TEN/851
Ir-rwol tas-servizzi ta’ interess ġenerali għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea
OPINJONI
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni
Ir-rwol tas-servizzi ta’ interess ġenerali għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
|
Kuntatt
|
ten@eesc.europa.eu
|
|
Amministratur
|
Aleksandra SARMAN GRILC
|
|
Data tad-dokument
|
26/6/2025
|
Relatur: Thomas KATTNIG
|
Konsulenti
|
Barbara SAK (għar-relatur)
Valeria RONZITTI (għall-Grupp I)
|
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
25/2/2025
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
24/6/2025
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
57/0/0
|
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jappella għal rikonoxximent akbar tar-rwol olistiku tas-servizzi ta’ interess ġenerali fi ħdan il-mudell soċjali Ewropew, u li jissaħħaħ l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-kompetittività sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u d-demokrazija.
1.2Il-KESE jappella għal approċċ olistiku lejn il-politiki tas-servizzi ta’ interess ġenerali, għall-kuntrarju tal-approċċ settorjali attwali tal-politiki tal-UE, u jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tas-servizzi ta’ interess ġenerali moderni fil-promozzjoni tal-prosperità u l-kompetittività sostenibbli. F’dan l-ispirtu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b’segwitu konkret għar-rapport ta’ Letta fil-għamla ta’ pjan ta’ azzjoni għas-servizzi ta’ interess ġenerali.
1.3Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess universali u ugwali għal servizzi bażiċi affordabbli u ta’ kwalità għolja. Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali, peress li s-servizzi ta’ interess ġenerali jingħataw bi prezz li ma jiddependix fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-utenti. Is-servizzi ta’ interess ġenerali, u l-infrastruttura tat-twassil meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista universali tagħhom, għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-UE u l-benesseri tagħha, u jservu bħala pilastru tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat u fis-soċjetà, u b’hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni. Dan l-għan għandu jintlaħaq bl-implimentazzjoni ta’ riformi finanzjarji u regolatorji. Il-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ġenerali ma jikkostitwixxix nefqa għall-konsum, iżda investiment fil-futur. Is-servizzi ta’ interess ġenerali jeħtieġu finanzjament adatt u stabbli peress li huma vettur ewlieni fil-politika ta’ koeżjoni u fl-istrateġija fit-tul għas-sigurtà u l-preparatezza.
1.4Il-KESE jiddikjara li l-pajjiżi b’politika ta’ investiment fl-infrastruttura u b’kostijiet ta’ servizzjar iffinanzjati b’mod korrett għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità jippermettu liċ-ċittadini u lill-intrapriżi tagħhom jonfqu inqas fuq il-kostijiet “tal-għajxien/operattivi”. Għalhekk, il-KESE jargumenta li huwa meħtieġ li jiġu ffinanzjati u mtejba s-servizzi ta’ interess ġenerali u li dawn jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini sabiex jittejbu s-sodisfazzjon u l-fiduċja fid-demokrazija.
1.5Għandu jiġi żgurat bilanċ reġjonali meta jiġi implimentat l-investiment fis-servizzi pubbliċi. F’dan is-sens, l-investiment pubbliku, b’mod partikolari b’rabta mal-Fond ta’ Koeżjoni, jistħoqqlu kunsiderazzjoni speċjali fl-implimentazzjoni tar-regoli fiskali, li jirriflettu l-kontribut tagħhom għall-konverġenza u r-reżiljenza fit-tul.
1.6Meta tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, il-fokus ewlieni tar-riforma għandu jkun is-semplifikazzjoni u bidla ċara minn approċċ purament ibbażat fuq il-prezz għal sistema bbażata fuq proporzjon adegwat bejn il-prezz u l-kwalità, u fl-istess ħin jiġu inċentivati kriterji soċjali u sostenibbli msejsa fuq miri rilevanti tal-UE, kif ukoll aċċess imtejjeb għall-akkwist pubbliku għall-SMEs, għal ekonomija tal-UE aktar sostenibbli u inklużiva.
1.7Illum il-ġurnata, in-networks diġitali huma parti mis-servizzi ta’ interess ġenerali u huma indispensabbli għall-parteċipazzjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku. F’konformità mar-rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali, l-infrastruttura diġitali governattiva jenħtieġ li tiġi riformata sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-fornituri tas-servizzi barra mill-UE, u fl-istess ħin jissaħħu s-sovranità u s-sigurtà tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-konnettività u l-għoti ta’ servizz pubbliku.
1.8L-aċċessibbiltà universali u l-ankraġġ territorjali tas-servizzi ta’ interess ġenerali jirriflettu s-sussidjarjetà meħtieġa tal-provvista tagħhom, li tippermetti l-kodeterminazzjoni u l-kontroll demokratiku miċ-ċittadini.
1.9Il-KESE jappella għal approċċ olistiku lejn il-politiki tas-servizzi ta’ interess ġenerali, għall-kuntrarju tal-approċċ settorjali attwali tal-politiki tal-UE. F’dan l-ispirtu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu konkret għar-rapport ta’ Letta fil-forma ta’ pjan ta’ azzjoni dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali li jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tas-servizzi ta’ interess ġenerali moderni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-prosperità u l-kompetittività sostenibbli.
1.10Meta jitqies ir-rwol wiesa’ tas-servizzi ta’ interess ġenerali, approċċ ibbażat fuq ir-riċerka msejjes fuq data tajba jrid jivvaluta l-potenzjal trasversali u l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali f’bosta setturi ta’ attività ekonomika. Dan jeħtieġ monitoraġġ regolari abbażi tal-istatistika, b’enfasi fuq il-funzjoni strutturali kruċjali tas-servizzi ta’ interess ġenerali biex jiġu żgurati tranżizzjonijiet sostenibbli fil-polikriżi attwali.
2.Kuntest
2.1Is-servizzi ta’ interess ġenerali, bħall-kura tas-saħħa, il-kura tal-anzjani u tat-tfal, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, l-enerġija, l-ilma u t-trasport pubbliku, huma pedament tal-kompetittività, il-mudell soċjali Ewropew u l-parteċipazzjoni demokratika fl-Ewropa. L-importanza tagħhom testendi ferm lil hinn mis-servizzi tekniċi: iservu l-ġid komuni, jippromovu l-inklużjoni soċjali, isaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Istat u jippromovu l-preparatezza u r-reżiljenza soċjali, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżijiet multipli.
2.2Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi r-rwol ċentrali tas-servizzi ta’ interess ġenerali moderni fil-pjan il-ġdid tagħha biex tippromovi l-prosperità u l-kompetittività sostenibbli, inklużi l-Boxxla għall-Kompetittività u l-Patt għal Industrija Nadifa.
2.3Is-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom rwol sinifikanti fl-ekonomija Ewropea. Fl-2021, is-servizzi ta’ interess ġenerali u s-servizzi pubbliċi ġġeneraw EUR 3 721 biljun ta’ valur miżjud madwar l-UE27, li jammonta għal 28,4 % tal-valur miżjud kollu fl-UE27. Fl-istess ħin, huma impjegaw 31,1 % tal-forza tax-xogħol tal-UE27 (65,2 miljun persuna madwar l-UE27) u rrappreżentaw 19,7 % (EUR 632,6 biljun) tal-investimenti kollha mwettqa fl-UE27 fl-2021.
2.4Il-Kummissjoni tiddefinixxi tliet kategoriji ta’ servizzi ta’ interess ġenerali: ekonomiċi, mhux ekonomiċi u soċjali:
·servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li huma servizzi bażiċi li jitwettqu bi ħlas u li huma soġġetti għas-suq uniku tal-UE u għar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, jista’ jkun hemm derogi għal dawn ir-regoli, jekk ikun meħtieġ, biex jiġi protett l-aċċess taċ-ċittadini għas-servizzi bażiċi;
·servizzi mhux ekonomiċi, bħal skemi tas-sigurtà soċjali, li mhumiex soġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika tal-UE jew għal regoli tas-suq uniku u tal-kompetizzjoni;
·servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, li huma dawk li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini vulnerabbli u huma bbażati fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u l-aċċess ugwali. Dawn jistgħu jkunu ta’ natura ekonomika jew mhux ekonomika.
2.5Is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli mhumiex biss essenzjali; huma wkoll għodda utli li hija ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, in-negozji u l-gvernijiet. Dan kien evidenzjat matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Madankollu, mingħajr l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-networks strutturati tal-ekonomija soċjali, dawn il-kriżijiet ma kinux jingħelbu.
