuta mal-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Gvern Taljan indika, barra minn hekk, li ma kienx jikkunsidra li kien meħtieġ li jieħu pożizzjoni dwar l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 87 KE għar-relazzjonijiet tiegħu mal-grupp Tirrenia safejn dan ta' l-aħħar kien it-titulari ta' kuntratti ta' servizz pubbliku. Fir-rigward tal-pjan industrijali tal-grupp Tirrenia għall-perijodu 1999-2002, l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx lill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni fir-rigward ta' dan il-pjan li setgħet, jekk ikun il-każ, teskludi l-eżistenza ta' għajnuniet mill-Istat fost il-miżuri koperti minnu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-gvern ma jistax jakkuża lill-Kummissjoni li fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta kellha dubji dwar l-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna fil-miżuri eżaminati.

50     Sussegwentament, fir-rigward ta' l-ilment li l-Kummissjoni indebitament ikklassifikat il-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet ġodda meta kellha informazzjoni dwar informazzjoni li, abbażi tagħha, setgħet tikkunsidrahom bħala għajnuniet eżistenti, dan l-ilment jikkonċerna biss il-finanzjamenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta' servizz pubbliku konklużi ma' l-impriżi tal-grupp Tirrenia fl-1991. Għaldaqstant, f'dan l-istadju ta' din is-sentenza, l-analiżi ma tikkonċernax aktar il-pjan industrijali għall-perijodu 1999-2002. Ladarba dan ġie ppreċiżat, l-argument invokat bħala r-risposta mill-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu l-informazzjoni msemmija qabel infetħet il-proċedura, għandu jiġi parzjalment miċħud fuq il-fatti.

51     Fil-fatt, mill-inkartament tal-proċess jirriżulta li, mir-risposta tagħhom għall-ewwel talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-kuntratti ta' servizz pubbliku konklużi ma' l-impriżi tal-grupp Tirrenia kienu koperti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92, jiġifieri huma essenzjalment kienu sostnew li l-finanzjamenti li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti kienu legali u li għaldaqstant ma kinux jammontaw għal għajnuniet ġodda iżda għal għajnuniet eżistenti. Mill-banda l-oħra, is-sempliċi riferiment, f'din ir-risposta, għal diversi skambji ta' korrispondenza mal-Kummissjoni mill-1991 sa l-1997, mingħajr ma kienet stabbilita l-ebda rabta bejn l-informazzjoni pprovduta meta saru dawn l-iskambji u l-eventwali klassifikazzjoni tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet eżistenti, mhuwiex biżżejjed sabiex il-Gvern Taljan ikun jista' jakkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni din l-informazzjoni sabiex tevalwa n-natura ġdida jew eżistenti tal-miżuri in kwistjoni qabel fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

52     Għaldaqstant, minn hawn 'il quddiem, il-motiv invokat mill-Gvern Taljan huwa biss eżaminat safejn huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 sabiex tagħmel l-għażla li tittratta l-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet ġodda u mhux bħala għajnuniet eżistenti.

53     L-obbligu li f'ċerti ċirkustanzi tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, imfakkar fil-punt 46 ta' din is-sentenza, ma jikkundizzjonax il-kuntest proċedurali li fih din id-deċiżjoni għandha tittieħed, jiġfieri jew dak ta' l-eżami permanenti tas-sistemi ta' għajnuniet eżistenti, kif jirriżulta mit-tlaqqigħ tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88(1) u (2) KE, jew dak tal-kontroll ta' l-għajnuniet ġodda, kif jirriżulta mit-tlaqqigħ tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88(3) u (2) KE.

54     Fid-dawl tal-konsegwenzi legali ta' din l-għażla proċedurali meta jkunu involuti miżuri li jkunu diġà ġew implementati (ara s-sentenza interlokutorja, punti 56 sa 63), il-Kummissjoni ma tistax tagħżel, b'mod awtomatiku, it-tieni kuntest proċedurali meta l-Istat Membri kkonċernat jallega li għandu jiġi applikat l-ewwel kuntest. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami suffiċjenti tal-kwistjoni abbażi ta' l-informazzjoni li tkun ingħatatilha f'dan l-istadju mill-Istat Membru, anki jekk dan l-eżami jwassal għal klassifikazzjoni tal-miżuri eżaminati li ma tkunx definittiva.

