OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Sajd – NAFO

_____________

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

[COM(2023) 108 final – 2023/0056 (COD)]

Dossier NAT/901

Relatur Ġenerali: Stefano PALMIERI

MT

Konsultazzjoni

Kunsill, 10/03/2023

Parlament Ewropew, 13/03/2023

Bażi legali

Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fil-plenarja

15/06/2023

Sessjoni plenarja Nru

579

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

151/0/1

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jtenni mill-ġdid il-fehma tiegħu dwar il-Proposta għal Regolament li qed tiġi kkunsidrata, kif iddikjarat fl-Opinjonijiet 2018/05155 1 , 2020/02842 2 , u 2022/01131 3 tiegħu, u li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kienu dawn li ġejjin.

1.2Il-Kumitat iqis li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati mill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) għandhom jiġu trasposti fid-dritt tal-UE, bil-għan li jiġu implimentati b’mod uniformi u effettiv fi ħdan l-UE.

1.3Madankollu, il-KESE jqis li l-Proposta mressqa ma tistabbilixxix mekkaniżmu effiċjenti għat-traspożizzjoni tal-miżuri adottati min-NAFO u ma tindirizzax il-ħtieġa li dawn jiġu aġġornati kull sena.

1.4Il-Kumitat huwa favur mekkaniżmu aktar effiċjenti u sempliċi, u għaldaqstant jipproponi li jiġi abbozzat regolament b’artikolu wieħed biss li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-flotta tagħha, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha assolutament tapplika r-regoli adottati min-NAFO.

1.5Il-KESE jenfasizza r-riskju li ġġib magħha l-introduzzjoni ta’ sistema tal-atti delegati li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tilleġiżla mingħajr ma tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

2.Sinteżi tal-proposta leġiżlattiva

2.1L-għan ewlieni tal-Proposta huwa t-traspożizzjoni fid-dritt tal-UE tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati min-NAFO fil-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2022.

2.2Hija tinkludi emendi li jikkonċernaw dmirijiet ġodda tal-Istati Membri tal-bandiera relatati mas-sottomissjoni ta’ pjani ta’ riċerka, u rekwiżiti ta’ bastimenti għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ riċerka; regolamentazzjoni ta’ tkarkir bi prova mal-ewwel dħul f’Diviżjoni għal vjaġġ tas-sajd; aġġustamenti għall-għeluq tar-redfish fid-Diviżjoni 3M; il-projbizzjoni tal-ħatt l-art, tat-trażbord u taż-żamma abbord tal-kelb il-baħar ta’ Greenland; u l-kontroelenkar tal-bastimenti tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) minn organizzazzjonijiet reġjonali oħra għall-ġestjoni tas-sajd.

2.3Il-Proposta tiddelega wkoll lill-Kummissjoni s-setgħat li temenda r-Regolament (UE) 2019/833 dwar id-dmirijiet tal-Istati Membri relatati mas-sottomissjoni tal-pjani ta’ riċerka u r-rekwiżiti tal-bastimenti biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka, jekk in-NAFO temenda tali miżuri fil-futur.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jqis li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati fl-aħħar laqgħa annwali tan-NAFO għandhom jiġu trasposti fid-dritt tal-UE sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati b’mod uniformi fl-UE.

3.2Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-proċedura ta’ traspożizzjoni għadha mhux ibbażata fuq mekkaniżmu effiċjenti, peress li dawn il-miżuri jinbidlu kull sena u l-proċeduri burokratiċi tal-UE jimxu bil-mod ħafna, u dan iwassal għal distakk kontinwu bejn ir-regoli adottati min-NAFO u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.3Il-KESE jtenni l-ħtieġa li tiġi adottata proċedura aktar effiċjenti, bħal dik proposta minnu stess fl-2019, l-2020 u l-2022, li kienet appoġġjata wkoll mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u s-setturi kkonċernati. Din il-proċedura tikkonsisti f’regolament sempliċi b’artikolu wieħed, li jinkludi l-impenn tal-Unjoni Ewropea li, fir-rigward tal-flotta tagħha, tapplika b’mod assolut ir-regoli adottati min-NAFO kull sena. Dan ir-regolament sempliċi se jkun soġġett għall-introduzzjoni ta’ klawżola li tistipula li, f’każ li kwalunkwe miżura adottata min-NAFO tkun inkompatibbli mad-dritt tal-UE, din ma tapplikax sakemm il-koleġiżlaturi jaqblu dwarha.

3.4Il-Kumitat jerġa’ jwissi li jekk inkomplu għaddejjin b’dan ir-Regolament, jistgħu jinħolqu regoli konfliġġenti, jew tal-inqas perjodi ta’ inċertezza legali għall-amministrazzjonijiet u n-negozji stess, li ma jkunux jafu jekk għandhomx jikkonformaw mar-regoli preċedenti, li jkunu għadhom fis-seħħ fl-UE, jew mar-regoli l-ġodda. Dan joħloq ukoll distorsjonijiet fl-applikazzjoni tal-miżuri fir-rigward ta’ flotot mhux tal-UE.

3.5Il-KESE jemmen li l-unika ħaġa li ser tiffaċilita l-introduzzjoni tas-sistema tal-atti delegati hija li l-Kummissjoni tistabbilixxi regoli mingħajr il-ħtieġa li tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-bastimenti tar-riċerka jaqdu fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tal-baħar, b’mod partikolari fir-rigward tas-sajd. Il-karatterizzazzjoni preċiża tal-komunitajiet ekoloġiċi fir-rigward tal-bijodiversità u l-istruttura tax-xibka alimentari tagħhom hija essenzjali għall-konservazzjoni. Ir-rikkezza lokali tista’ turi bidliet statistikament sinifikanti u dipendenti mill-istaġun fil-qbid tal-ħut li mhux neċessarjament jirriflettu l-bidliet osservati fil-bijodiversità u l-karatteristiċi funzjonali tal-għalf 4 .

4.2Reċentement, il-komunità xjentifika introduċiet approċċ innovattiv għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istatus tal-ekosistema tal-baħar, inkluż permezz tal-analiżi u l-immudellar tad-DNA ambjentali (eDNA). Dan l-approċċ jintroduċi tekniki u kunċetti li jistgħu jappoġġjaw il-governanza u l-ġestjoni effettivi tas-sajd 5 . Il-KESE jirrikonoxxi li l-eDNA hija data komplementari li tipprovdi informazzjoni utli dwar l-istatus tax-xibka trofika u l-ekosistema tal-baħar. Peress li xi bastimenti tar-riċerka jiġbru l-eDNA matul il-kampanji ta’ osservazzjoni tagħhom, il-KESE jitlob li l-ġbir u l-ħżin tal-eDNA jitqiesu bħala data siewja li għandha tiġi integrata fil-qbid tal-ħut.

4.3Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jikkonformaw mal-pilastri tal-Protokoll ta’ Nagoya, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2014 u joriġina mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Skont dan il-Protokoll, l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp iridu jitwettqu f’konformità ma’ kwalunkwe regolament applikabbli dwar l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji (ABS) u jridu jkunu traċċabbli. Fejn applikabbli, il-proċeduri kollha meħtieġa tal-ABS iridu jkunu twettqu mal-awtoritajiet kompetenti qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe programm ta’ riċerka li jeħtieġ l-użu u t-trasferiment ta’ riżorsi ġenetiċi, irrispettivament mill-pajjiż fornitur. Il-maġġoranza tal-pajjiżi ffirmaw il-Protokoll ta’ Nagoya, u wħud għadhom iridu jirratifikawh 6 .

4.4Il-Proposta tintroduċi obbligi għall-operaturi tal-bastimenti tar-riċerka biex jipprovdu ċerta data mitluba, li jistgħu ma jkunux adatti f’każijiet meta fatturi esterni (eż. kundizzjonijiet tat-temp, informazzjoni speċifika mis-satelliti dwar id-distribuzzjoni tan-nutrijenti) jimponu bidliet rapidi fil-kampanji ta’ osservazzjoni. Xi talbiet, eż. il-ħtieġa li jkun hemm osservatur b’biżżejjed għarfien espert abbord u l-obbligu li l-bastimenti jibdlu l-pożizzjoni f’każ ta’ qbid aċċessorju, jistgħu wkoll jagħmlu l-proċess inqas effettiv fl-appoġġ għall-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u produttivi, speċjalment jekk l-informazzjoni miġbura ma tiġix ikkomunikata lill-komunità usa’.

4.5Minħabba d-diffikultà fl-adattament tal-proċess operattiv għar-rekwiżiti leġiżlattivi, u viċi versa, il-KESE jilqa’ approċċ aktar prammatiku bbażat fuq iċ-ċirkolazzjoni trasparenti tal-informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi li tiġi introdotta pubblikazzjoni ex post tal-curricula vitae tal-esperti identifikati bħala osservaturi kompetenti, u rapport qasir li jiddeskrivi r-raġunament u d-dettalji għall-bidla tal-pożizzjoni fil-każ ta’ qabdiet aċċessorji. Il-fatt li din l-informazzjoni issir disponibbli għall-pubbliku jista’ jippromovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u jtejjeb ir-reputazzjoni tal-partijiet ikkonċernati involuti.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2023

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(1)     ĠU C 159, 10.5.2019, p. 60
(2)     ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279
(3)     ĠU C 290, 29.7.2022, p. 149
(4)     Blackman et al., Communications Biology (2022) 5:259 , mhux disponibbli bil-Malti.
(5)     Gilbey et al., Marine Policy (2022), 124, 104331 , mhux disponibbli bil-Malti.
(6)     https://www.cbd.int/abs/nagoya-protocol/signatories/ .