SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
tat-12 ta’ Ġunju 2003(*)
“Moviment liberu tal-merkanzija ─ Ostakoli li jirriżultaw minn atti ta’ individwi ─ Obbligi ta’ l-Istati Membri ─ Deċiżjoni li ma tiġix pprojbita dimostrazzjoni bi skop ambjentali li wasslet għall-imblukkar totali tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner għal kważi tletin siegħa ─ Ġustifikazzjoni ─ Drittijiet fundamentali ─ Libertà ta’ espressjoni u libertà ta’ għaqda ─ Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-kawża C‑112/00,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn
Eugen Schmidberger, Internationale Transporte und Planzüge
u
Republik Österreich,
dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, Artikoli 28 KE, 29 KE u 30 KE), moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 10 KE), kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwi permezz ta’ ksur tad-dritt Komunitarju,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet u R. Schintgen (Relatur), Presidenti ta’ l-Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Eugen Schmidberger, Internationale Transporte und Planzüge, minn K. H. Plankel, H. Mayrhofer u R. Schneider, Rechtsanwälte,
– għar-Republik Österreich, minn A. Riccabona, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,
– għall-Gvern Elleniku, minn N. Dafniou u G. Karipsiadis, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, vice avvocato generale dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. C. Schieferer, bħala aġent,
wara li rat ir-rapport tas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta’ Eugen Schmidberger, Internationale Transporte und Planzüge, irrappreżentata minn R. Schneider, tar-Republik Österreich, irrappreżentata minn A. Riccabona, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn E. Riedl, bħala aġent, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn N. Dafniou u G. Karipsiadis, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat minn O. Fiumara, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. C. Schieferer u J. Grunwald, bħala aġenti, fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2002,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2002,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar 2000, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu segwenti, l-Oberlandesgericht Innsbruck għamlet sitt domandi preliminari, skond l-Artikolu 234 KE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 30, 34 u 36 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, Artikoli 28 KE, 29 KE u 30 KE) moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KE u dwar il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwi permezz ta’ ksur tad-dritt Komunitarju.
2 Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Eugen Schmidberger, Internationale Transporte und Planzüge (iktar ’il quddiem “Schmidberger”) u r-Republik Österreich (iktar ’il quddiem ir-“Repubblika ta’ l-Awstrija”) dwar l-awtorizazzjoni mogħtija b’mod impliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ din ta’ l-aħħar lil assoċjazzjoni b’għanijiet essenzjalment ambjentali sabiex torganizza dimostrazzjoni fuq it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’) Brenner li, bħala effett, għalqet kompletament għat-traffiku din it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur ghal kważi 30 siegħa.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 2 tal-Versammlungsgesetz (liġi dwar il-laqgħat) ta’ l-1953, kif emendata sussegwentement (iktar ’il quddiem il- “VslgG”), jipprovdi:
“(1) Min jixtieq jorganizza meeting pubbliku jew laqgħa li, b’mod ġenerali, hija aċċessibli mingħajr limitazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti, għandu jinnotifika dan bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti (Artikolu 16) mill-inqas 24 siegha qabel id-data li fiha l-laqgħa jew il-meeting se jinżamm filwaqt li jindika l-għan, il-post u l-ħin tiegħu. In-notifika għandu tasal għand l-awtoritajiet kompetenti mhux iktar tard minn erbgħa u għoxrin siegħa qabel il-bidu tal-meeting ippjanat.
(2) L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu ċertfikat rigward in-notifika jekk jiġi mitlub. [...]”
4 Skond l-Artikolu 6 tal-VslgG:
“Meetings li l-għan tagħhom imur kontra l-liġijiet penali jew li jqiegħdu fil-periklu s-sigurtà pubblika jew il-ġid komuni għandhom ikunu pprojbiti mill-awtoritajiet kompetenti.”
5 L-Artikolu 16 tal-VslgG jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, bħala regola ġenerali, ‘awtorità kompetenti’ tfisser:
a) fil-postijiet fil-kompetenza tagħhom, l-awtoritajiet tal-pulizija federali;
b) fil-post fejn għandu s-sede tiegħu l-Landeshauptmann [kap tal-gvern tal-Land], fejn m’hemmx awtorità tal-pulizija federali, iż-Sicherheitsdirektion [is-servizzi ta’ sigurtà]; [...]
ċ) fil-postijiet l-oħra kollha, il-Bezirksverwaltungsbehörde [awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Bezirk].”
6 L-Artikolu 42(1), tas-Straßenverkehrsordnung (Kodiċi tat-Triq) ta’ l-1960, kif emendat sussegwentement (iktar ’il quddiem l- “StVO”), jipprojbixxi ċ-ċirkolazzjoni fit-triq ta’ trakkijiet is-Sibtijiet mill-15.00 sa nofs il-lejl kif ukoll il-Ħdud u l-ġranet ta’ festa minn nofs il-lejl sal-22.00 meta l-piż totali massimu awtorizzat tat-trakk jew tat-trailer jaqbeż it-3.5 tunnellati. Bl-istess mod, skond il-paragrafu 2 ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, matul il-perijodi indikati fil-paragrafu 1, iċ-ċirkolazzjoni tat-trakkijiet, tal-vetturi msensla (‘articulated’) u trakkijiet bil-qafas tal-qiegħ tagħhom (‘chassis’) riġidu li għandhom piż totali massimu awtorizzat ta’ iktar minn 7.5 tunnellati hija pprojbita. Ċerti eċċezzjonijiet huma previsti, partikolarment għat-trasport tal-ħalib, ta’ ikel li jmur faċilment u ta’ l-annimali għall-biċċerija (ħlief għat-trasport ta’ bhejjem fuq it-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur).
7 Skond l-Artikolu 42(6), ta’ l-StVO, iċ-ċirkolazzjoni tat-trakkijiet b’piż totali massimu awtorizzat ta’ iktar minn 7.5 tunnellati hija pprojbita bejn l-22.00 u l-05.00; il-vjaġġi magħmula b’vetturi li ma tantx jagħmlu ħoss ma jaqgħux taħt din il-projbizzjoni.
