SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
24 ta' Ġunju 2004 (*)
"Trade marks – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Direttiva 89/104/KEE – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark – Taħlitiet ta' kuluri – Kuluri blu u isfar għal ċerti prodotti użati fil-bini"
Fil-kawża C-49/02,
li għandha bħal suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Bundespatentgericht (Il-Ġermanja) għal deċiżjoni preliminari fir-rikors imressaq quddiem din il-qorti minn
Heidelberger Bauchemie GmbH,
dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Schintgen, u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Heidelberger Bauchemie GmbH, minn V. Schmitz, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistita minn D. Alexander, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussenu T. Jürgensen, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta' Heidelberger Bauchemie GmbH u tal-Kummissjoni fis-seduta tas-6 ta' Novembru 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' digriet tat-22 ta' Jannar 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Frar 2002, il-Bundespatentgericht, bis-saħħa ta' l-Artikolu 234 KE, staqsa żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, aktar 'il quddiem id-"direttiva").
2 Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta' rikors imressaq minn Heidelberger Bauchemie GmbH (aktar 'il quddiem "Heidelberger Bauchemie") kontra r-rifjut ta' Deutsches Patentamt (Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi, aktar 'il quddiem l-"uffiċċju tal-privattivi") li jirreġistra l-kuluri blu u isfar għal ċerti prodotti użati fil-bini bħala trade mark.
Il-kuntest ġuridiku
Il-ftehim TRIPs
3 Il-ftehim dwar l-aspetti kummerċjali ta' drittijiet dwar proprjetà intellettwali (aktar 'il quddiem il-"ftehim TRIPs"), anness mal-ftehim li jikkostitwixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tal-15 ta' April 1994, ġie approvat mill-Kunsill f'isem il-Komunità Ewropea, fir-rigward ta' l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800 tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 336, pp. 1 u 214) [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995. Madankollu, skond l-Artikolu 65(1) tat-TRIPs, il-membri ma kinux obbligati li japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu qabel l-iskadenza ta' perijodu ġenerali ta' sena, jiġifieri qabel l-1 ta' Jannar 1996.
4 L-Artikolu 15(1) tal-ftehim TRIPs jipprovdi li:
"Kull sinjal jew diversi sinjali flimkien, kapaċi li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Sinjali bħal dawn, b'mod partikolari, kliem, inklużi ismijiet personali, ittri, numri, elementi figurattivi u taħlitiet ta' kuluri, kif ukoll kull taħlita ta' dawn is-sinjali, jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks. Fil-każ li s-sinjali mhumiex minnhom infushom kapaċi li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi rilevanti, il-Membri jistgħu jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni għall-karatteristika distintiva miksuba bl-użu. Bħala kundizzjoni ta' reġistrazzjoni, il-Membri jistgħu jeżiġu li s-sinjali jkunu perċettibbli viżwalment." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
5 L-Artikolu 2 tad-direttiva, intitolat "Sinjali li trade mark[s] jistgħu jikkonsistu minnhom", huwa fformulat bil-mod segwenti:
"Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla ta’ l-merkanzija jew [l-ippakkjar] tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra."
6 L-Artikolu 3 tad-direttiva, intitolat "Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità", jipprovdi li:
"1. Is-segwenti m'għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati [i]nvalidi:"
a) sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;
b) trade marks li [m']għandhom l-ebda karatteristika distintiva;
ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddesinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni [tal]-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra [tal]-merkanzija jew tas-servizz;
d) trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;
[…]
3. Trade mark [m']għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-disposizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.
[…]"
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
7 Il-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (liġi dwar il-protezzjoni ta' trade marks u ta' sinjali oħra distintivi) tal-25 ta' Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, aktar 'il quddiem il-"Markengesetz"), li tinsab fl-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Reform des Markenrechts und zur Umsetzung der Ersten Richtlinien (liġi li temenda l-liġi dwar it-trade marks u tittrasponi l-ewwel direttiva), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995, hija intiża sabiex timplementa d-direttiva fid-dritt nazzjonali Ġermaniż.
8 L-Artikolu 3(1) tal-Markengesetz jiddikjara li:
"Kull sinjal, b'mod partikolari, il-kliem, inklużi l-ismijiet personali, id-disinji, l-ittri, in-numri, is-sinjali ta' ħoss, il-forom tridimensjonali, inklużi l-forma tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu kif ukoll kull tip ta' ppakkjar ieħor, inklużi l-kuluri u t-taħlititiet ta' kuluri, kapaċi li jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra, jista' jiġi protett bħala trade mark."
9 L-Artikolu 8 tal-Markengesetz jipprovdi li:
"(1) Is-sinjali li jistgħu jiġu protetti bħala trade marks skond l-Artikolu 3 iżda li ma jistgħux jiġu rrappreżentati grafikament ma jistgħux jiġu rreġistrati.
(2) It-trade marks segwenti ma jistgħux jiġu reġistrati
1. dawk li huma nieqsa minn kull karatteristika distintiva għall-prodotti u s-servizzi,
[…]
(3) Il-paragrafu 2(1), (2) u (3) ma japplikax meta, meta tittieħed deċiżjoni fuq ir-reġistrazzjoni, it-trade mark tkun aċċettata mill-pubbliku kkonċernat wara l-użu tagħha għall-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Fit-22 ta' Marzu 1995 Heidelberger Bauchemie applikat fl-uffiċċju tal-privattivi għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark, tal-kuluri blu u isfar. Taħt it-titolu "riproduzzjoni tat-trade mark" kien hemm biċċa karta fil-forma ta' rettangolu li n-nofs ta' fuq tagħha kien ta' kulur blu u n-nofs ta' isfel ta' kulur isfar. Ma' l-applikazzjoni kien hemm id-deskrizzjoni segwenti tat-trade mark:
"It-trade mark mitluba hija magħmula mill-kuluri ta' l-impriża ta' l-applikanta li huma użati taħt kull forma immaġinabbli, b'mod partikolari fil-pakketti u t-tikketti."
Ir-referenza preċiża tal-kuluri hija:
RAL 5015/HKS 47 – blu
RAL 1016/HKS 3 – isfar."
11 Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet mitluba għal lista ta' diversi prodotti użati għall-bini fosthom, b'mod partikolari, il-kolol, is-solventi, il-verniċ, iż-żebgħa, il-lubrikanti u l-materjali ta' iżolament.
12 L-uffiċċju tal-privattivi ċaħad din l-applikazzjoni permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Settembru 1996, minn naħa, minħabba li s-sinjal li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu ma kienx kapaċi jikkostitwixxi trade mark u ma setax jiġi rrappreżentat grafikament u, min-naħa l-oħra, minħabba li kien nieqes minn karattarestika distintiva. Madankollu, wara d-deċiżjoni "trade mark ta' kuluri iswed/isfar" tal-Bundesgerichtshof (Il-Ġermanja) ta' l-10 ta' Diċembru 1998, l-uffiċċju tal-privattivi reġa' eżamina l-pożizzjoni tiegħu. Permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Mejju 2000, huwa aċċetta li l-kuluri huma, fil-prinċipju, kapaċi li jikkostitwixxu trade mark, iżda ċaħad l-applikazzjoni minħabba nuqqas ta' karatteristika distintiva. Heidelberger Bauchemie ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht.
13 Il-Bundespatentgericht ikkunsidrat li mhuwiex ċert li t-trade marks ta' kuluri li huma astratti u mingħajr definizzjoni jistgħu jiġu meqjusa bħala "sinjali" li jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament skond l-Artikolu 2 tad-direttiva. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna sinjali definiti b'mod ċar u konkret, viżibbli direttament u li jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament. Il-kapaċità ta' sinjal li jiġi rrappreżentat grafikament prevista fl-Artikolu 2 tad-direttiva tippermetti li jittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' preċiżjoni meħtieġ mid-dritt dwar it-trade marks għall-iskopijiet tar-reġistrazzjoni. Huwa dubbjuż kemm trade mark ta' kulur astratt tista' tikkonforma ma' dan il-prinċipju. Għalhekk, huwa neċessarju li tingħata interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-direttiva sabiex jiġi ppreċiżat jekk il-kuluri jew it-taħlitiet ta' kuluri astratti jaqgħux taħt il-kunċett ta' sinjali kapaċi li jikkostitwixxu trade mark. Għandha ssir ukoll riċerka biex jiġi stabbilit safejn il-qasam ta' protezzjoni ta' "trade marks ta' kuluri li huma astratti" huwa kompatibbli maċ-ċertezza legali neċessarja għall-operaturi kollha tas-suq jew jekk ifixkilx il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi peress li jagħti lis-sidien tat-trade marks drittijiet ta' monopolju wiesgħa wisq u li mhumiex raġonevoli fir-rigward tal-kompetituri.
14 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
"Kuluri jew taħlitiet ta' kuluri, indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni f'applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li l-isfumaturi tagħhom huma indikati b'referenza għal kampjun ta' kulur (specimen ta' kulur) u li huma ppreċiżati skond klassifika ta' kuluri magħrufa, jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxu trade mark skond l-Artikolu 2 tad-[direttiva]?
B'mod partikolari, skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, tali trade mark, magħrufa bħala "trade mark ta' kulur (astratt)", hija
a) sinjal,
b) distinta biżżejjed biex tkun tista' tindika l-oriġini,
ċ) kapaċi li tiġi rrappreżentata grafikament?"
Fuq id-domandi preliminari
15 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet kuluri jew taħlitiet ta' kuluri indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni jistgħu jikkostitwixxu trade mark skond l-Artkolu 2 tad-direttiva.
16 F'dan ir-rigward, fil-punti 24 sa 26 tas-sentenza tagħha tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel (C-104/01, Ġabra p. I-3793), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għamlu dikjarazzjoni konġunta, miktuba fil-minuti tal-Kunsill meta ġiet adottata d-direttiva, li huma "jikkunsidraw li l-Artikolu 2 ma jeskludix il-possibbiltà […] li taħlitiet ta' kuluri jew kulur wieħed jiġu rreġistrati bħala trade marks sakemm tali sinjali jkunu kapaċi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra" (ĠU UASI nru 5/96, p. 607).
17 Dikjarazzjoni bħal din ma tistax issir fil-każ ta' l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja meta, bħal fil-każ in eżami, il-kontenut tagħha ma jsib ebda espressjoni fit-test tad-dispożizzjoni in kwistjoni, u għalhekk m'għandu ebda effett ġuridiku (sentenzi tas-26 ta' Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, u tad-29 ta' Mejju 1997, VAG Sverige, C-329/95, Ġabra p. I-2675, punt 23). Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew espressament din il-limitazzjoni fil-preambolu tad-dikjarazzjoni tagħhom, li jgħid li "peress li d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jinsabu iktar 'l isfel, ma jiffurmawx parti mit-test legali, huma mingħajr ħsara għall-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
18 Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk u, fil-każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 2 tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li kuluri jew taħlitiet ta' kuluri indikati mingħajr definizzjoni ta' spazju jistgħu jikkostitwixxu trade mark.
19 L-Artikolu 15(1) tal-ftehim TRIPs jipprovdi li "t-taħlitiet ta' kuluri […] jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks." Madankollu, dan il-ftehim ma jagħtix definizzjoni ta' "taħlita ta' kuluri".
20 Peress li l-Komunità hija parti kontraenti fil-ftehim TRIPs hija għandha, safejn huwa possibbli, tinterpreta l-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-trade marks fid-dawl tat-test u l-għan ta' dan il-ftehim (ara f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1998, Hermès, C-53/96, Ġabra p. I-3603, punt 28).
21 Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 2 tad-direttiva jistax jiġi interpretat fis-sens li t-"taħlitiet ta' kuluri" jistgħu jikkostitwixxu trade marks.
22 Sabiex kuluri jew taħlitiet ta' kuluri jkunu jistgħu jikkostitwixxu trade mark skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, huma għandhom jissodisfaw tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, huma għandhom jikkostitwixxu sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista' jiġi rappreżentat grafikament. It-tielet nett, dan is-sinjal għandu jkun kapaċi jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).
23 Kif ġie diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuluri huma normalment sempliċi proprjetà ta' l-affarijiet (sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27). Anke fil-qasam speċifiku tal-kummerċ, il-kuluri u t-taħlitiet ta' kuluri huma ġeneralment użati minħabba s-setgħa attrattiva u dekorattiva tagħhom, mingħajr ma jittrażmettu xi tifsira. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-kuluri jew it-taħlitiet ta' kuluri jistgħu, meta użati fir-rigward ta' prodott jew servizz, jikkostitwixxu sinjal.
24 Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-direttiva, għandu jiġi stabbilit li, fil-kuntest li fih huma użati, il-kuluri jew it-taħlitiet ta' kuluri li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom effettivament jippreżentaw rwieħhom bħala sinjal. L-għan ta' din il-kundizzjoni huwa partikolarment biex jiġi evitat li d-dritt dwar it-trade marks jiġi abbużat sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust.
25 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-12 ta' Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punti 46 sa 55, u Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 28 u 29) jirriżulta li rappreżentazzjoni grafika, skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, għandha tippermetti li s-sinjal jiġi rrappreżentat viżwalment, partikolarment, permezz ta' figuri, linji jew karattri, b'mod li jkun jista' jiġi preċiżament identifikat.
26 Interpretazzjoni bħal din hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistrazzjoni tat-trade marks.
27 Il-kundizzjoni tar-rappreżentazzjoni grafika għandha, b'mod partikolari, il-funzjoni li tiddefinixxi t-trade mark infisha sabiex tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni li t-trade mark reġistrata tagħti lil sidha.
28 Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru pubbliku għandha l-għan li tagħmilha aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-pubbliku, b'mod partikolari, għall-operaturi ekonomiċi.
29 Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu, bi kjarezza u preċiżjoni, in-natura tas-sinjali li jikkostitwixxu trade mark sabiex ikunu f'pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' l-eżami preliminari ta' l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pubblikazzjoni u taż-żamma ta' reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks.
30 Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jassiguraw rwieħhom, bi kjarezza u preċiżjoni, dwar ir-reġistrazzjonijiet magħmula jew l-applikazzjonijiet ippreżentati għar-reġistrazzjoni mill-kompetituri attwali u potenzjali tagħhom u b'hekk jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet ta' terzi persuni.
31 F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jissodisfa r-rwol tiegħu ta' trade mark reġistrata, sinjal għandu dejjem jiġi perċepit b'mod preċiż u uniformi sabiex tiġi ggarantita l-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni ta' oriġini. Fid-dawl tat-tul ta' żmien ta' reġistrazzjoni ta' trade mark u tal-fatt li din tista' tiġi mġedda għal perijodi xi ftit jew wisq twal, kif previst fid-direttiva, ir-rappreżentazzjoni għandha wkoll sservi għal żmien twil.
32 Minn dan jirriżulta li rappreżentazzjoni grafika skond l-Artikolu 2 tad-direttiva għandha tkun, b'mod partikolari, preċiża u li sservi għal żmien twil.
33 Għal dan il-għan, rappreżentazzjoni grafika ta' żewġ kuluri jew aktar li huma indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni, għandha tkun irranġata sistematikament billi l-kuluri kkonċernati jiġu assoċjati b'mod predeterminat u uniformi.
34 Is-sempliċi tqegħid flimkien ta' żewġ kuluri jew aktar mingħajr forma jew definizzjoni jew l-indikazzjoni ta' żewġ kuluri jew aktar "taħt kull forma immaġinabbli", bħal dak li hu s-suġġett fil-kawża prinċipali, ma jippreżentax il-karatteristiċi ta' preċiżjoni u uniformità meħtieġa mill-Artikolu 2 tad-direttiva kif interpretat fil-punti 25 sa 32 ta' din is-sentenza.
35 Fil-fatt, preżentazzjonijiet bħal dawn ikunu jawtorizzaw numru ta' taħlitiet differenti li ma jħallux lill-konsumatur jifhem u jimmemorizza taħlita partikolari li jkun jista' jużaha sabiex jirrepeti, b'ċertezza, esperjenza ta' xiri u bil-wisq inqas ma jħallux lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu l-portata tad-drittijiet protetti ta' sid it-trade mark.
36 Għal dak li jikkonċerna l-mod li bih jiġi rappreżentat kull kulur ikkonċernat, mill-punti 33, 34, 37, 38 u 68 tas-sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, jirriżulta li kampjun tal-kulur in kwistjoni akkumpanjat mill-indikazzjoni tiegħu permezz ta' kodiċi ta' identifikazzjoni internazzjonali magħruf jista' jikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika skond l-Artikolu 2 tad-direttiva.
37 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, skond din id-dispożizzjoni, il-kuluri jew it-taħlitiet ta' kuluri humiex kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra, għandu jiġi kkunsidrat jekk dawn il-kuluri jew taħlitiet ta' kuluri humiex kapaċi jew le li jittrażmettu informazzjoni preċiża, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-oriġini ta' prodott jew ta' servizz.
38 Mill-punti 40, 41 u 65 sa 67 tas-sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, jirriżulta li, anke jekk il-kuluri huma kapaċi jittrażmettu ċerti assoċjazzjonijiet ta' ideat u jipprovokaw ċerti sentimenti, min-naħa l-oħra, min-natura tagħhom ftit li xejn huma kapaċi jikkomunikaw informazzjoni preċiża. Dan huwa aktar u aktar minnu minħabba li huma użati ħafna u fuq bażi abitwali fil-pubbliċità u l-bejgħ ta' prodotti u servizzi minħabba s-setgħa attrattiva tagħhom, mingħajr ebda messaġġ preċiż.
39 Ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, il-kuluri m'għandhomx karatteristika distintiva ab initio, iżda jistgħu jakkwistawha eventwalment permezz ta' użu, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi msemmija.
40 F'dawn il-limiti, għandu jiġi aċċettat li, skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, il-kuluri u t-taħlitiet ta' kuluri, indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni, jistgħu jkunu kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra.
41 Għandu jingħad ukoll li, anke jekk taħlita ta' kuluri li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, xorta huwa neċessarju li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tevalwa jekk it-taħlita msemmija fl-applikazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti, b'mod partikolari fl-Arikolu 3 tad-direttiva, biex tiġi rreġistrata bħala trade mark għall-prodotti u s-servizzi ta' l-impriża li titlob ir-reġistrazzjoni tagħha. Dan l-eżami għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ in eżami, inkluż, jekk ikun opportun, l-użu li jkun sar mis-sinjal li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark (sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 52 sa 56).
42 Fid-dawl ta' dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li kuluri jew taħlitiet ta' kuluri, indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni f'applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u li l-isfumaturi tagħhom huma indikati b'referenza għal kampjun ta' kulur u ppreċiżati skond klassifika ta' kuluri magħrufa fuq livell internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu trade mark skond l-Artikolu 2 tad-direttiva safejn:
– huwa stabbilit li, fil-kuntest li fih huma użati, dawn il-kuluri jew taħlitiet ta' kuluri effettivament jippreżentaw sinjal, u
– l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jkun fiha arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b'mod predeterminat u uniformi.
Anke jekk taħlita ta' kuluri tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista' tikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija direttiva, huwa xorta neċessarju li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tevalwa jekk it-taħlita msemmija fl-applikazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti, b'mod partikolari fl-Arikolu 3 tad-direttiva, biex tiġi reġistrata bħala trade mark għall-prodotti jew is-servizzi ta' l-impriża li titlob ir-reġistrazzjoni tagħhom. Dan l-eżami għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ in eżami, inkluż, jekk ikun opportun, l-użu li jkun sar mis-sinjal li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Dan l-eżami għandu jieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi ta' l-istess tip ta' dawk li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
43 L-ispejjeż tal-Gvern Olandiż u dawk tar-Renju Unit, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
b'risposta għad-domandi magħmula mill-Bundespatentgericht, permezz ta' digriet tat-22 ta’ Jannar 2002, taqta' u tiddeċiedi li:
Kuluri jew taħlitiet ta' kuluri, indikati b'mod astratt u mingħajr definizzjoni f'applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u li l-isfumaturi tagħhom huma indikati b'referenza għal kampjun ta' kulur u ppreċiżati skond klassifika ta' kuluri magħrufa fuq livell internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu trade mark skond l-Artikolu 2 tad-direttiva safejn:
– huwa stabbilit li, fil-kuntest li fih huma użati, dawn il-kuluri jew taħlitiet ta' kuluri effettivament jippreżentaw sinjal, u
– l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ikun fiha arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b'mod predeterminat u uniformi.
Anke jekk taħlita ta' kuluri tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista' tikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija direttiva, huwa xorta neċessarju li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tevalwa jekk it-taħlita msemmija fl-applikazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti, b'mod partikolari fl-Arikolu 3 tad-direttiva, biex tiġi reġistrata bħala trade mark għall-prodotti jew is-servizzi ta' l-impriża li titlob ir-reġistrazzjoni tagħhom. Dan l-eżami għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ in eżami, inkluż, jekk ikun opportun, l-użu li jkun sar mis-sinjal li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Dan l-eżami għandu wkoll jieħu in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi ta' l-istess tip ta' dawk li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni.
|
Timmermans |
Puissochet |
Cunha Rodrigues |
|
Schintgen |
|
Colneric |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Ġunju 2004.
|
R. Grass |
C. W. A. Timmermans |
|
Registratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż