MT

TEN/709

Il-futur tat-trasport bl-ajru tal-UE matul u wara l-kriżi tal-coronavirus

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Il-futur tat-trasport bl-ajru tal-UE matul u wara l-kriżi tal-coronavirus

[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]

Relatur: Thomas KROPP

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20/02/2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

03/09/2020

Adottata fil-plenarja

16/09/2020

Sessjoni plenarja Nru

554

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

217/1/2



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-avjazzjoni hija wieħed mis-setturi l-aktar milqutin ħażin mill-kriżi tal-coronavirus. Bejn Marzu 2020 u Mejju 2020 biss, is-suq tat-traffiku tal-passiġġieri bl-ajru naqas b’90 %, b’konsegwenzi drammatiċi għad-dħul tal-partijiet interessati kollha u l-impjegati tagħhom fil-katina tal-valur tal-avjazzjoni.

L-avjazzjoni għandha rwol ċentrali għall-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll għall-konnessjonijiet ġewwa l-Ewropa u ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Is-settur tat-turiżmu huwa kontributur ewlieni għall-PDG nazzjonali f’ħafna pajjiżi, u sofra telf gravi. Dan it-telf qed ikollu impatt fuq il-pajjiżi tal-UE, iżda l-impatt tiegħu huwa saħansitra akbar fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn is-settur jammonta għal ishma sinifikanti tal-PDG. Għal dawn il-pajjiżi, l-għeluq tal-attivitajiet tat-turiżmu qed jhedded li jġib fix-xejn il-progress umanitarju importanti li ntlaħaq (Studju mill-‘Institut der deutschen Wirtschaft’, Awwissu 2015: Entwicklungsfaktor Tourismus [It-turiżmu bħala fattur tal-iżvilupp]; it-turisti Ġermaniżi waħidhom nefqu EUR 13,5-il biljun f’destinazzjonijiet turistiċi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan ifisser 5 % tal-infiq turistiku kollu f’dawn il-pajjiżi u joħloq 78 000 impjieg hemmhekk).

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippromovi t-turiżmu bħala l-pedament tal-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp.

1.2L-Istati Membri tal-UE huma lesti li jassistu lis-setturi ekonomiċi kollha fil-proċess ta’ rkupru. Madankollu, minħabba reċessjoni globali bla preċedent, kif ukoll id-durata mingħajr ċertezza tal-pandemija, huwa improbabbli li l-attivitajiet ekonomiċi globali ser jerġgħu jilħqu l-livelli ta’ qabel il-coronavirus fil-futur qrib. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali komprensiv għall-irkupru tas-settur Ewropew kollu tal-avjazzjoni; pjan ta’ azzjoni bħal dan għandu jinkludi riżorsi speċifiċi biex jappoġġjaw lis-sottosetturi kollha u l-forza tax-xogħol tagħhom.

1.3Il-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali kollha għandhom bżonn stabbiltà fl-ippjanar. Il-kriżi tal-coronavirus tirrikjedi distinzjoni ċara bejn il-fażi ta’ rkupru tas-settur tal-avjazzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien, u l-iżgurar tal-kompetittività internazzjonali tas-settur u kundizzjonijiet ekwi fuq perjodu medju sa twil ta’ żmien.

F’dan il-kuntest, iż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa huma rekwiżiti ewlenin biex tinżamm forza tax-xogħol b’ħiliet, li mingħajrha l-kompetittività sostenibbli ma tistax tiġi żgurata. Għaldaqstant, ir-reklutaġġ u t-taħriġ kontinwi ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata fil-katina tal-valur tal-avjazzjoni huma prerekwiżit biex jiġi żgurat l-irkupru tal-avjazzjoni Ewropea.

1.4Fuq perjodu qasir ta’ żmien, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-passiġġieri fir-rigward tal-avjazzjoni. Il-kriżi tal-coronavirus ħolqot kundizzjonijiet tas-suq mhux previsti fil-biċċa l-kbira tar-regolamenti rilevanti. Il-passiġġieri għandu jkollhom is-serħan il-moħħ dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-biljetti mħallsa minn qabel jiġu rimborżati fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet matul din il-kriżi; il-Kummissjoni għandha wkoll tippromovi l-fehim li l-ivvjaġġar bl-ajru huwa sikur, billi tinkoraġġixxi ftehimiet internazzjonali dwar standards sanitarji adatti.

Matul din il-fażi ta’ rkupru kritika, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll l-istabbiltà tal-ippjanar billi timponi moratorju fuq il-bidliet fil-qafas regolatorju li jkunu ta’ xkiel għal irkupru effettiv.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfittex u żżomm bilanċ tajjeb bejn il-miżuri ta’ rkupru meħtieġa biex tingħeleb il-kriżi tal-coronavirus u l-aġġustamenti mixtieqa għar-regolamenti finanzjarji li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevita li timponi piżijiet finanzjarji u/jew regolatorji addizzjonali fuq is-settur, b’mod partikolari fil-fażi ta’ rkupru, meta s-settur kollu jinsab finanzjarjament imdgħajjef għall-aħħar. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal estensjoni tad-deroga tad-dispożizzjoni tas-slots li “tużah jew titilfu” għall-istaġun tax-xitwa 2020-2021.

1.5Fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-UE (adottata fl-2015) li għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-perjodu wara l-coronavirus, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fraġilità straordinarja tas-sistema tal-avjazzjoni, u tibdil fil-parametri u d-dinamika tas-suq.

1.6Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li tinnegozja mill-ġdid il-Ftehimiet bilaterali dwar is-Servizzi tal-Ajru ma’ pajjiżi mhux tal-UE, bil-għan li jiġu evitati l-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna mill-Istat, tar-reġimi ambjentali bħall-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u l-iżbilanċi soċjali, abbażi ta’ kundizzjonijiet ekwi, sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli kontinwu tas-suq.

1.7Ladarba s-settur Ewropew tal-avjazzjoni jkun reġa’ kiseb l-istabbiltà tiegħu, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni timpenja ruħha favur politika tal-avjazzjoni sostenibbli li tillibera l-potenzjal tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew.

1.8Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-kompetittività Ewropea billi taċċellera l-passi regolatorji meħtieġa biex timplimenta bis-sħiħ l-Ajru Uniku Ewropew wara deċennji ta’ tilwim bla bżonn bejn l-Istati Membri u l-UE, u b’hekk jintlaħaq tnaqqis ta’ 10 % fl-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE kollha.

1.9Il-Patt Ekoloġiku huwa pakkett ta’ politiki ewlieni li l-KESE jappoġġja biex fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqas l-impatt tas-setturi kollha, inkluża l-avjazzjoni ,fuq it-tibdil fil-klima. Il-KESE jistenna li jiġu allokati aktar fondi tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp, bil-għan li jiġu promossi prodotti, servizzi, proċeduri u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent mingħajr ma tiġi pperikolata l-kompetittività Ewropea. Fil-fatt, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw il-politika fuq il-promozzjoni ta’ standards tas-sostenibbiltà li jkunu applikabbli globalment, inklużi miżuri ambjentali addizzjonali, meta tingħata għajnuna finanzjarja mill-Istati Membri.

1.10Il-KESE jixtieq ċertezza li dawk l-imsieħba soċjali li jużaw il-formula tad-Djalogu Soċjali jkomplu jiġu involuti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri regolatorji meħtieġa, u jtenni li huwa lest li jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tippromovi l-irkupru rapidu tas-settur tal-avjazzjoni tal-Ewropa.

2.Kuntest

2.1Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jimpjega direttament bejn 1,4 1  miljun u 2 2  miljun ruħ u b’kollox isostni bejn 4,8 miljun u 5,8 miljun impjieg. Il-kontribuzzjoni diretta tal-avjazzjoni għall-PDG tal-UE hija ta’ EUR 110 biljun, u l-impatt globali, inkluż it-turiżmu, huwa ta’ xejn inqas minn EUR 510 biljun permezz tal-effett ta’ multiplikatur.

Dan ir-rwol kruċjali tal-avjazzjoni – mhux biss bħala settur, iżda bħala xprun għall-prosperità ekonomika, is-sigurtà tal-impjiegi u t-turiżmu – ġie sottovalutat ħafna sal-lum.

F’ċerti Stati Membri, it-turiżmu jammonta għal 25 % tal-PDG nazzjonali. Għalhekk, sabiex it-turiżmu jiġi sostnut bħala sors ta’ dħul eċċellenti, huwa importanti ferm li jerġgħu jibdew joperaw malajr is-servizzi tal-ajru, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-miżuri sanitarji rilevanti.

Globalment, l-avjazzjoni Ewropea tippromovi wkoll il-kummerċ u t-turiżmu lejn pajjiżi bi bżonn urġenti ta’ appoġġ ekonomiku u ta’ integrazzjoni politika fil-komunità globali. In-nuqqas ta’ vjaġġi bl-ajru internazzjonali waqt il-kriżi tal-coronavirus aggrava d-dgħufija ekonomika b’mod partikolari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.2Għalkemm l-avjazzjoni ffaċċjat kriżijiet oħrajn fil-passat (Eżempji jinkludu: l-attakki terroristiċi u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru fl-2001; it-tifqigħa tas-SARS u dik tal-Ebola; il-kriżi tas-sistema finanzjarja globali fl-2008; u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew meta nfirex l-irmied vulkaniku fl-2010 (il-kriżi attwali hija bla preċedent). Skont stimi aġġornati, l-irkupru tas-settur mhux se jseħħ qabel l-2024 3 . La l-istituzzjonijiet Ewropej u lanqas il-korpi internazzjonali ma rnexxielhom jikkoordinaw miżuri regolatorji biex jistabbilixxu standards internazzjonali. L-avjazzjoni internazzjonali, madankollu, teħtieġ standards sanitarji globali konsistenti u ibbażati fuq ix-xjenza, jekk trid li tistabbilixxi mill-ġdid il-livelli ta’ qabel il-kriżi b’mod sostenibbli u reżiljenti.

Filwaqt li l-attenzjoni pubblika u politika kienet fuq il-linji tal-ajru matul il-kriżi, l-ekosistema tal-avjazzjoni tinkludi atturi importanti oħrajn, bħall-ajruporti, il-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs), is-servizzi fuq l-art (ground handling) u fornituri ta’ servizzi oħrajn. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jinkludu l-katina kollha tal-valur tal-avjazzjoni.

3.Kummenti ġenerali dwar l-istatus attwali tal-kriżi

3.1Preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa

L-intensità u d-durata tal-kriżi tal-coronavirus se jiddependu mill-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jrażżnu l-firxa ta’ virus li s’issa ma kienx magħruf. Diversi studji juru li t-trasport bl-ajru huwa wieħed mill-iktar modi sikuri ta’ trasport. Fil-livell Ewropew, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard u, fil-livell globali, mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) żviluppaw linji gwida dwar protokoll ta’ iġjene koordinata, u miżuri ta’ saħħa u iġjene koordinati mill-Istati Membri. Il-linji tal-ajru u l-ajruporti kkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u mal-ICAO.

3.2Nuqqas ta’ likwidità

Fit-tieni kwart tal-2020, id-dħul tal-linji tal-ajru naqas b’medja ta’ 79 %. Anki meta jitnaqqsu l-ispejjeż flessibbli, f’dan il-perjodu, il-linji tal-ajru ġarrbu telf fil-bilanċ tal-kontanti li jammonta għal madwar USD 60 biljun. Kontributur ewlieni għall-problema tal-likwidità kien il-ħlas lura għall-biljetti mibjugħin minn qabel (Il-kalkoli huma differenti għall-mudell tan-negozju tat-trasportaturi low-cost, li għandhom spejjeż operattivi aktar baxxi iżda dipendenza ogħla mill-biljetti mibjugħin minn qabel).

Madankollu, il-konsumaturi huma milqutin wkoll mill-kriżi tal-coronavirus; inbeda tilwim f’diversi Stati Membri mill-konsumaturi li qed jitolbu rimborż tal-biljetti mħallsin bil-quddiem, skont ir-Regolament 261/2004. Hija meħtieġa soluzzjoni trasparenti u realistika ta’ dawn il-każijiet u ta’ talbiet ulterjuri f’kalendarju taż-żmien realistiku.