8 Skond l-Artikolu 45(2) et seq ta’ l-StVO, derogi li jikkonċernaw l-użu tat-toroq jistgħu jingħataw fuq talba individwali u taħt ċertu kundizzjonijiet.
9 L-Artikolu 86 ta’ l-StVO jipprovdi:
“Marċijiet. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra, jekk huwa previst li t-triq tintuża għal dan il-għan, il-laqgħat barra, il-marċijiet pubbliċi jew ta’ użu lokali, il-festi popolari, il-purċissjonijiet jew meetings oħra simili għandhom jiġu ddikjarati tliet ijiem minn qabel lill-amministrazzjoni kkonċernata mill-organizzaturi tagħhom [...]”
Il-każ prinċipali u d-domandi preliminari
10 Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-15 ta’ Mejju 1998, l-assoċjazzjoni Transitforum Austria Tirol, li għandha bħala għan il-“protezzjoni tal-habitat tar-reġjun ta’ l-Alpi”, informat lill-Bezirkshauptmannschaft Innsbruck, b’mod konformi ma’ l-Artikoli 2 tal-VslgG u 86 tal-StVO, li kienet ser tinżamm dimostrazzjoni mill-Ġimgħa, 12 ta’ Ġunju 1998, fil-11.00 sas-Sibt, 13 ta’ Ġunju, fil-15.00 fit-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner (A 13) li kienet ser twassal, matul dan il-perijodu, għall-għeluq għaċ-ċirkolazzjoni tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner fis-sezzjoni bejn l-Europabrücke service area u t-toll booth ta’ Schönberg (l-Awstrija).
11 Fl-istess jum, il-president ta’ l-imsemmija assoċjazzjoni ta konferenza stampa u, sussegwentement, il-media Awstrijaki u Ġermaniżi xandru informazzjoni dwar l-egħluq tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner. Il-klabbijiet awtomobilistiċi Awstrijaki u Ġermaniżi, li ġew ukoll innotifikati minn qabel, taw ukoll informazzjonijiet prattiċi lis-sewwieqa, filwaqt li indikaw, b’mod partikolari, li t-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner kellha tkun evitata matul il-perijodu in kwistjoni.
12 Fil-21 ta’ Mejju 1998, il-Bezirkshauptmannschaft talab struzzjonijiet fir-rigward tad-dimostrazzjoni nnotifikata mingħand is-Sicherheitsdirektion für Tirol. Fit-3 ta’ Ġunju 1998, is-Sicherheitsdirektor ta l-ordni li din ma kellhiex tiġi pprojbita. Fl-10 ta’ Ġunju 1998, inżammet laqgħa tal-membri ta’ diversi awtoritajiet lokali differenti bl-iskop li jiġi ggarantit l-isvolġiment mingħajr problemi ta’ l-imsemmija dimostrazzjoni.
13 Peress li kkunsidra li hija kienet leċita skond id-dritt Awstrijaku, il-Bezirkshauptmannschaft iddeċidieda li ma jipprojbix id-dimostrazzjoni iżda ma eżaminax jekk din id-deċiżjoni setgħetx tikser id-dritt Komunitarju.
14 Din id-dimostrazzjoni effettivament inżammet fil-post u l-ħin indikati. Konsegwentement, it-trakkijiet li kellhom jużaw it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner sabu ruħhom wieqfa l-Ġimgħa, 12 ta’ Ġunju 1998, mid-09.00. Din it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur reġgħet infetħet għaċ-ċirkolazzjoni s-Sibt, 13 ta’ Ġunju 1998, madwar it-15:30, suġġetta għall-projbizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni għat-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellata, applikabbli skond il-liġi Awstrija matul ċertu ħinijiet is-Sibtijiet u l-Ħdud.
15 Schmidberger hija impriża ta’ trasport internazzjonali stabbilita f’Rot an der Rot (il-Ġermanja) li għandha sitt trakkijiet, li huma “silenzjużi u nodfa”, mgħammra bi trailers. L-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fit-trasport ta’ l-injam mill-Ġermanja lejn l-Italja u ta’ l-azzar mill-Italja lejn il-Ġermanja. Għal dan il-għan, it-trakkijiet tagħha essenzjalment jużaw it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner.
16 Schmidberger ippreżentat rikors quddiem il-Landesgericht Innsbruck (Awstrija) sabiex ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ 140,000 ATS għal danni u interessi li jirriżultaw mill-fatt li ħamsa mit-trakkijiet tagħha ma setgħux jużaw it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner għal erbat ijiem konsekuttivi, peress li, minn naħa, il-Ħamis 11 ta’ Ġunju 1998 kienet festa fl-Awstrija filwaqt li t-13 u l-14 ta’ Ġunju kienu Sibt u Ħadd u peress li, min-naħa l-oħra, il-liġi Awstrijaka tipprojbixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ trakkijiet ta’ piż ta’ iktar minn 7.5 tunnellati għall-parti l-kbira ta’ l-aħħar tal-ġimgħa kif ukoll tal-jiem ta’ festa. It-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner tikkostitwixxi l-uniku rotta li l-vetturi ta’ Schmidberger jistħu jużaw bejn il-Ġermanja u l-Italja. In-nuqqas ta’ projbizzjoni tad-dimostrazzjoni u n-nuqqas ta’ intervent mill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jipprekludu l-imblukkar ta’ din ir-rotta prinċipali jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Peress li tali ostakolu ma jistax jiġi ġġustifikat bid-drittijiet għal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda tad-dimostranti, l-imsemmi ostakolu jikser id-dritt Komunitarju, b’tali mod li jrendi lill-Istat Membru responsabbli. F’dan il-każ, id-dannu sostnut minn Schmidberger jikkonsisti fil-fatt li t-trakkijiet tagħha sabu ruħhom wieqfa (50 000 ATS), l-ispejjeż fissi li jikkonċernaw is-sewwieqa (5 000 ATS) u t-telf ta’ profitt li rriżulta minn ħlas konċess lill-klijenti tagħha minħabba l-ittardjar konsiderevoli fit-trasport tal-merkanzija kif ukoll il-fatt li ma sarux sitt vjaġġi bejn il-Ġermanja u l-Italja (85 000 ATS).
17 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija talbet li r-rikors jiġi miċħud minħabba li d-deċiżjoni li d-dimostrazzjoni mħabbra ma tiġix ipprojbita ttieħdet wara eżami dettaljat tal-fatti, informazzjoni dwar id-data ta’ l-għeluq tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner ġiet imxandra minn qabel fl-Awstrija, fil-Ġermanja kif ukoll fl-Italja, u din id-dimostrazzjoni ma tatx lok għal imblukkar konsiderevoli tat-traffiku jew inċidenti oħra. L-ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni libera li jirriżulta minn dimostrazzjoni huwa awtorizzat sakemm l-ostakolu li hija toħloq ma jkunx permanenti u serju. L-evalwazzjoni ta’ l-interessi in kwistjoni għandha tiffavorixxi l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, għaliex id-drittijiet fundamentali ma jistgħux jinkisru f’soċjetà demokratika.
18 Wara li kkonstatat li ma setax jiġi stabbilit la li t-trakkijiet ta’ Schmidberger kellhom jużaw it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner fit-12 u t-13 ta’ Ġunju u lanqas li ma kienx hemm il-possibiltà li l-impriża tibdel l-itinerarji tagħha sabiex tevita dannu wara li saret taf bl-organizazzjoni tad-dimostrazzjoni, b’sentenza tat-23 ta’ Settembru 1999 il-Landesgericht Innsbruck ċaħdet ir-rikors għar-raġunijiet li din l-impriża ta’ trasport la kienet issodisfat ir-rekwiżiti (taħt id-dritt sostantiv Awstrijak) dwar l-allegazzjoni u l-oneru tal-prova ta’ dannu finanzjarju u, min-naħa l-oħra, lanqas ma ssodisfat l-obbligu tagħha (taħt id-dritt proċedurali Awstrijak) li tippreżenta l-fatti kollha li fuqhom hija bbażata t-talba tagħha u li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża.
19 Schmidberger appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck, li tqis li f’każ, bħal dak preżenti, li jinvolvi drittijiet li huma bbażati, mill-inqas parzjalment, fuq id-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ tali dritt.
20 F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, eventwalment meqjus flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat, jobbligax lil Stat Membru li jiggarantixxi l-aċċess liberu għall-itinerarji ta’ tranżitu importanti u jekk dan l-obbligu għandux prevalenza fuq id-drittijiet fundamentali, bħall-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, li huma garantiti mill-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
21 F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-ksur tad-dritt Komunitarju hekk ikkonstat huwiex stabbilit biżżejjed sabiex irendi lill-Istat Membru responsabbli. B’mod partikolari, iqumu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari dwar l-istabbiliment tal-livell ta’ preċiżjoni u ta’ kjarezza ta’ l-Artikoli 5, 30, 34 u 36 tat-Trattat.
22 F’dan il-każ, ir-responsabbiltà ta’ l-Istat tista’ tqum minħabba difett fil-liġi, peress li l-leġislatur Awstrijak naqas li jaddatta l-liġi dwar il-libertà ta’ għaqda għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ─, inkella minħabba ksur amministrattiv, peress li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma marbuta, skond l-obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ lealtà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat, li jinterpretaw id-dritt intern b’mod li huwa konformi ma’ l-eżiġenzi tat-Trattat f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-merkanzija, sakemm dawn l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju jkunu direttament applikabbli.
23 Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar in-natura u l-ammont tad-dritt għal kumpens tad-dannu li jirriżulta mir-responsabbiltà ta’ l-Istat. Hija tistaqsi dwar il-kriterji ta’ severità li għandhom jiġu sodisfatti mill-prova tal-kawża u mill-ammont tad-dannu li jirriżulta minn ksur leġislattiv jew amministrattiv tad-dritt Komunitarju u tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dritt għall-kumpens jeżistix ukoll meta l-ammont tad-dannu jista’ jiġi stabbilit biss permezz ta’ stimi ġenerali.
24 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar ir-rekwiżiti nazzjonali sabiex jiġi inforzat dritt għal kumpens tad-danni bbażat fuq ir-reponsabbiltà ta’ l-Istat. Hija tistaqsi jekk ir-regoli Awstrijaċi dwar l-allegazzjoni u l-oneru tal-prova ta’ dritt u dwar l-obbligu li jiġu ppreżentati l-fatti neċessarji kollha għas-soluzzjoni tal-kawża jirrispettawx il-prinċipju ta’ effettività żviluppat fil-ġurisprudenza, inkwantu d-drittijiet ibbażati fuq id-dritt Komunitarju mhux dejjem huma definiti b’mod sħiħ ab initio u inkwantu r-rikorrenti għandha diffikultajiet kbar sabiex tindika b’eżattezza l-elementi kollha ta’ fatt mitluba mill-liġi Awstrijaka. Għalhekk, fil-każ preżenti, il-kontenut tad-dritt għal kumpens tad-danni la huwa ċar fir-rigward tan-natura u lanqas fir-rigward ta’ l-ammont tiegħu, b’tali mod li rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa neċessarju. Ir-raġunament tal-qorti fil-prim’istanza għandu mnejn jipprekludi l-eżerċizzju ta’ drittijiet bbażati fuq id-dritt Komunitarju billi jiċħad it-talba abbażi ta’ prinċipji ta’ dritt nazzjonali u jevita għal raġunijiet purament formali l-kwistjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju.
25 Peress li tqis li s-soluzzjoni tal-kawża teżiġi għalhekk interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, fis-sens ta’ l-Artikoli 28 KE (li qabel kien Artikolu 30) et seq jew ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru huwa marbut li jżomm ir-rotot importanti ta’ tranżitu liberi minn restrizzjonijiet u ostakoli ta’ kwalunkwe natura, kompletament jew safejn huwa raġonevolment possibli, u dan ukoll, fost l-oħrajn, fis-sens li dimostrazzjoni ta’ natura politika mħabbra li ser tinżamm fuq rotta ta’ tranżitu ma tistax għaldaqstant tiġi awtorizzata, jew għandha mill-inqas tiġi mxerrda sussegwentment, meta jew ladarba hija tista’ tinżamm ukoll barra mir-rotta ta’ tranżitu b’impatt komparabbli fuq il-pubbliku?
2) Jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju serju biżżejjed sabiex iwassal – meta l-kundizzjonijiet l-oħra jiġu sodisfatti – għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru, skond il-prinċipji tad-dritt Komunitarju, il-fatt li Stat Membru jonqos li jindika, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għad-dritt ta’ għaqda u għal-libertà ta’ għaqda li, fit-tweżin tad-dritt ta’ għaqda u ta’ l-interess pubbliku, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji tad-dritt Komunitarju – qabel kollox il-libertajiet fondamentali – u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jekk – bħal fil-każ preżenti – minħabba l-imsemmi nuqqas tiġi awtorizzata u miżmuma, dimostrazzjoni politika ta’ 28 siegħa, li jkollha l-effett – minħabba projbizzjoni nazzjonali ġenerali ta’ ċirkolazzjoni fil-jiem ta’ festi – li rotta essenzjali għat-trasport intra-Komunitarju tal-merkanzija tingħalaq, fost l-oħrajn, għall-parti l-kbira tat-traffiku ta’ trakkijiet għal erbat ijiem, bl-eċċezzjoni ta’ interruzzjoni qasira ta’ ftit sigħat?
3) Id-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari dawk rigward il-moviment liberu tal-merkanzija u dwar l-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni u ta’ lealtà previst fl-Artikolu 10 KE (li qabel kien Artikolu 5) ma jipprekludux dimostrazzjoni politika għal 28 siegħa li għandha l-effett li tingħalaq rotta essenzjali għat-trasport intra-Komunitarju tal-merkanzija għal, fost l-oħrajn, il-parti l-kbira tat-traffiku ta’ trakkijiet għal erbat ijiem, bl-eċċezzjoni ta’ interruzzjoni qasira ta’ ftit sigħat minħabba projbizzjoni ġenerali eżistenti ta’ ċirkolazzjoni fil-jiem ta’ festi b’tali mod li m’hemmx lok li d-dimostrazzjoni tiġi pprojbita, tikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju suffiċjentement serju sabiex iwassal, meta l-kundizzjonijiet l-oħra jiġu sodisfatti, għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru, skond il-prinċipji tad-dritt Komunitarju?
4) L-għan ta’ dimostrazzjoni politika awtorizzata minn awtorità nazzjonali, li jikkonsisti f’ħidma għall-ħolqien ta’ habitat san u l-ġbid ta’ l-attenzjoni għall-perikli għas-saħħa tal-popolazzjoni miż-żieda kostanti tat-traffiku tat-trakkijiet, għandu jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE?
5) Dannu jista’ jkun il-bażi ta’ dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà ta’ l-Istat anki meta l-vittma, minkejja li hija tista’ tipprova li l-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti sabiex hija tagħmel profitt, li f’dan il-każ jikkonsisti fil-possibbiltà li jsir trasport transkonfini ta’ merkanzija bi trakkijiet li hija topera iżda li ġew imwaqqfa għal erbat ijiem minħabba dimostrazzjoni ta’ 28 siegħa, ma tistax madankollu tipprova li ma setax isir trasport konkret?
6) F’każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda:
L-obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ lealtà tal-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari tal-qrati, fis-sens ta’ l-Artikolu 10 KE (li qabel kien Artikolu 5), u l-prinċipju ta’ effettività jimponu li ma jiġux applikati r-regoli nazzjonali tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali li jillimitaw il-possibbiltà li jiġu invokati drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju bħal, f’dan il-każ, id-dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà ta’ l-Istat, sakemm il-kontenut tad-dritt mogħti mid-dritt Komunitarju ma jkunx ġie totalment ikkjarifikat, jekk ikun meħtieġ wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet adita permezz ta’ rikors għal deċiżjoni preliminari?”
Fuq l-ammissibilità
26 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija esprimiet dubji dwar l-ammissibilità ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi essenzjalment sostniet li d-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Innsbruck huma purament ipotetiċi u mingħajr rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
27 Fil-fatt, l-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Schmidberger, intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt Komunitarju, tippresupponi li din il-kumpannija pprovat dannu effettiv li jirriżulta mill-ksur allegat.
28 Schmidberger ma rrnexxilhiex tistabbilixxi, quddiem iż-żewġ qrati nazzjonali aditi suċċessivament bil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ dannu personali konkret – billi ssostni bi provi preżiċi l-affermazzjoni li t-trakkijiet tagħha sabu ruħhom mġiegħla jużaw it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner, fid-dati tad-dimostrazzjoni li nżammet fuq l-imsemmija triq, fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ trasport bejn il-Ġermanja u l-Italja – u lanqas, f’dan il-każ, li hija osservat l-obbligu li hija kellha li tillimita d-dannu li hija tallega li sostniet, billi tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ma setgħetx tagħżel rotta differenti minn dik li kienet magħluqa.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposti għad-domandi magħmula mhumiex neċessarji sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tasal għad-deċiżjoni tagħha jew, mill-inqas, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa prematur sakemm il-fatti u l-provi rilevanti ma jiġux stabbiliti b’mod komplet quddiem l-imsemmija qorti.
30 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma għandhom bżonn għas-soluzzjoni tal-kawżi quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra, p. I-3763, punt 33; tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 18; tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 31).
31 Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-kawża quddiemha, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-imsemmija kawża u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatterisitiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ladarba dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59; tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Der Weduwe, C-153/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31, kif ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi Martini u Cellier des Dauphins, C-318/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).
32 Madanakollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tista’ teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-qorti nazzjonali tirrinvija l-kawża quddiemha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun preżenti fl-iżvolġiment ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux dik li tesprimi opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Bosman, punt 6; Der Weduwe, punt 32, kif ukoll Bacardi Martini u Cellier des Dauphins, punt 42).
33 Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma tistax tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fejn jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitlubin mill-qorti nazzjonali, m’għandhom l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li huma neċessarji sabiex tagħti tweġiba utli għad-domandi magħmula lilha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, kif ukoll Bacardi Martini u Cellier des Dauphins, punt 43).
34 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet li għalihom tirreferi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti.
35 Fil-fatt, ir-rikors magħmul minn Schmidberger huwa intiż għall-kundanna tar-Repubblika ta’ l-Awstrija għall-kumpens tad-danni li Schmidberger ġarrbet minħabba l-allegat ksur tad-dritt Komunitarju, li jikkonsisti fil-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma pprojbixxewx dimostrazzjoni li wasslet għall-imblukkar totali tat-traffiku fuq it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner għal kważi 30 siegħa mingħajr interruzzjoni.
36 Għaldaqstant it-talba għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, magħmula f’dan il-kuntest mill-qorti tar-rinviju tidħol, mingħajr dubju, fil-kuntest ta’ kawża reali u effettiva bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u għalhekk ma tistax titqies bħala waħda ta’ natura ipotetika.
37 Barra minn hekk, mid-deċiżjoni għal rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali esponiet, b’mod preċiż u dettaljat, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li huwa neċessarju għas-soluzzjoni tal-kawża quddiemha li hija tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, fosthom, b’mod partikolari, dik dwar l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni tal-prova tad-dannu allegatament subit minn Schmidberger.
38 Minbarra dan, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri b’risposta għan-notifika tad-deċiżjoni għal rinviju, u mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta wkoll li l-informazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni ppermettiet li huma jaddottaw pożizzjoni effettiva fuq id-domandi kollha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
39 Għandu jingħad ukoll li mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE jirriżulta biċ-ċar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura hemm lok li hija tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 5, u tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO, C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 30).
40 Huwa daqstant inkontestabbli li l-qorti tar-rinviju ddefiniet b’mod suffiċjenti l-kuntest ta’ fatt u ta’ dritt tad-domanda tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li hija pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex din tkun f’pożizzjoni li tirrispondi utilment għall-imsemmija domanda.
41 Barra minn hekk, ma jidhirx illoġiku li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, sabiex tistabbilixxi liema huma t-tipi ta’ danni li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur minn dan ta’ l-aħħar tad-dritt Komunitarju ─ u, b’mod partikolari, tistedinha tiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-kumpens huwiex dovut biss għad-danni fil-fatt subiti jew jekk huwiex dovut ukoll għat-telf ta’ dħul ibbażat fuq stimi ġenerali, kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt, il-vittma għandha tipprova tevita jew tnaqqas id-danni ─, qabel ma din il-qorti tiddeċiedi dwar id-diversi provi konkreti rikonoxxuti bħala rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-danni fil-fatt subiti minn Schmidberger.
42 Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal responsabbiltà ta’ danni kontra Stat Membru, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss dwar ir-rekwiżit li jkun hemm dannu, il-forom li dan id-dannu jista’ jieħu u l-metodi ta’ prova relatati miegħu, iżda hija tqis li huwa daqstant neċessarju li tagħmel diversi domandi dwar rekwiżiti oħra li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tiġi stabbilita l-imsemmija responsabbiltà u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk l-imġieba ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ksur tad-dritt Komunitarju u jekk tali ksur huwiex tali li jagħti lill-allegata vittma dritt għad-danni.
43 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi sostnut li, fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tiddeċiedi dwar domanda manifestament ipotetika jew irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti.
44 Bil-kontra ta’ dan, mill-imsemmija kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-domandi magħmula minn din il-qorti jissodisfaw bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża quddiemha, fil-kuntest ta’ liema hija msejħa tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu in kunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-informazzjoni mogħtija lil din ta’ l-aħħar, b’mod partikolari fid-deċiżjoni għal rinviju, jgħinuha tirrispondi utilment għall-imsemmija domandi.
45 Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ l-Oberlandesgericht Innsbruck hija ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
46 B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jqajmu żewġ problemi li, għalkemm konnessi, huma madanakollu distinti minn xulxin.
47 Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imblukkar tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner għal kważi 30 siegħa mingħajr interruzzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali jikkostitwixxix ostakolu inkompatibbli mal-moviment liberu tal-merkanzija, li għalhekk għandu jitqies bħala ksur tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, b’mod iktar speċifiku, id-domandi jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi invokata r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt Komunitarju.
48 Fil-każ ta’ l-aspett imsemmi l-aħħar, il-qorti tar-rinviju titlob, b’mod partikolari, kjarifiki dwar jekk, u f’tali każ, f’liema miżura, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li għandha quddiemha, il-ksur tad-dritt Komunitarju – jekk jiġi stabbilit – għandux natura suffiċjentement manifest u gravi li jwassal għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Hija tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura u l-prova tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat.
49 Peress li, loġikament, din it-tieni serje ta’ domandi għandha tiġi eżaminata biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel kwistjoni, kif definita fl-ewwel sentenza tal-punt 47 ta’ din is-sentenza, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, minn qabel, dwar id-diversi aspetti mqajma fil-kuntest ta’ l-imsemmija kwistjoni, li huma essenzjalment is-suġġett ta’ l-ewwel u r-raba’ domandi.
50 Fid-dawl ta’ l-elementi li jirriżultaw mill-proċess tal-kawża prinċipali, li ġie trażmess mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija domandi għandhom jinftiehmu fis-sens li huma intiżi sabiex jistabbilixxu jekk il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma pprojbixxewx dimostrazzjoni – għal għan essenzjalment ambjentali – b’effett ta’ l-imblukkar totali, għal kważi 30 siegħa mingħajr interruzzjoni, ta’ rotta maġġuri ta’ tranżitu bħalma hija triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner, jikkostitwixxix ostakolu mhux ġustifikat għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat, fejn xieraq moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Trattat.
Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija
51 F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-merkandija jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità.
52 B’dan il-mod, l-Artikolu 3 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 3 KE), li jinsab fl-ewwel parti ta’ tali Trattat, intitolata “Prinċipji”, jipprovdi fis-subparagrafu (ċ), li, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-istess Trattat, l-azzjoni tal-Komunità tinkludi suq intern ikkaratterizzat mit-tneħħħija, bejn l-Istati membri, ta’ l-ostakoli, inter alia, għall-moviment liberu tal-merkanzija.
53 It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 14 KE) jipprovdi li s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija huwa assigurat skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.
54 Dan il-prinċipju fundamentali huwa implementat b’mod partikolari mill-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat.
55 B’mod partikolari, l-Artikolu 30 tat-Trattat jipprovdi li huma projbiti bejn l-Istati Membri, restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, kif ukoll kull miżura li għandha effett ekwivalenti. Bl-istess mod, l-Artikolu 34 jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni kif ukoll kull miżura b’effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri.
56 Hija ġurisprudenza kostanti sa mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5), li dawn id-dispożizzjonijiet, imqiegħda fil-kuntest tagħhom, għandhom jinftiehmu li huma intiżi sabiex jeliminaw l-ostakoli kollha, diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali, għall-iskambji fil-kummerċ intra-Komunitarju (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-265/95, Ġabra p. I-6959, punt 29).
57 Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilit, b’mod partikolari, li, bħala mezz indispensabbli għar-realizzazzjoni ta’ suq mingħajr fruntieri interni, l-Artikolu 30 tat-Trattat ma jipprojbixxix biss miżuri li joriġinaw mill-Istat li, minnhom infushom, joħolqu restrizzjonijiet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda jista’ japplika wkoll meta Stat Membru jkun naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jopponi ostakoli lill-moviment liberu tal-merkanzija, li jirriżultaw minn kawżi li mhumiex attribwibbli lill-Istat (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
58 Effettivament, il-fatt li Stat Membru jonqos milli jieħu azzjoni jew, jekk ikun il-każ, li jonqos milli jaddotta l-miżuri suffiċjenti sabiex jipprevjeni l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, li jirriżultaw, b’mod partikalori, minn azzjonijiet ta’ individwi fit-territorju tiegħu kontra prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn, huwa tali li jostakola l-iskambji intra-Komunitarji bl-istess mod bħal att pożittiv (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
59 Għaldaqstant, l-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat jimponu fuq l-Istati Membri, mhux biss li ma jaddottawx miżuri jew imġieba li jistgħu minnhom infushom jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ, iżda wkoll, meta jinqraw flimkien ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Trattat, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u xierqa sabiex jiżguraw ir-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali fit-territorju tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). Fil-fatt, skond l-imsemmi Artikolu 5, l-Istati Membri huma marbuta li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari adegwati kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi li joħorġu mit-Trattat u li jastjenu milli jadottaw dawk il-miżuri kollha li jistgħu jqiegħdu fil-periklu r-realizzazzjoni ta’ l-iskopijiet ta’ dan it-Trattat.
60 Fid-dawl tar-rwol fundamentali attribwit lill-moviment liberu tal-merkanzija fis-sistema Komunitarja u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, dan l-obbligu impost fuq kull Stat Membru li jiggarantixxi l-moviment liberu tal-prodotti fit-territorju tiegħu filwaqt li jieħu l-miżuri neċessarji u xierqa sabiex jiġi evitat kull ostakolu li jirriżulta mill-atti ta’ individwi japplika mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni bejn atti li jaffettwaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u dawk li jaffettwaw is-sempliċi tranżitu ta’ merkanzija.
61 Fil-fatt, mill-punt 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna biss l-importazzjoni iżda wkoll it-tranżitu fi Franza ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn.
62 Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jiltaqgħu ma’ ostakoli għall-eżerċizzju effettiv ta’ libertà fundamentali stabbilita fit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-merkanzija, u li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ individwi privati, huma obbligati li jaddottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu din il-libertà fl-Istat Membru kkonċernat, anki jekk, bħal fil-kawża prinċipali, din il-merkanzija hija biss fi tranżitu fl-Awstrija fir-rotta tagħha għall-Italja jew għall-Ġermanja.
63 Għandu jingħad ukoll li l-imsemmi obbligu ta’ l-Istati Membri huwa iktar u iktar essenzjali meta tkun involuta rotta maġġuri ta’ tranżitu, bħalma hija t-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner, li tikkostitwixxi waħda mir-rotot prinċipali fuq l-art għall-iskambji bejn l-Ewropa tat-Tramuntana u l-Italja ta’ Fuq.
64 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma pprojbixxewx dimostrazzjoni li wasslet għall-imblukkar totali, għal kważi 30 siegħa mingħajr interruzzjoni, ta’ rotta importanti ta’ tranżitu, bħalma hija t-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner, huwa tali li jostakola l-kummerċ intra-Komunitarju fil-merkanzija u għaldaqstant għandu jitqies li jikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi li, bħala prinċipju, hija inkompatibbli ma’ l-obbligi tad-dritt Komunitarju li jirriżultaw mill-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5, sakemm dan in-nuqqas ta’ projbizzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament.
Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali ta’ l-ostakolu
65 Fil-kuntest tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għan tad-dimostrazzjoni tat-12 u t-13 ta’ Ġunju 1998 ─ li matulha d-dimostranti riedu jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku għall-periklu li ż-żieda kostanti fit-traffiku tal-mezzi tqal ta’ trasport fuq it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner kienet tirrappreżenta għall-ambjent u għas-saħħa pubblika kif ukoll jipperswadu lill-awtoritjiet kompetenti sabiex isaħħu l-miżuri ta’ natura li jnaqqsu dan it-traffiku u t-tniġġis li jirriżulta minnu f’reġjuni estremament sensibbli bħall-Alpi ─ huwa tali li jipprevali fuq l-obbligi ta’ dritt Komunitarju fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija.
66 Madankollu, anki jekk il-ħarsien ta’ l-ambjent u tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari fl-imsemmi reġjun, jista’, taħt ċertu kundizzjonijiet, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifika restrizzjoni għall-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, fosthom il-moviment liberu tal-merkanzija, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għanijiet speċifiċi ta’ l-imsemmija dimostrazzjoni mhumiex, minnhom infushom, determinanti fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja bħal dik imressqa minn Schmidberger, li hija intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur allegat tad-dritt Komunitarju, liema responsabbiltà toħroġ mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ma pprekludewx li t-traffiku fuq it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner jiġi ostakolat.
67 Fil-fatt, sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan ta’ l-aħħar wettaqx ksur tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu biss in kunsiderazzjoni l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni attribwibbli lill-istess Stat Membru.
68 F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jittieħed in kunsiderazzjoni biss l-għan segwit mill-awtoritajiet nazzjonali meta ħadu d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni impliċita jew ta’ nuqqas ta’ projbizzjoni ta’ tali dimostrazzjoni.
69 Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu inspirati minn kunsiderazzjonijet marbuta mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tad-dimostranti f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, li huma ggarantiti kemm mill-KEDB u mill-Kostituzzjoni Awstrijaka.
70 Fid-deċiżjoni tagħha għal rinviju, il-qorti nazzjonali tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit mit-Trattat jipprevalix fuq l-imsemmija drittijiet fundamentali.
71 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali ta’ dritt, li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett u li, għal dan il-għan, hija tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fost l-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet pprovduti mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw jew aderew għalihom. F’dan il-kuntest, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 41; tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 37, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 25).
72 Il-prinċipji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza ġew affermati mill-ġdid mill-preambolu ta’ l-Att Uniku Ewropew u, sussegwentement, mill-Artikolu F.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79). Skond din id-dispożizzjoni, “[L-]Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.
73 Minn dan jirriżulta li fil-Komunità ma jistgħux jiġu ammessi miżuri li huma inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem li huma rikonoxxuti b’dan il-mod (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ERT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 14).
74 Peress li kemm il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri huma marbuta li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-ħarsien ta’ tali drittijiet jirrappreżenta interess leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni fuq l-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju, anki dawk li jirriżultaw mil-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat bħalma huwa dak tal-moviment liberu tal-merkanzija.
75 Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, sitwazzjoni nazzjonali tidħol fil-kuntest ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u meta jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tipprovdi lill-qrati nazjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ din is-sitwazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li tagħhom il-Qorti għandha tiżgura r-rispett u li jirriżultaw b’mod partikolari mill-KEDB (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-30 Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 28).
76 F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali bbażaw ruħhom fuq in-neċessità li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti kemm mill-KEDB kif ukoll mill-kostituzzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex jippermettu restrizzjoni ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali mħarsa mit-Trattat.
77 Din il-kawża tqajjem għalhekk il-kwistjoni tal-konċiljazzjoni li jeħtieġ li ssir bejn l-eżiġenzi tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-Komunità ma’ dawk li joħorġu minn libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni tal-portata rispettiva tal-liberta ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, iggarantiti mill-Artikoli 10 u 11 tal-KEDB u tal-moviment liberu tal-merkanzija, meta ta’ l-ewwel huma invokati bħala ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq ta’ l-aħħar.
78 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, il-moviment liberu tal-merkanzija jikkostitwixxi ċertament wieħed mill-prinċipji fundamentali fl-iskema tat-Trattat, iżda huwa jista’, taħt ċertu kundizzjonijiet, ikun suġġett għal restrizzjonijiet għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 36 ta’ l-istess Trattat jew minħabba l-eżiġenzi imperattivi ta’ interess ġenerali rikonnoxxuti skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 1979 ’l hawn, Rewe Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon” (120/78, Ġabra p. 649).
79 Min-naħa l-oħra, anki jekk id-drittijiet fundamentali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma rikonoxxuti b’mod espliċitu mill-KEDB u jikkostitwixxu pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika, mill-formulazzjoni nfisha tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikoli 10 u 11 ta’ din il-Konvenzjoni jirriżulta madankollu li l-libertajiet ta’ espressjoni u ta’ għaqda jistgħu wkoll ikunu suġġetti għal ċertu limitazzjonijiet iġġustifikati permezz ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, sakemm tali derogi jkunu previsti mil-liġi, ispirati minn għan jew għanijiet leġittimi fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u neċessarji f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikati minn bżonn soċjali imperattiv u, b’mod partikolari, proporzjonati ma’ l-għan leġittimu segwit (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 26, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 42, kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Steel et vs Ir-Renju Unit tat-23 ta’ Settembru 1998, Recueil des arrêts et décisions 1998 VII, §101).
80 Għalhekk, bil-kontra ta’ drittijiet fundamentali oħrajn imħarsa mill-KEDB, bħad-dritt ta’ kull persuna għall-ħajja u l-projbizzjoni tat-tortura kif ukoll tat-trattament jew pieni inumani jew degradanti, li ma jistgħu jiġu ristretti bl-ebda mod, id-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ għaqda paċifika ggarantiti mill-KEDB lanqas ma jidhru bħala prerogattivi assoluti iżda għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant jistgħu jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm tali restrizzjonijiet jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u sakemm, fid-dawl ta’ l-għan ta’ tali restrizzjonijiet, huma ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u inaċċettabbli li joħloq preġudizzju għall-essenza nfisha tad-drittijiet imħarsa (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-62/90, Ġabra p. I-2575, punt 23, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni, C-404/92 P, Ġabra p. I-4737, punt 18).
81 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jitwieżnu l-interessi kollha involuti u għandu jiġi stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ, jekk ġiex osservat ekwilibriju ġust bejn dawn l-interessi.
82 F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju humiex proporzjonati, fid-dawl ta’ l-għan leġittimu segwit jiġifieri, f’dan il-każ, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.
83 Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzawha huma kjarament distinti mis-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet invokatha minn Schmidberger bħala preċedent rilevanti fil-kuntest ta’ l-azzjoni ġudizzjarja li hija bdiet fl-Awstrija.
84 Fil-fatt, meta mqabbla ma’ l-elementi ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għalihom fil-punti 38 sa 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, id-dimostrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, seħħet wara li saret talba għal awtorizazzjoni skond id-dritt nazzjonali u wara li l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew li ma jipprojbixxuhiex.
85 It-tieni nett, minħabba l-preżenza tad-dimostranti fuq it-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner, it-traffiku tat-triq kien ostakolat fuq rotta waħda biss, f’okkażjoni waħda u għal kważi 30 siegħa. Minbarra dan, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija li rriżulta mill-imsemmija dimostrazzjoni kien ta’ portata limitata meta mqabbel kemm mal-portata ġeografika kif ukoll mal-gravità intrinsika tad-diżordni li kienet in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.
86 It-tielet nett, mhuwiex ikkontestat li permezz ta’ tali dimostrazzjoni xi ċittadini eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom billi mmanifestaw fil-pubbliku opinjoni li huma jqisu importanti fil-ħajja tal-kollettività; huwa daqstant kostanti li tali dimostrazzjoni pubblika ma kellhiex l-għan li tostakola l-kummerċ f’merkanzija ta’ natura jew oriġini partikolari. Min-naħa l-oħra, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, l-għan tad-dimostranti kien kjarament li jostakolaw iċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti speċifiċi li kienu joriġinaw minn Stati Membri għajr ir-Repubblika Franċiża permezz mhux biss ta’ ostakoli għat-trasport tal-merkanzija kkonċernata, iżda wkoll permezz tad-distruzzjoni ta’ tali merkanzija matul it-tranżitu tagħha għal jew fi Franza, jew anki meta kienet tinsab esposta fil-ħwienet ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
87 Ir-raba’ nett, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, diversi miżuri amministrattivi u ta’ assistenza kienu ġew adottati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex kemm jista’ jkun jillimitaw it-tfixkil taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fit-toroq. Għalhekk, b’mod partikolari, l-imsemmija awtoritajiet, inklużi l-pulizija, l-organizzaturi tad-dimostrazzjoni u diversi assoċjazzjonijiet awtomobilistiċi, ikkollaboraw sabiex jiggarantixxu l-iżvolġiment tajjeb tad-dimostrazzjoni. Sew qabel din kellha tinżamm, tnediet kampanja wiesgħa ta’ informazzjoni mill-media kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet awtomobilistiċi, kemm fl-Awstrija kif ukoll fil-pajjiżi li jmissu magħha, u ġew previsti diversi rotot alternattivi, b’tali mod li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kienu debitament informati bir-restrizzjonijiet fiċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku applikabbli fid-data u l-post tad-dimostrazzjoni u kienu f’pożizzjoni li jieħdu l-passi neċessarji kollha fil-ħin sabiex jevitaw tali restrizzjonijiet. Minbarra dan, saru arranġamenti għas-sigurtà fil-post innifsu fejn kellha ssir id-dimostrazzjoni.
88 Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-azzjoni iżolata in kwistjoni ma wasslitx għal klima ġenerali ta’ nuqqas ta’ sigurtà li kellha effett dissważiv fuq l-iskambji intra-Komunitarji meħuda globalment, b’mod differenti mid-disturbi gravi u ripetuti għall-ordni pubblika li kienu s-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.
89 Fl-aħħar nett, dwar il-possibilitajiet l-oħra kkunsidrati minn Schmidberger fir-rigward ta’ l-imsemmija dimostrazzjoni, hemm lok, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri, li jitqies li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom id-dritt li jqisu li projbizzjoni pura u sempliċi ta’ tali dimostrazzjoni kienet tikkostitwixxi interferenza inaċċettabbli fid-drittijiet fundamentali tad-dimostranti li jingħaqdu u jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod paċifiku fil-pubbliku.
90 Fir-rigward ta’ l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar stretti dwar kemm il-post – per eżempju, mal-ġenb tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur Brenner ─ kif ukoll it-tul taż-żmien ─ limitat għal ftit sigħat biss ─ tad-dimostrazzjoni in kwistjoni, din setgħet tidher bħala restrizzjoni eċċessiva ta’ natura li ċċaħħad l-azzjoni minn parti sostanzjali tal-portata tagħha. Minkejja li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovaw jillimitaw, kemm jista’ jkun, l-effetti li dimostrazzjoni fuq triq pubblika neċessarjament ikollha fuq il-moviment liberu, huma wkoll obbligati li jwieżnu dan l-interess ma’ dak tad-dimostranti, li għandhom l-intenzjoni li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku għall-għanijiet ta’ l-azzjoni tagħhom.
91 Jekk huwa minnu li azzjoni ta’ dan it-tip normalment twassal għal ċerti inkonvenjenzi għall-persuni li ma jipparteċipawx fiha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu, bħala prinċipju, tali inkonvenjenzi huma ammissibbli sakemm l-għan persegwit huwa essenzjalment il-manifestazzjoni pubblika u b’mod legali ta’ opinjoni.
92 F’dak ir-rigward, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta fuq dan il-punt, li, f’kull każ, is-soluzzjonijiet kollha alternattivi li setgħu jiġu previsti kienu jinvolvu r-riskju ta’ reazzjonijiet diffiċli sabiex jiġu kkontrollati u li setgħu jikkawżaw perturbazzjonijiet ħafna iktar gravi għall-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll għall-ordni pubblika, li setgħu jieħdu l-forma ta’ dimostrazzjonijiet “selvaġġi”, konfrontazzjonijiet bejn min hu favur u min hu kontra l-grupp li organizza d-dimostrazzjoni in kwistjoni jew atti ta’ vjolenza mid-dimostranti li jħossu li saritilhom ħsara fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
93 Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom f’dan ir-rigward l-awtoritajiet nazzjonali, huma setgħu raġjonevolment iqisu li l-għan segwit leġittimament permezz ta’ din id-dimostrazzjoni ma setgħax jitlaħaq, f’dan il-każ, permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
94 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domandi għandha għaldaqstant tkun li l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma pprojbixxewx dimostrazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali mhuwiex inkompatibbli ma’ l-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Trattat.
Fuq il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru
95 Mir-risposta mogħtija għall-ewwel u r-raba’ domandi, jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jiġu akkużati bi ksur tad-dritt Komunitarju tali li jinvolvi r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
96 F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi l-oħra li jirrigwardaw x’uħud mill-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju minn tali Stat Membru.
Fuq l-ispejjeż
97 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta’ l-Awstrija, tal-Greċja, ta’ l-Olanda u tal-Finlandja, kif ukoll mill-Kummissjoni li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mill-Oberlandesgericht Innsbruck permezz ta’ deċiżjoni għal rinviju ta’ l-1 ta’ Frar 2000, taqta’ u tiddeċiedi:
Il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma pprojbixxewx dimostrazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali mhuwiex inkompatibbli ma’ l-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 28 KE u 29 KE), moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 10 KE).
Rodríguez Iglesias |
Puissochet |
Wathelet |
Schintgen |
Gulmann |
Edward |
Jann |
Skouris |
Macken |
Colneric |
von Bahr |
Cunha Rodrigues |
Rosas |
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2003.
R.Grass |
G. C. Rodríguez Iglesias |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż