INT/1028
Strateġija għall-kompetittività fit-tul
OPINJONI
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
a)Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
It-30 Sena mis-Suq Uniku
[COM(2023) 162 final]
b)Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030
[COM(2023) 168 final]
Relatur: Emilie PROUZET
Korelatur: Stefano PALMIERI
|
Konsultazzjonijiet
|
Kummissjoni Ewropea, 2/5/2023
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
29/1/2024
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
73/0/0
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
DD/MM/YYYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
...
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
.../.../...
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE, ippubblikata fis-16 ta’ Marzu 2023. Fiha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kompetittività tal-UE bħalissa għadha lura, speċjalment fir-rigward tal-produttività u ċerti teknoloġiji trażversali. Fir-rigward tal-indirizzar tal-isfidi futuri lil hinn mill-2030, il-KESE jemmen li l-kompetittività hija ddeterminata minn pluralità ta’ atturi u fatturi li jsawru ekosistemi kumplessi u għandha titqies f’viżjoni integrata. Dawn il-fatturi li jaffettwaw il-kompetittività u l-produttività tal-ekosistema għandhom il-karatteristiċi tagħhom stess u jinkludu sistemi territorjali, in-negozji fil-ħafna forom differenti tagħhom, il-ħaddiema, l-imsieħba soċjali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.
1.2L-UE trid tadotta aġenda tal-kompetittività li, f’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u tal-ekonomija soċjali tas-suq, tħares ’il quddiem, tkun definita tajjeb u kkoordinata, u tippromovi l-prosperità tan-negozji, ix-xogħol ta’ kwalità, it-titjib tal-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini tal-UE, u l-inklużività, u fl-istess ħin ittejjeb il-kapaċità tas-sistema tal-UE sabiex tkun innovattiva, tinvesti u tinnegozja u tikkompeti fis-suq globali għall-ġid komuni u tixpruna t-tranżizzjoni tagħna lejn in-newtralità klimatika.
1.3Il-KESE jirrikonoxxi li s-suq uniku jeħtieġ li jkompli jaqdi r-rwol u jiffunzjona tajjeb kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll f’perjodi ta’ kriżi. Sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku jiffunzjona kif suppost, l-ostakli tas-suq iridu jiġu identifikati u eliminati b’mod sistematiku, u jiġi evitat li jinħolqu ostakli ġodda. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri b’mod partikolari biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod adegwat. Dan kollu jrid ikun akkumpanjat minn għodod adegwati ta’ kontroll u protezzjoni fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol, kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha, id-drittijiet taċ-ċittadini, u l-protezzjoni tal-konsumatur. Barra minn hekk, il-KESE jsostni li l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE trid tiġi żviluppata bħala karatteristika ewlenija tal-proġett Ewropew, li l-uniċità u l-punti b’saħħithom tiegħu jibnu fuq il-kombinazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika u soċjali, biex tiggarantixxi “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent”, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
1.4Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ qafas baġitarju tal-UE favur l-investiment u t-tkabbir li jiggarantixxi s-sostenibbiltà ekonomika u jippermetti kemm lis-settur privat kif ukoll lil dak pubbliku biex jinvolvu ruħhom fl-ippjanar fit-tul u jsegwu politiki aħjar, f’konformità wkoll mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
1.5Il-KESE jemmen li biex tingħata ħajja ġdida lill-kompetittività tal-UE, jeħtieġ li tiġi attivata strateġija industrijali Ewropea integrata li, permezz tal-promozzjoni ta’ sistema industrijali Ewropea integrata, għandha bħala l-atturi ewlenin tagħha: il-kumpanija u l-ħaddiema tagħha.
1.6Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li livell għoli ta’ servizzi pubbliċi u infrastruttura fiż-żoni u r-reġjuni Ewropej kollha, speċjalment dawk li għadhom lura b’paragun mal-medja, huwa meħtieġ ukoll għall-funzjonament tas-suq uniku. Għall-KESE, il-provvista adegwata ta’ infrastruttura fiżika u soċjali hija ta’ valur strateġiku biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekosistema tal-UE. Din l-azzjoni strateġika teħtieġ: i) politika ta’ koeżjoni li tixpruna l-konverġenza ekonomika u r-reżiljenza; ii) investimenti f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba u f’networks tat-trasport, tal-enerġija u tad-data li jibqgħu validi fil-futur, b’enfasi partikolari fuq il-forniment ta’ infrastruttura kritika, u proġetti tranfruntiera u multinazzjonali; u iii) investimenti fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għal forza tax-xogħol b’ħiliet li tkun imħejjija għall-isfidi ta’ għada, u f’sistema tas-saħħa ta’ kwalità tajba, kura fit-tul u kura soċjali, u f’akkomodazzjoni affordabbli.
1.7Il-KESE japprezza l-isforzi li saru mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’ 17-il indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs) għad-disa’ dimensjonijiet tal-kompetittività. Madankollu, il-KESE jemmen li: i) għal ċerti dimensjonijiet tal-kompetittività tħallew barra xi indikaturi ewlenin; u ii) id-dimensjoni Ewropea tal-KPIs taħbi d-divrenzjar territorjali eżistenti.
2.Sfond
2.1L-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-influwenza tagħha fid-dinja, iżda qed titlef il-kompetittività meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. Is-sehem tal-UE fl-ekonomija dinjija huwa mbassar li jonqos b’mod kostanti minn kważi 15 % għal 9 % biss sal-2050
. Għalhekk, huwa imperattiv li jittejbu l-produttività u l-kompetittività tal-UE. Għal dan il-għan, l-UE trid tadotta aġenda tal-kompetittività, li, f’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u tal-ekonomija soċjali tas-suq, tħares ’il quddiem, tkun definita tajjeb u kkoordinata, u tippromovi l-prosperità tan-negozji u tal-ħaddiema, ittejjeb il-kapaċità tagħhom li jinnovaw, jinvestu u jinnegozjaw u jikkompetu fis-suq globali għall-ġid komuni u tixpruna t-tranżizzjoni tagħna lejn in-newtralità klimatika. Dan huwa essenzjali mhux biss biex jiġu żgurati l-prosperità, l-innovazzjoni, l-investiment, il-kummerċ u t-tkabbir futuri, iżda wkoll biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u jogħlew l-istandards tal-għajxien.
2.2Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE, ippubblikata fis-16 ta’ Marzu 2023. Fiha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kompetittività tal-UE bħalissa għadha lura, speċjalment fir-rigward tal-produttività u ċerti teknoloġiji trażversali. L-għan tal-komunikazzjoni tagħha huwa għalhekk dak li tippreżenta objettivi ta’ kompetittività li kapaċi jilħqu l-objettivi strateġiċi fit-tul tal-UE, u li tindirizza l-isfidi futuri lil hinn mill-2030. Minn din il-perspettiva, il-KESE jemmen li sabiex jitnaqqas id-distakk fit-tkabbir u fl-innovazzjoni, jeħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir sostenibbli, u fl-istess ħin jitqies li, fil-kuntest globali attwali, il-kompetittività hija ddeterminata minn pluralità ta’ atturi u fatturi li jsawru ekosistemi kumplessi u li għandhom jitqiesu f’viżjoni integrata. Dawn il-fatturi li jaffettwaw il-kompetittività u l-produttività tal-ekosistema għandhom il-karatteristiċi tagħhom stess u jinkludu sistemi territorjali, in-negozji fil-ħafna forom differenti tagħhom, il-ħaddiema, l-imsieħba soċjali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-suq uniku huwa “wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE” u l-pedament għall-paċi, il-prosperità u l-influwenza ġeopolitika fid-dinja.
3.2Madankollu, il-KESE jirrimarka li, tliet deċennji wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, is-suq uniku għadu frammentat u l-integrazzjoni tiegħu qed tistaġna. Skont il-Kummissjoni, il-kummerċ fl-UE ta’ oġġetti żdied bi 3,5 % biss mill-2006 meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-UE; il-kummerċ fl-UE ta’ servizzi jammonta biss għal 6 % tal-PDG tal-UE
. Il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni, tal-kapital u tad-data għadu mhuwiex ir-realtà f’ħafna oqsma. In-negozji, speċjalment in-negozji ġodda u l-SMEs, isibuha diffiċli jew impossibbli biex jespandu u jikbru bejn il-fruntieri minħabba għadd kbir ta’ ostakli. B’riżultat ta’ dan, l-UE qed titlef potenzjal ekonomiku enormi sa EUR 713 biljun sa tmiem l-2029 għall-prodotti u s-servizzi biss
. Ix-xokkijiet reċenti, madankollu, inklużi l-pandemija u l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, ma wrewx biss kemm is-suq uniku jista’ jkun vulnerabbli għall-kriżijiet, iżda wkoll sa liema punt l-ekonomija tal-UE tiddependi fuq suq uniku li jiffunzjona bis-sħiħ. Barra minn hekk, suq uniku b’saħħtu jista’ jsaħħaħ ir-reżiljenza u r-rispons tal-UE għal kriżijiet futuri.
3.3Fl-istess ħin, in-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, qed iħabbtu wiċċhom ma’ ammont kbir u dejjem akbar ta’ spejjeż u piżijiet regolatorji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Huma meħtieġa miżuri urġenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, biex jiġi ġestit aħjar il-fluss tal-kostijiet u l-piżijiet regolatorji, tiġi eliminata l-burokrazija żejda u jiġu appoġġjati b’mod attiv il-kumpaniji fit-trasformazzjoni u l-konformità mal-impatti kumulattivi tad-diversi regolamenti ġodda. It-tranżizzjoni tiddependi minn ħafna fatturi u hawnhekk in-negozji jaqdu rwol importanti.
3.4Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex tavvanza l-integrazzjoni tas-suq uniku, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi. Il-KESE jilqa’ wkoll l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill li jappellaw għal “approfondiment tas-Suq Uniku, il-preservazzjoni tal-integrità tiegħu, l-erba’ libertajiet tiegħu u l-ftuħ tiegħu, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u l-ħolqien ta’ qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir u li jnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li jsaħħaħ il-politika industrijali u jnaqqas id-dipendenzi strateġiċi, b’mod partikolari fl-oqsma l-aktar sensittivi”
. Madankollu, il-KESE jirrimarka li, fil-prattika, l-Istati Membri ħafna drabi ma jkollhomx ir-rieda politika biex jimplimentaw dan l-impenn. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma għandhiex viżjoni politika olistika li tkopri d-diversi direttorati ġenerali biex japprofondixxu s-suq uniku fl-oqsma kollha. Għalhekk, il-KESE jappella bil-qawwa li t-tlestija tas-suq uniku terġa’ ssir proġett ċentrali għall-futur tal-UE u tingħata l-ogħla prijorità politika fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE.
3.5Dwar il-kontroll tal-kompetittività, il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni tiegħu biex jappoġġja l-ħolqien tal-intrapriżi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet reċenti tiegħu
. Jappella sabiex il-kontroll jiġi applikat b’mod sħiħ u malajr. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkomunika b’mod ċar u malajr fuq kif il-kontroll se jiġi applikat fil-prattika. Fit-tiswir tal-inizjattivi l-ġodda kollha, il-kompetittività għandha tingħata l-attenzjoni u l-piż kif dovut.
3.6It-tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali u t-tisħiħ tan-negozjar kollettiv huma elementi importanti għat-titjib tal-kompetittività.
3.7Abbażi tal-iżjed data aġġornata, hemm 2 950 raggruppament industrijali reġjonali fl-UE li jammontaw għal madwar kwart tal-impjieg Ewropew (61,8 miljun impjieg, 23,4 % tat-total tal-impjieg Ewropew). Peress li dawn huma attur ewlieni fl-ekonomija reali, jeħtieġ li jkun hemm enfasi speċifika fuq dawn ir-raggruppamenti u l-ħaddiema tagħhom fi kwalunkwe strateġija fit-tul għall-UE.
4.Suq uniku u qafas regolatorju effiċjenti
4.1Bħall-Kummissjoni, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tas-suq uniku bħala l-pilastru ewlieni tal-ambjent tan-negozju tal-Unjoni, u jaqbel li l-funzjonament tiegħu għandu jiġi żgurat kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll f’perjodi ta’ kriżi. Sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku jiffunzjona kif suppost, l-ostakli tas-suq iridu jiġu identifikati u eliminati b’mod sistematiku, u jiġi evitat li jinħolqu ostakli ġodda. Dan kollu jrid ikun akkumpanjat minn għodod adegwati ta’ kontroll u protezzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-impjiegi, kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha – inkluż l-evitar ta’ regolamentazzjoni żejda mhux ġustifikata – id-drittijiet taċ-ċittadini, u l-protezzjoni tal-konsumatur.
4.2Il-KESE jirreferi għall-pakkett ta’ governanza tas-suq uniku tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2020, li stabbilixxa b’mod ċar il-miżuri kollha meħtieġa li għandhom jittieħdu biex l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE jittejbu u jitneħħew l-ostakli eżistenti fis-suq uniku. Il-KESE jinsab imħasseb li mhux qed isir biżżejjed progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aġġornament dwar il-progress li sar s’issa, il-ħidma li għaddejja u l-passi li jmiss.
4.3Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu
. Huwa jtenni li l-Unjoni għandha taġixxi biss fejn dawn il-prinċipji huma rispettati bis-sħiħ u fejn azzjoni komuni żżid valur għal kulħadd.
4.4Il-KESE jirrimarka li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri kollha. Jistieden b’mod speċifiku lill-Istati Membri biex b’mod aktar ambizzjuż jagħmlu s-swieq nazzjonali tagħhom Ewropizzati skont ir-rakkomandazzjonijiet fis-Semestru Ewropew u t-tabella ta’ valutazzjoni tas-suq uniku, u biex iwettqu l-ħafna impenji li ħadu fil-livell politiku.
4.5Meta l-Istati Membri jonqsu milli jittrasponu u jimplimentaw b’mod korrett u sħiħ il-liġi tal-UE fiż-żmien meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni deċiżiva. Madankollu, il-KESE jinnota bi tħassib li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni kontra l-ksur tas-suq intern mill-Istati Membri ilhom jonqsu b’mod sinifikanti matul l-aħħar tliet amministrazzjonijiet tal-Kummissjoni. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni taqdi r-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati u tiżgura armonizzazzjoni adegwata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkollha biżżejjed kapaċitajiet u riżorsi disponibbli.
4.6Il-KESE jqis li mill-isfidi l-ġodda kollha li qed jiltaqa’ miegħu s-suq uniku, il-prijorità għandha tingħata lill-promozzjoni tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Huwa jenfasizza li, fil-qalba tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE hemm suq uniku bi prestazzjoni tajba u kompetittiv u bażi industrijali b’saħħitha, li tibni, b’mod partikolari, fuq il-kombinazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika u soċjali, biex tiggarantixxi “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent”, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
4.7Fir-rigward tat-tnaqqis tal-obbligi ta’ rappurtar b’25 %, il-KESE jilqa’ l-mira stabbilita u jappella sabiex titwettaq b’mod sħiħ u fil-ħin. Madankollu, huwa jirrimarka li l-obbligi ta’ rappurtar jikkostitwixxu biss parti żgħira ħafna mill-ispejjeż u l-piżijiet għan-negozji. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tmur lil hinn mill-obbligi ta’ rappurtar biss u biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi f’sens aktar komplet. Bl-istess mod, il-kostijiet tal-konformità u tal-aġġustament, li jippreżentaw l-akbar kostijiet għall-kumpaniji, jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod adegwat.
5.Aċċess għal kapital u investiment privat
5.1Il-KESE jappella bil-qawwa għall-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-istabbiliment ta’ qafas tat-taxxa koerenti tal-UE. L-arbitraġġ regolatorju u l-lakuni regolatorji għandhom jiġu evitati biex jiġu żgurati l-istabbiltà u ċ-ċertezza legali. Għodod oħra identifikati mill-Kummissjoni bħala li għandhom effetti ta’ ingranaġġ huma finanzi sostenibbli u fondi pubbliċi inizjali.
5.2Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ qafas baġitarju tal-UE favur l-investiment u t-tkabbir li jiggarantixxi s-sostenibbiltà ekonomika u li jippermetti kemm lis-settur privat kif ukoll lil dak pubbliku jinvolvu ruħhom fl-ippjanar fit-tul u jsegwu politiki aħjar, f’konformità mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Għandha tingħata attenzjoni lid-dixxiplina baġitarja fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Taxxi ogħla u nfiq pubbliku ineffiċjenti u djun għall-ġenerazzjonijiet futuri għandhom jiġu evitati. Sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, jeħtieġ li l-UE tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u d-dumping fiskali, u s-sistema tat-taxxa trid twassal għall-investiment u l-intraprenditorija, tinkoraġġixxi l-attività ekonomika u x-xogħol u tiggarantixxi l-progressività tagħha.
5.3Barra minn hekk, peress li l-aċċess għall-finanzjament bi spiża raġonevoli huwa vitali għan-negozji, u minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata dipendenza kritika fuq deċiżjonijiet esterni, l-Unjoni għandha tippromovi swieq kapitali effiċjenti u stabbli u settur bankarju b’saħħtu u indipendenti fl-Unjoni. L-Unjoni għandha tevita wkoll miżuri regolatorji mhux meħtieġa li jistgħu jikkompromettu, direttament jew indirettament, l-aċċess għall-finanzi, b’mod partikolari għall-SMEs. Dan jenħtieġ li jitqies b’mod adegwat fir-regolamentazzjoni tal-banek. L-istess prinċipju japplika għall-iżvilupp ta’ kriterji ta’ finanzjament sostenibbli. Barra minn hekk, l-aċċess għal mezzi u forom differenti ta’ finanzjament irid jiġi ffaċilitat sabiex il-fondi jaslu għand in-negozji malajr.
6.L-investiment pubbliku u l-infrastruttura
6.1Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li livell għoli ta’ servizzi pubbliċi u infrastruttura fiż-żoni u r-reġjuni Ewropej kollha, speċjalment dawk li għadhom lura mill-medja, huwa meħtieġ ukoll għall-funzjonament tas-suq uniku. Għall-KESE, provvista adegwata ta’ infrastruttura fiżika u soċjali hija ta’ valur strateġiku biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekosistema tal-UE. Fil-fehma tal-KESE, it-titjib tal-konnettività fi ħdan is-suq uniku għall-Istati Membri kollha, inkluż billi jiġu żviluppati u aġġornati l-infrastruttura u l-interkonnessjonijiet għat-trasport u l-enerġija, inklużi l-grilji, huwa essenzjali.
6.2Għal din ir-raġuni, ir-rwol tal-investiment pubbliku jieħu importanza strateġika f’termini ta’ investiment fl-infrastruttura fiżika u soċjali fl-Ewropa
. Din l-azzjoni strateġika teħtieġ:
-politika ta’ koeżjoni li tixpruna l-konverġenza ekonomika u r-reżiljenza u l-investiment fl-infrastruttura dekarbonizzata, li se tiggarantixxi li t-tkabbir sostenibbli u inklużiv huma l-għodod ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-kompetittività Ewropea fit-tul;
-investimenti f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità u f’networks tat-trasport, tal-enerġija u tad-data li jibqgħu validi fil-futur, b’enfasi partikolari fuq il-provvista ta’ infrastruttura kritika, u proġetti transfruntieri u multinazzjonali, li huma kruċjali għat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza, u li jridu jissodisfaw l-objettivi soċjali u ambjentali tal-Ewropa;
-investimenti fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja; fis-saħħa, kura fit-tul u kura soċjali, u f’akkomodazzjoni affordabbli; investimenti f’sistemi tas-saħħa ta’ kwalità u f’forzi tax-xogħol b’ħiliet mħejjija għall-isfidi ta’ għada.
-L-infrastruttura soċjali Ewropea għandha tkun appoġġjata minn miżuri ta’ investiment u miżuri ta’ politika fiskali adegwati.
7.Riċerka u innovazzjoni
7.1Il-KESE jqis li l-innovazzjoni hija ċ-ċavetta biex tiżdied il-produttività, u l-innovazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp, l-adattabbiltà mtejba u t-tiġdid tan-negozji. Kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat fir-riċerka u l-innovazzjoni huma meħtieġa għas-suċċess futur tal-Unjoni.
7.2Il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tal-innovazzjoni għandha tiġi ffaċilitata, peress li din hija mezz prattiku sinifikanti biex titħeġġeġ l-innovazzjoni produttiva. Għall-KESE, huwa ċar li l-eċċellenza fit-teknoloġiji ewlenin teħtieġ żieda sinifikanti kemm fl-investiment pubbliku kif ukoll dak privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi RŻI ta’ klassi dinjija, l-attrazzjoni tat-talent, u l-ħolqien ta’ ekosistemi bbażati fuq il-kooperazzjoni bejn in-negozji, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka
.
7.3Skont il-Kummissjoni, l-inċentivi bbażati fuq it-taxxa, is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-miżuri ta’ appoġġ għar-RŻI u l-fondi ta’ koeżjoni huma l-għodod meħtieġa biex jaċċelleraw l-innovazzjoni u jinnewtralizzaw l-iżbilanċi reġjonali fl-infiq fir-riċerka u tal-iżvilupp fl-UE.
8.Enerġija u materja prima
8.1L-aċċess għar-riżorsi bażiċi tal-produzzjoni – l-enerġija, il-materja prima, il-kapital u d-data – f’kundizzjonijiet kompetittivi huwa kruċjali biex il-produzzjoni industrijali u l-attivitajiet relatati jinżammu kompetittivi, u fl-aħħar mill-aħħar biex dawn jinżammu fl-UE. Minħabba prezzijiet għoljin tal-enerġija b’impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-industriji Ewropej li jużaw ħafna enerġija, flimkien ma’ rekwiżiti akbar dwar is-sostenibbiltà ambjentali, inkluża l-ħtieġa għall-elettrifikazzjoni, jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ il-miżuri li fl-istess ħin iqisu l-objettivi bażiċi kollha tal-politika tal-enerġija: is-sigurtà tal-provvista, il-prezzijiet affordabbli u n-newtralità klimatika.
8.2L-istess japplika għall-materja prima. L-investimenti industrijali, l-estrazzjoni minerarja, l-infrastruttura, il-kostruzzjoni u l-provvista tal-elettriku huma kollha konnessi, u kull stadju individwali fil-katina tal-valur huwa rilevanti għall-prodott finali. Il-materja prima kollha hija importanti. Pereżempju, is-siment, il-materjal tal-blat u l-materjali tal-kostruzzjoni huma meħtieġa għall-estrazzjoni minerarja, għat-turbini eoliċi u għall-faċilitajiet industrijali ħielsa mill-fjuwils fossili. B’mod speċifiku, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti se tkun intensiva fil-materja prima. Hekk kif il-mixja lejn teknoloġiji aktar nodfa tavvanza, is-settur tal-materja prima se jkun kruċjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Iż-żidiet fil-prezzijiet u l-konġestjonijiet se jkunu inevitabbli peress li d-domanda tisboq il-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet toħloq inċertezza dwar l-investimenti kapitali kbar bil-quddiem meħtieġa għall-produzzjoni. Il-provvista, id-domanda, u l-interazzjonijiet tal-ipprezzar se jitfaċċaw f’komoditajiet differenti, li jwasslu għal ċirkwiti ta’ feedback segwiti minn taħlita ta’ bidliet teknoloġiċi, volatilità tad-domanda, u sostituzzjoni tal-materjali. Il-materja prima se tkun fiċ-ċentru tal-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni tal-ekonomija hekk kif nimxu mill-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, il-vetturi elettriċi bbażati fuq il-batteriji u ċ-ċelloli tal-fjuwil, l-idroġenu u tipi oħra ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa.
8.3Bħala l-fornitur tal-materja prima għall-ekonomija, is-settur tal-estrazzjoni minerarja se jkollu jikber b’pass bla preċedent sabiex jippermetti l-bidliet teknoloġiċi meħtieġa. Is-settur se jkun mistenni li jimxi b’pass aktar mgħaġġel, minkejja r-reputazzjoni tradizzjonali tiegħu bħala industrija kkaratterizzata minn żminijiet twal u minn intensità kapitali għolja. Barra minn hekk, jinħtieġu soluzzjonijiet fattibbli biex jgħaqqdu b’mod effiċjenti l-użu ekonomiku tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent. L-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju jeħtieġ li jitnaqqsu malajr kemm jista’ jkun, billi nitbiegħdu mill-metodi tradizzjonali ta’ kombustjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Hekk kif jitfaċċaw teknoloġiji ġodda għall-ġenerazzjoni u l-ħżin tal-enerġija, id-domanda għall-materja prima se tinbidel ukoll (jiżdied l-użu tal-metalli, u tonqos id-dipendenza tagħna mill-fjuwils fossili).
9.Ċirkolarità
9.1Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol li r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jista’ jkollhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari u jirrakkomanda “kriterji ambjentali minimi” għall-akkwist pubbliku, kif diġà previst fid-direttivi tal-UE, biex jiġu minimizzati u fl-aħjar każ biex jiġu evitati impatti ambjentali negattivi u l-ħolqien tal-iskart tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti.
9.2Barra minn hekk, bħala estensjoni tas-suq uniku, is-swieq internazzjonali u l-kummerċ estern miftuħ ibbażat fuq ir-regoli jibqgħu pedamenti ulterjuri tal-ekonomija tal-UE. Biex tgħin lin-negozji jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq globali, l-UE trid tiġġieled b’mod attiv il-protezzjoniżmu u tippromovi l-kummerċ bilaterali u kundizzjonijiet ekwi.
10.Id-diġitalizzazzjoni
10.1It-teknoloġiji diġitali u s-setturi vertikali essenzjali għalihom (IA, eċċ.), kif ukoll l-infrastruttura tagħhom, għandhom impatt profond fuq il-kompetittività. Jeħtieġ li niżviluppaw il-konnettività, l-IA, ir-riċerka u l-innovazzjoni futuri tagħna, billi nikkombinaw ammonti kbar ta’ data ma’ pproċessar veloċi u iterattiv u algoritmi intelliġenti, li jippermettu li s-software jitgħallem awtomatikament minn xejriet jew karatteristiċi fid-data. Il-Kummissjoni tfakkarna wkoll li jeħtieġ li nżommu l-isforzi tagħna f’termini ta’ ċibersigurtà u diġitalizzazzjoni. Il-KESE jemmen li l-isfidi tas-suq uniku li jirriżultaw mit-tranżizzjoni diġitali jridu jiġu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali u billi l-UE tkun minn ta’ quddiem nett fl-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni kondiviża dwar it-teknoloġiji diġitali, sabiex tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli u tiżgura li l-effiċjenza mixtieqa ma ddgħajjifx il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, jew is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-individwi, u fl-istess ħin tiżgura li l-istabbiltà politika ma ssirilhiex ħsara
.
10.2Apparti li jżomm standards għoljin, kwalunkwe regolament irid iwassal għad-diġitalizzazzjoni b’suċċess tan-negozji u għall-kompetittività tagħhom. Is-settur pubbliku jeħtieġ ukoll li jiddiġitalizza l-operazzjonijiet u s-servizzi tiegħu stess, inklużi l-proċessi amministrattivi mingħajr ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Eżempju ta’ ħtieġa urġenti fejn id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun parti mis-soluzzjoni huwa t-tħaffif tal-proċeduri tal-permessi għall-investimenti u operazzjonijiet kummerċjali oħra.
10.3Fost affarijiet oħra, il-KESE jisħaq li peress li d-data hija materja prima essenzjali għall-preżent u għall-futur, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u ċ-ċirkolazzjoni fluwida tagħha jridu jiġu ggarantiti. Dan jeħtieġ regolamentazzjoni u regoli favorevoli, kif ukoll teknoloġiji avvanzati.
10.4 Fl-istess ħin, il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li jsir investiment fiċ-ċibersigurtà biex ikomplu jiġu protetti l-prodotti u l-proċessi dejjem aktar diġitali u integrati.
10.5Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (Impriża Konġunta EuroHPC) li għandu jiżdied l-investiment fl-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin fil-computing ta’ prestazzjoni għolja fix-xjenza u l-industrija Ewropej.
11.L-edukazzjoni u l-ħiliet
11.1Il-KESE se jkompli l-ħidma tiegħu f’dan il-qasam wara s-Sena Ewropea tal-Ħiliet.
11.2Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, minħabba l-bidliet demografiċi, in-nuqqas ta’ ħaddiema qed isir dejjem aktar wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tkabbir u l-kontinwità tan-negozju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, u dan huwa dovut għal multipliċità ta’ fatturi. Kif iddikjarat fir-rapport EURES 2022 tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol: it-teknoloġiji l-ġodda, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg kollha għamlu kontributi sinifikanti għar-relazzjoni li qed tevolvi bejn id-domanda u l-provvista tax-xogħol fl-Ewropa. Inizjattiva politika ta’ suċċess f’dan il-qasam se teħtieġ approċċ olistiku li jindirizza d-dimensjonijiet differenti kollha tal-isfidi. Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-ekonomija soċjali u l-implimentazzjoni ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn il-mobilizzazzjoni ta’ persuni inattivi u qiegħda, u t-trawwim tal-opportunitajiet ipprovduti minn, pereżempju, l-impjieg u l-intraprenditorija tan-nisa, kif ukoll il-migrazzjoni legali, u inċentivi għall-għażla ta’ apprendistati, inkluż appoġġ għal apprendistati transfruntiera, b’rieżamijiet tas-sistemi ta’ apprendistat biex jiġu vverifikati l-attraenza u l-mobbiltà tagħhom.
11.3Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati għandha tissaħħaħ, fid-dawl tar-rwol tan-negozji bħala impjegaturi, imsieħba soċjali u fornituri tat-taħriġ. Il-bidliet fix-xogħol u fil-ħajja tax-xogħol jirrikjedu wkoll forza tax-xogħol reżiljenti. Il-mobbiltà transfruntiera tal-ħaddiema, tal-istudenti u tat-talent trid tiġi mħeġġa u ffaċilitata, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, pereżempju billi tgħin biex il-provvista titqabbel mad-domanda. Għalhekk, l-UE għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet it-tajba biex tattira forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u biex tiżgura r-rikonoxximent tal-kwalifiki.
12.Il-kummerċ u l-awtonomija strateġika miftuħa
12.1Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni. Biex nieħdu vantaġġ mill-kummerċ barrani, għandna bżonn: nevitaw id-dipendenza kritika minn pajjiżi li mhumiex iggvernati demokratikament u nippromovu l-kooperazzjoni u l-ftehimiet bilaterali ma’ msieħba tal-istess fehma. Il-KESE jappoġġja r-rieżami komprensiv li jistabbilixxi parametru referenzjarju ġdid għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli.
12.2Pereżempju, it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u fis-swieq internazzjonali kkawżat minn kriżijiet reċenti enfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi kritiċi tal-UE, b’mod partikolari fuq il-fjuwils fossili Russi u l-metalli Ċiniżi. Il-kapaċità u r-riżorsi industrijali tal-UE għandhom għalhekk jissaħħu, u għandhom jitfasslu ekosistemi intraprenditorjali ġodda. Is-sorsi tal-enerġija u l-ktajjen tal-provvista ta’ materja prima, prodotti intermedji u komponenti jridu wkoll ikunu diversifikati.
12.3Fil-fehma tal-KESE, ir-responsabbiltà tan-negozji li jorganizzaw mill-ġdid il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista b’reazzjoni għad-domandi tas-soċjetà għandha titfassal fi ħdan strateġija industrijali li tippromovi l-ħolqien ta’ sistema industrijali Ewropea integrata.
12.3.1Jeħtieġ li l-UE tmexxi ’l quddiem sistema industrijali Ewropea integrata li kapaċi tiżgura li l-partijiet u s-setturi ekonomiċi differenti tal-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien b’mod sinerġistiku u koordinat biex jinkisbu effiċjenza, kompetittività u valur ġenerali akbar għall-UE kollha kemm hi. Il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet differenti involuti (negozji tal-UE) jeħtieġ li jiġu massimizzati, biex tikber l-ekonomija tal-kontinent kollu.
12.4Jenħtieġ progress rapidu fir-ratifika u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ iffinalizzati u fil-konklużjoni tan-negozjati li għaddejjin. Għandu jsir użu sħiħ mill-ftehimiet ta’ kummerċ eżistenti, b’attenzjoni speċifika għall-ħtiġijiet tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.
12.5Il-KESE se jagħti attenzjoni partikolari lill-inizjattivi l-ġodda nnegozjati mal-Istati Uniti, minbarra dawk bil-għan li jsolvu l-kwistjonijiet attwali (Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti, it-tilwim dwar is-salvagwardja tal-azzar u l-aluminju, eċċ.).
13.Kummenti dwar il-fattur ewlieni u l-KPIs
13.1Dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti 17-il KPI li għandhom jiġu aġġornati kull sena qabel il-Kunsill Ewropew f’Marzu, il-KESE jemmen li dan huwa ġeneralment utli. Sabiex jinbdew id-diskussjonijiet politiċi u l-azzjonijiet ta’ segwitu meħtieġa fil-Kunsill, il-KESE jirrakkomanda li, l-ewwel nett, il-KPIs għandhom jistabbilixxu miri ċari u vinkolanti u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati, evalwati u rrapportati bir-reqqa. It-tieni, l-iżvilupp tal-miri għandu jseħħ f’koordinazzjoni ma’ indikaturi oħra inklużi t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, il-Politika dwar id-Deċennju Diġitali u s-Semestru Ewropew. It-tielet, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprovaw bis-sħiħ din is-sistema u jimpenjaw ruħhom biex jilħqu l-miri stabbiliti. Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni qawwija meta l-Istati Membri jonqsu milli jilħqu dawn il-miri.
13.2Il-KESE japprezza l-isforzi li saru mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’ 17-il indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs) għad-disa’ dimensjonijiet tal-kompetittività. Madankollu, il-KESE jemmen li, għal ċerti dimensjonijiet tal-kompetittività tħallew barra xi indikaturi ewlenin, u d-dimensjoni Ewropea tal-KPIs taħbi d-divrenzjar territorjali eżistenti. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li jiġu inklużi KPIs addizzjonali.
13.3Huwa kemxejn inkomprensibbli li indikaturi tal-livell ta’ kompetittività ta’ sistema ekonomika bħal dawk li jikkonċernaw l-impjiegi fl-industrija tat-teknoloġija għolja (i: teknoloġija avvanzata; ii: medja-avvanzata; iii: medja-baxxa; iv: baxxa) u fis-servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien (i:servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien ta’ teknoloġija avvanzata; ii: servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien tas-suq; iii: servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien finanzjarju; iv: servizzi b’intensità għolja ta’ għarfien oħrajn) huma traskurati, kif ukoll l-impjiegi fis-settur tar-riċerka u tal-iżvilupp.
13.4Il-KESE jemmen li jkun aktar adegwat li l-KPI dwar “Investiment pubbliku bħala sehem mill-PDG” b’“Investiment skont l-assi”, inklużi sitt gruppi: i) abitazzjonijiet; ii) bini u strutturi oħra (toroq, pontijiet, ajruporti, digi, eċċ.); iii) tagħmir tat-trasport (vapuri, ferroviji, inġenji tal-ajru, eċċ.); iv) riżorsi bijoloġiċi kkultivati (foresti ġestiti, bhejjem, eċċ.); v) prodotti intellettwali (riċerka u żvilupp, software u bażijiet ta’ data, eċċ.); u vi) Tagħmir tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (kompjuter, software, bażijiet tad-data, tagħmir tat-telekomunikazzjoni, hardware). Kull assi jitkejjel bħala perċentwal tal-formazzjoni grossa totali tal-kapital fiss
.
13.5Il-KESE għandu l-istess tħassib fir-rigward tal-KPI “Kummerċ mal-bqija tad-Dinja” bħala sehem mill-PDG. Ikun aħjar li tipproċedi b’FTAs konklużi ma’ reġjuni/pajjiżi msieħba: il-Mercosur, il-Messiku, l-Awstralja, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Indoneżja, eċċ., u hawnhekk għal darb’oħra għandhom jitqiesu d-differenzi reġjonali eżistenti bejn iż-żoni reġjonali tal-UE.
13.6Il-KESE għandu l-għan, waqt li jirrispetta r-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Eurostat, li jiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jgħinu biex jiġu identifikati l-oqsma tal-kompetittività u l-indikaturi relatati li huma aktar adatti biex jidentifikaw il-problema b’mod aktar preċiż.
13.7Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sistema tal-KPIs se teħtieġ tiġi mmonitorjata u evalwata bir-reqqa, billi din is-sistema tiġi integrata ma’ indikaturi oħra: it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, il-Politika dwar id-Deċennju Diġitali u s-Semestru Ewropew.
Brussell, 29 ta’ Jannar 2024
Sandra PARTHIE
Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum