NAT/924
It-tkabbir u s-settur agroalimentari tal-UE
OPINJONI
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Kif tista’ tiġi żgurata s-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika tas-settur agroalimentari tal-UE bit-tkabbir futur
(opinjoni esploratorja fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea)
Relatur: Stoyan TCHOUKANOV
|
Konsulent
|
Philippe BURNY (għar-relatur tal-Grupp III)
|
|
|
|
|
Konsultazzjoni
|
Ittra mill-Kummissjoni Ewropea, 11/12/2023
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
28/6/2024
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
49/2/2
|
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Dan it-tkabbir huwa differenti minn kull tkabbir preċedenti, fis-sens li se jseħħ fl-isfond tal-urġenza taċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi attwali (il-gwerra fl-Ukrajna) u fil-kuntest ta’ sfidi li qed jikbru, bħat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija u dik ambjentali. Madankollu, il-KESE jenfasizza li din m’għandhiex tkun raġuni biex jiġi mminat il-livell ta’ tħejjija tal-pajjiżi kandidati, l-importanza tar-riformi leġiżlattivi meħtieġa u r-rispett tal-valuri ewlenin tal-UE.
1.2Għalkemm l-agħar biżgħat tal-bdiewa tal-UE waqt tkabbir preċedenti ma seħħewx, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li kien hemm rebbieħa u telliefa. Żoni rurali dgħajfa bbenefikaw ħafna inqas mill-proċess mill-agglomerazzjonijiet, u l-azjendi agrikoli Ewropej iż-żgħar qed jisparixxu. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kandidati jikkunsidraw u jimmaniġġjaw l-impatti tat-tkabbir fuq it-telliefa potenzjali, waqt li jqisu speċifikament l-azjendi agrikoli tal-familja u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju agroalimentari kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati.
1.3Sabiex jiġi evitat vakwu u tiġi ġestita b’mod effettiv il-kampanja ta’ diżinformazzjoni il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal data dettaljata u affidabbli u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja mill-qrib il-produzzjoni agrikola u l-iżviluppi tal-proċessi tar-riformi. It-tħassib attwali dwar it-tkabbir għandu jonqos ladarba l-pajjiżi kandidati jibdew jimplimentaw ir-riformi miftiehma, il-bidliet regolatorji meħtieġa jiġu implimentati fl-UE qabel it-tkabbir, u s-soċjetà ċivili, il-komunitajiet rurali u l-bdiewa jkunu involuti fil-proċess.
1.4Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) innifisha għaddejja minn trasformazzjoni li tirrifletti d-dinamika tar-realtajiet li qed jinbidlu fix-xena globali. Id-dibattiti dwar forom ġodda ta’ appoġġ pubbliku għall-forniment ta’ servizzi ekosistemiċi (li m’għadhomx iffukati fuq l-inputs, bħall-erja tal-art, iżda fuq il-proċessi u l-eżiti) għadhom għaddejjin fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-KESE jenfasizza li l-pajjiżi kandidati għalhekk se jkollhom jallinjaw mal-objettivi u l-valuri ġenerali tal-PAK, waqt li r-riformi meħtieġa tal-PAK u l-qafas finanzjarju relatat jeħtieġ li jiġu miftiehma qabel ma jseħħ it-tkabbir. Il-mekkaniżmi speċifiċi ta’ appoġġ se jkunu evolvew ukoll sa dak iż-żmien, u jkunu taw stampa ċara ta’ dak li jridu jikkonformaw miegħu.
1.5Dan it-tkabbir, li jespandi b’mod sinifikanti ż-żona agrikola tal-UE, jippreżenta opportunitajiet biex tiġi żgurata aħjar l-awtonomija strateġika tal-UE u tkompli titnaqqas l-impronta ambjentali tas-settur, li se jkollha tiġi rrikonċiljata mal-appoġġ kontinwu meħtieġ għall-bdiewa u ż-żoni rurali tal-UE, mar-restrizzjonijiet baġitarji tal-UE u mal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna.
1.6L-adeżjoni tal-kandidati differenti mhux se tkun possibbli mingħajr ma jiżdied il-baġit tal-PAK u mingħajr ma jissaħħu l-isforzi lejn l-għanijiet tal-politika agrikola għal mudell agrikolu Ewropew sostenibbli, li se jkollu jiġi adattat għall-iskala meħtieġa minn kull pass suċċessiv. Skont il-każ, strumenti ġodda se jkollhom ikunu mmirati lejn oqsma li jeħtieġu appoġġ speċifiku. Il-kontributuri netti attwali jridu jkunu lesti jħallsu proporzjon ogħla tal-PDG tagħhom lill-UE fil-perjodu finanzjarju l-ġdid. Din il-lista ta’ kontributuri tista’ tinbidel, peress li s-sehem tal-PAK fil-baġit tal-UE ma jistax jinżamm fil-livell attwali tiegħu, peress li l-UE se tiffaċċja kompiti oħra (u xi drabi ġodda).
1.7Meta jitqiesu l-livelli differenti ta’ tħejjija tad-diversi pajjiżi kandidati (fir-rigward tar-riformi leġiżlattivi, l-istat ta’ tħejjija istituzzjonali u l-adattament għar-regoli tas-suq intern) u l-impatti tal-flussi kummerċjali l-ġodda fuq l-ekonomiji lokali tal-pajjiżi kandidati, il-KESE jirrakkomanda perjodu ta’ żmien xieraq għall-integrazzjoni gradwali sabiex jiġu pprevenuti effetti negattivi minn kompetizzjoni bla xkiel u jiġi pprovdut baġit iddedikat għall-parteċipanti l-ġodda, separat mill-fondi li diġà jeżistu, li għandu jkun immirat lejn is-sottosetturi agroalimentari l-aktar milquta, b’mod partikolari l-SMEs.
1.8L-aħħar riforma tal-PAK saħħet il-prinċipju li kull ettaru appoġġjat irid ipatti billi jipprovdi servizzi ambjentali lis-soċjetà. Madankollu, il-finanzjament uniformi għal kull ettaru ma jirrifletti la r-realtà ekoloġika u lanqas l-appoġġ ġust minn perspettiva soċjali. Il-KESE jemmen li fid-dawl tat-tkabbir futur, il-PAK għandha tiġi adattata aktar biex tipprovdi appoġġ aktar immirat lejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà. Dan ikun jinvolvi wkoll is-sostituzzjoni gradwali tal-appoġġ attwali għall-introjtu bażiku bbażat fuq is-superfiċje b’inċentivi finanzjarji għal servizzi li jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent u s-soċjetà, u pagamenti digressivi jew limitu massimu obbligatorju għall-Istati Membri kollha.
1.9Meta wieħed iqis l-analiżi preliminari tas-suq dwar ir-ridirezzjonar tal-flussi kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati, it-tkabbir se jġib benefiċċju nett għall-esportaturi tal-UE ta’ prodotti u servizzi industrijali, waqt li s-settur agroalimentari se jesperjenza twaqqigħ tal-prezz minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi ta’ xi wħud mill-parteċipanti l-ġodda. Is-settur agrikolu kien is-settur affettwat l-aktar direttament mill-kontrosanzjonijiet Russi fl-2014. Il-KESE jappella din id-darba għal baġit adegwat li jrid jiġi ddedikat biex jikkumpensa kif xieraq għall-effetti negattivi fuq il-bdiewa tal-UE, waqt li jitqiesu wkoll l-ispejjeż soċjali potenzjali.
1.10Illum, atturi kbar fis-suq tal-komoditajiet u kumpaniji li jaħdmu artijiet kbar sa 500 000 ettaru fid-daqs qed ikollhom rwol ewlieni fl-ekonomija tal-ikel tad-dinja. Il-KESE jemmen fir-regolamentazzjoni tas-suq biex tiġi indirizzata l-finanzjalizzazzjoni tas-settur tal-ikel, li tixpruna spekulazzjoni severa u tista’ tipperikola kemm is-sostenibbiltà tal-katina kollha kif ukoll il-mudell Ewropew tal-biedja. Il-KESE jitlob li l-politiki agrikoli u tal-iżvilupp rurali jiġu orjentati aktar lejn ekonomija ta’ prossimità, u li dawn il-prinċipji jiġu trasferiti lill-pajjiżi kandidati l-ġodda.
1.11Ir-riskji ta’ adeżjoni mgħaġġla għall-bdiewa mhux ippreparati fil-pajjiżi kandidati jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi fil-perspettivi tagħhom fuq terminu qasir u twil, mhux biss għas-settur agrikolu iżda wkoll għaż-żoni rurali. Iż-żieda fl-ispekulazzjoni tal-art tista’ tipproduċi wkoll effetti imprevedibbli. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li r-riformi tal-art jiġu mmonitorjati mill-qrib u implimentati kompletament qabel l-adeżjoni.
1.12Il-proċess ta’ integrazzjoni b’xi mod diġà beda, bis-swieq tal-UE miftuħa għall-prodotti agrikoli mill-pajjiżi kandidati, u b’hekk inħolqu żvantaġġi potenzjali għall-pajjiżi tal-UE li jridu jiġu evitati permezz ta’ regoli ċari li l-pajjiżi kandidati jridu jaderixxu magħhom.
2.Ħarsa ġenerali lejn il-pajjiżi kandidati tal-UE
2.1It-tkabbir li jmiss tal-Unjoni Ewropea joħloq sfida kbira kemm għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Diversi pajjiżi huma Stati Membri potenzjali tal-UE, u huma differenti ħafna minn xulxin, skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom, ir-rilevanza tagħhom fil-produzzjoni agrikola u l-kummerċ u l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom. Minn naħa, pajjiż żgħir bħall-Montenegro m’huwa se jkollu l-ebda impatt fuq is-settur agrikolu u tal-ikel tal-UE; min-naħa l-oħra, attur importanti fis-suq internazzjonali tal-prodotti bażiċi agrikoli bħall-Ukrajna jista’ jkollu impatt enormi fuq il-produzzjoni u l-kummerċ agrikolu attwali tal-UE.
2.2L-adeżjoni mal-UE hija proċess twil li ġeneralment jirrikjedi ħafna snin ta’ negozjati u adattament għall-istandards tal-UE. Bħal f’ċikli preċedenti ta’ tkabbir, wieħed mill-aħħar u l-aktar kapitoli diffiċli li għandhom jiġu diskussi fin-negozjati tal-adeżjoni huwa l-kapitolu agrikolu. In-negozjati tas-sħubija bdew mas-Serbja u l-Montenegro fl-2012. Għall-pajjiżi l-oħra, il-proċess beda aktar reċentement: l-Ukrajna, il-Moldova u l-Bożnija-Ħerzegovina saru kandidati fl-2022, u l-Georgia fl-2023. In-negozjati tal-adeżjoni bdew fl-2022 għall-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq, fl-2023 għall-Ukrajna u l-Moldova u fl-2024 għall-Bożnija-Ħerzegovina.
2.3L-adeżjoni ta’ dawn il-kandidati kollha żżid iż-żona agrikola tal-UE b’terz, filwaqt li l-adeżjoni tal-Ukrajna waħedha żżidha bi kwart (bl-erja agrikola Ukrena tkun kbira daqs dawk Ġermaniżi u Pollakki flimkien). Fl-2021, il-produzzjoni Ukrena tal-qamħirrum (42), tal-qamħ (32) u tax-xgħir (9) laħqet it-83 miljun tunnellata, li jirrappreżentaw aktar minn 30 % tal-270 miljun tunnellata ta’ ċereali, inkluż ir-ross, prodotti fl-UE-27. Fis-settur tal-bovini, il-piż relattiv tal-kandidati għall-adeżjoni (barra t-Turkija) huwa ħafna aktar baxx, madwar 7,5 % tal-għadd totali ta’ annimali bovini ħajjin fl-UE. Fil-qasam tal-produzzjoni tal-ħnieżer, il-kandidati għall-adeżjoni (barra t-Turkija) għandhom madwar 7 % tal-għadd totali ta’ ħnieżer ħajjin fl-UE-27. Is-settur tal-pollam huwa sinifikanti fl-Ukrajna (180 miljun ras, li jirrappreżentaw madwar 12 % tal-għadd totali ta’ għasafar ħajjin fl-UE fl-2020). Il-pajjiżi kandidati tax-Xlokk jippreżentaw produzzjoni fuq skala żgħira u frammentata, fejn id-daqs medju tal-azjenda agrikola jvarja bejn 1,2 u 6,2 ettaru (bl-iżgħar fl-Albanija u l-akbar fis-Serbja), bis-Serbja tkun esportatur nett ta’ prodotti agrikoli u l-pajjiżi l-oħra importaturi netti (speċjalment l-Albanija u l-Montenegro).
2.4L-isfidi u l-opportunitajiet tat-tkabbir ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi ta’ adeżjoni differenti. Bl-erja agrikola wiesgħa tagħha, l-adeżjoni tal-Ukrajna għandha tiżgura b’mod aħjar l-awtonomija strateġika tal-UE. Madankollu, il-produzzjoni tal-Ukrajna se tikkompeti mal-produzzjoni attwali tal-bdiewa tal-UE, b’mod partikolari għal-laħam tat-pollam, il-bajd, iċ-ċereali u z-zokkor. Barra minn hekk, meta titqies is-sitwazzjoni attwali tal-gwerra fl-Ukrajna, il-pajjiż jaf ma jkunx kapaċi jikseb l-istandards ambjentali tal-UE fuq terminu medju minħabba t-tniġġis tal-ilma, tal-arja u tal-ħamrija u nuqqas ta’ għodod ta’ produzzjoni adegwati (eż. makkinarju u enerġija), u għalhekk ikun jeħtieġ li jiffoka fuq ir-restawr ambjentali. Il-pajjiżi kandidati l-oħra, għalkemm jirrappreżentaw produzzjoni agrikola iżgħar, jistgħu potenzjalment joffru prodotti niċċa lis-suq tal-UE u jkollhom bżonn jiffukaw b’mod aktar speċifiku fuq l-immodernizzar tal-għodod tal-produzzjoni tagħhom12. Pereżempju, fl-2023, l-UE importat EUR 443 miljun ta’ frott u ġewż mis-Serbja (is-Serbja hija l-esportatur ewlieni fil-Balkani tal-Punent, u tesporta madwar għoxrin fil-mija tal-produzzjoni agrikola tagħha), EUR 290 miljun ta’ żrieragħ għaż-żejt u għelejjel tal-proteini mill-Moldova, u EUR 90 miljun ta’ tabakk, sigarri u sigaretti mill-Maċedonja ta’ Fuq.
2.5L-għoxrin sena mit-tkabbir tal-UE fl-2004 juru li lil hinn mill-argumenti morali u ġeopolitiċi hemm każ ekonomiku qawwi peress li l-pajjiżi kandidati jirrappreżentaw swieq u opportunitajiet ġodda għall-prodotti agrikoli Ewropej. Matul il-proċess preċedenti ta’ qabel l-adeżjoni (1994-2004), il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE u l-membri futuri kiber bi tliet darbiet b’bilanċ kummerċjali pożittiv għall-UE. B’popolazzjoni ta’ madwar 60 miljun persuna (2023), il-pajjiżi kandidati attwali jirrappreżentaw potenzjal sinifikanti għall-esportazzjoni mhux biss għat-teknoloġiji u l-għarfien espert, iżda wkoll għall-agrikoltura. Pereżempju, l-Ukrajna kienet it-tielet destinazzjoni li għaliha l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE żdiedu l-aktar meta mqabbla mal-2022, b’żieda ta’ EUR 447 miljun (+19 %), fil-biċċa l-kbira tal-kategoriji ta’ prodotti (l-esportazzjonijiet lejn l-Ukrajna laħqu EUR 2,8 biljun f’valur kumulattiv minn Jannar sa Ottubru 2023, l-ogħla livell tagħhom fl-aħħar erba’ snin).
3.Sfond tal-Opinjoni
3.1L-istorja tat-tkabbir tal-UE hija waħda ta’ suċċess, għalkemm b’riżultati mhux ugwali u problemi mhux solvuti mil-lat soċjali u ekonomiku. Ħafna drabi t-tkabbir iffaċċja oppożizzjoni konsiderevoli mill-bidu nett: il-President Franċiż Charles de Gaulle oppona s-sħubija Brittanika; il-President François Mitterrand oppona s-sħubija Griega, Spanjola u Portugiża. Ir-raġunijiet għall-applikazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-ewwel tkabbir kienu primarjament ekonomiċi waqt li t-tieni tkabbir kien aktar politiku. Il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran kienu għadhom kif ħarġu mid-dittatorjati u riedu jiżguraw is-sistemi demokratiċi tagħhom permezz tal-KEE ta’ dak iż-żmien, u l-KEE riedet tiżgura li l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha jibqgħu stabbli u allinjati man-NATO. Dawn iż-żewġ forzi prinċipali, il-gwadann ekonomiku u s-sigurtà politika, ilhom wara t-tkabbir minn dak iż-żmien ’l hawn.
3.2Fl-2004, għaxar pajjiżi, inklużi l-Polonja u l-Ungerija – żewġ produtturi agrikoli importanti – saru membri tal-UE. Fl-2007 issieħbu r-Rumanija u l-Bulgarija. Il-bdiewa tal-UE-15 ta’ dak iż-żmien kienu jibżgħu mill-kompetizzjoni minn dawn l-Istati Membri l-ġodda bi spejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi. Madankollu, is-suq agrikolu mkabbar ġie stabbilizzat malajr u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri preċedenti u reċenti ma nbidlux b’mod drammatiku. L-adeżjoni mal-UE kellha impatt ekonomiku pożittiv fuq l-Istati Membri l-ġodda u s-settur agrikolu tagħhom, billi tat lill-bdiewa u lill-proċessuri tal-ikel opportunitajiet ġodda f’suq uniku akbar, billi laħqet lill-konsumaturi b’introjtu per capita ogħla, kif ukoll billi bbenefikat minn investimenti għall-modernizzazzjoni. Fl-istess ħin, il-bdiewa u l-proċessuri tal-ikel mill-Istati Membri l-qodma bbenefikaw ukoll minn swieq ġodda u opportunitajiet ta’ investiment. B’riżultat ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-bdiewa u l-proċessuri tal-ikel tal-UE saru aktar kompetittivi, il-kummerċ intra-UE kiber u l-UE saħħet il-pożizzjoni tagħha fis-suq dinji. Din l-evoluzzjoni kienet daqstant ieħor ta’ gwadann għall-konsumaturi tal-UE.
3.3Wara dan it-tkabbir sostanzjali, l-opinjoni pubblika fl-Ewropa kompliet tmur kontra espansjoni ulterjuri. Ġie rikonoxxut li t-tkabbir kellu l-limiti tiegħu. L-eks President tal-Kummissjoni Romano Prodi ffavorixxa l-għoti ta’ “kollox ħlief l-istituzzjonijiet” lill-istati ġirien, li jippermettilhom jikkooperaw fil-fond bla ma titqiegħed pressjoni addizzjonali fuq il-qafas istituzzjonali. Dan ġie appoġġjat b’mod partikolari minn Franza u l-Ġermanja fil-forma ta’ sħubija privileġġata għat-Turkija, li s-sħubija tagħha ffaċċjat oppożizzjoni konsiderevoli għal raġunijiet kulturali u prattiċi. Id-dibattitu dwar ir-riforma istituzzjonali tal-UE u r-riforma tal-PAK għadu għaddej.
3.4Fid-dawl tal-gwerra Russa li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna, l-UE ttenni l-valur strateġiku tat-tkabbir, bħala mutur għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini Ewropej, waqt li jrawwem il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. Fir-realtà, l-Unjoni għandha ftit għodod politiċi oħra għad-dispożizzjoni tagħha biex twieġeb għall-isfidi tas-sigurtà fil-periferija tagħha. L-UE la għandha armata permanenti u lanqas kapaċità ta’ intelligence bħala Unjoni – dan huwa fatt li se jkollu jiġi diskuss aktar.
3.5Il-proċess ta’ tkabbir attwali huwa differenti minn dak preċedenti għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett, huwa kkaratterizzat minn approċċ gradwali, b’kuntrast mat-tkabbiriet fil-passat. Pereżempju, xi pajjiżi kandidati kisbu u se jkomplu jkollhom aċċess miftuħ għas-suq uniku – dan huwa privileġġ li ma ngħatax matul il-proċess ta’ adeżjoni preċedenti. It-tieni, is-sitwazzjoni mal-Ukrajna tippreżenta sfida unika. Dan jimmarka l-ewwel darba li l-UE qed tittratta gwerra li għaddejja matul proċess ta’ tkabbir.
3.6B’riżultat ta’ dan, l-UE trid tikkunsidra bir-reqqa l-kuntest ġeopolitiku attwali u talloka riżorsi biex tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha fl-Ewropa. B’mod partikolari, is-settur agrikolu tal-UE wera l-impenn tiegħu billi naqqas b’mod sinifikanti l-bejgħ tal-prodotti agroalimentari lir-Russja wara l-“unifikazzjoni” illegali tal-Krimea mar-Russja – din hija deċiżjoni ta’ spiża kbira li indikat appoġġ għall-adeżjoni u kkontribwiet għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni. Minħabba dawn il-fatturi li jikkaratterizzaw il-proċess ta’ tkabbir attwali, reviżjoni bir-reqqa tal-baġit tal-PAK hija essenzjali. Jistgħu jinħolqu żbilanċi jekk il-PAK tibqa’ l-istess, b’mod partikolari fir-rigward tal-adeżjoni futura tal-Ukrajna. Il-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea l-ġodda għandhom għalhekk jistabbilixxu qafas baġitarju ċar biex jindirizzaw dawn l-isfidi.
3.7It-tkabbir tal-UE se jipprovdi opportunitajiet għall-Unjoni biex tikseb awtonomija akbar fil-produzzjoni tal-ikel u ssir imsieħeb kummerċjali agroalimentari saħansitra aktar importanti globalment, waqt li xxerred l-istandards għoljin ta’ sostenibbiltà tagħha (is-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika tas-settur agroalimentari). Madankollu, il-proċess u l-kundizzjonijiet tat-tkabbir se jkollhom jiżguraw li t-tkabbir futur ikun ta’ benefiċċju kemm għall-bdiewa fil-pajjiżi kandidati kif ukoll fl-UE u jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-kisba tal-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-UE u l-Aġenda 2030.
4.Kummenti ġenerali
Is-sostenibbiltà ekonomika
4.1Anke żieda sinifikanti fil-baġit futur tal-PAK (f’konformità mal-inflazzjoni) se tkun limitata; għalhekk, se jkunu meħtieġa ħafna miżuri inkluż li jiġi implimentat limitu massimu fuq il-pagamenti diretti jew pagamenti redistributtivi msaħħa sabiex tintlaħaq distribuzzjoni ġusta tal-appoġġ għall-introjtu fost il-bdiewa u biex jiġi żgurat li l-istruttura attwali tal-agrikoltura tal-UE tkun tista’ tinżamm wara t-tkabbir. L-UE għandha proporzjon għoli ta’ azjendi agrikoli tal-familja
(94,8 % fl-2020) u azjendi agrikoli fuq skala żgħira (76 % tal-azjendi agrikoli jiġġestixxu inqas minn 10 ettari).
4.2Il-KESE jinnota li għal xi wħud mill-pajjiżi tal-adeżjoni l-kwalità tad-data ekonomika hija kwistjoni inkwetanti, u li l-biċċa l-kbira tal-analiżijiet huma mċajpra minħabba l-inċertezza rigward l-eżitu tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll l-influwenza tar-Russja u taċ-Ċina fuq il-Balkani tal-Punent.
4.3Waqt li l-biedja tal-UE marret minn proporzjon ta’ 11 % tal-PDG fl-1991 għal 1,4 % fl-2022, xi ħaġa li l-pajjiżi kandidati kollha għandhom komuni hija sehem relattivament kbir tal-PDG tagħhom ibbażat fuq l-agrikoltura (pereżempju 22,9 % fl-Albanija, 8 % fil-Montenegro u 7,5 % fis-Serbja), inkluża l-biedja ta’ sussistenza u ta’ semi-sussistenza. Dan ifisser li, fi tmiem il-proċess, is-sehem tal-agrikoltura fil-PDG tal-UE estiża se jkun żdied. L-impatti ta’ dawn il-flussi kummerċjali ġodda fuq l-ekonomiji lokali tal-pajjiżi kandidati għandhom jiġu vvalutati u ġestiti bir-reqqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq in-negozji lokali.
4.4Id-distribuzzjoni tad-daqs tal-azjendi agrikoli u l-organizzazzjoni tas-suq tal-inputs tal-azjendi agrikoli huma pjuttost differenti bejn id-diversi pajjiżi kkunsidrati, u jeħtieġ li dawn jitqiesu waqt it-tħejjija tal-PAK għat-tkabbir. Fl-Ukrajna, 80 % tal-azjendi agrikoli – li jkopru 25 % tal-erja agrikola – għandhom inqas minn 120 ettaru u jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq domestiku. Min-naħa l-oħra, is-settur agrikolu tal-Ukrajna huwa kkaratterizzat ukoll minn azjendi agrikoli kbar ħafna (azjendi agrikoli ta’ 15 000 – 50 000 ettaru huma komuni, b’daqs medju tal-azjendi agrikoli ta’ madwar 96 ettaru meta mqabbel mad-daqs medju ta’ 17-il ettaru fl-UE), li huma direttament marbuta mas-suq dinji. Barra minn hekk, il-kooperattivi għandhom rwol importanti, fost affarijiet oħra, billi jixtru inputs agrikoli bħal żrieragħ u fertilizzanti.
4.5Il-futur tal-PAK wara l-2027 jiddependi mill-fatt li setturi oħra, mid-difiża sal-enerġija, qed jagħmlu domandi qawwija għal sehem akbar tal-baġit tal-UE, li l-agrikoltura bħalissa tirċievi kwart minnu. Madankollu, irid jitqies li t-tkabbir se jkun rebħa netta għall-UE, bl-esportazzjonijiet mistennija ta’ prodotti industrijali u ta’ kull tip ta’ servizz lejn is-swieq li għadhom kif infetħu jċekknu mhux biss l-importazzjonijiet taċ-ċereali Ukreni li hemm tant biża’ dwarhom iżda wkoll il-piż baġitarju ta’ żieda fil-fondi strutturali u ta’ investiment. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa ġust li l-bdiewa fuq iż-żewġ naħat ikunu appoġġjati b’mod adegwat biex, rispettivament, ilaħħqu mar-regoli tal-produzzjoni aktar stretti u jifilħu għall-impatt fuq is-swieq tal-kompetituri li jkunu deħlin bi spejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi.
4.6Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tat-tkabbir, fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil, l-UE għandu jkollha l-għan li tagħmel is-settur agrikolu ekonomikament vijabbli anke mingħajr l-iskemi ta’ appoġġ tal-PAK, billi tiżgura li l-profitti fil-katina tal-provvista jitqassmu b’mod ibbilanċjat u l-bdiewa jkunu jistgħu jiggwadanjaw għajxien deċenti mill-attività tagħhom, waqt li jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b’ikel affordabbli.
4.7Meta jitqiesu l-iżbilanċi reġjonali u l-pajjiżi kandidati l-ġodda tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li tiġi analizzata l-konverġenza esterna u li gradwalment l-appoġġ għall-introjtu bażiku attwali bbażat fuq l-erja tas-superfiċje jiġi sostitwit b’inċentivi finanzjarji li jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent u għas-soċjetà minflok kumpens, waqt li l-azjendi agrikoli żgħar tal-familja għandu jkollhom l-opportunità li jagħżlu li jżommu l-appoġġ għall-introjtu abbażi tal-pagamenti skont is-superfiċje u l-unitajiet tax-xogħol fl-azjenda agrikola. Il-KESE jinsisti li dawn ir-riformi meħtieġa jeħtieġ li jiġu miftiehma qabel ma jseħħ it-tkabbir u qabel ma jiġi deċiż il-qafas finanzjarju.
Is-sostenibbiltà ambjentali
4.8It-tibdil fil-klima qed jhedded il-produzzjoni tal-ikel, kif indikat reċentement mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li wissiet dwar riskji katastrofiċi għall-għelejjel fin-Nofsinhar tal-Ewropa minħabba sħana rekord għaxar xhur wara xulxin. Hemm ukoll il-kriżi imminenti tal-ilma, it-telf tas-servizzi ekoloġiċi u l-produttività u, b’mod kruċjali, iż-żieda fil-kompetizzjoni minn pajjiżi li waslu biex jisfruttaw il-pożizzjoni ġeografika aktar favorevoli tagħhom fir-rigward tat-tisħin globali.
4.9Minħabba t-tibdil fil-klima, l-UE qed titlef uħud mill-vantaġġi ekonomiċi tagħha, li huma fundamentali għas-sigurtà tal-ikel u l-awtonomija strateġika tagħha. Il-bidla lejn agrikoltura riġenerattiva u l-adattament għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u għal metodi ta’ produzzjoni li jniġġsu inqas huma l-uniku mod kif jiġi evitat futur distopiku li fih ir-riżorsi tal-ikel u tal-ilma jintużaw bħala arma. L-UE fadlilha erba’ snin (sa tmiem il-pjani strateġiċi attwali) biex tibdel il-Politika Agrikola Komuni tagħha u tagħti rwol lill-bdiewa fit-trasformazzjoni tas-sigurtà u t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Ewropa. Jekk il-bdiewa se jgħinu lill-Ewropa f’dawn il-kompiti u l-biedja ssir aktar reżiljenti, jeħtieġ li l-UE tagħti skop ġdid lill-appoġġ tal-PAK.
4.10L-adeżjoni mal-UE tiġi b’rispett għall-istandards għoljin tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent, li jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib fl-Istati Membri kandidati kollha (il-livell ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-Protezzjoni tal-Pjanti (SPS), ir-regolamenti tal-UE dwar l-użu tal-PPPs u l-fertilizzanti, eċċ.) . Ir-riġenerazzjoni ta’ żoni affettwati direttament mill-gwerra, li huma soġġetti għat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, se tinvolvi ħafna spejjeż. Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi, il-kofinanzjament mill-Istati Membri jista’ jkun problema reali, speċjalment fl-Ukrajna.
4.11Waqt li ffaċċjaw nuqqas ta’ riżorsi tal-enerġija fi żmien ta’ gwerra, l-Ukreni estendew l-użu ta’ alternattivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, li se jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid ta’ pajjiż aħjar u aktar ekoloġiku (eż. l-enerġija solari, il-bijofjuwils, il-pellets tal-fjuwil).
4.12Iż-żona agrikola miżjuda b’mod sinifikanti wara t-tkabbir tal-UE se tipprovdi opportunitajiet biex jiżdied il-kontribut tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità, bħall-qbid tal-karbonju u l-produzzjoni organika. Pereżempju, l-agrikoltura organika bħalissa tirrappreżenta biss parti żgħira mill-erja agrikola tal-Ukrajna (il-FAO tistma li l-produzzjoni organika fl-2021 hija ta’ 422 000 ettaru
– madwar 1 % tal-erja tal-art agrikola tal-Ukrajna – waqt li l-Ministeru għall-Politika Agrarja u l-Ikel tal-Ukrajna jistma li din hija ta’ 263 600 ettaru
(data tal-2022) u sorsi oħra jirreferu għal 93 825 ettaru fl-2023
), li juri l-potenzjal ta’ progressjoni tas-superfiċje organika f’dan il-pajjiż biss. Fis-Serbja, 13 423 ettaru ntużaw għall-produzzjoni organika fl-2017, li jirrappreżentaw 0,38 % tal-art agrikola totali utilizzata. Żona “ħadra” akbar fl-Unjoni Ewropea estiża se twassal għal impatt akbar fuq l-iskala globali.
Is-sostenibbiltà soċjali
4.13Ir-realtajiet soċjali jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi kandidati. L-agrikoltura fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni hija settur soċjoekonomiku importanti b’forza tax-xogħol kbira meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni attiva. It-tkabbir jista’ jaffettwa l-istruttura tas-settur agroalimentari, b’biedja fuq skala żgħira li tisparixxi parzjalment fl-Istati Membri l-ġodda u ħaddiema agrikoli li se jemigraw lejn Stati Membri ġirien. Fl-istess ħin, fl-Ukrajna, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ madwar 20 % fl-2023; ir-rata tal-inflazzjoni telgħet għal 26 % fl-2022, iżda naqset għal 5 % fl-2023. Bħala konsegwenza tal-gwerra, il-kapaċità tal-akkwist tal-popolazzjoni ddeterjorat drastikament (40 % teħtieġ għajnuna alimentari) u l-popolazzjoni nnifisha naqset b’madwar 10 miljun persuna. F’sitwazzjoni bħal din, l-esportazzjonijiet agrikoli huma importanti ħafna għall-baġit nazzjonali.
4.14Il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u ġusti, id-drittijiet tal-pensjoni u l-pagi minimi għall-ħaddiema agrikoli komparabbli ma’ setturi oħra huma prerekwiżiti biex jiġi żgurat il-futur tas-settur tal-biedja tal-UE.
4.15Il-proporzjon ta’ bdiewa nisa huwa ġeneralment ogħla fil-pajjiżi tal-adeżjoni meta mqabbel mal-Istati Membri tal-UE. Il-proċess ta’ adeżjoni għandu jqis dan u għandu jappoġġja lill-bdiewa u l-intraprendituri nisa jiġi evitat li dawn jitilqu mis-settur.
4.16Fl-UE, it-tnaqqis fl-impjiegi fis-settur agrikolu Ewropew iżid il-ħtieġa għall-ħaddiema staġjonali tal-UE u mhux tal-UE meta l-attivitajiet ta’ tħawwil u ħsad ikunu fl-ogħla livell tagħhom. Il-libertà u d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu madwar l-Unjoni jippermettu lill-ekonomija tas-suq tiffunzjona kif suppost billi tipprovdi x-xogħol fejn u meta jkun meħtieġ. Madankollu, wara 30 sena tas-suq uniku, il-kundizzjonijiet soċjali ta’ dawn il-ħaddiema staġjonali jeħtieġ li jittejbu, waqt li l-konsegwenzi u l-opportunitajiet tal-proċess tat-tkabbir jeħtieġ li jitqiesu kif xieraq.
4.17It-tkabbir jista’ jwassal ukoll għall-għajbien tal-azjendi agrikoli tal-familja, kemm fl-UE fil-kompożizzjoni attwali tagħha kif ukoll fil-pajjiżi tal-adeżjoni futuri, li fundamentalment jittrasforma l-pajsaġġ agrikolu tal-UE u potenzjalment jikkawża sfidi ekonomiċi u soċjali. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li l-UE tagħti prijorità lill-mudelli agrikoli li jeħtieġ li jiġu appoġġjati b’mod speċifiku fil-futur.
4.18Ir-riformi tal-art fil-pajjiżi tal-adeżjoni għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib u implimentati bis-sħiħ qabel l-adeżjoni, filwaqt li l-ħtif tal-art u l-ispekulazzjoni tal-art għandhom jinżammu taħt kontroll. Fl-Ukrajna, il-Kodiċi tal-Art tal-2001 ta lill-bdiewa biċċiet żgħar ta’ art (ta’ madwar 4 ettari kull wieħed) u introduċa moratorju fuq il-bejgħ tal-art. Iżda fl-2021, is-swieq tal-artijiet infetħu bħala parti mill-kundizzjonijiet tas-self tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F’Jannar 2024, il-limitu massimu fuq il-bejgħ tal-art żdied għal 10 000 ettaru. Dan wassal għal rata ta’ investiment spekulattiv, bl-oligarki u n-negozji agrikoli kbar issa jikkontrollaw aktar minn 28 % tal-art li tinħadem tal-pajjiż, u l-investituri qed ifittxu li jakkwistaw art agrikola addizzjonali wara t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet li sar reċentement. Wara din il-privatizzazzjoni, is-sidien tal-art żgħar jidhru li għandhom aktar diffikultajiet biex jaħdmu għal rashom, peress li xi wħud jitħallew bi ftit għażla ħlief li jbigħu l-art tagħhom lil kumpaniji kbar.
Il-kapaċità amministrattiva
4.19L-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona hija bbażata fuq drittijiet ċari tal-proprjetà, swieq li jiffunzjonaw u li huma trasparenti, il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet u stabbiltà makroekonomika. Sabiex jirreżistu l-pressjonijiet kompetittivi fis-suq intern, l-Istati Membri l-ġodda jridu jipprovdu standards ta’ kummerċjalizzazzjoni adegwati, rappurtar tal-prezzijiet u intervent pubbliku.
4.20Minħabba diffikultajiet finanzjarji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ukreni għandhom nuqqas ta’ persunal u jeħtieġu għarfien espert; fil-preżent ma jistgħux jistabbilixxu aġenzija tal-pagamenti tal-PAK. Fil-pajjiżi l-oħra kandidati għall-adeżjoni, l-amministrazzjonijiet għadhom mhumiex ippreparati għal kollox, b’mod partikolari fl-oqsma tal-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-politika agrikola.
4.21L-istandards tal-kwalità tal-ikel bħal dawk għall-produzzjoni organika u l-indikazzjonijiet ġeografiċi jridu jiġu mmonitorjati kif xieraq mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet privati taċ-ċertifikazzjoni. Dan jirrikjedi laboratorji kompetenti u indipendenti li jkunu kapaċi jwettqu kontrolli fuq il-post u fis-suq.
Flussi kummerċjali
4.22Fost il-kandidati, l-Ukrajna hija bil-bosta l-aktar imsieħeb kummerċjali importanti tal-UE-27. F’dawn l-aħħar għaxar sa għoxrin sena, l-Ukrajna żiedet b’mod qawwi l-esportazzjonijiet tagħha tal-ħbub, taż-żrieragħ żejtnin, taż-żjut veġetali u tal-laħam tal-pollam u saret waħda mill-atturi ewlenin fis-swieq globali taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin. Mill-2014, l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE-27 żdiedu b’mod sinifikanti għall-qamħirrum (medja ta’ 10 miljun tunnellata għall-perjodu 2019-2021), għaż-żerriegħa tal-kolza (2,2 miljun tunnellata), għaż-żejt tal-ġirasol (1,8 miljun tunnellata), għaz-zokkor u għal-laħam tal-pollam. L-importazzjonijiet ogħla tal-UE ta’ qamħirrum, qamħ, xgħir, nuħħala u residwi, lamtu, ċereali pproċessati, laħam tal-pollam, bajd u albumini ġew osservati wara l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-2022, iżda ż-żieda fl-importazzjonijiet taċ-ċereali hija aktar marbuta mal-kwistjoni loġistika kkawżata mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u mal-ħtiġijiet akbar tal-importazzjoni tal-UE (ħsad baxx f’xi Stati Membri ġirien tal-UE u nixfiet severi fi Spanja, pereżempju).
4.23Fil-pajjiżi tal-UE li jmissu mal-Ukrajna, żieda fl-importazzjonijiet minn Marzu 2022 sa Mejju 2023 wasslet għal prezzijiet lokali aktar baxxi.
4.24L-importazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-UE mill-pajjiżi kandidati l-oħra huma l-aktar ħxejjex, żjut veġetali, frott, ġewż u tabakk f’volumi moderati.
Brussell, it-28 ta' Ġunju 2024.
Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent.
Peter SCHMIDT
_____________