SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 7(1) – Eżawriment tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark – Tqegħid fuq is-suq tal-prodotti fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark – Kunċett – Prodotti offruti għall-bejgħ lill-konsumaturi u mbagħad irtirati – Bejgħ lil operatur stabbilit fiż-ŻEE bl-obbligu li l-prodotti jitqiegħdu fuq is-suq barra miż-ŻEE – Bejgħ mill-ġdid tal-prodotti lil operatur ieħor stabbilit fiż-ŻEE – Kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE"

Fil-kawża C-16/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hovrätten över Skåne och Blekinge (l-Iżvezja), permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Jannar 2003, fil-proċedura

Peak Holding AB

vs

Axolin-Elinor AB, li qabel kienet Handelskompaniet Factory Outlet i Löddeköpinge AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u R. Silva de Lapuerta, Presidenti ta' Awli, C. Gulmann (Relatur) J.-P. Puissochet, R. Schintgen u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Peak Holding AB, minn G. Gozzo, advokat,

–       għal Axolin-Elinor AB, minn K. Azelius, advokat, u M. Palm, jur. kand.,

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand u A. Kruse, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), kif emendata mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992 (ĠU L 1, 1994, p. 3, aktar 'il quddiem id-"direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Peak Holding AB (aktar 'il quddiem "Peak Holding") u Axolin-Elinor AB (aktar 'il quddiem "Axolin-Elinor"), li meta qamet din il-kawża kienet Handelskompaniet Factory Outlet i Löddeköpinge AB (aktar 'il quddiem "Factory Outlet"), fir-rigward tal-mod kif il-Factory Outlet ikkummerċjalizzat kunsinna ta' ħwejjeġ koperti mit-trade mark Peak Performance, li Peak Holding hija l-proprjetarju tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 5 tad-direttiva, intitolat "Drittijiet mogħtija minn trade mark", huwa fformulat bil-mod segwenti:

"1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

[...]

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

[...]

(b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

(ċ)      jimpurtaw […] il-merkanzija taħt is-simbolu;

[...]"

4       L-Artikolu 7 tad-direttiva, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, intitolat "Eżawriment tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark", kien jipprovdi li:

"1.      It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

[...]"

5       Skond l-Artikolu 65(2) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (aktar 'il quddiem iż-"ŻEE"), moqri flimkien mal-punt 4 ta' l-Anness XVII ta' dan il-ftehim, l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, ġie emendat għall-finijiet ta' dan il-ftehim, billi l-espressjoni "fil-Komunità" [traduzzjoni mhux uffiċjali] ġiet sostitwita bil-kliem "f'Parti Kontraenti" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6       Peak Holding, kumpannija tal-grupp Daniż IC-Companys, hija l-proprjetarja, fost l-oħrajn, tat-trade mark Peak Performance. Id-dritt ta' użu ta' din it-trade mark ġie mogħti lil Peak Performance Production AB (aktar 'il quddiem "Peak Performance Production"), kumpannija assoċjata ma' l-imsemmi grupp. Din il-kumpannija tipproduċi u tbiegħ il-ħwejjeġ u l-aċċessorji taħt din it-trade mark fl-Iżvezja u f'pajjiżi oħra.

7       Fiż-żmien meta qamet il-kawża prinċipali, Factory Outlet, kumpannija rregolata mid-dritt Żvediz, kienet tbiegħ ħwejjeġ u artikoli oħra direttament fi ħwienet fl-Iżvezja, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu prodotti tad-ditta li kienu importazzjonijiet paralleli, jew importazzjonijiet mill-ġdid jew li kienu ġew akkwistati barra mill-kanali ta' distribuzzjoni komuni tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata.

8       Fl-aħħar tas-sena 2000, Factory Outlet ikkummerċjalizzat, b'mod partikolari, kunsinna ta' madwar 25 000 oġġett ta' ħwejjeġ tat-trade mark Peak Performance, wara li kienet għamlet xi riklami fl-istampa li fihom offriet il-bejgħ ta' dawn l-artikoli għal nofs prezz.

9       L-imsemmija artikoli kienu tal-kollezzjonijiet ta' Peak Performance Production għas-snin 1996 sa 1998. Huma kienu ġew immanifatturati barra miż-ŻEE għan-nom ta' din il-kumpannija. Huma kienu ġew importati fiż-ŻEE sabiex jinbiegħu hemmhekk.

10     Skond Factory Outlet, il-ħwejjeġ offruti għall-bejgħ bejn l-1996 u l-1998 kienu ġew offruti għall-bejgħ fi ħwienet ta' persuni indipendenti li jbigħu mill-ġdid, filwaqt li, skond Peak Holding, dawn il-ħwejjeġ kienu ġew offruti għall-bejgħ fil-boutiques ta' Peak Performance Production.

11     F'Novembru u f'Diċembru 1999, il-ħwejjeġ kollha tal-kunsinna kienu jifformaw parti mill-ħwejjeġ offruti għall-bejgħ lill-konsumaturi finali f'Kopenħagen (Id-Danimarka), fil-ħanut ta' Base Camp, li kien jikseb il-kunsinni tiegħu minn Carli Gry Denmark A/S, sister company ta' Peak Performance Production. Il-kunsinna kienet għalhekk komposta minn merkanzija li baqgħet ma nbiegħetx wara s-sejls.

12     Peak Performance Production biegħet din il-kunsinna lil COPAD International (aktar 'il quddiem "COPAD"), impriża stabbilita fi Franza. Skond Peak Holding, il-kuntratt konkluż f'din l-okkażjoni kien jistipola li l-imsemmija kunsinna ma kellhiex terġa' tinbiegħ f'pajjiżi Ewropej apparti r-Russja u s-Slovenja, bl-eċċezzjoni ta' 5% tal-kwantità totali, li setgħet tiġi mibjugħa lil Franza. Factory Outlet kkontestat l-eżistenza ta' tali restrizzjoni u sostniet li, f'kull każ, ma kinitx taf biha meta xtrat il-kunsinna.

13     Factory Outlet sostniet li hija kienet akkwistat il-kunsinna mingħand Truefit Sweden AB, kumpannija rregolata mid-dritt Żvediż.

14     Jeżisti qbil li l-kunsinna ma ħarġitx miż-ŻEE minn meta ħalliet l-imħażen ta' Peak Performance Production fid-Danimarka sa meta waslet f'Factory Outlet fl-Iżvezja.

15     Filwaqt li sostniet li l-metodi magħżula minn Factory Outlet għall-kummerċjalizzazzjoni ta' l-imsemmija prodotti, b'mod partikolari r-riklami li għamlet, kienu jiksru d-drittijiet tagħha tat-trade mark, fid-9 ta' Ottubru 2000, Peak Holding ressqet kawża quddiem il-Lunds tingsrätt (L-Iżvezja). Hija talbet li Factory Outlet tiġi ordnata tħallas id-danni, li tiġi pprojbita milli tikkummerċjalizza u tbiegħ ħwejjeġ u artikoli l-oħra li jifformaw parti mill-kunsinna in kwistjoni, u li jiġi ordnat li din il-merkanzija tiġi meqruda.

16     Factory Outlet talbet sabiex it-talbiet tar-rikorrenti jiġu miċħuda. Hija sostniet li l-merkanzija kontenzjuża kienet tqiegħdet fis-suq fiż-ŻEE minn Peak Holding u għalhekk din ma kellhiex id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark meta jsir il-bejgħ tal-merkanzija.

17     L-ewwel nett, Factory Outlet sostniet li l-merkanzija kienet tqiegħdet fuq is-suq peress li kienet ġiet importata, minn Peak Performance Production, fis-suq intern u peress li kienu tħallsu d-dazji fuq l-importazzjoni relatati, bl-intenzjoni li l-imsemmija merkanzija tinbiegħ fil-Komunità. It-tieni nett, hija sostniet li l-merkanzija kienet tqiegħdet fuq is-suq peress li kienet ġiet offruta għall-bejgħ minn persuni indipendenti li jbigħu mill-ġdid. It-tielet nett, hija sostniet li l-merkanzija kienet tqiegħdet fuq is-suq peress li kienet ġiet ikkummerċjalizzata minn Peak Performance Production fil-ħwienet tagħha stess kif ukoll fil-ħanut ta' Base Camp u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, din il-merkanzija kienet ġiet offruta lill-konsumaturi. Ir-raba' nett, Factory Outlet sostniet li, f'kull każ, il-merkanzija kienet tqiegħdet fuq is-suq peress li kienet ġiet mibjugħa lil COPAD, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ sarx b'restrizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid fis-suq intern jew le.

