OPINJONI
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
Proċedura ta’ Żbilanċi Soċjali
|
_____________
|
Proċedura ta’ Żbilanċi Soċjali
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola)
|
|
SOC/748
|
|
Relatur: Justyna Kalina OCHĘDZAN
|
|
Talba għall-konsultazzjoni mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill
|
Ittra, 27/07/2022
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
03/04/2023
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
27/04/2023
|
Sessjoni plenarja Nru
|
578
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
234/7/5
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw b’mod sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali sabiex tinkiseb konverġenza ’l fuq f’dawn it-tliet oqsma, b’livell għoli ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-iżvilupp ta’ dawn l-oqsma fl-istess ħin joħloq għadd ta’ sfidi.
1.2Il-KESE jinnota li f’kuntest ta’ kriżijiet multipli u kriżijiet futuri potenzjali, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid is-sett ta’ għodod ta’ governanza soċjali tal-UE biex tinkiseb konverġenza soċjali ’l fuq u jitnaqqsu l-inugwaljanzi.
1.3Diversi kriżijiet u l-effetti fit-tul tagħhom qed ipoġġu f’riskju l-konverġenza soċjali ’l fuq fl-UE, bil-governanza fiskali u makroekonomika u l-governanza ambjentali jiġu żviluppati aktar u kkoordinati aħjar mill-governanza soċjali. Il-KESE jqis il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali bħala opportunità biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali biex tinkiseb konverġenza soċjali ’l fuq. Dan għandu jwassal ukoll għal użu aħjar tal-arkitettura ta’ governanza attwali fl-UE.
1.4Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali, u li din tiġi żviluppata aktar, bħala parti mis-sistema integrata ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri taħt is-Semestru Ewropew. Huwa importanti li l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tikkomplementa l-proċessi u l-għodod ta’ monitoraġġ eżistenti, u żżid valur miżjud ċar f’termini tal-iffaċilitar tal-konverġenza soċjali ’l fuq.
1.5L-aħjar mod biex tiġi implimentata l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali huwa approċċ gradwali li, kull meta jkun meħtieġ, jibni fuq, u jiġi integrat fil-proċeduri u s-sistemi eżistenti għall-monitoraġġ tal-eżiti soċjali abbażi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu.
1.6Il-KESE jipproponi li l-iżbilanċi soċjali jiġu definiti bħala sitwazzjonijiet kritiċi identifikati mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali u devjazzjonijiet ċari mill-perkors biex jintlaħqu l-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kwalità tal-metodoloġija għall-kejl tal-eżiti soċjali għandha tittejjeb sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bis-sħiħ il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u x-xejriet pluriennali.
1.7Il-KESE jirrakkomanda li l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tiġi integrata fis-Semestru Ewropew, matul il-fażijiet differenti tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jużaw ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, ir-Rapporti tal-Pajjiżi u r-reviżjonijiet fil-fond ad hoc biex jidentifikaw u jindirizzaw l-iżbilanċi soċjali. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, f’punt separat fil-preambolu u kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi soċjali deskritti fir-rapport tal-pajjiż. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom iħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw riformi speċifiċi li, skont l-analiżi tal-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-imsieħba soċjali nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma l-aktar probabbli li jtejbu s-sitwazzjoni fl-oqsma identifikati bħala kritiċi. Bi tweġiba, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproponi l-inizjattivi u r-riformi li għandhom jiġu implimentati bil-għan li jittejbu s-sitwazzjonijiet kritiċi identifikati. Pjan bħal dan jista’ jinkludi wkoll valutazzjoni tal-konsistenza bejn l-inizjattivi inklużi u l-politiki makroekonomiċi u baġitarji segwiti mill-Istat Membru inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u baġitarji.
1.8Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jagħmlu r-regoli eżistenti b’rabta mal-allokazzjoni tal-fondi (inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u oħrajn) aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu adattati malajr għall-isfidi attwali tas-soċjetà u s-sitwazzjonijiet kritiċi identifikati fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali.
2.Kummenti ġenerali
2.1Din l-Opinjoni hija tweġiba għat-talba tal-Presidenza Spanjola għal opinjoni esploratorja mill-KESE dwar il-Proċedura ta’ Żbilanċi Soċjali. Il-kompitu tal-KESE huwa li jwieġeb il-mistoqsijiet: (i) Fil-fehma tal-KESE, x’inhuwa l-aħjar mod biex tiġi żviluppata l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali bħala mekkaniżmu speċifiku biex jiġu identifikati u monitorjati l-inugwaljanzi soċjali li qed jiżdiedu fl-Unjoni Ewropea? (ii) X’inhu l-aħjar mod biex il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tiġi inkorporata fl-istruttura u l-iskema istituzzjonali attwali tas-Semestru Ewropew, u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv ikkawżat mill-introduzzjoni possibbli tagħha? (iii) Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif jista’ jkun marbut mas-sistema ta’ monitoraġġ li tirriżulta mill-ħolqien tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali? (iv) Kif jista’ jintuża l-proċess ta’ governanza ekonomika attwali biex jissaħħu l-koerenza u l-armonija bejn l-aspetti makroekonomiċi u soċjali tas-Semestru Ewropew?
2.2Sabiex tinkiseb tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali ġusta u biex jittaffa l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-kawżi tal-inugwaljanzi soċjali u jimmiraw li jibbilanċjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, li jiffavorixxu l-inklużjoni soċjali, abbażi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
2.3Fis-Summit Soċjali ta’ Porto f’Mejju 2021, il-Belġju u Spanja pproponew li t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta tiġi estiża sabiex tkun tinkludi mekkaniżmu ta’ twissija li jista’ jiskatta azzjonijiet ta’ segwitu u diskussjonijiet fil-livell tal-Kummissjoni u dak ministerjali, li jibni fuq l-approċċ għall-iżbilanċi makroekonomiċi li jinsab fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR).
2.4Id-diskussjoni bl-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew permezz tal-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ żbilanċi soċjali kompliet fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) f’Ottubru u Diċembru 2021, u l-Presidenza Franċiża inkludiet dan is-suġġett fid-dibattitu u l-aġenda għall-ewwel nofs tal-2022. Il-konklużjonijiet tad-diskussjonijiet issemmew fil-Kunsill EPSCO ta’ Ġunju 2022.
2.5Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-UE u l-Istati Membri qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bi tliet miri ewlenin u miri sekondarji. Kull Stat Membru jistabbilixxi wkoll il-miri tiegħu stess f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-Istati Membri hija mmonitorjata permezz tal-metodoloġija ta’ tabella ta’ valutazzjoni soċjali b’indikaturi ewlenin u sekondarji. Abbażi ta’ dan il-monitoraġġ, il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-pożizzjoni medja huma ddeterminati fl-oqsma koperti mill-indikaturi. Dan jippermetti li jiġu identifikati l-oqsma tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jirrikjedu azzjoni f’pajjiżi speċifiċi (sitwazzjonijiet kritiċi fil-livell soċjali).
2.6Is-Semestru Ewropew huwa l-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-istrumenti għall-ilħuq tal-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Is-Semestru jqis ukoll l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan għall-implimentazzjoni tiegħu u l-monitoraġġ tal-eżiti soċjali.
3.Lejn konverġenza soċjali ’l fuq
3.1Il-KESE jemmen li f’kuntest ta’ kriżijiet multipli, kriżijiet futuri potenzjali kif ukoll żbilanċi ekonomiċi u soċjali, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid is-sett ta’ għodod ta’ governanza soċjali tal-UE biex tinkiseb konverġenza soċjali ’l fuq u jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Fl-2022, il-perċentwal tal-Ewropej li ma jaqblux jew li ma jaqblu xejn mal-osservazzjoni li “in-nies jingħataw dak li jistħoqqilhom f’pajjiżhom” kien akbar (37 %) mill-perċentwal tal-Ewropej li jaqblu ma’ din l-osservazzjoni (35 %).
3.2Fil-fehma tal-KESE, l-ilħuq simultanju ta’ objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali bħala parti minn konverġenza komprensiva ’l fuq tippreżenta sfida kbira. F’dawn l-aħħar snin, ġew żviluppati proċeduri għall-governanza fiskali u makroekonomika u għall-governanza ambjentali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif ukoll għall-koordinazzjoni bejniethom. Id-dimensjoni soċjali tal-governanza tal-UE għadha lura fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dawn l-oqsma u l-koordinazzjoni bejniethom.
3.3Fi żmien ta’ kriżi relatata mal-enerġija, il-migrazzjoni, il-gwerra, il-klima u l-perjodu ta’ wara l-COVID, l-Ewropa teħtieġ tmexxija ekonomika u soċjali b’saħħitha, kemm fl-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali bħala mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ koordinazzjoni, li jgħin biex jintlaħqu objettivi soċjali u ekonomiċi aħjar u jikkontribwixxi għall-konverġenza soċjali fl-UE.
3.4Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jagħmlu r-regoli eżistenti b’rabta mal-allokazzjoni tal-fondi (inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u oħrajn) aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu adattati malajr għall-isfidi attwali tas-soċjetà u s-sitwazzjonijiet kritiċi identifikati, fost oħrajn, fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali. Il-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u l-kriżijiet tal-klima u tal-migrazzjoni kollha jesiġu risponsi nazzjonali aħjar u, fejn adatt, risponsi tal-UE għall-effetti fit-tul tal-kriżijiet u għal tipi ġodda ta’ esklużjoni. L-għoli tal-ħajja li qed jiżdied bħalissa huwa l-aktar tħassib urġenti għal 93 % tal-Ewropej, u l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma l-aktar tħassib urġenti għal 82 %. Stħarriġ ieħor tal-Ewrobarometru juri li 78 % tal-Ewropej jemmnu li għandu jiżdied l-infiq pubbliku ġenerali fuq politiki soċjali ewlenin.
4.Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Presidenza Spanjola
4.1Il-KESE jipproponi li l-iżbilanċi soċjali jiġu definiti bħala sitwazzjonijiet kritiċi identifikati mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali u devjazzjonijiet ċari mill-perkors biex jintlaħqu l-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kwalità tal-metodoloġija għall-kejl tal-eżiti soċjali għandha tittejjeb sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bis-sħiħ il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u x-xejriet pluriennali. Fir-rigward tal-kejl tal-progress biex jinkisbu l-Miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandhom jiġu kkunsidrati biss indikaturi affidabbli u komparabbli.
4.2Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali, u li din tiġi żviluppata aktar, bħala parti mis-sistema integrata ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri taħt is-Semestru Ewropew. Huwa importanti li l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tikkomplementa l-proċessi u l-għodod ta’ monitoraġġ eżistenti, u żżid valur miżjud ċar f’termini tal-iffaċilitar tal-konverġenza soċjali ’l fuq. Fl-istess ħin, għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi bla bżonn biex jiġi żgurat sens ta’ sjieda u impenn fl-Istati Membri.
4.3Il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri fil-kisba ta’ konverġenza soċjali ’l fuq f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jassumi li dan diġà ġie parzjalment implimentat fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri tiegħu għall-2030 u l-monitoraġġ tal-eżiti soċjali. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li l-kisba ta’ dawn l-objettivi se tkun imxekkla min-nuqqas ta’ investiment soċjali u riformi f’dawk l-Istati Membri li ġew identifikati li jinsabu f’sitwazzjoni soċjali kritika mit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali. Dawn is-sitwazzjonijiet ipoġġu f’riskju kemm l-ilħuq tal-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll l-konverġenza soċjali ’l fuq, u għalhekk għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fi ħdan l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali.
4.4Il-KESE jemmen li l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandha tingħata l-istess importanza bħall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jew il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku. Il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tista’ tkompli ttejjeb dak li diġà nkiseb fil-governanza soċjali billi tagħmel użu aktar effettiv tal-proċessi u modi eżistenti kif titkejjel il-konverġenza soċjali u, fejn meħtieġ, billi jiġu żviluppati oħrajn ġodda. Il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku u l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandhom jiġu kkoordinati u mhux sovrapposti.
4.5Il-KESE jirrimarka li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom kompetenzi differenti fir-rigward tat-tfassil tal-politika soċjali dwar ix-xogħol, l-edukazzjoni u s-saħħa u l-protezzjoni soċjali, li huma koperti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet ewlenin f’dan il-qasam huma tal-Istati Membri, mifhuma bħala l-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll diversi partijiet ikkonċernati bħat-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. B’riżultat ta’ din id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea qed tieħu ħafna inizjattivi f’dawn l-oqsma relatati mal-koordinazzjoni, ir-regolamentazzjoni u l-finanzi, fi ħdan il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u l-prijoritajiet soċjali tagħha.
4.6Fil-fehma tal-KESE, l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali hija possibbli fis-sitwazzjoni legali attwali fl-UE. Għaldaqstant, l-UE għandha kompiti soċjali importanti xi twettaq, u tista’ tagħmel dan prinċipalment permezz ta’ dikjarazzjonijiet (Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u Pjan ta’ Azzjoni), rakkomandazzjonijiet, strumenti finanzjarji (eż. kundizzjonalità soċjali u prijoritajiet soċjali tal-politika ta’ koeżjoni) u strumenti ta’ koordinazzjoni (is-Semestru Ewropew u l-monitoraġġ tal-eżiti soċjali abbażi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali). Dan l-approċċ iqis il-kompetenzi speċifiċi fil-livelli differenti kif ukoll ir-rwol tad-diversi partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tista’ tappoġġja lil dawk li jfasslu l-politika fl-isforzi tagħhom biex tinkiseb konverġenza soċjali ’l fuq u jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Hija għandha tqis id-dimensjonijiet soċjali rilevanti definiti b’mod konġunt mill-Istati Membri u d-diversi partijiet ikkonċernati.
4.7Jekk tkun marbuta sew mal-mekkaniżmi eżistenti, bħas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali, il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tista’ tgħin biex tibni fuq il-kisbiet eżistenti, jiġifieri l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-monitoraġġ tal-eżiti soċjali abbażi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
4.8Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-KESE jqis li l-ewwel pass fl-iżvilupp tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandu jkun l-introduzzjoni ta’ bidliet fil-prinċipji li jiggwidaw lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi (JER), tar-rapporti tal-pajjiżi (CR) u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR) fi ħdan is-Semestru Ewropew.
4.9Ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi u r-rapporti tal-pajjiżi għandhom jinkludu sottokapitolu separat dwar l-iżbilanċi soċjali li jqiegħdu f’riskju l-konverġenza soċjali ’l fuq, u li jsemmi l-oqsma identifikati bħala kritiċi fil-monitoraġġ tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali. Għalhekk, dan se japplika biss għall-Istati Membri fejn tali oqsma ġew identifikati.
4.10Il-KESE jirrakkomanda li l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali tiġi integrata fis-Semestru Ewropew, matul il-fażijiet differenti tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jużaw ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, ir-Rapporti tal-Pajjiżi u r-reviżjonijiet fil-fond ad hoc biex jidentifikaw u jindirizzaw l-iżbilanċi soċjali.
4.11Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, f’punt separat fil-preambolu u kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi soċjali deskritti fir-rapport tal-pajjiż. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom iħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw riformi speċifiċi li, skont l-analiżi tal-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-imsieħba soċjali nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma l-aktar probabbli li jtejbu s-sitwazzjoni fl-oqsma identifikati bħala kritiċi. Bi tweġiba, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproponi l-inizjattivi u r-riformi li għandhom jiġu implimentati bil-għan li jittejbu s-sitwazzjonijiet kritiċi identifikati. Pjan bħal dan għall-inizjattivi u r-riformi jista’ jinkludi wkoll valutazzjoni tal-konsistenza bejn l-inizjattivi inklużi u l-politiki makroekonomiċi u baġitarji segwiti mill-Istat Membru inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u baġitarji.
4.12L-UE għandha timplimenta strumenti ġodda u ffinanzjati aħjar biex tikkomunika direttament mal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali u r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru, sabiex toħloq trasparenza u impatt fuq is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri.
4.13Sabiex tiġi evitata l-konverġenza ’l isfel, l-Istati Membri soġġetti għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) għandhom jintalbu jadottaw pjan ta’ riforma u ta’ investiment fl-oqsma identifikati bħala kritiċi. F’din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri inkwistjoni għandu jkollhom id-dritt li jinnegozjaw mill-ġdid il-pjani ta’ nfiq ta’ fondi oħra, inkluż fejn meħtieġ il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bi qbil mal-Kummissjoni.
4.14L-ewwel pass fl-iżvilupp tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali, kif propost hawn fuq, għandu l-inqas piż possibbli f’termini ta’ ħidma analitika u amministrattiva addizzjonali, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri. Dan il-pass ma jipproponix rapportar addizzjonali għall-Istati Membri kollha, u lanqas ma jżid proċeduri ġodda ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar ma’ dawk diġà fis-seħħ.
4.15Is-sistema attwali ta’ monitoraġġ tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali żviluppata għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali diġà ġiet stabbilita u hija bbażata fuq metodoloġija kumplessa għall-interpretazzjoni ta’ sett kbir ta’ indikaturi. Dawn jikkorrispondu għall-oqsma ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-progress fl-ilħuq tal-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa mmonitorjat ukoll. Il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandha tiġi inkorporata fil-proċess eżistenti tas-Semestru Ewropew u tagħmel użu mill-indikaturi eżistenti (Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali).
4.16Fil-pass li jmiss tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali, l-ambitu tal-kejl u tal-indikaturi għandhom jiġu żviluppati f’konformità mad-definizzjoni tal-iżbilanċi soċjali adottata fil-kuntest tal-konverġenza soċjali ’l fuq.
4.17L-analiżijiet u l-konsultazzjonijiet futuri dwar il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandhom jinkludu tweġibiet dwar il-punt sa fejn l-indikaturi tal-monitoraġġ tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali jikkorrispondu għall-prinċipji kollha tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u sa liema punt, u kif, l-oqsma identifikati bħala kritiċi jistgħu jfixklu l-konverġenza soċjali ’l fuq.
4.18Il-kundizzjoni ġenerali tal-Istati Membri, inkluż fid-dimensjoni ekonomika, għandha impatt fundamentali fuq l-iskala u d-dinamika tal-problemi soċjali li jaffettwaw lill-abitanti tagħhom u b’hekk ukoll il-konverġenza soċjali ’l fuq. Jekk prestazzjoni soċjali tajba tirrikjedi prestazzjoni ekonomika tajba, allura l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni li jiggarantixxu lil tal-aħħar (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku) se jkunu kruċjali għal tal-ewwel. L-ewwel pass propost mill-KESE għall-iżvilupp tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali iqis l-approċċ ta’ hawn fuq, li jirfed il-loġika tal-governanza fiskali u makroekonomika fi ħdan l-UE.
5.Sfidi u prijoritajiet għall-iżvilupp tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali
5.1L-iżvilupp ulterjuri tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali bħala parti mis-sistema integrata ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri taħt is-Semestru Ewropew, iżda wkoll taħt strumenti oħra tal-UE, għandu jiġi analizzat u diskuss aktar fil-fond mill-Kummissjoni, il-Kunsill, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bil-għan li tiġi implimentata b’mod parallel mar-riforma tal-governanza fiskali u makroekonomika.
5.2Il-fattibbiltà politika, amministrattiva u ekonomika tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandha tiġi eżaminata f’aktar dettall. Hawnhekk għandha tingħata attenzjoni biex ma jkunx hemm proċeduri doppji, sabiex il-burokrazija tinżamm kemm jista’ jkun mill-inqas, u biex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti b’mod ġenwin f’dan il-proċess.
5.3Il-KESE jenfasizza li r-rwol tal-Kunsill EPSCO fil-proċedura ta’ żbilanċi soċjali għandu jissaħħaħ sabiex tissaħħaħ l-approvazzjoni politika tar-riżultati tal-istrument. Il-parteċipazzjoni tal-Kunsill EPSCO tista’ tiġi żgurata permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċedura ta’ żbilanċi soċjali fi tmiem il-proċess.
5.4Il-KESE jenfasizza li huwa kruċjali, għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi soċjali, li jinsiltu konklużjonijiet prattiċi speċifiċi mill-monitoraġġ tar-riżultati soċjali u dwar sa liema punt intlaħqu l-objettivi soċjali tal-UE fl-Istati Membri.
(a)L-ewwel konklużjoni tikkonċerna l-koordinazzjoni bejn il-governanza fiskali u makroekonomika u l-proċedura ta’ żbilanċi soċjali. L-Istati Membri soġġetti għal proċeduri ta’ defiċit eċċessiv u/jew li jinsabu f’riskju ta’ żbilanċi makroekonomiċi, u b’oqsma kritiċi fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali u li ddevjaw mill-perkors biex jintlaħqu l-miri soċjali, għandhom jirċievu sinjal ċar li l-UE qed tappoġġja r-riformi soċjali u l-investimenti f’oqsma soċjali kritiċi identifikati. Huwa fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jipproponi l-aktar soluzzjonijiet u approċċi xierqa sabiex jiġu rimedjati l-oqsma kritiċi.
(b)It-tieni konklużjoni prattika tikkonċerna l-applikazzjoni tal-ewwel konklużjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinkludi, f’subtaqsima separata tar-rapporti tal-pajjiżi, analiżi tal-iżbilanċi soċjali bbażata fuq il-monitoraġġ tar-riżultati soċjali u l-progress lejn l-objettivi soċjali. Għandha wkoll tqishom fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, kemm fil-preambolu kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet infushom.
Ir-rwol tal-Kunsill EPSCO, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jissaħħaħ f’dan il-proċess.
Brussell, 27 ta’ April 2023
Oliver RÖPKEIl-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________