SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

15 ta' Diċembru 1995 (*)

"Moviment ħieles tal-ħaddiema - Regoli ta' kompetizzjoni applikabbli għall-intrapriżi - Futbolers professjonisti - Regolamenti sportivi dwar it-trasferimenti ta' futbolers li jobbligaw lil klabb il-ġdid iħallas kumpens lill-klabb preċedenti - Limitazzjoni fin-numru ta' futbolers ċittadini ta' Stati membri oħra li jistgħu jintlagħbu f`kompetizzjonijiet."

Fil-kawża C-415/93

Li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti, bis-saħħa ta' l-artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Qorti ta' l-Appell ta' Liège (l-Belġju), bl-iskop li tikseb, fil-kawża pendenti quddiem l-imsemmija qorti bejn

l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL

u

Jean-Marc Bosman,

bejn

Royal club liégeois SA

u

Jean-Marc Bosman,

u bejn

l-Union des associations européennes de football (UEFA)

SA d'économie mixte sportive de l'union sportive du littoral de Dunkerque

Union royale belge des sociétés de football association ASBL

Union des associations européennes de football (UEFA)

u

Jean-Marc Bosman

deċiżjoni ta' natura preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-artikoli 48, 85 u 86 tat-Trattat KEE.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C.N. Kakouris, D.A.O. Edward u G. Hirsch, Presidenti ta' Awla, G.F. Mancini (Relatur), J.C. Moitinho de Almeida, P.J.G. Kapteyn, C. Gulmann, J. L.Murray, P.Jann u M. Ragnemalm, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Lenz,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur fl-20 ta' Ġunju 1995,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għall-Union royale belge des sociétés de football association ASBL, minn G. Vandersanden u J.P. Hordies, avocats fl-Avukatura ta' Brussell, u minn R. Rasir u F. Moises, avocats fl-Avukatura ta' Liege,

–        għall-Union des associations européennes de football (UEFA), minn I.S. Forrester, QC,

–        għall-J.M. Bosman, minn L. Misson, J.-L. Dupont, M.-A. Lucas u M. Franchimont, avocats fl-Avukatura ta' Liege,

–        għall-Gvern Franċiż, minn H. Duchene, Segretarju ta' l-Affarijiet Barranin fid-direttorat tal-Kwistjonijiet Ġuridiċi fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, u C. de Salins, assistent Direttur fl-istess Direttorat,

–        għall-Gvern Taljan, mill-Professur L. Ferrari Bravo, Kap tad-Dipartiment tal-Kontenzjuż Diplomatiku fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, assistit minn D. del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F.E. Gonzalez Diaz, membru tas-Servizz Ġuridiku tiegħu, G. de Bergues, uffiċjal nazzjonali mqiegħed għad-dispożizzjoni tas-Servizz Ġuridiku, u Th. Margellos, avocat fl-Avukatura ta' Ateni,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 20 ta' Settembru 1995,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B'deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 1993, li waslet fil-Qorti fis-6 ta' Ottubru 1993, il-Qorti ta' l-Appell ta' Liège, ressqet, skond l-artikolu 177 tat-Trattat KEE, numru ta' domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-artikoli 48, 85 u 86 ta' dan it-Trattat.

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-mori ta' diversi kawżi bejn, (i) l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (iktar 'il quddiem il-"URBSFA") u Jean-Marc Bosman, (ii) Royal club liégois SA (iktar 'il quddiem ir-"RCL") u Jean-Marc Bosman, u SA d'économie mixte sportive de l'union sportive du littoral de Dunkerque (hawn aktar 'l isfel imsejjaħ "klabb ta' Dunkerque"), u URBSFA, u l-Union des associations européennes de football (UEFA) (iktar 'il quddiem il-"UEFA") u, (iii) bejn il-UEFA u Jean-Marc Bosman.

 Ir-regoli ta' l-organizzazzjoni tal-futbol

3        L-isport ta' l-assoċjazzjoni tal-futbol, magħruf preżentement bħala "futbol", professjonalment jew amatorjalment, huwa pprattikat bħala sport organizzat fi klabbijiet li, f'kull Stat membru, huma miġbura f'assoċjazzjonijiet nazzjonali, imsejħa wkoll federazzjonijiet. Fir-Renju Unit biss hemm aktar minn assoċjazzjoni nazzjonali waħda, f'dan il-każ erbgħa, responsabbli rispettivament għall-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq. L-URBSFA hija l-assoċjazzjoni nazzjonali Belġjana. L-assoċjazzjonijiet nazzjonali jiddependu wkoll fuq assoċjazzjonijiet sekondarji jew sussidjarji oħra, li jkunu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-futbol f'ċerti setturi jew reġjunijiet. L-assoċjazzjonijiet jorganizzaw kampjonati nazzjonali, organizzati f'diviżjonijiet skond il-valur sportiv tal-klabbijiet li jipparteċipaw fihom.

4        L-assoċjazzjonijiet nazzjonali huma membri tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol f'Assoċjazzjonijiet (iktar 'il quddiem il-"FIFA"), assoċjazzjoni rregolata mil-liġi Żvizzera li torganizza l-futbol fuq livell dinji. Il-FIFA hija maqsuma f'konfederazzjonijiet kontinentali, u r-regolamenti tagħhom huma suġġetti għall-approvazzjoni tagħha. Il-konfederazzjoni għall-Ewropa hija l-UEFA, li wkoll hija assoċjazzjoni rregolata mil-liġi Żvizzera. Għandha bejn wieħed u ieħor ħamsin assoċjazzjonijiet membri, inklużi b'mod partikolari dawk ta' l-Istati membri li, skond l-istatuti ta' l-UEFA, intrabtu li jirrispettaw kemm tali statuti kif ukoll ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet ta' l-UEFA.

5        Kull logħba tal-futbol organizzata taħt l-awspiċi ta' assoċjazzjoni nazzjonali għandha tintlagħab bejn żewġ klabbijiet membri ta' din l-assoċjazzjoni jew ta' assoċjazzjonijiet sekondarji jew sussidjarji tagħha. It-tim skjerat minn kull klabb jikkonsisti f'futbolers li huma rreġistrati mill-assoċjazzjoni nazzjonali biex jilagħbu għall-klabb in kwistjoni. Kull futboler professjonista jrid jiġi rreġistrat ma' l-assoċjazzjoni nazzjonali tiegħu bħala tali u jidher bħala impjegat, fil-preżenti jew fil-passat, ta' klabb speċifiku.

 Ir-Regoli ta' trasferiment

6        Ir-regoli federali ta' l-URBSFA ta' l-1983, li kienu applikabbli fiż-żmien meta ġraw il-fatti in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, jagħmlu distinzjoni bejn tliet tipi ta' relazzjonijiet: assoċjazzjoni ta' futboler ma' federazzjoni, assoċjazzjoni ta' futboler ma' klabb, u reġistrazzjoni li tagħti lill-futboler id-dritt li jilgħab għal klabb, li hija neċessarja biex l-imsemmi futboler ikun jista' jipparteċipa f'kompetizzjonijiet uffiċjali. Trasferiment jiġi ddefinit bħala t-tranżazzjoni li biha futboler membru ta' klabb ibiddel tali assoċjazzjoni u jassoċja ruħu ma' klabb ieħor. Jekk it-trasferiment huwa temporanju, il-futboler jibqa' membru tal-klabb tiegħu, imma jiġi rreġistrat in kwantu futboler ta' klabb ieħor.

7        Bis-saħħa ta' l-istess regolament, il-kuntratti tal-futbolers professjonisti kollha, li għandhom terminu ta' bejn sena u ħames snin, iwasslu sat-30 ta' Ġunju ta' sena stabbilita. Qabel ma jiskadi l-kuntratt, u sa mhux aktar tard mis-26 ta' April, il-klabb irid joffri lill-futboler kuntratt ġdid, u jekk dan ma jsirx, dan jiġi kkunsidrat dilettant għal skopijiet ta' trasferiment u b'hekk jaqa' allura taħt dispożizzjonijiet differenti tar-regolament. Il-futboler huwa liberu li jaċċetta jew li ma jaċċettax l-offerta tal-klabb.

8        Jekk huwa jirrifjuta tali offerta, huwa jitpoġġa fuq lista ta' futbolers disponibbli, bejn l-1 u l-31 ta' Mejju, għal trasferiment magħruf bħala “obbligatorju”, jiġifieri mingħajr il-kunsens tal-klabb li miegħu huwa assoċjat, imma li jipprovdi ħlas ta' kumpens għat-“taħriġ” lill-imsemmi klabb minn naħa tal-klabb il-ġdid, kumpens ikkalkulat billi jiġi mmultiplikat is-salarju annwali gross tal-futboler b'fattur li jvarja minn 14 sa 2, skond l-eta' tal-futboler in kwistjoni.

9        L-1 ta' Ġunju huwa l-ftuħ tal-perijodu tat-trasferimenti magħrufa bħala “liberi”, li jsiru bil-kunsens taż-żewġ klabbijiet u tal-futboler, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ammont ta' ħlas għat-trasferiment, li l-klabb il-ġdid għandu jħallas lill-klabb preċedenti, b'sanzjonijiet li jistgħu jinkludu li l-klabb il-ġdid jinqata' mil-lista tal-membri ta' federazzjoni minħabba d-djun, jekk tali ħlas ma jseħħx.

10      Jekk ma jsir ebda trasferiment, il-klabb ta' assoċjazzjoni tal-futboler għandu joffrilu kuntratt ġdid għal staġun wieħed, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk offruti qabel is-26 ta' April. Jekk il-futboler jirrifjuta, il-klabb għandu d-dritt, qabel l-1 ta' Awwissu, li jieħu miżuri sabiex jissospendih, u jekk dan ma jsirx, il-futboler jerġa' jiġi kklassifikat bħala dilettant. Futboler li jibqa' jirrifjuta b'mod persistenti li jiffirma l-kuntratti offruti mill-klabb tiegħu jista' jiġi ttrasferit, in kwantu dilettant, mingħajr il-kunsens tal-klabb tiegħu, wara żewġ staġuni ta' inattività.

11      Rigward ir-regolamenti ta' l-UEFA u tal-FIFA, dawn mhumiex direttament applikabbli għall-futbolers, imma huma inklużi fir-regolamenti ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom is-setgħa li jinfurzawhom u li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn klabbijiet u futbolers.

12      Il-UEFA, l-URBSFA u r-RCL sostnew quddiem il-qorti nazzjonali li d-dispożizzjonijiet applikabbli, fiż-żmien meta ġraw il-fatti, għal trasferimenti bejn klabbijiet fi Stati membri differenti jew klabbijiet irreġistrati ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali differenti fi ħdan l-istess Stat Membru, kienu jinsabu f'dokument bl- isem "prinċipji ta' Kollaborazzjoni bejn assoċjazzjonijiet membri ta' l-UEFA u l-klabbijiet tagħhom", approvat mill-kumitat eżekuttiv ta' l-UEFA fl-24 ta' Mejju 1990 u fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 1990.

13      Tali dokument jipprovdi li, fl-egħluq tal-kuntratt, il-futboler huwa liberu li jikkonkludi kuntratt ġdid mal-klabb ta' l-għażla tiegħu. Dan il-klabb għandu allura jinnotifika immedjatament il-klabb preċedenti, li min-naħa tiegħu, għandu jinforma l-assoċjazzjoni nazzjonali, li għandha toħroġ ċertifikat internazzjonali ta' trasferiment. Madankollu, il-klabb preċedenti għandu d-dritt jirċievi mill-klabb il-ġdid kumpens għal promozzjoni u taħriġ, liema ammont għandu jiġi stipulat, fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim, minn bord ta' esperti mwaqqfa mill-UEFA, billi tintuża lista ta' fatturi ta' multiplikazzjoni, minn 12 sa 1, skond l-età tal-futboler, li tiġi mmultiplikata mas-salarju gross li qala' l-futboler fl-aħħar sena, sa massimu ta' 5000000 SFR.

14      Id-dokument jippreċiża li r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ klabbijiet fir-rigward tal-kumpens għall-formazzjoni u t-taħriġ m'għandhom ikollhom l-ebda effett fuq l-attività tal-futboler, li huwa liberu li jilgħab għall-klabb il-ġdid tiegħu. Madankollu, jekk il-klabb il-ġdid ma jħallasx immedjatament l-imsemmi kumpens lill-klabb preċedenti, il-Kummissjoni ta' kontroll u ta' dixxiplina ta' l-UEFA tieħu l-każ f'idejha u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-assoċjazzjoni nazzjonali kkonċernata, li tista' wkoll, min-naħa tagħha, tissanzjona l-klabb midjun.

15      Il-qorti ta' rinviju tikkunsidra li, fil-każ tal-kawża prinċipali in kwistjoni, l-URBSFA u r-RCL m'applikawx ir-regolament ta' l-UEFA imma dawk tal-FIFA.

16      Fil-perijodu li fih seħħu l-fatti in kwistjoni, ir-regolament tal-FIFA kien jipprovdi, b'mod partikolari, li futboler professjonista ma setax jitlaq l-assoċjazzjoni nazzjonali li magħha kien assoċjat sakemm kien għadu marbut b'kuntratt, bir-regolamenti tal-klabb tiegħu u b'dawk ta' l-assoċjazzjoni nazzjonali tiegħu, u dan ikunu kemm ikunu ħarxa. It-trasferiment internazzjonali ma setax isir sakemm l-assoċjazzjoni nazzjonali ta' qabel toħroġlu ċertifikat ta' trasferiment li jgħarraf li l-obbligi finanzjarji kollha, inkluża somma eventwali ta' trasferiment, ġew irregolati.

17      Wara l-ġrajjiet li taw lok għall-kawżi prinċipali, l-UEFA bdiet negozjati mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. F'April ta' l-1991, hija ntrabtet b'mod partikolari li tinkorpora, fil-kuntratt ta' kull futboler professjonista, klawżola li tippermettilu, meta jiskadi l-kuntratt, li jikkonkludi kuntratt ġdid ma' klabb ta' l-għażla tiegħu u li jilgħab għal dak il-klabb immedjatament. Dispożizzjonijiet għal dan l-effett ġew imdaħħla fil-"Prinċipji ta' Kollaborazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet membri ta' l-UEFA u l-klabbijiet tagħhom" li ġew adottati f'Diċembru ta' l-1991 u li daħlu fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 1992.

18      F'April ta' l-1991, il-FIFA adottat ukoll regolament ġdid rigward l-istatut u t-trasferimenti tal-futbolers tal-futbol. Tali dokument, hekk kif emendat f'Diċembru ta' l-1991 u f' Diċembru ta' l-1993, jipprovdi li futboler jista' jikkonkludi kuntratt ma' klabb ġdid meta l-kuntratt li jorbtu mal-klabb preċedenti jkun skada, ikun ġie xolt jew ikun ser jiskadi fi żmien sitt xhur.

19      Min-naħa l-oħra, regoli speċjali huma inklużi għal dawk il-futbolers li "m'humiex dilettanti", iddefiniti bħala futbolers li, għal parteċipazzjoni fil-logħba tal-futbol jew f'attività li għandha x'taqsam magħha, ikunu rċevew ħlas li jaqbeż l-ammont ta' spejjeż involuti fl-imsemmija attività, salv jekk dawn ikunu reġgħu kisbu l-istatus ta' dilettanti.

20      Fil-każ ta' trasferiment ta' futboler li mhuwiex dilettant, jew li jassumi status ta' mhux dilettant fi żmien tliet snin mit-trasferiment tiegħu, il-klabb preċedenti tiegħu għandu d-dritt għal kumpens għall-promozzjoni jew taħriġ, li l-ammont tiegħu għandu jiġi miftiehem bejn iż-żewġ klabbijiet. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, il-kwistjoni għandha tintbagħat quddiem il-FIFA jew lill-konfederazzjoni kompetenti.

21      Dawn ir-regoli ġew miżjuda minn regolament ta' l-UEFA "sabiex jiġi stabbilit kumpens ta' trasferiment", li, adottat f'Ġunju ta' l-1993 u fis-seħħ sa mill-1 ta' Awwissu 1993, jissostitwixxi l-"prinċipji ta' kollaborazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet membri ta' l-UEFA u l-klabbijiet tagħhom" ta' l-1991. Dan ir-regolament ġdid itenni l-prinċipju li jgħid li r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ klabbijiet ma għandhom ikollhom ebda influwenza fuq l-attività sportiva ta' l-imsemmi futboler, li għandu jkun liberu li jilgħab għall-klabb li miegħu ffirma l-kuntratt il-ġdid. Tali regolament jipprovdi wkoll li, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-klabbijiet kkonċernati, huwa l-bord ta' esperti ta' l-UEFA li għandu l-kompetenza li jiddetermina l-ammont ta' ħlas ta' kumpens għal promozzjoni u taħriġ. Għall-futbolers li mhumiex dilettanti, il-kalkolu tal-ħlas huwa bbażat fuq is-salarju gross tal-futboler fl-aħħar tnax-il xahar, jew fuq id-dħul annwali fiss iggarantit fil-kuntratt il-ġdid, miżjud b'20% għall-futbolers li lagħbu almenu darbtejn fit-tim nazzjonali li jirrappreżenta lil pajjiżhom, u mmultiplikat b'fattur ta' bejn 12 u 0 skond l-età.

22      Jidher mid-dokumenti mressqa quddiem il-Qorti mill-UEFA li r-regolamenti fis-seħħ fi Stati membri oħra fihom ukoll dispożizzjonijiet li jorbtu lill-klabb il-ġdid iħallas kumpens għat-trasferiment, għat-taħriġ jew għall-promozzjoni lill-klabb preċedenti, fil-każ li futboler jiġi ttrasferit minn klabb għal ieħor fi ħdan l-istess assoċjazzjoni nazzjonali, skond kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu.

23      Fi Spanja u fi Franza, ħlas ta' kumpens jista' jintalab biss jekk, rispettivament, il-futboler li ġie ttrasferit huwa taħt il-25 sena jew jekk il-klabb preċedenti tiegħu huwa l-klabb li miegħu ffirma l-ewwel kuntratt tiegħu ta' professjonista. Fil-Greċja, għalkemm l-ebda kumpens mhuwa espliċitament mitlub minn naħa tal-klabb il-ġdid, il-kuntratt bejn il-klabb u l-futboler jista' jagħmel it-tluq tal-futboler jiddependi fuq il-ħlas ta' ammont li, skond l-indikazzjonijiet ta' l-UEFA, huwa fil-fatt normalment imħallas mill-klabb il-ġdid.

24      Ir-regoli li japplikaw f'dan ir-rigward jistgħu jirriżultaw, skond il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mir-regolamenti ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol jew ukoll mill-ftehim kollettiv.

 Il-Klawżoli ta' nazzjonalità

25      Mill-1960 'il quddiem, diversi assoċjazzjonijiet tal-futbol adottaw regoli (iktar 'il quddiem il-"klawżoli ta' nazzjonalità") li jillimitaw il-possibbiltà ta' reklutaġġ jew ingaġġ ta' futbolers ta' nazzjonalità barranija. Għall-iskopijiet ta' tali klawżoli, nazzjonalità hija ddefinita b'riferiment għall-possibbbiltà, għall-futboler, li jkun ikkwalifikat li jilgħab f' tim nazzjonali jew rappreżentattiv ta' pajjiż.

26      Fl-1978, il-UEFA ntrabtet mas-Sur Davignon, membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn banda, li telimina l-limitazzjonijiet fuq in-numru ta' kuntratti li jkollu kull klabb ma' futbolers minn Stati membri oħra u, mill-banda l-oħra, li tiffissa n-numru ta' dawk il-futbolers li jistgħu jipparteċipaw fi kwalunkwe logħba għal żewġ futbolers, liema limitu ma japplikax għall-futbolers stabbiliti fl-Istat membru in kwistjoni għal aktar minn ħames snin.

27      Fl-1991, wara diskussjonijiet ulterjuri mas-Sur Bangemann, viċipresident tal-bord, il-UEFA adottat ir-regola magħrufa bħala "3 + 2", li kienet tipprevedi l-possibbiltà, għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali, li jillimitaw għal tlieta n-numru ta' futbolers barranin li klabb jista' jilgħab f'logħba ta' l-ewwel diviżjoni fil-kampjonati nazzjonali tagħhom, b'żieda ta' tnejn oħra li jkunu lagħbu għal perijodu ininterrott ta' ħames snin fil-pajjiż ta' l-assoċjazzjoni nazzjonali in kwistjoni, li minnhom tliet snin iridu jkunu ntlagħbu fil-kategorija taż-żgħar. Din l-istess limitazzjoni hija applikabbli wkoll għal-logħbiet tal-kompetizzjonijiet għall-klabbijiet organizzati mill-UEFA.

 Il-fatti fil-kawżi prinċipali

28      Jean-Marc Bosman, futboler professjonista ta' nazzjonalità Belġjana, kien impjegat, sa mill-1988, mir-RCL, klabb Belġjan ta' l-ewwel diviżjoni, permezz ta' kuntratt li kien jiskadi fit-30 ta' Ġunju 1990, li kien jagħtih salarju medju ta' 120000 BFR fix-xahar, inklużi ż-żidiet.

29      Fil-21 ta' April 1990, ir-RCL offriet lil Jean-Marc Bosman kuntratt ġdid għal staġun wieħed, bi tnaqqis tas-salarju tiegħu għal 30000 BFR, jiġifieri l-minimu permess mir-regolament federali ta' l-URBSFA. Peress li Jean-Marc Bosman irrifjuta li jiffirma, huwa tqiegħed fil-lista tat-trasferimenti. Il-valur tal-kumpens għat-taħriġ tiegħu ġie ffissat għal 11743000 BFR, skond l-imsemmi regolament,

30      Peress li l-ebda klabb ma wera interess fi trasferiment obbligatorju, Jean-Marc Bosman għamel kuntatt mal-klabb ta' Dunkerque, klabb fit-tieni diviżjoni Franċiża, kuntatt li wassal biex dan jiġi ingaġġat b'salarju ta' BFR 100000 fix-xahar kif ukoll żieda ta' bejn wieħed u ieħor 900000 BFR talli ffirma l-kuntratt.