2.6Il-fornituri tas-servizzi pubbliċi u l-persuni li jaħdmu fis-servizzi ta’ interess ġenerali jipprovdu ħidma u għarfien espert vitali. Il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu biex jipprevjenu d-deterjorament ambjentali u jiffaċċjaw b’mod pożittiv l-isfidi klimatiċi; l-ispazju għall-immanuvrar u r-rispons tagħhom biex jaġixxu għall-ġid komuni, għall-benefiċċju tal-komunità aktar milli għall-valur tal-azzjonisti; u s-soluzzjonijiet imfassla apposta li jġibu għall-kuntest lokali, jagħmluhom parti “essenzjali” mis-servizzi ta’ interess ġenerali.
2.7Id-diżinvestiment fl-utilitajiet pubbliċi u s-servizzi kollettivi għandu konsegwenzi fit-tul li huma aktar għaljin biex jissolvew aktar tard. Il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri jiddependi fuq is-sigurtà fit-tul, servizzi pubbliċi b’saħħithom u servizzi ta’ interess ġenerali fis-setturi kollha tal-attività ekonomika, inklużi s-servizzi ta’ interess ġenerali mhux ekonomiċi. Peress li kollha kemm huma huma rilevanti għall-kunċett ta’ preparatezza, l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet attwali ta’ sigurtà u difiża ma għandhomx isiru għad-detriment tas-servizzi ta’ koeżjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-benesseri tal-bniedem.
2.8Fir-rapport tiegħu dwar il-futur tal-kompetittività tal-UE, Draghi jenfasizza kemm huma importanti s-servizzi ta’ interess ġenerali għall-innovazzjoni, it-tkabbir sostenibbli, is-sigurtà ekonomika tal-UE u l-preparatezza f’diversi oqsma, bħall-provvista tal-enerġija, l-infrastuttura, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-ħiliet u l-għarfien tal-impjegati huma partikolarment importanti biex tiġi żgurata kompetittività dejjiema. Ir-rapport ta’ Letta sadanittant jappella għal pjan ta’ azzjoni għas-servizzi ta’ interess ġenerali, li jeħtieġu finanzjament stabbli.
2.9L-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali huwa dritt fundamentali u huwa inkluż fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Waqt li l-prinċipju 20 tal-Pilastru jirreferi b’mod espliċitu għas-servizzi ta’ interess ġenerali “essenzjali”, prinċipji oħra tal-Pilastru jkopru servizzi importanti ta’ interess ġenerali, pereżempju l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-assistenza lill-persuni mingħajr dar, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, u l-kura tas-saħħa. Is-servizzi ta’ interess ġenerali huma parti mill-valuri kondiviżi tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-TFUE, kif stabbilit fil-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali anness mat-TUE u mat-TFUE u fl-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
2.10Stħarriġ dwar is-sodisfazzjon taċ-ċittadini bis-servizzi ta’ interess ġenerali jindika li, bħala medja, 54 % biss taċ-ċittadini huma sodisfatti bis-servizzi ta’ interess ġenerali tagħhom. Ir-riżultati jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Il-perċentwal ta’ persuni li jgħidu li l-forniment ta’ servizzi pubbliċi f’pajjiżhom huwa tajjeb huwa 94 % fil-Lussemburgu, 86 % fin-Netherlands u 78 % fl-Awstrija, waqt li fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall, 70 %, 63 % u 58 % tan-nies rispettivament mhumiex sodisfatti bis-servizzi pubbliċi tagħhom. Il-pajjiżi b’politika ta’ investiment fl-infrastruttura u b’kostijiet ta’ servizzjar iffinanzjati b’mod korrett għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità jippermettu liċ-ċittadini u lill-intrapriżi tagħhom jonfqu inqas fuq il-kostijiet “tal-għajxien/operattivi”.
2.11Is-servizzi ta’ interess ġenerali qed iwittu t-triq f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq uniku ċirkolari. Madankollu, ir-riċiklaġġ spiss ma jkollux standards uniformi, li jagħmlu l-prodotti riċiklati aktar għaljin minn dawk primarji. Għalhekk, il-produtturi jridu jiġu inċentivati jużaw materjali sekondarji. In-normi u l-istandards tekniċi armonizzati għandhom jagħmlu l-prodotti riċiklabbli mid-disinn tagħhom.
3.Kummenti ġenerali
3.1Bis-saħħa tas-servizzi ta’ interess ġenerali, li jservu bħala pilastru tal-iżvilupp ekonomiku, il-kompetittività tal-Ewropa tibbenefika minn appoġġ strutturali qawwi, peress li s-servizzi ta’ interess ġenerali jiżguraw li mhux biss iċ-ċittadini, iżda n-negozji, l-organizzazzjonijiet u l-korpi pubbliċi kollha jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali meħtieġa mhux biss għall-koeżjoni soċjali, territorjali u ekonomika, iżda wkoll għall-funzjonament tal-ekonomija Ewropea kollha kemm hi.
3.2Is-servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja għal kulħadd huma element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew u għandhom ukoll impatt fuq id-demokrazija u l-attitudni taċ-ċittadini lejn l-awtoritajiet u l-gvernijiet. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri jeħtieġu flessibbiltà u awtonomija biex jorganizzaw is-servizzi pubbliċi skont il-ħtiġijiet u t-tradizzjonijiet tagħhom stess, waqt li jiżguraw ukoll standards għoljin, bħall-aċċess universali (soċjali, fiżiku u territorjali), il-kontinwità, l-affidabbiltà, is-sikurezza, l-affordabbiltà, ir-responsabbiltà, l-adattabbiltà u r-rispons, kif ukoll is-sostenibbiltà fit-tul.
3.3L-aċċess u l-ankraġġ lokali juru l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali biex jippermettu l-parteċipazzjoni, il-kodeterminazzjoni u l-kontroll demokratiku, kif ukoll fit-tisħiħ tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet. L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal servizzi bażiċi li huma affordabbli għal kulħadd huwa kruċjali kemm għall-ġustizzja soċjali kif ukoll għall-koeżjoni soċjali peress li s-servizzi ta’ interess ġenerali jiġu pprovduti bi prezz indipendenti mill-kapaċità tal-akkwist tal-utenti. Kif tenfasizza l-Opinjoni TEN/772, il-kokreazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali hija mod b’saħħtu biex tiġi stimulata d-demokrazija parteċipattiva u tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea.
3.4Bħala servizz ta’ interess ġenerali prinċipali, l-akkomodazzjoni sikura, adegwata, aċċessibbli u affordabbli hija dritt fundamentali tal-bniedem, aspett fundamentali tal-benesseri, u – de facto – prerekwiżit għas-servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali l-oħra kollha. Il-post tal-akkomodazzjoni huwa kruċjali għaċ-ċittadinanza u r-relazzjonijiet soċjali.
3.5F’konformità mar-rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali, l-infrastruttura diġitali governattiva jenħtieġ li tiġi riformata sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-fornituri tas-servizzi barra mill-UE, u fl-istess ħin jissaħħu s-sovranità u s-sigurtà tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-konnettività u l-għoti ta’ servizz pubbliku. Is-servizzi online jtejbu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ persuni u gruppi soċjali li diffiċli jintlaħqu. Il-ġurnaliżmu indipendenti ffinanzjat b’mod adegwat, meqjus bħala infrastruttura essenzjali għad-demokrazija, flimkien mat-tixrid u d-diskussjoni tal-informazzjoni mmonitorjati u regolati kif imiss, jippermettu d-djalogu u jistgħu jipprevjenu l-estremiżmu antidemokratiku. Il-KESE huwa konvint li soċjetà demokratika teħtieġ assolutament tieħu lura l-kontroll tal-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa biex tiġi ċċirkolata l-informazzjoni, kif kien il-każ tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni fil-passat.
3.6Il-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali għandu rwol ċentrali fl-espansjoni tal-infrastruttura diġitali sabiex jipprovdu liċ-ċittadini kollha aċċess ugwali għan-networks u s-servizzi diġitali. B’mod partikolari f’reġjuni rurali, skarsament popolati jew ekonomikament dgħajfa, bħall-gżejjer, din l-espansjoni spiss titwettaq minn korpi pubbliċi jew minn operaturi tal-ekonomija soċjali, peress li s-suq waħdu ma jinvestix biżżejjed. L-infrastruttura diġitali hija prerekwiżit għal ħafna servizzi ta’ interess ġenerali oħra, bħas-saħħa elettronika, l-edukazzjoni online u l-amministrazzjoni diġitali, li hija essenzjali wkoll għall-agrikoltura u għall-operaturi ekonomiċi kollha. Għalhekk, in-networks diġitali stess huma parti mis-servizzi ta’ interess ġenerali pubbliċi u huma indispensabbli għall-parteċipazzjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku.
3.7Il-KESE jappella għal approċċ olistiku lejn il-politiki tas-servizzi ta’ interess ġenerali, għall-kuntrarju tal-approċċ settorjali attwali tal-politiki tal-UE. F’dan l-ispirtu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu konkret għar-rapport ta’ Letta skont il-mudell tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali u tfassal pjan ta’ azzjoni dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluża enfasi speċifika fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll li jingħata effett lill-kunċett ta’ “libertà li wieħed jibqa’”.
3.8Ir-rapport ewlieni tal-Eurofound tal-2019 dwar il-kwalità tal-ħajja u s-servizzi pubbliċi jindika li s-servizzi pubbliċi huma marbuta b’mod pożittiv mal-fiduċja, waqt li jirrimarka wkoll dwar il-valur tal-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil konġunt tas-servizzi. Ir-rapport jenfasizza l-inugwaljanzi kontinwi bejn il-pajjiżi u l-gruppi soċjali differenti. Hemm lakuni notevoli fil-forniment tas-servizzi, kif ukoll ostakli differenti għal aċċess effettiv. Waqt li r-riżultati jippreżentaw stampa mhux uniformi tal-kwalità tas-servizz, huma jagħtu wkoll indikazzjonijiet dwar kif għandu jiġi offrut appoġġ aktar sodisfaċenti. Il-Eurofound tenfasizza li t-titjib tat-twassil ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità huwa vitali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
3.9Flimkien mal-iżvilupp ekonomiku, il-fornituri tas-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom jimmiraw għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) meta jorganizzaw il-forniment tas-servizzi ta’ interess ġenerali, eż. il-qerda tal-faqar billi jipprovdu aċċessibbiltà u affordabbiltà; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; l-aċċess għal enerġija, ilma u sanitazzjoni affordabbli, affidabbli u sostenibbli għal kulħadd; xogħol deċenti (inkluża d-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista). Dawn l-SDGs għandhom dimensjoni tal-ġustizzja soċjali li għandha impatt fuq il-koeżjoni, li min-naħa tagħha għandha effetti pożittivi fuq id-demokrazija.
3.10Fejn il-livelli ta’ sodisfazzjon huma baxxi, huwa probabbli ħafna li d-diżinvestiment fis-servizzi ta’ interess ġenerali minħabba l-politiki ta’ awsterità, iż-żieda fil-kost tas-servizzi minħabba l-loġika tas-suq u l-investiment insuffiċjenti huma l-għeruq ta’ dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon. Id-data tal-Ewrobarometru Standard 101 (Rebbiegħa 2024), flimkien mal-istħarriġ tal-Eurofound tal-2024 dwar il-Kwalità tal-Ħajja, tikkonferma li 12-il Stat Membru tal-UE b’rati ogħla ta’ sodisfazzjon tal-ħajja u tad-demokrazija wkoll jikklassifikaw f’pożizzjoni għolja fis-sodisfazzjon tagħhom bil-forniment ta’ servizzi pubbliċi. Għalhekk, il-KESE jargumenta li huwa meħtieġ li jiġu ffinanzjati u mtejba s-servizzi ta’ interess ġenerali u li dawn jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini sabiex jittejbu s-sodisfazzjon u l-fiduċja fid-demokrazija.
3.11L-istrateġija tal-Kummissjoni li tippromovi industrija nadifa u ekonomija ċirkolari hija evidenti fil-Patt għal Industrija Nadifa u fl-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Dan jimmarka l-bidu ta’ proċess li jenfasizza l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali għall-istrateġija ekonomika kollha kemm hi u l-ippjanar u l-infiq fuq is-servizzi ta’ interess ġenerali b’mod partikolari.
3.12Il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita analiżi kontinwa madwar l-UE kollha tal-prattiki tajba fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ approċċ ibbażat fuq ir-riċerka għall-valutazzjoni tar-rwol u l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali biex tiġi pprovduta data dwar il-kontribut tal-fornituri ta’ servizzi ta’ interess ġenerali għall-kompetittività sostenibbli tal-UE. Dan jista’ wkoll jiġi mmonitorjat regolarment, pereżempju permezz ta’ tabella ta’ valutazzjoni tal-Eurostat.
3.13Kif enfasizza l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, is-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom ikunu inklużivi, kompetittivi, ta’ kwalità għolja u affordabbli. Dan l-għan għandu jintlaħaq bl-implimentazzjoni ta’ riformi finanzjarji u regolatorji. Il-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ġenerali ma jikkostitwixxix nefqa għall-konsum, iżda investiment fil-futur. Sabiex jiġi garantit investiment sostenibbli fis-servizzi ta’ interess ġenerali, is-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom jingħataw prijorità u jiġu salvagwardjati fl-oqfsa ta’ governanza ekonomika tal-UE, waqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol strateġiku tagħhom għall-koeżjoni soċjali u l-kompetittività fit-tul. Kif juri l-eżempju attwali tal-eżenzjoni għall-infiq fuq id-difiża, huwa possibbli li jingħataw eżenzjonijiet bħal dawn u dan ma għandu x’jaqsam xejn mal-limitazzjonijiet fiskali, iżda mar-rieda politika. Peress li s-servizzi ta’ interess ġenerali jridu jkunu kemm parti minn politika ta’ difiża olistika kif ukoll, indipendentement minn dan, investiment meħtieġ b’mod urġenti biex jiġu żgurati l-kompetittività u d-demokrazija, eċċezzjoni bħal din trid tkun possibbli wkoll hawnhekk u implimentata fil-pront.
3.14Huwa vitali li strumenti bħall-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond ta’ Tranżizzjoni jissaħħu u jiġu żgurati fit-tul. Dawn jistgħu jgħinu biex titmexxa ’l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika u jissaħħu s-servizzi ta’ interess ġenerali. L-infiq tal-Fond ta’ Koeżjoni kien limitat għall-indirizzar tad-disparitajiet reġjonali. Hemm bżonn ta’ politika ta’ koeżjoni estiża li tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u trawwem sens ta’ appartenenza Ewropea. L-infiq tal-Fond ta’ Koeżjoni jrid jiżdied, u mhux jitnaqqas. Jekk iż-żieda fl-infiq militari ssir għad-detriment tal-politika ta’ koeżjoni, l-Ewropa mhux se tissaħħaħ. L-UE tista’ tinvolvi ruħha f’self konġunt, kif għamlet matul il-pandemija. Barra minn hekk, l-infiq fuq il-koeżjoni soċjali u reġjonali għandu jsir mill-inqas bl-istess flessibbiltà bħal dik mogħtija lis-setturi strateġiċi, bħad-difiża, waqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali tiegħu fl-iżgurar tal-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda li din ir-regola ta’ eżenzjoni tiġi applikata f’approċċ usa’ għall-miżuri ta’ sigurtà u difiża kif ukoll għas-servizzi ta’ interess ġenerali sabiex tingħata prijorità lill-investiment pubbliku orjentat lejn it-tkabbir u jiġi evitat kompromess bejn l-infiq tad-difiża u dak soċjali.
3.15Il-libertajiet tas-suq uniku u d-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat u dwar l-akkwist pubbliku, jillimitaw il-mod kif jistgħu jiġu organizzati u ffinanzjati s-servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali. Ir-regoli speċjali fi ħdan il-pakkett tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jridu jiġu riveduti bir-reqqa. Irid jiġi stabbilit b’mod ċar liema servizzi ta’ interess ġenerali huma esklużi mil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jiġu pprovduti aktar għajnuna mill-Istat u termini itwal għall-kumpens tal-provvista tas-servizzi. Sabiex jiġi promoss il-valur miżjud reġjonali u Ewropew, l-għotjiet diretti ta’ kuntratti għandhom jiġu salvagwardjati u estiżi billi jiżdiedu l-limiti. Meta tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, il-fokus ewlieni tar-riforma għandu jkun is-semplifikazzjoni u aktar inċentivar tal-kriterji soċjali u ta’ sostenibbiltà msejsa fuq miri rilevanti tal-UE, kif ukoll aċċess imtejjeb għall-akkwist pubbliku għall-SMEs, għal ekonomija tal-UE aktar sostenibbli u inklużiva. Approċċ purament ibbażat fuq il-prezzijiet għandu għalhekk jiġi abolit favur sistema bbażata fuq proporzjon adegwat bejn il-prezz u l-kwalità. Bl-istess mod, il-ktajjen tas-sottokuntrattar għandhom jitnaqqsu u għandha tiġi imposta r-responsabbiltà ġenerali tal-kuntrattur, u b’hekk jiġu armonizzati elementi importanti fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, it-tul ta’ żmien tal-kuntratti għas-servizzi soċjali, li huma limitati għal tliet snin, jenħtieġ li jitħalla jiġi estiż biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-ippjanar kemm għall-fornituri kif ukoll għall-klijenti, u jeħtieġ ukoll li jiġu permessi skemi pubbliċi interni sa ċertu limitu.
3.16Minbarra l-kwistjoni tal-finanzjament għas-servizzi ta’ interess ġenerali, huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati meħtieġa u li jitħarrġu (mill-ġdid) għadd suffiċjenti ta’ persuni. Dan għandu jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u produttivi, appoġġjati minn djalogu soċjali effettiv, paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għall-ħaddiema fis-setturi tas-servizzi ta’ interess ġenerali u lil hinn minnhom.
3.17Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji li jiffaċċjaw ħafna Stati Membri, hemm riskju li l-kompetittività u l-kwistjonijiet baġitarji jostakolaw il-fehma tagħna ta’ kunsiderazzjonijiet aktar importanti bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwalità tal-ħajja. Id-diskussjonijiet dwar il-futur tas-servizzi ta’ interess ġenerali ma għandhomx ikunu limitati għas-sempliċi “finanzjalizzazzjoni” tagħhom. Hemm il-periklu li tispiċċa b’sistema b’żewġ livelli ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, fejn il-kwalità tas-servizzi bażiċi tiddeterjora u ċ-ċittadini jkollhom jirrikorru biex iħallsu għal servizzi aktar veloċi u ta’ kwalità ogħla. Din il-loġika tas-suq hija ġustifikabbli fil-kuntest ta’ servizzi privati mhux essenzjali li ma jikkostitwixxux servizz ta’ interess ġenerali. Huwa importanti li jiġi żgurat li dan ma jiġix applikat għas-servizzi pubbliċi, li jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni u jiżguraw il-koeżjoni soċjali u territorjali.
3.18 Għandu jiġi promoss fehim usa’ tar-rwol ewlieni tas-servizzi ta’ interess ġenerali fit-tpaċija tal-inugwaljanza fl-introjtu u l-ġid kif ukoll fit-tisħiħ tad-demokrazija. Sabiex jitħeġġeġ l-involviment kostruttiv, il-fornituri tas-servizzi pubbliċi, il-ħaddiema u l-utenti jridu jifhmu l-perspettivi ta’ xulxin. Promozzjoni akbar tas-servizzi ta’ interess ġenerali tista’ ssaħħaħ l-impenn tal-ħaddiema, l-istess bħar-rikonoxximent akbar tal-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali għas-soċjetà u l-koeżjoni soċjali tagħha. Enfasi fuq il-ħidma tal-ħaddiema tas-servizzi ta’ interess ġenerali fi djalogu bejn iċ-ċittadini u l-ħaddiema tas-servizzi ta’ interess ġenerali tista’ trawwem rispett akbar għas-servizzi kollettivi u d-dedikazzjoni. Politiki miftuħa, żjarat fl-iskejjel u kampanji ta’ reklamar kellhom riżultati pożittivi fil-qasam tas-servizzi muniċipali.
3.19Aktar ma ċ-ċittadini jkunu involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-utilitajiet pubbliċi u s-servizzi kollettivi tagħhom, aktar ikun aħjar għal demokrazija parteċipattiva vera u għall-aċċettazzjoni u r-rieda futuri taċ-ċittadini li jaqsmu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji b’mod ġust (eż. permezz ta’ taxxi jew tariffi tas-servizz) sabiex jiksbu s-servizz.
3.20Il-KESE huwa tal-fehma b’saħħitha li l-investiment fl-edukazzjoni u r-riċerka huwa essenzjali sabiex tinżamm is-saħħa ekonomika tal-Ewropa waqt li jiġu indirizzati l-bidliet demografiċi (nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet), l-avvanzi teknoloġiċi u l-isfidi klimatiċi. Dan ifisser investiment fis-servizzi ta’ interess ġenerali, fis-sistemi tal-edukazzjoni pubblika u fl-edukazzjoni għolja, fir-riċerka u fl-innovazzjoni (eż. Orizzont Ewropa), sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u l-benesseri futuri tagħna.
Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2025.
Il-President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni
Baiba MILTOVIČA
_____________