MT

ECO/673

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2025

OPINJONI

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2025

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Kuntatt

eco@eesc.europa.eu

Amministratur

Omar BELLO

Data tad-dokument

9/9/2025

Relatur: Juraj SIPKO

Konsulent

Petr ZAHRADNÍK (għar-relatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

27/3/2025

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

5/9/2025

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

34/0/1

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

D/M/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

...

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jinnota li l-prestazzjoni ekonomika tal-UE u tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, b’mod partikolari matul dawn l-aħħar ħames snin, ma ppermettietx lill-UE żżomm il-pożizzjoni b’saħħitha tagħha fl-ekonomija globali, primarjament meta mqabbla mal-ekonomiji tal-Istati Uniti u taċ-Ċina. Din ix-xejra tidher ċar l-aktar mir-rata ta’ tkabbir ħafna aktar bil-mod u minn aspetti oħra relatati mal-kwalità li kkonfermaw li l-pożizzjoni tal-UE fl-ekonomija globali qed tiddgħajjef gradwalment, primarjament meta mqabbla mal-akbar kompetituri tagħha 1 .

1.2Il-KESE jirrimarka li minbarra r-rata baxxa ta’ tkabbir, l-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro tħabtu ma’ inflazzjoni għolja, li ħabtet fi żmien ta’ reżiljenza strutturali relattivament inadegwata għar-riskji attwali għas-sigurtà. Jista’ jingħad li dan il-perjodu, li kien imsawwar minn xokkijiet sistemiċi esterni b’impatt dannuż fuq is-soċjetà, inkluż tnaqqis fl-istandards tal-għajxien għan-nies fl-UE u fiż-żona tal-euro, wasal fi tmiemu u l-inflazzjoni issa qabdet mill-ġdid trajettorja standard.

1.3Il-KESE jirrikonoxxi li l-qgħad kien eċċezzjonalment baxx dan l-aħħar, b’żieda fil-pagi reali li mistennija gradwalment terġa’ lura għal livelli sodisfaċenti. Paradossalment, ir-rata tal-impjiegi kienet l-ogħla fi żmien meta t-tkabbir ekonomiku kien storikament baxx ħafna, u dan minħabba produttività relattivament baxxa fost affarijiet oħra.

1.4Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro kisbu bilanċ kummerċjali pożittiv b’mod ġenerali. Dan juri li, b’mod ġenerali, l-ekonomija tal-UE hija kompetittiva, primarjament fis-settur tal-oġġetti, u li l-UE żammet vantaġġ kompetittiv relattivament qawwi. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-politika ekonomika u kummerċjali bl-għan li jinżamm dan il-bilanċ kummerċjali pożittiv u s-surplus fil-kont kurrenti.

1.5Il-KESE huwa konxju ħafna li la huwa possibbli u lanqas faċli li tinżamm pożizzjoni b’saħħitha fil-kummerċ internazzjonali fil-kuntest ta’ gwerra kummerċjali globali kkawżata mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti. Fis-sitwazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta’ investiment globali tal-mument, ir-regoli internazzjonali implimentati gradwalment matul dawn l-aħħar 80 sena ma għadhomx japplikaw. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE jieħdu passi urġenti biex jipprevjenu kwalunkwe dgħufija ulterjuri tal-pożizzjoni tal-UE fl-ekonomija globali.

1.6Il-KESE jirrimarka li biex l-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro jissaħħu se jkunu meħtieġa miżuri mmirati biex l-investiment jingħata spinta b’benefiċċji, rendiment u redditu adatti. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea adottat sensiela ta’ dokumenti li jidentifikaw industriji ta’ importanza strateġika 2 , li jiddefinixxu l-pożizzjoni tar-reġjuni individwali fuq il-mappa ekonomika globali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li ssir enfasi fuq dawn l-industriji u li jinħolqu l-kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji għal investiment b’saħħtu 3 .

1.7Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku, li tiffoka fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba għall-innovazzjoni. Dan ifisser li huwa importanti li r-regoli komuni li japplikaw għas-Suq Uniku jiġu razzjonalizzati u ssemplifikati. Il-KESE jqis li hemm lok għal finanzjament aktar effettiv permezz tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti 4 u suq kapitali akbar u integrat 5 .

1.8Bl-għan li tinżamm u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE u taż-żona tal-euro fl-ekonomija globali, trid tiġi adottata u implimentata politika mmirata li tappoġġja lill-kumpaniji ta’ suċċess u ambizzjużi biex jidħlu fis-suq globali. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jirrimarka li għandu jiġi żgurat ambitu suffiċjenti għal persuni b’livell għoli ta’ ħiliet f’postijiet tax-xogħol teknoloġiċi u innovattivi fl-Ewropa kif ukoll fl-inizjattiva “Agħżel l-Ewropa” li għaddejja bħalissa.

1.9Il-KESE jappoġġja bil-qawwa r-regoli fformulati b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni. Jirrimarka wkoll li għad hemm sensiela sħiħa ta’ regoli obsoleti li jagħmlu l-ħajja diffiċli ħafna għan-nies u l-imprendituri. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-isforzi li għaddejjin biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li l-istandards tal-protezzjoni soċjali u ambjentali m’għandhomx jiddgħajfu.

1.10Il-KESE jemmen li sabiex tiġi żgurata pożizzjoni favorevoli u dejjiema għall-UE u għaż-żona tal-euro fl-ekonomija globali, huwa kruċjali li jiġu appoġġjati l-kwalitajiet b’saħħithom u jitneħħew id-dgħufijiet fir-rigward tal-vantaġġi kompetittivi. Barra minn hekk, strateġija futura jeħtieġ tindirizza s-settur tas-servizzi inqas żviluppat li jrid jiġi appoġġjat b’konformità mas-suq uniku sabiex ikun kompetittiv globalment. Bl-istess mod, il-KESE jenfasizza li settur tas-servizzi aktar integrat jista’ jinbena biss jekk id-dumping soċjali jitnaqqas b’mod effettiv u tiġi garantita mobbiltà ġusta.

1.11Wieħed mill-kompiti ewlenin għall-UE u għall-pajjiżi taż-żona tal-euro fit-terminu medju huwa l-kisba tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi – li hija diffiċli ħafna minħabba t-tkabbir ekonomiku baxx, minn naħa waħda, u ż-żieda fin-nefqa fuq id-difiża u s-sigurtà, it-tranżizzjoni, kostijiet relatati mas-servizzi tad-dejn u ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, min-naħa l-oħra. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-isforzi biex jinħoloq spazju fiskali permezz ta’ reviżjoni mmirata tar-regoli fiskali tal-UE u billi tiġi implimentata kapaċità ta’ investiment tal-UE biex tiffinanzja investimenti li jsaħħu t-tkabbir li huma ta’ interess strateġiku għas-Suq Uniku. Fl-istess ħin, il-qafas fiskali jrid jiżgura li l-buffers fiskali jinbnew fi żminijiet ta’ rkupru ekonomiku.

1.12L-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro qed jiffaċċjaw sfidi ġodda marbuta ma’ żviluppi mhux antiċipati u l-konsegwenzi tal-kriżi kummerċjali globali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiffirma ftehimiet kummerċjali bilaterali mal-pajjiżi kollha bl-akbar fatturat tal-kummerċ estern, mingħajr telf ta’ żmien. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tkompli taħdem ukoll biex iġġedded il-multilateraliżmu u tibda riformi urġenti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Minħabba l-imprevedibbiltà tal-iżviluppi attwali bla preċedent fil-kummerċ internazzjonali, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tkun aktar proattiva meta tindirizza l-miżuri protezzjonisti b’kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti kollha.

1.13Il-KESE jirrakkomanda li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jadottaw b’urġenza l-miżuri istituzzjonali u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jittejjeb l-operat tas-suq uniku. Għalhekk iridu jsiru sforzi biex jiġi stabbilit qafas multifunzjonali biex jitnaqqsu d-distakki fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-investiment, fil-produttività u fil-kompetittività meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti kollha fl-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw approċċ koordinat maħsub biex jibni mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE u taż-żona tal-euro fl-ekonomija globali.

2.Kummenti ġenerali

2.1Sal-aħħar tal-2024, l-ekonomiji tal-UE kienu relattivament stabbli. Minkejja inċertezza konsiderevoli fl-ekonomija globali, l-inflazzjoni naqset u l-ekonomiji komplew jikbru, għalkemm bil-mod.

