SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

tas-27 ta' Mejju 2004 (*)

"Artikolu 141 KE – Direttiva 75/117/KEE – Miżura nazzjonali li tipprevedi li l-għalliema impjegati full-time u dawk impjegati part-time huma obbligati li jaħdmu l-istess numru ta' sigħat supplimentari qabel ma jkollhom dritt għall-ħlas – Diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema nisa impjegati part-time"

Fil-kawża C-285/02,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Verwaltungsgeriċht Minden (il-Ġermanja) taħt l-Artikolu 234 KE, għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiemha fl-ismijiet

Edeltraud Elsner-Lakeberg

u

Land Nordrhein-Westfalen,

dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u l-ewwel Artikolu tad-Direttiva tal-Kunsill (75/117/KEE), ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla,  A. La Pergola u S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F . G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

- għal E. Elsner-Lakeberg, minn H. Bubenzer, Rechtsanwalt,

- għall-Land Nordrhein-Westfalen, minn A. Machwirth, bħala aġent,

- għall-Gvern Ġermaniż minn M. Lumma, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-16 ta' Ottubru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B'digriet tas-26 ta' Lulju 2002, li wasal lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Awwissu ta' l-istess sena, il-Verwaltungsgeriċht Minden ressqet talba għal deċiżjoni preliminari, skond l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill (75/117/KEE), ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p.19)

2       Din il-mistoqsija tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Elsner-Lakeberg u min jimpjegaha, il-Land Nordrhein-Westfalen, rigward it-talba tas-Sinjura Elsner-Lakeberg sabiex tikseb ħlas għas-sigħat ta' xogħol supplimentari tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 :

"Il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, il-quddiem imsejjaħ 'prinċipju ta' paga ndaqs', ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta' ħlas.

[…..]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Skond l-Artikolu 78(a) tal-Beamtengesetz für das Land Nordrhein Westfalen (liġi dwar l-impjegati pubbliċi tal-Land de Rhénanie-du-Nord-Westphalie) fil-verżjoni ppublikata fl-1 ta' Mejju 1981 (GV NRW S. 234) l-impjegati pubbliċi huma marbuta li jaħdmu sigħat supplementari jekk ix-xogħol ikun jeħtieġ dan. Jekk dan ix-xogħol supplimentari jaqbes il-ħames sigħat fix-xahar kalendarju, l-impjegat pubbliku għandu jgawdi minn timeoff in lieu li jkun jikkorrispondi għas-sigħat kollha supplimentari maħduma. Meta l-għoti ta' dan it-timeoff in lieu mhuwiex kompatibbli ma' l-interess tas-servizz, ċerti impjegati pubbliċi jistgħu jingħataw ħlas li jkun jikkorrispondi għas-sigħat supplimentari.

5       L-Artikolu 5(2)(1) tal-Verordnung über die Gewährung von Mehrarbe-itsvergütung für Beamte (Regolament dwar il-ħlas ta' sigħat supplimentari maħduma mill-impjegati pubbliċi), tat-13 ta' Marżu 1992 (BGB1. p. 528), kif emendat fit-3 ta' Diċembru 1998 (BGB1. 1998 I, p.3494), jipprevedi li fil-każ fejn ix-xogħol supplimentari jkun magħmul fis-settur tat-tagħlim, tliet sigħat ta' tagħlim huma ekwivalenti għal ħames sigħat.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Is-Sinjura Elsner-Lakeberg, illi għandha l-istat ta' impjegat pubbliku, taħdem bħala għalliema part-time fi skola sekondarja tal-Land Nordrhein-Westfalen. L-għalliema full-time jagħtu 24 siegħa u nofs ta' lezzjonijiet fil-ġimgħa, illi jikkorrispondu għal 98 siegħa fix-xahar, fuq il-bażi ta' medja ta' 4 ġimgħat, filwaqt illi s-Sinjura Elsner-Lakeberg tagħti 15-il siegħa ta' lezzjonijiet fil-ġimgħa, jiġifieri 60 siegħa fix-xahar.

7       F'Diċembru ta' l-1999, din ta' l-aħħar kellha tagħti lezzjonijiet supplimentari għal sagħtejn u nofs. It-talba tagħha intiża sabiex tingħata ħlas għal dawn is-sigħat ġiet miċħuda minħabba li l-liġi applikabbli kienet tipprevedi li s-sigħat supplimentari maħduma minn għalliem illi huwa impjegat pubbliku, jiġu mħallsa biss jekk ix-xogħol supplimentari jaqbeż it-3 sigħat fix-xahar. Għaldaqstant hija ma rċeviet ebda ħlas għas-sagħtejn u nofs supplementari maħduma.

8       Wara li mingħajr ebda suċċess segwiet il-proċedura ta' appell amministrattiv, is-Sinjura Elsner-Lakeberg ressqet rikors quddiem il-Verwaltungsgeriċht Minden.

9       Peress illi l-kwistjoni mressqa quddiemha kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Verwaltungsgeriċht Minden iddeċidiet illi tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-fatt li l-għalliema rġiel u nisa impjegati part-time, l-istess bħal dawk impjegati full-time – ma jirċievu, fil-Land Nordrhein-Westfalen, ebda ħlas għas-sigħat supplementari maħduma jekk ix-xogħol supplimentari ma' jaqbiżx tliet sigħat ta' lezzjonijiet fix-xahar kalendarju, huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 141 KE, flimkien mad-Direttiva [75/117] ?"

 Fuq id-domanda preliminari

10     Permezz tad-domanda tagħha il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 141 KE u l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/117, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skond liema l-għalliema part-time – kif ukoll dawk impjegati full-time – ma jirċievu ebda ħlas għas-sigħat supplimentari meta x-xogħol supplimentari ma jaqbiżx tliet sigħat fix-xahar kalendarju.

11     Il-Land Nordrhein-Westfalen u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-għalliema part-time huma trattati eżattament bl-istess mod bħal dawk impjegati full-time. L-għalliema kollha għandhom id-dritt li jiġu mħallsa għas-sigħat supplimentari meta dawn jaqbżu t-tliet sigħat. F'dan il-każ, is-sigħat supplimentari jiġu mħallsa eżattament bl-istess mod. L-ugwaljanza tal-paga hija garantita kemm għal-ħinijiet normali ta' xogħol kif ukoll għal dawk is-sigħat supplimentari.

12     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' paga ndaqs bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, kif stabbilit fl-Artikolu 141 KE u fl-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/117, jimplika li, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-elementi u kundizzjonijiet ta' ħlas hija projbità, jekk id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata minn għan li bl-ebda mod mhuwa relatat ma' sess determinat jew mhijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jrid jiġi milħuq (ara f' dan ir-rigward, b'mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta' Marzu 2000, JämO, C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 36, u tas-26 ta' Ġunju 2001, Brunnhofer, C-381/99, Ġabra p. I-4961, punti 27 u 28)

13     Għaldaqstant, f'dak li jikkonċerna l-ħaddiema part-time, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet illi l-membri tal-grupp żvantaġġat, irġiel jew nisa, għandhom id-dritt li jkollhom l-istess skema applikata lilhom bħal dik applikata lill-ħaddiema l-oħra, proporzjonalment għall-ħin tax-xogħol tagħhom. (sentenza tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, Ġabra p. I-2591, punt 19).

14     Fir-rigward tal-kunċett ta' "paga" msemmi fl-Artikolu 141 KE u fl-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/117, dan jinkludi, skond ġurisprudenza ugwalment kostanti, kull remunerazzjoni oħra fi flus jew in natura, preżenti jew futura, sakemm il-ħaddiem jirċeviha, anke jekk indirettament, għall-impjieg tiegħu mingħand min jimpjegah, (ara b'mod partikolari s-sentenza tas-17 ta Mejju 1990, Barber, C-262/88, Ġabra p. I-1889, punt 12, u tas-26 ta' Ġunju 2001, Brunnhofer, C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 33).

15     Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li f'dak li jikkonċerna l-metodu li għandu jintuża għat-tqabbil tal-paga tal-ħaddiema kkonċernati, sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta' paga ugwali qiegħedx jiġi osservat, trasparenza ġenwina li tippermetti kontroll effikaċi hija assigurata biss jekk dan il-prinċipju jiġi applikat għal kull aspett tal-paga mogħtija lill-ħaddiema rġiel u lill-ħaddiema nisa, bl-esklużjoni ta' evalwazzjoni globali ġenerali tar-remunerazzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati (ara s-sentenzi preċitati Barber, punti 34 u 35, Brunnhofer, punt 35). Għaldaqstant hemm bżonn li jsir paragun separat tal-paga mogħtija għall-ħinijiet normali u ta' dik mogħtija għal sigħat supplimentari.

16     Fil-kawża prinċipali, il-paga mogħtija għas-sigħat supplimentari tikostitwixxi remunerazzjoni mħallsa mill-Land Nordrhein Westfalen lill-għalliema kkonċernati fir-rigward ta' l-impjieg tagħhom.

17     Għalkemm din il-paga tidher l-istess in kwantu li d-dritt għall-ħlas tas-sigħat supplimentari jinħoloq biss meta jinħadmu aktar minn 3 sigħat supplimentari għall-għalliema part-time kif ukoll għal dawk full-time, għandu jiġi kkonstatat li 3 sigħat supplimentari jikostitwixxu piż akbar għall-għalliema part-time milli għal dawk impjegati full-time. Fil-fatt, jekk għalliem full-time ikollu jaħdem 3 sigħat aktar mill-orarju mensili tiegħu ta' 98 siegħa, jiġifieri bejn wieħed u ieħor żieda ta' 3 %, biex jirċevi ħlas għas-sigħat supplimentari tiegħu, għalliem part-time irid jaħdem 3 sigħat aktar mill-orarju mensili tiegħu ta' 60 siegħa, jiġifieri żieda ta' bejn wieħed u ieħor 5 %. Peress illi, għall-għalliema part-time, in-numru ta' sigħat supplimentari ta' lezzjonijiet li jagħtu dritt għal ħlas mhuwiex imnaqqas b'mod proporzjonali ma' l-orarju tax-xogħol tagħhom, hemm inugwaljanza fit-trattament mogħti lil dawn meta mqabbel ma' dak mogħti lill-għalliema full-time f'dak li jirrigwarda l-ħlas għas-sigħat supplimentari ta' lezzjonijiet.

18     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, l-ewwel nett, jekk id-differenza fit-trattament li ġiet stabbilita mill-leġiżlazzjoni in kawża taffettwax kunsiderevolment aktar lin-nisa milli lill-irġiel, u t-tieni nett, jekk hemmx għan estranju li bl-ebda mod mhuwa relatat ma' sess determinat li jiġġustifika din id-differenza fit-trattament u hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jrid jintlaħaq. (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta' Marzu 1996, Freers e Speċkmann, C-278/93, Ġabra p. I-1165, punt 28)

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 141 KE u l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/117 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skond liema l-għalliema part-time ma jirċevu – bħal dawk impjegati full-time – ebda ħlas għas-sigħat supplimentari meta x-xogħol supplimentari ma jaqbiżx it-tliet sigħat fix-xahar kalendarju, jekk differrenza bħal din fit-trattament taffettwa numru kunsiderevolment akbar ta' nisa milli ta' rġiel u jekk din id-differenza fit-trattament ma' tistax tiġi ġġustifikata minn xi għan estranju li bl-ebda mod mhuwa relatat ma sess determinat jew mhijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jrid jintlaħaq.

 Fuq l-ispejjeż

20     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniz u mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha fir-rispett tal-partijiet, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti ta' rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

hija u tiddeċiedi fuq id-domanda magħmula lilha mill-Verwaltungsgeriċht Minden permezz ta' digriet tas-26 ta' Lulju 2002, tiddikjara :

1)      L-Artikolu 141 KE u l-ewwel Artikolu tad-Direttiva tal-Kunsill (75/117/KEE), ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skond liema l-għalliema part-time ma jirċevu – bħal dawk impjegati full-time – ebda ħlas għas-sigħat supplimentari meta x-xogħol supplimentari ma jaqbiżx it-tliet sigħat fix-xahar kalendarju, jekk differrenza bħal din fit-trattament taffettwa numru kunsiderevolment akbar ta' nisa milli ta' rġiel u jekk din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata minn xi għan estraneju li bl-ebda mod mhuwa relatat ma sess determinat jew mhijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jrid jintlaħaq.

Jann

La Pergola

von Bahr

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Mejju 2004

R. Grass

 

P. Jann

Registratur

 

President


* Lingwa tal-kawża : il-Ġermaniż.