Għalhekk, meta joħroġ mill-kriżi tal-coronavirus, is-settur tat-trasport bl-ajru ser ikun midjun ħafna (Minkejja li, f’livell dinji, il-gvernijiet s’issa pprovdew għajnuna mill-Istat li tammonta għal madwar USD 123 biljun biex il-linji tal-ajru jibqgħu operattivi, huma biss USD 11-il biljun li ngħataw bħala ekwità; il-bqija tal-ammonti huma obbligazzjonijiet li l-linji tal-ajru se jkollhom irodd lura). Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil-linji tal-ajru Ewropej tvarja b’mod sinifikanti fil-forma u l-volum bejn l-Istati Membri.

Diversi linji tal-ajru li joperaw fuq livell internazzjonali rreġistraw għal falliment (Eżempji jinkludu: Avianca, LATAM u South African Airways.).

Xi pagamenti lill-ANSPs ġew differiti; dan itaffi l-pressjoni fuq il-likwidità tal-linji tal-ajru, iżda joħloq lakuna sinifikanti fid-dħul għall-ANSPs. Trid tinstab soluzzjoni li tagħmilha possibbli li l-ANSPs jibqgħu jipprovdu servizzi essenzjali b’mod vijabbli, u li ma twassalx għal żieda fl-imposti għal-linji tal-ajru f’data aktar tard, meta jkunu għadhom kemm qed jirkupraw. Bl-istess mod, l-ajruporti, l-operazzjonijiet tal-merkanzija, kif ukoll is-servizzi fuq l-art, il-forniment tal-ikel u fornituri ta’ servizzi oħrajn intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi u jistgħu, għalhekk, jeħtieġu wkoll appoġġ ulterjuri.

3.3Approċċ koordinat biex jiġi żgurat l-irkupru fuq perjodu qasir ta’ żmien

Il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni għas-settur tat-trasport, li tirrakkomanda:

·strateġija ġenerali għall-irkupru fl-2020 u lil hinn;

·approċċ komuni għar-ritorn tal-moviment liberu u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fil-fruntieri interni tal-UE b’mod gradwali u kkoordinat;

·qafas biex jappoġġja l-istabbiliment mill-ġdid u b’mod gradwali tat-trasport, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri u tal-persunal;

·miżuri biex il-vawċers tal-ivvjaġġar ikunu alternattiva attraenti għar-rimborż tal-flus għall-konsumaturi;

·kriterji biex l-attivitajiet turistiċi jissoktaw b’mod sikur u gradwali u għall-iżvilupp ta’ protokolli tas-saħħa għal stabbilimenti ta’ ospitalità bħalma huma l-lukandi.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex ta’ natura vinkolanti: iżda juru l-livell sa fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-allinjament tal-miżuri rispettivi tagħhom.

Fir-rebbiegħa tal-2020, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni għal Qafas Temporanju dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-qafas jippermetti lill-Istati Membri jikkumpensaw lill-kumpaniji għal telf finanzjarju straordinarju u biex iżommu l-impjiegi u l-livelli ta’ impjieg. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet derogi temporanji rigward l-allokazzjoni ta’ slots 4 , kif ukoll rigward il-liċenzji għas-servizzi fuq l-art. Huwa importanti u urġenti li jiġi vvalutat jekk estensjoni ulterjuri ta’ dawn il-miżuri tikkontribwixxix għall-istabbiltà tal-ippjanar għall-kumpaniji kkonċernati u, jekk iva, li jinbdew il-passi regolatorji meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