31      Fis-27 ta' Lulju 1990, ġie madankollu konkluż kuntratt bejn ir-RCL u l-klabb ta' Dunkerque għat-trasferiment temporanju ta' J.M. Bosman, għal perijodu ta' sena, bi ftehim għal ħlas ta' kumpens ta' 1200000 BFR, minn naħa tal-klabb ta' Dunkerque lir-RCL, li jkun dovut meta l-Fédération française de football (iktar 'il quddiem il-"FFF") tirċievi ċ-ċertifikat ta' trasferiment maħruġ mill-URBSFA. Tali kuntratt ta wkoll lill-klabb ta' Dunkerque għażla irrevokabbli għat-trasferiment definittiv tal-futboler għal BFR 4800000.

32      Iż-żewġ kuntratti, bejn il-klabb ta' Dunkerque u r-RCL, minn naħa, u bejn il-klabb ta' Dunkerque u J-M. Bosman, min-naħa l-oħra, kienu madankollu suġġetti għal kundizzjoni suspensiva, li tgħid li ċ-ċertifikat tat-trasferiment kellu jintbagħat mill-URBSFA lill-FFF fil-ħin qabel l-ewwel logħba ta' l-istaġun, li kellha tintlagħab fit-2 ta' Awwissu 1990.

33      Peress li kellu dubji dwar kemm il-klabb ta' Dunkerque kien kapaċi jħallas, ir-RCL ma staqsiex lill-URBSFA biex tibgħat l-imsemmi ċertifikat lill-FFF. B'konsegwenza ta' dan, iż-żewġ kuntratti baqgħu bla effett. Fil-31 ta' Lulju 1990, ir-RCL issospendiet ukoll lil J-M. Bosman, u għalhekk ma setax jilgħab għall-istaġun kollu.

34      Fit-8 ta' Awwissu 1990, J-M. Bosman fetaħ kawża kontra r-RCL quddiem it- Tribunal de première instance (Tribunal ta' l-ewwel istanza) ta' Liège. Fl-istess ħin, huwa ressaq rikors għal miżuri provviżorji bil-għan li jinħareġ digriet sabiex ir-RCL u l-URBSFA jħallsuh somma provviżorja ta' BFR 100000 fix-xahar sakemm huwa jsib xogħol ieħor, u sabiex il-konvenuti jiġu inibiti milli jfixklu li huwa jiġi ingaġġat, partikolarment billi jitolbu ħlas ta' somma ta' flus, u fit-tielet lok sabiex tiġi mressqa domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35      B'digriet tad-9 ta' Novembru 1990, l-Imħallef f'din il-proċedura sommarja ordna lir-RCL u lill-URBSFA jħallsu lil J-M. Bosman somma ta' BFR 30000 fix-xahar u ordnalhom li ma jostakolawx l-ingaġġ ta' J-M. Bosman. Huwa ressaq, barra minn hekk, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (fil-kawża C-340/90) dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat rigward ir-regoli ta' trasferiment ta' futbolers professjonisti (iktar 'il quddiem ir-"regoli ta' trasferiment").

36      Sadanittant, J-M. Bosman ġie ingaġġat mill-klabb Franċiż tat-tieni diviżjoni Saint-Quentin, f'Ottubru 1990, bil-kundizzjoni li l-proċedura sommarja tiegħu tintlaqa'. Il-kuntratt tiegħu ġie mitmum, madankollu, fi tmien l-ewwel staġun. Fi Frar ta' l-1992, J-M. Bosman iffirma kuntratt ġdid mal-klabb Franċiż Saint-Denis de la Réunion, li wkoll ġie mitmum. Wara li fittex aktar offerti fil-Belġju u fi Franza, J-M. Bosman ġie fl-aħħar aċċettat mill-Olympic de Charleroi, klabb tat-tielet diviżjoni Belġjana.

37      Skond il-qorti ta' rinviju, preżunzjonijiet gravi u konkordanti jagħtu lok għal fehma li, minkejja l-istatus ta' “liberu” li ngħatalu mill-digriet sommarju, J-M. Bosman ġie bbojkottjat mit-totalità tal-klabbijiet Ewropej li setgħu jħaddmuh.

38      Fit-28 ta' Mejju 1991, il-Cour d'Appel ta' Liège biddlet id-digriet sommarju tat-tribunal de première instance sa fejn din kienet qed tressaq domanda preliminari lill-Qorti. Hija kkonfermat madankollu l-ordni maħruġa lir-RCL u l-URBSFA li jħallsu somma fix-xahar lil J-M. Bosman u wissiet lir-RCL u lill-URBSFA sabiex jagħmlu lil J-M. Bosman disponibbli għal kwalunkwe klabb li jixtieq jagħmel użu mis-servizzi tiegħu, mingħajr ma jkun possibbli li jitolbu xi tip ta' kumpens. B'digriet tad-19 ta' Ġunju 1991, il-kawża C-340/90 tħassret mir-reġistru tal-Qorti.

39      Fil-kuntest tar-rikors fuq il-mertu mressaq quddiem it-Tribunal de première instance ta' Liège, l-URBSFA, kuntrarjament għal dak li ġara matul il-proċedura sommarja, li fiha ma kinitx parti fil-kawża, intervjeniet volontarjament fit-3 ta' Ġunju 1991. Fl-20 ta' Awwissu, J-M. Bosman talab il-kjamata in kawża ta' l-UEFA fil-kawża li huwa fetaħ kontra r-RCL u l-URBSFA u sabiex iressaq direttament kontriha azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà tagħha fl-abbozzar tar-regolamenti li b'riżultat tagħhom huwa sofra danni. Fil-5 ta' Diċembru 1991 il-klabb ta' Dunkerque ġie kjamat in kawża mandatorja mir-RCL sabiex hu jkun salvagwardat fil-kawża ta' kundanna eventwali fil-konfronti tiegħu. Fil-15 ta' Ottubru u fis-27 ta' Diċembru 1991 rispettivament, is-sindakat Franċiż "Union nationale des footballeurs professionnels" (iktar 'il quddiem l-"UNFP") u assoċjazzjoni rregolata mil-liġi Olandiża Vereniging van contractspelers (iktar 'il quddiem il-"VVCS") intervjenew volontarjament fil-kawża.

40      B'talbiet ġodda ppreżentati fid-9 ta' April 1992, J-M. Bosman emenda t-talba inizjali tiegħu kontra r-RCL, u beda azzjoni preventiva ġdida kontra l-URBSFA u elabora l-argument tiegħu kontra l-UEFA. Fil-mori ta' dawn il-kontestazzjonijiet, huwa talab li r-regoli ta' trasferiment u klawżoli ta' nazzjonalità jiġu ddikjarati inapplikabbli fil-konfronti tiegħu u, a bażi ta' l-imġiba illeċita tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' trasferiment tiegħu mal-klabb ta' Dunkerque, huwa talab li r-RCL, l-URBSFA u l-UEFA jħallsuh BFR 11368350 bħala danni li hu sofra mill-1 ta' Awwissu 1990 sat-tmiem tal-karriera tiegħu, kif ukoll BFR 11743000 bħala telf ta' qligħ ta' flus mill-bidu tal-karriera tiegħu, bħala riżultat ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' trasferiment. Huwa talab barra minn hekk li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

41      B'sentenza tal-11 ta' Ġunju 1992, it-Tribunal de première instance ta' Liège ddikkjara li huwa kellu l-kompetenza jieħu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża. Huwa ddikjara wkoll ammissibbli t-talbiet ta' J-M. Bosman kontra r-RCL, l-URBSFA u l-UEFA, talbiet intiżi li tinkiseb dikjarazzjoni fis-sens li r-regoli ta' trasferiment u l-klawżoli ta' nazzjonalità ma kinux applikabbli għalih, kif ukoll li tippenalizza l-imġiba ta' dawn it-tliet organizzazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-imsemmija qorti ċaħdet l-azzjoni għal intervent u garanzija mressqa mir-RCL fil-konfront tal-klabb ta' Dunkerque, peress li ma tressqet l-ebda prova li dan ta' l-aħħar ma wettaqx l-obbligi tiegħu. Fl-aħħar nett, billi kkonstatat li t-talbiet ta' J-M. Bosman kontra l-UEFA u l-URBSFA kienu jinvolvu kunsiderazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli tat-trasferiment mat-Trattat, il-qorti saqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni ta' l-Artikoli 48, 85 u 86 tat-Trattat (kawża C-269/92).

42      L-URBSFA, ir-RCL u l-UEFA ressqu appell minn din id-deċiżjoni. Peress li dawn l-appelli kellhom l-effett sospensiv, il-proċedura quddiem il-qorti ġiet sospiża. B'digriet tat-8 ta' Diċembru 1993, il-kawża C-269/92 ġiet fl-aħħar imħassra mir-reġistru wara sentenza ġdida tal-Cour d'Appel ta' Liège, li minnha ħarġet il-kontestazzjoni preżenti.

43      L-ebda appell ma ġie mressaq kontra l-UNFP u l-VVCS, li ma kkonfermawx l-interventi tagħhom fl-appell.

44      Fis-sentenza ta' rinviju, il-Cour d'Appel ta' Liège kkonfermat is-sentenza li qiegħda tiġi appellata fejn hija qalet li t-Tribunal de première instance kellu l-kompetenza, li l-azzjonijiet kienu amissibbli u li l-eżami ta' l-argumenti ta' J-M. Bosman kontra UEFA u l-URBSFA turi li dawn kienu jinvolvu l-legalità tar-regoli ta' trasferiment. Hija kkunsidrat ukoll li eżami tal-legalità tal-klawżoli ta' nazzjonalità kienu neċessarji, peress li t-talba ta' J-M. Bosman f'dan ir-rigward kienet ibbażata fuq l-Artikolu 18 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, li jawtorizza azzjonijiet "bl-iskop li jevitaw ksur ta' dritt li hu mhedded serjament". JM. Bosman ippreżenta diversi elementi oġġettivi li setgħu juru li l-biża' tiegħu li l-klawżoli ta' nazzjonalità jipperikolaw il-karriera tiegħu kienet fondata.

45      Il-qorti ta' rinviju kkunsidrat b'mod partikolari li l-Artikolu 48 tat-Trattat seta', bħal l-Artikolu 30, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet, iżda wkoll ostakli mhux diskriminatorji għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, jekk dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn rekwiżiti obbligatorji.

46      Fir-rigward ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat, hija qieset li r-regolamenti tal-FIFA, ta' l-UEFA u ta' l-URBSFA jistgħu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi li bihom il-klabbijiet jillimitaw il-kompetizzjoni ta' bejniethom għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-akkwist tal-futbolers. L-ewwel nett, il-pagamenti għat-trasferiment jkollhom effett skoraġġanti u li jbaxxu l-paga ta' l-isportivi professjonisti. Minbarra dan, il-klawżoli ta' nazzjonalita' jipprojbixxu li wieħed igawdi mis-servizzi ta' futbolers barranin, meta tinqabeż il-kwota. Fl-aħħar nett, in-negozju bejn l-Istati membri jiġi affettwat, b'mod partikolari, mir-restrizzjoni fuq il-mobbiltà tal-futbolers.

47      Minbarra dan, il-Cour d'Appel tikkunsidra l-pożizzjoni dominanti ta' l-URBSFA, jew tal-klabbijiet tal-futbol fis-sens ikkontemplat fl-Artikolu 86 tat-Trattat, peress li r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 85 jistgħu jikkostitwixxu abbużi li huma pprojbiti mill-imsemmi Artikolu 86.

48      Il-Cour d'Appel ċaħdet it-talba ta' l-UEFA magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ir-risposta għad-domanda li saret dwar trasferimenti kinitx tkun differenti kieku r-regolament kien jippermetti lil futboler li jilgħab liberament għall-klabb il-ġdid tiegħu, anki fil-każ li tali klabb ma jkunx ħallas il-kumpens għat-trasferiment lill-klabb preċedenti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat b'mod partikolari li, minħabba t-theddida ta' penali ħorox għall-klabbijiet li ma jħallsux il-kumpens għat-trasferiment, il-possibbiltà li l-futboler jilgħab għall-klabb il-ġdid tiegħu tiddependi mir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-klabbijiet.

49      Fid-dawl tal-fatti hawn fuq imsemmija, il-cour d'appel iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni finali u li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni ta' natura preliminari dwar is-segwenti domandi:

"L-Artikoli 48, 85 u 86 tat-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu:

(i)      li klabb tal-futbol ikun jista' jeżiġi u jirċievi ħlas ta' somma ta' flus waqt l-ingaġġ minn klabb ġdid ta' wieħed mill-futbolers tiegħu, li jkun wasal fl-aħħar tal-kuntratt tiegħu;

(ii)  li assoċjazzjonijiet jew federazzjonijiet sportivi nazzjonali u internazzjonali jkunu jistgħu jikkontemplaw fir-regolamenti rispettivi tagħhom dispożizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta' futbolers barranin mill-Komunità Ewropea fil-kompetizzjonijiet organizzati minnhom?"

50      Fit-3 ta' Ġunju 1994, l-URBSFA ppreżentat rikors fil-Cour de Cassation Belġjana kontra s-sentenza tal-cour d'appel, u talbet li s-sentenza tiġi ddikjarata komuni għar-RCL, għall-UEFA u l-klabb ta' Dunkerque. B'ittra tas-6 ta' Ottubru 1994, il-Procureur Général tal-Cour de Cassation tal-Belġju informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell ma kellux effett sospensiv f'dan il-każ.

51      B'deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 1995, il-Cour de cassation ċaħdet ir-rikors u ddikjarat li bħala riżultat ta' dan, it-talba dwar l-estensjoni ta' l-effetti tas-sentenza m'għadx għandha skop. Il-Cour de cassation bagħtet kopja ta' tali sentenza lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-talba għal miżuri istruttorji għall-ġbir ta' provi

52      B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fis-16 ta' Novembru 1995, l-UEFA talbet lill-Qorti sabiex din tordna miżura istruttorja għall-ġbir ta' provi, skond l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, bl-iskop li jkollha informazzjoni kompleta dwar ir-rwol tal-pagamenti ta' trasferimenti fl-iffinanzjar ta' klabbijiet tal-futbol żgħar jew ta' daqs medju, fuq il-mekkaniżmi li jirregolaw it-tqassim ta' dħul fl-istrutturi eżistenti tal-futbol, kif ukoll fuq il-preżenza jew l-assenza ta' mekkaniżmi ulterjuri fl-eventwalità li s-sistema ta' pagamenti għal trasferiment tispiċċa.

53      Wara li reġgħet semgħet lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tikkunsidra li t-talba ghandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, din ġiet ippreżentata fi żmien meta, skond l-Artikolu 59(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-proċeduri orali kienu magħluqa. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti (ara s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1971, kawża 77/70 Prelle v Kummissjoni, Ġabra 561, punt 7) li tali talba ma tistax tiġi aċċettata salv jekk tkun tirrigwarda fatti li jista' jkollhom influwenza deċiżiva u li l-parti kkonċernata ma setgħetx tinvokaha qabel l-egħluq tal-proċedura orali.

54      F'dan il-każ, huwa biżżejjed li jingħad li l-UEFA setgħet tressaq it-talba tagħha qabel l-egħluq tal-proċedura orali. Minbarra dan, Jean-Marc Bosman, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu qajjem id-domanda dwar jekk l-iskop li jinżamm bilanċ f'termini finanzjarji u kompetittivi, u b'mod partikolari li jiġi żgurat l-iffinanzjar ta' klabbijiet żgħar, jistax jintlaħaq permezz ta' mezzi oħra, bħal per eżempju t-tqassim mill-ġdid ta' parti tad-dħul mill-futbol.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti li tagħti tweġiba għad-domandi preliminari.

55      Il-kompetenza tal-qorti li tagħti tweġiba għad-domandi, kollha jew parti minnhom, li ġew magħmula mill-qorti ta' rinviju, ġiet ikkontestata, għal diversi raġunijiet, mill-URBSFA, mill-UEFA, minn ċerti gvernijiet li ssottomettew xi osservazzjonijiet u, matul il-proċedura bil-miktub, mill-Kummissjoni.

56      Fl-ewwel lok, l-UEFA u l-URBSFA sostnew li l-azzjonijiet prinċipali huma invenzjonijiet proċedurali intiżi biex tingħata deċiżjoni ta' natura preliminari minn naħa tal-Qorti dwar kwistjonijiet li oġġettivament huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kontestazzjonijiet. Fil-fatt, ir-regolament ta' l-UEFA ma ġiex applikat meta t-trasferiment ta' J-M. Bosman għal Dunkerque twaqqaf u, kieku dawn ġew applikati, dan it-trasferiment ma kienx jiddependi fuq il-ħlas ta' kumpens għat-trasferiment u għaldaqstant kien ikun jista' jseħħ. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mitluba mill-qorti nazzjonali m'għandha xejn x'taqsam mal-fatti attwali tal-kontestazzjonijiet in kwistjoni jew ma' l-iskop tagħhom u, skond ġurisprudenza konsistenti, il-Qorti ma jkollhiex il-kompetenza li tiddeċiedi dwar id-domandi li tressqu.

57      Fit-tieni lok, l-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Daniż, dak Franċiż u dak Taljan u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sostnew li d-domandi li jirrigwardaw il-klawżoli ta' nazzjonalità m'għandhomx konnessjoni mal-kontestazzjonijiet, li jirrigwardaw biss l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-trasferiment. Fil-fatt, l-impedimenti għall-iżvilupp tal-karriera tiegħu li, skond Jean-Marc Bosman jirriżultaw minn dawk il-klawżoli, huma purament ipotetiċi u ma jiġġustifikawx pronunċament minn naħa tal-Qorti dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat f'dan ir-rigward.

58      Fit-tielet lok, l-URBSFA u l-UEFA qalu waqt is-seduta li, skond is-sentenza tal-Cour de Cassation tal-Belġju tat-30 ta' Marzu 1995, il-Cour d'Appel ta' Liège ma laqgħatx it-talbiet imressqa minn J-M. Bosman għal dikjarazzjoni li l-klawżoli ta' nazzjonalità fir-regolamenti ta' l-URBSFA ma kinux applikabbli għalih. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontestazzjonijiet in kwistjoni m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-klawżoli ta' nazzjonalità u l-Qorti m'għandhiex tagħti deċiżjoni dwar id-domandi li tressqu fuq dan il-punt. Il-gvern Franċiż qabel ma' din il-konklużjoni, iżda bil-kundizzjoni li tiġi vverifikata l-portata tas-sentenza tal-Cour de Cassation.

59      F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, hekk kif mifhuma fl-Artikolu 177 tat-Trattat, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kwistjoni, u tkun trid tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm dwar in-neċessità għal deċiżjoni ta' natura preliminari sabiex tgħinha tagħti s-sentenza, kif ukoll dwar ir-rilevanza tad-domandi li hija tibgħat lill-Qorti. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja, din il-Qorti għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1995, Aprile, kawża C-125/94, Ġabra p. I-2919, punti 16 u 17).

60      Minkejja dan, il-Qorti hija tal-fehma li, sabiex tiddetermina jekk għandhiex kompetenza, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom il-każ ġie mressaq quddiemha mill-qorti nazzjonali. L-ispirtu ta' kollaborazzjoni li għandu jeżisti fil-proċedura ta' rinviju preliminari jitlob li l-qorti nazzjonali, minn naħa tagħha, ikollha rigward għall-funzjoni mogħtija lill-Qorti, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Lulju 1992, Meilicke, kawża C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 25).

61      Huwa fid-dawl ta' tali funzjoni li l-Qorti qieset li hija m'għandhiex kompetenza tagħti deċiżjoni dwar id-domanda preliminari magħmula lilha minn qorti nazzjonali, meta jidher ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni fuq il-valisità ta' regola Komunitarja, kif mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom l-ebda relazzjoni mar-realtà jew l-għan fil-kawża prinċipali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Ottubru 1995, Furlanis costruzioni generali, kawża C-143/94, Ġabra p. I-3653, punt 12), jew ukoll meta l-problema tkun ta' natura ipotetika u l-Qorti ma jkollhiex f'idejha l-elementi ta' fatt jew ta' dritt neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Meilicke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).

62      Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi osservat l-ewwel u qabel kollox li l-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, m'humiex ipotetiċi u li l-qorti nazzjonali pprovdiet lil din il-Qorti bi preżentazzjoni preċiża tal-kuntest fattwali u regolamentari tagħhom, kif ukoll tar-raġunijiet li wassluha tqis li deċiżjoni għad-domandi mressqa hija neċessarja biex tagħti l-ġudizzju tagħha.

63      Minbarra dan, anki jekk, kif argumentaw l-URBSFA u l-UEFA, ir-regolamenti ta' l-UEFA ma ġewx applikati meta t-trasferiment ta' J-M. Bosman lill-klabb ta' Dunkerque twaqqaf, jibqa' l-fatt li huwa previst fl-azzjonijiet preventivi mressqa minn J-M. Bosman kontra l-URBSFA u l-UEFA (ara l-punt 40 hawn fuq) u li interpretazzjoni tal-Qorti dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta' trasferiment, imwaqqaf mir-regolament ta' l-UEFA, mal-liġi Komunitarja tista' tkun utli għall-qorti ta' rinviju.

64      Fir-rigward tad-domandi li b'mod partikolari jirrigwardaw il-klawżoli ta' nazzjonalità, jidher li t-talbiet imressqa f'dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali ġew iddikjarati ammissibbli fuq il-bażi ta' dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li tippermetti li titressaq azzjoni, anki għal finijiet deklaratorji, sabiex jiġi evitat il-ksur ta' dritt li huwa serjament mhedded. Kif jidher ċar mid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ta' rinviju kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-klawżoli ta' nazzjonalità setgħu fil-fatt ifixklu l-karriera ta' J-M. Bosman, billi jnaqqsu l-possibbiltajiet tiegħu li jiġi impjegat jew jiġi skjerat f'logħba minn klabb ta' Stat membru ieħor. Hija kkonkludiet li l-argumenti ppreżentati minn J-M. Bosman, intiżi li l-imsemmija klawżoli ta' nazzjonalità jiġu ddikjarati inapplikabbli għalih, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija mill-imsemmija dispożizzjoni.

65      Mhijiex kompetenza ta' din il-Qorti, fl-ambitu tal-proċeduri in kwistjoni, li tikkontesta din il-konklużjoni. Għalkemm huwa minnu li l-azzjonijiet fil-kawża prinċipali huma ta' natura deklaratorja u li, minħabba li għandhom l-iskop li jevitaw ksur ta' dritt li hu mhedded, għandhom bilfors ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet li huma inċerti minnhom infushom, dawn l-azzjonijiet mhumiex inqas awtorevoli taħt il-liġi nazzjonali, kif interpretata mill-qorti ta' rinviju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi li tressqu minn dik il-qorti jirrispondu għal bżonn oġġettiv għal soluzzjoni tal-kontenzjuż li tiegħu hija ġiet regolarment mitluba tieħu konjizzjoni.

66      Fl-aħħar nett, ma jirriżultax mis-sentenza tal-Cour de Cassation tat-30 ta' Marzu 1995 li l-klawżoli ta' nazzjonalità m'għandhomx x'jaqsmu mal-kontenzjuż fil-kawża prinċipali. Il-Cour de cassation qalet biss li l-appel imressaq mill-URBSFA kontra s-sentenza tal-qorti ta' rinviju kien ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina ta' l-istess sentenza. Fl-appell tagħha, l-URBSFA kienet fil-fatt qalet li l-imsemmija qorti kienet iġġudikat bħala ammissibbli talba ta' J-M. Bosman intima li l-klawżoli ta' nazzjonalità li kien hemm fir-regolamenti jiġu dikjarati inapplikabbli fil-konfronti tiegħu. Issa, jidher mis-sentenza tal-Cour de cassation li, skond il-Cour d'Appel, it-talba ta' J-M. Bosman kienet intiża biex jipprevjeni l-ostakli għall-karriera tiegħu li setgħu jirriżultaw mhux mill-applikazzjoni tal-klawżoli ta' nazzjonalità li hemm fir-regolamenti ta' l-URBSFA, li kienu jikkonċernaw futbolers ta' nazzjonalità mhux Belġjana, iżda minn klawżoli simili fir-regolamenti ta' l-UEFA u ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra li huma membri ta' din il-konfederazzjoni, li setgħu jikkonċernawh in kwantu futboler ta' nazzjonalità Belġjana.

67      Minn dak li ntqal preċendentement, jirriżulta li l-Qorti hija kompetenti li twieġeb id-domandi magħmula mill-Cour d'Appel ta' Liège.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat rigward ir-regoli ta' trasferiment

68      Bl-ewwel waħda mid-domandi tagħha, il-qorti ta' rinviju ssaqsi sostanzjalment jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat jipprekludix l-applikazzjoni ta' regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi, li jgħidu li futboler professjonista ċittadin ta' Stat membru wieħed ma jistax, fl-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ma' klabb, jiġi impjegat minn klabb ta' Stat membru ieħor, ħlief jekk dan il-klabb ikun ħallas lill-klabb preċedenti kumpens għat-trasferiment, għat-taħriġ u għall-promozzjoni.

 Fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48 għar-regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi

69      F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu eżaminati, preliminarjament, ċerti argumenti, li ġew imressqa, dwar l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni għar-regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi.

70      L-URBSFA sostniet li l-klabbijiet Ewropej kbar biss jistgħu jitqiesu bħala intrapriżi, filwaqt li klabbijiet bħal RCL iwettqu attività ekonomika ta' importanza traskurabbli. Minbarra dan, id-domanda li saret mill-qorti nazzjonali dwar regoli ta' trasferiment ma tikkonċernax ir-relazzjonijiet ta' impjieg bejn futbolers u klabbijiet, imma r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-klabbijiet, kif ukoll il-konsegwenzi tal-libertà ta' affiljazzjoni ma' federazzjoni sportiva. Għalhekk, l-Artikolu 48 tat-Trattat mhuwiex applikabbli għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

71      Min-naħa tagħha, l-UEFA argumentat li l-awtoritajiet Komunitarji minn dejjem irrispettaw l-awtonomija ta' l-attività sportiva, li huwa diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn l-aspetti ekonomiċi u dawk sportivi tal-futbol u li deċiżjoni tal-Qorti dwar is-sitwazzjoni ta' futbolers professjonisti tista' tipperikola l-organizzazzjoni tal-futbol fit-totalità tagħha. Għal din ir-raġuni, anki jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat kellu japplika għall-futbolers professjonisti, tkun neċessarja ċerta flessibbiltà minħabba fl-ispeċifiċità ta' l-isport in kwistjoni.

72      Minn naħa tiegħu, il-gvern Ġermaniż l-ewwel nett enfasizza li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, sport bħal mhuwa l-futbol ma jiħux il-forma ta' attività ekonomika. Huwa ssokta jgħid li l-isport in ġenerali għandu ċerti analoġiji mal-kultura u fakkar li, skond l-Artikolu 128(1) tat-Trattat KE, il-Komunità għandha tirrispetta d-differenzi nazzjonali u dawk reġjonali tal-kulturi ta' l-Istati membri. Fl-aħħar nett, b'riferiment għal-libertà ta' assoċjazzjoni u għall-awtonomija li jgawdu minnha l-federazzjonijiet sportivi taħt il-liġi nazzjonali, huwa kkonkluda li, minħabba l-prinċipju ta' sussidjarjetà, in kwantu prinċipju ġenerali, intervent mill-awtoritajiet pubbliċi u partikolarment mill-Komunità f'dan il-qasam għandu jiġi limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

73      B'risposta għal dawn l-argumenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fid-dawl ta' l-obbjettivi tal-Komunità, l-ipprattikar ta' l-isport jaqa' taħt id-dritt Komunitarju sa fejn jikkostitwixxi attività ekonomika skond l-Artikolu 2 tat-Trattat (ara s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 1974, Walrave, kawża 36/74, Ġabra p. 1405, punt 4). Dan huwa l-każ ta' l-attivitajiet ta' futbolers professjonisti jew semiprofessjonisti, meta huma jeżerċitaw attività mħallsa jew jipprovdu servizz bi ħlas (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1976, Donà , Kawża 13/76 , Ġabra p. 1333, punt 12).

74      Jeħtieġ jiġi osservat ukoll li, f'kull każ, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, mhux neċessarju li min jimpjega jkun intrapriża, peress li l-uniku rekwiżit huwa l-eżistenza ta' relazzjoni ta' xogħol jew l-intenzjoni li tinħoloq tali relazzjoni.

75      L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat mhijiex eskluża mill-fatt li r-regoli ta' trasferiment jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-klabbijiet u mhux ir-relazzjonijiet ta' impjieg bejn klabbijiet u futbolers. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-klabbijiet li jimpjegaw għandhom iħallsu kumpens meta jingaġġaw futboler minn klabb ieħor jaffettwa l-opportunitajiet tal-futboler li jsib impjieg, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom dan l-impjieg jiġi offrut.

76      Fir-rigward tad-diffikultà li tinħoloq distinzjoni bejn l-aspetti ekonomiċi u dawk sportivi tal-futbol, il-Qorti rrikonoxxiet, fis-sentenza Donà, iċċitata iktar 'il fuq, punti 14 u 15, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-moviment ħieles ta' persuni u servizzi ma jeskludux regolamenti jew prattiċi li huma ġġustifikati minn raġunijiet mhux ekonomiċi, li jirrigwardaw in-natura u ċ-ċirkustanzi partikolari ta' ċerti logħbiet. Hija enfasizzat madankollu li tali restrizzjoni fuq il-portata tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandha tibqa' limitata għall-obbjettiv propju tagħha. Ma tistax, għaldaqstant, tintuża biex teskludi attività sportiva sħiha mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat.

77      Fir-rigward ta' l-eventwali konsegwenzi ta' din is-sentenza fuq l-organizzazzjoni tal-futbol fit-totalità tiegħu, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li, għalkemm il-konsegwenzi prattiċi ta' kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja għandhom ikunu meqjusa b'reqqa, dan ma jistax ibiddel l-oġġettività tad-dritt u jikkomprometti l-applikazzjoni tiegħu minħabba l-effetti li jista' jkollha deċiżjoni ġudizzjarja. L-aktar, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn l-effetti sabiex jiġi ddeterminat, fil-każ ta' bżonn, il-limitazzjoni ta' l-effetti ta' sentenza fiż-żmien (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Lulju 1992, Legros et, kawża C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 30).

78      L-argument ibbażat fuq allegati analoġiji bejn l-isport u l-kultura lanqas ma jista' jiġi aċċettat, peress li d-domanda mressqa mill-qorti nazzjonali ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju ta' kompetenzi komunitarji ta' portata limitata, bħal dawk ibbażati fuq l-Artikolu 128 (1), iżda fuq il-portata tal-moviment ħieles tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 48, li jikkostitwixxi libertà fundamentali fis-sistema tal-Komunitajiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, kawża C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 16).

79      Fir-rigward ta' l-argumenti bbażati fuq il-prinċipju tal-libertà ta' assoċjazzjoni, għandu jiġi rrikonoxxut li tali prinċipju, iddikjarat mill-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li jemana mit-tradizzjonijiet konstituzzjonali komuni għall-Istati membri, huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, u kif ikkonfermat mill-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma prottetti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju.

80      Madankollu, wieħed ma jistax jikkunsidra li r-regoli li ġew stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi u li għalihom il-qorti nazzjonali tirreferi huma neċessarji biex jiżguraw l-eżerċizzju ta' tali libertà mill-imsemmija assoċjazzjonijiet, mill-klabbijiet jew mill-futbolers, jew li jikkostitwixxu konsegwenza inevitabbli ta' din il-libertà.

81      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta' sussidjarjetà, hekk kif interpretata mill-gvern Ġermaniż, jiġifieri li l-intervent ta' awtoritajiet pubbliċi, u partikolarment ta' dawk komunitarji, fil-materja in kwistjoni għandha tkun limitata għal dak li hu strettament neċessarju, ma jistax ikollha bħala effett li l-awtonomija ta' assoċjazzjonijiet privati jgawdu sabiex jadottaw regolamenti sportivi tirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mit-Trattat.

82      La darba l-oġġezzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat għal attivitajiet sportivi bħal dawk ta' futbolers professjonisti ġew imwarrba, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, hekk kif il-Qorti ddikjarat fil-punt 17 tas-sentenza Walrave, iċċitata iktar 'il fuq hawn fuq, l-Artikolu 48 ma japplikax biss għal azzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, imma jkopri wkoll regolamenti ta' tip ieħor, li għandhom l-iskop li jirregolaw kollettivament l-impjieg bi qligħ.

83      Il-Qorti fil-fatt qieset li l-abolizzjoni fost l-Istati membri ta' l-ostakli għall-moviment ħieles ta' persuni tkun kompromessa jekk l-eliminazzjoni tal-barrieri stabbiliti mill-Istat ikunu nnewtralizzati minn ostakli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta' l-awtonomija legali tagħhom minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li mhumiex irregolati mil-liġi pubblika (ara s-sentenza Walrave, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18).

84      Barra minn hekk, hija osservat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Istati membri differenti huma regolati xi drabi permezz ta' dispożizzjonijiet stabbiliti minn liġi jew regolament u drabi oħra minn ftehim u atti oħra konklużi jew adottati minn persuni privati. Għalhekk, jekk l-iskop ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat ikun limitat għal atti ta' awtorità pubblika, ikun hemm ir-riskju li jinħolqu inugwaljanzi fl-applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza Walrave, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19). Tali riskju jkun iktar apparenti fil-każ bħal dak fil-kawża prinċipali li, kif intqal fil-punt 24 tal-preżenti kawża, ir-regoli ta' trasferiment ġew stabbiliti minn entitajiet jew b'metodi differenti skond l-Istati membri.

85      Il-UEFA ssostni li interpretazzjoni bħal din tirrendi l-Artikolu 48 tat-Trattat aktar restrittiv fir-rigward ta' l-individwi milli fir-rigward ta' l-Istati membri, peress li dawn ta' l-aħħar biss jistgħu jinvokaw il-limitazzjonijiet iġġustifikati b'raġunijiet ta' ordni pubblika, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

86      Dak l-argument huwa bbażat fuq premessa impreċiża. Fil-fatt, mhemm xejn li jżomm lill-individwi milli jinvokaw ġustifikazzjonijiet ta' raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika. In-natura pubblika jew privata tar-regolament in kwistjoni m'għandha l-ebda inċidenza fuq il-portata jew fuq il-kontenut ta' l-imsemmija ġustifikazzjonijiet.

87      Għandu għaldaqstant jiġi konkluż li l-Artikolu 48 tat-Trattat huwa applikabbli għal regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi bħall-URBSFA, il-FIFA jew il-UEFA, li jiddeterminaw it-kundizzjonijiet li fihom sportivi professjonisti jistgħu jeżerċitaw attività mħallsa.

 Fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni pendenti quddiem il-qorti nazzjonali hijiex ta' natura purament interna

88      Il-UEFA tikkunsidra li l-kontestazzjonijiet pendenti quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċernaw sitwazzjoni purament interna għall-Istat Belġjan li ma jaqax fl-isfera ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat. Huma jikkonċernaw, fil-fatt, futboler Belġjan li t-trasferiment tiegħu ma seħħx minħabba l-komportament ta' klabb Belġjan u ta' assoċjazzjoni Belġjana.

89      Ċertament, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta' Marzu 1979, Saunders, kawża 175/78 Ġabra p. 1129, punt 11; tat-28 ta' Ġunju 1984, Moser, kawża 180/83, Ġabra p. 2539, punt 15; tat-28 ta' Jannar 1992, Steen, kawża C-332/90, Ġabra p. I-341, punt 9; u Kraus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15), li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment ħieles tal-ħaddiema, u partikolarment l-Artikolu 48, ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat membru, jiġifieri, fin-nuqqas ta' kull fattur ta' rabta ma' kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju.

90      Madankollu, joħroġ mill-osservazzjonijiet tal-fatti li saru mill-qorti ta' rinviju li J-M. Bosman kien ikkonkluda kuntratt ta' impjieg ma' klabb ta' Stat membru ieħor bl-iskop li jeżerċita xogħol bi ħlas fit-territorju ta' dak l-Istat. Hekk kif sostna ġustament l-interessat, meta għamel hekk, huwa aċċetta offerta ta' impjieg li saret realment, skond l-Artikolu 48(3)(a).

91      Peress li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tiġi kkwalifikata bħala purament interna, l-argument imressaq mill-UEFA għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-preżenza ta' ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema

92      Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi verifikat jekk ir-regoli dwar it-trasferimenti jikkostitwixxux ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, ostaklu pprojbit mill-Artikolu 48 tat-Trattat.

93      Hekk kif il-Qorti kkonstatat ripetutament, il-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiggarantixxu tali libertà għandhom effett dirett sa mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju.

94      Il-Qorti qieset ukoll li t-totalità tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment ħieles tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta' attivitajiet professjonali ta' kull tip fit-territorju tal-Komunità, u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw liċ-ċittadini fil-każ li dawn ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta' Stat membru ieħor (ara s-sentenzi tas-7 ta' Lulju 1988, Stanton, kawża 143/87, Ġabra p. 3877, punt 13, u tas-7 ta' Lulju 1992, Singh, kawża C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 16).

95      F'dan il-kuntest, iċ-ċittadini ta' Stati membri għandhom b'mod partikolari d-dritt, li huma jinvokaw direttament mit-Trattat, li jħallu l-pajjiż ta' oriġini tagħhom sabiex jidħlu fit-territorju ta' Stat membru ieħor u jistabbilixxu ruħhom hemm bil-għan li jwettqu attività ekonomika (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Frar 1991, Roux, kawża C-363/89, Ġabra p. I-273 , punt 9, u Singh, iċċitata iktar 'il quddiem, punt 17).

96      Għaldaqstant, dispożizzjonijiet li jxekklu jew jiskoraġġixxu ċittadin ta' Stat membru milli jħalli l-pajjiż ta' oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment ħieles jikkostitwixxu ostaklu għal din il-libertà, anki jekk dawn huma applikabbli independentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (ara wkoll is-sentenza tas-7 ta' Marzu 1991, Masgio, kawża C-10/90 , Ġabra p. I-1119, punti 18 u 19).

97      Il-Qorti qalet ukoll, fis-sentenza tas-27 ta' Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, (81/87, Ġabra p. 5483, punt 16) li, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta' stabbiliment huma intiżi prinċipalment biex jiżguraw il-benefiċċju ta' trattament nazzjonali fl-Istat Membru li jilqa', dawn jipprojbixxu bl-istess mod lill-Istat membru ta' oriġini milli jostakola l-istabbiliment, fi Stat membru ieħor, ta' ċittadini tiegħu jew ta' kumpanniji mwaqqfa skond il-liġijiet tiegħu, skond l-Artikolu 58. Id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 52 et seq tat-Trattat jiġu pprivati mis-sustanza jekk l-Istat membru ta' oriġini jkun jista' jipprojbixxi lill-intrapriżi milli jitilqu mit-territorju tiegħu sabiex jistabbilixxu ruħhom fi Stat membru ieħor. L-istess kunsiderazzjonijiet huma applikabbli, fir-rigward ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat, għar-regoli li jxekklu l-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' Stat membru li jixtiequ jwettqu attività bi ħlas fi Stat membru ieħor.

98      Issa, huwa veru li r-regoli tat-trasferiment in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huma applikabbli wkoll għal trasferimenti ta' futbolers bejn klabbijiet appartenenti għal assoċjazzjonijiet nazzjonali differenti fi ħdan l-istess Stat membru, u li regoli simili jirregolaw it-trasferimenti bejn klabbijiet membri ta' l-istess assoċjazzjoni nazzjonali.

99      Madankollu, kif diġà osservaw J-M. Bosman, il-gvern Daniż u l-Avukat Ġenerali fil-punti 209 u 210 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali regoli jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta' futbolers li jixtiequ jwettqu l-attività tagħhom fi Stat membru ieħor, billi jostakolawhom jew jiskoraġġuhom milli jitilqu l-klabbijiet tagħhom anki wara l-iskadenza tal-kuntratti ta' impjieg tagħhom ma' dawn il-klabbijiet.

100    Fil-fatt, peress li dawn jipprevedu li futboler professjonista ma jistax iwettaq l-attività tiegħu fi ħdan klabb ġdid stabbilit fi Stat membru ieħor sakemm dan ikun iħallas lill-klabb preċedenti s-somma miftiehma bejn iż-żewġ klabbijiet għat-trasferiment, jew dik iddeterminata skond ir-regolamenti ta' l-assoċjazzjonijiet sportivi, l-imsemmija regoli joħolqu ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema.

101    Hekk kif qalet ġustament il-qorti nazzjonali, din il-konstatazzjoni mhijiex affettwata mill-fatt li r-regoli ta' trasferiment adottati mill-UEFA fl-1990 jistipulaw li r-relazzjoni ekonomika bejn żewġ klabbijiet m'għandhiex tinfluwenza l-attività tal-futboler, li huwa liberu li jilgħab għall-klabb il-ġdid tiegħu. Fil-fatt il-klabb il-ġdid xorta jkun marbut li jħallas il-kumpens in kwistjoni, taħt piena ta' sanzjonijiet li jistgħu jitilgħu sar-radjazzjoni għal djun, ħaġa li twaqqfu bl-iktar mod effikaċi milli jkun jista' jimpjega futboler minn klabb ta' Stat membru ieħor mingħajr ma jħallas il-kumpens dovut.

102    Din il-konklużjoni mhijiex miċħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti, invokata mill-URBSFA u mill-UEFA, li teskludi li l-Artikolu 30 tat-Trattat huwa applikabbli għall-miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu ċerti arranġamenti ta' bejgħ, sakemm dawn japplikaw għall-operaturi kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm dawn jaffettwaw bl-istess mod, fil-liġi u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti nazzjonali u ta' dawk ta' Stati membri oħra (ara s-sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1993, Keck u Mithouard, kawżi magħquda C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punt 16).

103    Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jingħad li, jekk ir-regoli in kwistjoni fil-proċeduri prinċipali huma applikabbli wkoll għat-trasferimenti bejn klabbijiet ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali differenti fi ħdan l-istess Stat membru u huma simili għal dawk li jirregolaw it-trasferimenti bejn klabbijiet ta' l-istess assoċjazzjoni nazzjonali, huma xorta jaffettwaw direttament l-aċċess tal-futbolers għas-suq ta' impjieg fi Stati membri oħra u b'hekk huma kapaċi jxekklu l-moviment ħieles tal-ħaddiema. Huma ma jistgħux għaldaqstant jiġu pparagunati mar-regolamenti dwar l-arranġamenti għall-bejgħ ta' merkanzija li f'Keck u Mithouard ġew ikkwalifikati bħala li jaqgħu barra l-ambitu ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat (ara wkoll, fir-rigward tal-liberta' tal-prestazzjoni ta' servizzi, is-sentenza ta' l-10 ta' Mejju 1995, Alpine Investments, kawża C-384/93 , Ġabra p. I-1141, punti 36 sa 38).

104    Konsegwentement, ir-regoli ta' trasferiment jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, hekk kif ipprojbit bħala prinċipju, mill-Artikolu 48 tat-Trattat. Jista' jkun xorta oħra biss kieku tali regoli kellhom skop leġittimu kompatibbli mat-Trattat u kieku kienu ġġustifikati minn raġunijiet ta' interess ġenerali. Imma anki jekk dan ikun il-każ, l-applikazzjoni ta' tali regoli għandha jkollha l-għan li tiżgura li jintlaħaq l-iskop in kwistjoni u li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju għal sabiex jintlaħaq tali skop (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Kraus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32, u s-sentenza tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, kawża C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).

 Fuq l-eżistenza ta' ġustifikazzjonijiet

105    L-ewwel nett, l-URBSFA, l-UEFA u l-gvernijiet Franċiż u Taljan sostnew li r-regoli ta' trasferiment huma ġġustifikati mill-bżonn li jinżamm bilanċ finanzjarju u sportiv bejn il-klabbijiet u li t-tfittxija għat-talent u t-taħriġ ta' futbolers żgħażagħ jibqgħu sostenibbli.

106    Fid-dawl ta' l-importanza soċjali kunsiderevoli li għandha l-attività sportiva u, b'mod partikolari, il-futbol fil-Komunità, jeħtieġ li wieħed jirrikonoxxi l-leġittimità ta' l-għanijiet li jinżamm bilanċ bejn il-klabbijiet, billi jinżamm grad ta' ugwaljanza fil-possibbiltajiet u l-inċertezza rigward ir-riżultati, kif ukoll li jiġi inkoraġġat ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' futbolers żgħażagħ.

107    Fir-rigward ta' l-ewwel objettiv, J-M. Bosman ġustament irrileva li l-applikazzjoni tar-regoli ta' trasferiment mhijiex mezz adegwat biex jinżamm bilanċ finanzjarju u sportiv fid-dinja tal-futbol. Tali regoli la jimpedixxu lill-klabbijiet l-aktar sinjuri li jakkwistaw is-servizzi ta' l-aqwa futbolers u lanqas ma jżommu d-disponibbbiltà ta' riżorsi finanzjarji milli tkun fattur deċiżiv fil-kompetizzjoni sportiva, u b'hekk jiġi pperikolat b'mod kunsiderevoli l-bilanċ bejn il-klabbijiet.

108    Fir-rigward tat-tieni obbjettiv, jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut li l-prospettiva li jiġi mħallas kumpens għat-trasferiment, għall-promozzjoni jew għat-taħriġ x'aktarx tkun ta' natura li tinkoraġġixxi l-klabbijiet tal-futbol ifittxu talent ġdid u sabiex jiġi żgurat it-taħriġ ta' futbolers żgħażagħ.

109    Madankollu, minħabba l-impossibbiltà li jiġi mbassar b'ċertezza l-futur sportiv tal-futbolers żgħażagħ u peress li numru limitat biss ta' futbolers bħal dawn ikomplu jilagħbu fuq livell professjonali, dawn il-kumpensi huma karatterizzati minn natura ta' eventwalità u ta' inċertezza u, fi kwalunkwe każ, huma indipendenti mill-ispiża attwali tal-klabbijiet sabiex iħarrġu kemm lill-futbolers professjonisti tal-ġejjieni kif ukoll dawk li mhux ser jilagħbu fuq livell professjonali. F'tali ċirkustanzi, il-prospettiva li jitħallas kumpens ma jistax għaldaqstant jikkostitwixxi fattur deċisiv sabiex jiġi inċentivat ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' futbolers żgħar, u tant inqas ikun mezz adegwat biex jiġu ffinanzjati attivitajiet bħal dawn, partikolarment fil-każ ta' klabbijiet żgħar.

110    Minbarra dan, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punti 226 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess għanijet jistgħu jintlaħqu almenu bl-istess effikaċja permezz ta' mezzi oħra li ma jfixklux il-moviment ħieles tal-ħaddiema.

111    Ġie sostnut ukoll li r-regoli ta' trasferiment huma neċessarji għas-salvagwardja ta' l-organizzazzjoni dinjija tal-futbol.

112    F'dan ir-rigward, ta' min wieħed josserva li l-proċedura preżenti tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli fi ħdan il-Komunità u mhux ir-relazzjonijiet bejn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' l-Istati membri u dawk ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta' regoli differenti għal trasferimenti bejn klabbijiet ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Komunità u għal trasferimenti bejn dawn il-klabbijiet u dawk affiljati ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżi terzi mhumiex ta' natura li joħolqu xi diffikultà partikolari. Fil-fatt, kif jidher ċar mill-punti 22 u 23 hawn fuq, ir-regoli li sa issa rregolaw it-trasferimenti fi ħdan assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' ċerti Stati membri huma differenti minn dawk applikabbli fuq livell internazzjonali.

113    Fl-aħħar nett, l-argumenti li jgħidu li l-imsemmija regoli huma neċessarji biex jikkumpensaw għall-ispejjeż li kellhom iġġarbu l-klabbijiet permezz tal-ħlas tal-kumpens għar-reklutaġġ tal-futbolers tagħhom ma jistax jiġi aċċettat, peress li dan ifittex li jiġġustifika l-fatt li jibqgħu fis-seħħ ostakli għall-moviment ħieles tal-ħaddiema għas-sempliċi raġuni li ostakli bħal dawn setgħu eżistew fil-passat.

114    Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda hija fis-sens li l-Artikolu 48 tat-Trattat jeskludi l-applikazzjoni ta' regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi, li jgħidu li futboler professjonista ċittadin ta' Stat membru wieħed ma jistax, ma' l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ma' klabb, jiġi impjegat minn klabb ta' Stat membru ieħor, ħlief jekk dan il-klabb ikun ħallas lill-klabb preċedenti kumpens għat-trasferiment, għat-taħriġ u għall-promozzjoni.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat fir-rigward tal-klawżoli ta' nazzjonalità

115    It-tieni domanda tal-qorti nazzjonali, fis-sustanza, hija dwar jekk l-Artikolu 48 tat-Trattat jeskludix l-applikazzjoni ta' regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi, li jgħidu li, fil-logħbiet tal-kompetizzjonijiet organizzati minnhom, il-klabbijiet tal-futbol jistgħu jilagħbu biss numru limitat ta' futbolers professjonisti li huma ċittadini ta' Stati membri oħra.

 Fuq il-preżenza ta' ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema

116    Hekk kif ikkonstatat il-Qorti fil-punt 87 iktar 'il quddiem, l-Artikolu 48 tat-Trattat huwa applikabbli għal regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom futbolers professjonisti jistgħu jeżerċitaw attività mħallsa. Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk il-klawżoli ta' nazzjonalità jikkostitwixxux ostaklu għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, kif ipprojbit mill-imsemmi Artikolu.

117    L-Artikolu 48(2) jipprovdi b'mod espliċitu li l-moviment ħieles tal-ħaddiema jimplika abolizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn ħaddiema ta' l-Istati membri, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjieg, mal-ħlas u mal-kundizzjonijiet ta' xogħol.

118    Tali dispożizzjoni ġiet implementata, b'mod partikolari, mill-Artikolu 4 tar-Regolament KEE Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU, L257, p. 2), li jgħid li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi ta' l-Istati membri li jillimitaw, fin-numru jew fil-perċentwali, l-impjieg ta' barranin f'intrapriża, f'settur ta' attività, f'reġjun jew fuq livell nazzjonali, mhumiex applikabbli għaċ-ċittadini ta' l-Istati membri l-oħra.

119    L-istess prinċipju huwa applikabbli għall-klawżoli li hemm fir-regolamenti ta' assoċjazzjonijiet sportivi li jirrestrinġu d-dritt taċ-ċittadini ta' Stati membri oħra li jipparteċipaw, in kwantu futbolers professjonisti, f'logħbiet tal-futbol (ara s-sentenza Donà, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

120    F'dan ir-rigward, il-fatt li tali klawżoli ma jikkonċernawx l-impjieg ta' futbolers bħal dawn, li mhuwiex ristrett, iżda l-possibbiltà tal-klabbijiet tagħhom li jilagħbuhom f'logħba uffiċjali, huwa irrelevanti. Peress li parteċipazzjoni f'logħbiet bħal dawn hija l-iskop essenzjali ta' l-attività ta' futboler professjonista, huwa ovvju li regola li tirrestrinġi tali parteċipazzjoni tirrestrinġi wkoll il-possibbiltà ta' reklutaġġ tal-futboler ikkonċernat

 Fuq l-eżistenza ta' ġustifikazzjonijiet

121    Issa li l-preżenza ta' ostaklu ġiet stabbilita, għandu jiġi verifikat jekk tali ostaklu jistax ikun iġġustifikat fid-dawl ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat.

122    L-URBSFA, l-UEFA, kif ukoll l-gvernijiet Ġermaniż, Franċiż u Taljan isostnu li l-klawżoli ta' nazzjonalità huma ġġustifikati fuq bażijiet li mhumiex ekonomiċi, li jikkonċernaw unikament l-isport in kwantu tali.

123    Fil-fatt, huma jservu, l-ewwel nett, biex tiġi ppreżervata r-rabta tradizzjonali bejn kull klabb u l-pajjiż tiegħu, fattur ta' importanza kbira biex jgħin il-pubbliku jidentifika mat-tim favorit tiegħu u sabiex jiżgura li l-klabbijiet li jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet internazzjonali jirrapreżentaw b'mod effettiv lil pajjiżhom.

124    Fit-tieni nett, tali klawżoli huma neċessarji biex tinħoloq riżerva suffiċjenti ta' futbolers nazzjonali li tippermetti lit-timijiet nazzjonali jilagħbu futbolers ta' livell għoli fil-pożizzjonijiet kollha tat-tim.

125    Fit-tielet nett, dawn jikkontribwixxu biex jinżamm bilanċ sportiv bejn il-klabbijiet, billi jevitaw li l-klabbijiet l-aktar sinjuri jakkwistaw is-servizzi ta' l-aqwa futbolers.

126    Fl-aħħar nett, l-UEFA tenfasizza li r-regola "3 + 2" ġiet elaborata f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u li għandha tiġi rriveduta b'mod regolari biex tibqa' aġġornata ma' l-iżvilupp tal-politika Komunitarja.

127    Għandu jiġi mfakkar li fil-punti 14 u 15 tas-sentenza Donà, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti rrikonoxxiet li d-dispożizzjonijiet fit-Trattat dwar il-moviment ħieles għal persuni ma tipprekludix regolamenti jew prattiċi li jeskludu futbolers barranin minn ċerti logħbiet għal raġunijiet li mhumiex ta' natura ekonomika, li jirrigwardaw in-natura u l-kuntest partikolari ta' logħbiet bħal dawn u li huma għaldaqstant ta' interess sportiv biss, bħal, per eżempju, logħbiet bejn timijiet nazzjonali minn pajjiżi differenti. Hija enfasizzat, madankollu, li din ir-restrizzjoni fuq il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandha tibqa' limitata għall-għan tagħha.

128    F'dan il-każ, il-klawżoli ta' nazzjonalità m'għandhomx x'jaqsmu mal-logħbiet speċifiċi bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiżi tagħhom, imma huma applikabbli għal-logħbiet uffiċjali kollha bejn klabbijiet u għalhekk għall-parti essenzjali ta' l-attività ta' futbolers professjonisti.

129    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-klawżoli ta' nazzjonalità ma jistgħux jitqiesu li huma konformi ma' l-Artikolu 48 tat-Trattat, għax b'hekk din id-dispożizzjoni jitneħħiela l-effett utli tagħha u d-dritt fundamentali tal-libertà ta' aċċess għall-impjieg li t-Trattat jagħti lil kull ħaddiem fil-Komunità jiġi mxejjen (dwar dan l-aħħar punt, ara s-sentenza tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens, kawża 222/86, Ġabra p. 4097, punt 14).

130    L-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-assoċjazzjonijiet sportivi u mill-gvernijiet li ppreżentaw xi osservazzjonijiet mhuwa suffiċjenti biex tiġi kkontestata din il-konklużjoni.

131    L-ewwel nett, ir-rabta bejn il-klabb tal-futbol u l-Istat membru li fih huwa stabbilit ma jistax jitqies bħala aktar essenzjali fl-attività sportiva tiegħu mir-rabtiet tiegħu mal-lokalita', belt, reġjun tiegħu, jew, fil-każ tar-Renju Unit, mat-territorju kopert minn kull waħda mill-erba' assoċjazzjonijiet. Barra minn hekk, anki jekk il-kampjonati nazzjonali jġibu kontra xulxin klabbijiet ta' reġjunijiet, bliet jew lokalitajiet differenti, l-ebda regola ma tillimita d-dritt ta' klabbijiet li jilagħbu futbolers minn reġjuni, bliet jew lokalitajiet oħra f'dawn il-logħbiet.

132    Minbarra dan, fil-kompetizzjonijiet internazzjonali, il-parteċipazzjoni hija limitata għall-klabbijiet li laħqu ċerti riżultati sportivi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, mingħajr ma tingħata xi importanza partikolari lin-nazzjonalità tal-futbolers tagħhom.

133    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, filwaqt li timijiet nazzjonali għandhom ikunu komposti minn futbolers li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ikkonċernat, tali futbolers m'għandhomx neċessarjament ikunu rreġistrati biex jilagħbu għall-klabbijiet f'dan il-pajjiż. Fil-fatt, skond ir-regolamenti ta' l-assoċjazzjonijiet sportivi, futbolers barranin għandhom jitħallew jilagħbu mill-klabbijiet tagħhom għat-tim nazzjonali tal-pajjiż oriġinali tagħhom f'ċerti logħbiet.

134    Minbarra dan, għalkemm il-moviment ħieles tal-ħaddiema, billi jirrendi s-suq tax-xogħol fi Stat membru aċċessibbli għal ċittadini ta' Stati membri oħra, għandu l-effett li jnaqqas l-opportunitajiet għaċ-ċittadini nazzjonali li jsibu impjieg fit-territorju ta' l-Istat membru tagħhom, dan jista' mill-banda l-oħra joffrilhom prospetti ġodda ta' impjieg fi Stati membri oħra. Ovvjament, kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma applikabli wkoll għal futbolers professjonisti.

135    It-tielet nett, fir-rigward taż-żamma ta' l-ugwaljanza sportiva, jeħtieġ li jiġi osservat li għalkemm intqal li l-klawżoli ta' nazzjonalità jimpedixxu l-aktar klabbijiet sinjuri milli jakkwistaw l-aqwa futbolers barranin, tali klawżoli mhumiex suffiċjenti biex jilħqu l-iskop li jżommu bilanċ kompettitiv, peress li mhemm l-ebda regola li tillimita l-possibbiltà li dawn il-klabbijiet jirreklutaw l-aħjar futbolers nazzjonali, u b'hekk dan il-bilanċ ikun qiegħed jiġi kompromess xorta waħda.

136    Fl-aħħar nett, rigward l-argument ibbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-elaborazzjoni tar-regola "3 + 2", għandu jintqal li, ħlief fejn kompetenzi bħal dawn huma espressament mogħtija lilha, il-Kummissjoni ma tistax tagħti garanziji dwar il-kompatibbiltà ta' prattika speċifika mat-Trattat (ara wkoll is-sentenza tas-27 ta' Mejju 1981, Essevi u Salengo, kawżi 142/80 u 143/80, Ġabra p. 1413, punt 16). Fl-ebda ċirkustanza m'għandha l-poter li tawtorizza prattiċi li jmorru kontra t-Trattat.

137    Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-Artikolu 48 tat-Trattat jipprekludi l-applikazzjoni ta' regoli maħruġa minn assoċjazzjonijiet sportivi li jgħidu li, fil-logħbiet tal-kompetizzjonijiet organizzati minnhom, il-klabbijiet tal-futbol jistgħu jilagħbu biss numru limitat ta' futbolers professjonisti ċittadini ta' Stati membri oħra.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat

138    Peress li ż-żewġ tipi ta' regoli li għalihom tirreferi d-domanda preliminari jmorru kontra l-Artikolu 48, m'hemmx bżonn li l-Qorti tippronunzja ruħha dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat.

 Fuq l-effetti temporali tas-sentenza in kwistjoni

139    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, l-UEFA u l-URBSFA ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti fuq il-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw mis-sentenza tagħha għall-organizzazzjoni tal-futbol fit-totalità tagħha, kieku din kellha tqis li r-regoli ta' trasferiment u l-klawżoli ta' nazzjonalità jkunu inkompatibbli mat-Trattat.

140    Minn naħa tiegħu, J-M. Bosman, filwaqt li osserva li soluzzjoni bħal din mhijiex indispensabbli, issuġġerixxa li l-Qorti setgħet tillimita fiż-żmien l-effetti ta' din is-sentenza, għal dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' trasferiment.

141    Skond ġurisprudenza kostanti, l-interpretazzjoni li l-Qorti tl-Ġustizzja tagħti ta' regola tad-dritt komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 177 tat-Trattat, tiċċara u tippreċiża, fejn ikun hemm bżonn, it-tifsira u l-portata ta' din ir-regola, hekk kif għandha jew kif kellha tkun, mifhuma u applikata mill-mument meta din ġiet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista', u għandha, tiġi applikata mill-qrati stess għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni, jekk barra minn hekk il-kundizzjonijiet li sabiex titressaq kontestazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dik ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta' Frar 1988, Blaizot, kawża 24/86, Ġabra p. 379, punt 27).

142    Huwa biss fil-każ ta' eċċezzjoni li l-Qorti għandha tintrabat, permezz ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta' ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku komunitarju, li tirrestrinġi l-possibbiltà ta' kwalunkwe persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni hekk interpretata bl-iskop li tressaq domanda dwar relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede. Restrizzjoni bħal din tista' tiġi permessa biss mill-Qorti, fl-istess sentenza li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni li qegħda tintalab (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Blaizot, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28, u Legros et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

143    Fil-każ preżenti, il-karatteristiċi speċifiċi tar-regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi għat-trasferimenti ta' futbolers bejn klabbijiet ta' Stati membri differenti, flimkien mal-fatt li l-istess regoli, jew regoli simili, japplikaw għat-trasferimenti kemm bejn klabbijiet ta' l-istess assoċjazzjoni nazzjonali kif ukoll bejn klabbijiet appartenenti għal assoċjazzjonijiet nazzjonali differenti fi ħdan l-istess Stat membru, setgħu ħolqu stat ta' inċertezza dwar il-kompatibbiltà ta' l-imsemmija regoli mal-liġi Komunitarja.

144    F'dawn iċ-ċirkustanzi, kunsiderazzjonijiet aktar importanti ta' ċertezza legali jeskludu li ssir domanda sabiex sitwazzjonijiet legali li l-effetti tagħhom ġew annullati fil-passat jerġgħu jitqajmu. Eċċezzjoni għandha, madankollu, issir favur persuni li ħadu passi f'ħinhom biex jissalvagwardaw id-drittijiet tagħhom. Fl-aħħar nett, għandu jiġi preċiżat li l-limitazzjoni ta' l-effetti ta' l-imsemmija interpretazzjoni tista' tiġi permessa fir-rigward biss ta' kumpens għal trasferiment, għal taħriġ jew għal promozzjoni li diġà tħallas, jew li għadu jrid jitħallas taħt obbligu li nħoloq qabel id-data ta' din is-sentenza.

145    Għandu għaldaqstant ikun konkluż li l-effett dirett ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat ma jistax jiġi invokat biex isaħħaħ rivendikazzjonijiet ta' kumpens ta' trasferiment, taħriġ jew promozzjoni li diġà tħallas, jew li għadu jrid jitħallas taħt obbligu li nħoloq qabel id-data ta' din is-sentenza, ħlief għal dawk l-individwi li ressqu azzjoni quddiem il-qorti jew li qajmu talba ekwivalenti skond il-liġi nazzjonali applikabbli qabel din id-data.

146    Fir-rigward ta' klawżoli ta' nazzjonalità, madankollu, mhemmx bażi għal limitazzjoni fiż-żmien ta' l-effetti ta' din is-sentenza. Fid-dawl tas-sentenzi Walrave u Donà, iċċitati iktar 'il quddiem, ma kienx raġonevoli għall-partijiet ikkonċernati li jqisu li d-diskriminazzjonijiet li kienu jirriżultaw minn dawn il-klawżoli kienu kompatibbli ma' l-Artikolu 48 tat-Trattat.

 Fuq l-ispejjeż

147    L-ispejjeż tal-gvern Daniż, dak Franċiż, dak Ġermaniż u dak Taljan u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, għandha n-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

B'risposta għad-domandi magħmula mill-Cour d'Appel ta' Liège, b'deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 1993, taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 48 tat-Trattat jipprekludi l-applikazzjoni ta' regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi, li jgħidu li futboler professjonista ċittadin ta' Stat membru wieħed ma jistax, ma' l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ma' klabb, jiġi impjegat minn klabb ta' Stat membru ieħor, ħlief jekk dan il-klabb ikun ħallas lill-klabb preċedenti kumpens għat-trasferiment, għat-taħriġ u għall-promozzjoni.

2)      L-Artikolu 48 tat-Trattat jeskludi l-applikazzjoni ta' regoli maħruġa minn assoċjazzjonijiet sportivi li jgħidu li, fil-logħbiet tal-kompetizzjonijiet organizzati minnhom, il-klabbijiet tal-futbol jistgħu jilagħbu biss numru limitat ta' futbolers professjonisti ċittadini ta' Stati membri oħra.

3)      L-effett dirett ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat ma jistax jiġi invokat biex isaħħaħ ir-rivendikazzjonijiet ta' kumpens ta' trasferiment, taħriġ jew promozzjoni li diġà tħallas, jew li għadu jrid jitħallas taħt obbligu li nħoloq qabel id-data ta' din is-sentenza, ħlief għal dawk l-individwi li ressqu azzjoni quddiem il-qorti jew li qajmu talba ekwivalenti skond il-liġi nazzjonali applikabbli qabel dik id-data.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.