18     Peak Holding ikkontestat li l-merkanzija kienet tqiegħdet fuq is-suq mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tagħha. Fil-fehma tagħha, anke jekk kien hemm eżawriment tad-dritt għat-trade mark minħabba l-fatt li l-merkanzija kienet ġiet offruta għall-bejgħ fil-ħanut ta' Base Camp, dan l-eżawriment kien ġie interrott u d-dritt għat-trade mark stabbilit mill-ġdid wara li l-merkanzija kienet ittieħdet lura fl-imħażen.

19     It-tingsrätt ċaħdet it-talba peress li qieset li l-merkanzija kienet ġiet effettivament ikkummerċjalizzata minħabba li kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi fil-ħanut ta' Base Camp u li d-dritt mogħti mit-trade mark ma setax jiġi stabbilit mill-ġdid wara dan l-avveniment.

20     Peak Holding ressqet appell minn din is-sentenza tat-tingsrätt quddiem il-qorti tar-rinviju.

21     Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni għall-kawża bejn Peak Holding u Axolin-Elinor tqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' l-espressjoni "tqiegħdet fuq is-suq" li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva, il-Hovrätten över Skåne och Blekinge ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"(1)      Il-merkanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala li tqiegħdet fuq is-suq minħabba l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark:

(a)      importaha fis-suq komuni u ħallas id-dazju fuq l-importazzjoni tagħha, bil-għan li jbigħha fuq dan is-suq?

(b)      offriha għall-bejgħ fil-ħwienet tiegħu stess jew f'dawk ta' kumpannija assoċjata, mingħajr ma kien hemm bejgħ?

(2)      Fil-każ li l-merkanzija tkun tqiegħdet fuq is-suq skond waħda miż-żewġ alternattivi hawn fuq imsemmija bir-riżultat li jiġi eżawrit id-dritt tat-trade mark mingħajr ma kien hemm bejgħ tal-merkanzija, il-proprjetarju tat-trade mark jista' jinterrompi dan l-eżawriment billi jerġa' jpoġġi l-merkanzija fil-maħżen?

(3)      Għandu jiġi kkunsidrat li l-merkanzija tqiegħdet fuq is-suq minħabba l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ikun biegħha lil impriża oħra fis-suq intern, u dan ukoll fil-każ li, meta jsir il-bejgħ, il-proprjetarju tat-trade mark ikun impona l-kundizzjoni li l-merkanzija ma tinbiegħx mill-ġdid fis-suq komuni?

(4)      Il-fatt li meta sar il-bejgħ tal-kunsinna li tifforma parti mill-merkanzija, il-proprjetarju tat-trade mark awtorizza lix-xerrej sabiex jerġa' jbiegħ parti żgħira mill-merkanzija fis-suq komuni, mingħajr ma jispeċifika l-prodotti individwali li għalihom tkun tapplika din l-awtorizzazzjoni, għandu effett fuq ir-risposta għat-tielet domanda?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22     Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti koperti minn trade mark għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li tqiegħdu fuq is-suq fiż-ŻEE meta l-proprjetarju tat-trade mark ikun importahom fiż-ŻEE bil-għan li jbiegħhom hemmhekk jew meta jkun offrihom għall-bejgħ lill-konsumaturi fiż-ŻEE, fil-ħwienet tiegħu stess jew f'dawk ta' kumpannija assoċjata, iżda ma jirnexxilux ibigħhom.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

23     Peak Holding u l-Kummissjoni jikkunsidraw li jkun biss hemm eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark meta jsir il-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu. Id-dritt mhuwiex eżawrit fil-każijiet imsemmija fl-ewwel domanda preliminari.

24     Axolin-Elinor issostni li l-eżawriment tad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark jirriżulta mis-sempliċi fatt ta' l-importazzjoni, tal-ħelsien mid-dwana u tal-ħażna tal-prodott fiż-ŻEE bil-għan li jinbiegħ. Sussidjarjament, hija ssostni li d-dritt mogħti mit-trade mark jiġi eżawrit meta l-proprjetarju tagħha joffri l-prodott għall-bejgħ lill-konsumaturi, anke jekk l-offerta ma titteħidtx.

25     Il-Gvern Żvediż iqis li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-direttiva għandhom jiġu mifhuma bħala li jeħtieġu li l-proprjetarju tat-trade mark ikun ħa miżura diretta lejn is-suq sabiex merkanzija tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala li tqiegħdet fuq is-suq.

26     Għalhekk, prodott m'għandux jiġi kkunsidrat bħala mqiegħed fuq is-suq fiż-ŻEE minħabba s-sempliċi fatt li kien importat, meħlus mid-dwana u wara maħżun fiż-ŻEE mill-proprjetarju, peress li ebda waħda minn dawn il-miżuri ma hija diretta lejn is-suq.

27     L-aktar tard li jseħħ l-eżawriment huwa meta l-proprjetarju tat-trade mark jew kwalunkwe persuna li tkun akkwistat id-dritt li tuża din it-trade mark joffru l-merkanzija għall-bejgħ lill-konsumaturi fiż-ŻEE.

28     Min-naħa l-oħra, l-eżawriment ma jseħħx meta l-proprjetarju tat-trade mark joffri l-prodotti tiegħu, fiż-ŻEE, lil persuni li jbigħu mill-ġdid, peress li offerta ta' bejgħ ġeneralment tirrigwarda biss ċerta kwantità tal-prodotti in kwistjoni. F'dan l-aħħar każ, ikun impossibbli li jiġu identifikati l-prodotti li fir-rigward tagħhom ikun seħħ l-eżawriment tad-dritt. Barra minn hekk, offerta li ma tiġix segwita minn trasferiment ma tkunx tista' tiġi kkunsidrata bħala att suffiċjentement definittiv li permezz tiegħu l-proprjetarju jkun iddispona mill-prodotti.

29     L-eżawriment iseħħ meta jsir trasferiment effettiv lil persuna li tbiegħ mill-ġdid, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun tidher li hija diretta lejn is-suq. Trasferiment bejn il-kumpanniji ta' l-istess grupp għandu jiġi kkunsidrat bħala miżura interna tal-grupp, li ma tinvolvix l-eżawriment tad-dritt.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 5 sa 7 tad-direttiva jwasslu għal armonizzazzjoni kompluta tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u b'hekk jiddefinixxu d-drittijiet tal-proprjetarji tat-trade marks fil-Komunità (sentenzi tas-16 ta' Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C-355/96, Ġabra p. I-4799, punti 25 u 29, u ta' l-20 ta' Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C-414/99 sa C-416/99, Ġabra p. I-8691, punt 39).

31     Il-kunċett ta' "[tqegħid] fuq is-suq" fiż-ŻEE użat fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva jikkostitwixxi element determinanti fl-estinzjoni tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark previst fl-Artikolu 5 ta' din id-direttiva (ara s-sentenza tat-8 ta' April 2003, Van Doren + Q, C-244/00, Ġabra p. I-3051, punt 34).

32     Għalhekk huwa għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fis-sistema legali Komunitarja (ara, b'analoġija, is-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata aktar 'il fuq, punti 41 sa 43).

33     Il-kliem biss ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk prodotti importati fiż-ŻEE jew offruti għall-bejgħ fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li "[tqiegħdu] fuq is-suq" fiż-ŻEE fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni in kwistjoni għandha titfittex fid-dawl ta' l-istruttura u l-għanijiet tad-direttiva.

34     L-Artikolu 5 tad-direttiva jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark dritt esklużiv li jippermettilu jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha, b'mod partikolari, milli jimportaw prodotti koperti mit-trade mark tiegħu, milli joffruhom, milli jqiegħduhom fuq is-suq jew milli jżommuhom għal dawn il-finijiet. L-Artikolu 7(1) fih eċċezzjoni għal din ir-regola safejn jipprovdi li d-dritt tal-proprjetarju huwa eżawrit meta l-prodotti jkunu tqiegħdu fuq is-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Zino Davidoff u Levi Strauss, punt 40, u Van Doren + Q, punt 33).

35     Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-direttiva hija intiża, b'mod partikolari, sabiex tassigura li l-proprjetarju jkollu d-dritt esklużiv li juża t-trade mark għall-ewwel tqegħid fuq is-suq tal-prodotti koperti minnha (ara, b'mod partikolari, sentenza tal-11 ta' Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Ġabra p. I-3457, punti 31, 40 u 44).

36     Barra minn hekk, hija rrilevat li, billi jippreċiża li t-tqegħid fuq is-suq barra miż-ŻEE ma jeżawrixxix id-dritt tal-proprjetarju li jopponi l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti mingħajr il-kunsens tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju b'hekk ippermetta lill-proprjetarju li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE tal-prodotti koperti mit-trade mark (ara s-sentenzi ta' l-1 ta' Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois, C-173/98, Ġabra p. I-4103, punt 21, Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33, u Van Doren + Q, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26).

37     Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-Artikolu 7(1) tad-direttiva huwa intiż sabiex irendi possibbli l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta' kampjun ta' prodott kopert minn trade mark mingħajr ma l-proprjetarju jkun jista' jopponi din il-kummerċjalizzazzjoni (ara s-sentenzi tat-23 ta' Frar 1999, BMW, C-63/97, p. I-905, punt 57, kif ukoll Sebago u Maison Dubois, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

38     Fl-aħħar nett, hija ddeċidiet li sabiex trade mark tkun tista' tgawdi mir-rwol essenzjali tagħha fis-sistema ta' kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li t-Trattat KE jipprova jistabbilixxi, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha jkunu ġew manifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta' impriża waħda li tkun responsabbli għall-kwalità tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 30).

39     F'din il-kawża, mhuwiex ikkonstatat li, meta jbiegħ prodotti koperti mit-trade mark tiegħu lil terza persuna fiż-ŻEE, il-proprjetarju jkun qed iqiegħed dawn il-prodotti fuq is-suq fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva.

40     Bejgħ, li jippermetti lill-proprjetarju jirrealizza l-valur ekonomiku tat-trade mark tiegħu, jeżawrixxi d-drittijiet esklużivi mogħtija mid-direttiva, b'mod aktar partikolari, dak li jipprojbixxi lit-terza persuna li takkwista l-prodotti tiegħu milli tbiegħhom mill-ġdid.

41     Min-naħa l-oħra, meta l-proprjetarju jimporta l-prodotti tiegħu bil-għan li jbiegħhom fiż-ŻEE jew li joffrihom għall-bejgħ fiż-ŻEE, huwa ma jqegħidhomx fuq is-suq fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva.

42     Fil-fatt, atti bħal dawn ma jittrasferixxux lit-terzi persuni d-dritt li jiddisponu mill-prodotti koperti mit-trade mark. Huma ma jippermettux lill-proprjetarju jirrealizza l-valur ekonomiku tat-trade mark. Anke wara tali atti, il-proprjetarju jżomm l-interess tiegħu li jżomm kontroll komplut fuq il-prodotti koperti mit-trade mark tiegħu, sabiex, b'mod partikolari, jassigura l-kwalità tagħhom.

43     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(3)(b) u (ċ) tad-direttiva, li jirrigwarda l-kontenut tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju, jiddistingwi b'mod partikolari bejn l-offerta tal-prodotti, it-tqegħid tagħhom fuq is-suq, iż-żamma tagħhom għal dawn il-finijiet u l-importazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-kliem ta' din id-dispożizzjoni jikkonferma wkoll li importazzjoni jew offerta tal-prodotti fiż-ŻEE ma jistgħux ikunu assimilati ma' tqegħid tagħhom fuq is-suq.

44     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti koperti minn trade mark ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jkunu tqiegħdu fuq is-suq fiż-ŻEE meta l-proprjetarju tat-trade mark ikun importahom fiż-ŻEE sabiex ibigħhom hemmhekk jew meta jkun offrihom għall-bejgħ lil konsumaturi fiż-ŻEE, fil-ħwienet tiegħu jew f'dawk ta' kumpannija assoċjata, iżda mingħajr ma jirnexxilu jbigħhom.