2.2Wara sena relattivament stabbli fl-2024, l-introduzzjoni ta’ miżuri protezzjonisti mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti f’Jannar, f’April u f’Awwissu 2025 ġabet magħha riskji kbar għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE u tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Iż-żieda fit-tariffi wasslet għal inċertezza konsiderevoli fin-negozju u l-investiment, kif ukoll livell għoli ta’ instabbiltà fis-swieq finanzjarji, kapitali u tal-kommoditajiet.

2.3Minkejja ċerti differenzi pjuttost kbar fir-rata tat-tkabbir ekonomiku fost l-Istati Membri, il-prestazzjoni ekonomika ġenerali ma hijiex partikolarment inkoraġġanti. Dan jirriżulta minn distakk dejjem jikber fil-produttività meta mqabbel mal-kompetituri ewlenin tal-UE fl-ekonomija globali.

2.4It-tkabbir ekonomiku fl-UE u fil-pajjiżi taż-żona tal-euro kien relattivament baxx fl-2024. It-tkabbir tal-PDG minn sena għal oħra kien ta’ 0,7 % fiż-żona tal-euro, u 0,9 % fl-UE b’mod ġenerali. Dan it-tkabbir ekonomiku kemxejn baxx kompla sal-aħħar tal-2024, u ġew irreġistrati xejriet kontinwi ta’ tnaqqis.

Tkabbir tal-PDG 6

2024

(%)

Ir-raba’ trimestru 2024
minn sena għal oħra

(%)

Ir-raba’ trimestru 2024

minn trimestru għal ieħor

(%)

UE

0,9

1,1

0,2

Żona tal-euro

0,7

0,9

0,1

2.5Bħalissa, il-konsum tal-unitajiet domestiċi huwa mutur potenzjali tat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, dan huwa minnu dment li ma jiġix affettwat b’mod negattiv mir-riperkussjonijiet tal-gwerra kummerċjali globali li għaddejja, li se jkollha impatt imprevedibbli kemm fuq il-prezz tal-prodotti tal-konsumatur kif ukoll fuq il-fiduċja tal-konsumatur. Id-domanda interna jeħtieġ li tissaħħaħ fis-Suq Uniku biex jiġi appoġġjat il-konsum bħala pilastru ċentrali tat-tkabbir ekonomiku, billi tiġi implimentata b’mod effettiv id-Direttiva dwar il-Paga Minima, jissaħħaħ in-negozjar kollettiv u tingħata spinta lill-investiment.

2.6L-investiment bħalissa huwa pjuttost baxx minħabba l-inċertezza ta’ bħalissa dwar it-tranżizzjoni futura lejn l-ekonomija ekoloġika, it-tensjonijiet ġeopolitiċi li sejrin għall-agħar u l-frammentazzjoni ulterjuri tal-ekonomija globali. Huwa influwenzat wkoll mill-erożjoni tal-prinċipji fundamentali tal-multilateraliżmu, li storikament kellu impatt pożittiv ħafna fuq l-ekonomija globali mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Bejniethom, dawn ix-xejriet negattivi jinfluwenzaw b’mod qawwi l-iżvilupp tal-ekonomija globali, kif ukoll dak tal-UE u taż-żona tal-euro.

2.7L-introduzzjoni kontinwa ta’ miżuri protezzjonisti u l-inċertezza fis-swieq internazzjonali finanzjarji, kapitali u tal-komoditajiet qed iżidu r-riskji assoċjati mal-pożizzjoni tal-UE u tal-pajjiżi taż-żona tal-euro rigward il-kummerċ barrani. Għalkemm kien hemm ammont sinifikanti ta’ inċertezza fl-ekonomija globali matul l-aħħar ħames snin, l-UE u l-pajjiżi taż-żona tal-euro rreġistraw bilanċ kummerċjali pożittiv u surplus fil-kont kurrenti, għall-kuntrarju tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit li qed jesperjenzaw defiċits fit-tul. Dan il-bilanċ kummerċjali pożittiv mal-Istati Uniti jista’ jkun waħda mir-raġunijiet li jixprunaw l-approċċ attwali tagħhom tal-politika kummerċjali barranija fir-rigward tal-pajjiżi tal-UE. Għalhekk se jkun meħtieġ li l-UE u l-pajjiżi taż-żona tal-euro jkunu ppreparati għal kwalunkwe żvilupp imprevedibbli fl-ekonomija globali.

2.8Ix-xejriet pożittivi fl-ekonomija tal-UE u taż-żona tal-euro matul l-aħħar ħames snin jinkludu r-reżiljenza relattiva għal inflazzjoni għolja, l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb id-dixxiplina fiskali u l-kapaċità li tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija.

2.9L-inflazzjoni naqset fil-pajjiżi taż-żona tal-euro fl-2024. Sakemm ma jkunx hemm xokkijiet esterni imprevedibbli għall-ekonomija globali, il-Bank Ċentrali Ewropew huwa mistenni li gradwalment jintroduċi politika monetarja espansjonarja ladarba jkun laħaq il-mira tal-inflazzjoni tiegħu f’nofs l-2025.

2.10Il-KESE jenfasizza li huma meħtieġa aktar investimenti pubbliċi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni, u jiżdiedu l-produttività, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE. B’konformità ma’ dan, il-KESE jissuġġerixxi reviżjoni mmirata tar-Regolament 2024/1263 7 sabiex jiġu prijoritizzati l-investimenti pubbliċi li jsaħħu t-tkabbir u li jgħinu jżidu l-produttività, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE 8 .

2.11 Ix-xejriet tal-finanzi pubbliċi huma inqas inkoraġġanti f’dan il-mument. Dan huwa marbut mal-fatt li attwalment hemm akkumulazzjoni għolja tad-dejn pubbliku, żieda fin-nefqa fuq il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u fuq it-tranżizzjoni, kif ukoll in-nefqa fuq id-difiża u s-sigurtà. Dan jista’ jwassal għal defiċit u dejn pubbliku ogħla.

2.12Ix-xejriet pożittivi fl-UE u fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jinkludu qgħad pjuttost baxx, għalkemm dan ivarja minn pajjiż għal ieħor. Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li l-qgħad huwa baxx anke fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku dgħajjef ħafna. Dan huwa dovut għal struttura ekonomika sfavorevoli u b’mod partikolari għall-produttività baxxa fuq bażi kontinwa.

2.13Minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali u l-frammentazzjoni ulterjuri li tirriżulta tal-ekonomija globali, se jkunu meħtieġa approċċi ġodda għall-governanza u l-implimentazzjoni tal-politika ekonomika. Għalhekk huwa essenzjali li jsiru avvanzi fir-riformi strutturali kkoordinati mmirati lejn ir-reżiljenza (reżiljenza finanzjarja, teknoloġika, operazzjonali u tal-mudell kummerċjali) u li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika, waqt li jiġu rispettati l-valuri fundamentali kollha tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam ekonomiku, kummerċjali u ta’ investiment.

2.14Fl-isfond tax-xejriet ġeoekonomiċi attwali, l-UE u l-pajjiżi taż-żona tal-euro se jkollhom jiffukaw fuq l-iżviluppi attwali u jadottaw u jimplimentaw il-miżuri kollha meħtieġa biex iwettqu tibdil strutturali sabiex iżidu l-investiment, jagħtu spinta lill-produttività, lill-kompetittività u lir-reżiljenza ġenerali.

2.15Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-UE gradwalment tilfet il-pożizzjoni prominenti tagħha fl-ekonomija globali, speċjalment meta mqabbla mal-kompetituri globali ewlenin tagħha. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jiġu adottati u mwettqa l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżdied l-investiment bħala fattur ewlieni fiż-żieda tal-produttività u fit-titjib tal-kwalità tal-forza tax-xogħol, u li dan isir billi l-kapital u t-tfaddil jiġu allokati b’mod aktar effettiv. Soluzzjoni potenzjali waħda hija li jitneħħew l-ostakli u d-dgħufijiet strutturali li ilhom jeżistu mingħajr dewmien.

3.Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

3.1Il-KESE huwa konxju sew li s-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-UE u fil-pajjiżi taż-żona tal-euro qed tiġi influwenzata fil-biċċa l-kbira minn bidla fundamentali kbira fl-ambjent ekonomiku tal-ekonomija globali. Il-kawża ewlenija hija l-imprevedibbiltà tal-politika dwar it-tariffi u dik kummerċjali, li għandha konsegwenzi kemm diretti kif ukoll indiretti.

3.2Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea toqgħod lura milli teskala l-gwerra kummerċjali. L-UE hemm bżonn tagħmilha pjuttost ċara li tista’ tiddefendi politika kummerċjali b’saħħitha tal-Istati Uniti bl-aktar mod effettiv possibbli. Il-Kummissarji jistgħu għalhekk jeżaminaw il-kundizzjonijiet li taħthom xi korporazzjonijiet multinazzjonali tal-ITC u tat-teknoloġija avvanzata jwettqu n-negozju fl-UE, inkluż kif jikkonformaw mal-obbligi tat-taxxa tagħhom.

3.3Il-KESE jemmen li d-diplomazija tal-UE issa għandha tassumi rwol ewlieni fix-xena internazzjonali fid-dawl tal-isforzi li għaddejjin biex jipperikolaw il-multilateraliżmu. F’dan il-kuntest, għandha tippromovi bil-qawwa ż-żamma tal-istruttura istituzzjonali ta’ kooperazzjoni ta’ wara l-gwerra bbażata fuq l-istabbiltà monetarja internazzjonali (il-Fond Monetarju Internazzjonali), l-assistenza finanzjarja (il-Bank Dinji, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp) u l-proċess tal-liberalizzazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ internazzjonali (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ u sussegwentement l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ). Il-pożizzjoni importanti u s-suċċess ta’ dawn l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji u kummerċjali multilaterali fuq kważi 80 sena huma aktar konformi mal-valuri tal-UE milli l-protezzjoniżmu kontinwu, l-inċertezza ekonomika u approċċ irrazzjonali għas-sistema attwali tal-multilateraliżmu.

3.4Il-KESE jemmen li, fl-ambjent inċert u imprevedibbli tal-preżent, l-UE għandha tfittex li tibni kemm jista’ jkun fuq il-punti b’saħħithom tagħha, waqt li tindirizza wkoll id-dgħufijiet ekonomiċi tagħha. F’dan il-kuntest, il-KESE jinnota li jekk l-ekonomija tal-UE tkun strutturalment aktar kompetittiva u aktar stabbli, tkun ippreparata aħjar biex tiffaċċja xokkijiet mhux mistennija fil-futur. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE fil-preżent għandha tkun li tiġi segwita politika kummerċjali konsistenti, li għalhekk tkun inqas vulnerabbli għal xokkijiet esterni sistemiċi.

3.5Il-KESE jinnota l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-vantaġġ komparattiv kbir tas-suq uniku tal-UE. Madankollu, minn mindu ġie stabbilit fl-1993, il-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ. Hawnhekk għandu jiġi nnutat li għadd ta’ setturi progressivi emerġenti, b’mod partikolari fis-servizzi, jiffaċċjaw ostakli kbar, li jagħmluha diffiċli li jiġu sfruttati l-vantaġġi komparattivi tagħhom għall-benefiċċju tal-UE.

3.6Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati u implimentati l-miżuri speċifiċi meħtieġa biex jiġi approfondit is-suq uniku f’kull settur u qasam, inklużi s-servizzi. Madankollu, dawn il-miżuri m’għandhomx idgħajfu l-istandards tal-protezzjoni soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, issa huwa essenzjali aktar minn qatt qabel li jiġi stabbilit qafas istituzzjonali u leġiżlattiv biex il-kapital jiżdied u jiġi allokat b’mod effettiv.

3.7Il-KESE jirrakkomanda riforma tal-finanzjament tal-UE, b’kunsiderazzjoni adegwata għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu. Għalhekk jaqbel li hemm bżonn ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 tal-UE, inkluża l-politika ta’ koeżjoni, biex jiġi żgurat li din il-politika, għalkemm prinċipalment immirata lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, ma titlifx il-valuri u l-objettivi tal-mudell soċjali Ewropew. Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ investiment f’setturi strateġiċi tal-ekonomija tal-UE u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kritiċi bl-għan li tinkiseb reżiljenza ekonomika akbar.

3.8Il-KESE jappoġġja wkoll it-tfassil ta’ strateġiji ewlenin ibbażati fuq is-settur għall-industriji u l-oqsma kritiċi li jistgħu jikkonferixxu vantaġġ kompetittiv lill-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro fil-futur.

3.9Barra minn hekk, il-KESE japprova u jappoġġja l-objettivi stabbiliti fil-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, speċifikament biex jirrestawraw il-kompetittività u jiżguraw prosperità sostenibbli u inklużiva. Dan jikkostitwixxi qafas strateġiku għall-koordinazzjoni tal-azzjoni biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-UE u taż-żona tal-euro billi tiġi adottata sensiela ta’ miżuri urġenti u meħtieġa.

3.10Il-KESE jqis li l-kumplessità amministrattiva u proċedurali straordinarja tal-ambjent tan-negozju hija waħda mill-ostakli ewlenin li ilhom iżommu lura t-tkabbir ekonomiku tal-UE u taż-żona tal-euro. Għalhekk, jirrakkomanda bil-qawwa li jitneħħew l-ostakli amministrattivi għan-negozji, u li l-ewwel ma jitneħħew ikunu l-akbar għaxar ostakli enfasizzati fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija biex is-Suq Uniku jsir sempliċi, bla xkiel u b’saħħtu.

3.11Il-KESE jfaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tneħħi wieħed mill-akbar ostakli kompetittivi ta’ dawn l-aħħar żminijiet, jiġifieri l-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Għaldaqstant, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, u jaqbel mal-kontenut u l-proposti stabbiliti fih biex tiġi limitata l-instabbiltà tal-prezzijiet (volatilità) fi żminijiet ta’ inċertezza ekonomika. F’dan il-kuntest, jipproponi li jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà fit-tul tal-prezzijiet tal-enerġija.

3.12Il-KESE jirrakkomanda li l-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE u l-ETS jiġu riveduti sabiex isiru aktar stabbli u jinċentivaw l-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni ekoloġika affordabbli mmirata lejn l-appoġġ tal-kompetittività 9 .

3.13Fil-fehma tal-KESE, enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari se tkun kruċjali biex tiġi promossa l-kompetittività fl-UE u fiż-żona tal-euro u biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-dipendenza relattivament għolja mill-materjali tal-art rari u l-minerali kritiċi li l-UE jeħtiġilha timporta minn pajjiżi barranin, speċjalment minn ekonomiji tas-suq li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti ġodda. L-ekonomija ċirkolari toħloq il-kundizzjonijiet biex l-UE u ż-żona tal-euro jgawdu awtonomija strateġika akbar, u tgħin biex jiġi żgurat li proporzjon għoli ta’ industriji moderni tal-manifattura jibqgħu fl-ekonomija tal-UE.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-KESE jemmen li l-mudell ta’ finanzjament tal-UE għal wara l-2027 għandu jkun ibbażat aktar fuq forom moderni ta’ finanzjament, prinċipalment fuq strumenti finanzjarji u l-kapaċità tagħhom li jiġbru kapital privat. Fl-istess ħin, livell solidu ta’ investiment pubbliku – kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali – għall-finanzjament tal-beni u l-infrastruttura pubbliċi se jkompli jkun kruċjali għal tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli.

4.2Il-KESE japprezza ħafna li, b’segwitu għar-rapporti monumentali ta’ Mario Draghi u ta’ Enrico Letta, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tindirizza l-problema li tista’ tissolva u li ilha teżisti tal-burokrazija u l-kumplessità proċedurali 10 .

4.3Il-mudell tradizzjonali ta’ finanzjament bankarju huwa adatt sew għal kumpaniji stabbiliti li għandhom rekord ippruvat u li jistgħu jipprovdu kollateral. Madankollu, huwa inqas adatt għal kumpaniji innovattivi u li qed jikbru malajr li ftit li xejn għandhom kollateral. F’ħafna każijiet, dawn il-kumpaniji jiddependu fuq għażliet ta’ finanzjament alternattivi għall-espansjoni tagħhom, b’mod partikolari dawk iffukati fuq strumenti ta’ ekwità. Għall-istart-ups, is-suq tal-kapital ta’ riskju huwa komponent importanti tal-finanzjament.

4.4Il-KESE jaqbel ma’ ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-BĊE 11 li hija meħtieġa leġiżlazzjoni b’saħħitha u robusta dwar is-sostenibbiltà, inklużi kriterji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, biex tiġi ffaċilitata l-allokazzjoni tal-kapital għat-tranżizzjoni ġusta. Il-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà joffri metrika siewja biex jinforma l-investimenti f’industriji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, proġetti tal-enerġija rinnovabbli, finanzjament tat-tranżizzjoni u inizjattivi nodfa u ekoloġiċi oħra, u b’hekk jappoġġja kemm il-kompetittività kif ukoll l-ilħuq tal-miri klimatiċi tal-UE. Leġiżlazzjoni dwar is-sostenibbiltà mfassla tajjeb tista’ tippromovi u tappoġġja l-innovazzjoni u ssaħħaħ il-kompetittività.

4.5Il-KESE jaqbel mal-għażla ta’ setturi strateġikament importanti msemmija fil-Boxxla għall-Kompetittività u jistieden lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta pjani ta’ azzjoni aktar malajr. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jinbidel l-ambjent tal-innovazzjoni, speċjalment f’setturi u oqsma li qed jikbru malajr, u li jiġi żgurat finanzjament aċċessibbli u flessibbli għalihom biex jiżviluppaw.

4.6B’konformità mal-Patt għal Industrija Nadifa, il-KESE jaqbel li l-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni li għaddej bħalissa fil-prattika huwa l-bażi għall-kompetittività u l-prosperità futuri tal-ekonomija tal-UE. Fl-istess ħin, il-KESE jirrimarka li dan id-dokument jonqos milli jistabbilixxi xenarju dwar kif l-industriji tradizzjonali attwali jistgħu jagħmlu tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni u l-passi meħtieġa biex dan isir. Għalhekk jirrakkomanda li dan jiġi spjegat b’mod aktar ċar fid-dawl tal-iżviluppi futuri f’dawn is-setturi u n-negozju fi ħdanhom.

4.7Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas istituzzjonali u leġiżlattiv għall-funzjonament uniformi u effiċjenti tas-suq kapitali tal-UE, bl-għan li t-tfaddil jiġi dirett lejn investimenti ta’ redditu li jħalli qligħ. B’dan il-ħsieb, l-unjoni l-ġdida tat-tfaddil u l-investimenti għandha tintroduċi prodotti ġodda ta’ investiment, tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-kapital ta’ riskju u tiżgura fluss bla xkiel ta’ investiment fl-UE kollha, flimkien mal-baġit tal-UE riformat reċentement.

4.8Il-KESE jemmen ġustament li ż-żieda fil-produttività u l-kompetittività fl-UE kollha ma tistax tinkiseb mingħajr ma jiġu appoġġjati t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol. Bl-għan li jiġi żgurat li l-livell attwali ta’ kwalifiki jikkorrispondi mad-domanda dejjem tikber fis-suq tax-xogħol, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ unjoni tal-ħiliet immirata lejn l-investiment, l-edukazzjoni għall-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja.

4.9Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi biex jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku, b’mod partikolari dawk li jipprevjenu t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja. Għandha tiġi adottata strateġija trasversali biex jittejjeb il-funzjonament ġenerali tas-suq uniku fis-setturi u l-oqsma kollha. Il-qafas ta’ governanza tas-suq uniku għandu għalhekk jiġi mmodernizzat, u fl-istess waqt jitneħħew l-ostakli li fadal fl-UE u jiġi evitat li jitfaċċaw oħrajn ġodda.

4.10Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, speċjalment fost individwi b’talent u b’livell għoli ta’ ħiliet mis-settur STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika). Ikun siewi wkoll li tiġi stabbilita sistema prattika għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni tal-persuni sabiex ikunu jistgħu jaħdmu kullimkien fl-UE.

4.11Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ koordinazzjoni reċiproka tal-politiki ekonomiċi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Għalhekk jappoġġja l-proposta li tiġi introdotta għodda għall-koordinazzjoni tal-kompetittività. Skont din il-proposta, l-Istati Membri kollha se jaħdmu flimkien biex jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi kondiviżi tal-UE, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. L-identifikazzjoni ta’ proġetti transfruntiera ta’ interess Ewropew u t-twettiq tar-riformi u l-investimenti korrispondenti jkunu wkoll idea tajba.

4.12Il-KESE jemmen li, taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, l-istrumenti finanzjarji tal-UE b’objettivi simili għandhom tabilħaqq jiġu sostitwiti minn Fond Ewropew għall-Kompetittività, li jkun jipprovdi appoġġ finanzjarju biex jitwettqu miżuri taħt l-għodda għall-koordinazzjoni tal-kompetittività.

4.13Il-KESE jenfasizza li l-Fond għall-Kompetittività ma jridx jiġi implimentat għad-detriment tal-fondi ta’ koeżjoni. Is-sehem eżistenti tal-baġit tal-UE allokat għall-politika ta’ koeżjoni ma għandux jitnaqqas fil-QFP li jmiss, iżda minflok għandu jiżdied, peress li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, urew li huma essenzjali għall-investiment fiċ-ċittadini, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali tas-suq.

4.14Il-KESE jappoġġja passi biex jiġi mmodernizzat il-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa li tippromovi l-kompetittività, bħall-qafas il-ġdid ta’ appoġġ pubbliku taħt il-Patt għal Industrija Nadifa. Dan jista’ jagħmilha possibbli li tiġi ssemplifikata u aċċellerata l-approvazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ pubbliku għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u l-provvista ta’ biżżejjed kapaċità ta’ produzzjoni għal teknoloġiji nodfa, it-tisħiħ tal-Fond għall-Innovazzjoni u l-istabbiliment ta’ Bank ta’ Dekarbonizzazzjoni Industrijali.

4.15Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex joħloq għodod finanzjarji ġodda taħt il-Patt għal Industrija Nadifa. F’dan il-kuntest, huwa jappoġġja wkoll sensiela ta’ miżuri biex jinħolqu grilji ta’ elettrifikazzjoni, kif ukoll programm pilota konġunt bejn il-Kummissjoni u l-BEI dwar ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija li għandhom ikunu disponibbli għall-SMEs u l-industriji intensivi fl-enerġija.

4.16Il-KESE jindika wkoll l-importanza tal-mudell maħluq b’InvestEU u jilqa’ l-Faċilità ta’ Garanzija tat-Teknoloġija Nadifa taħt il-programm Tech EU; huwa jirrakkomanda wkoll li jinżamm il-programm iddedikat għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali (it-“tieqa għall-investiment soċjali u l-ħiliet”) imħaddem minn InvestEU.

Brussell, il-5 ta’ Settembru 2025.

Il-President tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Ioannis VARDAKASTANIS

____________

(1)      Deskrizzjoni dettaljata tal-problemi strutturali tal-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro hija stabbilita fl-Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2025, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tat-22 ta’ Jannar 2025. ĠU C, C/2025/1190, 21.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1190/oj .
(2)      Bħall-Pjattaforma STEP, il-Patt għal Industrija Nadifa, il-Parti B tar-rapport ta’ Draghi, u l-pjani ta’ azzjoni għal industriji strateġiċi individwali.
(3)      Identifikati fl-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up u b’enfasi fuq l-enerġija, abbażi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli inklużi l-enerġija nukleari, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji kwantistiċi, is-semikondutturi avvanzati, it-teknoloġija medika u farmaċewtika, ir-robotika u l-materjali avvanzati, eċċ.
(4)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “ Komunikazzjoni dwar Unjoni ta’ Tfaddil u Investimenti ” (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(5)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro”, ĠU C, C/2024/2104, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2104/oj .
(6)      Id-data murija fit-tabella hija mill-Eurostat.
(7)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/L/2024/1263/oj .
(8)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Investimenti u riformi għall-kompetittività u Unjoni tas-Swieq Kapitali , punt 2.2.5. (għadha ma ġietx ippubblikata fill-Ġurnal Uffiċjali).
(9)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “ L-impatt ekonomiku tal-implimentazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-UE ”, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(10)    Ara r- rapport ta’ Draghi dwar il-Kompetittività tal-UE ; u r- rapport ta’ Letta dwar il-Futur tas-Suq Uniku (mhux disponibbli bil-Malti).
(11)    Ara l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2025 dwardwar proposti għal emendi għar-rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta ( CON/2025/10 ).