55     Bħal m'għandu jsir meta titqajjem il-kwistjoni ta' l-eżistenza stess ta' elementi ta' għajnuna, fil-kuntest tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-Stati Membri u l-istituzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 10 u sabiex ma jinħoloqx dewmien fil-proċedura, huwa l-Istat Membru li jidhirlu li hija involuta għajnuna eżistenti li għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, malajr kemm jista' jkun wara li l-Kummissjoni tiġbidlu l-attenzjoni dwar il-miżura kkonċernata, l-informazzjoni li fuqha jkun qiegħed jibbaża l-pożizzjoni tiegħu. Jekk din l-informazzjoni tippermetti, fil-kuntest ta' evalwazzjoni provviżorja, li jiġi kkunsidrat li huwa probabbli li l-miżuri in kwistjoni effettivament jikkostitwixxu għajnuniet eżistenti, il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkunsidrahom fil-kuntest proċedurali previst fl-Artikolu 88(1) u (2) KE. Mill-banda l-oħra, jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ma tippermettix li ssir din il-konklużjoni provviżorja jew jekk l-Istat Membru ma jipprovdi l-ebda informazzjoni f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-miżuri fil-kuntest proċedurali previst fl-Artikolu 88(3) u (2) KE.

56     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata din il-kawża.

57     Is-sitwazzjoni f'din il-kawża mhijiex kompletament komparabbli ma' dik li wasslet għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, invokata mill-Gvern Taljan. F'dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta l-Kummissjoni tkun awtorizzat sistema ta' għajnuniet, ikun kontra l-prinċipji ta' aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali jekk hija teżamina mill-ġdid, bħala għajnuniet ġodda, miżuri ta' applikazzjoni ta' din is-sistema. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-Istat Membru kkonċernat isostni li xi miżuri ngħataw b'applikazzjoni ta' sistema awtorizzata qabel, il-Kummissjoni ma tistax tiftaħ mill-ewwel il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' dawn il-miżuri billi tikkunsidrahom bħala għajnuniet ġodda, fatt li jimplika s-sospensjoni tagħhom, iżda li hija għandha qabel tiddetermina jekk dawn il-miżuri humiex koperti jew le mis-sistema in kwistjoni u, jekk dan ikun il-każ, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprova din is-sistema. Huwa biss fil-każ ta' konklużjoni negattiva fit-tmiem ta' dan l-eżami li l-Kummissjoni tkun tista' tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE billi tikkunsidra l-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet ġodda. Mill-banda l-oħra, fil-każ ta' konklużjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-miżuri bħala għajnuniet eżistenti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(1) u (2) KE.

58     Madankollu, f'din il-kawża, l-eventwali klassifikazzjoni tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet eżistenti ma tirriżultax minn deċiżjoni li fir-rigward tagħha hemm qbil bejn il-partijiet li hija deċiżjoni li tapprova sistema ta' għajnuna. Fil-fatt, il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 jammonta għal approvazzjoni tas-sistemi ta' għajnuniet previsti mill-kuntratti ta' servizzi pubbliċi msemmija fih, filwaqt li l-Kummissjoni ssostni l-kuntrarju. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat immedjatament il-konformità ta' l-imsemmija miżuri fid-dawl ta' dan ir-regolament, liema regolament, hija tikkontesta, jammonta għal deċiżjoni ta' approvazzjoni ta' sistemi ta' għajnuniet.

59     F'din il-kawża, l-ewwel domanda li kellha tingħata risposta għaliha sabiex issir l-għażla proċedurali dwar it-trattament tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuniet eżistenti jew bħala għajnuniet ġodda kienet preċiżament il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 jammontax għal approvazzjoni ta' l-għajnuniet kollha previsti mill-kuntratti ta' servizz pubbliku msemmija fih.

60     Il-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni. B'hekk, fid-deċiżjoni kkontestata tinsab is-silta segwenti: "l-Artikolu 4(3) jawtorizza li l-kuntratti ta' servizz pubbliku eżistenti jibqgħu fis-seħħ sad-data ta' l-iskadenza tagħhom. Dawn il-'klawżoli ta' anzjanità' għandhom jiġu interpretati b'mod ristrettiv, peress li jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-kuntratti [ta' servizz pubbliku] għandhom ikunu miftuħa għall-operaturi kollha kkonċernati ta' l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huma biss l-għajnuniet meħtieġa sabiex ikun assigurat li s-servizz pubbliku jkun offrut li jistgħu jkunu koperti minn dawn il-klawżoli. Għajnuna li taqbeż jew li hemm riskju li taqbeż dawn il-limiti għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni abbażi ta' dispożizzjonijiet dwar l-għajnuniet mill-Istat skond il-proċeduri normali". [traduzzjoni mhux uffiċjali] Minn din is-silta jirriżulta li l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuniet ġodda dawk il-finanzjamenti li jaqbżu l-ispejjeż inkorsi minħabba l-obbligi ta' servizz pubbliku biss. Barra minn hekk, din l-analiżi hija kompletament konsistenti ma' l-istedina, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li jiġu sospiżi biss il-finanzjamenti li jaqbżu l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-provvista tas-servizzi ta' interess ġenerali iżda mhux il-finanzjamenti kollha tal-kuntratti ta' servizz pubbliku konklużi ma' l-impriżi tal-grupp Tirrenia.

61     Għaldaqstant, il-Gvern Taljan ma jistax jakkuża lill-Kummissjoni li mill-bidu kkunsidrat il-miżuri li d-deċiżjoni kkontestata timplika s-sospensjoni tagħhom bħala għajnuniet ġodda, fis-sens ta' l-Artikolu 88(3) KE, mingħajr ma qabel eżaminat l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Taljani in sostenn tal-pożizzjoni tagħhom li l-miżuri in kwistjoni kellhom jiġu ttrattati bħala għajnuniet eżistenti.

62     Fuq il-mertu, għaldaqstant, huwa neċessarju li tkun affrontata l-kwistjoni jekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 kellux iwassal lill-Kummissjoni sabiex, fir-rigward tal-miżuri in kwistjoni, tadotta l-klassifikazzjoni ta' għajnuniet eżistenti fl-istadju tal-proċedura fejn għandha ssir l-għażla bejn jekk dawn il-miżuri għandhomx ikunu ttrattati bħala għajnuniet eżistenti jew bħala għajnuniet ġodda.

63     Il-Kummissjoni ma taqbilx li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 jista' jawtorizza għajnuniet mill-Istat u li jista' jagħmel dawn l-għajnuniet eżistenti minħabba r-raġuni waħdanija li huma previsti f'kuntratt ta' servizz pubbliku li kien jeżisti fil-mument meta daħal fis-seħħ dan ir-regolament. Skondha, dan ir-regolament, li ġie adottat abbażi ta' l-Artikolu 84 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 80 KE) jikkonċerna l-provvista libera tas-servizzi fil-qasam ta' trasport marittimu u huwa biss att li l-bażi legali tiegħu hija l-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE) li jista' jawtorizza għajnuniet mill-Istat. Għalhekk, l-uniku għan ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi regolament kien li jippermetti li jinżammu temporanjament fis-seħħ ċerti ostakoli għall-provvista libera tas-servizzi li huma ġġustifikati mill-bżonn li ċerti servizzi ta' trasport ta' interess ġenerali jkunu mantenuti. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f'kull każ, il-konnessjonijiet internazzjonali pprovduti minn ċerti kumpanniji tal-grupp Tirrenia ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92, li jikkonċerna biss il-kabotaġġ marittimu.

64     L-argument tal-Kummissjoni huwa biss parzjalment eżatt. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 li, fir-rigward tal-kwistjoni kkunsidrata hawnhekk, jikkonċerna l-kuntratti ta' servizz pubbliku ma' kumpanniji ta' navigazzjoni li jipprovdu servizzi regolari lejn jew minn gżejjer, kif ukoll bejn gżejjer, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-kuntratti ta' servizz pubbliku eżistenti fl-1 ta' Jannar 1993 jistgħu jibqgħu fis-seħħ sad-data ta' l-iskadenza tagħhom. Issa, il-kuntratti ta' dan it-tip, min-natura tagħhom, ikun fihom dispożizzjonijiet finanzjarji neċessarji sabiex ikunu assigurati l-obbligi ta' servizz pubbliku li jkunu previsti fihom. Safejn il-kliem ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 jirreferi għaż-żamma fis-seħħ tal-kuntratti in kwistjoni, mingħajr ma jillimita l-portata ta' din id-dispożizzjoni għal ċerti aspetti ta' l-imsemmija kuntratti, l-istipulazzjonijiet finanzjarji meħtieġa sabiex ikunu assigurati l-obbligi ta' servizz pubbliku li jinsabu f'dawn il-kuntratti huma koperti mill-imsemmi Artikolu 4(3). Għaldaqstant, huwa b'mod żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li kull ma jagħmel dan l-artikolu huwa li jawtorizza ż-żamma fis-seħħ ta' eventwali drittijiet esklużivi jew speċjali li jirriżultaw minn kuntratti bħal dawn. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma adottatx pożizzjoni daqstant restrittiva peress li fiha hija rrikonoxxiet li l-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-kuntratti in kwistjoni kienu koperti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92 sal-limitu tal-finanzjament ta' l-ispejjeż addizzjonali ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku.

65     Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni l-Gvern Taljan, eventwali għajnuniet li jaqbżu dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu assigurati l-obbligi ta' servizz pubbliku li huma s-suġġett tal-kuntratti in kwistjoni ma jistgħux jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92, preċiżament minħabba li dawn l-għajnuniet mhumiex meħtieġa għall-ekwilibriju, u għalhekk għaż-żamma, ta' kuntratti bħal dawn. Għaldaqstant, huma ma jistgħux, abbażi ta' din id-dispożizzjoni, jitqiesu bħala għajnuniet eżistenti.

66     Issa, f'din il-kawża, ir-rikors tal-Gvern Taljan ikopri biss il-miżuri li l-Kummissjoni semmiet is-sospensjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri unikament "kull għajnuna li taqbeż l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, skond [l-obbligi ta' servizz pubbliku] stabbiliti mill-awtoritajiet Taljani skond l-interess ekonomiku ġenerali". Dawn huma eventwali għajnuniet li mhumiex neċessarji sabiex ikunu assigurati l-imsemmija obbligi u li għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuniet eżistenti abbażi ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 3577/92. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ittrattat dawn l-eventwali għajnuniet bħala għajnuniet ġodda, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan.

67     Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 88(1) u (3) KE mhuwiex fondat.

68     Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn timplika, san-notifika lill-awtoritajiet Taljani tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura dwar l-impriża kkonċernata, is-sospensjoni tas-sistema fiskali applikata għall-provvista ta' fjuwil u ta' żejt ta' lubrikazzjoni tal-vapuri tal-grupp Tirrenia u li l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

69     Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali. F'din il-kawża, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikata lill-awtoritajiet Taljani permezz ta' ittra SG (99) D/6463, tas-6 ta' Awwissu 1999, li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat C 64/99 (ex NN 68/99) hija annullata safejn timplika, san-notifika lill-awtoritajiet Taljani tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura dwar l-impriża kkonċernata [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 1684, tal-21 ta' Ġunju 2001, jew Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 470 finali, tas-16 ta' Marzu 2004], is-sospensjoni tas-sistema fiskali applikata għall-provvista ta' fjuwil u ta' żejt ta' lubrikazzjoni tal-vapuri tal-Gruppo Tirrenia di Navigazione.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem.


1? Lingwa tal-kawża: it-Taljan