 Fuq it-tieni domanda

45     It-tieni domanda saret biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva.

46     Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

47     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-klawżola, f'kuntratt ta' bejgħ konkluż bejn il-proprjetarju tat-trade mark u operatur stabbilit fiż-ŻEE, li tipprojbixxi l-bejgħ mill-ġdid fiż-ŻEE, teskludix it-tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u għalhekk, tipprekludix l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid fiż-ŻEE bi ksur tal-projbizzjoni.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

48     Peak Holding tenfasizza li l-eżawriment previst fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva jippresupponi tqegħid fuq is-suq mill-proprjetarju stess jew bil-kunsens tiegħu. B'hekk l-eżawriment jeħtieġ il-kunsens tal-proprjetarju fiż-żewġ każijiet. Għalhekk, huwa ma jseħħx meta jsir il-bejgħ tal-prodott mill-proprjetarju tat-trade mark jekk dan ta' l-aħħar jistipola li jkun qed jibqa' jżomm d-drittijiet tiegħu fuq it-trade mark. Fil-każ li din il-klawsola ma tiġix imħarsa, il-prodott ma jkunx tqiegħed fuq is-suq bil-kunsens tal-proprjetarju, b'mod illi l-eżawriment ma jseħħx.

49     Axolin-Elinor, il-Gvern Żvediż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li klawżola bħal dik imsemmija fid-domanda preliminari ma tipprekludix l-eżawriment, li jseħħ bis-saħħa tal-liġi. Klawżola bħal din ma tistax tiġi invokata kontra terzi persuni. In-nuqqas ta' ħarsien ta' projbizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid jikkorrispondi għal ksur kuntrattwali u mhux għal ksur ta' drittijiet intellettwali. Għalhekk, l-effett legali ta' l-eżawriment fir-rigward tat-terzi persuni ma jitħalliex għad-dispożizzjoni tal-partijiet kontraenti, ikunu xi jkunu l-effetti li l-ftehim huwa suppost li jkollu fir-rigward ta' l-obbligi. Interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

50     L-Artikolu 7(1) tad-direttiva jissuġġetta l-eżawriment Komunitarju għat-tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trade mark stess, jew għat-tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE minn terza persuna, bil-kunsens tal-proprjetarju.

51     Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jippresupponi bejgħ tal-prodotti, minnu, fiż-ŻEE.

52     Fil-każ ta' bejgħ bħal dan, l-Artikolu 7(1) tad-direttiva ma jissuġġettax l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark għal kunsens tal-proprjetarju għal kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE.

53     L-eżawriment jirriżulta biss mit-tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju.

54     Il-klawżola eventwali, fl-att ta' bejgħ li jaffettwa l-ewwel tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE, dwar restrizzjonijiet territorjali għad-dritt ta' bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet f'dan l-att.

55     Hija ma tistax teskludi l-eżawriment previst mid-direttiva.

56     Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-klawżola, f'kuntratt ta' bejgħ konkluż bejn il-proprjetarju tat-trade mark u operatur stabbilit fiż-ŻEE, ta' projbizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid fiż-ŻEE ma teskludix li jkun hemm tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u għalhekk, ma tipprekludix l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid fiż-ŻEE bi ksur tal-projbizzjoni.

 Fuq ir-raba' domanda

57     Ir-raba' domanda tippresupponi li r-risposta għat-tielet domanda hija li klawżola msemmija f'din ta' l-aħħar teskludi li jkun hemm tqegħid fuq is-suq fiż-ŻEE fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid fiż-ŻEE bi ksur tar-restrizzjoni territorjali li jkun sar ftehim dwarha.

58     Għalhekk, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59     L-ispejjeż inkorsi mill-Gvern Żvediż u mill-Kummissjoni, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 7(1) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks, kif emendata permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti koperti minn trade mark ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jkunu tqiegħdu fuq is-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea meta l-proprjetarju tat-trade mark ikun importahom fiż-ŻEE sabiex ibigħhom hemmhekk jew meta jkun offrihom għall-bejgħ lil konsumaturi fiż-ŻEE, fil-ħwienet tiegħu jew f'dawk ta' kumpannija assoċjata, iżda mingħajr ma jirnexxilu jbigħhom.

2)      F'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-klawsola, f'kuntratt ta' bejgħ konkluż bejn il-proprjetarju tat-trade mark u operatur stabbilit fiż-Żona Ekonomika Europea, ta' projbizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid fiż-Żona Ekonomika Ewropea ma teskludix li jkun hemm tqegħid fuq is-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104, kif emendata permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Europea, u għalhekk, ma tipprekludix l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid fiż-Żona Ekonomika Ewropea bi ksur tal-projbizzjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.