OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni

_____________

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Rapport tal-2021 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni

[COM(2022) 337 final]

INT/995

Relatur: Philip VON BROCKDORFF

MT

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27/10/2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10/11/2022

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

51/0/3

Adozzjoni fil-plenarja

14/12/2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

206/0/2

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappella għal djalogu kontinwu mal-Kummissjoni dwar l-azzjoni ulterjuri meħtieġa biex jissaħħaħ l-operat tas-suq uniku.

1.2Il-KESE jħeġġeġ lid-DĠ Kompetizzjoni jimmonitorja kontinwament l-iskemi approvati mill-Kummissjoni nnifisha u mnedija mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-COVID-19 u għall-gwerra fl-Ukrajna, sabiex jiġi evitat li l-fondi jiġu ddevjati lejn kumpaniji li mhumiex ekonomikament vijabbli.

1.3Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tuża l-flessibbiltà massima permessa mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ skemi li jipprovdu għajnuna effettiva lill-kumpaniji affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna.

1.4Il-KESE jilqa’ l-linji gwida l-ġodda tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fl-oqsma tal-klima, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-enerġija, u jqishom bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.

1.5Il-KESE jappoġġja investigazzjonijiet dwar prattiki mhux kompetittivi minn ġganti tat-teknoloġija; dan huwa konformi mal-pożizzjoni adottata mill-KESE dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali.

1.6Il-KESE jappella għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni sabiex tiġi infurzata aktar il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE kontra kumpaniji li jinvolvu ruħhom fi prattiki kummerċjali transfruntiera li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u huma ta’ ħsara għall-konsumaturi.

1.7Il-KESE jappella għal kompetizzjoni b’termini ugwali fis-settur kollu tal-avjazzjoni. Madankollu, iwissi kontra l-iżvilupp ta’ suq tal-avjazzjoni li maż-żmien jista’ jispiċċa ddominat minn għadd żgħir ta’ linji tal-ajru.

1.8Il-KESE jappoġġja l-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq mogħtija lil ditti mhux tal-UE li joperaw fl-UE, iżda jistieden lill-Kummissjoni tiffoka wkoll l-attenzjoni tagħha fuq sussidji li joħolqu distorsjoni fis-suq u prattiki antikompetittivi oħra kemm minn kumpaniji mmexxija mill-Istat kif ukoll minn kumpaniji privati barra mill-UE.

1.9Il-KESE jwissi kontra ftehimiet antikompetittivi possibbli jew abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fl-industrija tal-ipermerkati u tal-ħwienet tal-merċa, li għandhom impatt fuq il-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet ogħla, u l-produtturi permezz ta’ prezzijiet tal-provvista aktar baxxi.

1.10Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar Strument ġdid għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku, li jikkomplementa miżuri leġiżlattivi oħra tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

1.11Il-KESE jappella għal aktar passi biex jissaħħu l-kompetizzjoni u s-suq uniku fi żmien meta l-ekonomiji qed ikomplu jiffaċċjaw sfidi kkawżati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija, restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista u inċertezza ekonomika.

1.12Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-aġenda tal-UE għal ekonomija ekoloġika u diġitali bbażata fuq il-pedamenti ta’ ekonomija soċjali tas-suq m’għandhiex tinbidel minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

1.13Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda l-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont il-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna, u li tingħata attenzjoni speċjali lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-perspettiva usa’ tal-ġeneru, b’mod partikolari fil-każ tar-refuġjati fl-Istati Membri li huma ġirien tal-Ukrajna.

2.Sfond

2.1Ir-Rapport tal-2021 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni jippreżenta l-iżviluppi ewlenin tal-politika u l-inizjattivi leġiżlattivi li ttieħdu s-sena li għaddiet, kif ukoll għażla ta’ azzjonijiet ta’ infurzar. Fl-2021, il-Kummissjoni wettqet rieżami tar-regolamenti, il-linji gwida u l-avviżi ewlenin tal-kompetizzjoni, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha dwar politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda 1 , li tfassal ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fit-triq tal-Ewropa lejn l-irkupru, fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u għal suq uniku reżiljenti.

2.2Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Regolament ġdid biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq mogħtija minn pajjiżi terzi lil kumpaniji attivi fis-suq uniku 2 , wara l-proposti tal-2020 dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li t-tnejn għandhom l-għan li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ sfidi diġitali 3 . B’mod partikolari, l-Att dwar is-Swieq Diġitali stabbilixxa obbligi li jaġixxu bħala gwardjani għan-negozji u l-konsumaturi fis-suq uniku.

2.3Ir-regoli u l-gwida dwar l-antitrust u l-fużjonijiet ġew aġġornati biex jiġu indirizzati l-isfidi. Dan kien jinkludi rieżami tar-regoli dwar il-provvista vertikali u l-kooperazzjoni orizzontali, fejn din tal-aħħar b’mod partikolari kellha l-għan li tagħmilha aktar faċli għad-ditti biex jikkooperaw b’modi li jtejbu l-effiċjenza ekonomika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħha tal-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq, li jipprovdi gwida dwar kif il-kompetizzjoni tiġi infurzata fis-swieq tal-prodotti u dawk ġeografiċi.

2.4Il-Kummissjoni aġġornat ukoll ir-regoli u l-gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tgħin tindirizza ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu u tappoġġja t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Fid-dawl tal-inċertezza ekonomika, il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq uniku hija partikolarment rilevanti.. Il-Kummissjoni qiegħda tagħmel dan billi timmonitorja l-iżviluppi tas-suq. Il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kien partikolarment f’waqtu u rilevanti biex jipprovdi appoġġ lid-ditti fl-UE. L-iżviluppi kkawżati mill-aggressjoni Russa fl-Ukrajna jeħtieġu aġġustament ulterjuri tal-politika min-naħa tal-Kummissjoni. Sadanittant, il-Kummissjoni introduċiet appoġġ għall-investiment sat-tmiem tal-2022 u appoġġ għas-solvenza sal-31 ta’ Diċembru 2023, li jippermetti lill-Istati Membri jiksbu ingranaġġ ta’ fondi privati u jagħmluhom disponibbli għall-SMEs.

2.5Daqstant ieħor kien importanti r-rieżami tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien ambjentali u għad-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi. Kien meħtieġ li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida biex ikopru attivitajiet ekonomiċi ġodda bħall-mobilità nadifa u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Għalhekk, il-linji gwida riveduti jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.6Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrevediet ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Akkordji Vertikali u l-Linji Gwida Vertikali. L-għan huwa li jiġu aġġornati r-regoli preċedenti li ġew meqjusa bħala mhux adattati għall-iskop tagħhom, minħabba żviluppi fis-suq bħat-tkabbir tal-bejgħ online.

2.7Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ġie estiż ukoll biex jiffaċilita l-programmi ffinanzjati mill-UE. Essenzjalment, dan jgħin biex jiġu ssemplifikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif applikati għall-finanzjament nazzjonali u b’rabta ma’ programmi speċifiċi tal-UE.

2.8Barra minn hekk, ġew adottati Linji Gwida riveduti dwar l-Għajnuna Reġjonali biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġjaw reġjuni żvantaġġati kif ukoll reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi strutturali.

2.9Żvilupp importanti kien l-aġġustament tal-Kummissjoni għall-infurzar attwali u futur fir-rigward tal-isfidi kkawżati mit-trasformazzjoni diġitali. L-effiċjenza u l-effettività li bihom il-Kummissjoni tista’ tirrispondi għal prattiki antikompetittivi minn entitajiet bħal Apple, Amazon jew Facebook, ġew meqjusa kritiċi.

2.10Bl-istess mod, il-Kummissjoni wettqet riorganizzazzjoni biex tittratta Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni. Kien rilevanti wkoll il-ħolqien ta’ Task Force biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Swieq Diġitali.

2.11Biex jissaħħaħ l-operat tas-suq uniku, ġie pprovdut baġit ta’ EUR 4,2 biljun għal dak li huwa magħruf bħala l-Programm tas-Suq Uniku, li huwa mmirat għall-infurzar tal-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

2.12L-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u r-riformi regolatorji huma kritiċi għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tal-UE u għal reżiljenza akbar tas-suq uniku fi żminijiet diffiċli ħafna.

2.13F’dan ir-rigward, ir-rilevanza tal-investigazzjonijiet tal-antitrust u l-prattiki abbużivi minn korporazzjonijiet multinazzjonali kbar hija ta’ importanza kbira. Il-kontroll tal-fużjonijiet mill-Kummissjoni jiżgura wkoll li l-konsolidazzjoni sseħħ b’mod li jippermetti l-kompetizzjoni fis-swieq u jindirizza l-pożizzjoni dominanti fis-suq. L-għadd ta’ deċiżjonijiet dwar fużjonijiet laħaq l-ammont impressjonanti ta’ 396 f’diversi setturi.

2.14Żvilupp importanti ieħor kien id-direzzjoni pprovduta dwar l-infrastruttura tal-broadband li tissodisfa l-ħtiġijiet għal veloċitajiet diġitali eżiġenti ħafna, kif stabbilit fis-Soċjetà tal-Gigabits tal-UE 2025 u fl-Istrateġija Diġitali, kif ukoll fil-miri msemmija fil-Kumpass Diġitali tal-2030. L-għajnuna mill-Istat tappoġġja l-infrastrutturi tal-broadband madwar l-UE biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ma hemm l-ebda inċentiv għall-operaturi privati biex jipprovdu kopertura adegwata tal-broadband.

2.15Bl-istess mod, l-attivitajiet tal-Kummissjoni kkontribwew għall-objettivi ambjentali, speċjalment fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji u l-bidla gradwali iżda kostanti fis-settur tat-trasport minn fjuwils fossili għal fjuwils alternattivi. L-evitar tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni huwa kritiku biex jiġi sostnut il-Patt Ekoloġiku Ewropew u f’dan ir-rigward ukoll, il-Kummissjoni approvat għadd ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE.

2.16Rilevanti wkoll kien l-infurzar tal-antitrust u l-kontroll tal-fużjonijiet fl-industrija tal-karozzi, li jgħinu biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika. Din l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet tinvolvi l-impożizzjoni ta’ multi li jammontaw għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro.

2.17Importanti ħafna huwa l-fatt li r-rwol tal-Kummissjoni fit-tmexxija ’l quddiem tal-politika tal-kompetizzjoni huwa relatat ma’ kif taħdem il-kompetizzjoni għall-konsumaturi madwar l-UE. Kif jindika ġustament ir-rapport, l-ekonomija soċjali tas-suq hija waħda mill-pedamenti tal-UE u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’kull mument jappoġġjaw l-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija soċjali tas-suq.

2.18L-istess raġunament japplika għas-servizzi finanzjarji, fejn il-Kummissjoni indirizzat kartelli potenzjali fis-settur tas-servizzi finanzjarji bl-impożizzjoni ta’ multi kbar fuq għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

2.19Daqstant importanti kien ir-rispons tal-Kummissjoni għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali mill-COVID-19 billi applikat il-flessibbiltà permessa fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat permezz tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Dan ippermetta lill-Istati Membri jipprovdu skemi għan-negozji bħal garanziji ta’ self. Il-Kummissjoni approvat għadd ta’ skemi li jammontaw għal biljuni ta’ euro taħt il-Qafas Temporanju f’għadd ta’ setturi milquta mir-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-COVID-19, inkluż is-settur tal-avjazzjoni, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ likwidità u kapital.

2.20Rwol importanti mwettaq mill-Kummissjoni kien il-gwida u l-appoġġ ipprovduti biex jiġu ffaċilitati l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza ppreżentati mill-Istati Membri. Dan kien meħtieġ biex jiġi żgurat li l-pjani kienu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.20.1Fl-2021, il-Kummissjoni kompliet tiżgura li l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġu applikati b’mod konsistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmonitorjat u assistiet lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva dwar in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni+ fil-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar l-UE biex jinfurzaw ir-regoli tal-kompetizzjoni b’mod aktar effettiv u biex jiżguraw it-tħaddim kif imiss tas-suq uniku.

2.21Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni baqgħet attiva fil-Kumitat tal-Kompetizzjoni tal-OECD, fin-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni u fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jinnota l-ħidma kostruttiva li wettqet il-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ is-suq uniku billi tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni u tipproteġi l-kompetizzjoni madwar l-UE.

3.2Il-KESE jinnota wkoll l-effiċjenza fir-rispons tal-Kummissjoni biex ittaffi l-impatt tar-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-COVID-19 billi adottat Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tippermetti l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri lin-negozji, u fl-istess ħin tinżamm l-integrità tas-suq uniku.

3.3L-istess livell ta’ effiċjenza ġie applikat b’reazzjoni għall-kriżi li żviluppat wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Il-KESE huwa tal-fehma li l-adozzjoni rapida tal-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet kienet daqstant kritika daqs l-azzjoni meħuda fir-rigward tar-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-COVID-19. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika l-flessibbiltà kollha permessa skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta l-Istati Membri jiffaċċjaw xokkijiet ekonomiċi.

3.4Il-KESE jinnota wkoll il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni fir-rieżami tagħha tar-regolamenti, il-linji gwida u l-avviżi ewlenin biex jiġi żgurat li dawn jibqgħu adattati għall-iskop tagħhom, speċjalment fir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Akkordji Vertikali u tal-Linji Gwida Vertikali.

3.5Il-KESE jqis l-adozzjoni ta’ Regolament li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-pubblikazzjoni ta’ Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien ambjentali u għall-enerġija bħala passi importanti b’appoġġ għall-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE. L-adozzjoni ta’ Komunikazzjoni riveduta għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) hija meqjusa rilevanti wkoll.

3.6Il-KESE jinnota l-isforzi li saru fil-mixja lejn l-adozzjoni tal-Att dwar is-Swieq Diġitali. Il-KESE jqis li din il-leġiżlazzjoni hija pass enormi lejn l-infurzar tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi fl-użu tas-servizzi diġitali.

3.7Il-KESE jinnota wkoll li l-proposta għal Regolament dwar is-sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern tinsab fil-proċess li tiġi adottata. F’għadd ta’ Opinjonijiet tiegħu, il-KESE saħaq kontra l-għoti ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq lil ditti attivi fl-UE; ir-Regolament propost għandu jagħti setgħat ġodda lill-Kummissjoni biex tinvestiga dawn is-sussidji barranin u tieħu miżuri ta’ rimedju kull meta jkun meħtieġ. Il-KESE jemmen li dan huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta fuq termini ugwali.

3.8Il-KESE jieħu nota tal-azzjoni tal-antitrust kif ukoll tal-azzjoni meħuda dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. Tali azzjoni hija meħtieġa biex tippreserva l-integrità tas-suq uniku u tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet meħuda mill-ġganti tat-teknoloġija.

3.9L-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ għadd ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE, inklużi miżuri li jappoġġjaw l-enerġija rinnovabbli u l-mobilità nadifa, twitti t-triq għal aktar azzjoni pożittiva fil-futur.

4.Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

4.1Il-KESE jappella għal djalogu kontinwu mal-Kummissjoni dwar l-azzjoni ulterjuri meħtieġa biex jissaħħaħ l-operat tas-suq uniku. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-Opinjoni reċenti tiegħu li tidentifika n-nuqqasijiet fis-suq uniku tal-UE.

4.2Filwaqt li l-KESE faħħar il-ħeffa li biha l-Kummissjoni wieġbet għar-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-COVID-19 u, aktar reċentement, għall-effetti ekonomiċi kkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna, huwa jappella għal monitoraġġ kontinwu tal-iskemi approvati mill-Kummissjoni nnifisha u mnedija mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, sabiex jiġi evitat li l-fondi jiġu ddevjati lejn kumpaniji li mhumiex ekonomikament vijabbli. Il-livell ta’ appoġġ meħtieġ, kif ukoll il-pressjonijiet li qegħdin jiffaċċjaw il-gvernijiet madwar l-UE biex jipprovdu għajnuna mill-Istat, huwa straordinarju, u jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

4.3Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-flessibbiltà massima permessa fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw skemi li jipprovdu għajnuna effettiva lid-ditti u lill-komunitajiet milquta mill-gwerra fl-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li għajnuna bħal din għandha tkun permessa b’distorsjonijiet minimi għall-kompetizzjoni.

4.4Il-KESE jenfasizza l-isforzi li saru biex tiġi appoġġjata l-aġenda ekoloġika tal-UE permezz tal-politika tal-kompetizzjoni. Dan huwa essenzjali, u l-linji gwida l-ġodda tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Peress li t-tliet setturi huma interrelatati, il-KESE jemmen li l-linji gwida l-ġodda jipprovdu bażi solida għal appoġġ effettiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

4.5Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-investigazzjonijiet li wettqet il-Kummissjoni dwar għadd ta’ ġganti tat-teknoloġija għal prattiki mhux kompetittivi u jappoġġja bis-sħiħ tali investigazzjonijiet, peress li huma konformi mal-pożizzjoni adottata mill-KESE dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali, speċjalment ir-rilevanza tagħha biex tippermetti l-kompetizzjoni fis-servizzi diġitali u biex tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE minn prattiki abbużivi minn ġganti tat-teknoloġija. Dan juri li l-Kummissjoni issa għandha aktar influwenza fir-rigward tal-għan tagħha li timxi lejn suq diġitali aktar regolat.

4.6Il-KESE jappella għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni biex tiġi infurzata aktar il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE kontra kumpaniji li jinvolvu ruħhom fi prattiki kummerċjali transfruntiera li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u huma ta’ ħsara għall-konsumaturi. Il-KESE jqis li l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet hija essenzjali.

4.7Il-KESE jinnota l-importanza tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari matul il-pandemija, u jappella għal kompetizzjoni b’termini ugwali fis-settur kollu. Madankollu, iwissi kontra l-iżvilupp ta’ settur u suq tal-avjazzjoni li maż-żmien jistgħu jispiċċaw iddominati minn għadd żgħir ta’ linji tal-ajru.

4.8Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq mogħtija lil ditti mhux tal-UE li joperaw fl-UE. Dan għandu effetti ovvji ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, u d-ditti barranin jistgħu jkunu qed jibbenefikaw ukoll minn vantaġġi tat-taxxa, u dan joħloq aktar distorsjonijiet kompetittivi. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu azzjoni adatta dwar sussidji li joħolqu distorsjoni fis-suq u prattiki antikompetittivi oħra minn kumpaniji (immexxija mill-Istat jew privati) barra mill-UE. Dan jgħin ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija industrijali Ewropea.

4.9Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni qed jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa. Il-KESE jwissi kontra l-possibbiltà ta’ ftehimiet antikompetittivi jew abbużi minn pożizzjoni dominanti li jħallu impatt fuq il-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet ogħla. Il-KESE jwissi wkoll kontra l-industrija tal-ipermerkati u tal-ħwienet tal-merċa li tassumi rwol dominanti fis-suq tal-ikel għad-detriment tal-konsumaturi f’termini ta’ prezzijiet ogħla u għad-detriment tal-produtturi f’termini ta’ prezzijiet tal-provvista aktar baxxi. Il-KESE huwa konxju li huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm żbilanċi fir-relazzjonijiet kummerċjali individwali 4 . Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja kontinwament l-effettività tal-analiżi tas-suq u l-azzjoni li qed tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali.

4.10Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istrument ġdid għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku, li jikkomplementa miżuri leġiżlattivi oħra tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet bħall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll ir-regoli tal-UE għal setturi, ktajjen tal-provvista u prodotti speċifiċi bħas-saħħa, is-semikondutturi u s-sigurtà tal-ikel, li diġà jipprevedu miżuri mmirati ta’ rispons għall-kriżijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li dan jipprovdi qafas ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ibbilanċjat tajjeb biex jiġi identifikat it-theddid differenti għas-Suq Uniku u jiġi żgurat it-tħaddim bla xkiel tiegħu billi: tinħoloq arkitettura ta’ governanza fil-kriżijiet; jiġu proposti miżuri ġodda biex ipattu għall-impatti negattivi fuq is-Suq Uniku; u jitħallew jittieħdu miżuri tal-aħħar istanza f’każ ta’ emerġenza.

4.11Il-KESE jappella għal aktar passi biex jissaħħu l-kompetizzjoni u s-suq uniku fi żmien meta l-ekonomiji qed ikomplu jiffaċċjaw sfidi kkawżati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija, restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista u inċertezza ekonomika.

 

4.12Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-aġenda tal-UE għal ekonomija ekoloġika u diġitali bbażata fuq il-pedamenti ta’ ekonomija soċjali tas-suq m’għandhiex tixxekkel minħabba l-kriżi li qed tiżvolġi fl-Ukrajna. Is-swieq bi prezzijiet kompetittivi u ġusti għaċ-ċittadini tal-UE għandhom jibqgħu l-objettiv tal-UE, permezz ta’ azzjoni mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali madwar l-UE. F’dan ir-rigward, huwa pertinenti li ssir referenza għall-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar l-akkwist konġunt tal-gass naturali bħala soluzzjoni temporanja iżda effettiva biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-enerġija.

4.13L-aħħar punt jirreferi għall-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, skont ir-regoli tal-UE, biex jiġu appoġġjati miżuri li jindirizzaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna, inkluża l-kriżi tar-refuġjati li taffettwa lill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna, u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-perspettiva usa’ tal-ġeneru.

Brussell, 14 ta’ Diċembru 2022

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    Politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda, COM(2021) 713 final.
(2)    COM(2021) 223 final.
(3)    COM(2020) 842 final.
(4)    Id-Direttiva ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur – parti mir-“Rieżami tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur”.