MT

ECO/657

Semestru Ewropew 2025 – Pakkett tal-Ħarifa

OPINJONI

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Semestru Ewropew 2025 – Pakkett tal-Ħarifa

[COM(2024) 700 final]

Kuntatt

eco@eesc.europa.eu

Amministratur

Anna PANTAZI

Data tad-dokument

10/2/2025

Relatur: Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 20/01/2025

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Dokument tal-Kummissjoni Ewropea

COM(2024) 700 final

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

6/2/2025

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

60/0/2

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

D/M/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

1.1iqis li huwa ta’ dispjaċir kbir u inkomprensibbli li, fil-kuntest globali politiku, soċjali u ekonomiku turbolenti tal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni Ewropea għażlet li ma tippubblikax l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, id-dokument ewlieni tal-Pakkett tal-Ħarifa li jippreżenta l-orjentazzjonijiet politiċi għall-perjodu li ġej;

1.2huwa tal-fehma li r-riskji ġeopolitiċi serji u li qed jikbru u d-deterjorament tal-istituzzjonijiet multilaterali jista’ eventwalment ikollhom impatt serju fuq l-ekonomiji, il-kummerċ, l-inflazzjoni u t-tkabbir Ewropej. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikunu lesti li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

1.3jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tniedi ċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza Ewropew il-ġdid 1 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinalizza dan il-proċess malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, il-Kumitat jemmen li, fil-kuntest politiku u ekonomiku globali diffiċli, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkombinaw b’mod intelliġenti l-miżuri ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja mar-riformi u l-investimenti meħtieġa biex l-UE tibqa’ għaddejja bix-xejra pożittiva tat-tkabbir sostenibbli;

1.4jissottolinja l-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili li, għalkemm il-Pakkett tal-Ħarifa jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, hemm perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ mekkaniżmi konkreti biex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti b’mod adegwat u effettiv fil-livell nazzjonali;

1.5jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi l-boxxla għall-kompetittività kmieni s-sena d-dieħla, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport ta’ Enrico Letta 2 dwar Much more than a market (“Ħafna aktar milli suq”), u r-rapport ta’ Mario Draghi 3 dwar The Future of European Competitiveness (“Il-Futur tal-Kompetittività Ewropea”);

1.6jaqbel mal-konklużjoni tar-rapport ta’ Draghi li l-fattur ewlieni għad-differenzjali negattivi fil-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE meta mqabbel mal-Istati Uniti u ċ-Ċina huwa d-defiċit kbir ta’ investiment akkumulat matul dawn l-aħħar għoxrin sena. Il-Kumitat jara ħtieġa kbira li tiġi promossa politika ta’ investiment b’saħħitha, li tiffoka fuq l-iżjed setturi teknoloġiċi avvanzati, fuq il-ħolqien ta’ suq Ewropew tal-enerġija li jnaqqas b’mod sostanzjali l-prezzijiet tal-enerġija, u fuq l-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali li tkun ġusta, bl-użu tal-għodod ipprovduti mill-awtonomija strateġika ta’ politika industrijali Ewropea;

1.7jemmen li l-investiment irid jiġi ffinanzjat minn kapital pubbliku u privat, nazzjonali u Ewropew. Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi stabbilit Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li jkun iffukat fuq il-finanzjament ta’ proġetti ta’ prijorità Ewropej, u li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 għandu jżid b’mod sinifikanti r-riżorsi allokati għall-prijoritajiet ta’ investiment. Fl-istess ħin, il-finanzjament tal-investiment għandu jiġi ffaċilitat billi tissaħħaħ il-kapaċità ta’ self tal-BEI u jiġġedded il-programm InvestEU, kif ukoll billi l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jiġu kkompletati mingħajr aktar dewmien mhux ġustifikabbli;

1.8jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) għandhom ikunu mmirati lejn implimentazzjoni aħjar tar-riformi u l-investimenti inklużi fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-QFP, peress li t-tnejn li huma qed joqorbu lejn it-tmiem tagħhom, fl-2026 u fl-2027 rispettivament. Madankollu, minħabba r-rata ta’ implimentazzjoni attwali u n-natura trasformattiva tar-riformi meħtieġa, il-KESE jappella għal valutazzjoni prammatika biex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ dan l-istrument bla preċedent (il-Faċilità), inkluża evalwazzjoni immedjata ta’ jekk l-iskeda ta’ żmien attwali għall-implimentazzjoni għadhiex adatta biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba. Dan se jgħin lill-Istati Membri affettwati minn żbilanċi strutturali biex jibbilanċjaw mill-ġdid il-politiki makroekonomiċi tagħhom mingħajr ma jipperikolaw ir-riformi li jappoġġjaw aktar kompetittività u jiġġeneraw tkabbir sostenibbli;

1.9jemmen li, fil-kuntest politiku u ekonomiku diffiċli li qed tesperjenza l-UE, kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri hija ċ-ċavetta biex jingħelbu dawn l-ostakli. Il-Kumitat jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 4 , li tistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni individwali u kollettiva biex itejbu l-kompetittività u jrawmu l-produttività;

1.10iqis li l-analiżijiet u s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 5 huma korretti u adatti biex jiġu kkonvertiti bir-reqqa f’CSRs. Il-Kumitat jistieden ukoll lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu t-titjib meħtieġ fis-suq tax-xogħol u jkomplu jimplimentaw il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

1.11iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-programm biex tnaqqas il-piż li r-regolamentazzjoni eċċessiva tpoġġi fuq il-kumpaniji Ewropej, u b’hekk tnaqqas il-kapaċità tagħhom li jikkompetu globalment. Il-Kummissjoni għandha tidentifika u tneħħi wkoll l-ostakli regolatorji li jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività, il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet tal-kumpaniji Ewropej. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impriżi bi status strateġiku tas-suq. Fl-istess ħin, regolamenti nazzjonali sempliċi għandhom jiġu armonizzati kemm jista’ jkun, u fil-futur iwasslu għal standards komuni Ewropej. Il-KESE jqis li r-regoli ta’ kwalità regolatorja tajba, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-konsumatur u d-drittijiet soċjali u ambjentali, huma importanti u meħtieġa; 

1.12huwa tal-fehma li, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-proposti ta’ investiment u riforma għandhom jagħtu prijorità lill-indirizzar tal-problema serja tal-akkomodazzjoni, li qed tipprevjeni lil ħafna ċittadini, speċjalment liż-żgħażagħ, milli jgawdu dritt fundamentali u qed issir ostaklu għall-mobilità tal-forza tax-xogħol, li min-naħa tagħha hija fattur fil-kompetittività.

2.NOTI TA’ SPJEGAZZJONI

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.2 u 1.3

2.1Din il-ħarifa, il-Kummissjoni nediet iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew taħt il-qafas il-ġdid ta’ governanza finanzjarja. Minħabba s-sitwazzjoni politika u ekonomika kumplessa fil-livell tal-UE u dak globali, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-pjani fuq terminu medju għal 21 Stat Membru, abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal 8 Stati Membri, u opinjoni dwar l-abbozzi tal-pjani baġitarji għal 17-il Stat Membru. Il-Kummissjoni għadha qed tistenna li jiġu ffinalizzati l-pjani fuq terminu medju ta’ ċerti Stati Membri, minħabba kuntesti politiċi diffiċli fil-livell nazzjonali.

2.2Il-KESE jemmen li, fil-kuntest ġeopolitiku attwali, l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu sforz partikolari biex iżommu lill-UE bħala attur rilevanti. Dan ifisser li l-miżuri u r-riformi stabbiliti fil-pjani fuq terminu medju jridu jkunu allinjati ma’ politika ta’ investiment li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

2.3Is-sitwazzjonijiet ta’ gwerra fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani huma aggravati mill-fatt li l-President il-ġdid tal-Istati Uniti jista’ jiskatta gwerra kummerċjali u qed jagħmel theddid ta’ annessjoni territorjali fil-konfront ta’ diversi stati, fosthom membru tal-Unjoni Ewropea.

2.4Il-KESE jqis li l-indiċijiet tas-Sorveljanza tal-Iżbilanċ Makroekonomiku użati mill-Kummissjoni huma skaduti u jirrakkomanda li jitnieda malajr proċess wiesa’ ta’ reviżjoni fil-fond, biex tiġi żviluppata sistema aktar aġġornata, adattata u effettiva li tippermetti valutazzjoni aktar preċiża tat-titjib tal-Istati Membri fil-baġits nazzjonali tagħhom u fl-implimentazzjoni tagħhom tal-investimenti u r-riformi.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.4

2.5Il-KESE jorganizza proċess ta’ konsultazzjoni annwali mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri. Spiss dawn jindikaw li l-mod li bih ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu kkonsultati dwar il-programmi ta’ riforma huwa aktar eżerċizzju purament formali.

2.6Il-Kumitat jemmen li l-proċess ta’ konsultazzjoni jeħtieġ li jittejjeb kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Il-konsultazzjoni għandha twassal għall-inklużjoni ta’ proposti tas-soċjetà ċivili fil-programmi nazzjonali u Ewropej 6 .

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.5, 1.6 u 1.7

2.7Il-Kumitat jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tad-dokument strateġiku tal-Kummissjoni dwar il-Boxxla għall-Kompetittività.

2.8Sabiex jiġi kkalibrat mill-ġdid il-livell ta’ kompetittività tal-UE fil-livell globali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom, fuq kollox, jimplimentaw programm li jwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-kumpaniji Ewropej bħalissa qed jiffaċċjaw telf sinifikanti ta’ kompetittività minħabba l-prezz għoli ħafna tal-enerġija, li huwa d-doppju ta’ dak fl-Istati Uniti. Il-KESE jemmen li l-UE jeħtiġilha tkompli tiżviluppa kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli b’mod parallel ma’ investiment konsistenti fin-networks tat-trasport u s-sistemi ta’ interkonnessjoni. Fuq perjodu medju sa twil, dan iwassal għall-konsum effiċjenti tal-enerġija fejn meħtieġ, u li jiġi eliminat it-telf minħabba n-natura intermittenti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-faċilitajiet ta’ ħżin limitati. Fuq medda qasira ta’ żmien, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri b’effett immedjat biex titnaqqas id-differenza fl-ispejjeż tal-enerġija ffaċċjati min-negozji tal-UE meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali tagħhom, u jeħtieġ li tingħata prijorità lill-industriji li jużaw ħafna enerġija. Tali miżuri jistgħu jinkludu:

·l-estensjoni u t-titjib tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni;

·l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ immirat biex jitnaqqsu r-riskji b’mod effiċjenti tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – dan jista’ jinkludi garanziji mill-Istat kontra r-riskju ta’ inadempjenza tal-akkwirent, il-mitigazzjoni tal-kostijiet għas-setturi intensivi fl-enerġija, u d-drittijiet ta’ interkonnessjoni fit-tul.

2.9Minħabba l-frammentazzjoni ġeopolitika u t-tensjonijiet fis-sistema kummerċjali globali, il-KESE jqis li huwa imperattiv li l-UE tirrieżamina u tikkomplementa l-Patt Ekoloġiku b’Patt Industrijali. Dan tal-aħħar għandu jippromovi l-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija u r-riindustrijalizzazzjoni tal-UE. Il-Patt Industrijali għandu jinkludi wkoll l-iżvilupp tal-industrija strateġika tal-materja prima u l-industrija tad-difiża.

2.10Id-diġitalizzazzjoni hija qasam ieħor li għandu jiġi indirizzat mill-Boxxla għall-Kompetittività. Peress li 80 % tal-prodotti diġitali jiġu importati, l-UE tinsab ferm wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina f’dan il-qasam. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-UE għandha tlaħħaq ma’ din il-kompetizzjoni billi tiżviluppa proġetti kbar, potenzjalment fi sħubijiet pubbliċi-privati. L-appoġġ għall-intrapriżi start-ups diġitali huwa miżura tajba iżda mhuwiex biżżejjed.

2.11 Il-KESE jqis ukoll li huwa importanti li jittejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għall-kapital. L-Unjoni Kapitali Ewropea għandha tiġi kkompletata bħala prijorità.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.8

2.12Il-KESE jemmen li l-Pakkett tal-Ħarifa jaffettwa lill-Istati Membri differenti b’modi differenti, skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi, id-dipendenzi mill-enerġija, u l-oqfsa soċjali tagħhom. Għal xi pajjiżi, il-pakkett jista’ joffri appoġġ tant meħtieġ għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi. Madankollu, oħrajn jistgħu jiffaċċjaw sfidi minħabba l-implikazzjonijiet finanzjarji jew il-ħtieġa li jadattaw malajr għal ambjenti regolatorji ġodda. Barra minn hekk, il-pakkett jista’ jaggrava l-inugwaljanzi eżistenti fost l-Istati Membri, peress li dawk b’inqas riżorsi jistgħu jsibuha diffiċli jimplimentaw il-bidliet proposti b’mod effettiv.

2.13Il-KESE jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tas-CSRs qed tonqos. Filwaqt li xi pajjiżi għamlu progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, oħrajn jiffaċċjaw sfidi ta’ implimentazzjoni minħabba restrizzjonijiet fil-kapaċità amministrattiva jew il-kumplessità tar-riformi meħtieġa 7 . Il-Kumitat jinnota li l-użu relattivament baxx tal-komponent tas-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (EUR 108,69 biljun minn EUR 291 biljun) jissuġġerixxi l-ħtieġa li jiġi vvalutat mill-ġdid kif dan l-istrument jista’ jaqdi aħjar l-iskop maħsub tiegħu. Il-KESE jinnota bi tħassib li, fil-bidu tal-2025, kienu għadhom inkisbu biss 28 % tal-istadji importanti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’EUR 197,46 biljun assorbiti minn EUR 359 biljun f’għotjiet. Għalkemm iż-żamma tal-momentum tar-riforma hija kruċjali, il-Kumitat jenfasizza li l-enfasi għandha tkun fuq li tiġi żgurata implimentazzjoni ta’ kwalità għolja u impatt dejjiemi.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.9

2.14Kif juri r-rapport ta’ Draghi, l-UE ddefendiet id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, il-prosperità u l-ekonomija soċjali tas-suq. Jekk l-UE titlef is-setgħa tagħha li tirrispetta dawn il-prinċipji, hija titlef ir-raison d’être tagħha. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-rivitalizzazzjoni tal-proġett Ewropew billi jippromovu miżuri ta’ interess ġenerali għall-UE, u jieqfu jimblukkaw tali miżuri għal interessi speċifiċi. Fil-kuntest politiku globali estremament ikkumplikat, huwa fl-interess ta’ kull Stat Membru li jkun hemm UE b’saħħitha.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.10

2.15Minħabba s-sitwazzjoni demografika, il-forza tax-xogħol disponibbli fl-UE qed tonqos. Ħafna kumpaniji qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ persunal imħarreġ. F’dan il-kuntest diffiċli, il-KESE jemmen li, fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, ir-riżorsi allokati għall-programm FSE+ għandhom ikunu ffukati fuq l-iżvilupp tal-ħiliet.

2.16Il-KESE jemmen li l-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jiġu aġġornati f’konformità mat-tranżizzjoni doppja. Bl-involviment tal-imsieħba soċjali fil-livell settorjali u nazzjonali, dawn jistgħu jitfasslu aħjar biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kumpaniji.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.11

2.17Il-KESE jemmen li t-tnaqqis tal-piż regolatorju bla bżonn fuq il-kumpaniji Ewropej għandu jkun prijorità għall-UE. Il-piż regolatorju huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej. Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jqis li r-regolamentazzjoni soċjali u tax-xogħol hija importanti u meħtieġa,

2.18Meta tiżviluppa l-Boxxla għall-Kompetittività, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tneħħi l-ostakli regolatorji li jxekklu lill-kumpaniji Ewropej milli jikkompetu globalment. Hija għandha tirrieżamina wkoll ir-regolamenti dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet, meta jitqies li 10 biss mill-aqwa 100 kumpanija fil-livell globali huma Ewropej.

Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.12

2.19Il-problema tal-akkomodazzjoni u ż-żieda bla waqfien fil-prezzijiet tad-djar, kemm għall-kiri kif ukoll għas-sjieda, huma meqjusa bħala waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin għall-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-provvista mhijiex adegwata u tnaqqret kemm minn proċessi spekulattivi kif ukoll miż-żieda enormi fl-għadd ta’ proprjetajiet mikrija bħala akkomodazzjoni turistika li mhijiex regolata sew.

Brussell, is-6 ta’ Frar 2025

Il-President tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Ioannis VARDAKASTANIS

_____________

(1)     COM(2024) 705 final .
(2)     Enrico Letta, Much more than a market (2024) .
(3)     EU competitiveness: Looking ahead, European Commission .
(4)     Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro .
(5)     Joint Employment Report [Rapport Konġunt dwar l-Impjieg] (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)

   Opinjoni tal-KESE dwar Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE għal riforma soda tas-Semestru Ewropew, ĠU C 228, 29.6.2023, p. 1 .

(7)    Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .