OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika

_____________

Ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika

[Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Żvediża]

SOC/753

Relatur: Nicoletta MERLO

MT

Talba mill-Presidenza

Żvediża tal-Kunsill

Ittra tal-14/11/2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

08/03/2023

Adozzjoni fil-plenarja

22/03/2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

152/00/01

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jemmen li ż-żgħażagħ jistgħu u jridu jaqdu rwol kruċjali fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika. Huwa jqis li mudell ġdid ta’ governanza li jkun aktar inklużiv u kapaċi jiżgura l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jegħleb l-ostakli li għadhom jeżistu, huwa essenzjali.

1.2Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikollhom rwol ewlieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-iżvilupp u fit-tixrid ta’ proġetti relatati mas-sostenibbiltà u mal-ambjent, inkluż billi jiggarantulhom l-appoġġ finanzjarju meħtieġ.

1.3Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu mmonitorjati b’mod kostanti l-effetti li l-investimenti pubbliċi, inklużi dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, għandhom u se jkollhom fil-futur fuq iż-żgħażagħ permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, politiku u soċjali tal-politiki li għandhom jiġu implimentati, bl-użu ta’ indikaturi qabel, matul u wara l-approvazzjoni tagħhom.

1.4Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri u l-mekkaniżmi biex jiżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ titqies fl-oqsma kollha ta’ politika u biex joħolqu spazju li jkun kapaċi jiggarantixxi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ permezz tal-adozzjoni sħiħa tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE.

1.5Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-inizjattivi u l-politiki li se jiġu adottati fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jintrabtu mat-tema tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-iżvilupp sostenibbli, u mal-isfidi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw f’dinja li qed tinbidel malajr.

1.6Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet mistennija miż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni jiġu kkunsidrati permezz ta’ approċċ trasversali li jkun kapaċi jipprovdi ħiliet teoretiċi u prattiċi, inkluż billi jiġu implimentati u mtejba l-perkorsi mill-iskola għax-xogħol u l-apprendistati professjonali, kif ukoll bl-involviment tal-imsieħba soċjali. It-taħriġ dwar dawn is-suġġetti għandu jsir strutturali wkoll, billi jitfassal u jiġi żviluppat l-ewwel skont it-territorji u l-ħtiġijiet tagħhom, f’qafas usa’ fil-livell nazzjonali.

1.7Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ protezzjoni ambjentali jiġu mgħallma minn età bikrija, waqt li jiġu adottati għodod edukattivi innovattivi li jqisu l-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-kisba ta’ objettivi relatati. Edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u xogħol deċenti għal dawk li jipprovduha huma essenzjali biex dan jiġi żgurat.

1.8Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-iskejjel jinvolvu ruħhom fil-kwistjonijiet ta’ tranżizzjoni ekoloġika flimkien mal-awtoritajiet lokali u mal-attivitajiet barra mill-iskola, speċjalment mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mas-soċjetà ċivili organizzata, u b’hekk jiġġeneraw żieda fis-sensibilizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni fost iċ-ċittadini ordinarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġġudika b’mod pożittiv l-esperjenza tal-Proġett Erasmus Ekoloġiku u jistenna bil-ħerqa li dan jiġi implimentat.

1.9Sabiex il-ħaddiema, kemm dawk iżgħar kif ukoll dawk akbar fl-età, jingħataw ħiliet abilitanti li jirregolaw l-innovazzjoni li tirriżulta mit-tranżizzjoni ekoloġika, il-KESE jemmen li huwa importanti li jsir investiment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u li jiġu promossi taħriġ fuq il-post tax-xogħol u internships u apprendistati ta’ kwalità li huma kapaċi joħolqu djalogu virtuż bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet individwali taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jista’ jkollhom rwol fundamentali.

1.10Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkun hemm politiki ta’ taħriġ olistiċi li huma integrati mal-politiki industrijali, ikkoordinati ma’ strateġiji oħra ta’ żvilupp, u ppjanati fid-dettall fil-livell territorjali u lokali, b’rabta mill-qrib mal-imsieħba soċjali, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

1.11Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata tan-nisa f’setturi marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika, il-KESE jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun parti integrali mit-tranżizzjoni ekoloġika. L-Istati Membri għandhom jinvestu aktar riżorsi fil-gwida għall-karriera għaż-żgħażagħ fl-iskola u biex jappoġġjawhom fix-xogħol permezz ta’ servizzi pubbliċi effiċjenti tal-impjiegi li huma marbuta b’mod adegwat man-nisġa produttiva tat-territorju.

1.12L-imprendituri żgħażagħ jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-innovazzjoni, inkluż fil-qasam tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-KESE jemmen li dawn iż-żgħażagħ jeħtieġ li jitħeġġu permezz ta’ taħriġ u appoġġ speċifiċi għal proġetti innovattivi, u billi jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat.

1.13Sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun ukoll tranżizzjoni ġusta u jiġi evitat l-għeluq ta’ kumpaniji b’telf sussegwenti ta’ impjiegi, il-KESE jqis li hija prijorità għall-Istati Membri li jinvestu riżorsi sinifikanti, l-ewwel b’dawk tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, biex jappoġġjaw lin-negozji li jeħtieġ li jikkonvertu l-attivitajiet tagħhom, jerġgħu jiġu impjegati l-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u jiġu appoġġjati l-imprendituri, b’mod partikolari l-imprendituri żgħażagħ, li beħsiebhom jinvestu f’negozji ekoloġiċi.

2.Kuntest tal-Opinjoni

2.1Din l-Opinjoni esploratorja ntalbet mill-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE sabiex jiġi investigat ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika.

2.2“Tranżizzjoni ekoloġika” tirreferi għat-tranżizzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE lejn il-kisba tal-għanijiet klimatiċi u ambjentali prinċipalment permezz ta’ politiki u investimenti, f’konformità mal-Att Ewropew dwar il-Klima, li jistabbilixxi obbligu li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u ma    l-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva għal kulħadd.

2.3Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi kbar, huwa importanti li wieħed jinnota li l-ġenerazzjoni li hija l-aktar sensittiva u konxja tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali hija preċiżament dik taż-żgħażagħ. Fil-fatt, jekk illum hemm kwistjoni waħda li kapaċi toħloq rabta virtuża bejn is-sensittività u l-valuri taż-żgħażagħ u l-mistoqsijiet mhux solvuti ta’ żminijietna, b’potenzjal innovattiv għoli fir-rigward tal-mudelli ta’ produzzjoni u konsum, hija dik tal-ambjent, tal-promozzjoni tas-saħħa u tas-salvagwardja tal-bijodiversità tal-pjaneta.

2.4F’dawn l-aħħar snin, l-azzjoni klimatika mmobilizzat għadd kbir ta’ żgħażagħ madwar l-Ewropa u bosta movimenti ambjentali u soċjali kibru fil-livelli territorjali, nazzjonali u Ewropej, magħmula minn żgħażagħ li juru u jitolbu miżuri tanġibbli mill-gvernijiet u minn dawk li jfasslu l-politika biex jipproteġu l-ambjent u jiksbu n-newtralità klimatika.

2.5L-2022 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ mhux biss biex tiċċelebra u tappoġġja liż-żgħażagħ, il-ġenerazzjoni l-aktar milquta b’mod negattiv mill-pandemija, billi tnissel fihom tama, saħħa u fiduċja ġodda fil-futur, iżda wkoll bħala opportunità biex jiġi enfasizzat kif it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali joffru prospetti u opportunitajiet ġodda.

3.L-involviment taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika

3.1Sabiex tinkiseb tranżizzjoni ekoloġika ġusta, jeħtieġ li jiġu implimentati l-Aġenda tal-2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż billi jiġi implimentat mudell ta’ governanza ġdid li jkun aktar inklużiv u kapaċi jinvolvi b’mod attiv liż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.2Id-deċiżjonijiet li l-mexxejja politiċi jieħdu llum dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ambjentali oħra se jkollhom riperkussjonijiet b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ tal-lum u l-ġenerazzjonijiet futuri. Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom dwar il-kwistjonijiet li jaffettwawhom, kif iddikjarat fl-Aġenda tal-2030, li tirrikonoxxi liż-żgħażagħ bħala “aġenti kruċjali tal-bidla” fi ħdan l-SDGs tagħha.

3.3Għalkemm ir-rwol taż-żgħażagħ biex tinbena dinja aktar sostenibbli, inklużiva u ekoloġika qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar, u minkejja l-proklamazzjoni ta’ sena ddedikata għalihom, huwa ċar li fir-realtà ż-żgħażagħ għadhom isibuha diffiċli biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.4F’dawn l-aħħar snin, minkejja grad għoli ta’ attiviżmu taż-żgħażagħ dwar il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, konna qed naraw ukoll nuqqas ta’ sodisfazzjon u telf ta’ fiduċja dejjem akbar fost iż-żgħażagħ fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi, li jissarraf fi tnaqqis fil-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-partiti politiċi u f’astensjoniżmu dejjem akbar fl-elezzjonijiet politiċi, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. Dan jirrappreżenta theddida għas-sistema demokratika u ostaklu għall-iżvilupp ta’ politiki li jħarsu ’l quddiem, billi jibda minn dawk meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni klimatika, u kapaċi jwieġbu għal sensittivitajiet u ħtiġijiet differenti. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u f’proċessi oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tkun prijorità u li għandhom jiġu esplorati l-għażliet kollha biex din issir fattibbli u effettiva fil-livelli kollha.

3.5Bħala punt tat-tluq, ikun importanti li jiġu identifikati u megħluba l-ostakli soċjali, ekonomiċi u kulturali għall-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu wkoll dovuti minn nuqqas ta’ għarfien jew aċċess diffiċli għall-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-mekkaniżmi ta’ rappreżentanza. Aspett ieħor li għandu jiġi enfasizzat jikkonċerna l-modi ġodda, ħafna drabi informali, li fihom iż-żgħażagħ illum jinvolvu ruħhom u jiddjalogaw, spiss permezz tal-użu tat-teknoloġija u tal-midja soċjali, u li għandhom jitqiesu kif xieraq peress li huma kapaċi jimmobilizzaw ġenerazzjonijiet sħaħ.

3.6Is-sostenibbiltà hija integrata sew fil-perspettiva taż-żgħażagħ dwar id-dinja u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, iżda b’ħafna prammatiżmu. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw l-interessi u s-sensittivitajiet ta’ miljuni ta’ żgħażagħ fl-Ewropa, jistgħu għalhekk jaqdu rwol importanti biex jiżguraw li l-ġenerazzjoni żagħżugħa mhux biss ikollha vuċi fl-istituzzjonijiet u fis-soċjetà ċivili, iżda wkoll l-opportunità li tagħti kontribut sinifikanti u kkwalifikat għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew 1 .

3.7Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jenfasizza l-importanza li jinħolqu opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kollha l-aktar rappreżentattivi, li jibdew minn dawk li jirrappreżentaw l-aktar żgħażagħ vulnerabbli u dawk li jgħixu fiż-żoni l-aktar periferiċi u rurali, biex ikunu involuti fit-tfassil tal-politika u fl-iżvilupp ta’ ideat dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.

3.8L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jaqdu ħafna funzjonijiet kif ukoll rwol kruċjali fit-tixrid u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-ambjent u mas-sostenibbiltà. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu lil dawn l-assoċjazzjonijiet appoġġ finanzjarju strutturali permezz ta’ riżorsi adegwati u speċifiċi, sabiex l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikollhom il-kundizzjonijiet it-tajba biex jiżguraw u jiżviluppaw l-involviment taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika.

3.9Madankollu, l-involviment waħdu mhuwiex biżżejjed. Il-politiki pubbliċi kollha jridu jqisu l-impatt li se jkollhom fuq iż-żgħażagħ u fuq l-aspettattivi tagħhom, inklużi dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, trid titwettaq evalwazzjoni ex ante, in itinere u ex post tal-investimenti kollha, inklużi dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex jiġu stabbiliti, b’ċertezza, permezz tal-użu ta’ indikaturi, l-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali li dawn se jkollhom fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

3.10Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri u mekkaniżmi biex jiżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ titqies fl-oqsma kollha ta’ politika, filwaqt li joħolqu spazju għaż-żgħażagħ biex jagħtu kontribut koerenti u bbażat fuq il-kompetenza għall-isfidi li jiffaċċjaw permezz tal-adozzjoni sħiħa tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE 2 .

3.11Dak li huwa meħtieġ, kemm għall-pjaneta kif ukoll għall-iżvilupp avvanzat tal-iżvilupp tal-Istati Membri tagħna, huwa t-tisħiħ taż-żgħażagħ f’erba’ pilastri: l-involviment fil-proċessi tal-bidla; il-possibbiltà li wieħed ikollu rwol attiv billi jeżerċita r-responsabbiltà f’għażliet individwali u kollettivi; it-titjib tal-għarfien dwar it-trasformazzjonijiet li qed iseħħu u l-konsegwenzi inevitabbli tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex isir intervent b’mod kwalifikat.

4.It-tranżizzjoni ekoloġika fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol

4.1L-2023 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-inizjattivi u l-politiki li se jiġu adottati f’dan il-kuntest jintrabtu mat-tema tat-tranżizzjoni ekoloġika, tal-iżvilupp sostenibbli, u tal-isfidi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw f’dinja li qed tinbidel malajr.

4.2Fil-kuntest tal-emerġenza klimatika u ambjentali, l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà għandha ssir prijorità għall-iskejjel. L-edukaturi għandhom rwol strumentali biex jiżguraw li l-istudenti rċevew edukazzjoni dwar il-klima u jkollhom l-għarfien u l-ħiliet li jeħtieġu biex jieħdu sehem fl-ekonomija ekoloġika. Hemm ħafna approċċi li l-għalliema u l-iskejjel jistgħu jieħdu biex jesploraw dawn il-kwistjonijiet mal-istudenti, iżda dan jirrikjedi wkoll edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u xogħol deċenti għal dawk li jipprovduha. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat finanzjament adegwat fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġi pprovdut appoġġ għal proġetti u inizjattivi li jrawmu u jimplimentaw it-tagħlim fl-oqsma tal-ambjent u tas-sostenibbiltà.

4.3Is-suġġett tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli huma assolutament trasversali. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu kkunsidrati l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet mistennija miż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni permezz ta’ approċċ trasversali li jkun kapaċi jipprovdi ħiliet teoretiċi u prattiċi, inkluż billi jiġu implimentati u mtejba l-perkorsi mill-iskola għax-xogħol u l-apprendistati professjonali. It-taħriġ dwar dawn is-suġġetti għandu jsir strutturali wkoll, billi jitfassal u jiġi żviluppat billi jibda mit-territorji u mill-ħtiġijiet tagħhom, f’qafas usa’ fil-livell nazzjonali u bil-ħsieb ta’ tagħlim tul il-ħajja.

4.4It-tagħlim tat-tfal dwar il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u protezzjoni ambjentali għandu jibda minn età bikrija, jibda fl-iskola preprimarja u jkompli bi programmi ddedikati matul l-iskola. Huwa għalhekk importanti li l-għalliema jirċievu wkoll taħriġ speċifiku u li jkollhom opportunitajiet garantiti biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fuq bażi kontinwa.

4.5L-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni ekoloġika u kulturali fil-proċessi edukattivi timplika li jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol edukattiv tal-iskejjel, li huma fdati bil-kompitu li jappoġġjaw perkorsi ċiviċi li huma kapaċi jgħallmu lill-istudenti jgħixu fid-dinja b’mod ġdid u sostenibbli. L-istudenti għalhekk isiru l-protagonisti ta’ bidla li tidderiġihom lejn mudell ġdid ta’ soċjetà li jqiegħed l-ambjent fiċ-ċentru u jippermettilhom jesperimentaw u jxerrdu stili ta’ ħajja ġodda li huma f’bilanċ man-natura.

4.6Il-kuntest attwali, li qed jinbidel b’mod kostanti u rapidu, jappella għal ambjenti edukattivi innovattivi billi jinħoloq alfabett ekoloġiku ġdid li jkun konformi mal-għanijiet tal-Aġenda tal-2030 u li jkun iffokat fuq il-metodi ta’ implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-għodod offruti mill-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja 3 , li jqis il-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-kisba tal-objettivi relatati.

4.7Il-KESE jenfasizza li kulħadd għandu bżonn għarfien biex jindirizza t-tibdil fil-klima, speċjalment dwar l-aspetti kollha tal-konsum u tal-produzzjoni sostenibbli, l-għażliet tal-ikel responsabbli u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, kif ukoll l-użu tal-enerġija sostenibbli. L-edukazzjoni taż-żgħażagħ għandha tkun appoġġjata mit-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri u mill-edukazzjoni taċ-ċittadini 4 .

4.8Is-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika għalhekk se jiddependi fuq il-kapaċità tal-iskejjel li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u mal-attivitajiet barra mill-iskola, speċjalment mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mas-soċjetà ċivili organizzata, u b’hekk jiġġeneraw żieda fis-sensibilizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni inkluż fost iċ-ċittadini ordinarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġġudika b’mod pożittiv l-esperjenza tal-Proġett Erasmus Ekoloġiku u jistenna bil-ħerqa li dan jiġi implimentat.

4.9Is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u t-tmexxija pożittiva dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni ambjentali huma saħansitra aktar b’saħħithom fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa, jiġifieri l-Ġenerazzjoni Z jew il-“Gen Z” (dawk taħt il-25 sena) u dawk b’aktar edukazzjoni u għodod kulturali aktar b’saħħithom. Dan ifisser li s-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni kwalifikata huma mistennija li jiżdiedu u jikkonsolidaw, iżda wkoll li r-reazzjonijiet pożittivi meħtieġa jistgħu jissaħħu billi tittejjeb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jissaħħaħ il-kapital uman tagħhom fl-isferi soċjali u ekonomiċi. Għall-kuntrarju, kwalifiki edukattivi baxxi u d-diffikultà biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol mhux biss inaqqsu l-kontribut għat-tkabbir attwali tal-pajjiż, iżda jdgħajfu wkoll ir-rwol taż-żgħażagħ bħala parteċipanti attivi fi proċessi ġodda ta’ tkabbir li huma aktar konformi mal-isfidi taż-żmien li jgħixu fih.

4.10Ma jistax ikun hemm tranżizzjoni mingħajr ħiliet. Huwa kruċjali li l-ħaddiema, kemm żgħażagħ kif ukoll akbar fl-età, jingħataw ħiliet abilitanti biex jirregolaw l-innovazzjoni li tirriżulta mit-tranżizzjoni ekoloġika li inevitabbilment għandha, u se jkollha fil-futur, impatt sinifikanti fuq id-dinja tax-xogħol. Il-KESE jemmen li huwa importanti li jsir investiment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. It-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, jiġifieri s-sett ta’ prattiki ta’ taħriġ u tagħlim li jseħħu f’kuntesti tax-xogħol, b’mod partikolari fil-forma ta’ apprendistati, jirrappreżenta element deċiżiv għall-akkwist (mill-ġdid) tal-ħiliet, kemm tekniċi kif ukoll trasversali. It-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, l-internships u l-apprendistati huma tliet forom li, bil-modi diversi tagħhom stess, jgħinu biex jinħoloq djalogu virtuż bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet individwali taż-żgħażagħ. L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fil-kisba ta’ dan, permezz tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv.

4.11It-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun tranżizzjoni ġusta, li tiżgura taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema u impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura. Huwa għalhekk li l-KESE jqis li huwa essenzjali li l-politiki ta’ taħriġ ikunu olistiċi, integrati mal-politiki industrijali, ikkoordinati ma’ strateġiji oħra ta’ żvilupp, u ppjanati fid-dettall fil-livell territorjali u lokali, b’rabta mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

4.12Bħalissa hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ approċċ olistiku bħal dan, u tad-diffużjoni fqira tal-ħiliet ekoloġiċi u, bħala konsegwenza, ta’ impjiegi ekoloġiċi, speċjalment fost dawk b’livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni u ħiliet. Dan jirriskja li jiġġenera polarizzazzjoni ġdida: bejn dawk li għandhom ħiliet ekoloġiċi, u għalhekk igawdu minn impjegabbiltà eċċellenti fix-xenarji miftuħa mit-tranżizzjoni ekoloġika, u dawk li minflok jibqgħu esklużi minn dawn il-proċessi ta’ taħriġ, ikollhom ħiliet limitati u spiss ikunu involuti f’kompiti operazzjonali li jirriskjaw li jisparixxu minħabba l-effett ikkombinat tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-awtomatizzazzjoni industrijali.

4.13L-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun ukoll parti integrali mill-istrateġiji tal-ekonomija ekoloġika. In-nisa żgħażagħ huma sottorappreżentati fl-oqsma teknoloġiċi u xjentifiċi, minħabba li x’aktarx ma jagħżlux edukazzjoni speċjalizzata f’dawn is-setturi minħabba l-istereotipi marbutin mal-ġeneru li jqisu ċerti impjiegi bħala purament tal-irġiel. Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata tan-nisa f’setturi li għaddejjin u li fil-futur qrib se jgħaddu minn żvilupp kbir minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika, dawn l-istereotipi jridu jiġu indirizzati u l-gwida għall-karriera fl-iskola jista’ jkollha rwol kruċjali. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar riżorsi biex joffru l-gwida għall-karriera liż-żgħażagħ fl-iskola u biex jappoġġjawhom fix-xogħol permezz ta’ servizzi pubbliċi tal-impjiegi effiċjenti li huma marbuta b’mod adegwat man-nisġa produttiva tat-territorju.

4.14L-iżvilupp tal-innovazzjoni huwa kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika. L-inkoraġġiment taż-żgħażagħ b’attitudni imprenditorjali fil-proċess tal-innovazzjoni permezz ta’ taħriġ u appoġġ speċifiċi għal proġetti innovattivi u billi jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat huwa għalhekk aspett ewlieni biex jinkisbu l-objettivi.

4.15It-tranżizzjoni ekoloġika fl-Unjoni Ewropea tista’ toħloq miljun impjieg ġdid sal-2030, iżda tista’ twassal ukoll għal bejn 500 000 u 2 miljun persuna qiegħda, skont valutazzjoni tal-impatt 5 mill-Aġenzija tal-UE għall-Ambjent. Il-KESE jqis li hija prijorità għall-Istati Membri li jinvestu riżorsi sinifikanti, l-ewwel b’dawk tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fl-appoġġ għan-negozji li jeħtieġ li jikkonvertu l-attivitajiet tagħhom, fir-riallokazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u fl-appoġġ għall-imprendituri, b’mod partikolari għall-imprendituri żgħażagħ, li beħsiebhom jinvestu f’negozji ekoloġiċi.

Brussell, 22 ta’ Marzu 2023

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    Opinjoni tal-KESE dwar Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44 .
(2)      Opinjoni tal-KESE dwar It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46 .
(3)     https://www.lifecycleinitiative.org/starting-life-cycle-thinking/what-is-life-cycle-thinking/ .
(4)      Opinjoni tal-KESE dwar L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni  ĠU C 100, 16.3.2023. p.38 .
(5)       https://www.eea.europa.eu/policy-documents/swd-2020-176-final-part.