MT

NAT/913

Lejn il-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2027

OPINJONI

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)

Kuntatt

nat@eesc.europa.eu

Amministratur

Martine DELANOY

Data tad-dokument

08/01/2024

Relatur: Stoyan TCHOUKANOV (BG-III)

Konsultazzjoni

Ittra mill-Presidenza Belġjana li jmiss tal-Kunsill tal-UE, 10/07/2023

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

19/12/2023

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

43/02/04

Adozzjoni fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jqis li l-Politika Agrikola Komuni wara l-2027 trid tipprovdi qafas ta’ politika fit-tul u stabbli mmirat għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-awtonomija strateġika miftuħa għall-Unjoni Ewropea, waqt li tipproteġi d-diversità tat-tipi ta’ biedja fl-UE u twieġeb għall-bżonnijiet tas-soċjetà u ekoloġiċi (“flus pubbliċi għall-beni pubbliċi”) u anke tiżgura l-iżvilupp rurali.

1.2Il-PAK li jmiss trid tkun sinjal ta’ twissija li jixħet dawl fuq il-ħtieġa li l-bdiewa jingħataw appoġġ adegwat matul it-tranżizzjoni. Il-politiki ambjentali u klimatiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala piż fl-irkupru mill-kriżi attwali, iżda pjuttost bħala parti mis-soluzzjonijiet fit-tul u l-linji gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur. Il-fatt li l-industriji tat-tessuti u tal-azzar tal-UE sejrin lura għandu jservi biex iwissi lill-persuni kollha li jfasslu l-politika li l-appoġġ insuffiċjenti jew inadegwat jista’ jikkawża trasformazzjoni f’daqqa u mhux intenzjonata fis-setturi.

1.3Il-PAK għamlitha possibbli li l-Unjoni Ewropea tassigura provvista stabbli tal-ikel bi kwalità għolja u li għadha qed tiżdied għall-popolazzjoni tagħha li dejjem qed tikber, waqt li żżomm mudell tal-biedja mill-familji li għeb minn ħafna nħawi oħra tad-dinja. Madankollu, il-PAK naqset milli tkun immirata lejn il-bdiewa li l-aktar kienu jeħtieġu appoġġ, jew kienet inadegwata f’diversi oqsma, liema nuqqasijiet jeħtieġ jiġu indirizzati qabel il-qafas ta’ politika li jmiss.

1.3.1L-aħħar riforma tal-PAK saħħet il-prinċipju li kull ettaru appoġġjat irid ipatti billi jipprovdi servizzi ambjentali lis-soċjetà. Madankollu, il-finanzjament uniformi għal kull ettaru ma jirriflettix ir-realtà ekoloġika jew l-appoġġ ġust minn perspettiva soċjali. Il-KESE jemmen li l-PAK li jmiss għandha taħdem iktar f’dan ir-rigward, billi ssaħħaħ ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali li bħala obbligu għandhom jiġu ppremjati u ssalvagwardjati kif imiss mill-kompetizzjoni inġusta.

1.3.2Skont it-tip u l-intensità tal-produzzjoni, l-attività agrikola Ewropea jista’ jkollha esternalitajiet pożittivi għall-pajsaġġ u l-bijodiversità, l-ambjent u l-klima. Peress li s-suq ma jistabbilixxix prezz għal dawn l-esternalitajiet, l-iżjed mod prattiku għas-soċjetà biex dawn ikomplu jiġu prodotti fl-ammonti meħtieġa huwa li l-bdiewa jiġu inċentivati permezz ta’ finanzjament pubbliku. Li sempliċiment jiġu koperti l-ispejjeż imġarrba u l-introjti mitlufa mhux inċentiv għall-bdiewa biex jaħdmu favur is-sostenibbiltà fit-tul u l-awtonomija (inkluż abbażi ta’ ekoskemi volontarji). IL-KESE jitlob lill-kontribwenti tal-UE biex ikunu lesti jagħmlu kontribuzzjoni addizzjonali ġusta għall-provvista ta’ servizz tal-ekosistema ta’ valur li nkella ma jingħatax. Għalhekk, ir-riforma tal-PAK għandha tagħmel iktar biex tappoġġja lill-bdiewa li jikkommettu għall-ekoskemi jew għal servizzi tal-ekosistema oħrajn bħall-preżervazzjoni tal-bijodiversità, u tiżviluppa sistemi li jipprovdulhom inċentivi finanzjarji.

1.3.3Għalhekk, il-pagamenti skont is-superfiċje għandhom jingħataw skop ġdid u jkunu mmirati bħala inċentivi għal servizzi li jibbenefikaw l-ambjent u s-soċjetà, b’perjodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli li jista’ jmur lil hinn minn perjodu ta’ qafas finanzjarju pluriennali (QFP) wieħed. L-azjendi agrikoli żgħar tal-familja għandu jkollhom l-opportunità li jagħżlu li jżommu appoġġ għall-introjtu bbażat fuq il-pagamenti skont is-superfiċje u l-unitajiet tax-xogħol fl-azjenda agrikola, waqt li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-kriterji fil-pjani strateġiċi. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-PAK għandha tipprovdi mekkaniżmi ridistributtivi u pagamenti digressivi jew limiti massimi obbligatorji għall-Istati Membri kollha.

1.3.4Sabiex ma jkomplix jonqos l-għadd ta’ azjendi agrikoli fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid ġenerazzjonali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni rigward it-tisħiħ tal-qligħ medju mill-biedja, l-aċċess għall-art (permezz ta’ għotjiet ta’ investiment, kreditu preferenzjali, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tal-art), il-kundizzjonijiet ta’ investiment favorevoli taħt it-tieni pilastru (li jġibu flus privati addizzjonali), it-titjib tal-ħiliet (tal-bdiewa, tal-ħaddiema tal-azjendi agrikoli, u tal-konsulenti), it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, it-titjib tal-prospetti fit-tul għall-bdiewa (pensjonijiet, eċċ.) kif ukoll l-attraenza ġenerali taż-żoni rurali.

1.3.5Il-PAK trid tippreżerva l-aċċess għall-art agrikola u l-użu sostenibbli tagħha madwar l-UE kollha billi tevita l-abbandun tal-art u tippromovi l-isfruttar sostenibbli ta’ art marġinali għat-trobbija estensiva tal-bhejjem permezz ta’ pagamenti annwali mmirati (eż. pagamenti għal żoni b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona) kif ukoll appoġġ ta’ investiment speċifiku mmirat lejn parteċipanti ġodda. Il-preżervazzjoni tal-produzzjoni agrikola sostenibbli madwar l-UE hija prinċipju li għandu jiġi inkluż fil-politika agrikola komuni fil-futur.

1.3.6Il-PAK trid tikkontribwixxi biex tippromovi d-domanda tal-konsumatur fl-UE għal dieti iktar tajbin għas-saħħa u iktar sostenibbli (prodotti organiċi, staġjonali, lokali), tnaqqas il-ħela tal-ikel, u tirregola s-swieq tal-ikel biex b’hekk tindirizza l-finanzjalizzazzjoni tas-settur tal-ikel li tikkawża spekulazzjoni severa, peress li qed isiru profitti kbar mentri l-Ewropej qed ibatu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel.

1.3.7Minkejja l-fatt li s-sehem tal-baġit tal-UE li jmur għall-PAK naqas b’mod kostanti matul dawn l-aħħar 40 sena, minn 65,5 % fl-1980 għal ftit inqas minn 25 % fl-2021, waqt li r-rekwiżiti għall-bdiewa parteċipanti saru dejjem aktar estensivi u għaljin, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-finanzjament tal-PAK irid ikun proporzjonat mal-ambizzjoni tagħha li tappoġġja tranżizzjoni ġusta 1 . B’paragun ma’ dan, is-sehem tal-baġit tal-UE għall-funzjonament tagħha żdied b’36 % bejn l-1980 u l-2021 2 . Kull euro ddedikat biex jiżgura b’mod effettiv is-sigurtà tal-ikel tal-UE u l-kwalità tal-ikel, jipproteġi l-ambjent naturali u jippreżerva ż-żoni rurali u l-pajsaġġi huwa flus minfuqa tajjeb.

1.3.8Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u r-riskji ta’ tfixkil fil-provvista tal-enerġija u tal-fertilizzanti huma parti min-normalità l-ġdida, u l-PAK għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta’ komponenti kontroċikliċi u tipprovdi skemi ta’ appoġġ għall-investiment iddedikati għat-titjib fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-azjendi agrikoli u fil-livell lokali fiż-żoni rurali.

1.3.9Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rinfurzar ta’ skemi ta’ assigurazzjoni tas-sħubija pubblika/privata – li huma voluntarji fl-Istati Membri individwali – fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027 bħala rispons għall-konsegwenzi tal-kundizzjonijiet klimatiċi estremi (nixfiet, l-iffriżar, l-għargħar, eċċ.).

1.3.10Għandhom jiġu żviluppati u implimentati aktar it-teknoloġiji diġitali li juru li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatti negattivi fuq in-natura u l-ambjent, it-titjib tal-benessri tal-annimali jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fil-valutazzjoni tal-appoġġ possibbli tal-PAK għall-investiment għal dawn it-teknoloġiji minn fondi pubbliċi Ewropej jew nazzjonali, l-enfasi għandha ssir fuq il-kontribut pożittiv għall-politiki tal-impjieg u l-politiki tal-iżvilupp nazzjonali/reġjonali b’konformità mal-pjani strateġiċi.

1.3.11Il-proċess tat-tfassil u l-adattament tal-pjani strateġiċi għandu jiġi rivedut biex jippermetti l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, iktar flessibbiltà għall-Istati Membri, u adattamenti iktar rapidi wara l-approvazzjoni inizjali tagħhom.

2.Introduzzjoni

2.1Il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali tal-PAK kien karatterizzat mill-bidu nett minn żewġ katakliżmi ewlenin: il-COVID-19 u l-aggressjoni tar-Russja. Il-bdiewa Ewropej kellhom rwol ewlieni biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-ikel matul il-lockdowns fl-2020 u fl-2021, iżda l-gwerra fl-Ukrajna ħolqot sfidi u għamlet pressjoni kbira fuq l-istabbiltà tas-swieq agrikoli Ewropej, bi flutwazzjonijiet drastiċi tal-prezzijiet u skarsezzi ta’ inputs agrikoli importanti bħall-fertilizzanti. Is-sistemi agroalimentari qed isiru wkoll dejjem iktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, u jipproduċu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra; għalhekk, huwa ċar li huma meħtieġa sistemi agroalimentari reżiljenti għall-klima biex jintlaħqu kemm l-għan globali tal-adattament u l-għan kollettiv tat-temperatura stabbiliti fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi 3 .

2.2Għalhekk, il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE talbet lill-KESE jħejji Opinjoni esploratorja li tikkunsidra modi li jippermettu l-awtonomija strateġika u l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel permezz ta’ PAK ġdida, iktar flessibbli u iktar effiċjenti wara l-2027, bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħna li nikkontrollaw il-provvista u s-sigurtà tal-ikel tagħna stess u nnaqqsu d-dipendenza tagħna minn imsieħba inqas affidabbli u mhux iggvernati demokratikament. Fir-rigward tal-flessibbiltà, il-PAK għandha tkun iktar reattiva għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu u ċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri tal-UE u tal-komunitajiet agrikoli tagħhom, u kapaċi twieġeb għall-isfidi u l-opportunitajiet ikkawżati mill-bidliet fis-suq u l-avvanzi teknoloġiċi.

2.3Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024 u t-tkabbir futur tal-UE, il-KESE jqis din l-Opinjoni bħala opportunità biex jiġu stabbiliti xi kunsiderazzjonijiet/linji gwida/proposti mis-soċjetà ċivili organizzata dwar il-forma u d-direzzjoni ġdida tal-PAK wara l-2027 bil-għan li tinkiseb produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel fi ħdan politika dwar l-ikel iktar olistika u komprensiva. L-għan huwa li jingħata kontribut għall-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK li jmiss billi jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aspettattivi tas-soċjetà.

2.4L-UE għandha proporzjon għoli ta’ azjendi agrikoli tal-familja 4 (94,8 % fl-2020) u azjendi agrikoli fuq skala żgħira (waqt li d-daqs medju ta’ azjenda agrikola fl-UE kien ta’ 17,4 ettaru fl-2020, madwar 42 % tal-azjendi agrikoli mmaniġġjaw inqas minn 2 ettari u 76 % tal-azjendi agrikoli inqas minn 10 ettari). L-azjendi agrikoli l-kbar jikkultivaw il-maġġoranza tal-erja agrikola użata tal-UE (7,5 % tal-azjendi agrikoli tal-UE kienu ta’ 50 ettaru jew iktar u ħadmu żewġ terzi tal-erja agrikola użata tal-UE, waqt li l-azjendi agrikoli ta’ iktar minn 100 ettaru kkultivaw madwar 50 % tal-erja agrikola użata) 5 . Fost id-9,1 miljun azjenda agrikola, 4,1 miljun kienu jrabbu l-bhejjem, b’merħla medja ta’ 28 unità ta’ bhejjem; l-għadd totali ta’ unitajiet ta’ bhejjem huwa ta’ 113-il miljun, li minnhom 49 % kienu baqar, 30 % ħnieżer u 14 % pollam.

2.5Il-livell ta’ inflazzjoni attwali flimkien mas-swieq tal-enerġija imprevedibbli qed ifixklu l-istandards tal-għajxien ġusti tal-bdiewa tal-UE 6 , u d-dħul tal-bdiewa huwa diġà madwar 40 % inqas mid-dħul mhux agrikolu 7 . Barra minn hekk, l-għadd ta’ azjendi agrikoli qed jonqos b’mod kostanti fl-UE (9,1 miljun azjenda agrikola fl-UE fl-2020, 25 % inqas milli fl-2010) u fl-aħħar deċennju rajna telf ta’ ħaddiema mill-agrikoltura (tnaqqis ta’ 23 % fl-unitajiet tax-xogħol annwali f’10 snin, u issa hemm 22 miljun persuna li jaħdmu regolarment fis-settur) 8 . L-għadd ta’ azjendi tal-bhejjem naqas b’40 % fid-deċennju mill-2010, tnaqqis ferm ikbar minn dak li kien irreġistrat għall-azjendi agrikoli mingħajr annimali (tnaqqis ta’ 5 %). Id-daqs medju tal-azjendi agrikoli żdied minn 13,2-il ettaru għal 17,4-il ettaru.

2.6Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE, li tnediet fl-1962, hija maħsuba biex iżżid il-produttività agrikola, tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli, tistabbilizza s-swieq, tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti u tiżgura prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi. Il-PAK evolviet tul is-snin biex tilqa’ għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi li jinbidlu u tindirizza r-rekwiżiti u l-ħtiġijiet tal-Ewropej, biex issir iktar ekoloġika u iktar flessibbli, u biex tadotta approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u fuq ir-riżultati li jqis il-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet lokali.

2.7Il-PAK attwali għandha l-għan li tippermetti lill-bdiewa jwettqu l-funzjonijiet li ġejjin fis-soċjetà: il-produzzjoni tal-ikel (l-UE hija waħda mill-produtturi u esportaturi netti ewlenin tal-prodotti agroalimentari fid-dinja 9 ), l-iżvilupp rurali tal-komunità (is-setturi tal-biedja u tal-ikel flimkien jipprovdu kważi 40 miljun impjieg fl-UE), u biedja sostenibbli f’termini ambjentali (produzzjoni tal-ikel waqt li wkoll tiġi protetta n-natura u ssalvagwardjata l-bijodiversità, bl-użu prudenti tar-riżorsi naturali) 10 .

2.8Is-sehem tal-baġit tal-PAK mill-baġit tal-UE naqas matul l-aħħar 40 sena, minn 65,5 % fl-1980 għal ftit inqas minn 25 % fl-2021 (aġġustat għall-inflazzjoni) 11 . Bejn l-1990 u l-2021-2027, il-kost baġitarju tal-PAK, meta mqabbel mal-introjtu nazzjonali gross tal-UE, se jkun naqas minn 0,54 % għal 0,32 % projettati 12 .

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li appella għal politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE, bl-għan li jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa minn sistemi sostenibbli tal-ikel, tinħoloq rabta bejn l-agrikoltura u n-nutrizzjoni u s-servizzi tal-ekosistema, u jiġu żgurati ktajjen ta’ provvista li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Ewropea 13 . B’mod iktar ġenerali, il-KESE jappella għal azzjoni biex titrawwem il-bidla sistemika u l-ekonomija tal-benessri li neħtieġu għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, li tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għal sistemi agroalimentari iktar sostenibbli u iktar ġusti u żoni rurali b’saħħithom waqt li jiġu rrispettati l-limiti planetarji 14 . Il-KESE jinnota li l-agrikoltura Ewropea għandha taħdem favur l-agroekoloġija: il-biedja tiddependi mir-riżorsi naturali u dawk ir-riżorsi jridu jiġu ppreżervati biex jiġu żgurati l-prospetti futuri għas-settur 15 .

3.2Il-KESE ppropona definizzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa li tapplika għal sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-forza tax-xogħol u l-kummerċ ġust, bl-għan ġenerali li jiġu żgurati s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel għall-Ewropej kollha permezz ta’ provvista tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa, sostenibbli u reżiljenti 16 .

3.3Il-KESE jikkunsidra li sfida ewlenija għall-Unjoni Ewropea se tkun li tippreżerva l-mudell agrikolu multifunzjonali Ewropew, l-istat tad-dritt u l-valuri tal-UE, inkluż fid-dawl ta’ adeżjonijiet futuri fl-UE. L-isforzi biex dawn jiġu ppreżervati jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sovranità tal-ikel 17 , is-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet ġenwini tal-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej. Il-preżervazzjoni tal-produzzjoni agrikola sostenibbli madwar l-UE hija prinċipju li għandu jiġi inkluż fil-politika agrikola komuni fil-futur.

3.4Skont it-tip u l-intensità tal-produzzjoni, l-attività agrikola Ewropea jista’ jkollha esternalitajiet pożittivi għall-pajsaġġ u l-bijodiversità, l-ambjent u l-klima. Peress li s-suq ma jistabbilixxix prezz għal dawn l-esternalitajiet, l-iżjed mod prattiku għas-soċjetà biex dawn ikomplu jiġu prodotti fl-ammonti meħtieġa huwa li l-bdiewa jiġu inċentivati permezz ta’ finanzjament pubbliku.

3.5Il-KESE jappella għal baġit tal-PAK li jkun konformi mal-ambizzjonijiet tagħha u maż-żieda fir-rwoli u r-responsabbiltajiet mitluba mis-soċjetà tal-UE (li jintlaħqu l-miri klimatiċi, li tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità u r-restawr tan-natura, it-twettiq tas-sekwestru tal-karbonju, il-manutenzjoni tal-pajsaġġi, l-iżgurar tat-trattament xieraq tal-annimali, it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi, iż-żieda fil-kwalità tal-ikel, eċċ.). Għandu jiġi stabbilit sett komuni ta’ indikaturi li jintraċċaw il-kontribut tal-PAK il-ġdida għall-SDGs u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.6Għalhekk, is-sussidji tal-PAK għandhom ikunu aktar kundizzjonali fuq ir-rispett tal-miri soċjali (il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, is-servizzi soċjali u s-servizzi ta’ interess ġenerali) u ambjentali (it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, il-bijodiversità, il-klima, eċċ.), waqt li jitqies, l-ewwel nett, li l-appoġġ dirett għandu jikkumpensa għad-differenza fil-pagi bejn il-bdiewa u l-ħaddiema tal-azjendi agrikoli u l-bqija tal-popolazzjoni.



3.7Valutazzjoni tal-PAK attwali turi li 20 % tal-azjendi agrikoli jirċievu madwar 80 % tal-flus tal-appoġġ agrikolu 18 , li jista’ jirrifletti l-volumi ta’ prodotti agrikoli mkabbra f’dawn l-azjendi agrikoli, iżda mhux neċessarjament il-ħtiġijiet soċjali jew is-servizzi ekoloġiċi. Sabiex tiġi appoġġjata tranżizzjoni lejn produzzjoni aktar sostenibbli, is-sistema attwali tal-appoġġ bażiku għall-introjtu tista’ tiġi żviluppata aktar lejn sistema ta’ pagamenti mmirati għas-sostenibbiltà (inkluż pagament ta’ inċentiv sinifikanti) marbuta ma’ azzjonijiet konkreti li jibbenefikaw il-klima, il-bijodiversità u l-ambjent. L-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju tal-familja għandu jkollhom l-opportunità li jagħżlu li jżommu appoġġ għall-introjtu abbażi ta’ pagamenti storiċi. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-PAK għandha tipprovdi mekkaniżmi ridistributtivi u pagamenti digressivi jew limiti massimi obbligatorji għall-Istati Membri kollha.

3.8L-esperjenza tal-pjani strateġiċi attwali turi li huma neqsin mill-flessibbiltà meħtieġa biex l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jadattaw malajr għaċ-ċirkostanzi ġodda li jinqalgħu wara li jiġu adottati. Għalhekk, il-PAK il-ġdida għandha tipprevedi proċessi mgħaġġla għall-emendar tal-pjani Dawn il-pjani strateġiċi u kwalunkwe bidla fihom għandhom jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mas-settur agrikolu u partijiet ikkonċernati oħra tas-soċjetà ċivili. Il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropew dwar Sħubija għandu jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-PAK tal-futur, jipprijoritizza l-maniġment, il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ pjani strateġiċi futuri, u jagħti lill-imsieħba soċjali rwol u responsabbiltajiet fil-kumitati tal-monitoraġġ. Għandhom jittieħdu passi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn is-suq tal-kapital u l-fondi tal-PAK u biex l-assorbiment isir iktar effiċjenti u effettiv.

3.9Fl-2020, fost il-maniġers tal-azjendi agrikoli 6,5 % minnhom biss kellhom inqas minn 35 sena 19 , u m’hemmx dubju li t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura huwa sfida. Il-PAK hija strument li għandu jikkunsidra dan bħala prijorità. Peress li l-ideat tajbin fil-livell Ewropew mhux dejjem jiġu adottati mill-Istati Membri, aspett pożittiv huwa li jkun hemm baġit aktar ambizzjuż għal dan l-objettiv b’aktar armonizzazzjoni u bi strument għall-użu mill-bdiewa żgħażagħ. It-tiġdid ġenerazzjonali huwa parti integrali mill-kwistjonijiet orizzontali u f’diversi livelli rigward l-aċċess għall-art, l-aċċess għall-investiment (settur intensiv fil-kapital), il-pożizzjoni fil-katina tal-valur, l-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet, u l-attraenza taż-żoni rurali.

3.10Fil-promozzjoni ta’ produzzjoni indipendenti u sostenibbli tal-ikel, huwa importanti li l-UE tinvesti fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-agrikoltura u l-ikel. Dan għandu jitqies fil-futur permezz ta’ koerenza bejn il-PAK u politiki oħra tal-UE dwar ir-riċerka u l-investiment. L-avvanzi fix-xjenza agrikola jwasslu għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jtejbu l-prattiki tal-biedja sostenibbli. L-investiment fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjonijiet agrikoli huwa investiment strateġiku li jkun ta’ benefiċċju mhux biss għas-settur agrikolu iżda wkoll għall-benesseri ġenerali tas-soċjetajiet u tal-ambjent.

3.11Il-KESE jemmen li s-suq uniku kien u għandu jibqa’ element fundamentali tal-kummerċ ta’ prodotti tal-ikel u l-prodotti agrikoli fi ħdan l-UE. Madankollu, il-KESE jqis li l-istruttura attwali tas-suq tal-prodotti bażiċi tal-ikel mhix qed twassal għalkollox għall-“ekonomija sostenibbli li neħtieġu” 20 iżda f’ċerti aspetti taħdem b’mod attiv kontriha. Din iddgħajjef l-isforzi mmirati biex jeliminaw il-ġuħ, biex jippromovu dħul ġust għall-bdiewa u l-ħaddiema u prezzijiet ġusti għall-konsumaturi, u biex jipproteġu lill-proċessuri tal-ikel żgħar u medji u lis-settur tal-bejgħ bl-imnut mir-riskji ta’ inflazzjoni li qed tiżdied. Għalhekk irid jitqies kif tista’ tittejjeb is-sitwazzjoni permezz ta’ regolamentazzjoni sinkronizzata mal-PAK li tikkontribwixxi għall-benessri tan-nies u l-iżvilupp tas-soċjetà bil-għan li jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Ir-regolamentazzjoni tas-suq għandha tissaħħaħ aktar biex tindirizza l-finanzjalizzazzjoni tas-settur tal-ikel li tixpruna spekulazzjoni severa 21 . L-aċċellerazzjoni tas-Sistema tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS) kif ukoll it-titjib tas-servizz ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli jeħtieġ li jkunu elementi ewlenin tal-PAK futura peress li aċċess imtejjeb għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u t-taħriġ huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Modi li jippermettu s-sostenibbiltà ambjentali tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE

4.1.1Is-sistemi tal-ikel huma affettwati mit-tibdil fil-klima u jikkontribwixxu għalih. Għalhekk, is-settur agroalimentari għandu u jeħtiġlu jkompli jkollu rwol proattiv, bl-appoġġ adegwat, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sabiex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni aktar ġenerali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, waqt li jiżgura l-profittabilità fit-tul ta’ dan is-settur. Huma meħtieġa iktar koerenza fil-politika u soluzzjonijiet tanġibbli għall-isfidi l-kbar tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-ilma, flimkien ma’ passi għall-promozzjoni ta’ governanza u prinċipji iktar demokratiċi u bbażati fuq id-drittijiet u biex jiġi żgurat li l-finanzjament imur fid-direzzjoni t-tajba u ġusta. Il-politiki ambjentali u klimatiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala piż fl-irkupru mill-kriżi attwali, iżda pjuttost bħala parti mis-soluzzjonijiet fit-tul u l-linji gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur 22 .

4.1.2Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal politika mtejba ta’ koerenza biex it-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta taqbad ir-ritmu. Id-dekarbonizzazzjoni u l-enerġiji mhux minn sorsi fossili jridu jingħataw importanza ikbar fil-politiki agrikoli u rurali, u politiki settorjali oħra għandhom iqisu iktar dawn l-objettivi.

4.1.3Il-PAK il-ġdida għandha tippromovi l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma 23 , b’enfasi fuq l-immaniġġjar tal-provvista, l-ottimizzazzjoni tal-effiċjenza, it-tnaqqis tat-telf, il-prijoritizzazzjoni tal-użi, l-eliminazzjoni tal-użi illegali, l-adozzjoni ta’ miżuri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema kollha u, fl-aħħar nett, l-adozzjoni ta’ sett ta’ approċċi b’konformità mal-għan tal-awtonomija strateġika u s-sigurtà tal-ikel. Is-sussidji għandhom ikunu bbażati fuq l-effiċjenza tal-ilma aktar milli fuq is-superfiċje ta’ raba’ saqwi, skont id-disponibbiltà tal-ilma fl-Istat Membru individwali.

4.1.4Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rinfurzar ta’ skemi ta’ assigurazzjoni tas-sħubija pubblika/privata – li huma voluntarji fl-Istati Membri individwali – fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027 bħala rispons għall-konsegwenzi tal-kundizzjonijiet klimatiċi estremi (nixfiet, l-iffriżar, l-għargħar, eċċ.). Bħala eżempju, mis-sena 2000 ’l hawn, il-FCIP tal-Istati Uniti (Programm Federali għall-Assigurazzjoni tal-Uċuħ tar-Raba’) ħallas 42,1 % tat-total tal-ħlasijiet ta’ kumpens abbażi ta’ nixfa jew temperaturi għoljin; l-umdità żejda hija wkoll ta’ spiss il-bażi għal ħlasijiet kbar ta’ kumpens (27,5 % tat-total tal-ħlasijiet ta’ kumpens mis-sena 2000 ’l hawn).

4.1.5Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta mal-bdiewa tal-UE, il-ftehimiet kummerċjali jridu jistabbilixxu standards tas-saħħa, tax-xogħol u ambjentali għall-importazzjonijiet, liema standards għandhom ikunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk mitluba fl-UE.

4.1.6Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tal-biedja organika biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għalhekk jirrakkomanda li l-PAK għandha tkompli tippromovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u b’mod partikolari l-konsum ta’ prodotti organiċi fl-UE (eżempju permezz tal-akkwist pubbliku u l-catering kollettiv) biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża ħafna li 25 % tal-art agrikola fl-UE ssir organika sas-sena 2030.

4.1.7Il-forom attwali tat-trobbija tal-bhejjem fl-Ewropa jvarjaw kemm f’termini ta’ domanda għall-importazzjonijiet (prinċipalment tas-sojja) kif ukoll f’termini ta’ impatt reġjonali fuq l-ambjent. Il-PAK għandha tappoġġja prinċipalment il-forom tal-biedja l-iktar tradizzjonali jew estensivi u bbażati fuq l-art li fil-biċċa l-kbira jużaw riżorsi u għalf reġjonali u li għandhom impatt ambjentali maniġġabbli 24 .

4.2Modi li jippermettu s-sostenibbiltà soċjali tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE

4.2.1Il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel teħtieġ il-bdiewa u l-ħaddiema. Il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti, id-drittijiet tal-pensjoni u l-pagi minimi komparabbli ma’ setturi oħra huma l-aħjar stimolu biex is-settur isir attraenti, u prerekwiżiti biex jiġi żgurat il-futur tas-settur tal-biedja tal-UE.

4.2.2Il-kundizzjonalità soċjali u l-ftehimiet kollettivi fejn il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jintlaħaq qbil dwarhom bejn il-partijiet fis-suq tax-xogħol iridu jissaħħu u jiġu implimentati b’mod rigoruż u bil-mekkaniżmi ta’ kontroll adegwati biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kulħadd u għandhom ikunu parti mill-kriterji ta’ evalwazzjoni fil-livell tal-proġetti, flimkien mal-involviment taż-żgħażagħ u l-kriterji tal-ġeneru.

4.2.3Il-ktajjen tal-provvista qosra għandhom jiġu appoġġjati bi prijorità, peress li joħolqu attività komunitarja u rabtiet soċjali fiż-żoni rurali. Hija meħtieġa iktar enfasi fuq il-ktajjen tal-provvista lokali, flimkien ma’ approċċ speċjali għall-azjendi tal-biedja żgħar u ta’ sussistenza. Il-leġiżlaturi għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ akkumpanjament adegwati li jiżguraw li l-prodotti lokali u/jew organiċi jkunu aċċessibbli għal gruppi soċjalment vulnerabbli u li s-settur pubbliku (l-awtoritajiet lokali, muniċipali, reġjonali u federali) jagħmel użu ikbar mill-prodotti organiċi lokali u reġjonali tal-ikel fl-akkwist pubbliku (eż. fil-kantins) 25 .

4.2.4Il-biedja għal finijiet terapewtiċi u l-ekonomija soċjali għandhom ikomplu jiġu appoġġjati mill-PAK minħabba r-rwol importanti fil-benessri u l-kura tan-nies, u bl-istess mod għandhom jiġu appoġġjati wkoll l-agrituriżmu, l-istabbilimenti tal-ikel li jispeċjalizzaw fl-użu ta’ prodotti tal-lokalità (terroir tables), l-azjendi agrikoli li jgħinu lill-individwi fil-proċessi ta’ fejqan (healing farms) u l-azjendi agrikoli edukattivi li jattiraw il-popolazzjoni urbana 26 .

4.2.5Il-PAK għandha tillimita u tissemplifika wkoll kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv ikkawżat mill-ħafna obbligi imposti minnha stess, tipprovdi iktar appoġġ lill-bdiewa biex jikkonformaw magħha, u tappoġġja lill-bdiewa fil-mod kif jindirizzaw il-kontrolli li jkunu meħtieġa. Il-pjani strateġiċi għandhom jipprevedu wkoll biżżejjed żmien għall-bdiewa biex jadattaw għal miżuri bħal ekoskemi estremament kumplessi.

4.3Modi li jippermettu s-sostenibbiltà ekonomika tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE

4.3.1Il-prezzijiet tal-ikel huma s-sors primarju tad-dħul għall-bdiewa, u magħhom hemm is-sussidji maħsuba biex jiżguraw standard deċenti ta’ għajxien, u għalhekk il-PAK għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola jibqgħu ogħla mill-kost tal-produzzjoni.

4.3.2Il-konċentrazzjoni tas-setgħa ta’ negozjar fost atturi differenti fil-katina tal-provvista wasslet għal abbuż minn pożizzjoni dominanti li jittrasferixxi r-riskju ekonomiku mis-suq tal-konsumatur f’direzzjoni ’l fuq fil-katina tal-provvista u għandu impatt partikolarment dannuż fuq il-bdiewa. Minbarra l-projbizzjoni meħtieġa tal-prattiki kummerċjali inġusti kollha, il-PAK għandha tappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-bdiewa u/jew gruppi ta’ bdiewa f’kooperattivi sabiex isaħħu s-setgħa tan-negozjar tagħhom. Il-PAK għandha tkompli tippromovi l-kooperazzjoni reġjonali fost l-atturi kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel; pereżempju, il-catering pubbliku u l-kunsilli lokali/reġjonali għall-politika tal-ikel jistgħu jkunu suq stabbli għall-bdiewa. Il-bidwi mhuwiex biss il-prenditur tal-prezzijiet, iżda wkoll dak li jieħu r-riskju. Huwa għalhekk li r-riskji kollha għandhom jiġu kondiviżi fil-katina tal-valur, u mhux biss ir-riskju relatati mal-prezzijiet.

4.3.3Il-KESE jemmen li l-produzzjoni organika u l-ktajjen ta’ kummerċjalizzazzjoni li jqisu wkoll il-prodotti staġjonali jistgħu jkunu mod promettenti biex jinkiseb iktar valur miżjud tul il-katina tal-provvista tal-ikel, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-PAK 27 .

4.3.4Fid-dawl tal-iżbilanċi reġjonali u l-Istati Membri potenzjalment ġodda tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li tiġi analizzata l-konverġenza esterna. Għandha titqies il-kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri u f’termini tas-sussidji mħallsa lill-bdiewa – waqt li jitqiesu d-differenzi fil-kostijiet tal-input u tax-xogħol – b’konformità mal-valuri tal-UE. Is-suq komuni jrid jiġi protett inkella l-bdiewa sempliċement se jieqfu mill-biedja, l-istess bħalma għalqu l-impjanti tal-azzar u l-imtieħen tat-tessuti. Għal din ir-raġuni, strumenti speċifiċi simili għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) għandhom jiġu eżaminati b’mod separat mill-PAK jew fl-ambitu tagħha, waqt li jitqiesu l-konsegwenzi għall-esportazzjoni kbira ta’ ikel u oġġetti agrikoli mill-UE lejn il-bqija tad-dinja.

4.3.5Is-sekwestru tal-karbonju se jkun element ewlieni tal-futur tal-agrikoltura u tal-forestrija Ewropej, kemm biex tittejjeb is-saħħa tal-ħamrija kif ukoll bħala għodda għall-azzjoni klimatika. Se jkun importanti li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti jiġu ppremjati permezz ta’ ċertifikati tal-karbonju, iżda għandhom ikunu disponibbli sorsi ta’ finanzjament addizzjonali (swieq privati, baġit addizzjonali li għandu jiżdied mal-baġit tal-PAK) 28 .

4.3.6Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni ta’ elementi kontroċikliċi fl-istrumenti tal-PAK wara s-sena 2027 biex tirreaġixxi għall-pressjoni kbira li s-settur agrikolu qed jesperjenza mis-swieq, ħafna drabi minħabba prezzijiet baxxi jew flutwazzjoni kbira ħafna tagħhom. Il-PAK għandha, bħala għażla fil-livell tal-Istati Membri, tappoġġja wkoll l-għodod ta’ sostenn tad-dħul (bħall-għodod tal-assigurazzjoni jew tal-ġestjoni tar-riskji, inklużi l-għodod għall-istabbilizzazzjoni tad-dħul).

4.4Modi li jippermettu l-iżvilupp rurali-urban sostenibbli tal-UE b’konformità mal-produzzjoni tal-ikel

4.4.1Il-KESE jirrimarka li l-futur u l-prosperità taż-żoni rurali huma ta’ importanza enormi għas-sigurtà tal-ikel, l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tal-Ewropa, kif ukoll għal taħlita ta’ enerġija sostenibbli li tikkontribwixxi għall-indipendenza enerġetika tal-UE (inkluż għas-settur agrikolu) 29 . Għalhekk, il-PAK trid trawwem żoni rurali iktar reżiljenti u tiżviluppa l-potenzjal tagħhom biex jipproduċu enerġija ekoloġika (il-bijogass, l-enerġija solari u l-enerġija mir-riħ kif ukoll bijomassa (injam, tiben, ħliefa, eċċ.)), b’konformità mal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE. Huma meħtieġa iktar fondi – mhux biss fil-PAK iżda l-ewwel nett fil-politika ta’ koeżjoni – għal azzjoni lokali biex tiżgura l-komplementarjetà mal-iżvilupp urban.

4.4.2Il-PAK li jmiss għandha tiffoka iktar fuq il-ħolqien tal-impjiegi billi tikkontribwixxi għal ekonomija rurali iktar diversifikata fiż-żoni rurali; għandha tinkoraġġixxi lin-nies jistabbilixxu ruħhom f’żoni rurali u tippromovi t-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u l-wasla ta’ persuni bi proġetti ġodda bħal attivitajiet tal-ipproċessar tal-ikel jew it-turiżmu 30 .

4.4.3Il-PAK għandha tipprovdi soluzzjonijiet għall-kwistjoni tal-abbandun tal-art fil-kampanja (b’mod partikolari għar-reġjuni żvantaġġati), li għadha kwistjoni f’ċerti reġjuni. Il-PAK għandha tappoġġja proġetti ta’ żvilupp għal dawn ir-reġjuni abbażi tal-ħafna opportunitajiet offruti mis-setturi tal-enerġiji rinnovabbli, tal-bijoekonomija, tal-ekonomija ċirkolari, tal-akkwakultura 31 u tal-algi 32 (biex insemmu xi wħud). Il-PAK trid tkompli tippreżerva l-aċċess għall-art agrikola u l-użu sostenibbli tagħha madwar l-UE kollha, permezz ta’ pagamenti annwali mmirati (eż. pagamenti għal żoni b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona) kif ukoll appoġġ speċifiku għall-investiment immirat lejn parteċipanti ġodda.

4.4.4Il-PAK għandha wkoll tkompli tappoġġja u tippromovi t-trobbija estensiva tal-bhejjem fil-mergħat permanenti u fl-artijiet tar-ragħa li tgħin biex jinżammu f’kundizzjoni tajba l-pajsaġġi u s-“servizzi tal-ekosistema” (bħall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ħabitats, is-sekwestru tal-karbonju, il-prevenzjoni ta’ nirien fil-foresti u l-erożjoni tal-ħamrija) u żżomm il-popolazzjoni f’żoni agrikoli billi tikkontribwixxi għall-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli tal-familja 33 . Għandu jkompli jingħata appoġġ għal dawk l-azjendi agrikoli konvenzjonali tal-familja tradizzjonali li huma dejjem aktar sostenibbli mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali, inkluż fir-rigward tal-istandards tal-benessri tal-annimali u l-investiment fit-titjib tekniku. Għandhom jingħataw inċentivi lill-bdiewa li qed jixprunaw mudelli tal-ekonomija ċirkolari (eż. il-ħolqien ta’ fertilizzanti organiċi, il-produzzjoni tal-bijogass permezz ta’ prodotti sekondarji mill-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem).

4.4.5Minn naħa, it-trobbija intensiva tal-bhejjem tiġġenera sehem sinifikanti mill-produzzjoni Ewropea tal-laħam, bi prezzijiet affordabbli; min-naħa l-oħra, hija s-suġġett ta’ firxa wiesgħa ta’ diskussjonijiet kritiċi (bħal fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar benessri tal-annimali). Barra minn hekk, il-produzzjoni tista’ potenzjalment tagħmel pressjoni fuq l-ambjent reġjonali. Madwar 50 % tal-ħsad tal-UE jintuża bħala għalf tal-annimali minkejja d-domanda diġà għolja għar-raba’ li jinħadem fl-UE. Barra minn hekk, il-produzzjoni tuża għalf importat 34 li jwassal għal sfidi possibbli għas-sostenibbiltà. Il-PAK għandha għalhekk tappoġġa prattiki tal-biedja estensiva b’mod partikolari, inkluż l-użu tal-ħuxlief u ta’ sorsi oħra ta’ proteini lokali fit-trobbija tal-bhejjem kif ukoll il-bidla fis-sistema minn trobbija intensiva għal waħda estensiva, bl-użu ta’ art abbandunata u art irkuprata sforz it-tnaqqis fil-ħela tal-ikel (20 % tal-ikel prodott fl-UE qed jintrema 35 ). Il-PAK għandha tappoġġja wkoll il-mudelli tat-trobbija tal-bhejjem li jirriżultaw mix-xogħol reali tal-bdiewa, kemm jekk permezz ta’ mudell tal-familja kif ukoll jekk permezz ta’ mudell professjonali, fit-tranżizzjoni lejn prattiki aktar sostenibbli u fl-istess waqt tinżamm il-kompetittività tagħhom.

4.4.6Il-PAK għandha tappoġġja l-produzzjoni ta’ proteini tal-pjanti u żjut tal-pjanti u l-iżvilupp tal-ktajjen tal-valur reġjonali u l-kapaċitajiet ta’ pproċessar reġjonali (l-espansjoni tal-kultivazzjoni tal-għelejjel taż-żejt fl-UE tista’ twassal għal impatti pożittivi bħall-awtosuffiċjenza f’termini ta’ fjuwil tat-tratturi, disponibbiltà ikbar tal-provvista ta’ pasta taż-żrieragħ żejtnin għall-użu tal-għalf u ż-żieda fin-newbiet tal-għelejjel) 36 .

4.5Modi kif jitrawwem l-appoġġ soċjetali għal sistemi tal-ikel sostenibbli

4.5.1Il-prezzijiet tal-ikel iridu jirriflettu l-ispiża reali tal-produzzjoni għall-ambjent u għas-soċjetà. Il-KESE jtenni l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni dwar dieti sostenibbli sa minn età bikrija, biex iż-żgħażagħ jitgħallmu japprezzaw il-“valur tal-ikel”.

4.5.2Il-miżuri tal-informazzjoni u l-edukazzjoni flimkien ma’ prattiki trasparenti ta’ tikkettar tal-ikel għandhom isaħħu l-pożizzjoni tal-konsumaturi b’mod li jagħmlu għażliet iktar sostenibbli. Il-KESE jfakkar li għandu jiġi żviluppat qafas għal sistemi tal-ikel sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sistemi tal-ikel, b’mod f’waqtu 37 .

4.5.3Il-PAK tista’ tgħin biex iżżid l-appoġġ soċjetali għal sistemi tal-ikel sostenibbli permezz ta’ attivitajiet ta’ finanzjament li jrawmu l-konnessjonijiet bejn il-konsumaturi u l-komunità agrikola, bħal kummerċ f’ċirkwiti qosra jew jiem għall-pubbliku biex iżuru l-azjendi agrikoli. Attivitajiet bħal dawn jippermettu lill-bdiewa jbigħu prodotti partikolari li “għandhom storja” lill-konsumaturi li allura jkunu lesti jħallsu prezz ġust, u jkunu iktar responsabbli rigward il-valur tal-ikel u l-ħela; dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt tal-ikel fuq it-tibdil fil-klima.

4.5.4L-iskema tal-iskejjel (iffinanzjata mill-baġit tal-PAK b’baġit annwali ta’ EUR 250 miljun) għandha titkompla u tittejjeb sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha 38 .

4.6L-involviment taż-żgħażagħ fil-PAK

4.6.1Bħala approċċ ġenerali, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu promossi l-perkorsi interattivi għat-tiġdid ġenerazzjonali, u li huwa meħtieġ mudell ta’ governanza b’diversi partijiet ikkonċernati u iktar inklużiv. Dawn il-perkorsi jridu jinvolvu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, lis-soċjetà ċivili organizzata u lil dawk li jfasslu l-politika, u jridu jirrikonoxxu l-modi ġodda li bihom iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom permezz tat-teknoloġija u l-media soċjali 39 . L-involviment attiv taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika jista’ jiżgura li l-politiki futuri jikkunsidraw l-aspirazzjonijiet u t-tħassib tal-ġenerazzjonijiet iktar żagħżugħa li se jirtu u jsawru l-futur tal-agrikoltura. L-appoġġ għall-involviment taż-żgħażagħ jinkludi l-għoti ta’ finanzjament essenzjali biex jissaħħu l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħażagħ, il-bdiewa żgħażagħ individwali u l-edukazzjoni agrikola.

4.6.2Il-KESE jisħaq ukoll dwar l-importanza li jiġu adottati approċċi olistiċi u transsettorjali li jinkludu l-verifika rurali u t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE biex tiġi żgurata implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dejjiema u li tħalli impatt 40 . It-Test taż-Żgħażagħ ġie applikat kif dovut f’din l-Opinjoni; dan tħejja b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ diversi organizzazzjonijiet rappreżentattivi taż-żgħażagħ 41 .

4.6.3Il-KESE jirrakkomanda li ż-żgħażagħ ikunu involuti matul l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-PAK.

Brussell, 19 ta’ Diċembru 2023

Peter SCHMIDT

Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

_____________

(1)      Opinjoni li qed titħejja tal-KESE dwar L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa
(2)       https://commission.europa.eu/system/files/2019-01/fin_report_08_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(3)     Il-kontribut tal-KESE | Lejn il-COP28: L-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika dwar l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel [mhux disponibbli bil-Malti].
(4)    L-azjenda agrikola tal-familja hija azjenda agrikola li hija ġestita u operata minn unità domestika u fejn ix-xogħol tal-biedja huwa fil-biċċa l-kbira fornut minn dik l-unità domestika (FAO).
(5)     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Farms_and_farmland_in_the_European_Union_-_statistics#Farms_in_2020
(6)     Opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-settur agrikolu u ż-żoni rurali
(7)     Daqqa t’għajn lejn il-PAK [mhux disponibbli bil-Malti].
(8)     Medium-term (europa.eu) ; agricultural-outlook-2022-report_en_0.pdf [mhux disponibbli bil-Malti].
(9)       https://agriculture.ec.europa.eu/international/agricultural-trade/trade-and-international-policy-analysis_en  
(10)     Daqqa t’għajn lejn il-PAK [mhux disponibbli bil-Malti].
(11)     cap-expenditure-graph1_en.pdf
(12)       https://www.europarl.europa.eu/factsheets/mt/sheet/106/financing-of-the-cap
(13)    Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”, ĠU C 129, 11.4.2018, p.18
(14)     Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni NAT 2023-2025
(15)     ĠU C 353, 18.10.2019, p. 65
(16)     ĠU C 105, 4.3.2022, p. 56
(17)       United Nations Declaration on the Rights of Peasants and Other People Working in Rural Areas (Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f’Żoni Rurali [mhux disponibbli bil-Malti]).
(18)     https://agriculture.ec.europa.eu/system/files/2023-03/direct-aid-report-2021_en.pdf
(19)     Eurostat regional yearbook – 2023 edition (Annwarju reġjonali tal-Eurostat – edizzjoni tal-2023) (mhux disponibbli bil-Malti).
(20)     ĠU C 106, 31.03.2020, p. 1
(21)     ĠU C 100, 16.3.2023, p. 51
(22)     Il-kontribut tal-KESE | Towards COP 28 Implementation of climate action on agriculture and food security (Lejn il-COP28: L-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika dwar l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel [mhux disponibbli bil-Malti]).
(23)     ĠU C 349, 29.9.2023, p. 80
(24)

    ĠU C 75, 28.2.2023, p. 88

(25)

    ĠU C 517, 22.12.2021, p. 114

(26)     Evalwazzjoni tal-KESE dwar l-impatt tal-PAK fuq l-iżvilupp territorjali taż-żoni rurali (Rapport ta’ informazzjoni)
(27)     ĠU C 517, 22.12.2021, p. 114
(28)     ĠU C 184, 25.052023, p.83
(29)     ĠU C 105 (04.03.2022) p.49   Opinjoni li qed titħejja tal-KESE dwar L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-settur agrikolu u ż-żoni rurali ; Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u tal-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew
(30)     Opinjoni li qed titħejja tal-KESE dwar Ir-rwol taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali
(31)     ĠU C 349, 29.9.2023, p. 41
(32)     ĠU C 105, 4.3.2022, p. 56
(33) Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u l-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew
(34)     ĠU C 75, 28.2.2023, p. 88
(35)     The Guardian
(36)     ĠU C 75, 28.2.2023, p. 88
(37)     ĠU C 293, 18.8.2023, p. 1
(38)     Rapport tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel
(39)     https://www.eesc.europa.eu/en/initiatives/youth-engagement-eesc  
(40)     Opinjoni li qed titħejja tal-KESE dwar Ir-rwol taż-żgħażagħ fl-iżvilupp rurali
(41)    Inklużi CEJA, ECVC Youth, Rural Youth Europe, u GCE Food Team.