NAT/944
Ir-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal Patt Ewropew għall-Oċeani
OPINJONI
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Ir-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għal Patt Ewropew għall-Oċeani
(opinjoni esploratorja mitluba mill-Kummissjoni Ewropea)
Relatur: Javier GARAT PÉREZ
|
Konsulent
|
Daniel VOCES DE ONAÍNDI (għar-relatur)
|
|
|
|
|
Konsultazzjoni
|
Ittra mill-Kummissjoni Ewropea, 2/12/2024
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
12/3/2025
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
50/0/1
|
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-President von der Leyen inkludiet il-Patt Ewropew għall-Oċeani fost il-prijoritajiet għall-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni. Fil-fehma tal-KESE, il-Patt għandu jiffoka fuq l-isfruttar tal-potenzjal tal-ekonomija blu, jiżgura ambjent tan-negozju kompetittiv, effiċjenti u innovattiv, b’qafas regolatorju semplifikat, u jrawwem il-kooperazzjoni mal-imsieħba globali fi ħdan il-limiti tal-pjaneta. Il-KESE jappella għal approċċ olistiku li jgħaqqad il-prosperità ekonomika u l-kompetittività mar-riġenerazzjoni ambjentali u l-promozzjoni tal-ekwità soċjali.
1.2Il-KESE jirrakkomanda Patt Ewropew allinjat mill-qrib mal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ekonomija Blu, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jiffoka kemm fuq l-industriji marittimi kif ukoll fuq dawk ibbażati fuq l-art u li jkun allinjat ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Industrija Nadifa u l-Istrateġija Industrijali Marittima, biex jiġu żgurati l-koerenza u impatt sinifikanti. Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li tissaħħaħ l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u li jiġu evalwati l-politiki eżistenti bħall-Politika Komuni tas-Sajd. Il-Patt għandu jikkontribwixxi biex l-objettivi tal-kompetittività, l-awtonomija strateġika u s-sostenibbiltà jintlaħqu kemm jista’ jkun malajr.
1.3Il-Patt għandu jsaħħaħ u jtejjeb il-qafas ta’ governanza marittima Ewropea permezz ta’ koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-politiki u l-korpi eżistenti, u b’hekk jevita l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni tal-isforzi. Bl-istess mod, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-ftehimiet internazzjonali, jissaħħu l-isforzi diplomatiċi u jitrawmu networks ta’ kollaborazzjoni bejn il-komunitajiet kostali, is-setturi produttivi u x-xjenzati. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu gruppi ta’ ħidma speċifiċi fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha b’tema ċentrali: l-ibħra u l-oċeani.
1.4Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej b’kompetenza fi kwistjonijiet tal-oċeani, bl-għan li jiġi ottimizzat il-ġbir tad-data u tal-għarfien, jitrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiġi promoss approċċ olistiku. Eżempju ta’ prattika tajba f’dan ir-rigward huwa l-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta.
1.5Il-KESE jirrakkomanda li jiġi rivedut l-ippjanar tal-ispazju marittimu biex jiġu ffaċilitati s-sinerġiji u jiġu bbilanċjati l-interessi kunfliġġenti li jirriżultaw mill-espansjoni ta’ industriji marittimi ġodda bħall-enerġija lil hinn mill-kosta, u li dan is-settur jintalab jinvesti mill-ġdid parti mill-introjtu tiegħu fil-komunitajiet lokali. Għandu jiġi promoss approċċ ta’ koeżistenza pożittiva, li jħeġġeġ l-użu multiplu taż-żoni tal-baħar kull fejn ikun possibbli, u għandu jiġi applikat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema biex jiġu ssalvagwardjati l-bijodiversità u l-ħabitats tal-baħar. Huwa kruċjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-aktar setturi vulnerabbli, bħas-sajd, fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġu protetti ż-żoni tas-sajd tradizzjonali u jiġi żgurat użu sostenibbli tal-ispazju marittimu.
1.6Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ “Alleanza industrijali għall-Ktajjen tal-Valur tal-Ekonomija Blu” li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (in-negozji, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, dawk li jfasslu l-politika u l-investituri). Dan il-forum se jservi biex jippromovi l-kollaborazzjoni u n-networking bl-għan li jiġu żviluppati bastimenti sostenibbli u teknoloġiji marittimi diġitalizzati, tiġi żgurata r-reżiljenza tal-katina tal-provvista u jitrawmu l-innovazzjoni, is-sostenibbilta u l-kompetittività. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ikel blu sal-2026.
1.7Il-KESE jitlob li jiġi mobilizzat finanzjament għal azzjoni dwar l-oċeani b’appoġġ għall-SDG 14. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jiġi mobilizzat finanzjament pubbliku u privat għal proġetti għar-restawr u l-konservazzjoni tal-baħar, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija blu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti linji baġitarji speċifiċi għall-oċeani f’fondi orizzontali bħall-Orizzont jew il-Fond Soċjali Ewropew u li jissaħħu l-fondi settorjali bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA).
1.8Ix-xjenza hija essenzjali għall-ġestjoni effiċjenti tal-oċeani. Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali, tiġi promossa l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-baħar u jiġu allokati aktar riżorsi lill-istituti tar-riċerka. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-għarfien xjentifiku jissarraf f’politiki effettivi għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli.
1.9Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora dimensjoni soċjali fil-Patt, li tiżgura tranżizzjoni ġusta u diġitali fis-settur marittimu b’appoġġ komprensiv għall-ħaddiema. Dan jirrikjedi li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema, jitrawwem it-tiġdid ġenerazzjonali permezz ta’ inizjattivi mmirati biex jattiraw liż-żgħażagħ, tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema u jiġi ffaċilitat it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet. Huwa essenzjali li jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-partijiet ikkonċernati u l-imsieħba soċjali f’dan il-proċess. Il-wirt kulturali marittimu għandu jiġi ppreżervat ukoll u għandu jiġi żgurat appoġġ immirat għall-ħaddiema li ma jistgħux jiġu riallokati.
1.10Sabiex jiġi żgurat li l-industrija marittima tiffjorixxi u tibqa’ fl-Ewropa, huwa essenzjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u li jiġi kkonsolidat raggruppament marittimu b’saħħtu b’objettivi ċari ta’ dekarbonizzazzjoni. Huwa meħtieġ investiment urġenti fl-e-fjuwils, l-innovazzjoni teknoloġika, l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, b’mod partikolari l-enerġija mill-marea, u l-produzzjoni lokali ta’ dawn is-soluzzjonijiet.
1.11Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, jirrakkomanda li jinħoloq mekkaniżmu komprensiv għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress tal-Patt fuq bażi regolari. Dan il-mekkaniżmu għandu jkun ispirat mill-mudelli stabbiliti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u jinkludi l-ħatra ta’ bord ta’ membri permanenti tal-KESE, biex b’hekk jiġu żgurati l-kontinwità, it-trasparenza u r-rappreżentattività fil-proċess ta’ monitoraġġ.
2.Kummenti ġenerali
2.1Il-Patt Ewropew għall-Oċeani għandu l-għan li jippromovi approċċ komprensiv u koerenti għall-politiki kollha relatati mal-oċeani. Dan jirrikjedi t-tisħiħ tar-riċerka tal-baħar, is-salvagwardja tal-ekosistemi tal-baħar, l-innovazzjoni u l-għarfien, u t-tisħiħ tal-ekonomija blu. Il-komunitajiet kostali huma l-qalba tal-Patt, u l-fehim tal-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom huwa essenzjali biex jiġu żviluppati politiki effettivi.
2.2Il-KESE jirrikonoxxi li l-komunitajiet kostali qed jiffaċċjaw ħafna sfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-Patt jista’ jkun għodda ewlenija li tgħin sabiex dawn jiġu indirizzati. F’dan ir-rigward, il-Patt irid jipprovdi pedament sod għall-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, it-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali fi ħdan il-limiti tal-pjaneta. Dan għandu jkollu l-għan li jappoġġja oċeani b’saħħithom u produttivi u jsegwi tranżizzjoni ġusta u diġitali. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tkabbir tal-industriji tal-baħar ġodda, il-Patt għandu jesplora mudelli ta’ governanza tal-oċeani li l-UE tista’ tippromovi kemm fl-ilmijiet tagħha stess kif ukoll fi nħawi oħra tad-dinja. Il-Patt għandu jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet kostali għad-diżastri naturali, u jippromovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
3.Rakkomandazzjonijiet speċifiċi b’appoġġ għal oċeani b’saħħithom u produttivi
3.1Il-KESE jirrakkomanda li l-Patt jindirizza l-elementi li ġejjin għal oċeani reżiljenti u produttivi:
3.1.1L-appoġġ għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija blu: permezz ta’ investimenti u innovazzjoni f’teknoloġiji newtrali għall-klima, is-saħħa tal-ekosistemi u tranżizzjoni ġusta. Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ proċess urġenti ta’ semplifikazzjoni leġiżlattiva u ta’ tnaqqis tal-burokrazija ta’ mill-inqas 25 % għan-negozji u 35 % għall-SMEs. L-UE trid tistinka għal ktajjen tal-valur reżiljenti, lokali u qosra li jagħtu prijorità lill-iżvilupp komprensiv tas-setturi marittimi tagħna, lill-benesseri, lir-riġenerazzjoni tal-ekosistemi u lill-komunitajiet kostali.
3.1.2L-investiment u l-innovazzjoni fl-industriji marittimi: l-UE għandha tipproponi miżuri biex tattira l-investiment privat u ttejjeb il-kompetittività u l-iżvilupp tal-intrapriżi. L-UE għandha tħeġġeġ il-ħolqien ta’ ċentri ta’ innovazzjoni tal-ekonomija blu, u tippromovi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, in-negozji u dawk li jfasslu l-politika. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippromovu l-appoġġ għan-negozji ġodda marittimi permezz ta’ aċċess aħjar għall-finanzjament u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati. Il-KESE jirrakkomanda li jiżdied l-investiment fir-riċerka permezz tal-baġits tal-Istat u jistieden lill-UE żżid il-finanzjament għar-riċerka dwar l-oċeani.
3.1.3Awtonomija strateġika Ewropea f’oqsma ewlenin bħall-ikel, l-enerġija u t-trasport: l-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipproduċi r-riżorsi tagħha stess u tnaqqas id-dipendenza minn fornituri esterni. It-trawwim tal-innovazzjoni lokali f’dawn l-oqsma huwa kruċjali biex jiġu żgurati l-indipendenza u r-reżiljenza tagħhom għall-isfidi globali. Barra minn hekk, hemm bżonn li tittejjeb u tiġi protetta l-infrastruttura interna u li jiġu adottati politiki li jqisu s-sovranità tal-ikel kif ukoll il-fatturi soċjali u ekonomiċi tan-negozji.
3.1.4Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ikel blu sal-2026 sabiex l-“ikel blu” jiġi integrat fil-politiki u l-istrateġiji dwar l-ikel u l-konsum. Dan il-pjan għandu jitqies bħala komponent ewlieni fil-Viżjoni għall-Futur tal-Agrikoltura u l-Ikel. Dan imbagħad jagħti spinta lid-dieti sikuri, tajbin għas-saħħa u b’impronta tal-karbonju baxxa fl-Ewropa. L-UE għandha timplimenta politiki u toffri inċentivi għal irkaptu tas-sajd selettiv u b’impatt baxx, għat-tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali u tal-iskartar, u tagħti prijorità lis-sajd għall-konsum mill-bniedem u lill-akkwakultura b’livell trofiku baxx. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ġlieda kontra s-sajd eċċessiv, fejn jeżisti, u b’mod partikolari s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Bl-istess mod, il-politiki u l-kontrolli b’rabta mal-importazzjonijiet ta’ frott tal-baħar mhux sostenibbli għandhom jissaħħu, peress li jaffettwaw b’mod negattiv l-istokkijiet tal-ħut u l-kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi promossa l-akkwakultura sostenibbli, b’mod partikolari l-akkwakultura b’livell trofiku baxx. Dan il-mudell ta’ akkwakultura jinkludi molluski, alka u ċerti krustaċji, ma jirrikjedix għalf artifiċjali, itejjeb il-kwalità tal-ilma u jikkontribwixxi għas-sekwestru tal-karbonju. Huwa jappella wkoll għal strateġija “mill-marikultura sal-platt” (sea-farmed to fork).
3.1.5Il-ħolqien ta’ “Alleanza Industrijali għall-Ktajjen tal-Valur tal-Ekonomija Blu”: il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi alleanza industrijali li tkopri l-katina tal-valur tal-ekonomija blu kollha, bl-għan li tittejjeb il-kompetittività tas-settur u tiġi adottata viżjoni olistika. Għal dan l-għan, qed jiġi propost li jiġi pprovdut finanzjament operattiv u segretarjat responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ inizjattivi, studji, żviluppi xjentifiċi u żviluppi teknoloġiċi. Peress li r-rabtiet differenti fil-katina tal-valur marittima huma interdipendenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, din l-alleanza se tikkontribwixxi għal kooperazzjoni aktar effettiva.
3.1.6Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija blu: il-KESE jindika li s-setturi kollha tal-ekonomija marittima u blu jiddependu mill-bastimenti, it-teknoloġiji marittimi avvanzati u l-ktajjen tal-provvista industrijali reżiljenti, lokali u qosra. L-istess japplika għall-infrastruttura ta’ taħt l-ilma (bħal kejbils). Fil-fehma tal-KESE, l-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet industrijali marittimi tal-Ewropa, in-networks tagħha ta’ komunikazzjoni u l-ktajjen tal-provvista tagħha. Is-settur marittimu għandu jitqies bħala parti essenzjali minn kwalunkwe politika tal-UE biex tiġi appoġġjata l-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija blu. L-UE għandha tiffaċilita wkoll tranżizzjoni ġusta tas-setturi stabbiliti tal-ekonomija blu lejn prattiki b’impronti iżgħar u tippromovi politiki u programmi intraprenditorjali tal-ekonomija ċirkolari. Il-KESE jappella wkoll għal appoġġ kontinwu għal turiżmu nawtiku kostali sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Dawn l-iżviluppi se joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE.
3.1.7Il-KESE jilqa’ s-Sħubija għal Tranżizzjoni tal-Enerġija fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2024. Dan jipprovdi opportunità kbira biex il-katina taħdem flimkien fuq pjan għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd Ewropea u l-modernizzazzjoni tagħha, abbażi ta’ mudell ta’ negozju sostenibbli u effiċjenti.
3.1.8Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-promozzjoni u l-investiment f’teknoloġiji avvanzati bħall-enerġija mill-marea u mill-mewġ: dawn l-apparati huma iżgħar mit-turbini tar-riħ, b’hekk inaqqsu kemm l-ispazju tal-baħar meħtieġ kif ukoll l-impronta ekoloġika tagħhom, bil-potenzjal li jiġġeneraw sa 10 % tal-elettriku tal-UE. Peress li jokkupaw żoni tal-baħar żgħar li spiss jiġu evitati minn attivitajiet oħra tal-bniedem minħabba l-moviment għoli tal-ilmijiet, dawn huma aktar kompatibbli mas-sajd. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li jirċievu aktar appoġġ politiku u jiġi żgurat li jiġu inklużi b’mod prijoritarju fit-Task Force għall-Enerġija mill-Oċeani b’finanzjament apposta u miżuri regolatorji biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tiegħu.
3.1.9Il-KESE jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali u l-internet tal-oġġetti fil-monitoraġġ u l-governanza tal-oċeani. Il-KESE jipproponi li jinfetħu oqsma ta’ riċerka fejn l-investiment f’dawn is-sistemi jista’ jiġġenera redditi ambjentali u ekonomiċi għoljin.
3.1.10Aċċess għall-finanzjament: il-KESE jappella għal aktar sussidji u investimenti fl-infrastruttura u t-teknoloġiji li jippromovu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija u jawtonomizzaw lill-komunitajiet kostali biex jirnexxu. Skont il-Patt Ewropew għall-Oċeani u fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, l-UE għandha tesplora modi kif tintroduċi linji baġitarji orjentati lejn l-oċeani biex tiżgura finanzjament adegwat għas-suġġetti kollha koperti mill-Patt, kif ukoll issaħħaħ il-fondi settorjali bħall-FEMSA. Il-KESE jiddispjaċih dwar it-tnaqqis ta’ EUR 105 biljun fil-FEMSA għall-perjodu 2025-2027 u jappella għal żieda fil-qafas baġitarju li jmiss. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi vvalutat l-użu tal-fondi għall-ekonomija blu fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. F’dan ir-rigward, jappella li tinħoloq linja baġitarja speċifika għall-ekonomija blu fil-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, iħeġġeġ l-użu tal-finanzjament pubbliku bħala strument biex jiġi ingranat il-finanzjament privat permezz ta’ inizjattivi bħal Orizzont Ewropa, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-finanzjament tal-BEI u l-Fond ta’ Garanzija. Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li l-introjtu mill-EU ETS jintuża għat-tranżizzjoni tal-enerġija, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ fjuwils u proġetti innovattivi fl-Ewropa.
3.1.11Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonalitajiet soċjali fil-finanzjament pubbliku biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rispettati u tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod effiċjenti l-istandards u l-leġiżlazzjoni soċjali eżistenti fis-setturi marittimi u tas-sajd u, fejn meħtieġ, li jittieħdu inizjattivi leġiżlattivi vinkolanti.
3.1.12Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-proċessi tal-aċċess għall-finanzi jitħaffu u jsiru aktar flessibbli, b’mod partikolari sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs u s-sajd kostali, u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli fis-settur tal-ekonomija blu.
3.1.13Valutazzjoni u riforma possibbli tal-politika komuni tas-sajd (PKS): jirrikonoxxi li l-PKS attwali kkontribwiet għal ġestjoni aħjar tal-istokkijiet tas-sajd. Madankollu, 70 % tal-ħut u tal-frott tal-baħar jiġi minn pajjiżi terzi, u dan joħloq sfida għall-awtonomija tal-ikel u l-kapaċità li jiġu żgurati provvisti sostenibbli u responsabbli. Huwa essenzjali li dan id-distakk jingħalaq billi tiġi ffaċilitata, aktar milli tiġi mfixkla, il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, billi jiġu applikati l-istess standards soċjali u ambjentali għall-importazzjonijiet. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu evalwati l-politiki attwali tas-sajd sabiex tingħata spinta lit-tranżizzjoni lejn sajd aktar effiċjenti permezz ta’ regolamentazzjoni bbilanċjata u l-użu ta’ inċentivi ekonomiċi. Għandhom jiġu promossi sajd u akkwakultura aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, waqt li jitħeġġeġ l-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji tas-sajd aktar preċiżi se jippermetti prattiki aktar sostenibbli u selettivi li huma effiċjenti b’inqas impatt fuq l-ambjent. Huwa kruċjali wkoll li jiġu aġġornati l-politiki tas-sajd għal sfidi ġodda bħall-Brexit, id-dimensjoni internazzjonali u l-kompetittività. Barra minn hekk, l-UE għandha tippromovi l-aċċess għall-kwoti tas-sajd abbażi ta’ kriterji soċjoekonomiċi u ambjentali, f’konformità mal-Artikolu 17 tal-PKS, u tiżgura t-traċċabbiltà mill-baħar sal-mejda tal-prodotti tas-sajd permezz ta’ sistema robusta ta’ kontroll u tikkettar, b’enfasi fuq l-importazzjonijiet.
3.1.14Edukazzjoni u taħriġ: l-UE jeħtiġilha tinvesti fl-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi speċifiċi għall-ekonomija blu u żżomm l-involviment taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom. L-impjiegi ta’ kwalità tajba u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol jikkontribwixxu għall-prosperità, il-kompetittività, l-attraenza u l-effiċjenza tal-industriji tal-ekonomija blu. Lil hinn mit-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet, iż-żamma u r-reklutaġġ ta’ professjonisti marittimi u tas-sajd se jkunu essenzjali għall-preżent u għall-futur tas-setturi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi linji baġitarji blu fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew futur. L-armonizzazzjoni tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fis-settur marittimu, rikreattiv u tas-sajd għandha tiġi żgurata wkoll, u fl-istess ħin jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati fl-UE kollha biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u tittejjeb il-kompetittività tas-settur. Barra minn hekk, jappella għat-tisħiħ tal-għarfien dwar l-oċeani biex is-soċjetà, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, ikollhom aktar għarfien dwar l-importanza tal-oċeani u l-ekonomija blu.
3.1.15Nuqqas ta’ ħaddiema: biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, hemm bżonn li l-UE tagħti prijorità lill-fondi għat-titjib tal-ħiliet u għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tal-ekonomija blu, u b’hekk tiżgura r-reżiljenza u l-innovazzjoni fit-tul. L-awtoritajiet u s-setturi privati għandhom jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema bi programmi ta’ taħriġ speċifiċi għall-ħiliet relatati mal-ekonomija blu. Huwa importanti li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ armonizzati b’ħiliet trasferibbli biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u bejn is-setturi tal-ekonomija blu. Barra minn hekk, l-UE għandha tħeġġeġ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu implimentati programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet imfassla apposta.
3.2Il-KESE jirrakkomanda li l-Patt Ewropew għall-Oċeani jindirizza l-elementi li ġejjin biex tittejjeb is-saħħa tal-oċeani tagħna:
3.2.1Ċentri tal-ekonomija blu u osservatorju tal-oċeani: il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti ċentri li jispeċjalizzaw fit-teknoloġija tal-baħar ul-innovazzjoni sostenibbli fir-reġjuni kostali, bil-għan li jinkoraġġixxu r-riċerka, l-iżvilupp u t-trasferiment tal-għarfien biex tingħata spinta lill-ekonomija blu. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi osservatorju Ewropew iddedikat għall-ġbir, l-analiżi u t-tixrid tad-data dwar l-oċeani. Din l-entità tista’ tikkoordina wkoll data prodotta minn aġenziji u entitajiet xjentifiċi differenti, sabiex tiffaċilita l-kompatibbiltà u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq data xjentifika.
3.2.2Riċerka u monitoraġġ: il-KESE jappella biex jiġu estiżi u msaħħa l-inizjattivi xjentifiċi tal-baħar – bħan-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) – li għandhom l-għan li jimmonitorjaw is-saħħa tal-ekosistemi u li jinfurmaw il-politiki sostenibbli. It-titjib tal-monitoraġġ tal-oċeani se jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Il-KESE jiddispjaċih li 70 % tad-data ġejja minn proġetti b’finanzjament temporanju. Fil-biċċa l-kbira, din id-data hija ffinanzjata minn fondi pubbliċi. Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiżdied il-kontribut tad-data mis-settur privat, kif ukoll li jiġu allokati aktar fondi għat-teknoloġiji moderni u l-infrastruttura tax-xjenza.
3.2.3Proġetti ta’ restawr: il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu inċentivi u proġetti pilota biex il-leġiżlazzjoni ambjentali tiġi implimentata b’mod ġust u effiċjenti. Dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità fl-Ewropa mal-impenji internazzjonali dwar il-bijodiversità, bħal dawk stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kunming-Montreal. B’mod partikolari, l-impenn 30x30 għandu jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni tal-UE u implimentat b’mod effettiv, kemm permezz tal-ħolqien u l-ġestjoni ta’ żoni protetti tal-baħar kif ukoll permezz ta’ miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni (OECM) fiż-żoni tas-sajd. Il-KESE jappella li jiġu implimentati żoni ta’ projbizzjoni totali derivati mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, fil-każi li fihom ir-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi jipproponu dan. Il-KESE jenfasizza li l-għeluq għandu jitwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, u fl-istess ħin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull reġjun u jiġi żgurat bilanċ bejn il-konservazzjoni u l-attività ekonomika. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrimarka li l-Ftehim ta’ Pariġi (Artikolu 2) jistipula li dawn l-objettivi jridu jiġu implimentati b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel.
3.2.4Infrastruttura ekoloġika u l-istrateġija tal-baħar-art: il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli b’approċċ tal-ekosistema biex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali fuq l-interfaċċja bejn l-art u l-baħar. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ portijiet newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-enerġija nadifa tal-baħar. Jirrakkomanda wkoll l-implimentazzjoni ta’ strateġiji biex jinstabu sinerġiji u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-industriji marittimi u dawk ibbażati fuq l-art, bħat-tarzni u l-fornituri tat-teknoloġija. Jirrakkomanda wkoll li tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni Ewropea kontra sorsi bbażati fuq l-art ta’ tniġġis tal-baħar, bħall-iskariki industrijali u l-ilma mormi, li jintroduċu sustanzi niġġiesa organiċi, kimiċi u farmaċewtiċi fl-ekosistemi akkwatiċi kif ukoll il-mikroplastiċi u l-pellets.
3.2.5Pjan Ewropew ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima: il-KESE jitlob li jiġi żviluppat dan il-Pjan biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali billi jiġu appoġġjati fl-ippjanar u fit-tħejjija għall-effetti tat-tibdil fil-klima.
3.2.6Il-ġlieda kontra t-tniġġis u l-iskart fil-baħar: il-KESE jitlob li jissaħħu l-pożizzjoni u d-diplomazija Ewropej biex tiġi żgurata l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Plastik fl-2025, kif ukoll biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ finanzjament sod li jappoġġja l-implimentazzjoni tiegħu.
3.2.7It-tisħiħ tal-pożizzjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali dwar l-oċeani: f’konformità mal-miri tal-SDG 14, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni diplomatika tagħha biex tikkonkludi l-ftehim dwar is-sussidji tas-sajd fid-WTO, taċċellera r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim BBNJ għall-Ibħra Internazzjonali u tippromovi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità (KDB). Jitlob ukoll li jiġi stabbilit moratorju għall-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar biex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tagħha.
4.L-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-komunitajiet kostali
4.1Il-komunitajiet kostali fl-Ewropa jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali interrelatati. Dawn is-snin kienu kkaratterizzati minn xokkijiet severi fl-industriji u s-swieq tagħna, ikkawżati minn avvenimenti bħall-COVID-19, il-Brexit, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u avvenimenti estremi tat-temp xprunati mit-tibdil fil-klima. Dan mhux biss wassal għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-komoditajiet, iżda wkoll għal inflazzjoni mifruxa. Barra minn hekk, biddel ir-rotot marittimi minħabba restrizzjonijiet kummerċjali u kkawża konġestjonijiet fil-katina tal-provvista. Dawn l-isfidi ħarbtu l-ekonomija blu. Minkejja dawn l-isfidi, il-projezzjonijiet jenfasizzaw il-potenzjal għall-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiċi, xprunati minn tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u inflazzjoni aktar baxxa.
4.2F’dan il-kuntest, l-industrija Ewropea mhux biss iffaċċjat pandemiji u kriżijiet ġeopolitiċi globali iżda wkoll piż regolatorju intern dejjem akbar. Ir-restrizzjonijiet u l-burokrazija li qed jiżdiedu affettwaw serjament il-kompetittività u s-sostenibbiltà ekonomika tal-kumpaniji.
4.3F’termini ta’ sfidi soċjali, ħafna żoni kostali jbatu minn sfidi demografiċi, bħal popolazzjoni li qed tixjieħ u l-migrazzjoni taż-żgħażagħ, ta’ spiss minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet. Il-KESE jinsab imħasseb dwar it-telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar assoċjat mal-fenomenu tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, il-komunitajiet kostali jeħtieġ li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa u t-tiġdid ġenerazzjonali, il-kunflitti dwar l-użu tar-riżorsi jew il-vulnerabbiltà għad-diżastri klimatiċi. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jeħtieġ it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u l-iżgurar tal-ekwità fl-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi. Il-KESE jirrakkomanda li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija blu, bil-għan li dawn is-setturi jsiru aktar attraenti. Il-Patt jista’ jkun ispirat mill-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE sabiex jiġu indirizzati xi wħud minn dawn l-isfidi.
4.4F’termini ta’ sfidi ambjentali, huwa ta’ importanza kbira li l-ibħra produttivi u r-riżorsi naturali jiġu ppreżervati bħala żoni tas-sajd u kosti nodfa għall-prosperità ekonomika u għas-saħħa, kemm illum kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, l-oċeani tal-Ewropa huma l-aħjar alleati tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti għandhom ikunu ċentrali għall-Patt Ewropew għall-Oċeani. Madankollu, huwa kruċjali li l-UE tivvaluta wkoll l-effettività ta’ dawn il-politiki u tqis ir-rieżami u l-aġġornament tagħhom fejn meħtieġ, u b’hekk tiżgura li jadattaw għal realtajiet u sfidi ġodda.
4.5F’konformità mal-ħidma tal-Kumitat dwar il-Patt Blu Ewropew, għandhom jitqiesu l-interkonnessjonijiet bejn il-baħar u l-ilma ħelu u l-impatt tagħhom fuq il-komunitajiet kostali. Il-politiki għandhom irawmu l-koordinazzjoni biex jindirizzaw l-isfidi u jaħtfu l-opportunitajiet.
5.Mudell ta’ governanza tal-oċeani għall-ilmijiet tal-UE u dawk internazzjonali
5.1Il-KESE jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ mudell ta’ governanza tal-oċeani inklużiv u innovattiv permezz ta’:
5.1.1Kooperazzjoni reġjonali: il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni marittima bejn l-Istati Membri li jikkondividu baċiri tal-baħar bħall-Baltiku, il-Mediterran u l-Baħar tat-Tramuntana f’oqsma ewlenin bħall-enerġija, l-ambjent u s-sajd. Jipproponi wkoll li jiġu kkonsolidati l-programmi ta’ politika bi skadenzi itwal li jmorru lil hinn miċ-ċikli u l-oqfsa elettorali tal-UE, u li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti fil-livell Ewropew u nazzjonali. Jappella wkoll biex jitnaqqas il-piż regolatorju, tingħata spinta lill-investiment fl-ekonomija blu u nimxu lejn suq uniku sħiħ. Barra minn hekk, jirrakkomanda li kull Presidenza tal-Kunsill tal-UE torganizza laqgħat konġunti dwar l-oċeani li jinvolvu ministeri ewlenin (Ambjent, Klima, Enerġija, Sajd u Trasport) u partijiet ikkonċernati. Dan l-approċċ jista’ jiġi estiż għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha, inkluż il-KESE.
5.1.2Rakkomandazzjonijiet adattati għall-ispeċifiċitajiet reġjonali: minkejja dan t’hawn fuq, il-KESE jipproponi li jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet divrenzjati għar-reġjuni kostali differenti tal-UE, billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom. Huwa jissottolinja wkoll l-importanza li l-politiki jiġu adattati għall-fatturi kulturali u soċjoekonomiċi lokali sabiex jiġu żgurati l-vijabbiltà u l-effettività tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet, l-azzjoni individwali tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom hija essenzjali biex dawn il-politiki jiġu adattati u implimentati fil-kuntest lokali.
5.1.3Għarfien u innovazzjoni dwar il-baħar: il-KESE jemmen li jeħtieġ li tiġi promossa l-innovazzjoni u li jiġu żviluppati ħiliet biex it-teknoloġija avvanzata, b’mod partikolari dik Ewropea, titwassal fis-suq tal-UE.
5.1.4Rikonoxximent tal-importanza strateġika tal-oċeani għas-sigurtà ul-kompetittività tal-Ewropa: il-KESE jipproponi t-tisħiħ tar-rotot kummerċjali għall-aċċess għas-swieq globali u għar-riżorsi tal-enerġija. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-attivitajiet marittimi kollha jitwettqu fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta u li jiġu rispettati d-drittijiet soċjali u tal-bniedem fuq il-baħar.
5.1.5L-iżgurar tas-sigurtà tal-qasam marittimu Ewropew: il-KESE jitlob lill-awtoritajiet isaħħu l-programmi għall-protezzjoni tar-rotot marittimi, tal-portijiet u tal-infrastruttura kritika kontra theddid bħall-piraterija, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità marittima. Dan jeħtieġ implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE. L-enfasi għandha tkun fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inklużi l-eżerċizzji navali annwali u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet permezz ta’ standards komuni għat-teknoloġiji tad-difiża marittima. Din l-Istrateġija għandha tiġi integrata fil-Patt biex jissaħħu r-reżiljenza kummerċjali, l-istabbiltà ekonomika u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista marittimi. Dan ifisser ukoll li jiġu difiżi l-istandards soċjali u ambjentali tagħna kontra, pereżempju, is-sajd illegali u x-xogħol furzat, anke kontra l-prattiki ta’ atturi ewlenin bħaċ-Ċina.
5.1.6Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni tal-bini, tat-teknoloġija u tal-loġistika navali fi ħdan il-Patt. Ħafna komunitajiet kostali u sottosetturi jiddependu minn din l-industrija, bħas-sajd, it-tbaħħir rikreattiv, l-enerġija offshore u t-trasport marittimu. F’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-Istrateġija Industrijali Marittima mħabbra bħala wieħed mill-pilastri tal-Patt.
5.1.7Fid-dawl tat-theddid dejjem akbar għas-sigurtà marittima, huwa wkoll fl-interess tal-UE li tiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-professjonisti marittimi u tas-sajd, f’konformità mar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu.
5.1.8Tranżizzjoni ġusta: il-KESE jenfasizza li s-sostenibbiltà ambjentali trid timxi id f’id mas-sostenibbiltà soċjali biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn fjuwils alternattivi u teknoloġiji ġodda tkun ġusta, ekwa u komprensiva. Huwa essenzjali li fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jitqiegħed l-element uman: jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba u jittieħdu passi biex il-professjonijiet marittimi u tas-sajd isiru aktar attraenti u inklużivi.
5.1.9Parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati: il-KESE jappella għal involviment akbar tal-komunitajiet lokali, l-imsieħba soċjali u l-industriji fl-iżvilupp ta’ politiki relatati mal-baħar, li jappoġġjaw u jippromovu r-raggruppamenti marittimi. Il-Patt għandu jirrikonoxxi r-Raggruppamenti Marittimi bħala atturi u pjattaformi ewlenin għall-governanza tal-oċeani, peress li jlaqqgħu flimkien il-vuċi u l-interessi ta’ diversi setturi. Mhuwiex biss importanti li l-atturi kollha tal-ekonomija blu jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet pubbliċi, iżda għandhom ukoll ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp tal-politiki marittimi. Huwa kruċjali wkoll li l-benefiċċji soċjali tal-iżvilupp sostenibbli jitqassmu b’mod ġust, u li l-proġetti jkollhom impatt fit-tul u jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-ekonomija blu. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi rikonoxxut l-involviment tas-soċjetà ċivili, u jiġi żgurat li l-perspettivi u l-ħtiġijiet tagħha jiġu kkunsidrati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
5.1.10L-ippjanar tal-ispazju marittimu: minħabba l-pressjoni u l-kompetizzjoni inkwetanti għall-ispazju marittimu kkawżati mill-espansjoni ta’ industriji ġodda, il-KESE jirrakkomanda li tiġi riveduta d-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu. Dan bl-għan li jiġu bbilanċjati l-interessi kunfliġġenti (eż. l-akkwakultura, is-sajd u l-produzzjoni tal-enerġija). Il-KESE jipproponi approċċ ġdid ta’ koeżistenza pożittiva, li jħeġġeġ l-użu multiplu tas-siti kull fejn ikun possibbli u li japplika approċċ ibbażat fuq l-ekosistema. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa miż-żoni protetti tal-baħar u miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni bbażati fuq iż-żona biex jiġu protetti l-ekosistemi. Il-KESE jirrikonoxxi l-Forum Blu Ewropew bħala għodda effettiva għall-partijiet ikkonċernati biex jiddiskutu u jindirizzaw sfidi u prijoritajiet komuni fuq terminu medju. L-objettiv ewlieni huwa li jintlaħaq kunsens, jiġu ġġenerati sinerġiji u jinstabu soluzzjonijiet li jwasslu għal viżjoni kondiviża. Barra minn hekk, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-aktar setturi vulnerabbli, bħas-sajd, fit-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni, l-aċċess u l-użu ta’ żoni tas-sajd tradizzjonali.
5.1.11Il-koeżjoni soċjali: il-KESE jħeġġeġ it-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-partijiet ikkonċernati (il-gvernijiet, il-komunitajiet kostali u n-negozji lokali) u t-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali permezz ta’ politiki inklużivi u strateġiji ta’ investiment ekwi u ekonomija soċjali. Il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun prijorità biex jiġi żgurat li l-politiki jirriflettu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-UE għandha wkoll tagħti attenzjoni partikolari għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ fl-ekonomija blu.
5.1.12Il-governanza tal-oċeani bbażata fuq id-data: l-osservazzjoni u l-monitoraġġ tal-oċeani, flimkien ma’ ġestjoni effiċjenti tad-data, huma essenzjali biex tingħata spinta lill-ekonomija blu, jiġi protett l-ambjent, titrawwem l-innovazzjoni, tiġi żgurata s-sigurtà marittima u jissaħħu r-reżiljenza kostali u l-kompetittività. Il-KESE jħeġġeġ biex jiġu sfruttati s-sistemi ta’ monitoraġġ f’ħin reali u l-intelliġenza artifiċjali għall-ġestjoni tal-oċeani mmexxija mid-data. Għal dan l-għan, jipproponi qafas Ewropew koerenti li jintegra s-sistemi ta’ osservazzjoni nazzjonali u reġjonali, irawwem il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-awtoritajiet, is-settur privat, id-difiża u l-komunitajiet lokali, u jagħti spinta lill-investiment fl-infrastruttura moderna u t-teknoloġiji avvanzati bħall-big data, id-DNA ambjentali (eDNA) u l-intelliġenza artifiċjali.
5.1.13Monitoraġġ regolari: il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tintroduċi mekkaniżmi biex tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress tal-Patt fuq bażi regolari, simili għall-mekkaniżmi stabbiliti b’rabta mal-SDGs.
5.1.14Tmexxija u diplomazija globali: ma jista’ jkun hemm l-ebda Patt dwar l-oċeani mingħajr ftehimiet jew sħubijiet internazzjonali. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-UE tkun minn ta’ quddiem nett fil-governanza sostenibbli tal-oċeani billi tippromovi prattiki aħjar fl-UE u barra l-UE. Metodu wieħed għall-esportazzjoni ta’ dawn l-istandards huwa li tissaħħaħ id-diplomazija tal-UE biex jitqiesu l-interessi vitali tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd meta jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit pilastru internazzjonali fi ħdan il-Patt ibbażat fuq il-kooperazzjoni transfruntiera eżistenti, inkluż il-qafas tad-Deċennju tal-Oċeani. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li s-suq tal-UE jintuża bħala mekkaniżmu biex issir pressjoni fuq l-imsieħba internazzjonali u jittejbu l-istandards ambjentali u soċjali globalment.
5.1.15Reżiljenza għall-klima: il-KESE jirrakkomanda li jiġu proposti miżuri għat-tħejjija għad-diżastri u r-reżiljenza għall-klima.
5.1.16L-allinjament tar-riżorsi ta’ negozjar tal-UE f’forums internazzjonali relatati mal-oċeani mal-ambizzjoni ddikjarata tagħha għat-tmexxija globali: b’mod partikolari, huwa essenzjali li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji biex ikun hemm negozjar f’dawn il-forums internazzjonali, inklużi ftehimiet bilaterali u reġjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-linji baġitarji għal dan l-għan. Barra minn hekk, fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), il-Kummissjoni għandha tfittex li tippromovi l-adozzjoni ta’ standards ambjentali u soċjali tal-UE f’reġjuni oħra u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi.
5.2Bħala konklużjoni, dan il-mudell ta’ governanza għandu jintegra s-sostenibbiltà ekoloġika, ir-reżiljenza ekonomika u l-inklużjoni soċjali, u fl-istess ħin iservi bħala eżempju għall-ġestjoni tal-oċeani globalment.
Brussell, it-12 ta’ Marzu 2025.
Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Peter SCHMIDT
_____________