SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tad-9 ta’ Settembru 2003 (*)

“Politika soċjali ─ Protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema ─ Direttiva 93/104/KE ─ Kunċetti ta’ ‘ħin tax-xogħol’ u ta’ ‘perjodu ta’ mistrieħ’ ─ Xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) imwettaq minn tabib fi sptar”

Fil-Kawża C-151/02,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mil-Landesarbeitsgericht Schleswig Holstein (il-Ġermanja) u intiża sabiex tingħata, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Landeshauptstadt Kiel

u

Norbert Jaeger,

deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), u b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 2(1) u (3),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, M. Wathelet, R. Schintgen (Relatur) u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz Jarabo Colomer,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonjiet bil-miktub ippreżentati:

–        Għal-Landeshauptstadt Kiel, minnW. Weißleder, Rechtsanwalt,

–        għal M. Jaeger, minn F. Schramm, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W. D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjonijiet tal-Landeshauptstadt Kiel, irrappreżentata minn W. Weißleder, M. Bechtold u D. Seckler, Rechtsanwälte, ta’ M. Jaeger, irrappreżentat minn F. Schramm, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W. D. Plessing, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. Lemaire, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn N. A. J. Bel, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn P. Ormond, assistita minn K. Smith, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn H. Kreppel u F. Hoffmeister, bħala aġent, fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ April 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’ordni tat-12 ta’ Marzu 2002, u b’ordni emendat tal-25 ta’ Marzu 2002, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2002, il-Landesarbeitsgericht Schleswing-Holstein għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi lil din il-Qorti għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU 1993 L 307, pġ. 18) u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 2(1) u (3) tagħha.

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Landeshauptstadt Kiel (minn issa ‘l quddiem “il-belt ta’ Kiel”) u M. Jaeger dwar id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perjodu ta’ mistrieħ” fis-sens tad-Direttiva 93/104 fil-kuntest tas-servizz on-call (“Bereitschatfsdienst”) ipprovdut minn tabib fi sptar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond l-Artiklu 1 tagħha, id-Direttiva 93/104 tiffissa r-rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u japplika għall-oqsma kollha ta’ attività, kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati, bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bil-kanali interni u fil-lagi, sajd fil-baħar, xogħol ieħor fuq il-baħar u l-attivitajiet ta’ tobba waqt li qed jitħarrġu.

4        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:

5        “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

6        1. ‘ħin tax-xogħol’ tfisser kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali;

7        2. ‘perjodu ta’ serħan’ tfisser kull ħin li matulu ma jsirx xogħol;

8        […]”.

9        It-Taqsima II tad-Direttiva 93/104 tipprevedi l-miżuri li l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw sabiex kull ħaddiem jibbenefika, b’mod partikolari, minn perijodi minimi ta’ serħan fil-ġurnata u ta’ serħan fil-ġimgħa u tirregola wkoll il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa.

10      Skond l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Serħan tal-ġurnata”:

11      “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem jkun intitolat perjodu minimu ta’ serħan fil-ġurnata ta’ 11-il siegħa konsekuttiva kull 24 siegħa.”

12      F’dak li jirrigwarda l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, l-Artikolu 6 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:

13      “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċċessarji biex jiżguraw li, b’konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

14      […]

15      2. il-medja ta’ ħin maħdum għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbiżx it-48 siegħa.”

16      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi:

17      “Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrativi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.”

18      L-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

19      “L-Istati Membri jistgħu jistipulaw:

20      […]

21      2. għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 (ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa), perjodu ta’ referenza ta’ mhux iktar minn erba’ xhur.

22      […]”

23      L-istess direttiva tistipula numru ta’ derogi minn diversi mir-regoli bażiċi tagħha, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti attivitajiet u bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tagħha jistipula:

24      “1. Tenut kont xieraq tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3, 4, 5, 6, 8 jew16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, d-dewmien tal-ħin tax-xogħol ma’ jkunx imkejjel u/jew pre-determinat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema infushom, u b’mod partikolari fil-każ ta’:

(a) eżekuttivi maniġerjali jew persuni oħra bis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi;

(b) ħaddiema tal-familja; jew

(ċ) ħaddiema li jiffunzjonaw f’ċerimonji reliġjużi fil-knejjes u f’komunitajiet reliġjużi

2.      Jistgħu jkunu adottati derogi permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-indusrija sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perjodi xierqa ta’ mistrieħ b’kumpens jew li, f’każijiet ta’ eċċezzjoni fejn mhux possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, jingħataw perjodi ekwivalenti ta’ serħan b’kumpens, u li l-ħaddiema kkonċernati huma mogħtija protezzjoni xierqa:

2.1.      mill-Artikolu 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(ċ)      f’każ ta’ attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment:

(i)      servizzi relatati ma’ l-ilqugħ, it-trattament u/jew il-kura provduti mill-isptarijiet u stabbilimenti simili, instituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

[…]

(iii) l-istampa, ir-radju, it-televiżjoni, il-produzzjoni ċinematografika, is-servizzi postali u tat-telekommunikazzjoni, l-ambulanzi, is-servizzi tal-protezzjoni kontra n-nar u tal-protezzjoni ċivili;

[…]

3.      Jistgħu isiru derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b’konformità mar-regoli stipulati minnhom, permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fl-livell iktar baxx.

[…]

Id-derogi pprovduti fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafu għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li perjodi ta’ serħan b’kumpens ekwivalenti jingħataw lill-ħaddiema kkonċernati jew, f’każi ta’ eċċezzjoni fejn mhux possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jiggarantixxu dawn il-perjodi, il-ħaddiema kkonċernati jingħataw protezzjoni xierqa.

[…]”

25      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/104 huwa fformulat kif ġej:

“1.      (a)   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sat-23 ta’ Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw li sa din id-data iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jwaqqfu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jieħdu kull pass neċessarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f’kull ħin li d-dispożizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva huma mħarsa.

(b)      (i)   Madankollu, Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, sakemm jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li:

–        l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġx li ħaddiem jaħdem iktar minn 48 siegħa fuq perjodu ta’ sebat ijiem, maħdum bħala medja għal perjodu ta’ referenza imsemmi fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 16, jekk ma jkunx qabel kiseb il-kunsens tal-ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol,

–        l-ebda ħaddiem ma hu suġġett għal kull detriment minn min iħaddmu għar-raġuni li ma jridx jagħti l-kunsens tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol,

–        min iħaddem iżomm reġistru kurrenti tal-ħaddiema kollha li jagħmlu dan ix-xogħol,

–        ir-reġistru jkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jillimitaw il-possibilità li jinqabżu s-sigħat massimi tax-xogħol fil-ġimgħa,

–        min iħaddem jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b’informazzjoni dwar każijiet fejn ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jagħmlu xogħol li jaqbeż it-48 siegħa fuq perjodu ta’ sebat ijiem, maħduma bħala medja għal perjodu msemmi fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 16.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

26      Id-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol jagħmel distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol ta’ permanenza (“Arbeitsbereitschaft”), il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) u l-ħin li matulu l-ħaddiem ikun stand-by (“Rufbereitschaft”).

27      Dawn it-tliet kunċetti mhumiex iddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni iżda l-karatteristiċi tagħhom jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

28      Il-ħin tax-xogħol ta’ permanenza (“Arbeitsbereitschaft”) jipprevedi s-sitwazzjoni meta l-ħaddiem ikun obbligat iżomm ruħu għad-dispożizzjoni tal-persuna li tħaddmu fil-post tax-xogħol u jkun, barra minn hekk, obbligat li jibqa’ kontinwament attent sabiex, fil-każ ta’ bżonn, ikun jista’ jintervjeni immedjatament.

29      Matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”), il-ħaddiem huwa obbligat li jkun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li tħaddmu, ġewwa jew barra l-istabbiliment tiegħu, u li jżomm ruħu lest sabiex jagħti s-servizz tiegħu fuq it-talba tal-persuna li tħaddmu, iżda huwa awtorizzat jistrieħ jew jokkupa lilu nnifsu kif jixtieq sakemm is-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux meħtieġa.

