REX/603
WHITE PAPER KONĠUNTA
għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030
OPINJONI
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
WHITE PAPER KONĠUNTA
għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030
(JOIN(2025) 120 final)
Relatur: Marcin NOWACKI
Korelatur: Carlos Manuel TRINDADE
Konsulent
|
Paulo José FERNANDES PEDROSO (għall-korelatur)
|
|
|
Konsultazzjoni
|
11/4/2025
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
12/6/2025
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
76/3/6
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja strateġija għad-difiża Ewropea komprensiva u inklużiva li tintegra l-prontezza militari mal-preparatezza ċivili, ir-reżiljenza soċjali, id-diplomazija, id-dritt internazzjonali u l-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Huwa japprova l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea u jappella għal approċċ koordinat tal-UE li jqis id-difiża, il-paċi u s-sigurtà bħala beni pubbliċi kondiviżi, mibnija fuq oqfsa legali, istituzzjonali u finanzjarji b’saħħithom b’sorveljanza demokratika.
1.2L-UE jeħtiġilha tindirizza b’mod urġenti t-theddid ibridu u konvenzjonali, tnaqqas id-dipendenza minn atturi esterni u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika. Dan jirrikjedi investiment f’teknoloġiji kritiċi b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi tal-Ewropa, waqt li jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fis-suq globali tad-difiża.
1.3Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ immirat għall-SMEs u l-iżvilupp reġjonali, il-promozzjoni ta’ proċeduri semplifikati, aċċess ekwu għall-finanzjament u integrazzjoni aktar b’saħħitha fil-ktajjen tal-valur tad-difiża. Dan kollu se jixpruna l-innovazzjoni u jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea, waqt li jiżgura li jinżammu standards soċjali, ambjentali u tax-xogħol għoljin.
1.4L-investiment fid-difiża jrid ikopri l-infrastruttura ċivili, l-edukazzjoni u t-teknoloġiji b’użu doppju, inkluż fl-oqsma tal-mediċina militari u ċ-ċibersigurtà. Il-prospettiva strateġika, it-taħriġ tal-forza tax-xogħol, u l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp f’dawn l-oqsma huma kritiċi biex jiġu żgurati t-teknoloġija tal-ogħla livell tal-Ewropa u l-kapaċità tad-difiża fit-tul tagħha.
1.5Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal azzjoni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża Ewropea, maħruġa fis-6 ta’ Marzu 2025. L-UE jeħtiġilha taġixxi malajr biex ixxejjen id-distakki kritiċi fil-kapaċitajiet, waqt li timmobilizza l-istrumenti meħtieġa biex issaħħaħ is-sigurtà tal-UE u ssaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. L-investiment fit-trasport, fl-enerġija u fl-infrastruttura diġitali jrid ikun allinjat mal-mobilità militari u mar-reżiljenza tal-katina tal-provvista, waqt li jiġi żgurat li l-kapaċitajiet tad-difiża Ewropea jkunu appoġġjati b’bażi industrijali robusta.
1.6Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-mekkaniżmi ta’ finanzjament proposti, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li kull Stat Membru jkollu aċċess ugwali u trasparenti għall-finanzjament. Barra minn hekk, huwa essenzjali li dawn il-mekkaniżmi jappoġġjaw l-ekwità fiskali u jippromovu l-koeżjoni soċjali, kif ukoll jipprovdu l-istabbiltà meħtieġa biex l-industriji relatati mad-difiża jiffjorixxu, u b’hekk jippermettu lis-settur tan-negozju, mis-settur pubbliku u privat, jkollu rwol importanti ħafna fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet strateġiċi tad-difiża Ewropea.
1.7Il-KESE jappoġġja inizjattivi biex tiġi vvalutata l-fattibbiltà ta’ soluzzjonijiet aċċettati mill-Istati Membri għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu permanenti ta’ finanzjament għad-difiża, li jista’ jiġi żviluppat fuq ftehim intergovernattiv u jinvolvi pajjiżi mhux tal-UE.
1.8Jinsab mħasseb li l-flessibbiltà limitata proposta mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-attivazzjoni ta’ klawżoli ta’ salvagwardja nazzjonali għall-infiq fid-difiża mhux se telimina r-riskju ta’ kompromessi bejn l-infiq fid-difiża u dak soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri li l-patt ta’ stabbiltà u tkabbir jiġi rivedut b’mod li fil-qafas fiskali jiġu permessi miżuri li jippromovu investiment pubbliku li jsaħħaħ it-tkabbir. Jipproponi wkoll li jiġi stipulat b’mod ċar li l-fondi ta’ koeżjoni soċjali u reġjonali m’għandhomx jiġu allokati għall-infiq fid-difiża – la fil-livell Ewropew u lanqas fil-livell tal-Istati Membri.
1.9Il-KESE jenfasizza l-importanza strateġika tax-xaqliba tal-Lvant tal-Ewropa, u jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-Istati li jinsabu fuq il-front. Dan jinkludi investiment immirat fl-infrastruttura tad-difiża, taħriġ konġunt u mobilità transfruntiera msaħħa biex jagħtu spinta lis-sigurtà u r-reżiljenza tal-UE fir-reġjun.
1.10Il-kooperazzjoni mill-qrib man-NATO, pajjiżi terzi u msieħba ewlenin bħall-Ukrajna hija indispensabbli. L-UE għandha tipprijoritizza t-taħriġ konġunt, il-kondiviżjoni tat-teknoloġija u l-mobilità transfruntiera, li se jrawmu innovazzjoni kondiviża u jżidu l-kollaborazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ difiża.
2.Kuntest
2.1Il-KESE jenfasizza li l-istrateġija għas-sigurtà tal-UE trid tiġi kkomplementata minn strateġija ta’ paċi usa’ għall-Ewropa kollha, bl-għan aħħari li tinkiseb paċi ġusta u sostenibbli. Din l-istrateġija għandha tinvolvi wkoll sforzi akbar għall-promozzjoni tal-paċi f’żoni ta’ kunflitt globali. Kif enfasizza l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, il-paċi dejjiema tista’ tinkiseb biss billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitti b’mod preventiv u billi jiġu promossi d-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-progress soċjali. Il-miżuri kollha jridu jaderixxu strettament mal-karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali.
2.2Il-beni pubbliċi Ewropej jikkontribwixxu għall-benesseri u s-sigurtà kollettiva tal-Ewropej kollha. Id-difiża għandha titqies bħala komponent essenzjali tal-ġid komuni, li tirrikjedi azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, allinjata mal-valuri u l-obbligi internazzjonali tal-UE.
2.3Il-KESE jirrikonoxxi li t-theddid għad-demokrazija huwa marbut mill-qrib mas-sigurtà tal-Ewropa. B’mod partikolari fir-reġjuni ġirien, il-ħolqien ta’ reġimi awtoritarji u totalitarji jġib miegħu sfidi għall-istabbiltà reġjonali u l-valuri demokratiċi. Dan ix-xenarju globali li qed jevolvi jenfasizza kemm huwa importanti għall-UE li ssaħħaħ l-istrateġija ta’ sigurtà tagħha waqt li tissalvagwardja l-prinċipji demokratiċi tagħha.
2.4Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar ix-xejriet reċenti ta’ żieda fil-pouliżmu u l-awtokrazija, kemm fl-UE stess kif ukoll fost l-imsieħba tan-NATO, inklużi ċerti sinjali inkwetanti li jirriżultaw minn azzjonijiet li ħadet l-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti.
2.5Din l-Opinjoni hija rispons dirett għall-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, ippubblikata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 2025. Il-White Paper, flimkien mal-pjan ReArm Europe, tirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fit-tfassil mill-ġdid tax-xenarju tad-difiża Ewropea u hija marbuta mal-proposti għal strateġija għal unjoni tal-preparatezza u għal ProtectEU, l-istrateġija Ewropea ġdida ta’ sigurtà interna.
2.6Il-White Paper tipprovdi qafas strateġiku li jallinja mal-enfasi li l-KESE ilu jagħmel fuq il-politika tad-difiża u l-politika industrijali. Din l-Opinjoni tibni fuq il-ħidma preċedenti tal-KESE, billi tappoġġja approċċ koordinat tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża u r-reżiljenza industrijali. Din tirrifletti wkoll l-Opinjoni esploratorja reċenti tal-KESE dwar il-fondi għad-difiża fl-UE, u tafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal qafas finanzjarju komprensiv u sostenibbli.
2.7Kif enfasizzat fil-White Paper, kemm ir-Rapporti ta’ Niinistö kif ukoll ta’ Draghi jenfasizzaw il-fatt li nuqqas ta’ kollaborazzjoni wassal għal ineffiċjenzi sinifikanti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, u ġġeneraw spejjeż addizzjonali għall-Istati Membri. L-infiq frammentat u inadegwat fid-difiża, speċjalment fl-innovazzjoni, xekkel il-progress fit-teknoloġiji fixkiela emerġenti li huma kritiċi għall-futur tad-difiża tal-Ewropa.
2.8It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ewropa jrid ikun parti minn strateġija usa’ tal-UE għall-industrijalizzazzjoni li tevita passi:
a)fid-direzzjoni kontra l-isforzi biex jinħoloq ambjent ta’ paċi u biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali fl-UE;
b)li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-UE fuq terminu medju u twil. Il-White Paper tirrappreżenta bidla kbira, u tappella għal strateġija ta’ difiża li tgħaqqad il-kapaċità industrijali, teknoloġika, soċjetali u militari.
Din l-Opinjoni tenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-prontezza tad-difiża tal-UE jirrikjedi approċċ olistiku, fejn l-innovazzjoni, l-infrastruttura u r-reżiljenza ċivili huma kruċjali daqs il-preparatezza militari u ċivili.
2.9It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Ewropa fl-oqsma tal-innovazzjoni u tal-produzzjoni ta’ teknoloġiji kritiċi tad-difiża huwa essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza minn fornituri esterni. Din l-Opinjoni tappella għal appoġġ akbar għall-SMEs u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-difiża u tiġi ssalvagwardjata l-awtonomija strateġika.
2.10Bl-għan li jitnaqqas ir-riskju assoċjat ma’ dipendenzi esterni, il-finanzjament nazzjonali u tal-UE għandu jappoġġja l-iżvilupp tal-industrija u jiżgura li jiġu protetti u jinħolqu l-impjiegi ta’ kwalità tajba fl-Ewropa – mhux biss fis-sigurtà. L-acquis soċjali tal-UE (regolamenti u leġiżlazzjoni eżistenti) irid jiġi kkonsolidat u ma għandha tiġi permessa l-ebda eżenzjoni minħabba l-ħtieġa li tingħata spinta lill-produzzjoni militari.
2.11Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi estiża l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-difiża, b’mod partikolari mal-imsieħba globali ewlenin, biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tas-sigurtà tal-Ewropa. L-enfasi tal-White Paper fuq il-kollaborazzjoni internazzjonali hija riflessa f’din l-Opinjoni, li tappella għal sħubijiet aktar b’saħħithom permezz tal-kondiviżjoni tat-teknoloġija, strateġiji ta’ difiża kkoordinati u mezzi adegwati oħra għal dan l-għan.
3.Kummenti ġenerali
3.1L-UE għandha tikkunsidra strateġija komprensiva għas-sigurtà li tinkludi s-sigurtà militari, il-preparatezza ċivili, ir-reżiljenza soċjali, is-sigurtà ekonomika u l-protezzjoni kontra theddid ieħor għad-demokrazija, bħall-indħil barrani, l-attakki ċibernetiċi u d-diżinformazzjoni. Għandha tindirizza wkoll it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali, id-diżastri naturali u r-riskji għas-saħħa globali, waqt li ssaħħaħ is-servizzi u l-infrastruttura pubbliċi, kif ukoll tiżgura l-awtonomija strateġika permezz ta’ politika industrijali b’saħħitha.
3.2Il-KESE jemmen li l-UE jeħtiġilha taħdem lejn politika ta’ difiża komuni fil-qafas usa’ tal-politika estera u ta’ sigurtà tagħha u tistabbilixxi Pilastru Ewropew tad-Difiża b’saħħtu. Għal dan l-għan, il-miżuri leġiżlattivi u finanzjarji meħtieġa jridu jittieħdu b’mod urġenti. Fl-istess ħin, l-UE jeħtieġ tiżviluppa rwol diplomatiku attiv biex tinstab paċi ġusta fl-Ukrajna u f’żoni oħra ta’ kunflitt bħal-Lvant Nofsani, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Palestina u l-Iżrael, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet rilevanti u fil-qafas tar-riżoluzzjonijiet tan-NU.
3.3Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal qafas ta’ sigurtà tal-UE aktar b’saħħtu fid-dawl tal-aggressjoni tar-Russja. Huwa jappoġġja r-rwol ewlieni tal-Ukrajna bħala stat fuq il-front b’għarfien espert dwar id-difiża, u jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna biex jissaħħu l-kapaċitajiet, l-innovazzjoni u r-reżiljenza. Il-KESE jappoġġja wkoll l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-mobilità militari, id-difiża konġunta u l-assi spazjali tal-UE għall-kollaborazzjoni strateġika.
3.4Bi prijorità għax-xaqliba tal-Lvant tal-UE, li tkun fuq il-front ta’ kwalunkwe aggressjoni ibrida u militari diretta lejn l-UE, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tat-Tarka tal-Fruntiera tal-Lvant – strateġija għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri mmexxija mill-istati fuq il-front – li tirrappreżenta pass proattiv u kooperattiv biex jissaħħu d-difiża u l-koeżjoni kollettivi tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-iżvilupp rapidu tal-kapaċitajiet ta’ difiża nazzjonali tagħhom biex jissalvagwardjaw l-interessi essenzjali tas-sigurtà mingħajr ma jdewmu miżuri urġenti.
3.5 Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza strateġika dejjem tikber tal-Artiku għas-sigurtà tal-UE. Hekk kif it-tibdil fil-klima jiftaħ rotot ġodda tat-tbaħħir u l-aċċess għar-riżorsi qed jiġi dejjem aktar ikkontestat, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-involviment tagħha fil-governanza tal-Artiku, u fl-istess waqt tiżgura l-istabbiltà, l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni paċifika f’dan ir-reġjun kritiku.
3.6Huwa jissottolinja l-importanza tas-sigurtà tal-Mediterran għall-UE, speċifikament fir-rigward tal-migrazzjoni u s-sigurtà marittima, peress li t-trasport marittimu huwa essenzjali għall-ekonomija tal-UE.
3.7Il-KESE jirrakkomanda perjodu tranżitorju li jippermetti lill-Istati Membri jakkwistaw tagħmir militari b’mod indipendenti. Waqt li jrid jiġi appoġġjat l-għan fit-tul tal-awtonomija tad-difiża Ewropea, il-ħtiġijiet ta’ rikostituzzjoni immedjati jridu jiġu indirizzati bil-mezzi kollha disponibbli. Matul il-ħames snin li ġejjin, jekk jitħalla jsir xiri ta’ prodotti kummerċjalment disponibbli dan se jippermetti lill-Istati Membri jirrispondu malajr għat-theddid emerġenti u jsostnu l-prontezza operazzjonali.
3.8Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-isforzi jiġu kkonċentrati fuq it-tneħħija tal-lakuni kritiċi attwali fil-kapaċità tad-difiża sabiex tiġi żgurata tħejjija komprensiva għad-difiża u tiżdied il-kapaċità ta’ deterrenza, kif deċiż mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025 u deskritt fil-White Paper, u anke ssostanzjat aktar bl-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Azzjoni ta’ Sigurtà għall-Ewropa (SAFE).
3.9L-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati tal-komunikazzjoni u tad-difiża, bħall-5G u s-sistemi kwantistiċi, huma essenzjali għal operazzjonijiet siguri u effettivi. It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-industrija, ir-riċerka u l-akkademja se jaċċellera l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni f’dawn l-oqsma. Is-sħubijiet huma kruċjali, imma ċerti teknoloġiji ta’ sensittività strateġika jistgħu jeħtieġu inizjattivi mfassla apposta jew indipendenti appoġġjati mill-UE biex jissalvagwardjaw il-kontroll strateġiku u r-reżiljenza.
3.10Il-KESE jappoġġja l-proposta SAFE tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-investiment fid-difiża permezz ta’ self appoġġjat mill-UE, u jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza, aċċess ekwu u konsistenza mal-inizjattivi eżistenti tal-UE. Huwa jtenni wkoll l-appell tiegħu għal mekkaniżmu ta’ finanzjament stabbli biex jiġu żgurati l-konsistenza fit-tul u s-sorveljanza demokratika.
