SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

7 ta’ Jannar 2004 (*)

“Artikolu 141 KE – Direttiva 75/117/KEE – Trattament ugwali bejn irġiel u nisa – Esklużjoni ta’ sieħeb transesswali mill-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti li tingħata biss lill-konjuġi superstiti – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”

Fil-Kawża C‑117/01,

li għandha bħala suġġett talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

K. B.

u

National Health Service Pensions Agency,

Secretary of State for Health,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward u J.‑P. Puissochet, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal K. B., minn C. Hockney u L. Cox, QC, kif ukoll minn T. Eicke, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn N. Paines, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ K. B., irrappreżentata minn L. Cox u T. Eicke, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, assistit minn N. Paines, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Sack u L. Flynn, bħala aġenti, fis-seduta tat-23 ta’ April 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Ġunju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2001, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) għamlet domanda preliminari, taħt l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l‑Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Frar 1975, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

2        Din id-domanda qamet fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn K. B., membru tal-iskema tal‑pensjonijiet tan-National Health Service (Servizz tas-Saħħa Nazzjonali, iktar ’il quddiem l-“NHS”) u l-NHS Pensions Agency (aġenzija tas-sistema ta’ pensjonijiet tal-NHS) u tas-Secretary of State for Health dwar ir-rifjut tal-għoti ta’ pensjoni tar-romol lis-sieħeb transesswali tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 141KE jipprovdi li:

“1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall‑ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.

2. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in‑natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impieg tiegħu, mi[n]għand min iħaddmu.

[…]”

4        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 75/117 jistabbilixxi li:

“Il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, ’il quddiem imsejjaħ ‘prinċipju ta’ paga ndaqs’, ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għar-rigward ta’ l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta’ ħlas.”

5        Skond l-Artikolu 3 ta’ l-istess direttiva

“L-Istati Membri għandhom ineħħu għal kollox kull diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa li toħroġ minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ paga ndaqs.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tas-Sex Disrimination Act 1975 (il-Liġi ta’ l-1975 fuq id-diskriminazzjoni sesswali, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ l-1975”) li huwa pprojbit li jitwettqu atti diskriminatorji direttament kontra persuna ta’ sess partikolari billi tingħata trattament inqas favorevoli minn dak li tibbenefika jew kienet tibbenefika minnu persuna ta’ sess oppost. Dawn l-artikoli jipprojbixxu wkoll id-diskriminazzjoni indiretta li sostanzjalment jiddefinixxu bħala l-fatt li jiġu applikati kundizzjonijiet jew ħtiġijiet identiċi li għandhom bħala effett li jiżvantaġġaw b’mod sproporzjonat u inġustifikat il-persuni ta’ sess partikolari.

7        Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, P. vs S. (C‑13/94, Ġabra p. I‑2143), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq adotta s-Sex Discrimination (Gender Reassignment) Regulations 1999 (Regolament ta’ l-1999 fuq id-diskriminazzjoni sesswali fil-każ ta’ bidla fis-sess) li emendaw il-Liġi ta’ l‑1975 sabiex taqa’ taħtha d-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq il-bidla fis-sess ta’ impjegat.

8        L-Artikolu 11(ċ) tal-Matrimonial Causes Act 1973 (il-Liġi ta’ l-1973 fuq kwistjonijiet matrimonjali) iqis li huwa null kull żwieġ fejn il-konjuġi mhumiex rispettivament ta’ sess maskili u ta’ sess femminili.

9        L-Artikolu 29(1) u (3) tal-Births and Deaths Registration Act 1953 (il-Liġi ta’ l‑1953 fuq ir-reġistrazzjoni tat-twelid u ta’ l-imwiet) jipprojbixxi kull tibdil fir-reġistru ta’ l-att ta’ twelid, ħlief fil-każ ta’ żball fil-kitba jew ta’ fatt.

10      L-NHS Pension Scheme Regulations 1995 (ir-Regolamenti ta’ l-1995 fuq is‑sistema ta’ pensjonijiet tal-NHS) jipprovdu fl-Artikolu G7(1) li, jekk membru ta’ sess femminili jmut fiċ-ċirkustanzi li jiddefinixxu dawn ir-regolamenti u jħalli armel, dan ta’ l-aħħar ikollu, fil-prinċipju, dritt għal pensjoni ta’ superstiti. It‑terminu “armel” mhuwiex definit. Madankollu huwa stabbilit, fid-dritt Ingliż, li dan it-terminu jirriferi għal persuna miżżewġa lill-membru.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      K. B., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija mara li ħadmet għal madwar 20 sena għall-NHS, fost l-oħrajn bħala infermiera, u hija membru fl-NHS Pension Scheme.

12      K. B. għexet relazzjoni affettiva u domestika għal diversi snin ma’ R., persuna li twieldet ta’ sess femminili u rreġistrata bħala tali fl-istat ċivili, li, wara operazzjoni medika ta’ bidla fis-sess, saret raġel, mingħajr ma setgħet tibdel l-att tat-twelid tagħha biex din il-bidla ssir uffiċjali. Għal din ir-raġuni, u kontra x‑xewqa tagħhom, K. B. u R. ma setgħux jiżżewwġu. K. B. sostniet fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u mqajma mill-ġdid fis-seduta li l-unjoni tagħhom ġiet iċċelebrata f’“ċerimonja fil-knisja approvata minn membru tal‑Kulleġġ Episkopali ta’ l-Ingilterra” u li taw il-wegħdiet lil xulxin “bl-istess mod li tagħmel kwalunkwe koppja li tidħol għaż-żwieġ”.

13      L-NHS Pensions Agency informat lil K. B. li billi hi u R. ma kinux miżżewġin, jekk hija tmut qabel R., R. ma jkunx jista’ jirċievi pensjoni tar-romol, billi dik il‑pensjoni kienet titħallas biss lil konjuġi superstiti u ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fid-dritt tar-Renju Unit li tirrikonoxxi persuna bħala konjuġi fin‑nuqqas ta’ żwieġ legali.

14      K. B. ippreżentat rikors quddiem l-Employment Tribunal (ir-Renju Unit) fejn sostniet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-benefiċċji lir-romol nisa u rġiel jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess bi ksur ta’ l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva 75/117. Skond K. B., dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar jirrikjedu li, f’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “armel” jiġi interpretat b’mod li jinkludi wkoll il-membru li jibqa’ ħaj minn koppja li tkun kisbet din il-kwalità kieku l-appartenenza sesswali tagħha ma kinitx tkun ir-riżultat ta’ operazzjoni medika ta’ bidla fis-sess.

15      Kemm l-Employment Tribunal, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 1998, kif ukoll l-Employment Appeal Tribunal, London (ir-Renju Unit), permezz ta’ sentenza mogħtija fl-appell fid-19 ta’ Awwissu 1999, iddeċidew li s-sistema ta’ pensjonijiet inkwistjoni ma kinitx diskriminatorja.

16      K. B. ippreżentat appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) li ddeċidiet li tissosspendi l-kawża quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Ir-rifjut li tingħata pensjoni lil sieħeb transesswali (persuna li oriġinarjament kienet ta’ sess femminili) ta’ membru femminili tan-National Health Service Pension Scheme, li skond din ta’ l-aħħar il-benefiċċji għad-dipendenti jistgħu jibbenefikaw minnhom biss l-armel tagħha, jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ipprojbita mill-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117[?]”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

17      Skond K. B. id-deċiżjoni li tiġi rrifjutata d-dritt li tindika lil R. bħala benefiċjarju tal-pensjoni tar-romol ġiet adottata biss għar-raġuni tal-bidla fis-sess ta’ dan ta’ l‑aħħar. Fil-fatt, li kieku R. ma bidilx is-sess u li kieku dan ma kienx jipprojbih milli jiżżewweġ, R. kien ikollu dritt għall-pensjoni tas-superstiti bħala konjuġi superstiti.

18      Hija ssostni li s-sentenza P. vs S., iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li d-dritt Komunitarju jipprojbixxi d-diskriminazzjoni li għandha oriġini fil-bidla tas-sess ta’ persuna, għandha tapplika fil-kawża prinċipali billi l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li K. B. u R. jiffurmaw koppja eterosesswali fejn l-unika karatteristika hija li s-sess ta’ wieħed mill-imseħbin jirriżulta minn operazzjoni medika. Għaldaqstant, it-trattament sfavorevoli li dawn tal-aħħar huma suġġetti għalih huwa bbażat biss fuq il-fatt li R. għadda minn bidla fis-sess, u dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li hija pprojbita mill-Artikolu 141 KE u mid-Direttiva 75/117.

19      Sussidjarjament, K. B. issostni li r-rekwiżit taż-żwieġ jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fil-konfront tat-transesswali billi, kuntrarjament għal dak li jiġri f’koppja eterosesswali fejn l-ebda wieħed miż-żewġ imseħbin ma huwa transesswali, fil-każ ta’ koppja eterosesswali fejn wieħed mill-membri jkun għamel operazzjoni biex jibdel is-sess, il-kriterju taż-żwieġ qatt ma jista’ jiġi sodisfatt.

20      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li kemm l-impjegati rġiel kif ukoll dawk nisa tal‑NHS li mhumiex marbutin biż-żwieġ mas-sieħeb tagħhom ma jistgħux jirċievu benefiċċji tas-superstiti stabbiliti fl-NHS Pension Scheme u dan, tkun xi tkun ir‑raġuni għaliex huma mhumiex miżżewġin. Ftit li xejn huwa importanti li r‑raġuni għaliex impjegat partikolari ma jistax jissodisfa l-obbligu taż-żwieġ qiegħda fil-fatt li jkollu sieħeb omosesswali, bħal fil-kawża li tat lok għas‑sentenza tas-17 ta’ Frar 1998, Grant (C‑249/96, Ġabra p. I-621), jew li għandu sieħeb transesswali, bħal fil-kawża prinċipali, jew li tirriżulta minn xi motiv ieħor.

21      Il-Gvern tar-Renju Unit jqis ukoll li s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L‑Isvezja vs Il-Kunsill (kawżi magħquda C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319), hija applikabbli fil-kawża prinċipali, billi d-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fiha, bħal f’din il-kawża, il-kundizzjoni ta’ żwieġ u ma tirrekjedix sempliċiment relazzjoni stabbli ta’ ċerta natura għall-finijiet tal-għoti ta’ allowance tad-dar.

22      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-element determinanti fil-kawża li tat lok għas‑sentenza P. vs S., iċċitata iktar ’il fuq, kien il-fatt li t-trattament sfavorevoli fil-konfront ta’ P. kien ġie pprovokat direttament bil-bidla fis-sess tiegħu u oriġina minn hemm, għaliex dan ta’ l-aħħar ma kienx jitkeċċa li kieku ma bidilx l‑appartenenza sesswali tiegħu.

23      Madankollu, fil-kawża prinċipali, it-trattament sfavorevoli kkontestat għandu biss relazzjoni mill-bogħod mal-bidla fis-sess ta’ R. u huwa pjuttost marbut ma’ l‑impossibbiltà għall-koppja li tiżżewweġ. F’dawn il-kundizzjonijiet, il‑Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza P. vs S, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax fil-kawża preżenti.

24      Il-Kummissjoni tgħid wkoll li K. B. ma tistax tistrieħ fuq id-dritt Komunitarju biex issostni li r-rabta indiretta bejn il-bidla fis-sess ta’ R. u r-rifjut li titħallas pensjoni tas-superstiti hija biżżejjed biex dan ir-rifjut jiġi kkwalifikat bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Fil-fatt, minn naħa, is-sentenza Grant iċċitata iktar ’il fuq, kienet irrikonoxxiet impliċitament li d-definizzjoni ta’ żwieġ hija kwistjoni tad-dritt tal-familja, li hija fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-ostakolu għaż‑żwieġ li jirriżulta mill-fatt li d-dritt tar-Renju Unit ma jippermettix li transesswali jemenda ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu jew tagħha ma jikkostitwixxix ksur ta’ l-Artikoli 8, 12 jew 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Il-benefiċċji mogħtija taħt sistema ta’ pensjoni, li essenzjalment hija relatata ma’ l-impjieg tal-persuna kkonċernata, jifformaw parti mill-ħlas irċevut minn dik il‑persuna u jidħlu fil-kuntest ta’ l-Artikolu 141 KE [ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, Ġabra p. I‑1889, punt 28), u tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi (C‑351/00, Ġabra p. I‑7007, punt 40)].

26      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li pensjoni tas-superstiti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 KE. Dwar dan, hija ppreċiżat li l‑fatt li din il-pensjoni, minnha nnfisha, ma titħallasx lill-ħaddiem, imma lis‑superstiti tiegħu, ma taffettwax din l-interpretazzjoni, peress li dan il‑benefiċċju huwa vantaġġ li joriġina mill-affiljazzjoni tal-konjuġi tas-superstiti ma’ l-iskema, b’tali mod li l-pensjoni tinkiseb minn dan ta’ l-aħħar fil-kuntest tar‑relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u dan il-konjuġi u tingħatalu minħabba l-impjieg tiegħu [ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, Ġabra p. I‑4879, punti 12 u 13), kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2001, Menauer (C‑379/99, Ġabra p. I‑7275, punt 18)].

27      Il-pensjoni tas-superstiti mħallsa fil-kuntest ta’ sistema professjonali ta’ sigurtà soċjali kif inhi mwaqqfa mill-NHS Pension Scheme tikkostitwixxi paga skond l‑Artikolu 141 KE tad-Direttiva 75/117.

28      Id-deċiżjoni li ċerti vantaġġi jiġu rriżervati lil koppji miżżewġin, bl-esklużjoni ta’ dawk kollha li jikkoabitaw mingħajr ma jkunu miżżewġin, tirrigwarda kemm l‑għażla tal-leġiżlatur, kif ukoll l-interpretazzjoni magħmula mill-qrati nazzjonali tar-regoli legali tad-dritt intern, mingħajr ma l-individwi jkunu jistgħu jsostnu ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ipprojbita mid-dritt Komunitarju (ara, għal dak li jirrigwarda l-poteri tal-leġiżlatur Komunitarju, is-sentenza D u L‑Isvezja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

29      Għalhekk, rekwiżit bħal dak ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u, għaldaqstant, bħala li jikser l-Artikolu 141 KE jew id‑Direttiva 75/117, billi l-fatt li l-applikant huwa raġel jew mara huwa mingħajr rilevanza fir-rigward tal-għoti tal-pensjoni tas-superstiti.

30      F’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, madankollu hemm inugwaljanza ta’ trattament li, waqt li direttament ma taffettwax il-benefiċċju ta’ dritt protett mid‑dritt Komunitarju, taffettwa waħda mill-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dak id‑dritt. Kif enfasizza ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-inugwaljanza ta’ trattament mhijiex relatata mar-rikonoxximent ta’ pensjoni tar-romol, imma ma’ kundizzjoni minn qabel li hija indispensabbli għall‑għoti tagħha, jiġifieri l-kapaċità għaż-żwieġ.

31      Fil-fatt, fir-Renju Unit, meta mqabbla ma’ koppji eterosesswali li l-identità ta’ l‑ebda wieħed mill-imseħbin ma huwa r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ bidla fis-sess u li għalhekk jistgħu jiżżewġu u, jekk ikun il-każ, jibbenefikaw minn pensjoni tas‑superstiti li tikkostitwixi element tal-paga ta’ wieħed fosthom, koppja bħal dik iffurmata minn K. B. u R. mhija bl-ebda mod f’pożizzjoni li tissodisfa l‑kundizzjoni ta’ żwieġ, kif inhu stabbilit mill-NHS Pension Scheme fir-rigward tal-għoti ta’ pensjoni ta’ superstiti.

32      Is-sors ta’ din l-impossibbilità oġġettiva qiegħed fil-fatt li, l-ewwel nett, il-Liġi ta’ l-1973 fuq kwistjonijiet matrimonjali tqis li huwa null kull żwieġ fejn il-konjuġi ma jkunux rispettivament ta’ sess maskili u ta’ sess femminili, u li s-sess ta’ persuna huwa dak li jidher fl-att tat-twelid u, fl-aħħar nett, il-liġi fuq ir‑reġistrazzjoni tat-twelid u tal-imwiet tipprojbixxi kull emenda tar-reġistru ta’ l‑att tat-twelid, ħlief fil-każ ta’ żball fil-kitba u ta’ żball ta’ fatt.

33      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l‑impossibbiltà għal transesswali li jiżżewweġ ma’ persuna tas-sess li kellu qabel l-operazzjoni ta’ bidla fis-sess, u li jiddependi mill-fatt li, fir-rigward ta’ l-istat ċivili, huma ta’ l-istess sess, billi l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma tippermettix ir‑rikonoxximent legali ta’ l-identità sesswali ġdida tiegħu, tikkostitwixxi ksur tad‑dritt tiegħu li jiżżewweġ taħt l-Artikolu 12 tal-KEDB (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Christine Goodwin vs Ir-Renju Unit u I vs Ir‑Renju Unit tal-11 ta’ Lulju 2002, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, rispettivament punti 97 sa 104 u punti 77 sa 84).

34      Leġiżlazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li bi ksur tal-KEDB, tipprojbixxi koppja bħal K. B. u R. milli tissodisfa l-kundizzjoni ta’ żwieġ meħtieġa biex wieħed minnhom ikun jista’ jibbenefika minn parti mill-paga ta’ l-oħra, għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija, fil-prinċipju, inkompatibbli ma’ l-eżiġenzi ta’ l‑Artikolu 141 KE.

35      Billi huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar‑rikonoxximent legali tal-bidla fis-sess ta’ persuna fis-sitwazzjoni ta’ R., kif aċċettat ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza Goodwin vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq punt 103), hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, persuna fis-sitwazzjoni ta’ K. B. tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 141 KE biex jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħha d-dritt li s-sieħeb tagħha jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti.

36      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 141 KE jipprekludi, fil‑prinċipju, leġiżlazzjoni li, bi ksur tal-KEDB, tipprojbixxi koppja bħal K. B. u R. milli jissodisfaw il-kundizzjoni taż-żwieġ meħtieġa biex wieħed fosthom ikun jista’ jibbenefika minn parti mill-paga ta’ l-oħra. Il-qorti nazzjonali hija obbligata li tivverifika jekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, persuna fis-sitwazzjoni ta’ K. B. tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 141 KE biex jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħha d-dritt li s-sieħeb tagħha jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti.

 Fuq l-ispejjeż

37      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni għas‑sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), b’digriet ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 141 KE huwa kontra, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni li, bi ksur tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, tipprojbixxi koppja bħal K. B. u R. milli jissodisfaw il-kundizzjoni taż-żwieġ meħtieġa biex wieħed fosthom ikun jista’ jibbenefika minn parti mill-paga ta’ l-oħra. Il-qorti nazzjonali hija obbligata li tivverifika jekk, f’każ bħal dak fil‑kawża prinċipali, persuna fis-sitwazzjoni ta’ K. B. tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 141 KE biex jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħha d-dritt li s-sieħeb tagħha jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti.

Skouris

Timmermans

Cunha Rodrigues

Rosas

Edward

Puissochet

Macken

Colneric

von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Jannar 2004.

R. Grass

 

      V. Skouris

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.