OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Katina tal-provvista reżiljenti, sostenibbli u responsabbli tal-materja prima kritika

_____________

Għal katina tal-provvista tal-Unjoni Ewropea reżiljenti, sostenibbli u responsabbli tal-materja prima kritika

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

INT/1021

Relatur: Cinzia DEL RIO

MT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25/01/2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

04/09/2023

Adozzjoni fil-plenarja

20/09/2023

Sessjoni plenarja Nru

581

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

156/36/44

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-Opinjoni għandha l-għan li tidentifika bħala prijorità r-reazzjonijiet soċjali u ambjentali għall-impatt tal-użu dejjem akbar tal-materja prima kritika fil-ktajjen tal-valur f’pajjiżi terzi, peress li l-interkonnessjoni bejn il-ktajjen tal-valur globali, it-tibdil fil-klima u x-xogħol deċenti s’issa għadha ma ġietx indirizzata biżżejjed. Fil-kuntest tal-awtonomija strateġika Ewropea, setturi vitali oħra bħas-saħħa, id-difiża u l-elettronika huma partikolarment esposti għal kompetizzjoni inġusta potenzjali jew manipulazzjoni minn pajjiżi terzi.

1.2Il-kombinazzjoni tal-COVID-19 u l-impatti ġeopolitiċi wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u t-tensjonijiet imġedda bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina fir-reġjun Indo-Paċifiku wasslu għal polarizzazzjoni dejjem aktar evidenti tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fil-kuntest tal-kompetizzjoni globali bejn l-Unjoni Ewropea (UE), l-Istati Uniti u ċ-Ċina, il-prijorità tal-gvernijiet u tal-UE llum hija li jiżguraw l-aktar materja prima kruċjali biex jappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tas-sistema industrijali, b’ġeografija ġdida ta’ provvista għall-elementi tal-materjali tal-art rari. Ir-rispett għall-istandards soċjali u ambjentali tul il-ktajjen tal-valur jibqa’ objettiv fundamentali tal-politiki tal-UE fil-pajjiżi kollha 1 .

1.3Biex jindirizza dawn l-isfidi, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jipproponi sensiela ta’ objettivi u azzjonijiet biex tinħoloq katina tal-provvista tal-UE reżiljenti, sostenibbli u responsabbli. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE għandhom jinkludu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

1.4jiġi rikonoxxut, abbażi tad-dinamika internazzjonali attwali u r-restrizzjonijiet soċjali u ambjentali imperattivi, li miżuri volontarji u mhux vinkolanti mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw sfidi kumplessi bħal dawn;

1.5jiġu involvuti l-atturi kollha, pubbliċi u privati, fil-ġestjoni tal-għajnuna teknika u finanzjarja biex jippromovu tranżizzjoni komprensiva, u fl-istess ħin jiġu evitati aktar lakuni strutturali bejn il-pajjiżi tal-UE, biex b’hekk jiġu żgurati bilanċ, inklużività u aċċess ugwali għall-appoġġ, u l-punt tat-tluq għandu jkun miżuri ta’ tranżizzjoni ġusta, skont il-linji gwida internazzjonali 2 ;

1.6jiġi involut il-Parlament Ewropew, u mhux sempliċiment bħala osservatur, fil-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika. Aħna nistennew li l-bord jikkonsulta lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE dwar il-proposti kollha, u b’hekk ikunu żgurati deċiżjonijiet inklużivi u kundizzjonijiet ekwivalenti għall-pajjiżi tal-UE;

1.7jitqiesu l-objettivi fuq perjodu ta’ żmien minn medju sa twil fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista sabiex: a) jitnaqqsu d-domanda u l-konsum tal-materja prima kritika u jsir investiment fir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid; b) jiżdied l-użu ta’ materjali rinnovabbli, b’monitoraġġ regolari c) isir investiment fi prattiki ta’ estrazzjoni u produzzjoni reżiljenti, sostenibbli u responsabbli, anki f’pajjiżi terzi, sabiex jittejbu l-istandards soċjali u ekonomiċi; d) tiżdied il-provvista minn imsieħba meqjusin bħala “affidabbli” mil-lat ta’ salvagwardji kemm kummerċjali kif ukoll soċjali u ambjentali; e) jiġu negozjati ftehimiet kummerċjali ġodda – ftehimiet ta’ kummerċ ħieles – u dawk eżistenti jiġu adattati billi jiġu sfruttati l-istrumenti għall-implimentazzjoni effettiva tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, abbażi tar-rispett u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ambjent;

1.8iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi tal-UE jilħqu ftehim dwar Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva sabiex jiġu żviluppati proġetti strateġiċi tul il-katina tal-provvista u tas-sottokuntrattar, inkluż f’pajjiżi terzi, u fl-istess ħin tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali, tad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, li tippermetti diżimpenn responsabbli minn dawn il-pajjiżi. Il-proċeduri rapidi għal proġetti strateġiċi m’għandhomx jipprevedu li l-istandards soċjali u ambjentali jinqabżu. Il-KESE jtenni dak li diġà ġie enfasizzat f’Opinjonijiet preċedenti – li “(m)inkejja d-diliġenza dovuta primarja ta’ kumpaniji kbar, l-MSMEs se jkunu affettwati b’mod indirett għaliex il-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se jżidu d-domandi tagħhom fuq il-fornituri fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom tal-Prinċipji Gwida tan-NU, ir-rapportar mhux finanzjarju tagħhom u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista tagħhom stess.” “Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza, b’mod partikolari lill-MSMEs, b’mod prattiku, speċifiku u effiċjenti, imfassla f’kooperazzjoni strutturali mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati” 3 ;

1.9Il-proċeduri ta’ diliġenza dovuta definiti kemm mill-istrateġija dwar ix-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista adottata mill-ILO din is-sena 4 kif ukoll mil-linji gwida l-ġodda tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta fis-settur tal-estrazzjoni għandhom ikunu punti ta’ referenza għall-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-kumpaniji involuti f’dan is-settur.

1.10tiġi żgurata konformità vinkolanti mar-regoli u l-istandards internazzjonali kollha fil-ftehimiet kummerċjali, li jibdew minn dawk dwar il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi, inklużi sanzjonijiet relatati mal-kummerċ;

1.11jiġu applikati dispożizzjonijiet tal-OECD fir-rigward ta’ ħażniet eżistenti ta’ elementi tal-materjali tal-art rari tqal jew prodotti tagħhom; fejn ikun possibbli, jiġi identifikat is-sors tal-provvisti u tittieħed ir-responsabbiltà għad-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista kollha, u b’hekk tiġi żgurata l-konformità u ma jkunx hemm dipendenza minn partijiet terzi; Hemm il-ħtieġa li tiġi esplorata l-possibbiltà li tittieħed azzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut mill-fornitur;

1.12jiġu appoġġjati l-imsieħba kummerċjali fil-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, paga ugwali u opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol, abbażi tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Jiġi pprovdut appoġġ lill-kumpaniji biex ikunu jistgħu jidentifikaw riskji speċifiċi għas-settur 5 u jimplimentaw proċeduri ta’ diliġenza dovuta fis-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom;

1.13jiġu adottati proċeduri biex jiżguraw li l-kumpaniji li jibbenefikaw minn inċentivi u forom oħra ta’ appoġġ ma jikkontribwixxux direttament jew indirettament għall-ħsara relatata mal-użu ta’ materja prima u elementi tal-materjali tal-art rari tqal estratti b’mod irresponsabbli f’kuntesti li huma f’riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt;

1.14jiġi żgurat li l-proġetti strateġiċi jitwettqu wara valutazzjoni tal-impatt ambjentali – billi jiġi estiż il-limitu massimu previst attwalment ta’ 30 jum – u bl-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-komunitajiet lokali sabiex jiġi ffaċilitat il-kunsens tal-partijiet interessati kollha u jiġi evitat ir-riskju li proġetti jiġu implimentati f’żoni protetti. Jiġi żgurat li l-potenzjal ta’ dawn l-inizjattivi li joħolqu impjiegi ta’ kwalità jiġi sfruttat bis-sħiħ;

1.15tiġi stabbilita mira ta’ 30 % għal proġetti ta’ materja prima sekondarja bħal miżbliet jew estrazzjoni mill-ġdid tal-iskart u faċilitajiet ta’ riċiklaġġ. Daqstant importanti se tkun il-valutazzjoni tal-kumpaniji involuti skont il-prestazzjoni tagħhom fil-passat, u b’hekk jiġi żgurat proċess tal-għażla trasparenti u demokratiku li jinvolvi – fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet – l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha tal-UE u mhux biss il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju l-ġdid tal-Kummissjoni;

1.16tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn id-diversi atturi fil-katina tal-produzzjoni, b’appoġġ għall-adozzjoni ta’ ftehimiet komprensivi bejn l-imsieħba soċjali u, kif definit mill-ILO 6 , jingħata appoġġ lill-partijiet interessati kollha u lill-intrapriżi multinazzjonali u nazzjonali biex jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw id-dmir tal-Istat li jipproteġi u r-responsabbiltà tan-negozji li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet pubbliċi u l-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili;

1.17l-investituri u l-industriji tal-elementi tal-materjali tal-art rari jiġu mħeġġa biex jippubblikaw rapporti dwar is-sorsi ta’ provvista minn fornituri ta’ pajjiżi terzi, permezz tal-ingranaġġ finanzjarju u miżuri restrittivi eventwali biex jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jakkwistaw minn pajjiżi f’riskju. L-ispejjeż tal-protezzjoni soċjali u ambjentali, it-trattament tal-iskart u l-proċessi ta’ riċiklaġġ għandhom jiġu inklużi wkoll fl-ispejjeż tal-prodott;

1.18tiġi appoġġjata d-diġitalizzazzjoni tal-katina tal-produzzjoni. L-użu tat-teknoloġiji diġitali se jkun kruċjali biex jittejbu l-ġestjoni tal-katina tal-provvista u l-effiċjenza tal-katina tal-provvista u jiġu identifikati l-problemi fil-ħin, permezz ta’ pjattaformi ta’ ġestjoni tal-ordnijiet, it-traċċabbiltà tal-prodotti u l-monitoraġġ tal-proċessi ta’ produzzjoni;

1.19isir investiment fit-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u l-innovazzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba u sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli, b’inċentivi u strumenti finanzjarji Ewropej immirati lejn it-tisħiħ tal-katina kollha tal-produzzjoni.

2.Kummenti ġenerali

2.1Kuntest

2.1.1Il-kuntest ġeopolitiku l-ġdid jirrikjedi t-tfassil mill-ġdid tal-ktajjen tal-produzzjoni skont kriterji ġodda, li ma għadhomx marbutin prinċipalment mal-ispejjeż u d-dinamika tas-suq biss: 1) l-indipendenza minn pajjiżi dominanti individwali, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista biex jiġu evitati r-riskji ta’ interruzzjoni fil-provvista; 2) awtonomija strateġika anke għal raġunijiet politiċi; 3) is-sikurezza; 4) is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali.

2.1.2L-użu dejjem akbar tal-ktajjen tal-valur ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-impjiegi, u biddel miljuni ta’ impjiegi informali f’impjiegi formali, iżda ġew reġistrati, f’ħafna sitwazzjonijiet kif enfasizzat mill-ILO 7 , kundizzjonijiet li qed imorru għall-agħar tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza, żieda fix-xogħol tat-tfal u x-xogħol furzat, u fil-forom ta’ diskriminazzjoni u nuqqas ta’ protezzjoni legali. Barra minn hekk, kellu impatti ambjentali sinifikanti, speċjalment fis-settur tal-estrazzjoni, fiż-żoni industrijali u fiż-żoni ta’ pproċessar għall-esportazzjoni (EPZ), li fihom hemm preżenza qawwija ta’ miljuni ta’ ħaddiema nisa.

2.1.3Aktar minn 450 miljun ħaddiem, li 190 miljun minnhom huma nisa, huma involuti fil-ktajjen tal-provvista globali 8 , b’xokkijiet kbar li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID, mhux biss fis-setturi tal-ħwejjeġ u tal-agrikoltura, iżda wkoll fis-settur tal-estrazzjoni u dak tal-karozzi 9 . In-nisa, sehem kbir tal-forza tax-xogħol fil-ktajjen tal-provvista globali, huma prinċipalment f’impjiegi b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet. Fl-Ewropa, skont id-data tal-ILO, hemm 3,4 miljun ħaddiem fis-settur tal-minjieri u tar-raffinar.

2.1.4Dwar il-kwistjoni ambjentali, il-Bank Dinji appella wkoll għal azzjoni sinerġistika permezz ta’ politiki ġodda ta’ produzzjoni, li tibda mill-minerali strateġiċi 10 .

2.1.5L-Ewropa tiddependi ħafna minn pajjiżi terzi għall-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ materja prima kritika. 63 % tal-kobalt użat fil-batteriji jiġi estratt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), 97 % tal-manjeżju jiġi miċ-Ċina, u kważi 100 % tal-elementi tal-materjali tal-art rari użati globalment jiġu raffinati fiċ-Ċina, iżda jiġu estratti xi mkien ieħor, fil-biċċa l-kbira fil-Myanmar. L-Afrika t’Isfel tipprovdi 71 % tal-metalli tal-grupp tal-platinu (rutenju, rodju, palladju, osmju, iridju u platinu) 11 u t-Turkija tipprovdi 98 % tal-provvisti Ewropej tal-borat 12 . L-istudju reċenti tal-PE 13 jipprovdi data aġġornata dwar il-livelli ta’ importazzjoni tal-materja prima kritika u juri li l-biċċa l-kbira tal-materja prima, essenzjali għal ċerti setturi industrijali Ewropej, importata mill-UE, ġejja minn pajjiżi li ftit li xejn għandhom libertà ekonomika, b’livelli baxxi ta’ demokrazija li huma diffiċli li jiġu sostitwiti fil-futur qrib.

2.1.6Eżempju konkret huwa l-Myanmar/Burma, li ilha sentejn taħt dittatorjat militari vjolenti u li hija pajjiż ta’ estrazzjoni “użat” miċ-Ċina. Mill-2016, fl-Istat ta’ Kachin, reġjun fit-Tramuntana tal-pajjiż, f’żona daqs Singapore, inħolqu aktar minn 2 700 minjiera għall-estrazzjoni ta’ elementi tal-materjali tal-art rari tqal. Skont ir-rapport ta’ Global Witness, l-esternalizzazzjoni ta’ dan is-settur tossiku ħafna lejn il-Myanmar ittrasformat iż-żona fl-akbar sors fid-dinja ta’ minerali ta’ disprożju u terbju, tnejn mill-iżjed metalli tqal prezzjużi 14 . Barra minn hekk, il-materja prima kritika, minkejja li hija estremament importanti għall-produzzjoni ta’ prodotti innovattivi, ta’ spiss tkun tossika ħafna għal min jaħdimha: dan huwa l-każ, pereżempju, tal-litju 15 . Skont il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, tliet imluħa tal-litju (karbonat, idrossidu u klorur tal-litju) għandhom jiġu kklassifikati bħala sustanzi tossiċi li huwa magħruf li jagħmlu ħsara lis-saħħa riproduttiva tal-bniedem minħabba li jistgħu jikkawżaw l-infertilità u l-aborti 16 . Din il-klassifikazzjoni hija opposta minn xi manifatturi, bl-argument li l-evidenza xjentifika hija “dgħajfa wisq” biex “tiġġustifika” tali klassifikazzjoni stretta, li jkollha impatt importanti fuq il-miri industrijali Ewropej għall-vetturi elettriċi, il-batteriji u l-materja prima kritika 17 .

2.1.7Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-objettivi tal-istrateġija Ewropea l-ġdida għall-użu tal-materja prima, inkluża l-materja prima rari u ta’ spiss tossika – kruċjali għall-industrija Ewropea – li jkunu jiffukaw fuq l-investiment f’metodi ta’ estrazzjoni innovattivi u sostenibbli, fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ materjali rari, kif ukoll fuq li l-materjali tossiċi jiġu sostitwiti minn materjali mhux tossiċi, u fl-istess ħin il-provvista ma tibqax tinġieb minn pajjiżi bi standards soċjali u ambjentali riskjużi 18 . Fl-istess ħin, hija prijorità li jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema li jużaw din il-materja prima f’konformità mal-istandards internazzjonali. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma rratifikawx iż-żewġ Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO Nru 155 u Nru 187 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li jistabbilixxu d-dritt għal ambjent tax-xogħol sikur 19 .

2.1.8Il-firxa wiesgħa ta’ data disponibbli turi li l-qerda ambjentali, il-konfiska tal-art, ir-reklutaġġ ta’ milizzji brutali, li f’ċerti pajjiżi huma marbutin mal-poter, iż-żieda fid-domanda għall-elementi tal-materjali tal-art rari u l-enerġija ekoloġika żiedu b’mod drammatiku l-abbużi fil-livell lokali f’għadd ta’ sitwazzjonijiet 20 .

1.L-azzjoni tal-UE u sostenibbiltà tal-ktajjen tal-valur

1.1Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima biex tadatta l-leġiżlazzjoni u tibni ekosistemi industrijali tal-UE aktar reżiljenti.

1.2Fl-1 ta’ Frar 2023, l-UE nediet il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, biż-żewġ strumenti tiegħu l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika.

1.3L-istrateġija Ewropea 21 tidentifika objettivi fit-tul biex tiżgura awtonomija Ewropea akbar fil-livell globali, iżda għandu jkollha l-għan ukoll li tippromovi strateġija ġdida lejn pajjiżi terzi li huma fornituri, biex torbot mill-qrib l-interessi ekonomiċi u kummerċjali tal-UE fir-rigward tal-konformità mal-obbligi tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi internazzjonali u nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi u l-liġi ambjentali internazzjonali. Studju mmirat jikkonċerna l-metodoloġija tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja bħala għodda għall-akkwist responsabbli tal-materja prima fl-Ewropa 22 .

1.4Riċerka li saret minn Associated Press (AP) turi li l-elementi tal-materjali tal-art rari ma ġewx inklużi fir-Regolament tal-UE 23 dwar il-minerali estratti f’żoni ta’ kunflitt. Ir-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni jew inaqqas il-provvista ta’ minerali minn reġjuni fejn il-profitti jiffinanzjaw kunflitti armati, iżda jikkonċerna biss għadd limitat ta’ minerali: landa, tantalju, tungstenu u deheb (3TG), li joriġinaw mir-RDK, pajjiżi ġirien jew żoni oħra ta’ riskju għoli. Dikjarazzjoni tal-KE enfasizzat nuqqasijiet fis-superviżjoni tal-katina tal-provvista li testendi għall-Ewropa, u ddikjarat li “għadu mhux ċar kif” se taħdem spinta Ċiniża biex tirregola l-elementi tal-materjali tal-art rari 24 .

1.5Is-Sħubija għas-Sigurtà tal-Minerali tal-2019 – inizjalment bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja, li magħhom żdiedu l-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Ġappun, il-Korea, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea – għandha l-għan li tippromovi produzzjonijiet responsabbli u l-provvista sikura ta’ minerali fundamentali għall-ekonomija globali u s-sigurtà nazzjonali. Strateġija li twieġeb għat-tħassib dejjem jikber dwar id-dipendenza mill-importazzjonijiet ta’ minerali kritiċi, essenzjali għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ teknoloġija avvanzata 25 .

1.6Il-KESE japprova l-objettivi tal-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima, imnedija mill-UE fl-2020, u jirrimarka li, fl-Opinjoni tiegħu dwar Ktajjen tal-provvista sostenibbli u xogħol deċenti fil-kummerċ internazzjonali 26 , huwa kien diġà enfasizza l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat li l-objettivi tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ħolqien ta’ xogħol deċenti ma jibqgħux residwi fil-politiki kummerċjali u fil-governanza tal-intrapriżi, l-ewwel nett bid-diliġenza dovuta (hemm proposta għal direttiva tal-UE), li għandha tissaħħaħ tul il-katina tal-valur, kif previst parzjalment fil-leġiżlazzjoni Franċiża u Ġermaniża 27 .

1.7L-adozzjoni ta’ politiki u programmi għal ekonomija ċirkolari, bl-involviment – sa mill-istadju tat-tfassil – tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, tista’ tagħlaq iċ-ċirku b’suċċess u toħloq swieq ġodda għar-riċiklaġġ ta’ materja prima rari u tirrappreżenta potenzjal enormi għall-ħolqien ta’ impjiegi marbutin mal-ekonomija ċirkolari għall-materja prima sekondarja u r-riċiklaġġ. Uħud mill-istudji juru potenzjal ta’ 700 000 impjieg ġdid sal-2030 28 . Madankollu, biex dan iseħħ, jinħtieġu aktar inċentivi u impenn akbar fil-livell Ewropew u fil-livelli nazzjonali 29 .

1.8Il-KESE jappella wkoll biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar id-Divulgazzjoni ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja, u biex issir ħidma biex tingħeleb in-natura volontarja tal-istrumenti li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol f’“sinerġija mal-aġenda tal-kummerċ u l-investiment internazzjonali” 30 .

1.9Il-KESE jinnota li, minkejja l-impenn kbir tal-KE, il-pajjiżi Ewropej għadhom lura ħafna u ma jaqblux bejniethom rigward l-adozzjoni ta’ strateġija komuni biex titnaqqas in-natura kritika tal-provvista ta’ materja prima li s’issa ġiet ikkuntrattata lil pajjiżi li huma ferm irresponsabbli – mil-lat soċjali u dak ambjentali – għall-estrazzjoni u r-raffinar.

1.10L-istudju tal-PE 31 dwar il-ktajjen tal-valur u s-sinerġiji mal-politiki kummerċjali huwa l-bażi ta’ Riżoluzzjoni 32 adottata reċentement, li hija fid-direzzjoni t-tajba, li tħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej jiżviluppaw politika industrijali ġdida biex jindirizzaw strutturalment u b’mod koerenti l-awtonomija strateġika tal-UE f’setturi ewlenin mingħajr ma jnaqqsu r-ritmu tal-objettivi ta’ tranżizzjoni ekoloġika tal-Patt Ekoloġiku u jiżguraw standards soċjali u tax-xogħol tul il-katina tal-produzzjoni.

1.11Ser ikun kruċjali li jinbnew alleanzi ma’ gvernijiet tal-istess fehma u sinerġija b’saħħitha ma’ gvernijiet demokratiċi, u li jiġu adottati miżuri sinerġistiċi bejn ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali. Illum, ħafna gvernijiet impenjaw riżorsi finanzjarji sinifikanti biex jindirizzaw dawn l-isfidi: l-Istati Uniti bil-leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-inflazzjoni (Inflation Reduction Act), l-Indja b’serje ta’ inċentivi fis-settur tal-batteriji u l-fotovoltajċi, il-Ġappun bi pjan ta’ investiment ta’ madwar EUR 140 biljun. Wieħed mill-objettivi tal-Ftehim dwar il-materja prima kritika bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa li l-elementi tal-materjali tal-art rari estratti jew ipproċessati fl-UE jsiru wkoll “made in the USA”, f’konformità mal-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Ġappun 33 .

1.12Il-KESE jemmen li dawn il-ftehimiet bilaterali għandhom jiġu kondiviżi fil-qafas tal-G7 għal strateġija komuni dwar il-kummerċ ta’ elementi tal-materjali tal-art rari, u l-ekonomiji ewlenin għandhom jimpenjaw ruħhom ukoll li jipproteġu l-istandards soċjali u ambjentali fil-pajjiżi ta’ estrazzjoni u raffinar.

Brussell, 20 ta’ Settembru 2023

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)     Increasingly strategic raw materials (Materja prima dejjem iktar strateġika), Blogg tal-Kummissarju Thierry Breton, Kummissjoni Ewropea, 12 ta’ Ġunju 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2)     Guidelines for a just transition towards environmentally sustainable economies and societies for all (Linji gwida għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjetalment sostenibbli għal kulħadd), ILO, ILC, 16.6.2023.
(3)    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937”, ĠU C 443, 22.11.2022, p. 81
(4)    ILO, Strategy on decent work in supply chains (Strateġija dwar xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista), it-347 Sessjoni tal-Korp Governattiv tal-ILO, Marzu 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(5)    FP, Batteries are the battlefield – The next geopolitical contest may be over green technology, and China, for now, is poised to win control of those supply chains (Il-batteriji huma l-kamp tal-battalja – Il-kunflitt ġeopolitiku li jmiss jaf ikun dwar it-teknoloġija ekoloġika, u ċ-Ċina, għalissa, hija mistennija li tikseb il-kontroll ta’ dawn il-ktajjen tal-provvista), 25 ta’ Jannar 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)     Guidelines for a just transition towards environmentally sustainable economies and societies for all (Linji gwida għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd), ILO, ILC, 16.6.2023.
(7)    ILO, Strategy on decent work in supply chains (Strateġija dwar xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista), it-347 Sessjoni tal-Korp Governattiv tal-ILO, Marzu 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(8)    ILO, Integrated Strategy on fundamental Principles and Rights at Work (Strateġija Integrata dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol), 2017-2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(9)    ILO, Technical Meeting on Achieving Decent Work in Global Supply chains (Laqgħa Teknika dwar il-Kisba ta’ Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali), Ġinevra, 25-28 ta’ Frar 2020 (mhux disponibbli bil-Malti); Dissensus and deadlock in the evolution of labor governance: global supply chains and the International Labour Organization (ILO) (Nuqqas ta’ qbil u imblokk fl-evoluzzjoni tal-governanza tax-xogħol: il-ktajjen tal-provvista globali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)), Huw Thomas & Mark Anner, Springer (mhux disponibbli bil-Malti).
(10)     Minerals for climate Action: The Mineral Intensity for the clean energy transition (Il-Minerali għall-azzjoni klimatika. L-intensità minerali għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa), Climate-Smart Mining Facility, 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).
(11)    U.S. Geological Survey, Mineral Commodity Summaries (Stħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Unit, Sommarji tal-Komodità Minerali), Jannar 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(12)     Estimation of the Turkish Boron Exportation to Europe (Stima tal-esportazzjoni mit-Turkija tal-boron lejn l-Ewropa – mhux disponibbli bil-Malti).
(13)     Global Value Chains: potential synergies between external trade policy and internal economic initiatives to address the strategic dependencies of the EU (Ktajjen tal-valur globali: Sinerġiji potenzjali bejn il-politika kummerċjali esterna u l-inizjattivi ekonomiċi interni biex jiġu indirizzati d-dipendenzi strateġiċi tal-UE), PE 702.582, Marzu 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(14)     https://www.globalwitness.org/en/campaigns/natural-resource-governance/myanmars-poisoned-mountains/ , 9 ta’ Awwissu 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).
(15)     https://www.euronews.com/2023/03/27/europes-raw-materials-rush-does-not-justify-keeping-workers-in-the-dark-about-lithiums-dan
(16)     https://www.politico.eu/article/eu-commission-toxic-or-magic-batteries-industry-freaks-out-over-proposal-to-classify-lithium-as-a-toxin/
(17)     https://www.ft.com/content/c918587e-b7f9-48e7-9389-b9132ec5a14f
(18)    Ara l-Appendiċi b’referenzi għal studji u analiżijiet.
(19)       Occupational Safety and Health Convention, 1981 (No 155) (Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali u l-Ambjent tax-Xogħol, 1981 (Nru 155) – mhux disponibbli bil-Malti), Promotional Framework for Occupational Safety and Health Convention, 2006 (No 187) (Qafas promozzjonali għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali, 2006 Nru 187 – mhux disponibbli bil-Malti).
(20)    Ara l-Appendiċi bid-data dwar il-Myanmar u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.
(21)    Ir-Regolament jistabbilixxi parametri referenzjarji ċari għall-kapaċitajiet nazzjonali tul il-katina tal-provvista strateġika tal-materja prima u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-UE sal-2030: mill-inqas 10 % tal-konsum annwali tal-UE għall-estrazzjoni, mill-inqas 40 % tal-konsum annwali tal-UE għall-ipproċessar, mill-inqas 15 % tal-konsum annwali tal-UE għar-riċiklaġġ, mhux aktar minn 65 % tal-konsum annwali tal-Unjoni ta’ kull materja prima strateġika fi kwalunkwe stadju rilevanti tal-ipproċessar minn pajjiż terz wieħed.
(22)     https://doi.org/10.1007/s11367-019-01678-8
(23)    Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli.
(24)     https://apnews.com/article/technology-forests-myanmar-75df22e8d7431a6757ea4a426fbde94c
(25)     https://www.state.gov/minerals-security-partnership/ , 14 ta’ Ġunju 2022.
(26)     ĠU C 429, 11.12.2020, p. 197
(27)    Hija importanti r-referenza għal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar id-diliġenza dovuta tal-2017 u dik reċenti adottata fil-Ġermanja fi Frar 2023.
(28)

   European Circular Economy Stakeholder Platform, Impacts of circular economy policies on the labour market (Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, Impatti tal-politiki tal-ekonomija ċirkolari fuq is-suq tax-xogħol), 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(29)

   Securing sustainable raw materials supply in Europe. Securing sustainable raw materials supply in Europe. IndustriAll Europe’s recommendations for ‘Critical Raw Materials Resilience’ (L-iżgurar tal-provvista sostenibbli tal-materja prima fl-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ IndustriAll Europe għar-“Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika”, , Brussell, 10 ta’ Ġunju 2021 | IndustriAll 129/2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(30)     ĠU C 429, 11.12.2020, p. 197
(31)     Global Value Chains: potential synergies between external trade policy and internal economic initiatives to address the strategic dependencies of the EU (Ktajjen tal-valur globali: Sinerġiji potenzjali bejn il-politika kummerċjali esterna u l-inizjattivi ekonomiċi interni biex jiġu indirizzati d-dipendenzi strateġiċi tal-UE), PE 702.583, Marzu 2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(32)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2023 dwar strateġija tal-UE biex tingħata spinta lill-kompetitività industrijali, lill-kummerċ u u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità (2023/2513(RSP)).
(33)     Will the scramble for rare earths produce a transatlantic trade accord? (It-tellieqa għall-elementi tal-materjali tal-art rari se tipproduċi ftehim kummerċjali trans-Atlantiku?), Cecilia Malmström (PIIE) 6.4.23.