SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

6 ta’ Marzu 2003 (*)

“Moviment liberu tal-ħaddiema ─ Regolament (KEE) Nru 1612/68 ─ Vantaġġ soċjali ─ Dritt tal-konjuġi ta’ ħaddiem migrant li jikseb permess ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju ta’ Stat Membru”

Fil-kawża C‑466/00,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Immigration Adjudicator (Ir-Renju Unit), intiża sabiex fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Arben Kaba

u

Secretary of State for the Home Department,

tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirregola l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif ukoll ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward u P. Jann (Relatur), F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal A. Kaba, minn R. Allen, QC, u T. Eicke, barrister, b’mandat minn N. Rollason, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn R. Plender, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ A. Kaba, irrappreżentat minn R. Allen u T. Eicke, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn G. Amodeo u R. Plender, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Shotter, bħala aġent, fis-seduta tas-16 ta’ April 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2000, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru ta’ wara, l-Immigration Adjudicator għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirregola l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif ukoll ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn A. Kaba kontra s-Secretary of State for the Home Department dwar ir-rifjut min-naħa ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħtih permess ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

4        L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara [il-konjuġi] tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara [l-konjuġi] tiegħu.”

5        L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13), jipprovdi:

“Membru tal-familja li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru għandu jinħariġlu dokument ta’ residenza li għandu jkollu l-istess validità ta’ dak maħruġ lill-ħaddiem li fuqu jkun dipendenti.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali huma l-Immigration Act 1971 (Att ta’ l-1971 dwar l-immigrazzjoni), l-Immigration (European Economic Area Order 1994 (Digriet ta’ l-1994 dwar l-immigrazzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea, iktar ’il quddiem l-“EEA Order”) u l-United Kingdom Immigration Rules (House of Commons Paper 395) (Regoli dwar l-immigrazzjoni adottati mill-Parlament tar-Renju Unit fl-1994, iktar ’il quddiem l-“Immigration Rules”), fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali. Dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw id-dħul u r-residenza fir-Renju Unit.

7        L-EEA Order ġie mħassar mill-Immigration (European Economic Area) Regulations 2000 (Regolamenti ta’ l-2000 dwar l-immigrazzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea). Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti madankollu ma japplikawx għall-kawża prinċipali.

8        L-Artikolu 255 ta’ l-Immigration Rules kien jipprovdi:

“Ċittadin taż-ŻEE [Żona Ekonomika Ewropea] (apparti studenti), jew il-membru tal-familja ta’ tali persuna, li jkun kiseb permess ta’ residenza jew dritt ta’ residenza validu għal ħames snin u li għex fir-Renju Unit, in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-EEA Order 1994, għal erba’ snin u għadu jgħix fir-Renju Unit, jista’, wara applikazzjoni min-naħa tiegħu, jkollu l-permess ta’ residenza tiegħu jew, jekk ikun il-każ, id-dokument li jagħtih id-dritt ta’ residenza, immarkat b’indikazzjoni li huwa awtorizzat jgħix għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit.”

9        L-Artikolu 287 ta’ l-Immigration Rules kien ifformulat kif ġej:

“Sabiex il-konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita fir-Renju Unit jikseb awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju Unit għal żmien indefinit huwa meħtieġ:

i)      li l-applikant ikun ġie aċċettat fit-territorju tar-Renju Unit jew ikun kiseb estensjoni tal-permess ta’ residenza għal perijodu ta’ tnax-il xahar u li jkun għadda perijodu ta’ tnax-il xahar bħala l-konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita fir-Renju Unit, u

ii)      li l-applikant ikun għadu l-konjuġi tal-persuna li kien awtorizzat sabiex jingħaqad magħha u li bis-saħħa tagħha kiseb estensjoni tal-permess ta’ residenza u li ż-żwieġ ikun għadu eżistenti, u

iii)      li kull waħda mill-partijiet ikollha l-intenzjoni li tgħix b’mod permanenti mal-parti l-oħra bħala konjuġi.”

10      Skond l-Artikolu 33(2A) ta’ l-Immigration Act 1971, “ir-riferimenti għal persuna stabbilita fir-Renju Unit ifissru li din il-persuna tkun ordinarjament residenti hemmhekk mingħajr ma tkun suġġetta, skond il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni, għal xi resitrizzjoni kwalunkwe fir-rigward tal-perijodu li matulu tista’ tkun residenti fit-territorju”.

11      Skond il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea li jkun residenti fir-Renju Unit mhuwiex, minħabba dan is-sempliċi fatt, “stabbilit” fir-Renju Unit fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

12      Skond il-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EEA Order, ċittadin taż-ŻEE huwa ċittadin ta’ Stat li huwa parti kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

13      Skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-EEA Order, “persuna eliġibbli” għandha d-dritt tirrisjedi fir-Renju Unit sakemm tgawdi minn din id-deskrizzjoni u dan id-dritt huwa estiż għall-membri tal-familja, inkluż il-konjuġi, bl-Artikolu 4(2) ta’ l-EEA Order. Skond l-Artikolu 6 ta’ l-EEA Order, jikkostitwixxi “persuna eliġibbli”, b’mod partikolari, iċ-ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE li jeżerċita attività bħala ħaddiem fir-Renju Unit.

14      L-Artikolu 7(1) ta’ l-Immigration Act 1988 jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni prinċipali [l-Immigration Act 1971], mhuwiex meħtieġ li persuna jkollha awtorizzazzjoni sabiex tidħol jew tirrisjedi fir-Renju Unit jekk din il-persuna tkun tista’ tagħmel dan taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli jew taħt kull dispożizzjoni adottata b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-European Communities Act 1972 [Att ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej].”

15      Skond l-Artikolu 3(4) ta’ l-Immigration Act 1971, awtorizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ residenza tintilef awtomatikament jekk il-persuna li jkollha din l-awtorizzazzjoni titlaq mill-“common travel area” (jiġifieri r-Renju Unit, l-Irlanda, il-gżejjer Anglo-Normanni u l-Isle of Man).

16      Madankollu, l-Artikolu 18 ta’ l-Immigration Rules jipprovdi:

“Persuna li titlob awtorizzazzjoni ta’ dħul fir-Renju Unit, bħala residenti li qed tirritorna fil-pajjiż, tista’ tiġi aċċettata fit-territorju għall-finijiet ta’ stabbiliment jekk l-uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni jkun konvint li din il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

i)      kellha awtorizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit l-aħħar darba li telqet mit-territorju;

ii)      ma telqitx mir-Renju Unit għal perijodu ta’ iktar minn sentejn;

iii)      ma rċevietx fondi pubbliċi sabiex tkopri l-ispejjeż tat-tluq tagħha mir-Renju Unit;

iv)      issa qiegħda titlob li tiġi aċċettata għall-finijiet ta’ stabbiliment.”

 Il-fatti u l-kwistjoni fil-kawża prinċipali

17      A. Kaba, ċittadin Jugoslav, wasal fir-Renju Unit fil-5 ta’ Awwissu 1991. L-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal xahar bħala viżitatur ġiet miċħuda iżda huwa baqa’ fir-Renju Unit. Fi Frar 1992 tressqet applikazzjoni għal ażil f’ismu.

18      Fl-4 ta’ Mejju 1994, A. Kaba żżewweġ lis-Sinjura Michonneau, ċittadina Franċiża, li kien iltaqa’ magħha fl-1993 meta hija kienet taħdem fir-Renju Unit. Minn meta żżewġu l-koppja għexu flimkien. Wara li rritornat fi Franza provviżorjament, is-Sinjura Michonneau marret lura fir-Renju Unit f’Jannar 1994 bħala persuna li kienet qiegħda tfittex impjieg u sabet impjieg f’April 1994. F’Novembru 1994 hija kisbet permess ta’ residenza ta’ ħames snin validu sat-2 ta’ Novembru 1999. A. Kaba kiseb awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-territorju tar-Renju Unit għall-istess perijodu bħala konjuġi ta’ ċittadina Komunitarja li kienet qiegħda teżerċita d-drittijiet tagħha taħt it-Trattat KE fir-Renju Unit.

19      Fit-23 ta’ Jannar 1996, A. Kaba ressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit.

20      L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda b’deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 1996 mis-Secretary of State for the Home Department. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 1996, dan ta’ l-aħħar spjega li A. Kaba ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 255 ta’ l-Immigration Rules peress li l-konjuġi tiegħu kienet ilha residenti fir-Renju Unit in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-EEA Order għal sena u għaxar xhur biss.