3.11Il-White Paper tippromovi l-involviment tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-finanzjament fid-difiża b’kawtela meqjusa sew. Il-KESE jappoġġja l-appell tal-Kunsill Ewropew lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI biex ikompli jadatta l-prattiki tal-BEI għas-self lill-industrija tad-difiża bħala kwistjoni ta’ urġenza, b’mod partikolari billi jevalwa mill-ġdid il-lista ta’ attivitajiet esklużi u jżid il-volum ta’ finanzjament disponibbli għas-sigurtà u d-difiża. Huwa jemmen li l-investiment meħtieġ – fis-setturi kollha – għandu jiġi ffinanzjat billi jinħareġ dejn komuni tal-UE denominat f’euro. Is-self fil-livell tal-UE jista’ jsostni d-domanda aggregata, jappoġġja l-koeżjoni soċjali u jgħin biex tinbena r-reżiljenza.
3.12L-investiment fid-difiża jrid jipprijoritizza l-għanijiet fit-tul fuq dwar soluzzjonijiet fuq terminu qasir biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-Ewropa tibqa’ robusta u adattabbli għall-isfidi tas-sigurtà li qed jevolvu. Barra minn hekk, l-infiq fuq id-difiża jrid jinkludi investiment fil-preparatezza ċivili u r-reżiljenza tas-soċjetà. Il-KESE jinnota li dan l-approċċ usa’ huwa nieqes mill-White Paper, minkejja l-għan tagħha li tipprevjeni l-kunflitti u l-kriżijiet.
3.13Il-kost għoli tal-enerġija fl-Ewropa jippreżenta sfida għall-produzzjoni ta’ tagħmir tad-difiża li juża ħafna enerġija. Minħabba f’hekk, ħafna komponenti kritiċi jiġu prodotti barra mill-Ewropa, fejn il-kostijiet tal-enerġija huma aktar baxxi. Biex dan jiġi indirizzat, irid ikun hemm enfasi fuq iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija domestika u t-teħid ta’ miżuri biex jindirizzaw il-prezzijiet għoljin tal-enerġija.
3.14Il-KESE jaqbel li l-ktajjen tal-provvista kritiċi għandhom jiġu appoġġjati biex jittaffew ir-riskji u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-produzzjoni. Madankollu, trid tingħata wkoll l-istess attenzjoni biex jiġu żgurati l-materjali kollha ta’ input użati matul il-proċess tal-produzzjoni, peress li jekk dawn ir-riskji jiġu injorati, dan jista’ joħloq konġestjonijiet.
3.15Huwa jappella sabiex l-imsieħba soċjali jkunu involuti fid-diskussjonijiet li għaddejjin, kif rikonoxxut fil-Patt għad-Djalogu Soċjali Ewropew, kemm fl-industrija tad-difiża kif ukoll b’mod aktar ġenerali fil-livell transsettorjali, peress li dawn id-deċiżjonijiet għandhom impatt fuq is-soċjetà kollha kemm hi.
3.16Il-KESE jitlob ukoll li jissaħħu l-mekkaniżmi għad-djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li l-istrateġija Ewropea għad-difiża tkun kondiviża, mifhuma u appoġġjata mill-pubbliku ġenerali u tkun ukoll komprensiva, inklużi l-edukazzjoni ċivika u d-dimensjonijiet ċivili tad-difiża.
3.17Huwa jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-prospettiva strateġika fir-rigward tad-difiża. Hawnhekk, l-edukazzjoni ċivika għall-poplu inġenerali se tkun essenzjali biex jinbnew is-sensibilizzazzjoni u l-preparatezza. Biex jintlaħqu l-għanijiet tad-difiża tal-UE, huwa kruċjali li tinżamm forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, inklużi inġiniera, tekniċi u esperti taċ-ċibersigurtà. Dan jeħtieġ l-allinjament tal-edukazzjoni mal-ħtiġijiet settorjali li qed jevolvu, it-titijib tat-taħriġ vokazzjonali, u l-promozzjoni ta’ perkorsi ta’ karriera doppja. Barra minn hekk, l-appoġġ għat-teknoloġiji tal-mediċina militari huwa essenzjali għat-titjib tas-saħħa u l-prontezza tal-persunal.
3.18Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa a) li jsir investiment proattiv fil-koeżjoni soċjali u f’miżuri li jindirizzaw il-faqar u l-inugwaljanza fl-UE biex jiġi żgurat li tinżamm bażi popolari ta’ appoġġ għall-proġett Ewropew sabiex is-sigurtà tal-UE ma tkunx ipperikolata internament, u b) li tiġi indirizzata ż-żieda fil-popolarità ta’ movimenti populisti, antidemokratiċi u neo-Faxxisti billi jiġu implimentati politiki tal-UE u tal-Istati Membri li jindirizzaw il-privazzjoni ekonomika u soċjali profonda ta’ madwar 100 miljun persuna li huma foqra jew f’riskju ta’ faqar.
3.19Il-KESE jafferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tikkomunika lill-pubbliku l-isfidi tal-finanzjament tad-difiża konġunta, bl-għan li tibni s-sigurtà u żżomm l-integrazzjoni Ewropea bbażata fuq il-paċi u s-solidarjetà. Dan għandu jinkludi sensibilizzazzjoni dwar is-servizz militari għaż-żgħażagħ u r-rwol tal-forzi armati.
3.20Jirrakkomanda bil-qawwa li jitfasslu strateġiji mmirati biex jappoġġjaw lill-SMEs, inkluż aċċess imtejjeb għall-finanzjament, proċeduri semplifikati u mekkaniżmi ta’ integrazzjoni aħjar, biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn konsorzji kbar u ditti iżgħar, u biex jiġi żgurat li l-ippjanar fil-qasam tal-armamenti jkun trasparenti u inklużiv.
3.21L-SMEs huma xpruni ewlenin tal-innovazzjoni fis-settur tad-difiża. Il-prijorità għas-semplifikazzjoni regolatorja u l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-finanzjament pubbliku fl-Istati Membri kollha se jgħinu biex jinħoloq settur tad-difiża aktar reżiljenti u kompetittiv. Barra minn hekk, is-semplifikazzjoni regolatorja trid tkun parti minn strateġija usa’ għat-trawwim ta’ industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva u diversa, kif enfasizzat fil-proposta għal Omnibus dwar id-difiża. Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-passi biex titnaqqas il-burokrazija m’għandhomx jikkompromettu t-trasparenza jew l-effiċjenza tas-suq. Il-bilanċ bejn il-kompetittività u s-sostenibbiltà huwa kruċjali biex jiġi evitat li jiġu pperikolati l-għanijiet soċjali u ambjentali fit-tul.
3.22Il-KESE jirrakkomanda l-użu ta’ għodod finanzjarji bħal self b’imgħax baxx għall-produtturi fil-qasam tad-difiża, garantit mill-gvernijiet nazzjonali, biex jgħinu lill-SMEs u lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja jegħlbu l-ostakli għall-aċċess u jespandu l-operazzjonijiet tagħhom. Għalkemm il-finanzjament pubbliku huwa bżonnjuż, huwa essenzjali li jiġi kkomplementat bi sħubijiet pubbliċi-privati, li jaċċelleraw l-innovazzjoni u l-użu tagħha f’oqsma kritiċi.
3.23Il-KESE jappoġġja l-mobilizzazzjoni sa massimum ta’ 1,5 % tal-PDG għad-difiża, iżda jenfasizza l-ħtieġa li l-kontribuzzjonijiet tal-Fond għad-Difiża tal-UE jiġu allokati b’mod ġust, u li jiġi żgurat li l-industriji tad-difiża inqas żviluppati ma jkunux żvantaġġati.
3.24Il-KESE jirrakkomanda impenn saħansitra akbar, u li l-membri tan-NATO jiġu mħeġġin jimmiraw għal infiq minimu fid-difiża ta’ 2,5 % tal-PDG, kif iddikjarat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-finanzjament tad-difiża. Din iż-żieda ssaħħaħ il-prontezza tal-UE biex tindirizza t-theddid ġeopolitiku u ssaħħaħ is-sħubija transatlantika, u fl-istess waqt tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri u tikkomplementa l-qafas tas-sigurtà tan-NATO.
3.25Huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-finanzjament fid-difiża u s-sigurtà jinkludi kundizzjonalitajiet soċjali, bl-għan li jippreżervaw il-postijiet fejn ikunu jinsabu l-kumpaniji u jiggarantixxu impjiegi ta’ kwalità, impjieg aħjar, kundizzjonijiet tax-xogħol, negozjar kollettiv u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions.
3.26Peress li jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-mobilità militari, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-White Paper biex din tissaħħaħ. Sabiex jiġu ffaċilitati l-iskjeramenti militari rapidi u jittejbu n-networks tat-trasport tal-Ewropa, huwa essenzjali li jiġu ssemplifikati l-proċeduri transfruntiera, jiġu armonizzati r-regolamenti u tiġi aġġornata l-infrastruttura b’użu doppju. Barra minn hekk, jibqa’ prijorità l-fatt li jeħtieġ appoġġ immedjat għall-produzzjoni ta’ mezzi, tagħmir u materjali tad-difiża li bħalissa huma skarsi.
3.27L-investiment sostnut f’kurituri ewlenin tat-trasport kemm għall-użu militari kif ukoll għal dak ċivili huwa importanti sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza fl-UE kollha u biex jiżdiedu l-inizjattivi biex jiġi żgurat li s-suq uniku jiffunzjona b’inqas xkiel. Barra minn hekk, huma meħtieġa analiżijiet komprensivi tal-infrastruttura tat-trasport, inklużi analiżijiet tal-pjattaformi ferrovjarji u tal-vaguni għall-ġarr tal-munizzjon, tat-tagħmir tqil, tal-materja prima u tal-komponenti tad-difiża.
3.28Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent li l-investiment fl-infrastruttura huwa kruċjali biex jiġi ffaċilitat l-iskjerar rapidu tat-truppi u t-tagħmir madwar l-Ewropa – element essenzjali ta’ preparatezza mtejba. Barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li flimkien mal-mobilità militari tiġi kkunsidrata l-konnettività, sabiex jiġi żgurat funzjonament integrat u bla xkiel tan-networks u tal-faċilitajiet tat-trasport fl-UE kollha.
3.29Huwa jenfasizza l-importanza li l-programmi infrastrutturali tal-UE, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jiġu allinjati mal-prijoritajiet tas-sigurtà u d-difiża li qed jevolvu. Bl-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tad-difiża fl-ippjanar aktar ġenerali tal-infrastruttura tal-UE, l-UE tista’ tindirizza d-disparitajiet reġjonali, issaħħaħ il-konnettività fit-tul u ssaħħaħ ir-reżiljenza tad-difiża tagħha.
3.30Il-KESE jenfasizza wkoll kemm huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-difiża permezz ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni, laqgħat konġunti u uffiċjali ta’ koordinazzjoni ddedikati minn kull nazzjon imsieħeb. Bl-istess mod jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal ftuħ għal kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi, peress li jirrikonoxxi li s-sħubijiet globali huma essenzjali.
Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2025.
Il-President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
Dimitris DIMITRIADIS
*
*
*
ANNESS għall-OPINJONI
tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 60(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):
EMENDA 2
REX/603
White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030
Punt 3.24
Ibdel it-test kif ġej:
|
Imressqa minn:
Tanja BUZEK
JEAMBRUN Denis
KOLLER Erika
ÖNGÖRUR Berivan
PALMIERI Stefano
QUAREZ Christophe
TRINDADE Carlos Manuel
WAGNSONNER Thomas
|
Abbozz ta’ opinjoni
|
Emenda
|
Il-KESE jirrakkomanda impenn saħansitra akbar, u li l-membri tan-NATO jiġu mħeġġin jimmiraw għal infiq minimu fid-difiża ta’ 2,5 % tal-PDG, kif iddikjarat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-finanzjament tad-difiża. Din iż-żieda ssaħħaħ il-prontezza tal-UE biex tindirizza t-theddid ġeopolitiku u ssaħħaħ is-sħubija transatlantika, u fl-istess waqt tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri u tikkomplementa l-qafas tas-sigurtà tan-NATO.
|
Il-KESE jirrakkomanda impenn saħansitra akbar, u li l-membri tan-NATO jiġu mħeġġin jissodisfaw b’mod urġenti l-impenji ta’ nfiq tagħhom tan-NATO u jiddeterminaw liema finanzjament addizzjonali huwa meħtieġ għall-10 snin li ġejjin. Din iż-żieda ssaħħaħ il-prontezza tal-UE biex tindirizza t-theddid ġeopolitiku u ssaħħaħ is-sħubija transatlantika, u fl-istess waqt tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri u tikkomplementa l-qafas tas-sigurtà tan-NATO.
|
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur:
42
Kontra:
42
Astensjonijiet:
4
_____________