|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
L-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija Ewropea
|
|
_____________
|
|
L-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija Ewropea
[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]
|
|
|
|
TEN/800
|
|
|
|
Relatur: Alena MASTANTUONO
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
25/01/2023
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
16/05/2023
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
14/06/2023
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
579
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
194/4/10
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-akbar impatti tal-kriżi tal-enerġija huma l-inflazzjoni u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Il-prezzijiet tal-enerġija xprunati mill-prezzijiet tal-gass u taż-żejt kienu l-ixprun għall-inflazzjoni u kellhom impatt qawwi fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju u n-negozji intensivi fl-enerġija. L-inflazzjoni għolja kienet l-aktar fenomenu viżibbli tal-prestazzjoni ekonomika tal-2022, b’effett indirett fuq elementi oħra tal-qoffa tal-konsumaturi u impatt qawwi fuq il-konsum u l-imġiba. Il-livell għoli ħafna tad-dikjarazzjonijiet ta’ falliment fl-UE juri wkoll kemm hi gravi s-sitwazzjoni.
1.2Flimkien mal-impatt tal-kriżi tal-enerġija kien hemm il-konsegwenzi negattivi preċedenti tal-pandemija tal-COVID-19, li dgħajfu b’mod sostanzjali l-prestazzjoni ekonomika tal-UE wara l-akbar tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG għal ħafna deċennji. Xi setturi jistgħu jbatu aktar minn dan l-effett kumulattiv. Dan jagħmilha diffiċli wkoll li jkollna l-istampa ġenerali tal-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija, minħabba l-effetti persistenti tal-pandemija tal-COVID-19. Il-fatt li d-data statistika tal-lum f’ċerti oqsma, bħall-impjieg, hija pjuttost pożittiva, ċertament ma jfissirx li s-sitwazzjoni hija perfetta. Tista’ titwettaq analiżi ċara tal-impatt ekonomiku biss meta tintemm il-kriżi u meta d-data dettaljata kollha tkun disponibbli.
1.3Il-kriżi tal-enerġija kellha impatt fuq l-ekonomija mil-lat ta’ inflazzjoni għolja, tkabbir ekonomiku dgħajjef, pressjoni qawwija fuq il-finanzi pubbliċi, u l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji, kif ukoll it-telf tal-kompetittività ekonomika esterna. Huwa u jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE, il-KESE jissuġġerixxi l-istabbiliment ta’ kriterju “Green triple-T” sabiex l-interventi futuri jkunu mfassla apposta, immirati u reżistenti għat-tranżizzjoni. Miżuri ta’ prezzijiet mhux immirati jtawlu biss il-perjodu ta’ inflazzjoni elevata fuq medda itwal ta’ żmien.
1.4Il-KESE huwa konvint li l-lezzjoni li jeħtieġ li nitgħallmu mill-effetti negattivi tal-kriżi tal-enerġija fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-UE trid tiġi riflessa fil-passi ta’ politika li jmiss. Il-kriżi tal-enerġija, prinċipalment ikkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, żvelat u identifikat uħud mid-dgħufijiet u t-tfixkil sostanzjali fis-sistema ekonomika tal-UE, li jeħtieġ li tiġi approvata u mtejba strutturalment sabiex tkun tista’ tiffaċċja xokkijiet eżoġeni simili b’mod aktar effettiv, prinċipalment f’termini ta’ reżiljenza, effiċjenza u awtonomija strateġika.
1.5Il-KESE jemmen li l-UE jeħtieġ li timxi lil hinn mir-reazzjonijiet ta’ emerġenza fiskali u tiffoka fuq bidliet strutturali biex tkun tista’ tiddiżakkoppja mill-fjuwils fossili aktar malajr. Biex tiżgura l-iżvilupp ekonomiku bla xkiel u kompetittiv tagħha, l-UE teħtieġ konsenji affidabbli u siguri ta’ enerġija affordabbli bbażati fuq suq tal-enerġija integrat bi proporzjon kbir ta’ enerġija nadifa, li jkun reżiljenti u kapaċi jiffaċċja tfixkil u xokkijiet.
1.6Huwa japprova bis-sħiħ il-passi kollha ta’ politika biex titnaqqas l-inflazzjoni b’mod sostenibbli matul din is-sena u huwa favur l-irkupru ekonomiku bbażat fuq investimenti fis-setturi u l-industriji ekoloġiċi, diġitali u strateġikament importanti, u jappoġġja l-bażi industrijali tal-UE u l-kompetittività globali, filwaqt li juża l-vantaġġi kollha tas-suq uniku. Huwa assolutament essenzjali li l-produzzjoni ta’ teknoloġiji nodfa ssir argument għall-vijabbiltà għall-Ewropa. L-imsieħba soċjali jridu jiżguraw, akkost ta’ kollox, li l-għarfien, il-ħiliet u l-bażi tal-produzzjoni ma jitilqux mill-Ewropa. Biex tiġi żgurata l-indipendenza intelliġenti, l-industrija – u l-impjiegi li toħloq – trid tibqa’ fl-Ewropa. Għalhekk, li nkunu kompetittivi u noħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba jrid isir mod ta’ ħajja kif ukoll ċentrali biex nagħmlu u nimplimentaw il-politiki tagħna.
1.7L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u ż-żamma ta’ industrija kompetittiva tal-UE jeħtieġu investimenti vasti minn sorsi pubbliċi u privati. Madankollu, l-UE m’għandhiex qafas fit-tul għal finanzjament robust tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku. Għalhekk, il-KESE jitlob qafas adegwat sabiex jiġu appoġġjati miżuri li jiffinanzjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima b’mod sempliċi u effiċjenti.
1.8Fi żminijiet ta’ kriżi u inċertezza, huma kruċjali informazzjoni oġġettiva u tmexxija politika b’saħħitha. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li tibqa’ tiġi żgurata komunikazzjoni adatta, inkluż matul il-perjodu kollu meta jkunu qed jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi. Ir-riforma tas-suq u tas-sistema tal-enerġija se jkollha impatt fuq l-industriji u l-konsumaturi kollha; huwa assolutament essenzjali li l-partijiet ikkonċernati jagħtu l-fehma tagħhom fil-proċess leġiżlattiv, u jkunu infurmati b’mod adegwat dwar din it-tranżizzjoni fundamentali.
2.Fatti bażiċi u kuntest
2.1Il-kriżi tal-enerġija u l-impatt tagħha fuq il-ħajja tan-nies u l-prosperità tan-negozju għadhom għaddejjin. Dan jagħmilha diffiċli biex jitkejjel l-impatt kumplessiv finali tagħha fuq l-ekonomija. Madankollu, nistgħu ċertament niddikjaraw li l-akbar impatt tal-kriżi ġie rifless fl-inflazzjoni (li laħqet l-ogħla livell għal ħafna deċennji) u fil-finanzi pubbliċi (li kellhom rwol b’saħħtu fil-mitigazzjoni tal-impatti tal-prezzijiet u l-ispejjeż għoljin u fl-appoġġ enormi tal-investimenti biex isiru inqas vulnerabbli). Il-kawża tal-prezzijiet tal-enerġija għoljin kienet iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass.
2.2Huwa tajjeb li niġbdu l-attenzjoni għall-istadji importanti ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija li stabbilixxew speċifikament it-triq ’il quddiem tal-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija. Xi wħud mill-pilastri tagħha, speċjalment dawk relatati mas-sigurtà tal-enerġija, reċentement ġew sottovalutati, prinċipalment minħabba enfasi qawwija fuq il-gass Russu rħis u preferenza għalih, dak iż-żmien meqjus bħala sors temporanju matul it-tranżizzjoni ekonomika ekoloġika, u minħabba l-ħruġ mgħaġġel purament għal raġunijiet politiċi minn sorsi nodfa stabbli.
2.3Fir-rigward tat-taħlita tal-enerġija differenti fl-Istati Membri tal-UE, li tirrifletti, fost aspetti oħra, il-kundizzjonijiet ġeomorfoloġiċi tagħhom, l-ilħuq tal-miri tal-Unjoni tal-Enerġija huwa influwenzat ħafna miċ-ċirkostanzi nazzjonali. Dan il-fattur huwa rifless b’mod viżibbli fil-ħeffa tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE. Madankollu, ħaġa waħda għadha ċara: il-prijorità ewlenija tal-Unjoni tal-Enerġija matul il-kriżi kienet is-sigurtà tal-provvista, li xi drabi kienet f’kunflitt mal-miri tat-tranżizzjoni ekoloġika.
2.4Il-kriżi tal-enerġija attwali wriet kemm hija serja l-vulnerabbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-UE u kemm huwa importanti li tiġi segwita l-awtonomija strateġika miftuħa tal-enerġija tal-katina kollha tal-industrija tal-enerġija. Fl-istess ħin, uriet il-kapaċità tagħha li tiffaċċja u tassorbi xokkijiet eżoġeni robusti u l-konsegwenzi tagħhom. Il-kriżi tal-enerġija ġiet ikkawżata minn taħlita ta’ elementi ekonomiċi, politiċi u tekniċi. Il-kriżi bdiet b’taqlib ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 li żiedet id-domanda globali għall-enerġija, filwaqt li l-indħil ta’ pajjiżi terzi u l-livelli baxxi ta’ ħżin tal-gass f’xi pajjiżi Ewropej matul l-istaġun tax-xitwa 2021/2022 flimkien ma’ domanda ogħla ssottolinjaw il-gravità tas-sitwazzjoni. Is-sitwazzjoni diġà diffiċli mbagħad marret għall-agħar bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, aggravata mid-dipendenza tal-UE mis-sorsi tal-enerġija fossili, b’nfluwenza diretta qawwija fuq il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista.
2.5L-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija tal-UE kien ta’ ħsara. Fl-2022, ikkontribwixxa direttament għal rati rekord ta’ inflazzjoni li qatt kien hemm fl-istorja reċenti tal-integrazzjoni tal-UE; l-inflazzjoni medja tal-UE kienet ta’ 9,2 %, li hija mistennija li tinżel għal 6,7 % (li għadha għolja ħafna) fl-2023 u 3,1 % sena wara. L-inflazzjoni għolja kienet l-aktar fenomenu viżibbli fil-prestazzjoni ekonomika tal-2022, b’effett indirett fuq elementi oħra tal-qoffa tal-konsumaturi, u impatt qawwi fuq il-konsum u l-imġiba. Din kellha impatt enormi fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Mhumiex biss dawk l-aktar vulnerabbli li sofrew minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet. L-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju ġew affettwati ħafna u r-rati tal-faqar enerġetiku jistgħu jiżdiedu. Dan kollu affettwa b’mod profond il-finanzi personali u l-fiduċja tal-konsumatur fl-UE; il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi adattaw id-drawwiet tagħhom biex ilaħħqu mal-kriżi tal-enerġija. Is-sentiment tal-konsumatur laħaq livell baxx rekord f’Settembru 2022 u mbagħad irkupra ftit minn hemm ’il quddiem.
2.6Is-sitwazzjoni influwenzat ukoll b’mod negattiv il-pożizzjoni tan-negozji. B’żieda sostanzjali ta’ 26,8 % meta mqabbla mat-trimestru preċedenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ falliment fl-UE laħqu l-113,1 – l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat, wara indiċi użat mill-Eurostat biex jitkejjel il-livell ta’ falliment fl-UE meta mqabbel mal-valur referenzjarju ta’ 100 fl-2015. Id-data turi li l-indiċi beda jiżdied fit-tieni kwart tal-2020 u żdied b’mod sinifikanti matul l-2022. Iċ-ċifra fir-raba’ trimestru tal-2022 irriflettiet sitwazzjoni li sejra għall-agħar li fiha l-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, kienu qed jiffaċċjaw domanda li qed tonqos, standards ta’ kreditu aktar stretti, u futur negattiv u inċert.
2.7Il-kriżi tal-enerġija kellha wkoll effett negattiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, prinċipalment f’termini ta’ konsum privat (it-tnaqqis huwa meqjus bħala r-raġuni ewlenija wara l-istaġnar fil-PDG), l-investimenti (minkejja l-potenzjal enormi fl-attività tal-investiment, id-diskrepanza fl-investiment fil-fatt ilha tiżdied mill-2021), u l-kompetittività esterna (b’deterjorament sostanzjali meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel l-2020). B’mod ġenerali, il-PDG tal-UE, wara prestazzjoni soda ta’ tkabbir ta’ 3,5 % fl-2022, huwa previst li jikber ftit (1,0 %) fl-2023 u jaċċellera b’mod modest (1,7 %) fl-2024.
2.8Piż addizzjonali ieħor li ġej direttament mill-kriżi tal-enerġija huwa l-prestazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Fl-2022, id-defiċit baġitarju medju ammonta għal 3,4 % tal-PDG, u ċifri pjuttost simili (li jaqbżu r-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) huma stmati għas-sentejn li ġejjin ukoll. Il-kriżi tal-enerġija flimkien mat-tranżizzjoni ekoloġika jpoġġu pressjoni sinifikanti fuq l-infiq pubbliku; jenħtieġ li jintuża approċċ prudenti sabiex jinżamm il-bilanċ fiskali. Użu usa’ tal-ingranaġġ tal-investiment privat ibbażat fuq skemi ta’ garanzija (tat-tip FEIS) għandu jkun il-mudell għall-allokazzjoni ta’ investimenti suffiċjenti b’mod fiskalment prudenti.
2.9S’issa, id-data statistika aggregata rigward l-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq is-suq tax-xogħol ma kinitx negattiva. F’Diċembru 2022, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 6,1 % fl-UE (din ma nbidlitx minn April ’l hawn). Dawn kienu l-aktar ċifri baxxi mis-sena 2000 ’l hawn. Madankollu, it-tnaqqis fl-attività ekonomika stmata fl-aħħar tas-sena li għaddiet u mbassra fil-bidu tal-2023 huwa mistenni li jxekkel il-pass tat-tkabbir fl-impjieg. Il-kumpaniji intensivi fl-enerġija ntlaqtu ħażin mill-kriżi u huma mistennija sfidi kbar għas-suq tax-xogħol futur.
2.10Fl-2022, il-kriżi tal-enerġija flimkien ma’ xitwa mhux daqshekk qalila, l-iffrankar u l-interruzzjoni tal-operazzjonijiet tan-negozju wasslu għal tnaqqis fil-konsum tal-elettriku (-4,6 %). Skont l-ACER, it-tnaqqis fid-domanda aċċellera matul is-sena; kien ħames darbiet ogħla fir-raba’ trimestru tal-2022 milli fl-ewwel trimestru. It-tnaqqis fid-domanda żdied minn -1,8 % fl-ewwel trimestru għal -9,5 % fir-raba’ trimestru, meta mqabbel mal-istess perjodi fl-2021.
2.11Fl-istess ħin, il-kriżi kellha xi aspetti pożittivi. L-ewwel nett, f’termini ta’ soluzzjonijiet ġodda li joffru innovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika u spinta lil (jew “rinaxximent” ta’, f’ċerti każijiet) teknoloġiji nodfa. Xi kumpaniji ġabu soluzzjonijiet innovattivi fis-suq. It-tieni, enfasizzat il-ħtieġa ta’ interkonnessjoni aħjar tas-swieq tal-enerġija u solidarjetà fost l-Istati Membri. L-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membri setgħu jieħdu passi u jirreaġixxu pjuttost malajr u jaċċettaw is-sitwazzjoni l-ġdida b’mod flessibbli ħafna.
2.12Il-kriżi wasslet ukoll għall-ħtieġa li jiġu aġġustati u ddefiniti mill-ġdid il-pilastri ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE: l-Unjoni tal-Enerġija, il-Patt Ekoloġiku u l-elementi speċifiċi tiegħu (speċjalment il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”), u l-qafas tat-Tassonomija tal-UE. Ir-reazzjonijiet għas-sitwazzjoni serja fl-2022 jinkludu għodod strutturali fit-tul bħar-REPowerEU u l-Politika Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, kif ukoll il-miżuri immedjati/fuq terminu qasir biex jiġi pprevenut li l-konsegwenzi l-aktar diffiċli tal-kriżi jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-KESE jisħaq li l-kawża ewlenija tal-kriżi kienet id-dipendenza għolja tal-UE mill-provvisti tal-gass tar-Russja u jipproponi li tiġi stabbilita viżjoni fit-tul li tagħmel lill-UE inqas dipendenti mill-enerġija minn pajjiżi terzi; dan jinkludi wkoll l-indipendenza fir-rigward tat-teknoloġiji nodfa. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri kollha tal-UE u dawk nazzjonali jridu jinċentivaw din il-bidla strateġika biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.
3.2Il-KESE huwa konxju sew li l-prijorità ewlenija hija li jiġu indirizzati mhux biss il-konsegwenzi, iżda fuq kollox ir-raġunijiet u l-kawżi tal-kriżi, u huwa lest jiddiskuti u jipproponi soluzzjonijiet. Dan jirrikjedi li gradwalment nitbiegħdu mill-miżuri ta’ emerġenza għal riformi u investimenti kompatibbli mas-suq u bbażati fuq l-evidenza, mirfuda minn kunċetti strateġiċi sostenibbli u fattibbli. Dawk il-kunċetti strateġiċi għandhom isibu bilanċ bejn il-prijoritajiet, is-sorsi finanzjarji (pubbliċi u privati) tagħhom, u l-ambjent istituzzjonali u l-kundizzjonijiet amministrattivi (permessi, konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE), u jkunu bbażati fuq appoġġ pubbliku adegwat.
3.3Il-miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija li saru mill-unitajiet domestiċi u min-negozji għenu biex jiġi evitat kwalunkwe riskju serju ta’ nuqqas ta’ enerġija. Madankollu, ma għandux jiġi injorat li xi ffrankar sar biss minħabba l-għeluq tal-attivitajiet tan-negozju. L-iżjed industriji vulnerabbli fil-kriżi loġikament jinkludu dawk l-aktar intensivi fl-enerġija (l-industrija kimika, il-produtturi tal-fertilizzanti, l-industrija tal-azzar u x-xogħol tal-ħadid). Dawn għandha tingħatalhom attenzjoni speċjali f’termini tat-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom kif ukoll tar-riskju ta’ deindustrijalizzazzjoni tal-UE (rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju).
3.4Il-bażi tat-tranżizzjoni ekoloġika hija infrastruttura tal-enerġija b’saħħitha u interkonnessa, li ġarrbet nuqqas kbir ta’ investiment f’dawn l-aħħar snin. L-investiment u t-titjib fl-infrastruttura se jkollhom rwol ewlieni fis-snin li ġejjin. Għalhekk, huwa importanti li r-regoli l-ġodda jibagħtu sinjal ċar u fit-tul lill-investituri. Madankollu, il-kapaċità tal-SMEs li jinvestu fit-tranżizzjoni tal-enerġija kienet limitata ħafna minn meta faqqgħet il-kriżi inizjali (COVID-19). Ir-riformi jridu jirrispettaw l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE f’termini tat-tranżizzjoni ekoloġika, ir-reżiljenza, u l-benesseri soċjali, kif ukoll id-differenzi kbar fost l-istrutturi tat-taħlita tal-enerġija ta’ Stati Membri partikolari. Il-kriżi kellha impatt serju fuq iċ-ċertezza tal-investiment.
3.5Il-KESE huwa konvint li r-rekwiżiti ta’ riforma ewlenin jinkludu primarjament aġġornament tad-disinn tas-suq tal-enerġija biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli. Il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jilħqu kunsens dwar il-kategoriji ewlenin tad-disinn tas-suq, li jinfluwenzaw direttament il-propensità futura għall-investiment f’dan is-settur, inklużi kuntratti fit-tul; strumenti ta’ appoġġ u ta’ inċentiv għall-enerġija rinnovabbli; mudell li jifforma l-bażi tal-ġenerazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija; u l-kwistjoni tal-flessibbiltà ġenerali.
3.6Il-Patt Ekoloġiku tal-UE, issupplimentat mill-inizjattiva REPowerEU, għandu l-potenzjal li jinvesti madwar EUR 350 biljun ta’ investimenti annwali sa tmiem id-deċennju (aktar minn 2 % tal-PDG annwali tal-UE). Il-previżjoni tal-investiment tal-UE fuq terminu qasir għadha sostanzjalment aktar dgħajfa. Dan jirrikjedi li jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ prijorità. Dawn it-tipi ta’ investimenti jistgħu jiskattaw irkupru ekonomiku tal-UE aktar robust u investiment addizzjonali fl-infrastruttura, id-diġitalizzazzjoni tan-networks tal-enerġija, l-interkonnessjoni u l-kapaċitajiet ta’ ħżin.
3.7Il-KESE huwa konxju li hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji enormi għal dan il-proċess. It-tranżizzjoni ekoloġika mhux se tkun possibbli mingħajr investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-persuni li għandhom ikunu mħejjija kif imiss permezz tal-edukazzjoni u t-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet. Minkejja l-ammonti kbar fl-ambitu ta’ programmi ġodda tal-UE għall-finanzjament għal dan l-għan, huma assolutament essenzjali sorsi pubbliċi u privati nazzjonali biex dan isir realtà. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament sempliċi, effiċjenti u b’aċċess faċli u jappella għal metodi innovattivi biex jiġi użat il-kapital privat permezz ta’ strumenti finanzjarji. Il-KESE jqis ukoll ir-rwol akbar tal-appoġġ u l-finanzjament tal-għajnuna mill-Istat għal skop immirat, iżda jirrakkomanda li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE.
3.8Il-gvernijiet tal-UE allokaw EUR 758 biljun biex jipproteġu l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji bejn Settembru 2021 u Jannar 2023. Terz biss tal-interventi fiskali stabbiliti mill-Istati Membri kienu mmirati lejn kategoriji vulnerabbli. Il-KESE jirrakkomanda li wieħed jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE; għandu jiġi stabbilit kriterju “Green triple-T” sabiex l-interventi futuri jkunu mfassla, immirati u reżistenti għat-tranżizzjoni. Miżuri ta’ prezzijiet mhux immirati ġew definiti wkoll mill-FMI bħala li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal perjodu estiż ta’ inflazzjoni ogħla fuq medda itwal ta’ żmien. Id-dewmien fl-eliminazzjoni gradwali tagħhom jista’ jikkomprometti l-kapaċità tal-BĊE li jilħaq l-objettivi tiegħu fuq terminu medju, li jirriżulta f’issikkar monetarju għal żmien itwal milli jkun mixtieq.
3.9Għalhekk, il-KESE huwa konvint li l-irkupru ekonomiku jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi u jtejjeb il-kompetittività esterna tal-ekonomija tal-UE, permezz tal-ħolqien ta’ industriji u proġetti kummerċjali ġodda meħtieġa biex it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tirnexxi. It-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid se jkunu deċiżiv għall-ġestjoni tal-proċess tat-tranżizzjoni. Huwa assolutament essenzjali li l-produzzjoni ta’ teknoloġiji nodfa ssir argument għall-vijabbiltà għall-Ewropa. L-imsieħba soċjali jridu jiżguraw, akkost ta’ kollox, li l-għarfien, il-ħiliet u l-bażi tal-produzzjoni ma jitilqux mill-Ewropa. Biex tiġi żgurata l-indipendenza intelliġenti, l-industrija – u l-impjiegi li toħloq – trid tibqa’ fl-Ewropa. Hemm bżonn urġenti li nerġgħu nsibu t-triq, u t-tranżizzjoni għall-ekonomija ekoloġika tipprovdilna opportunità bħal din sakemm tkun ġestita tajjeb. Għalhekk, li nkunu kompetittivi u noħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba jrid isir mod ta’ ħajja kif ukoll ċentrali biex nagħmlu u nimplimentaw il-politiki tagħna.
3.10Minbarra l-miżuri l-ġodda ta’ riforma, l-UE l-ewwel għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adottata fi ħdan il-Patt Ekoloġiku. Hemm ukoll il-kwistjoni għaliex dawn il-miżuri ma ġewx implimentati mill-Istati Membri. Waħda mir-raġunijiet hija li l-kapaċità tal-Istati Membri li jassorbu l-mewġa ta’ leġiżlazzjoni hija baxxa ħafna. L-istess jgħodd għall-kumpaniji, prinċipalment l-SMEs.
4.Kummenti speċifiċi
4.1Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-koleġiżlaturi tagħha jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw kunsens dwar il-parametri u l-kategoriji ewlenin tat-tfassil tas-suq. Pereżempju, fil-każ ta’ ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija, tkun idea tajba li jiġu definiti regoli komuni tal-UE dwar offerti pubbliċi għalihom, rekwiżiti għal garanziji relatati mill-Istat, jew qafas għal inċentivi għan-negozji biex jintuża l-potenzjal sħiħ ta’ tali ftehim. Il-KESE jixtieq jara r-riżultati dalwaqt. Inkella, minħabba n-nuqqas ta' trasparenza u prevedibbiltà fit-tul, l-investituri jipposponu d-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom jew jitilqu mis-suq u l-investimenti mhux se jsiru sakemm il-qafas ikun assolutament ċar għalihom.
4.2Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-prestazzjoni makroekonomika tal-UE tul bosta deċennji, u huwa konxju sew mill-gravità tagħha. Madankollu, huwa konxju wkoll li din is-sitwazzjoni għadha hemm u li hija meħtieġa azzjoni biex tkun tista’ tittejjeb. Il-KESE jittama li l-inflazzjoni, li hija l-akbar periklu, qed tiġi kkontrollata u, jekk ma jkun hemm l-ebda xokk estern ieħor, jista’ jibda dalwaqt il-perjodu ta’ sistema tal-enerġija nadifa, ġusta u reżiljenti ġdida.
4.3Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-miżuri straordinarji dwar id-dħul isiru strettament temporanji. L-użu tagħhom għal perjodu itwal milli meħtieġ jista’ jwassal għal xi bidliet fl-imġiba, effetti soċjali u distorsjoni tas-suq bla bżonn, u jaġixxi bħala diżinċentiv għall-investituri mill-industriji kkonċernati. Għal perjodu temporanju, il-politika ta’ limitu massimu għandha tirrifletti b’mod flessibbli r-realtà ekonomika u tiġi aġġustata għall-iżviluppi tas-suq; inkella, tista’ tagħmel ħsara lill-konsumaturi f’każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku.
4.4Il-KESE jappoġġja bil-bosta sistema msaħħa ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala lezzjoni li nisiltu mill-impatt tal-kriżi tal-enerġija attwali fuq il-klijenti. Dan ifisser servizz komprensiv, inklużi protezzjoni legali, servizzi ta’ għoti ta’ informazzjoni u konsulenza, struzzjonijiet dettaljati, kondiviżjoni tal-aħjar prattika, eċċ. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk f’riskju ta’ faqar enerġetiku.
Brussell, 14 ta’ Ġunju 2023
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________