30      Il-ħin li matulu l-ħaddiem ikun stand-by (“Rufbereitschaft”) huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ħaddiem mhux marbut li jibqa’ preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li tħaddmu iżda jkun biżżejjed jekk il-ħaddiem ikun f’pożizzjoni li jkun jista’ jiġi kkuntattjat f’kull ħin sabiex, fuq talba tal-persuna li tħaddmu, ikun jista’ jwettaq il-kompiti professjonali tiegħu fi żmien qasir.

31      Fid-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol, huwa biss il-ħin tax-xogħol ta’ permanenza (“Arbeitsbereitschaft”) li, bħala regola ġenerali, jitqies fl-intier tiegħu bħala ħin tax-xogħol. Mill-banda l-oħra, kemm il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) u kemm il-ħin li matulu l-ħaddiem ikun stand-by (“Rufbereitschaft”) huma kkwalifikati bħala ħin ta’ mistrieħ, minbarra dik il-parti li matulha l-ħaddiem ikun effettivament eżerċita l-kompiti professjonali tiegħu.

32      Fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta’ mistrieħ tinsab fl-Arbeitszeitgesetz (Liġi dwar il-ħin tax-xogħol), tas-6 ta’ Ġunju 1994 (BGB1. 1994 I, p. 1170, iktar ‘il quddiem l-“ArbZG”), adottata sabiex tkun trasposta d-Direttiva 93/104.

33      L-Artikolu 2(1) ta’ l-ArbZG jiddefinixxi l-ħin tax-xogħol bħala l-perijodu bejn il-bidu u t-tmiem tax-xogħol, minbarra l-perijodi ta’ mistrieħ.

34      Fi kliem l-Artikolu 3 ta’ l-ArbZG:

“Il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tal-ħaddiema m’għandux ikun ta’ iktar minn 8 sigħat. Dan il-ħin jista’ jiġi mtawwal sa 10 sigħat iżda dan biss bil-kundizzjoni li, fuq perijodu ta’ 6 xhur tal-kalendarju jew ta’ 24 ġimgħa, dan il-ħin ma jaqbiżx medja ta’ 8 sigħat kuljum.”

35      L-Artikolu 5 ta’ l-ArbZG jipprovdi:

“(1) L-impjegati għandu jkollhom perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 11-il siegħa konsekuttiva wara ‘l ħin tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom.

(2) It-tul tal-perijodu ta’ mistrieħ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi mnaqqas b’massimu ta’ siegħa fl-isptarijiet u istituzzjonijiet oħra li jipprovdu trattament, kura u superviżjoni ta’ persuni, fil-lukandi, ristoranti u stabbilimenti simili, fl-impriżi tat-trasport, fl-impriżi tax-xandir, u fl-agrikoltura u t-trobbija ta’ l-annimali, sakemm kull tnaqqis jiġi kkumpensat billi jiġi miżjud għal tnax-il siegħa, perijodu ta’ mistrieħ ieħor matul ix-xahar kalendarju jew fi żmien erba’ gimgħat.

(3) B’deroga mill-paragrafu 1, it-tnaqqis fil-perijodu ta’ mistrieħ minħabba intervent matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) jew matul il-ħin meta l-ħaddiem ikun stand-by (“Rifbereitschaft”) jista’, fl-isptarijiet jew istituzzjonijiet oħra ta’ trattament, kura u superviżjoni ta’ persuni, jiġi kkumpensat fi żminijiet oħra, sakemm dawn l-interventi ma jeċċedux nofs il-perijodu ta’ mistrieħ.

[…]”

36      L-Artikolu 7 ta’ l-ArbZG huwa fformulat kif ġej:

“(1) Huwa possibbli li, permezz ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim fi ħdan impriża bbażat fuq ftehim kollettiv:

1.      b’deroga mill-Artikolu 3,

a)      il-ħin tax-xogħol jiġi estiż għal iktar minn 10 sigħat kuljum, anki mingħajr kumpens, meta l-ħin tax-xogħol jinkludi, b’mod regolari u f’proporzjoni konsiderevoli, perijodi ta’ xogħol ta’ permanenza (‘Arbeitsbereitschaft’),

b)      jiġi stabbilit perijodu ta’ kumpens ieħor,

c)      il-ħin tax-xogħol jiġi mtawwal sa 10 sigħat kuljum, mingħajr kumpens, matul massimu ta’ 60 jum fis-sena,

[…]

(2) Sa fejn is-saħħa tal-ħaddiema hija mħarsa minn perijodu ta’ mistrieħ kumpensatorju ekwivalenti, ftehim kollettiv jew ftehim ta’ impriża bbażat fuq ftehim kollettiv jista’ jipprevedi:

1.      b’deroga mill-Artikolu 5(1), li l-perijodi ta’ mistrieħ fil-każ ta’ xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) jew matul il-ħin stand-by (“Rufbereitschaft”) jiġu adattati għall-karatteristiċi partikolari ta’ dawn it-tipi ta’ xogħol u, b’mod partikolari, li t-tnaqqis tal-perijodi ta’ mistrieħ meta l-ħaddiema kkonċernati jkunu ntalbu jaħdmu jiġi kkumpensat f’ħinijiet oħra;

[…]

3.      fil-qasam tat-trattament, il-kura u s-superviżjoni ta’ persuni, li d-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 3, 4, 5(1) u 6(2) jiġu adattati b’mod li jirriflettu l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn l-attivitajiet u li jiżguraw il-benesseri ta’ dawn il-persuni;

4.      fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni federali, ta’ l-amministrazzjoni tal-Länder, tal-komuni u korpi, istituzzjonijiet u fondazzjonijiet oħra pubbliċi, jew fil-każ ta’ persuni oħra li jħaddmu impjegati li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv applikabbli għas-servizz pubbliku jew ftehim kollettiv li huwa essenzjalment simili, li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3, 4, 5(1) u 6(2) jiġu adattati b’mod li jirriflettu l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

37      Il-paragrafu 25 ta’ l-ArbZG jipprovdi:

“Meta, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, ftehim kollettiv eżistenti jew li għadu jipproduċi effetti wara din id-data jkun fih regoli derogatorji fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) jew (2) […] li jmorru lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija, dawn ir-regoli m’għandhomx jintlaqtu. Il-ftehim fi ħdan impriża bbażati fuq ftehim kollettivi għandhom jiġu assimilati ma’ ftehim kollettivi bħal dawk imsemmija fl-ewwel sentenza […]”

38      Il-Bundesangestelltentarifvertrag (ftehim kollettiv għall-impjegati li jaħdmu fis-settur publiku fil-Ġermanja, minn issa ‘l quddiem il-“BAT”) jipprovdi speċifikament dan li ġej:

“L-Artikolu 15 Ħin tax-xogħol normali

(1)      Il-ħin tax-xogħol normali huwa, bħala medja, ta’ 38 siegħa u nofs fil-ġimgħa (bl-esklużjoni tal-perijodi ta’ mistrieħ). Bħala regola ġenerali, il-medja tal-ħin tax-xogħol normali fil-ġimgħa għandha tiġi kkalkulata fuq perijodu ta’ 8 ġimgħat. […]

(2)      Il-ħin tax-xogħol normali jista’ jiġi mtawwal

a)      sa 10 għaxar sigħat kuljum (medja ta’ 49 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħin tax-xogħol regolarment jinkludi perijodi ta’ permanenza (‘Arbeitsbereitschaft’) li, bħala medja, jkunu ta’ mill-inqas sagħtejn kuljum,

b)      sa 11-il siegħa kuljum (medja ta’ 54 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħin tax-xogħol regolarment jinkludi perijodi ta’ permanenza (‘Arbeitsbereitschaft’) li, bħala medja, jkunu ta’ mill-inqas tliet sigħat kuljum,

c)      sa 12-il siegħa kuljum (medja ta’ 60 siegħa fil-ġimgħa) jekk il-ħaddiem għandu sempliċement ikun preżenti fil-post tax-xogħol sabiex, f’każ ta’ bżonn, iwettaq ix-xogħol meħtieġ.

[…]

(6a) Fuq struzzjonijiet tal-persuna li tħaddmu, il-ħaddiem huwa obbligat li, barra l-ħin normali tax-xogħol, joqgħod f’post iddeterminat mill-persuna li tħaddmu fejn ikun jista’ jiġi msejjaħ sabiex jidħol għax-xogħol jekk ikun hemm bżonn (xogħol ta’ l-għassa [‘Bereitschaftsdienst’]). Min iħaddem jista’ jeżiġi xogħol ta’ l-għassa bħal dan biss safejn ikun mistenni ċertu ammont ta’ xogħol iżda, skond l-esperjenza, għandu jipprevali l-perijodu li matulu ma jsirx xogħol.

