SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

26 ta' Jannar 1993 (*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE - Kundizzjonijiet"

Fil-kawżi magħquda C-320/90,C-321/90 u C-322/90,

li għandhom bħala suġġett talbiet indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Pretura di Frascati (l-Italja), intiżi li jiksbu, fil-kawżi pendenti quddiem din il-qorti fl-ismijiet

Telemarsicabruzzo SpA

vs

Circostel, il-Ministero delle Poste e Telecomunicazioni u l-Ministero della Difesa,

u

Telaltitalia Srl

vs

Circostel, il-Ministero delle Poste e Telecomunicazioni u l-Ministero della Difesa,

u

Telelazio SpA

vs

Circostel, il-Ministero delle Poste e Telecomunicazioni u l-Ministero della Difesa,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 85, 86 u 90 tat-Trattat KEE, fir-rigward ta' l-aġir tal-Gvern Taljan fil-qasam ta' l-assenjazzjoni ta' kanali UHF intiżi għal xandiriet televiżivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn O. Due, President, C.N. Kakouris, G.C. Rodríguez Iglesias, M. Zuleeg u J.L. Murray, Presidenti ta' Awla, J.F. Mancini, R.Joliet, F.A. Schockweiler, J.C. Moitinho de Almeida, F.Grévisse, M. Díez de Velasco, P.J.G. Kapteyn u D.A.O. Edward, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Gulmann,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għall-kumpannija Telemarsicabruzzo SpA, minn Giorgio Rubini, Avukat fi Frascati

–        għall-Kumpannija Telelazio SpA, minn Fabrizio Paoletti, Avukat ma l-Avukatura ta' Ruma,

–        għall-Gvern Taljan, mill-Professur Luigi Ferrari Bravo, Kap tal-Kontenzjuż Diplomatiku tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, assistit minn Sergio Laporta, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn Enrico Traversa, membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġent

wara li rati r-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni fis-seduta tad-9 ta' Ġunju 1992,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Ottubru 1992,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digrieti ta' l-4 ta' Settembru 1990, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Ottubru 1990, il-Vice Pretore di Frascati (l-Italja), ressaq, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qassam tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta' ċerti aspetti ta' sistema nazzjonali ta' qsim ta' frekwenzi għal benefiċċju tas-servizz ta' xandir televiżiv.

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawżi bejn, rispettivament, il-kumpanniji Telemarsicabruzzo, Telealtalia u Telelazio, sidien ta' emittenti ta' xandir televiżiv, u Circostel (Circolo Costruzioni Telegrafiche e Telefoniche di Roma, Dipartiment tal-Kostruzzjoni tan-netwerkejiet telegrafiċi u telefoniċi ta' Ruma), il-Ministeru tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-Ministeru tad-Difiża.

3        Sabiex jispjega dawn id-domandi, il-Vice Pretore di Frascati, fil-kawżi C-320/90 u C-322/90, wara li kkwota l-kliem ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat KE, jillimita ruħu li jsostni li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull forma ta' monopolju. Fil-kawża C-321/90, il-qorti nazzjonali żżid li tqajmet quddiemha problema ta' kompetenza. Hija tqis madankollu li, minħabba s-supremazija tad-dritt Komunitarju, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi eżaminata minnha qabel ma tkun għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tippreċiża, barra minn hekk, li, anki jekk hija inkompetenti, dawn id-domandi huma ġġustifikati għal motivi ta' ekonomija ta' proċedura.

4        Id-domandi preliminari, magħmula mill-Vice Pretore di Frascat, huma fformulati kif ġej:

"1)      Il-fatt li l-Gvern Taljan irriżserva għalih l-użu ta' ċerti kanali għax-xandir televiżiv, billi impedixxa li s-settur privat ikun jista' jiddisponi minn dawn il-kanali, li huma inklużi bejn il-frekwenzi 67 u 99 UHF, u b'mod partikolari l-kanali 67, 68 u 69, mingħajr ma jħabbar regoli ta' koordinazzjoni fuq l-użu ta' dawn il-kanali, jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikoli 85(3) u 86 tat-Trattat?

2)      Tali aġir huwa kompatibbli mat-Trattat ta' Ruma u mar-regoli dwar il-kompetizzjoni?"

5        Il-Kummissjoni tosserva, qabel kollox, li d-digrieti ta' rinviju huma partikolarment lakonici u nieqsa minn preċiżazzjonijiet dwar l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jippermettu li jiġi identifikat l-għan tad-domandi magħmula, u għaldaqstant li jinftehmu s-sens u l-portata tagħhom.

6        Hemm lok li tiġi mfakkra li n-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din jiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolamentari li fihom jidħlu d-domandi li hija tagħmel jew li almenu tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati.

7        Dawn l-eżiġenzi huma applikabbli b'mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta' fatt u ta' dritt kumplessi.

8        Issa, id-digrieti ta' rinviju ma fihom ebda indikazzjoni f'dan ir-rigward.

9        Ċertament, l-inkartament mibgħut mill-qorti nazzjonali u l-osservazzjonijiet bil-miktub ipprovdew ċerta informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mir-rapport tas-seduta, kif ukoll l-osservazzjonijet ippreżentati mill-partijiet fis-seduta. Madankollu, din hija frammentarja u ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba nuqqas ta' konoxxenza suffiċjenti tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, tintepreta r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża, kif qed titlobha tagħmel il-qorti nazzjonali.

10      F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq id-domandi magħmula mill-Vice Pretore di Frascati.

 Fuq l-ispejjeż

11      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fid-dawl tad-domandi magħmula lilha mill-Vice Pretore di Frascati, permezz ta' digrieti ta' l-4 ta' Settembru, tiddikjara:

M'hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq id-domandi magħmula.

Due

Kakouris

Rodríguez Iglesias

Zuleeg

Murray

Mancini

Joliet

Schockweiler

Moitinho de Almeida

Grévisse

Díez de Velasco

Kapteyn

Edward

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Jannar 1993

J. G. Giraud

 

      O. Due

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.