21      Fil-15 ta’ Settembru 1996, A. Kaba appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Immigration Adjudicator fejn sostna li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Immigration Rules applikabbli għall-persuni “preżenti u stabbiliti” fir-Renju Unit huma iktar favorevoli minn dawk applikabbli għall-konjuġi tieħu u għalih innifsu.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Immigration Adjudicator, permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Settembru 1998 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet tar-rinviju”), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha għall-ewwel darba u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dritt li wieħed jitlob awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit u d-dritt li din l-applikazzjoni tiġi eżaminata huma ‘vantaġġ soċjali’ fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68?

2)      L-obbligu impost fuq il-konjuġi ta’ ċittadini Komunitarji li jkunu residenti fir-Renju Unit għal erba’ snin qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit u qabel ma’ din l-applikazzjoni tiġi eżaminata (ara l-Artikolu 255 ta’ l-Immigration Rules, House of Commons Paper 395), meta mqabbel ma’ l-obbligu ta’ residenza għal tnax-il xahar impost fuq il-konjuġi ta’ ċittadini Brittaniċi u fuq il-konjuġi ta’ persuni preżenti u stabbiliti fir-Renju Unit (Artikolu 287 ta’ l-Immigration Rules, House of Commons Paper 395), huwa diskriminazzjoni illegali li tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68?”

23      Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja nżammet fil-15 ta’ Ġunju 1999 u l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fit-30 ta’ Settembru 1999 (iktar ’il quddiem l-“ewwel konklużjonijiet”). Verżjoni bl-Ingliż ta’ dawn il-konklużjonijiet intbagħtet lil A. Kaba fis-27 ta’ Jannar 2000.

24      Permezz ta’ faks tat-3 ta’ Frar 2000, A. Kaba informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kellu xi dubji dwar l-eżattezza ta’ ċerti fatti li fuqhom kienu jidhru li huma bbażżati l-ewwel konklużjonijiet. Fil-fehma tiegħu, dawn l-ineżattezzi kienu jikkostitwixxu motivi eċċezzjonali li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u indika li kien se jressaq osservazzjonijiet addizzjonali.

25      Permezz ta’ faks tas-16 ta’ Marzu 2000, A. Kaba ppreżenta osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali li l-konklużjoni tagħhom kienet ifformulata kif ġej:

“Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma ssostanzjati minn dokumenti li diġà ġew prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li huwa meħtieġ li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali sabiex jiġi assigurat li l-aspetti deċiżivi jinftiehmu tajjeb u sabiex jiġu kkoreġuti l-konklużjonijiet żbaljati magħmula mill-Avukat Ġenerali, ir-rappreżentanti legali ta’ A. Kaba jkunu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

26      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2000, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxa li kienu ġew riċevuti dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali u speċifika, għall-informazzjoni ta’ A. Kaba, li r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinux jipprovdu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet wara l-għeluq tal-proċedura orali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija osservazzjonijiet intbagħtu lura u ma ġewx aċċettati bħala parti mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2000, Kaba (C-356/98, Ġabra p. I-2623), kif rettifikata b’digriet ta’ l-4 ta’ Mejju 2001 (mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li l-konjuġi ta’ ħaddiema migranti ċittadini ta’ Stati Membri oħra jkunu residenti għal erba’ snin fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit f’dak l-Istat Membru u qabel ma din l-applikazzjoni tiġi eżaminata, filwaqt li teżiġi biss obbliu ta’ residenza għal tnax-il xahar fir-rigward tal-konjuġi ta’ persuni stabbiliti f’dan it-territorju li mhumiex suġġetti għal xi restrizzjoni fir-rigward tal-perijodu li matulu jistgħu jirrisjedu hemmhekk, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68.”

28      Wara din is-sentenza, A. Kaba sostna quddiem l-Immigration Adjudicator li l-ewwel konklużjonijiet kienu bbażati fuq komprensjoni żbaljata tal-fatti, kif ikkonstatati fl-ewwel digriet tar-rinviju, u kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

29      Fil-fatt, huwa kkunsidra, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod żbaljat, l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit bħala li tipprovdi sostanzjalment iktar sigurtà jew stabbiltà mill-istatus li jgawdu minnu ċ-ċittadini Komunitarji fi ħdan dan l-Istat Membru. Skond l-Immigration Adjudicator, din il-kunsiderazzjoni setgħet kienet influwenzata mill-imsemmija konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali li kien interpreta l-osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern tar-Renju Unit fis-sens li jipprovdu ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament ikkonstatata bejn persuna bħal A. Kaba u l-konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit. Issa, fil-verità, dawn l-osservazzjonijiet kienu bbażati fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet. Il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ma tqajmitx matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fit-tieni lok, A. Kaba jsostni li l-Avukat Ġenerali kien għamel evalwazzjoni ġdida tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali. L-Immigration Adjudicator taqbel ma’ dan l-argument safejn, fil-fehma tagħha, l-uniku aspett problematiku li jirriżulta mill-ewwel digriet tar-rinviju kien id-differenza bejn il-perijodi ta’ residenza mitluba fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ persuni in kwistjoni.

31      L-Immigration Adjudicator tosserva li, filwaqt li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjoni espressa fir-rigward tal-perijodu ta’ validità tagħha, dan jgħodd ukoll għad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li, malli persuna li jkollha awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit titlaq mir-Renju Unit, hija titlef din l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 3(4) ta’ l-Immigration Act 1971 u jkollha tikseb awtorizzazzjoni ta’ dħul ġdida, li hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 ta’ l-Immigration Rules. Hija ssostni wkoll li kemm il-persuni li jkollhom awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit u kif ukoll il-ħaddiema ċittadini Komunitarji jistgħu jitkeċċew minn dan l-Istat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

32      Barra minn hekk, A. Kaba jirreferi għall-prassi kostanti tad-Direttorat tan-Nazzjonalità tal-Home Office (Ministeru ta’ l-Intern) fejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti fir-Renju Unit, liema prassi tikkostitwixxi element addizzjonali li jipprova li l-konjuġi ta’ ċittadini Komunitarji jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-konjuġi ta’ ċittadini Brittaniċi u ta’ persuni stabbiliti fir-Renju Unit. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, l-Immigration Adjudicator ma għamlet ebda rimarki addizzjonali peress li ma kinux saru argumenti kompleti dwar din il-kwistjoni quddiemha.

33      Fit-tielet lok, l-Immigration Adjudicator tikkonstata li l-Avukat Ġenerali ddikjara, fil-punt 3 ta’ l-ewwel konklużjonijiet, li l-EEA Order ma kienx jikkonċerna ċ-ċittadini Brittaniċi jew il-membri tal-familja tagħhom. Issa, tali affermazzjoni hija ineżatta safejn l-EEA Order japplika, in konformità mas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265), għaċ-ċittadini Brittaniċi kollha u għall-membri tal-familja tagħhom li jirritornaw lejn ir-Renju Unit wara li jkunu eżerċitaw, fi Stat Membru ieħor, id-drittijiet tagħhom taħt it-Trattat.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Immigration Adjudicator għandha dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel parti integrali mill-proċedura quddiemha u li għalhekk hija hija responsabbli għal kull ksur ta’ dan l-Artikolu 6. F’dan ir-rigward hija tirreferi għad-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-665).

35      L-Immigration Adjudicator issostni wkoll ċerti riżervi fir-rigward tar-risposta mogħtija għad-domandi preliminari fis-sentenza Kaba, iċċitata iktar ’il fuq.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Immigration Adjudicator iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha għat-tieni darba u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)a)          Liema mekkaniżmi jinsabu għad-dispożizzjoni tal-qorti tar-rinviju jew tal-partijiet fil-proċedura (quddiem il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja) sabiex jiġi assigurat li l-proċedura kollha tkun konformi ma’ l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6 tal-KEDB u, bħala konsegwenza, sabiex jiġi assigurat li ma jkun ebda ksur ta’ l-Artikolu 6 tal-KEDB li jwassal għal responsabbiltà taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

b)      Il-proċedura segwita f’din il-kawża kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 6 tal-KEDB u, jekk le, x’impatt għandha din is-sitwazzjoni fuq il-validità ta’ l-ewwel sentenza?

2)      Peress li l-Immigration Adjudicator ikkonstatat li l-applikant, minn naħa, u l-konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita fir-Renju Unit, min-naħa l-oħra, kienu (jew ikunu) is-suġġett ta’ trattament differenti safejn:

a)      l-applikant, li daħal fir-Renju Unit bħala konjuġi ta’ ċittadina ta’ l-Unjoni Ewropea li teżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu, kien meħtieġ li jkun ilu fir-Renju Unit erba’ snin qabel ma jkun jista’ japplika għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit,

b)      filwaqt li l-konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita fir-Renju Unit (kemm jekk hija ċittadina Brittanika u kemm jekk ingħatat awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit) kellha l-possibbiltà li wara sena tingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit;

peress li ebda prova (jew argument) dwar il-ġustifikazzjoni ta’ din id-differenza fit-trattament bejn l-applikant u tali konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita ma tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, la matul is-seduta li wasslet għad-digriet tar-rinviju tal-25 ta’ Settembru 1998, la fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali ppreżentati mill-konvenut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u lanqas matul is-seduta li wasslet għal dan id-digriet tar-rinviju, u dan minkejja li l-Adjudicator talbet argumenti kompleti, l-Immigration Adjudicator tagħmel id-domandi segwenti:

i)      Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda magħmula iktar ’il fuq, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2000 f’din il-kawża (C-356/98) għandha tiġi interpretata fis-sens li tiddikjara li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 39 KE u/jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68?

ii)      Wara evalwazzjoni ġdida tal-fatti, hemm diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 39 KE u/jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68?”

 Fuq id-domandi preliminari

37      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu l-ewwel nett isir eżami tat-tieni domanda magħmula.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari fis-sentenza Kaba, iċċitata iktar ’il fuq, kinux ikunu differenti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li s-sitwazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-konjuġi ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru ieħor apparti r-Renju Unit u dik tal-konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit huma komparabbli minn kull aspett ħlief fir-rigward tal-perijodu ta’ residenza preċedenti meħtieġ sabiex tingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit, u, min-naħa l-oħra, li ebda argument ma ġie invokat mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit sabiex jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament.

39      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-awtorità li għandha sentenza mogħtija fi proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali li lilha tkun indirizzata din is-sentenza milli tikkunsidra neċessarju li terġa’ tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma taqta’ l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali rinviju jista’ jkun ġustifikat meta l-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fir-rigward tal-komprensjoni jew ta’ l-applikazzjoni tas-sentenza, meta hija tagħmel domanda ġdida dwar punt ta’ dritt jew inkella meta hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ evalwazzjoni ġodda li jistgħu jwassluha sabiex tagħti risposta differenti għal domanda li tkun diġà saret (digriet tal-5 ta’ Marzu 1986, Wünsche, 69/85, Ġabra p. 947, punt 15).

40      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, peress li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha l-fakultà li tiddetermina d-domandi li għandhom isiru, il-partijiet ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħhom (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1972, Grassi, 5/72, Ġabra p. 443, punt 4, u tal-21 ta’ Marzu 1996, Bruyère et, C-297/94, Ġabra p. I-1551, punt 19).

41      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha. Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, timxi abbażi tas-sitwazzjoni li l-qorti nazzjonali tikkunsidra bħala stabbilita u ma tistax tkun marbuta b’ipoteżijiet imqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali li ġew sempliċement riprodotti mill-qorti nazzjonali li, min-naħa tagħha, ma ħadet ebda pożizzjoni fir-rigward tagħhom.

42      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-konjuġi ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru ieħor apparti r-Renju Unit jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli minn kull aspett ma’ dik ta’ konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skond l-evalwazzjoni tagħha, l-unika differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tinsab fil-perijodi ta’ residenza differenti mitluba fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ persuni.

43      Madankollu, għandu jiġi speċifikat li l-kwistjoni jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba li din hija diskriminatorja hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

44      Għalhekk, il-kwistjoni jekk żewġ kategoriji ta’ persuni jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli u jekk għalhekk għandhomx igawdu minn vantaġġ soċjali fl-istess kundizzjonijiet hija wkoll kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

45      Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali li żewġ kategoriji ta’ persuni jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli f’għajnejn il-liġi nazzjonali ma tistax twaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkunsidra, jekk ikun il-każ, li dawn iż-żewġ kategoriji huma differenti fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

46      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 30 tas-sentenza Kaba, iċċitata iktar ’il fuq, li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mhuwiex mingħajr kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward hija għamlet riferiment, minn naħa, għad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni li jinsabu fit-Titolu III tat-Tielet Parti tat-Trattat u għad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat adottati għall-applikazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, għad-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat, u b’mod iktar partikolari, għall-Artikolu 8 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 18 KE), li, filwaqt li jagħti liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-dritt li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, jirreferi espressament għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mid-dispożizzjonijiet meħuda b’applikazzjoni tiegħu.

47      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru, għandu jingħad ukoll li d-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem mhuwiex mingħajr kundizzjonijiet safejn huwa suġġett għaż-żamma tal-kwalità ta’ ħaddiem jew, jekk ikun il-każ, ta’ persuna li qiegħda tfittex impjieg (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745), sakemm ma jgawdix minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.

48      Għall-kuntrarju, mill-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni fir-rigward tal-perijodu li matulu hija tista’ tkun residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li, matul din ir-residenza, hija ma hija meħtieġa tissodisfa ebda kundizzjoni komparabbli għal dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

49      Minn dan isegwi li d-dritt ta’ residenza mogħti minn dawn id-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mhuwiex komparabbli minn kull aspett għal dak li tgawdi minnu persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

50      Peress li d-dritt ta’ residenza ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni mhuwiex komparabbli minn kull aspett, l-istess jista’ jingħad għas-sitwazzjoni tal-konjuġi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema tul ta’ żmien ta’ residenza huwa meħtieġ sabiex ikun jista’ jingħatalhom dritt ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit.

51      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinvoka diversi elementi sabiex turi li s-sitwazzjonijiet in kwistjoni huma komparabbli.

52      Hija tosserva, fl-ewwel lok, li la l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit u lanqas id-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem migrant Komunitarju ma huma suġġetti għal kundizzjoni espressa dwar it-tul tal-validità tagħhom. Fit-tieni lok, l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit tintilef malli l-persuna li tkun ingħatat din l-awtorizzazzjoni titlaq mir-Renju Unit. Fit-tielet lok, l-istess bħall-ħaddiema migranti ta’ Stati Membri oħra, il-persuni li jkollhom awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fir-Renju Unit jistgħu jitkeċċew għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Fir-raba’ lok, l-EEA Order ma japplikax biss għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra apparti r-Renju Unit iżda anki għa-ċittadini Brittaniċi u għall-membri tal-familja tagħhom li jirritornaw lejn ir-Renju Unit wara li jkunu eżerċitaw id-drittijiet li jgawdu taħt it-Trattat fi Stat Membru ieħor.

53      Għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-fondatezza ta’ l-interpretazzjoni li s-sitwazzjonijiet mhumiex komparabbli minn kull aspett safejn ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru ieħor apparti r-Renju Unit irid jibqa’ jissodisfa ċerti kundizzjonijiet sabiex iżomm d-dritt ta’ residenza tiegħu, liema kundizzjonijiet mhumiex imposti fuq persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit.

54      F’dan ir-rigward la huwa rilevanti l-fatti li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex limitazzjoni espressa tat-tul ta’ residenza ratione temporis u lanqas ma huwa rilevanti l-fatt li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit tista’ anki, f’ċerti kundizzjonijiet, ma tibqax tipproduċi l-effetti tagħha. Il-fatt li l-EEA Order jista’ japplika anki għal ċittadini Brittaniċi huwa wkoll irrilevanti f’dan ir-rigward.

55      Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kaba, iċċitata iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet in kwistjoni u mhux fuq il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament bejn il-konjuġi ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru ieħor apparti r-Renju Unit u l-konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit peress li s-sitwazzjonijiet irregolati rispettivament mill-Artikoli 255 u 287 ta’ l-Immigration Rules mhumiex komparabbli.

56      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari fis-sentenza Kaba, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx tkun differenti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-konjuġi ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru apparti r-Renju Unit u s-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit huma, skond il-qorti tar-rinviju, komparabbli minn kull aspett ħlief fir-rigward tal-perijodu ta’ residenza preċedenti meħtieġ sabiex tingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit. Minħabba n-nuqqas ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fid-dritt Komunitarju, il-kwistjoni jekk tali differenza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ewwel domanda

57      Fl-eżami tat-tieni domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għad-dubji li waslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domandi preliminari ġodda.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi m’hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Olandiż u kif ukoll mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’riferiment għad-domandi magħmula lilha mill-Immigration Adjudicator permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2000, taqta’ u tiddeċiedi li:

Ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ April 2000, Kaba (C-356/98), ma kinitx tkun differenti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-konjuġi ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru apparti r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u s-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ persuna “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit huma, skond il-qorti tar-rinviju, komparabbli minn kull aspett ħlief fir-rigward tal-perijodu ta’ residenza preċedenti meħtieġ sabiex tingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indefinit fit-territorju tar-Renju Unit. Minħabba n-nuqqas ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fid-dritt Komunitarju, il-kwistjoni jekk tali differenza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Edward

Jann

Macken

Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta’ Marzu 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż