MT

ECO/665

Investmenti u riformi għall-kompetittività u Unjoni tas-Swieq Kapitali

OPINJONI

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Investimenti u riformi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew)

Kuntatt

eco@eesc.europa.eu

Amministratur

Sergio LORENCIO MATALLANA

Data tad-dokument

15/4/2025

Relatur: Dominika BIEGON

Relatur: Antonio GARCÍA DEL RIEGO

Relatur: Giuseppe GUERINI

Konsulenti

Samuel CORNELLA (għar-relatur, Grupp III)

Christian STIEFMÜLLER (għar-relatur, Grupp II)

Patricia RODRÍGUEZ FERNÁNDEZ DE CASTRO (għar-relatur, Grupp I)

Veronique ORMEZZANO (għall-Grupp I)

Daniel MERTENS (għall-Grupp II)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 21/1/2025

Bażi legali

Artikolu 304 tat-TFUE

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

15/4/2025

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

75/1/3

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

D/M/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jenfasizza li għalkemm l-UE stabbiliet għaliha nnifisha għanijiet ambizzjużi fir-rigward tat-tranżizzjoni ġusta, id-diġitalizzazzjoni, ir-reżiljenza, l-awtonomija strateġika u l-kompetittività sostenibbli, u l-ħtieġa ta’ sigurtà u difiża fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi, id-diskrepanza fil-finanzjament għadha l-mażżra għal-livell għoli ta’ ambizzjoni li l-UE għandha biex kemm hi kif ukoll is-suq uniku jkunu adatti għall-futur.

1.2Sabiex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-investiment pubbliku, il-KESE jirrakkomanda l-miżuri li ġejjin: i) l-istabbiliment ta’ fond ta’ investiment tal-UE għall-kompetittività u r-reżiljenza, li għandu jiġi stabbilit bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss; ii) għadd akbar ta’ programmi kofinanzjati bħal dawk tal-fondi strutturali taħt il-QFP li jmiss tal-UE, fuq il-bażi li dan se jrendi darbtejn, u b’hekk ikun possibbli li aktar finanzjament Ewropew jiġi akkumpanjat minn aktar kofinanzjament nazzjonali, mingħajr ma jkun f’kunflitt mar-regoli fiskali l-ġodda; u iii) reviżjoni mmirata tar-Regolament 2024/1263 sabiex jiġu privileġġati investimenti pubbliċi li jsaħħu t-tkabbir u jikkontribwixxu għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE.

1.3Id-daqs limitat tal-baġit tal-UE jirrikjedi metodi innovattivi biex jiffaċilitaw l-investiment f’setturi strateġiċi, fit-trasformazzjoni industrijali u fi proġetti “mhux bankabbli”. L-espansjoni tal-programm InvestEU tagħmel parti importanti minn dan l-approċċ fiskali. Madankollu, huwa importanti li ssir riflessjoni dwar il-limitazzjonijiet ta’ dan l-approċċ, bħar-riproduzzjoni tal-inugwaljanzi reġjonali eżistenti. Barra dan, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe ingranaġġ ulterjuri tal-baġit tal-UE biex jiġi mobilizzat l-investiment privat permezz ta’ strumenti finanzjarji jrid ikun akkumpanjat kemm minn kriterji ta’ prestazzjoni u sostenibbiltà trasparenti u eżegwibbli kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt, li huma kritiċi għal politika industrijali ta’ suċċess u użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Il-KESE jżid jgħid li l-BEI għandu jespandi l-investiment dirett tiegħu f’ċerti kumpaniji tat-teknoloġija inkluża t-teknoloġija nadifa, speċjalment fejn ma jirċevux finanzjament adegwat mis-settur privat. Il-proġetti fit-tul iridu wkoll jiġu ffinanzjati sabiex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

1.4Il-KESE jindika l-importanza strateġika li titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, waqt li jiġi żgurat li jiġu protetti l-faddala ż-żgħar, ma tiddgħajjifx l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, u jiġu rispettati l-objettivi tat-tfaddil għall-pensjoni. Il-ħolqien ta’ Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li tikkombina l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, għandu jindirizza l-problemi strutturali tas-settur finanzjarju u jibni soluzzjonijiet adegwati u prammatiċi.

1.5B’mod aktar konkret, fil-fehma tal-KESE, element ċentrali tal-aġenda għall-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti għandu jkun il-promozzjoni għall-konverġenza superviżorja u t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej. Għandha tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) jingħataw aktar setgħat fl-armonizzazzjoni u s-superviżjoni. Min-naħa tal-ESMA hija meħtieġa wkoll is-superviżjoni diretta tal-operaturi tal-infrastruttura tas-suq b’attivitajiet transfruntiera sinifikanti, bħad-depożitorji ċentrali tat-titoli u l-kontropartijiet ċentrali. Il-KESE jirrakkomanda approċċ gradwali, peress li aħna nqisu li l-ESMA bħalissa mhijiex adatta biex tassumi s-superviżjoni diretta ta’ għadd kbir ta’ atturi finanzjarji. B’mod parallel, għandhom jitwettqu riformi fil-governanza tal-ESMA u r-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala tħejjija għal pass ulterjuri potenzjali fl-integrazzjoni superviżorja ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

1.6L-investituri istituzzjonali bħall-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet għandhom rwol essenzjali fis-sistema finanzjarja tal-UE. Għall-kuntrarju ta’ investituri istituzzjonali oħra, madankollu, il-mandati tagħhom huma ħafna usa’ u jinvolvu l-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u ta’ dawk li jfaddlu l-pensjonijiet kontra riskji oħra minbarra r-riskju finanzjarju. Dawn il-mandati speċifiċi jirrikjedu approċċ għat-teħid tar-riskji li mhuwiex determinat biss mir-redditi finanzjarji. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tispeċifika l-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-trattament prudenzjali favorevoli ta’ investimenti fit-tul fl-ekwità fl-att delegat Solvenza II.

1.7Il-KESE jissottolinja li l-politika dwar il-pensjonijiet għandha l-ewwel u qabel kollox l-objettiv ta’ politika soċjali li tiżgura l-aħjar provvista possibbli ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema anzjani. L-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma l-aħjar mod biex jitwettaq dan il-mandat soċjopolitiku. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jqis li l-espansjoni u t-tisħiħ ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali miftiehma b’mod kollettiv (Pilastru 2), b’kontribuzzjoni minima mill-impjegatur, issorveljata minn entità pubblika li timplimenta linji gwida ta’ investiment vinkolanti u sostenibbli, jistgħu jkunu triq ’il quddiem, dment li dan isir b’mod li jikkomplementa s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u mingħajr ma jipperikolahom.

1.8Il-KESE jemmen li jekk il-funzjonament tas-suq tat-titolizzazzjoni jittejjeb, dan jista’ jwessa’ l-opportunitajiet ta’ investiment għall-investituri u jgħin biex isir progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-isforzi biex tiġi stimulata t-titolizzazzjoni fl-UE għandhom jikkonċentraw fuq il-produzzjoni ta’ benefiċċji dimostrabbli f’termini ta’ finanzjament addizzjonali għall-ekonomija reali. It-titolizzazzjoni għandu jkollha rwol komplementari għal strumenti oħra ta’ dejn tas-swieq ta’ kapital, bħal bonds koperti.

2.Kummenti ġenerali

2.1Introduzzjoni u kuntest

2.1.1Il-KESE jenfasizza li għalkemm l-UE stabbiliet għaliha nnifisha għanijiet ambizzjużi fir-rigward tat-tranżizzjoni ġusta, id-diġitalizzazzjoni, ir-reżiljenza, l-awtonomija strateġika u l-kompetittività sostenibbli, u l-ħtieġa ta’ sigurtà u difiża fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi, id-diskrepanza fil-finanzjament għadha l-mażżra għal-livell għoli ta’ ambizzjoni li l-UE għandha biex kemm hi kif ukoll is-suq uniku jkunu adatti għall-futur.

2.1.2F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li d-diskrepanza fl-investiment relatata mat-tranżizzjoni ekoloġika tammonta għal madwar 4 % tal-PDG kull sena sal-2030 1 . Jinħolqu rekwiżiti addizzjonali ta’ investiment jekk jitqiesu wkoll għanijiet u sfidi politiċi importanti oħra, bħal i) it-trasformazzjoni diġitali; ii) it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika billi tiġi ankrata l-produzzjoni u tittejjeb il-kompetittività tas-setturi kollha fl-UE, inklużi s-servizzi; iii) investiment soċjali, pereżempju, f’aspetti bażiċi tal-politika pubblika, servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, u t-taħriġ u l-ħiliet; u iv) l-isfidi ulterjuri tal-protezzjoni ambjentali biex tiġi miġġielda l-kriżi tal-bijodiversità, u tal-ħtieġa dejjem tikber ta’ investiment fl-adattament għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar xhur rajna ħtieġa urġenti ta’ azzjoni biex jiżdied l-investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża minħabba d-direzzjoni opposta li ħadet l-amministrazzjoni Trump f’sitwazzjoni ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi.

2.1.3Huma meħtieġa ammonti sostanzjali ta’ finanzjament pubbliku għal investimenti pubbliċi u biex jiskattaw investiment privat f’oqsma li fihom għad ma hemmx argument għall-vijabbiltà għal soluzzjonijiet newtrali f’termini ta’ karbonju kif ukoll f’setturi strateġiċi fejn il-produzzjoni kieku sseħħ f’reġjuni dinjija li jikkompetu ġeoekonomikament.

2.1.4Il-fondi pubbliċi huma kruċjali għall-investiment fl-infrastruttura u fi prodotti pubbliċi oħra li l-atturi tas-suq għandhom inqas inċentiv li jipprovdu, iżda li jistgħu joħolqu l-kundizzjonijiet għall-istess atturi biex jiffjorixxu u jinvestu. Waqt li l-mezz ewlieni għall-finanzjament tat-tranżizzjoni tal-UE għandu jkun l-investimenti tas-settur privat, il-biċċa l-kbira tal-istudji jistmaw li s-sehem tal-finanzjament pubbliku jvarja bejn 25‑60 %, skont x’ikun is-settur 2 . Fil-qosor, id-diskrepanza fl-investiment pubbliku tammonta għal mill-inqas 1,25 % tal-PDG fis-sena 3 .

2.2Finanzjament pubbliku: Aktar riżorsi fiskali biex jiġu lliberati l-investimenti

2.2.1Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet inizjali tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-possibbiltà li jinħoloq fond għall-kompetittività, il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit fond ta’ investiment tal-UE bħala parti mill-QFP li jmiss. Dan għandu jkollu l-għan li jipprovdi riżorsi finanzjarji għal proġetti ta’ investiment li huma ta’ interess strateġiku Ewropew. Il-KESE identifika ħames oqsma ta’ investiment għal fond ta’ investiment tal-UE futur: i) proġetti infrastrutturali transfruntiera; ii) investiment biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija; iii) investiment biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industriji Ewropej; iv) investiment soċjali, pereżempju fl-edukazzjoni u t-taħriġ; u v) il-ħtieġa ta’ sigurtà u difiża fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi. L-għan primarju ta’ dan il-fond għandu jkun li jappoġġja lill-Istati Membri biex jilħqu livell ta’ investiment pubbliku li jkun sostenibbli u li jsaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE.

2.2.2Il-KESE jemmen li l-fond ta’ investiment tal-UE għandu jiġi ffinanzjat minn taħlita ta’ riżorsi, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, riżorsi proprji ġodda u l-ħruġ ta’ dejn konġunt tal-UE, li ġie żviluppat b’suċċess bħala strument innovattiv matul il-pandemija tal-COVID-19 u jista’ jiġi ripetut sabiex jiġu ffinanzjati l-kompetittività sostenibbli u r-reżiljenza tas-suq uniku fil-futur 4 . F’dak il-kuntest, il-KESE jtenni u jappoġġja bis-sħiħ l-appell tal-Kummissjoni biex il-Kunsill “jerġa’ jibda l-ħidma fuq il-kwistjoni ta’ riżorsi proprji ġodda bħala kwistjoni ta’ urġenza” 5 .

2.2.3Flimkien ma’ finanzjament addizzjonali fil-livell tal-UE, l-UE se jkollha bżonn tillibera l-użu tal-finanzjament pubbliku fil-livell nazzjonali biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ investiment. F’dan il-kuntest, il-KESE jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2024/1263 6 , li skonthom il-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi tal-UE mhux se jingħadd fil-perkors tan-nefqa netta taħt il-qafas fiskali l-ġdid tal-UE.

2.2.4Il-KESE jittama li l-programmi kofinanzjati bħall-fondi strutturali jiżdiedu taħt il-QFP li jmiss tal-UE. Dan se jrendi fuq żewġ binarji: aktar finanzjament Ewropew jista’ jkun akkumpanjat minn aktar kofinanzjament nazzjonali, mingħajr ma jkun f’kunflitt mar-regoli fiskali l-ġodda. Id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq fir-Regolament 2024/1263 7 għandha tintuża biex tixpruna aġenda ta’ investiment immexxija mill-UE.

2.2.5Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda lill-Kunsill jattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bħala miżura immedjata sabiex tippermetti żieda fl-infiq militari. Madankollu, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-marġni għall-immanuvrar biex jiġu ffinanzjati l-investimenti pubbliċi għadu limitat ħafna. Dan mhuwiex ekonomikament vijabbli u jista’ jikkawża reżistenza politika. Il-KESE jissuġġerixxi reviżjoni mmirata tar-Regolament 2024/126 8 sabiex jiġu privileġġati l-investimenti pubbliċi li jsaħħu t-tkabbir u jikkontribwixxu għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE.

2.3Finanzjament privat: Il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti privati b’appoġġ pubbliku – ir-rwol tal-BEI

2.3.1Il-KESE jaqbel li s-sitwazzjoni attwali tirrikjedi sett komprensiv ta’ miżuri biex jiġi lliberat l-investiment privat, inklużi kemm l-użu mmirat u strateġiku tal-istrumenti pprovduti mill-BEI, kif ukoll l-għajnuna u s-sussidji għall-kumpaniji abbażi ta’ kundizzjonijiet soċjali.

2.3.2Il-BEI jibbenefika minn network wiesa’ ta’ msieħba li jippermettilu jaċċessa sensiela rikka ta’ proġetti. Il-kapaċità tal-BEI għandha tiġi estiża b’konformità mal-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali, inkluż f’termini ta’ dejn, garanziji u prodotti ta’ ekwità, permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment.

2.3.3Fl-istess ħin, il-BEI għandu jiffoka b’mod aktar rigoruż fuq id-diskrepanzi fis-suq fejn il-finanzjament privat ma jkunx disponibbli, itejjeb iż-żmien li jieħu biex jikkummerċjalizza u jissemplifika l-“katalogu” frammentat tal-mandati attwali tiegħu, sabiex jipprovdi aktar viżibbiltà lill-kumpaniji.

2.3.4Id-daqs limitat tal-baġit tal-UE jirrikjedi metodi innovattivi biex jiffaċilitaw l-investiment f’setturi strateġiċi, fit-trasformazzjoni industrijali u fi proġetti “mhux bankabbli”. L-użu tal-garanziji u l-espansjoni tal-Programm InvestEU huma importanti. Madankollu, peress li l-effikaċja tiegħu tibbaża fuq il-kapaċità tal-imsieħba inkarigati mill-implimentazzjoni u dik tal-intermedjarji finanzjarji, huwa importanti li ssir riflessjoni dwar il-limitazzjonijiet ta’ approċċ bħal dan.

2.3.5L-allokazzjoni tal-fondi permezz tal-ingranaġġ tal-baġit tal-UE tista’ tirriproduċi l-inugwaljanzi reġjonali eżistenti. Peress li huma xprunati mid-domanda, ċerti fondi u programmi huma ta’ żvantaġġ għall-Istati Membri u r-reġjuni li ma għandhomx sensiela ta’ proġetti u swieq kapitali aktar profondi 9 . Peress li r-rilaxx tal-investiment fl-UE se jirrikjedi wkoll it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-politiki fiskali nazzjonali u l-għajnuna mill-Istat, hemm bżonn jiġi żgurat li l-pjani ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-tfaddil u tal-investimenti jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi, u hemm bżonn jiġi enfasizzat l-objettiv li tiġi żgurata l-koeżjoni, li tibqa’ pedament tas-suq uniku.

2.3.6Kwalunkwe ingranaġġ ulterjuri tal-baġit tal-UE biex jiġi mobilizzat l-investiment privat permezz ta’ strumenti finanzjarji jrid ikun akkumpanjat minn kriterji ta’ prestazzjoni u ta’ sostenibbiltà li jkunu trasparenti u eżegwibbli, kif ukoll minn valutazzjonijiet tal-impatt. Kollox ma’ kollox, il-problema tal-periklu morali għandha wkoll tiġi kkunsidrata bir-reqqa.

2.3.7Il-KESE jemmen li l-appoġġ għal proġetti b’riskju ogħla u proġetti ta’ tranżizzjoni fit-tul huwa possibbli permezz tal-iżvilupp u l-espansjoni tal-kapaċità tal-BEI, tal-Fond Ewropew tal-Investiment u tal-banek promozzjonali nazzjonali u l-istituzzjonijiet. B’mod partikolari, l-investimenti fl-ekwità minn entitajiet pubbliċi u privati huma alternattiva ta’ finanzjament ċentrali għal kumpaniji start-up, negozji li qed jespandu, u kumpaniji stabbiliti, u jibqgħu riżorsa mhux sfruttata biżżejjed li tista’ tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE.

2.3.8F’dan ir-rigward, ir-riżorsi għandhom jissaħħu sabiex l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jagħmlu dan. Iż-żieda proposta fil-garanzija tal-baġit għal InvestEU hija pożittiva. Madankollu, il-KESE jisħaq li għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għall-ingranaġġ tal-investimenti privati bi flus pubbliċi. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe semplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi ma tridx issir askapitu tal-użu mmirat u adatt tal-mezzi. Barra minn hekk, koordinazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet supranazzjonali (orizzontali) u l-istituzzjonijiet nazzjonali (vertikali) se tkun kruċjali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità, pereżempju permezz tal-bini fuq l-aħjar prattiki u għarfien espert fl-Istati Membri. F’dan l-aspett ukoll, il-perikli tal-inugwaljanzi bejn l-ekosistemi finanzjarji tal-Istati Membri u ta’ kundizzjonalitajiet dgħajfa jridu jiġu riflessi fit-tfassil ta’ programmi speċifiċi.

2.3.9Il-KESE jżid jgħid li l-BEI għandu jespandi l-investiment dirett tiegħu f’ċerti kumpaniji tat-teknoloġija nadifa u tat-teknoloġija li ma jirċevux finanzjament adegwat mis-settur privat. Il-proġetti fit-tul iridu jkomplu jiġu ffinanzjati sabiex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. B’hekk, jistgħu jiġu segwiti għanijiet ta’ investiment aktar fit-tul, u l-kontroll politiku jista’ jissaħħaħ permezz ta’ linji gwida għall-investiment u analiżi tal-impatt trasparenti.

2.4Nimxu ’l quddiem bl-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti

2.4.1Il-KESE jirrimarka l-importanza strateġika li titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, waqt li jiġi żgurat li l-faddala ż-żgħar jiġu protetti, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju ma titnaqqasx u l-objettivi tat-tfaddil għall-pensjoni jiġu rispettati 10 . Il-ħolqien ta’ Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, li tikkombina l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, għandu jindirizza l-problemi strutturali tas-settur finanzjarju u jibni soluzzjonijiet adegwati u prammatiċi. Il-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE tul il-fruntieri nazzjonali għadha l-aktar ostaklu importanti għall-fluss transfruntier tal-investiment fl-UE.

2.4.2Kull sena jiġu investiti diversi mijiet ta’ miljuni ta’ euro ta’ tfaddil tal-Ewropej barra mill-UE. Għan ewlieni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti għandu jkun li treġġa’ lura din ix-xejra i) billi ttejjeb ir-redditi disponibbli fuq l-investimenti tal-UE u ii) meta tfassal u timplimenta l-qafas regolatorju, billi tippreżerva kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti fis-suq tal-UE, meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali kbar tagħhom.

2.4.3Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li t-tfassil tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti jrid ikun primarjament iggwidat mill-interessi u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE. Trid tinbena fuq l-ogħla standards ta’ integrità tas-suq u protezzjoni tal-konsumatur, waqt li tinkoraġġixxi t-teħid prudenti ta’ riskji. Dan jinkludi superviżjoni tal-kwalità u jestendi għall-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data għas-servizzi finanzjarji, li l-benefiċċji tagħhom bla dubju jridu jiġu bbilanċjati mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, mingħajr ma joħolqu kostijiet bla bżonn.

2.5It-titjib tal-aċċess tal-unitajiet domestiċi għal opzjonijiet ta’ investiment fit-tul ta’ prestazzjoni għolja, sostenibbli u sikuri

2.5.1Fost fatturi oħra li jnaqqsu l-parteċipazzjoni fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji, l-investituri fil-livell tal-konsumatur jaffaċċjaw tariffi 40 % ogħla minn dawk li jħallsu l-investituri istituzzjonali 11 , parzjalment minħabba differenzi fil-kostijiet tal-konformità u tad-distribuzzjoni. Dan ikkontribwixxa biex l-investiment f’assi finanzjarji isir pjuttost mhux attraenti għall-unitajiet domestiċi. Il-KESE jistenna li kompetizzjoni transfruntiera aktar fluwida għandha tħeġġeġ lill-fornituri joffru tariffi aktar baxxi. Fl-istess ħin, il-KESE jwissi kontra t-trasferiment dejjem akbar tar-riskji makroekonomiċi għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju minħabba l-inċentivar tat-teħid tar-riskju askapitu tat-tfaddil prekawzjonarju meħtieġ. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-kumplessità tal-informazzjoni li jirċievu l-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fondi kumplessi mhux trasparenti.

2.5.2Il-KESE jħeġġeġ inizjattivi mmirati biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-swieq tal-UE u tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex is-swieq domestiċi jsiru aktar attraenti għall-unitajiet domestiċi Ewropej. Fl-Istati Uniti, iċ-ċentri tan-negozjar u infrastruttura oħra tas-suq huma aktar konsolidati, li huwa rifless f’likwidità aħjar, aktar trasparenza ta’ pre-negozjar u post-negozjar, ipprezzar aktar effiċjenti, saldu aktar veloċi u kostijiet tat-tranżazzjonijiet aktar baxxi.

2.5.3Fit-tlestija tal-Istrateġija dwar l-Investiment bl-Imnut, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw li l-unitajiet domestiċi jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ tfaddil u investiment bi prestazzjoni għolja u kosteffiċjenti offruti bi prezzijiet trasparenti u kompetittivi, kif ukoll għal informazzjoni trasparenti dwar ir-riskju u s-sostenibbiltà, appoġġjati minn informazzjoni u divulgazzjonijiet komprensivi iżda aċċessibbli u pariri kwalifikati, meta jintalbu, mingħajr ma jikkompromettu l-istandard tal-protezzjoni tal-investituri minqux fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali, speċjalment id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID).

2.5.4Il-KESE jaqbel li l-iggwidar tat-tfaddil privat lejn investimenti fit-tul u sostenibbli għandu jkun għan ewlieni tal-aġenda tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti. Għal dan l-għan, il-KESE jqis li l-espansjoni u t-tisħiħ tal-iskemi ta’ pensjoni okkupazzjonali miftiehma b’mod kollettiv (Pilastru 2), b’kontribuzzjoni minima obbligatorja mill-impjegatur, ġestiti minn entità pubblika li timplimenta linji gwida għall-investiment vinkolanti u sostenibbli, jistgħu jkunu t-triq ’il quddiem, dment li dan isir b’mod li jikkomplementa s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u mingħajr ma jdgħajjifhom.

2.5.5Fl-istess ħin, il-KESE jissottolinja li l-politika dwar il-pensjonijiet għandha l-ewwel u qabel kollox l-objettiv tal-politika soċjali li tiżgura l-aħjar provvista possibbli ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema qrib l-età tal-irtirar. L-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma l-aħjar mod biex jitwettaq dan il-mandat soċjopolitiku. Ma tridx issir pressjoni fuq is-sistemi stabbiliti sew fl-Istati Membri. Bl-istess mod, inizjattivi ġodda fil-kuntest tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti ma jridux jagħmlu pressjoni fuq l-Istati Membri biex isaħħu r-rati ta’ tfaddil permezz ta’ tnaqqis fis-sigurtà soċjali u s-servizzi ta’ interess ġenerali jew billi jintegraw l-istrumenti tas-suq kapitali f’dawk is-sistemi.

2.5.6Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjani tal-pensjonijiet privati komplementari (Pilastru 3) għandhom ikunu portabbli bis-sħiħ bejn l-Istati Membri. Il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-aċċettazzjoni tal-Prodott tal-Pensjoni Pan-Ewropew (PEPP) kienet waħda fqira, u jistieden lill-Kummissjoni tibbaża fuq il-proposti tal-EIOPA. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li r-rivitalizzazzjoni tal-PEPP, prodott immirat lejn firxa dejqa ta’ ċittadini tal-UE, prinċipalment il-popolazzjoni tal-expatrijati, x’aktarx li ma tkunx soluzzjoni skalabbli.

2.6Il-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja u t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej

2.6.1Kwistjoni ewlenija oħra hija l-frammentazzjoni tal-istruttura superviżorja tas-swieq kapitali tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi u japprezza r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qafas attwali. Fl-istess ħin, id-differenzi fl-oqfsa regolatorji u l-prattiki superviżorji tal-Istati Membri huma sors ewlieni ta’ arbitraġġ regolatorju u frizzjoni li jaffettwaw l-investiment transfruntier fis-suq uniku, jippermettu li d-ditti mhux tal-UE jew atturi ġodda jfittxu ir-regolazzjoni li taqblilhom, u jnaqqsu l-fiduċja fil-prodotti finanzjarji.

2.6.2Il-KESE jilqa’ proposti dettaljati biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej fl-iżgurar tal-konverġenza superviżorja. Għandha tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal setgħat imsaħħa ta’ armonizzazzjoni u ta’ superviżjoni. Dan il-proċess jista’ jirrikjedi bidliet fil-qafas regolatorju eżistenti biex i) jitnaqqsu l-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ oqfsa regolatorji komuni fl-Istati Membri kollha, u ii) jiġu rieżaminati l-istrutturi ta’ governanza u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej, inkluż iż-żieda tas-setgħat ta’ infurzar.

2.6.3Il-KESE jilqa’ wkoll proposti dettaljati fir-rigward tas-superviżjoni diretta, mill-ESMA, tal-operaturi tal-infrastruttura tas-suq b’attivitajiet transfruntiera sinifikanti, bħad-depożitorji ċentrali tat-titoli u l-kontropartijiet ċentrali. Il-KESE jirrakkomanda approċċ gradwali, peress li aħna nqisu li l-ESMA bħalissa mhijiex adatta biex tassumi s-superviżjoni diretta ta’ għadd kbir ta’ atturi finanzjarji. B’mod parallel, għandhom jitwettqu riformi fil-governanza tal-ESMA u r-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala tħejjija għal pass ulterjuri potenzjali fl-integrazzjoni superviżorja ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

2.6.4Il-kumplessità ta’ arkitettura regolatorja u superviżorja b’diversi livelli hija riflessa fid-duplikazzjonijiet u fir-ridondanzi, li jżidu l-kostijiet tal-konformità għall-istituzzjonijiet finanzjarji, pereżempju billi jidduplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar u t-talbiet għal informazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ favur inizjattivi mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet superviżorji Ewropej biex jissemplifikaw il-proċessi ta’ rapportar u divulgazzjoni b’konformità mal-“prinċipju ta’ darba biss”, iċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni superviżorja, u arranġamenti komprensivi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-mekkaniżmu superviżorju uniku.

2.7It-titjib tal-effiċjenza tar-regolamentazzjoni finanzjarja mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja

2.7.1Wara għaxar snin, l-Unjoni Bankarja għadha mhix kompluta. Il-frammentazzjoni attwali tul il-fruntieri nazzjonali xxekkel lin-negozji, tagħmel il-kapital u l-likwidità skarsi u għaljin, u tnaqqas il-kondiviżjoni tar-riskju tas-settur privat. Il-mekkaniżmu superviżorju uniku u l-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni għandhom mingħajr ambigwità jingħataw is-setgħa li jissorveljaw b’mod olistiku l-banek li jaqgħu fl-ambitu tagħhom, b’inqas diskrezzjoni mogħtija lis-superviżuri ospitanti.

2.7.2L-istabbiltà finanzjarja tirrikjedi qafas regolatorju ċar, prevedibbli u proporzjonat.

2.7.3Il-KESE jqis li l-ħolqien ta’ skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) joffri liċ-ċittadini tal-UE aċċess ugwali għad-depożiti tagħhom f’każ ta’ falliment. Bħala punt tat-tluq, l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti għandhom jiġu armonizzati u ffinanzjati bis-sħiħ, li bħalissa mhuwiex il-każ. Il-KESE jinnota li l-istabbiliment u l-funzjonament stabbli ta’ EDIS huma intrinsikament marbuta mat-tlestija tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. Sar progress kbir f’dawn l-aħħar ftit snin fil-bini tal-buffer ta’ dejn li jippermetti rikapitalizzazzjoni interna, kif ikkonfermat mill-Awtorità Bankarja Ewropea fl-aħħar dashboard tagħha dwar ir-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli 12 . Madankollu, ċerti aspetti tal-qafas ta’ riżoluzzjoni għadhom pendenti, b’mod partikolari l-allinjament tal-proċeduri nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u insolvenza, ir-ratifika sħiħa tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li jipprevedi “garanzija ta’ kontinġenza” għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek, kif ukoll il-kwistjoni tal-likwidità f’riżoluzzjoni, li s-soltu tingħata f’ġuriżdizzjonijiet oħra mill-banek ċentrali.

2.7.4L-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet għandhom rwol essenzjali fis-sistema finanzjarja tal-UE. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ investituri istituzzjonali oħra, il-mandati tagħhom huma ħafna usa’ u jinvolvu l-protezzjoni tad-detenturi ta’ polza u ta’ dawk li jfaddlu l-pensjoni lil hinn mir-riskju finanzjarju. Dawn il-mandati jeħtieġu approċċ lejn it-teħid tar-riskji li mhuwiex determinat biss mir-redditi finanzjarji. Madankollu, il-KESE jilqa’ b’kawtela l-proposta tal-Kummissjoni li tispeċifika l-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-trattament prudenzjali favorevoli ta’ investimenti fit-tul fl-ekwità permezz ta’ att delegat Solvenza II.

2.7.5L-iżvilupp tal-Fond ta’ Investiment Ewropew fuq Terminu Twil (ELTIF 2.0) għandu jkun pass fid-direzzjoni t-tajba biex jitrawwem l-investiment f’ekwità privata fit-tul. L-applikazzjoni inizjali ta’ dan ir-regolament rivedut għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li tiġi indirizzata kwalunkwe konsegwenza mhux intenzjonata.

2.7.6Huwa importanti wkoll li jiġi kkunsidrat, fir-rigward tas-swieq kapitali, li għadd ta’ motivaturi qed joħorġu l-likwidità barra mis-swieq kapitali tal-UE. L-awtoritajiet għandhom jimmonitorjaw mill-qrib il-kwalità u d-disponibbiltà tal-likwidità fl-ishma tal-UE, sabiex jiżguraw li kwalunkwe żvilupp futur tal-qafas regolatorju jkun ibbażat fuq fehim profond tal-mekkaniżmi tas-suq.

2.7.7Il-KESE jemmen li jekk il-funzjonament tas-suq tat-titolizzazzjoni jkompli jittejjeb, dan jista’ jwessa’ l-opportunitajiet ta’ investiment għall-investituri u jespandi l-aċċess għall-kreditu għall-unitajiet domestiċi u n-negozji. It-titolizzazzjoni tista’ tgħin biex isir avvanz fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-isforzi biex tiġi stimulata t-titolizzazzjoni fl-UE għandhom jikkonċentraw fuq il-produzzjoni ta’ benefiċċji dimostrabbli f’termini ta’ finanzjament addizzjonali għall-ekonomija reali. It-titolizzazzjoni għandu jkollha rwol komplementari għal strumenti oħra ta’ kapital tad-dejn, bħal bonds koperti, billi tipprovdi għażliet ta’ rifinanzjament għal ċerti kategoriji ta’ assi, kif ukoll għodda għall-ġestjoni tar-riskju.

2.7.8Xi Stati Membri qed jikkunsidraw it-28 reġim volontarju biex jindirizzaw il-frammentazzjoni 13 . Il-proposta futura tal-Kummissjoni x’aktarx li tkun tinkludi diversi oqsma tal-liġi, inklużi l-liġi tal-kumpaniji, il-liġi tal-infurzar, il-liġi tal-insolvenza, il-liġi tas-suq finanzjarju, il-liġi tat-taxxa u l-liġi tax-xogħol. Filwaqt li l-KESE ma jopponix tali kunċett tat-28 reġim f’ċerti oqsma bħas-swieq kapitali, huwa jopponi bil-qawwa l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol li jipperikolaw il-protezzjonijiet tal-ħaddiema u l-acquis soċjali tal-UE, li fihom riskju ta’ evitar tad-dritt nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

Brussell, il-15 ta’ April 2025.

Il-President tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Ioannis VARDAKASTANIS

_____________

(1)    Mario Draghi, The future of European competitiveness (Il-futur tal-kompetittività Ewropea (ir-rapport ta’ Draghi) - mhux disponibbli bil-Malti).
(2)     Institute Rosseau, Road to Net Zero , January 2024.
(3)     An EU Future Fund: Why and How? Background Paper of the Progressive EU Fiscal Policy Network .
(4)    ĠU C, C/2024/6862, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6862/oj .
(5)     COM(2025) 46 final , 11 ta’ Frar 2025.
(6)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(7)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(8)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(9)    Opinjoni tal-KESE Evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 2.0 , Settembru 2022.
(10)    Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Valutazzjoni tar-rapporti ta’ Letta u ta’ Draghi dwar il-funzjonament u l-kompetittività tas-suq uniku tal-UE , Frar 2025.
(11)    Mario Draghi, The future of European competitiveness (Il-futur tal-kompetittività Ewropea (ir-rapport ta’ Draghi) - mhux disponibbli bil-Malti).
(12)    EBA, EU banks continue to meet their MREL, still 21 banks in their transition period report a shortfall (Il-banek tal-UE jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tagħhom, għalkemm 21 bank fil-perjodu ta’ tranżizzjoni tagħhom jirrapportaw nuqqas [mhux disponibbli bil-Malti]), 27 ta’ Novembru 2024.
(13)    Real Instituto Elcano, The Spanish proposal for a European Competitiveness Laboratory , Ottubru 2024.