Sabiex ikun ikkalkulat il-ħlas, il-preżenza żgurata waqt il-perijodu tax-xogħol ta’ l-għassa(‘Bereitschaftsdienst’), inklużi interventi ta’ xogħol, hija kkonvertita f’sigħat ta’ xogħol fuq il-bażi tal-perċentwali li fil-prattika tirrapreżenta il-perijodu medju tax-xogħol meħtieġ; is-sigħat tax-xogħol iddeterminati b’dan il-mod għandhom jitħallsu bħala sahra. […]

Minflok ma jsir ħlas, is-sigħat ta’ xogħol ikkalkulati f’dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, qabel it-tmiem tat-tielet xahar kalendarju, jiġu kkumpensati billi jingħata perijodu ekwivalenti ta’ ħin ħieles (mistrieħ kompensatorju) […]”

39      B’mod parallel għall-Artikolu 15(6a) tal-BAT, l-imsieħba soċjali qablu fuq dispożizzjonijiet speċjali (Sonderregelungen) għall-persunal ta’ l-isptarijiet u taċ-ċentri mediċi, ta’ l-istabbilimenti tal-kura u tal-maternità, kif ukoll ta’ ċentri u stabbilimenti sanitarji oħra (iktar ‘il quddiem is-“SR 2a”). Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tobba u d-dentisti taċ-ċentri u ta’ l-istabbilimenti msemmija fis-SR 2 a (iktar ‘il quddiem is-“SR 2c”) huma fformulati kif ġej:

“Nru 8

F’dak li jikkonċerna l-Artiklu 15(6a) [...]

Xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’), stand-by (‘Rufbereitschaft’)

[...]

(2)      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlas, il-preżenza żgurata matul il-perijodu tax-xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’), inklużi interventi ta’ xogħol, hija kkonvertita f’sigħat ta’ xogħol kif ġej:

a)      Il-preżenza żgurata matul il-perijodu ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) hija kkonvertita kif ġej f’sigħat ta’ xogħol fuq il-bażi tal-perċentwali li tirrapreżenta fil-prattika t-tul ta’ żmien medju tax-xogħol meħtieġ:

Kategorija 

Xogħol meħtieġ matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’)

Konverżjoni għal ħin tax-xogħol

A

minn 0 sa 10 %

15 %

B

minn iktar minn 10 % sa 25 %

25 %

C

minn iktar minn 25 % sa 40 %

40 %

D

minn iktar minn 40 % sa 49 %

55 %


Xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) taħt il-Kategorija A għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid taħt il-Kategorija B jekk l-esperjenza turi li, matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa tagħha, il-persuna kkonċernata hija mitluba tintervjeni iktar minn medja ta’ tliet darbiet bejn is-sigħat 22.00 u 06.00.

b)      Barra minn hekk, il-ħin ta’ preżenza impost minn kull xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) huwa kkonvertit kif ġej skond in-numru ta’ perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa mwettqa mill-persuna kkonċernata matul ix-xahar kalendarju:

Numru ta’ perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) matul ix-xahar kalendarju

Konverżjoni f’sigħat tax-xogħol

Minn 1 sa 8 perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa

25 %

Minn 9 sa 12 il-perijodu ta’ xogħol ta’ l-għassa

35 %

Minn 13-il perijodu ta’ xogħol ta’ l-għassa

45 %


[...]

(7)      F’xahar kalendarju, ma jistgħux ikunu meħtieġa

–        iktar minn 7 perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) fil-kategoriji A u B,

–        iktar minn 6 perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa (‘Bereitschaftsdienst’) fil-kategoriji C u D.

Dawn iċ-ċifri jistgħu jiġu temporanjament issuperati fil-każ li [, bl-osservanza tagħhom,] il-kura tal-pazjenti ma tkunx iggarantita. […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

40      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) organizzat mill-belt ta’ Kiel fl-isptar immexxi minnha għandux ikun meqjus bħala ħin tax-xogħol jew bħala perijodu ta’ mistrieħ. Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna biss l-aspetti tad-dritt tax-xogħol marbuta mal-perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa u mhux il-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom.

41      N. Jaeger ilu mill-1 ta’ Mejju 1992 jaħdem bħala tabib fid-dipartiment kirurġiku ta’ l-imsemmi sptar. Ix-xogħol tiegħu jirrapreżenta tliet kwarti mis-sigħat normali ta’ xogħol fil-ġimgħa (jiġifieri 28.875 sigħat fil-ġimgħa). Barra minn hekk, skond ftehim anness, huwa marbut ukoll li jwettaq xogħol ta’ l-għassa taħt il-kategorija D tan-Nru 8(2) tas-SR 2 c. Fil-kuntratt tax-xogħol, il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li l-BAT għandu japplika.

42      N. Jaeger iwettaq b’mod regolari 6 perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa fix-xahar, ikkumpensati parzjalment permezz ta’ l-għoti ta’ ħin liberu u parzjalment bi ħlas addizzjonali.

43      Ix-xogħol ta’ l-għassa jsir wara l-ħin tax-xogħol normali u t-tul tiegħu huwa ta’ 16-il siegħa fil-ġimgħa, 25 siegħa s-Sibt (mit-8.30 tas-Sibt filgħodu sad-9.30 tal-Ħadd filgħodu) u ta’ 22 siegħa u ħamsa u erbgħin minuta l-Ħadd (mit-8.30 tal-Ħadd filgħodu sas-7.15 tat-tnejn filgħodu).

44      Ix-xogħol ta’ l-għassa huwa organizzat bil-mod kif ġej: N. Jaeger joqgħod fil-klinika u huwa msejjaħ li jwettaq ix-xogħol professjonali tiegħu fil-każ ta’ bżonn. Huwa allokat b’kamra b’sodda fl-isptar, fejn huwa jista’ jorqod meta s-servizzi tiegħu ma jkunux meħtieġa. L-adegwatezza ta’ din l-akkomodazzjoni hija kkontestata. Madanakollu, huwa paċifiku li l-perijodi li matulhom N. Jaeger huwa mitlub li jwettaq xogħol professjonali jirrapreżentaw medja ta’ 49 % tal-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa.

45      N. Jaeger huwa ta’ l-opinjoni illi x-xogħol ta’ l-għassa li huwa jwettaq bħala tabib assistent jew bħala tabib ta’ l-emerġenza għandu kollu kemm hu jkun meqjus bħala ħin tax-xogħol fis-sens ta’ l-ArbZG minħabba l-applikazzjoni diretta tad-Direttiva 93/104. L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett tal-ħin tax-xogħol fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C-303/98, Ġabra p. I-7963), hija applikabbli għal din il-kawża li tikkonċerna sitwazzjoni essenzjalment simili. B’mod partikolari, l-obbligi tax-xogħol ta’ l-għassa fi Spanja, in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, huma komparabbli għal dawk li għalihom huwa suġġett. B’hekk, l-Artikolu 5(3) ta’ l-ArbZG huwa kuntrarju għad-Direttiva 93/104 u huwa, għaldaqstant, inapplikabbli. N. Jaeger jgħid ukoll illi l-belt ta’ Kiel ma tistax b’mod leġittimu tinvoka d-dispożizzjonijiet derogatorji ta’ l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi eċċezzjonijiet fir-rigward biss tat-tul tal-perijodi ta’ mistrieħ, indipendentement mill-kunċett tal-ħin tax-xogħol.

46      Min-naħa l-oħra, il-belt ta’ Kiel issostni li, skond l-interpretazzjoni kostanti tal-qrati nazzjonali u tal-parti l-kbira ta’ l-awturi, il-perijodi ta’ inattività matul ix-xogħol ta’ l-għassa għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ mistrieħ u mhux bħala ħin tax-xogħol. Kull interpretazzjoni oħra twassal sabiex l-Artikoli 5(3) u 7(2) ta’ l-ArbZG jitilfu s-sinjifikat tagħhom. Barra minn hekk, is-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami; fil-fatt, it-tobba Spanjoli kkonċernati kienu impjegati full-time fix-xogħol ta’ l-ewwel għajnuna, filwaqt illi t-tobba Ġermaniżi kienu mitluba jwettqu xogħol matul medja ta’ 49 %, bħala massimu, tal-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa. Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi derogi mit-tul tal-ħin tax-xogħol hija koperta mill-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104 u l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa. Kien ikun inutli li jsir riferiment espress għall-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva fl-Artikolu 17 tagħha peress li l-Artikolu 2 jinkludi biss definizzjonijiet.

47      Fl-ewwel istanza, permezzz tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, l-Arbeitsgericht Kiel (il-Ġermanja) laqgħet it-talba ta’ N. Jaeger billi kkunsidrat li x-xogħol ta’ l-għassa li dan ta’ l-aħħar huwa meħtieġ illi jwettaq fl-Isptar ta’ Kiel għandu jkun meqjus fit-totalità tiegħu bħala ħin tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-ArbZG.

48      Għaldaqstant, il-belt ta’ Kiel ressqet il-kwistjoni quddiem il-Landesarbeitsgericht Schleswig-Holstein.

49      Din il-Qorti tinnota li l-kunċett ta’ xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) m’huwiex espressament definit fl-ArbZG. Dan jikkonċerna l-obbligu li wieħed ikun preżenti f’post determinat minn min iħaddem u li jkun lest sabiex f’każ ta’ bżonn iwettaq ix-xogħol professjonali tiegħu mingħajr dewmien. “Attenzjoni attiva” (“wache Achtsamkeit”) ma hijiex meħtieġa u, lil hinn mill-perijodi ta’ l-attività effettiva, il-ħaddiem jista’ jistrieħ jew jokkupa lilu nnifsu bi kwalunkwe mod. Matul ix-xogħol ta’ l-għassa, da ta’ l-aħħar m’għandux għalfejn jipprovdi s-servizzi professjonali tiegħu fuq l-inizjattiva tiegħu stess, iżda għandu jagħmel dan biss fuq l-istruzzjonijiet li jirċievi mingħand min iħaddmu.

50      N. Jaeger iwettaq dan ix-xogħol ta’ l-għassa li, skond il-liġi Ġermaniża, huwa meqjus bħala perijodu ta’ mistrieħ u mhux bħala ħin tax-xogħol, minbarra l-parti mill-ħin ta’ l-imsemmi xogħol meta l-ħaddiem, fil-fatt, iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu. Dan il-kunċett jirriżulta mill-Artikoli 5(3) u 7(2) ta’ l-ArbZG. Fil-fatt, il-fatt li t-tnaqqis tal-perijodi ta’ mistrieħ minħabba t-twettiq tax-xogħol tiegħu matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa jista’ jiġi kkumpensat f’ħinijiet oħra juri li dan huwa kkunsidrat bħala perijodu ta’ mistrieħ sakemm il-persuna kkonċernata ma tiġix, fil-fatt, imsejħa sabiex tipprovdi x-xogħol professjonali tagħha. Din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali peress li mid-dokumenti preparatorji ta’ l-ArbZG jirriżulta li perijodi tax-xogħol jistgħu jsegwu perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa.

51      Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk ix-xogħol ta’ l-għassa għandux jiġi kkunsidrat b’tali mod li fit-totalità tiegħu jikkostitwixxi ħin tax-xogħol, anki jekk il-persuna kkonċernata fil-fatt ma twettaqx ix-xogħol porfessjonali tagħha, iżda hija, għall-kuntrarju, awtorizzata torqod matul dawn il-perijodi. Din id-domanda ma saritx fil-kawża Simap, u għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx risposta għaliha fis-sentenza Simap iċċitata iktar ‘il fuq.

52      Fl-eventwalità li ma jkunx possibbli li tingħata risposta ċara għal din id-domanda, is-soluzzjoni għal din il-kwistjoni tiddependi minn jekk l-Artikolu 5(3) ta’ l-ArbZG huwiex kuntrarju għall-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 93/104.

53      Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-domanda sussidjarja – intiża sabiex jiġi kkonstatat li N. Jaeger ma huwiex meħtieġ, fid-dawl ta’ l-obbligi ddefiniti fil-kuntratt tiegħu, li jaħdem bħala xogħol ordinarju tiegħu u bħala xogħol ta’ l-għassa, inklużi s-sigħat tas-sahra, iktar minn 10 sigħat kuljum u iktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa – u peress li f’dan ir-rigward il-belt ta’ Kiel qed tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq l-Artikoli 5(3) u 7(2) ta’ l-ArbZG, huwa meħtieġ li jkun deċiż jekk dawk id-dispożizzjonijiet jidħlux fil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/104 lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali.

54      Fil-fatt, fil-każ li l-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa kellhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu, fit-totalità tagħhom, ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni nazzjonali ta’ dawn is-servizzi titqies li hija kuntrarja għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/104 minħabba l-fatt li l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 11–il siegħa konsekuttiva jista’ mhux biss jitnaqqas iżda wkoll jiġi interrott, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tista’ xorta waħda tkun koperta mill-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

55      Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehim kollettiv applikabbli jiggarantixxu lill-ħaddiema ħin ta’ mistrieħ suffiċjenti – minkejja l-fatt illi x-xogħol ta’ l-għassa huwa meqjus minnhom bħala ħin ta’ mistrieħ – l-għanijiet tad-Direttiva 93/104, jiġifieri li tkun żgurata s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-Kommunità, ikunu jistgħu jiġu mħarsa.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kwistjoni li għandha quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Landesarbeitsgericht Schleswig Holstein iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandu l-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) ta’ ħaddiem jiġi kkunsidrat b’mod ġenerali bħala ħin tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/104, fid-dawl partikolarment tal-fatt li l-ħaddiem huwa awtorizzat jorqod matul il-perijodi meta x-xogħol tiegħu ma jkunx meħtieġ?

2)      Hija kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/104/KE, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra bħala perijodu ta’ mistrieħ, sakemm ix-xogħol tal-persuna kkonċernata ma jkunx meħtieġ, xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) fejn l-impjegat joqgħod f’kamra pprovduta għad-dispożizzjoni tiegħu fl-isptar u jaħdem biss meta jintalab jagħmel dan?

3)      Hija kontra d-Direttiva 93/104/KE, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ l-isptarijiet u stabbilimenti oħra ta’ trattament, kura u superviżjoni ta’ persuni, tipprevedi tnaqqis mill-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax-il siegħa, b’tali mod li l-ħin ta’ xogħol mogħti matul il-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) jew stand-by (“Rufbereitschaft”), li ma jeċċedix nofs il-perijodu ta’ mistrieħ, jiġi kkumpensat f’ħinijiet oħra?

4)      Hija kontra d-Direttiva 93/104/KE, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv jew ftehim tax-xogħol ibbażat fuq ftehim kollettiv jista’, fil-każ ta’ xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) u stand-by (“Rufbereitschaft”), jadatta l-perijodi ta’ mistrieħ għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dawn ix-xogħlijiet, u b’mod partikolari jipprovdi li t-tnaqqis mill-perijodi ta’ mistrieħ li jseħħ meta l-partijiet ikkonċernati jintalbu jaħdmu fl-ambitu ta’ dawn ix-xogħlijiet jiġi kkumpensat f’ħinijiet oħra?”

 Fuq id-domandi preliminari

57      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt domestiku mad-dritt Komunitarju jew li tinterpreta dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali, hija madanakollu tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni taħt id-Dritt Kommunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbilità sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun tinsab quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8; tat-3 ta’ Mejju 2001, Verdonck et, C-28/99, Ġabra p. I-3399, punt 28; u tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 27).

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

58      Fid-dawl ta’ dak li ġie mfakkar fil-punt preċedenti, l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jiġu mifhuma bħala li qed jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) imwettaq minn tabib, skond is-sistema ta’ preżenza fiżika fl-isptar, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi fit-totalità tiegħu ħin ta’ xogħol fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk il-persuna kkonċernata hija awtorizzata tistrieħ fil-post tax-xogħol tagħha waqt il-perijodi meta x-xogħol tagħha ma jintalabx, b’tali mod li din timpedixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikklassifika bħala ħin ta’ mistrieħ il-perijodi ta’ inattività tal-ħaddiem fil-kuntest ta’ xogħol ta’ l-għassa.

59      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi hekk riformulati, għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li kemm mill-Artikolu 118a tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE), li huwa l-bażi legali tad-Direttiva 93/104, kemm mill-ewwel, mir-raba’, mis-seba’ u mit-tmien kunsiderazzjoni ta’ din l-istess direttiva, kif ukoll mill-istess kliem ta’ l-Artikolu 1(1), jirriżulta li din għandha bħala għan rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 37).

60      Skond dawn l-istess dispożizzjonijiet, din l-armonizzazzjoni f’livell Komunitarju fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni ikbar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura illi dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ waqfien mix-xogħol adegwati u billi tipprovdi limitu fuq it-tul tal-ġimgħa tax-xogħol (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Simap, punt 49, u BECTU, punt 38).

61      F’dan il-kuntest, mill-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasburg tad-9 ta’ Diċembru 1989, u b’mod partikolari mill-punt 8 u l-ewwel paragrafu tal-punt 19 tagħha, imsemmija fir-raba’ premessa tad-Direttiva 93/104, jirriżulta li kull ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu jgawdi, fil-post tax-xogħol tiegħu, minn kundizzjonijiet sodisfaċenti ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tiegħu, u li għandu dritt, b’mod partikolari, għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa li t-tul ta’ żmien tiegħu fl-Istati Membri għandu jiġi progressivament armonizzat, skond il-prattiċi nazzjonali.

62      F’dak li jirrigward b’mod iktar speċifiku l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 93/104, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 47 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat illi din id-direttiva tiddefinixxi dan il-kunċett bħala kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu u meta jkun qed iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali, u li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li huwa kuntrarju għall-perijodu ta’ mistrieħ, peress li ż-żewġ kunċetti jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

63      Fil-punt 48 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-elementi karatteristiċi ta’ l-imsemmi kunċett tal-ħin tax-xogħol jirriżultaw fil-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa li t-tobba ta’ timijiet ta’ l-ewwel għajnuna tar-reġjun ta’ Valencia (Spanja) jgħaddu skond sistema ta’ preżenza fiżika fl-istabbiliment tas-saħħa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ma kienx ikkontestat li, matul il-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa taħt din is-sistema, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet stipulati fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol kienu sodisfatti u ddeċidiet ukoll li, anki jekk l-attività fil-fatt imwettqa kienet tvarja skond iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-tobba kienu obbligati li jkunu preżenti u disponibbli fuq il-post tax-xogħol sabiex jipprovdu x-xogħol professjonali tagħhom kellu jiqies bħala li jaqa’ fl-ambitu tat-twettiq ta’ dmirijiethom.

64      Fil-punt 49 tas-setenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet illi din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ l-għan tad-Direttiva 93/104, li huwa dak li tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi tipprovdi għall-benefiċċju tagħhom perijodi minimi ta’ mistrieħ u perijodi ta’ waqfien mix-xogħol adegwati, filwaqt illi jekk ix-xogħol ta’ l-għassa skond is-sistema ta’ preżenza fiżika jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, dan il-għan ikun serjament ippreġudikat.

65      Fil-punt 50 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll illi s-sitwazzjoni hija differenti fejn it-tobba ta’ timijiet ta’ l-ewwel għajnuna jagħmlu xogħol ta’ l-għassa skond is-sistema li tipprevedi li dawn ikunu aċċessibbli b’mod permanenti mingħajr madankollu ma jkunu meħtieġa li jkunu preżenti fl-istabbiliment tas-saħħa. Fil-fatt, anki jekk dawn huma għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddimhom, inkwantu dawn jistgħu jiġu msejħa sabiex jaħdmu, jibqa’ l-fatt illi f’din is-sitwazzjoni t-tobba jistgħu jagħmlu użu mill-ħin tagħhom b’inqas limitazzjonijiet u jistgħu jfittxu li jaqdu l-interessi tagħhom, b’tali mod li huwa biss il-ħin marbut ma’ l-għoti effettiv ta’ xogħol ta’ l-ewwel għajnuna li għandu jitqies bħala “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 93/104.

66      Wara li nnotat, fil-punt 51 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, li s-sigħat tas-sahra jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 93/104, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 52 ta’ l-istess sentenza, li l-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa li t-tobba ta’ timijiet ta’ l-ewwel għajnuna jgħaddu, skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment tas-saħħa, għandu jitqies fit-totalità tiegħu bħala ħin tax-xogħol u, meta jkun il-każ, bħala sahra fis-sens ta’ l-imsemmija direttiva, filwaqt li, fir-rigward ta’ għassa skond is-sistema ta’ aċċessibbiltà b’mod permanenti, huwa biss il-ħin marbut ma’ l-għoti effettiv tax-xogħol ta’ l-ewwel għajnuna li għandu jitqies bħala “ħin tax-xogħol” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ Lulju 2001, CIG, C-241/99, Ġabra I-5139, punti 33 u 34).

67      Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li huwa paċifiku li tabib li jwettaq id-dmirijiet tiegħu bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq xogħol ta’ l-għassa skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment tas-saħħa.

68      Min-naħa l-oħra, la l-kuntest u lanqas in-natura ta’ l-attivitajiet ta’ tabib bħal dan ma għandhom differenzi rilevanti meta mqabbla ma’ dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/104 li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet f’din is-sentenza.

69      F’dan ir-rigward, distinzjoni ta’ dawn l-attivitajiet ma tistax tkun validament stabbilita fuq il-bażi illi, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, it-tobba li jiffurmaw parti minn tim ta’ l-ewwel għajnuna kienu suġġetti għal ħin tax-xogħol mingħajr waqfien li seta’ jkun estiż sa 31 siegħa mingħajr mistrieħ bil-lejl, filwaqt li fil-każ ta’ servizz ta’ xogħol ta’ l-għassa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tiggarantixxi li l-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata tiġi msejħa sabiex twettaq xogħol professjonali ma jeċċedux id-49% tat-totalità tal-perijodu ta’ xogħol ta’ l-għassa, b’tali mod li tali persuna tista’ tibqa’ inattiva għall-iktar min-nofs dan il-perijodu.

70      Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali nnota fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3 tal-konklużjonijiet tiegħu, mil-leġiżlazzjoni Spanjola in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, ma jirriżultx illi t-tobba li jiżguraw perijodu ta’ xogħol ta’ l-għassa fl-isptar għandhom jibqgħu attenti u attivi matul dan il-perijodu kollu. L-istess konklużjoni tista’ tiġi dedotta mill-punti 15, 31 u 33 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali f’din l-istess kawża.

71      Barra minn hekk, jekk stess l-ammont ta’ 49 % li jidher fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża huwa marbut mal-medja, ikkalkolata fuq ċertu perijodu, tal-ħin marbut ma’ l-għoti effettiv ta’ servizzi matul il-perijodu tax-xogħol ta’ l-għassa, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, matul dan il-perijodu, tabib jista’ jkun meħtieġ jagħti s-servizzi tiegħu kemm il-darba u għat-tul ta’ ħin li jkun meħtieġ, mingħajr ma l-leġiżlazzjoni tipprevedi limitazzjoni f’dan ir-rigward.

72      F’kull każ, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perjodu ta’ mistrieħ” fis-sens tad-Direttiva 93/104 ma għandhomx jiġu interpretati skond ir-rekwiżiti tal-liġijiet differenti ta’ l-Istati Membri, iżda għandhom jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu ddefiniti skond karatteristiċi oġġettivi, fid-dawl tas-sistema u ta’ l-iskop ta’ l-imsemmija direttiva, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 48 u 50 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq. Hija biss interpretazzjoni awtonoma bħal din li tista’ tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċità sħiħa tagħha u kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha.

73      Għaldaqstat, il-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett tal-ħin tax-xogħol tirreferi għal-“liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali” ma jfissirx illi l-Istati Membri jistgħu b’mod unilaterali jiddeterminaw il-portata ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, dawn l-Istati ma jistgħu jissuġġettaw għal ebda kundizzjoni d-dritt tal-ħaddiema li jkollhom il-perijodi ta’ xogħol u, b’mod korrelattiv, dawk tal-mistrieħ debitament meħuda in kunsiderazzjoni, peress illi dan id-dritt jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Kull interpretazzjoni oħra tostakola l-għan tad-Direttiva 93/104 li tarmonizza l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ rekwiżiti minimi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra I-5755, punti 45 u 75).

74      Il-fatt li, fis-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni b’mod espliċitu fuq il-possibbiltà, għat-tobba li jwettqu xogħol ta’ l-għassa skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar, li jistrieħu jew jorqdu matul il-perijodi meta s-servizzi tagħhom ma jkunux mitluba ma għandu ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

75      Għaldaqstant, dawn il-perjodi ta’ inattività professjonali jiffurmaw parti mix-xogħol ta’ l-għassa li t-tobba jwettqu skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar, ladarba li, b’mod kuntrarju għall-ħinijiet tax-xogħol normali, il-ħtieġa għal interventi urġenti tiddependi miċ-ċirkustanzi u ma tistax tkun ippjanata minn qabel.

76      Barra minn hekk, fl-aħħar sentenza tal-punt 48 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għal din il-karatteristika li minnha jirriżulta neċessarjament illi hija pproċediet fuq il-bażi li t-tobba li jkunu fuq xogħol ta’ l-għassa fi sptar fil-fatt ma jwettqux mingħajr waqfien l-attivitajiet professjonali tagħhom matul il-perijodu kollu tax-xogħol ta’ l-għassa.

77      Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 93/104, jirriżultaw fil-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa li t-tobba jgħaddu fl-isptar innifsu huwa l-fatt li huma meħtieġa li jkunu preżenti f’post determinat minn min iħaddimhom u li jkunu disponibbli sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr dewmien jekk ikun hemm bżonn. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, hemm lok li dawn l-obbligi, li jagħmluha impossibbli għat-tobba kkonċernati li jagħżlu l-post fejn joqogħdu waqt li jkunu qed jistennew, jiġu meqjusa bħala li jaqgħu fl-ambitu tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

78      Din il-konklużjoni ma tinbidilx sempliċement minħabba l-fatt illi min iħaddem qiegħed għad-dispożizzjoni tat-tabib, kamra fejn huwa jista’ jistrieħ sakemm is-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux meħtieġa.

79      Għandu jingħad ukoll li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 50 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, b’paragun ma’ tabib taħt is-sistema stand-by, fejn it-tabib huwa meħtieġ li jkun aċċessibbli l-ħin kollu iżda mhux preżenti fl-istabbiliment tas-saħħa, tabib li huwa meħtieġ li jkun disponibbli għal min iħaddmu f’post iddeterminat minnu tul il-perijodi kollha ta’ l-għassa, huwa suġġett għal limitazzjonijiet sostanzjalment ikbar, peress illi huwa għandu jibqa’ ‘l bogħod mill-ambjent tal-familja tiegħu u kif ukoll mill-ambjent soċjali tiegħu u peress illi huwa għandu inqas libertà li jagħmel użu mill-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiem disponibbli f’post iddeterminat minn min iħaddmu ma jistax jiġi meqjus bħala li jkun f’perijodu ta’ mistrieħ matul il-perijodi tas-servizz tiegħu tax-xogħol ta’ l-għassa meta huwa, fil-fatt, ma jwettaq ebda attività professjonali.

80      Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-oġġezzjonijiet bbażati fuq konsegwenzi ekonomiċi u ta’ organizzazzjoni li, skond il-ħames Stati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Simap għal każ bħal ma huwa dak tal-kawża prinċipali.

81      Barra minn hekk, mill-ħames premessa tad-Direttiva 93/104 jirriżulta li “t-titjib fis-sigurtà, fl-iġjene u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huwa objettiv li m’għandux ikun subordinat għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi”.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, li l-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa li t-tobba ta’ timijiet ta’ l-ewwel għajnuna jgħaddu, skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment tas-saħħa, għandu jitqies fit-totalità tiegħu bħala ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/104, irrispettivament mix-xogħol li fil-fatt isir mill-persuni kkonċernati, għandha tapplika wkoll fir-rigward tas-servizzi tax-xogħol ta’ l-għassa mogħtija, taħt l-istess sistema, minn tabib bħal ma huwa N. Jaeger fl-isptar fejn huwa impjegat.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 93/104 timpedixxi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal ma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċpali, li tqis bħala ħin ta’ mistrieħ il-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa li matulhom it-tabib ma jkunx fil-fatt mitlub iwettaq xogħol professjonali u jkun jista’ jistrieħ iżda għandu jkun preżenti u jibqa’ disponibbli fil-post iddeterminat minn min iħaddmu bil-għan li jagħti s-servizzi tiegħu fil-każ li jkun hemm bżonn jew meta jintalab jintervjeni.

84      Fil-fatt din hija l-unika interpretazzjoni li taqbel ma’ l-għan tad-Direttiva 93/104 li huwa dak li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi tippermettilhom igawdu b’mod effettiv minn perijodi minimi ta’ mistrieħ. Din l-interpretazzjoni hija iktar u iktar konvinċenti fil-każ ta’ tobba li jiżguraw xogħol ta’ l-għassa fl-istabbilimenti tas-saħħa, peress illi l-perijodi li matulhom is-servizzi tagħhom m’humiex meħtieġa sabiex ilaħħqu ma’ l-emerġenzi jistgħu skond il-każ, ikunu ta’ żmien qasir u/jew suġġetti għal interruzzjonijiet frekwenti u fejn, barra minn hekk, ma jistax ikun eskluż illi l-persuni kkonċernati jistgħu jiġu msejħa sabiex jintervjenu, apparti l-każijiet ta’ emerġenza, sabiex isegwu l-istat tal-pazjenti li jkunu taħt il-kura tagħhom jew sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ natura amministrattiva.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun illi d-Direttiva 93/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) imwettaq minn tabib skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi fit-totalità tiegħu ħin tax-xogħol fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk l-persuna kkonċernata hija awtorizzata li tistrieħ fuq il-post tax-xogħol tagħha matul il-perijodi meta s-servizzi tagħha ma jkunux mitluba, b’tali mod li din tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikklassifika bħala ħin ta’ mistrieħ il-perijodi ta’ inattività tal-ħaddiem fil-kuntest ta’ xogħol ta’ l-għassa bħal dan.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

86      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 93/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tax-xogħol ta’ l-għassa mwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar, għandha l-effett li tippermetti, fejn applikabbli permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim tax-xogħol ibbażat fuq ftehim kollettiv, tnaqqis mill-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax–il suġġett għal kumpens “f’ħinijiet oħra tal-perijodi ta’ xogħol matul ix-xogħol ta’ l-għassa”.

87      Mill-kuntest tat-tielet u r-raba’ domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(3) u l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-ArbZG mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/104.

88      F’dan ir-rigward jirriżulta, qabel xejn, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal ma’ huma dawk eżaminati mill-qorti tar-rinviju jagħmlu distinzjoni skond jekk il-ħaddiem ikunx imsejjaħ sabiex fil-fatt jagħmel xogħol matul is-servizz tax-xogħol ta’ l-għassa, peress li huma biss il-perijodi ta’ attività effettiva matul dan is-servizz li jiġu kkumpensati, filwaqt li l-perijodi matul dan l-istess servizz meta l-ħaddiem ma jkunx attiv huma kkunsidrati bħala ħin ta’ mistrieħ.

89      Issa, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, servizzi ta’ xogħol ta’ l-għassa mwettqa minn tabib fl-isptar li jimpjegah għandhom ikunu fit-totalità tagħhom meqjusa bħala li jikkostitwixxu perijodi ta’ xogħol, irrispettivament mill-fatt illi, matul dan ix-xogħol ta’ l-għassa, il-ħaddiem ma jeżerċitax attività effettiva b’mod kontinwu. Konsegwentement, id-Direttiva 93/104 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis bħala ħin ta’ mistrieħ, fis-sens ta’ din id-direttiva, il-perijodi ta’ inattività tal-ħaddiem matul is-servizz ta’ xogħol ta’ l-għassa li huwa jwettaq fl-istabbiliment tas-saħħa u, għaldaqstant, li tipprovdi sabiex ikunu kkumpensati biss il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata tkun fil-fatt wettqet attività professjonali.

90      Sabiex tingħata risposta utili lill-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/104 fir-rigward tal-ħin ta’ mistrieħ għandhom jiġu ppreċiżati u b’mod partikolari għandu jiġi eżaminat jekk u, jekk ikun il-każ, sa liema estent dispożizzjonijiet ġenerali bħal ma huma l-Artikolu 5(3) u l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-ArbZG jistgħu jaqgħu fi ħdan il-possibbiltajiet ta’ deroga previsti f’din id-direttiva.

91      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tagħha jistipula d-dritt ta’ kull ħaddiem li jgawdi, matul kull perijodu ta’ 24 siegħa, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttivi.

92      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 ta’ din l-imsemmija direttiva, dan jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, b’konformità mal-ħtiġijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inklużi s-sigħat ta’ sahra, ma teċċedix it-tmienja u erbgħin siegħa.

93      Issa, mill-kliem stess ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija jirriżulta li, bħala regola ġenerali, huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal ma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti perijodi ta’ xogħol li jistgħu jieħdu madwar 30 siegħa f’daqqa, meta perijodu ta’ xogħol ta’ l-għassa jippreċedi jew isegwi b’mod immedjat xogħol normali, jew iktar minn 50 siegħa fil-ġimgħa, inklużi perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa. Is-stiwazzjoni kienet tkun differenti biss kieku din il-leġiżlazzjoni kienet taqa’ taħt il-possibbiltajiet ta’ deroga previsti mid-Direttiva 93/104.

94      F’dan ir-rigward jirriżulta mis-sistema stabbilita minn din id-direttiva li, għalkemm, minn naħa, l-Artikolu 15 tagħha jippermetti, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tippreċiża fl-Artikolu 17 tagħha li huma biss ċerti dispożizzjonijiet indikati b’mod eżawrjenti li jistgħu jkunu suġġetti għal derogi previsti għall-Istati Membri jew għall-imsieħba soċjali.

95      Issa, l-ewwel nett, huwa sinjifikattiv li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104 ma jaqax fost dawk id-dispożizzjonijiet li d-Direttiva tippermetti espressament deroga minnhom.

96      Dan il-fatt huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-konstatazzjoni, magħmula fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, li d-definizzjonijiet mogħtija fl-imsemmi Artikolu 2 ma jistgħux jiġu liberament interpretati mill-Istati Membri.

97      It-tieni nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104 huwa biss msemmi fl-Artikolu 17(1) tagħha, filwaqt li huwa paċifiku li din l-aħħar dispożizzjoni tkopri attivitajiet li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ dawk mwettqa minn tabib matul ix-xogħol ta’ l-għassa li huwa jagħmel skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar.

98      Huwa veru li l-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom id-dritt li ma japplikawx l-Artikolu 6, sakemm huma josservaw il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u sakemm huma jissodisfaw ċertu numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni.

99      Madanakollu, kif il-Gvern Ġermaniż espressament ikkonferma fis-seduta, huwa paċifiku li r-Republika Federali tal-Ġermanja ma użatx din il-possibbiltà ta’ deroga.

100    It-tielet nett, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/104 huwa, min-naħa l-oħra, imsemmi f’diversi sub-paragrafi ta’ l-Artikolu 17 tagħha u, b’mod partikolari, sub-paragrafu 2.1 ta’ l-Artikolu 17(2), dispożizzjoni li hija rilevanti għall-kawża prinċipali peress illi fis-sub-paragrafu (ċ)(i) hija tipprevedi “attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz […], partikolarment […] servizzi relatati ma’ l-ilqugħ, it-trattament u/jew il-kura provduti mill-isptarijiet u stabbilimenti simili […]”.

101    Il-karatteristiċi partikolari ta’ l-organizzazzjoni ta’ timijiet ta’ servizzi ta’ xogħol ta’ l-għassa fl-isptarijiet u stabbilimenti simili huma għaldaqstant irrikonoxxuti mid-Direttiva 93/104, in kwantu din tinkludi, fl-Artikolu 17 tagħha, possibbiltajiet ta’ deroga li huma marbuta magħhom.

102    B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 45 tas-sentenza Simap, iċċitata iktar ‘il fuq, li l-attività ta’ tobba ta’ timijiet ta’ l-ewwel għajnuna tista’ taqa’ taħt id-derogi previsti f’dan l-artikolu, sakemm il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti (ara d-digriet CIG, iċċitat iktar il-fuq, punt 31).

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat illi, inkwantu huma eċċezzjonijiet għas-sistema Komunitarja fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol stabbilita mid-Direttiva 93/104, id-derogi stipulati fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva għandu jkollhom interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju għall-ħarsien ta’ l-interessi li dawn id-derogi jippermettu li jkunu mħarsa.

104    Barra minn hekk, skond il-kliem stess ta’ l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 93/104, l-implementazzjoni ta’ deroga bħal din, partikolarment fir-rigward tat-tul tal-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġurnata stipulat fl-Artikolu 3, hija espressament suġġetta għall-kundizzjoni illi l-ħaddiema kkonċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ bħala kumpens jew, f’każijiet eċċezzjonali fejn għal raġunijiet oġġettivi l-għoti ta’ dawn il-perijodi ekwivalenti ta’ mistirieħ bħala kumpens ma jkunx possibbli, tingħata protezzjoni xierqa lil dawn il-ħaddiema. Skond l-Artikolu 17(3), l-istess kundizzjonijiet japplikaw fil-każ ta’ deroga mill-Artikolu 3 permezz ta’ ftehim kollettivi jew ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b’mod konformi mar-regoli stipulati minn dawn l-imsieħba soċjali, permezz ta’ ftehim kollettivi jew ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali f’livell iktar baxx.

105    Issa, minn naħa waħda, kif diġà ġie nnotat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104 ma jippermettix derogi mid-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perjodu ta’ mistrieħ” li jinsabu fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, billi tqis bħala mistrieħ il-perijodi ta’ inattività ta’ tabib li huwa meħtieġ illi jagħti s-servizz tax-xogħol ta’ l-għassa tiegħu fl-isptar stess, filwaqt li perijodi bħal dawn għandhom jitqiesu bħala li jiffurmaw parti integrali mill-ħin tax-xogħol fis-sens ta’ din id-Direttiva.

106    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-għan tad-Direttiva 93/104 huwa dak li tingħata protezzjoni b’mod effettiv tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Fid-dawl ta’ dan l-għan essenzjali, kull ħaddiem għandu b’mod partikolari jgawdi minn perijodi ta’ mistrieħ adegwati li mhux biss għandhom ikunu effettivi, billi jippermettu lill-persuni kkonċernati li jirkupraw mill-għeja tax-xogħol tagħhom, iżda għandhom ukoll ikunu ta’ natura preventiva b’mod li jnaqqsu, sa fejn possibbli, ir-riskju li jiġu mittiefsa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li l-akkumulazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol mingħajr il-mistrieħ meħtieġ tista’ ġġib magħha.

107    F’dan ir-rigward, mill-punt 15 tas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, jirriżulta li l-kunċetti tas-“sigurtà” u tas-“saħħa” fis-sens ta’ l-Artikolu 118 A tat-Trattat, li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/104, għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa li tqis il-fatturi kollha, kemm fiżiċi kif ukoll oħrajn, li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem fl-ambjent tax-xogħol tiegħu, inklużi b’mod partikolari ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fl-istess punt ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll illi interpretazzjoni bħal din tista’ ssib sostenn fil-preambolu tal-Kostituzzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li fiha l-Istati Membri kollha huma msieħba, li tiddefinixxi s-saħħa bħala stat ta’ benesseri fiżiku, mentali u soċjali komplet li ma jikkonsistix biss fl-assenza ta’ mard jew debbulizza.

108    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-“perijodi xierqa ta’ mistrieħ b’kumpens”, fis-sens ta’ l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 93/104, għandhom, sabiex ikunu f’konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kif ukoll ma’ l-għan ta’ din id-direttiva kif speċifikat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, ikunu kkaratterizzati mill-fatt li, matul dawn il-perijodi, il-ħaddiem ma jkun suġġett għal ebda obbligu lejn min iħaddmu li jista’ jimpedixxih milli b’mod liberu u mingħajr interruzzjonijiet jaqdi l-interessi tiegħu sabiex jinnewtralizza l-effetti tax-xogħol fuq is-sigurtà u s-saħħa tiegħu. Għaldaqstant, dawn il-perijodi ta’ mistrieħ għandhom isegwu b’mod immedjat il-ħin tax-xogħol li għalih huma intiżi li jikkumpensaw, bl-għan li jiġi evitat li l-ħaddiem jesperjenza stat ta’ għeja jew ta’ xogħol eċċessiv minħabba l-akkumulazzjoni tal-perijodi konsekuttivi ta’ xogħol.

109    Sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem, għandu, bħala regola ġenerali, ikun previst li perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari ma’ perijodu ta’ mistrieħ. Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jistrieħ b’mod effettiv, il-ħaddiem għandu jibbenefika mill-possibbiltà li jitlaq mill-ambjent tax-xogħol tiegħu għal numru speċifiku ta’ sigħat li mhux biss għandhom ikunu konsekuttivi iżda għandhom ukoll isegwu direttament perijodu ta’ xogħol, sabiex jippermettulu jirrilassa u jelimina l-għeja kkaġunata mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Dan ir-rekwiżit huwa iktar neċessarju meta, b’eċċezzjoni għar-regola ġenerali, il-ħin normal tax-xogħol ta’ kuljum ikun estiż bit-twettiq ta’ xogħol ta’ l-għassa.

110    Min-naħa l-oħra, serje ta’ perijodi ta’ xogħol maħduma mingħajr ma jkun ngħata l-ħin ta’ mistrieħ neċċessarju tista’, f’każ partikolari, tikkawża ħsara lill-ħaddiem jew, għal ta’ l-inqas, riskju li l-ħaddiem jaħdem f’livell li jeċċedi l-kapaċitajiet fiżiċi tiegħu, b’mod li jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tiegħu, bil-konsegwenza li perijodu ta’ mistrieħ mogħti wara dawn il-perijodi ma huwiex tali li jiżgura korrettament il-protezzjoni ta’ l-interessi in kwistjoni. Kif ġie kkonstatat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, dan ir-riskju huwa iktar u iktar reali fil-kuntest ta’ xogħol ta’ l-għassa li tabib iwettaq fi stabbiliment tas-saħħa, a fortiori meta dan ix-xogħol jiżdied mal-ħin tax-xogħol normali.

111    Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żieda fil-ħin tax-xogħol ta’ kuljum li, skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 93/104, l-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali jistgħu jistabbilixxu billi jnaqqsu l-perijodu ta’ mistrieħ mogħti lill-ħaddiem matul ġurnata tax-xogħol partikolari, b’mod partikolari fi sptarijiet u fi stabbilimenti simili, għandha fil-prinċipju tiġi kkumpensata bl-għoti ta’ perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ bħala kumpens, ikkostitwiti minn numru ta’ sigħat konsekuttivi li jikkorrispondu għat-tnaqqis applikat u li minnhom il-ħaddiem għandu jibbenefika qabel ma jibda l-perijodu ta’ xogħol konsekuttiv. Bħala regola ġenerali, l-għoti ta’ dawn il-perijodi ta’ mistrieħ biss “f’ħinijiet oħra”, li ma jkunux direttament marbuta mal-perijodu tax-xogħol estiż minħabba s-sahra, ma jiħux in kunsiderazzjoni b’mod adegwat il-ħtieġa li jkunu osservati l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema li jikkostitwixxu l-bażi tas-sistema Komunitarja ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

112    Fil-fatt huwa biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali li l-Artikolu 17 jippermetti li “protezzjoni xierqa” oħra tista’ tingħata lill-ħaddiem, meta l-għoti ta’ perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ b’kumpens ma jkunx possibbli minħabba raġunijiet oġġettivi.

113    Issa, fil-każ preżenti, bl-ebda mod ma ġie sostnut jew allegat li leġiżlazzjoni bħal ma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi meqjusa li taqa’ taħt każ bħal dan.

114    Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax–il siegħa konsekuttiva, kif awtorizzat mid-Direttiva 93/104 f’ċerti ċirkustanzi u sakemm jiġu osservati diversi kundizzjonijiet, ma jista’, fl-ebda każ, ikollu l-effett li jżid il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, b’mod li ħaddiem ikun meħtieġ li jwettaq l-attivitajiet tiegħu għal iktar minn medja ta’ 48 siegħa, inkluża s-sahra, matul kull perijodu ta’ sebat ijiem, anki jekk dan il-ħin jinkludi perijodi ta’ xogħol ta’ l-għassa li matulhom il-ħaddiem, għalkemm preżenti fil-post tax-xogħol, ma jwettaqx attivitajiet professjonali effettivi.

115    Fil-fatt, kif ġie nnotat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17 ma jippermettix deroga mill-Artikolu 6 għal attivitajiet bħal ma huma dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

116    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal ma huma dawk previsti fl-Artikolu 5(3) u fl-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-ArbZG ma jistgħux jaqaw taħt il-possibbiltajiet ta’ deroga previsti mid-Direttiva 93/104.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–        f’ċirkustanzi bħal ma huma dawk tal-kawża prinċipali, hija tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tax-xogħol ta’ l-għassa mwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar, għandha l-effett li tippermetti, skond il-każ permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim tax-xogħol ibbażat fuq ftehim kollettiv, kumpens biss għall-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa li matulhom il-ħaddiem ikun fil-fatt wettaq attività professjonali;

–        sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ deroga stipulati fis-sub-paragrafu 2.1(ċ)(i) ta’ l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, tnaqqis fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva sabiex jitwettaq xogħol ta’ l-għassa b’żieda mal-ħin tax-xogħol normali huwa suġġett għall-kundizzjoni li perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ jingħataw bħala kumpens lill-ħaddiema kkonċernati f’ħinijiet li jsegwu b’mod immedjat il-perijodi tax-xogħol korrispondenti;

–        barra minn hekk, tnaqqis bħal dan fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma jista’ fl-ebda każ iwassal għal żieda fil-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

118    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, Daniż, Franċiż, Olandiż u r-Renju Unit, u kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi mressqa quddiemha mil-Landesarbeitsgericht Schleswig Holstein permezz tad-digriet tat-12 ta’ Marzu 2002, emendat bid-digriet tal-25 ta’ Marzu 2002, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li xogħol ta’ l-għassa (“Bereitschaftsdienst”) imwettaq minn tabib skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi fit-totalità tiegħu ħin tax-xogħol fis-sens ta’ din id-direttiva, anki meta l-persuna kkonċernata hija awtorizzata li tistrieħ fuq il-post tax-xogħol matul il-perijodi meta s-servizzi tagħha ma jkunux mitluba, b’tali mod li din tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikklassifika bħala ħin ta’ mistrieħ il-perijodi ta’ inattività tal-ħaddiem fil-kuntest ta’ xogħol ta’ l-għassa bħal dan.

2)      Id-Direttiva 93/104 għandha wkoll tiġi interpretata fis-sens li:

–        f’ċirkustanzi bħal ma huma dawk tal-kawża prinċipali, hija tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tax-xogħol ta’ l-għassa mwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar, għandha l-effett li tippermetti, skond il-każ permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim tax-xogħol ibbażat fuq ftehim kollettiv, kumpens biss għall-perijodi tax-xogħol ta’ l-għassa li matulhom il-ħaddiem ikun fil-fatt wettaq attività professjonali;

–        sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ deroga stipulati fis-sub-paragrafu 2.1(ċ)(i) ta’ l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, tnaqqis fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva sabiex jitwettaq xogħol ta’ l-għassa b’żieda mal-ħin tax-xogħol normali huwa suġġett għall-kundizzjoni li perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ jingħataw bħala kumpens lill-ħaddiema kkonċernati f’ħinijiet li jsegwu b’mod immedjat il-perijodi tax-xogħol korrispondenti;

–        barra minn hekk, tnaqqis bħal dan fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma jista’ fl-ebda każ iwassal għal żieda fil-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija direttiva.

Rodríguez Iglesias

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Gulmann

Edward

Jann

Skouris

Macken

Colneric

von Bahr

Cunha Rodrigues

 

      Rosas      

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2003.

Reġistratur

 

      President

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.