Il-KESE għandu tħassib kbir dwar in-nuqqas tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jimplimentaw approċċi konsistenti u bbażati fuq ix-xjenza għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Minkejja t-talbiet ripetuti mill-industrija għal approċċ ibbażat fuq ix-xjenza, armonizzat u kkoordinat għal restrizzjonijiet ġodda, tfaċċaw approċċi nazzjonali differenti. Xi wħud minn dawn il-miżuri nazzjonali unilaterali jmorru kontra l-gwida esperta u jkomplu jagħmlu ħsara lill-kunfidenza tal-konsumatur. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissalvagwardja t-tkomplija sikura u trasparenti tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa. L-Istati Membri għandhom jimmiraw li jarmonizzaw il-ftuħ gradwali tal-fruntieri tagħhom, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

4.Kummenti speċifiċi dwar ir-rekwiżiti għal irkupru sostenibbli

4.1Il-kriżi bħala opportunità għal valutazzjoni mill-ġdid tar-rwol strateġiku tal-avjazzjoni għall-Ewropa 5  

Il-kriżi tal-coronavirus bidlet ir-relazzjoni bejn il-partijiet interessati fil-katina tal-valur tal-avjazzjoni. Minħabba d-daqs ġdid u l-istruttura tas-suq, il-partijiet interessati tal-avjazzjoni jeħtieġ ikunu involuti fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi li huma adattati għall-iskop tagħhom fis-suq tal-ivvjaġġar bl-ajru wara l-coronavirus.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se jkollha terġa’ tivvaluta l-politika ġenerali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat fid-dawl tar-realtajiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu. Iċ-ċentri internazzjonali fil-viċinat tal-UE, bħal Istanbul, London-Heathrow u fil-Golf, jistgħu jiddevjaw it-traffiku tal-ajru u jdgħajfu l-konnettività tal-UE fl-assenza ta’ politika tal-avjazzjoni tal-UE konsistenti u konvinċenti mmirata lejn il-promozzjoni tal-kompetittività tal-UE u lejn kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, filwaqt li jinżammu l-impjiegi ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. Ser ikun meħtieġ ukoll li jiġi evalwat b’mod konsistenti l-livell ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija f’pajjiżi mhux tal-UE (Dawn jistgħu jkunu fil-forma ta’ self, sussidji tal-pagi, garanziji għal self, finanzjament ta’ ekwità, taxxi korporattivi, finanzjament ta’ rotot jew injezzjonijiet ta’ flus). Barra minn hekk, se tkun meħtieġa implimentazzjoni rigoruża tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex jiġi evitat li pajjiżi mhux tal-UE jagħmlu akkwiżizzjonijiet ostili ta’ linji tal-ajru jew jinvestu fihom, biex b’hekk jiġi żgurat li l-ekonomija Ewropea tkun tista’ tibqa’ kompetittiva internazzjonalment f’termini ta’ kwalità u prezzijiet u sserraħ fuq il-konnettività pprovduta mis-settur tal-avjazzjoni tagħha (Astra, kumpanija tal-ajru żgħira Griega, kienet f’negozjati ma’ investituri Ċiniżi).

4.2Żamma tal-kompetittività

4.2.1Is-settur tat-trasport bl-ajru mhux se jkun jista’ jerġa’ lura għan-normalità ta’ qabel il-coronavirus (Ix-xenarji jvarjaw minn irkupru sal-2022, sa rkupru fl-2025), peress li l-iskala tal-kriżi tal-coronavirus se jkollha effetti strutturali fuq is-suq. Sabiex tinżamm l-istabbiltà tal-ippjanar għall-partijiet ikkonċernati u l-konsumaturi, il-Ftehimiet dwar is-Servizzi tal-Ajru tal-UE mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom jintużaw bħala pjattaforma għall-monitoraġġ konġunt tal-livelli ta’ għajnuna mill-Istat li jingħataw matul il-kriżi tal-coronavirus, bil-għan li jiġu identifikati u riżolti xejriet ta’ distorsjoni. L-aċċess għas-suq għandu jkollu rwol importanti biex jiġi determinat il-livell tal-għajnuna mill-Istat f’dan il-kuntest. Għandhom jiġu applikati miżuri ta’ ritaljazzjoni jekk pajjiż mhux tal-UE jirrifjuta li jindirizza l-kwistjoni tal-għajnuna. L-istandards ambjentali u soċjali inugwali bejn it-trasportaturi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE jeħtieġ li jiġu indirizzati f’dawn il-Ftehimiet bilaterali dwar is-Servizzi tal-Ajru.

4.2.2Il-kapaċità żejda fis-suq, flimkien ma’ tnaqqis prevedibbli fil-kapaċità tal-akkwist matul ir-reċessjoni globali li jmiss, jistgħu anke jirrikjedu bidliet temporanji jew strutturali għas-Servizzi tal-Ajru, bil-għan li tiġi ssalvagwardjata r-reċiproċità matul il-perjodu ta’ rkupru.

4.2.3Il-Kummissjoni tista’, u għandha, tniedi proċedimenti unilaterali kontra pajjiżi li mhumiex fl-UE u t-trasportaturi tagħhom, jekk ma jkunux jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet permezz tan-negozjati (Ir-Regolament (UE) 2019/712 joffri l-għażla li jinbdew proċedimenti).

4.2.4Waħda mill-kwistjonijiet partikolarment sensittivi hija t-tensjoni bejn il-limiti ta’ likwidità ta’ passiġġieri li jitolbu rimborż tal-biljetti mħallsin minn qabel, u l-limiti ta’ likwidità tal-linji tal-ajru, li ħafna minnhom ikollhom jirreġistraw għal falliment jekk fil-fatt ikollu jsir ir-rimborż kollu. Ir-reviżjoni li jmiss tal-UE 261 għandha timmira li tiċċara r-regoli, sabiex tipprovdi soluzzjoni vantaġġuża għal kulħadd, fl-interess tal-passiġġieri kif ukoll fl-interess tal-linji tal-ajru (Jistgħu jiġu kkunsidrati diversi possibbiltajiet, pereżempju, vawċer b’limitu ta’ żmien garantit mill-gvern: f’każ li l-linja tal-ajru tirreġistra għal falliment qabel l-iskadenza tal-vawċer, jew f’każ li l-linja tal-ajru ma tkunx f’pożizzjoni li toffri t-titjira, il-passiġġier jirċievi rimborż u l-linja tal-ajru tirbaħ aktar ħin biex tuża r-riżervi tal-kontanti tagħha).

4.2.5Il-KESE jemmen li l-istat attwali tas-settur tant huwa kritiku li l-inizjattivi regolatorji li jfixklu l-istabbilizzar ta’ settur tal-avjazzjoni tal-UE globalment kompetittiv għandhom jiġu sospiżi għad-durata tal-fażi ta’ rkupru.

6 F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni l-prijoritajiet li l-Kummissjoni għandha ssegwi sabiex tistabbilixxi u żżomm il-kompetittività Ewropea filwaqt li tiżgura l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni soċjali.

4.3Id-djalogu soċjali huwa pilastru ewlieni għall-irkupru

Għall-ekosistema kollha tal-avjazzjoni u l-impjegati tagħha il-kriżi attwali ġabet diffikultajiet eżistenzjali, irrispettivament mill-effiċjenza tas-servizzi offruti. Huwa kruċjali li jinstab bilanċ adatt bejn il-kunsiderazzjonijiet intraprenditorjali u soċjali, sabiex jiġi żgurat il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità sostenibbli fil-futur.

Din mhijiex biss kwistjoni ta’ politika u prinċipju, iżda waħda li teħtieġ kunsiderazzjoni immedjata: huma inaċċettabbli l-prattiki tas-suq bħal titjir fuq talba (flying-on-demand), impjieg indipendenti fittizju, nuqqas ta’ protezzjoni soċjali f’każ ta’ sejħa bl-offerti u/jew telfien parzjali tal-attivitajiet, jew terminazzjoni ta’ kuntratti ma’ impjegati sempliċement biex jiġi rreklutat mill-ġdid l-istess persunal b’pagi sostanzjalment aktar baxxi 7 .

Id-djalogu soċjali ser ikun meħtieġ ukoll meta jsir it-tibdil fid-daqs li bilfors irid isir fil-biċċa l-kbira tal-kumpaniji u, għaldaqstant, għandu jitrawwem fil-livell Ewropew, nazzjonali u tal-kumpaniji. Dan ma jeskludix lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri milli jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam soċjali.

4.4L-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-ekosistema tal-avjazzjoni

4.4.1Il-KESE jinnota l-ftehim bejn is-settur tal-avjazzjoni globali kollu dwar miżuri biex irażżnu l-emissjonijiet tas-CO2 kemm fil-livell globali 8 kif ukoll f’dak tal-UE 9 . Kwalunkwe miżura addizzjonali tal-UE għandha għalhekk titqies f’kuntest kompetittiv; id-devjazzjoni tat-traffiku tal-ajru minn linji tal-ajru tal-UE lejn il-kompetituri tagħhom li mhumiex mill-UE, pereżempju, ma għandha l-ebda effett pożittiv fuq is-sostenibbiltà.

Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà għandha tiġi evalwata fil-kuntest ġdid ta’ wara l-coronavirus. Tinħtieġ valutazzjoni tal-effett li l-miżuri għandhom fuq il-kapaċità tal-linji tal-ajru tal-UE li jirkupraw b’mod sostenibbli mill-kriżi tal-coronavirus u jibqgħu kompetittivi.

Bħas-setturi l-oħrajn kollha, il-KESE jenfasizza li l-avjazzjoni għandha taderixxi mal-objettivi fit-tul tal-Patt Ekoloġiku. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-azzjonijiet tagħha fuq livell globali, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda netwerk ferrovjarju ta’ veloċità għolja fl-Ewropa li jkun mifrux aktar, b’konnessjonijiet diretti lejn l-ajruporti ċentrali.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE jipprevedi investiment f’setturi orjentati lejn il-futur. Fil-fehma tal-KESE, dan għandu jinkludi investiment strateġiku fit-teknoloġija interoperabbli tal-ogħla livell għall-partijiet interessati kollha tal-avjazzjoni. Għandhom jiġu promossi b’mod attiv is-swieq tal-fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni, it-teknoloġiji sostenibbli u s-swieq tad-data. Il-fjuwils likwidi mingħajr fossili għandhom potenzjal kbir biex tintlaħaq avjazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju. Għad hemm bżonn ta’ riċerka u żvilupp sinifikanti biex dawn il-fjuwils jiġu offruti bi spejjeż raġonevoli.

Il-KESE bi pjaċir jinnota d-diversi inizjattivi ta’ finanzjament għal tali fjuwils alternattivi (power-to-X, fjuwil sintetiku) taħt l-istrument attwali ta’ finanzjament għar-riċerka tal-UE (l-Orizzont 2020), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi għall-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jmiss (fost strumenti oħra ta’ finanzjament: l-Orizzont Ewropa).

4.4.2Madankollu, il-KESE jinsisti li l-finanzjament ta’ teknoloġija u miżuri ġodda mfasslin biex isaħħu s-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-iskalabbiltà tal-ekosistema tal-avjazzjoni għandhom ikunu elementi integrali ta’ pjan direzzjonali tal-avjazzjoni komprensiv, li għandu jiġi implimentat bil-għan li jipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-irkupru tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni Ewropea.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2020

Luca Jahier

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)       Steer Davies Gleave – Study on employment and working conditions in air transport and airports, Final report 2015. [Studju dwar l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-trasport bl-ajru u l-ajruporti, Rapport finali 2015].
(2)      Aviation: Benefits Beyond Borders, Rapport imħejji minn Oxford Economics għall-ATAG, April 2014.
(3)      Ara https://blueswandaily.com/european-capacity-may-have-grown-in-jun-2020-but-a-european-aviation-body-warns-that-the-recovery-in-passenger-traffic-is-proceeding-at-a-slower-pace-than-it-had-projected/
(4) L-Opinjoni tal-KESE TEN/711 dwar “L-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità”, li għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
(5)     ĠU C 13, 15.01.2016, p.169
(6)     ĠU C 13, 15.01.2016, p.110 .
(7)     ĠU C 13, 15.01.2016, p.110 .
(8)     ĠU C 133, 9.05.2013, p.30 .
(9)      CORSIA (Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali).