|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
Id-dritt għal ambjent b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea
|
|
_____________
|
|
Id-dritt għal ambjent b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
|
|
|
|
NAT/885
|
|
|
|
Relatur: Ozlem YILDIRIM
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
27/10/2022
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
13/04/2023
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
27/04/2023
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
578
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
162/1/1
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Fit-23 ta’ Ġunju 2022, l-Ukrajna saret pajjiż kandidat għas-sħubija mal-UE. Meta l-Ukrajna tissieħeb fl-UE, se tkun l-akbar jew it-tieni l-akbar Stat Membru tal-UE f’termini ta’ territorju. It-territorju kbir tal-Ukrajna għandu ekosistemi differenti; tabilħaqq, skont is-segretarjat tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Ukrajna tkopri 6 % tat-territorju tal-Ewropa iżda tospita 35 % tal-bijodiversità tagħha.
1.2Il-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra tinkludi d-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, u l-kontaminazzjoni tar-raba’ li jinħadem u tal-mergħat. Skont ir-rapporti, minn mindu bdiet il-gwerra, 200 000 ettaru ta’ foresti ntlaqtu min-nirien, inħarqu 680 000 tunnellata ta’ fjuwils fossili, u 180 000 metru kubu ta’ ħamrija ġew ikkontaminati bil-munizzjon. Il-gwerra ddegradat iż-żoni protetti u qerdet l-impjanti tat-trattament tal-ilma. Aktar minn 100 każ ta’ nirien fil-foresti ġew skattati mill-kunflitt, li rrilaxxaw 33 miljun tunnellata ta’ CO2.
1.3L-azzjonijiet tar-Russja jidhru li jammontaw għal ekoċidju, abbażi ta’ definizzjoni proposta minn esperti legali u ppubblikata f’Ġunju 2021. Il-KESE talab li l-“ekoċidju”, kif definit mill-Bord ta’ Esperti Indipendenti għad-Definizzjoni Legali tal-Ekoċidju, jiġi kkodifikat bħala reat kriminali skont il-liġi tal-UE. Ir-rikonoxximent tar-reat tal-ekoċidju fid-Direttiva riveduta tal-UE dwar ir-Reati Ambjentali se jwassal għal żviluppi fil-leġiżlazzjoni lil hinn mill-UE, b’mod partikolari fil-Qorti Kriminali Internazzjonali, u dan jista’ jgħin biex ir-Russja tingħata ċertu obbligu ta’ rendikont li jirrifletti l-ħsara ambjentali u ekoloġika kkawżata.
Il-KESE:
1.4jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittejjeb il-protezzjoni ambjentali għad-drittijiet fundamentali fl-UE u lil hinn minnha, li ġiet aggravata mill-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna, inklużi l-ħsara lis-saħħa fiżika u mentali tal-bniedem, id-degradazzjoni tal-ekosistema, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, u l-kontaminazzjoni tar-raba’ li jinħadem u tal-mergħat, li jheddu direttament il-produzzjoni agrikola u jesponu l-fraġilità tas-sigurtà globali tal-ikel;
1.5jiġbed l-attenzjoni dwar l-impatt ambjentali u soċjali tal-invażjoni tar-Russja, u dwar l-importanza tal-appoġġ u l-għoti tiegħu biex jiġu ddokumentati, immappjati u mkejla dawn il-konsegwenzi, biex tiġi segwita l-protezzjoni legali tal-ambjent, biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont, biex jiġu stabbiliti l-pedamenti għal irkupru ekoloġiku u sostenibbli wara l-gwerra, u biex tingħata għajnuna bil-għan li jiġu vvalutati l-bżonnijiet finanzjarji għar-riallokazzjoni tal-fondi għall-irkupru ekoloġiku;
1.6jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi biex jidentifikaw l-impatti ambjentali negattivi tal-gwerra illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jeħtiġilhom jappoġġjaw l-isforzi tas-soċjetà ċivili biex tiddokumenta l-ħsara ambjentali, inklużi r-reati ambjentali, imwettqa mir-Russja, u jappoġġjaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tiswir tal-bini mill-ġdid tal-Ukrajna;
1.7iħeġġeġ li l-UE jeħtiġilha tgħin biex tipproteġi l-ambjent tal-Ukrajna u biex issewwi l-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra. Il-KESE jsostni li l-isforzi kollha ta’ rikostruzzjoni ser jitwettqu b’konformità mal-istandards internazzjonali tal-ILO u l-prinċipji tal-kundizzjonalità soċjali;
1.8jenfasizza li s-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent ma jistgħux jiġu sseparati – is-saħħa tal-ekosistemi, tal-annimali u tan-nies huma interkonnessi – u li l-UE għandha tissalvagwardja dan id-dritt. Id-deterjorament ambjentali huwa l-kawża primarja ta’ mard. It-tniġġis akustiku, pereżempju, jikkawża l-mewt ta’ 12 000 persuna fis-sena. L-interkonnettività tas-saħħa tal-ambjent u tal-bniedem hija wkoll partikolarment evidenti fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel;
1.9jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-metodi ta’ spezzjoni tal-ikel u tal-agrikoltura meta jidħlu fis-suq uniku, b’attenzjoni speċifika għad-detezzjoni tat-tniġġis ambjentali kkawżat mill-gwerra fl-Ukrajna sabiex tiġi ggarantita s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha u tal-ambjent tagħna;
1.10jisħaq li d-dritt għal ambjent b’saħħtu huwa essenzjali għall-benessri soċjali u ekonomiku tan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja. Huwa stmat li madwar 40 % tal-impjiegi globalment jiddependu minn klima u ekosistema b’saħħithom. Fid-dawl tal-qafas legali internazzjonali u ta’ din ir-realtà qawwija, mhuwiex sorprendenti li ġew adottati bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE biex l-obbligu tal-UE li tiżgura r-rispett għad-dritt għal ambjent b’saħħtu jiġi applikat fil-prattika;
1.11iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex japprofondixxu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-effettività tal-għodod legali eżistenti, peress li l-effettività fil-prattika spiss tkun nieqsa. Il-ħafna eżempji ta’ litigazzjoni kontra n-nuqqasijiet tal-Istati Membri jew tal-UE nnifisha f’oqsma bħall-arja nadifa, il-klima, is-sajd, jew l-ilma juru sa liema punt l-awtoritajiet pubbliċi qed jonqsu milli jiżguraw ir-rispett għal dan id-dritt.
2.Kummenti ġenerali
2.1Id-dritt għal ambjent b’saħħtu fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE
2.1.1Fis-16 ta’ Marzu 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa keċċa r-Russja b’effett immedjat. Għalhekk, waqt li l-UE kienet f’nofs in-negozjati tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (il-Konvenzjoni), fis-16 ta’ Settembru 2022 ir-Russja ma baqgħetx marbuta biha. Dan naqqas b’mod drammatiku l-kopertura tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar il-kontinent Ewropew. Madankollu, fiż-żmien tal-invażjoni u sas-16 ta’ Settembru 2022, ir-Russja kienet marbuta mill-Konvenzjoni u, minkejja li r-Russja rtirat anke minn istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn, din kienet u għadha soġġetta għal firxa wiesgħa ta’ obbligi internazzjonali. Dawn jikkonċernaw mhux biss id-drittijiet tal-bniedem iżda wkoll l-ambjent: il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità huma fost dawk li r-Russja kisret bl-aggressjoni tagħha.
2.1.2Huwa vitali li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti fil-bqija tal-Ewropa – mhux biss fis-27 Stat Membru tal-UE, fejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem se tissaħħaħ bl-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni, iżda wkoll fid-19-il Stat Membru li jifdal tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Ukrajna.
2.1.3Dan huwa aktar u aktar importanti peress li, fit-23 ta’ Ġunju 2022, l-Ukrajna saret pajjiż kandidat għall-UE. Meta l-Ukrajna tissieħeb fl-UE, se tkun l-akbar jew it-tieni l-akbar Stat Membru tal-UE f’termini ta’ territorju. It-territorju kbir tal-Ukrajna għandu ekosistemi differenti; tabilħaqq, skont is-segretarjat tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Ukrajna tkopri 6 % tat-territorju tal-Ewropa iżda tospita 35 % tal-bijodiversità tagħha. Barra minn hekk, l-art agrikola tal-pajjiż – kruċjali għall-provvisti tal-ikel globali – u l-infrastruttura estensiva tal-fjuwils fossili – li minnha jiddependu ċerti Stati Membri ġirien b’mod partikolari għall-provvisti tal-enerġija – ġarrbu pressjoni enormi matul din l-aħħar sena.
2.1.4L-azzjonijiet tar-Russja jidhru li jammontaw għal ekoċidju, abbażi ta’ definizzjoni proposta minn esperti legali u ppubblikata f’Ġunju 2021. Fl-2001, il-kodiċi kriminali tal-Ukrajna inkluda r-reat tal-ekoċidju. B’mod parallel mad-deċiżoni tal-Parlament Ewropew, il-KESE talab li l-“ekoċidju”, kif definit mill-Bord ta’ Esperti Indipendenti għad-Definizzjoni Legali tal-Ekoċidju, jiġi kkodifikat bħala reat kriminali skont il-liġi tal-UE. Ir-rikonoxximent tar-reat tal-ekoċidju fid-Direttiva riveduta tal-UE dwar ir-Reati Ambjentali se jwassal għal żviluppi fil-leġiżlazzjoni lil hinn mill-UE, b’mod partikolari fil-Qorti Kriminali Internazzjonali, u dan jista’ jgħin biex ir-Russja tingħata ċertu obbligu ta’ rendikont li jirrifletti l-ħsara ambjentali u ekoloġika kkawżata.
2.1.5Fid-19 ta’ Jannar 2023, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li tappella biex jiġi stabbilit tribunal għad-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna – appoġġjata mill-KESE fis-sessjoni plenarja tiegħu fi Frar. It-test tar-Riżoluzzjoni jirreferi darbtejn għal kwistjonijiet ambjentali. L-ewwel nett, jirrikonoxxi r-rabta bejn il-gwerra u l-ħsara fit-tul għall-ambjent naturali u l-klima. It-tieni, jappella għall-istabbiliment ta’ reġistru internazzjonali li, fost affarijiet oħra, jirreġistra ħsara mifruxa u serja għall-ambjent naturali u l-klima sabiex jgħin fid-determinazzjoni ta’ rimedji futuri għall-ħsara kkawżata. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li r-rabta bejn il-ħsara ambjentali bħala arma tal-gwerra tiġi enfasizzata u msaħħa u li ssir prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati.
2.1.6Il-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra tinkludi d-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, u l-kontaminazzjoni tar-raba’ li jinħadem u tal-mergħat. Pereżempju, it-tnixxijiet minn żewġ pipelines tal-gass Russi fil-Baħar Baltiku jistgħu jikkawżaw impatt bla preċedent fuq il-klima u aspetti oħra tal-ambjent. Minn mindu bdiet il-gwerra, 200 000 ettaru ta’ foresti ġew affettwati min-nirien, inħarqu 680 000 tunnellata ta’ fjuwils fossili, u 180 000 metru kubu ta’ ħamrija ġew ikkontaminati bil-munizzjon. Il-gwerra ddegradat iż-żoni protetti u qerdet l-impjanti tat-trattament tal-ilma. Il-periklu huwa akbar peress li l-Ukrajna hija t-tieni l-aktar pajjiż b’enerġija nukleari fl-Ewropa bi 15-il reattur. Aktar minn 100 każ ta’ nirien fil-foresti ġew skattati mill-kunflitt, li rrilaxxaw 33 miljun tunnellata ta’ CO2. Il-bumbardamenti mir-Russja qed jeqirdu l-bijodiversità tal-Ukrajna. L-esperti Ukreni jistmaw li l-ħsara ambjentali kkawżata mir-Russja hija ta’ EUR 24 biljun.
2.1.7Il-gwerra fl-Ukrajna qed tikkawża sfidi bla preċedent u fit-tul fuq l-ambjent. Qed taffettwa wkoll b’mod negattiv is-saħħa fiżika u mentali, l-integrità u l-benessri tal-poplu Ukren u l-ġenerazzjonijiet futuri tiegħu. Dawn l-impatti huma aggravati għal gruppi vulnerabbli u għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-effett psikoloġiku tal-gwerra u l-kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Il-gwerra qed tikkawża kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, kif ukoll tniġġis akustiku, li kollha se jaffettwaw lill-vittmi tagħha għal ġenerazzjoni wara oħra. Ħafna problemi jistgħu jitqiesu li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Ukrajna u jeżistu riskji serji b’mod kollettiv għas-saħħa pubblika. Bħall-effetti tal-gwerra, huwa magħruf li l-impatti fuq is-saħħa mentali u fiżika minħabba d-degradazzjoni ambjentali, b’mod partikolari l-impatti tal-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, huma interġenerazzjonali. Mhumiex biss it-tfal li jgħixu fl-Ukrajna jew li ħarbu minnha llum li se jsofru l-impatti tagħhom; se jbatu wkoll il-ġenerazzjonijiet futuri.
2.1.8Għalhekk l-isforzi tal-movimenti taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet Ukreni biex jiżguraw leħen għall-ġenerazzjoni tagħhom huma element partikolarment kommoventi. Huwa importanti li l-vuċijiet u l-opinjonijiet tagħhom jiffurmaw parti mill-isforzi ta’ rikostruzzjoni.
2.1.9Il-ħsara lill-ekosistema kondiviża tagħna, bħad-degradazzjoni tal-ħamrija, qed thedded direttament lill-produzzjoni agrikola futura u tesponi l-fraġilità tas-sigurtà globali tal-ikel. B’mod partikolari, l-istruttura attwali tas-suq tal-komoditajiet mhijiex qed tgħin biex jintlaħqu l-“ekonomija sostenibbli li neħtieġu” u l-objettivi marbuta mal-iżvilupp sostenibbli, l-ambizzjoni klimatika u t-tranżizzjoni ġusta minquxa fl-Aġenda tal-2030 tan-NU u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda pjuttost qed taħdem b’mod attiv kontrihom.
2.1.10Is-soċjetà ċivili kellha rwol ewlieni fid-difiża tal-ambjent fl-Ukrajna qabel il-gwerra. Il-gwerra affettwat b’mod drammatiku l-kapaċità tas-soċjetà ċivili li twettaq l-attivitajiet tagħha. Ħafna difensuri ambjentali kellhom jaħarbu, jew qed jikkontribwixxu fl-isforzi tal-gwerra. Dawk li għadhom jistgħu joperaw bidlu ħidmiethom biex jiddokumentaw il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fuq l-ambjent. L-involviment tagħhom se jkun vitali fil-bini mill-ġdid tal-ambjent tal-Ukrajna u fl-iżgurar li l-Ukrajna tadotta l-liġi ambjentali tal-UE sabiex tkun tista’ taderixxi mal-UE.
2.1.11Il-protezzjoni ambjentali u l-impatti fuq il-ħajja ta’ kuljum u fuq is-saħħa għadhom importanti għall-Ukreni. Barra minn hekk, skont stħarriġ pubbliku, 95,2 % ta’ dawk li wieġbu jemmnu li r-restawr tan-natura huwa importanti fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra.
2.1.12Sakemm ikun hemm appoġġ internazzjonali adegwat, il-qerda min-naħa tar-Russja tal-infrastruttura tal-industrija peżanti tal-Ukrajna tista’ tinbidel f’opportunità għall-Ukrajna biex tisfrutta l-potenzjal solari u eoliku tagħha u tibni mill-ġdid b’mod aħjar u aktar ekoloġiku b’sorsi alternattivi tal-elettriku, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha u ta’ dawk lil hinn mill-fruntieri tagħha, li jsaħħaħ b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tal-Ukrajna fin-negozjati tal-adeżjoni tagħha mal-UE.
2.1.13Is-sitwazzjoni bħalissa għadha instabbli. Hemm inċertezzi serji dwar il-futur. Lil hinn mid-diżastru umanitarju drammatiku kkawżat mill-bniedem, se jqumu mistoqsijiet dwar l-ispiża finali tal-bini mill-ġdid tal-Ukrajna u l-punt sa fejn ir-Russja tista’ tinżamm responsabbli tagħha. L-UE għandha rwol importanti xi twettaq. Fir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar
Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha
, flimkien mal-impatti umani, il-KESE enfasizza li l-impatti ambjentali tal-gwerra bħala konsegwenza ta’ attakki bil-bombi, tnixxijiet taż-żejt u tal-gass, u inċidenti f’fabbriki kimiċi u impjanti nukleari, huma ta’ tħassib kbir għall-Ukreni, l-UE u lil hinn minnha. Dawn l-impatti ambjentali inevitabbilment se jkollhom konsegwenzi fit-tul għas-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi. L-impatt ambjentali tal-gwerra huwa theddida reali għall-popolazzjoni: l-esperti tan-NU iwissu li t-tniġġis jista’ jieħu s-snin biex jitnaddaf, u b’hekk jiżdied ir-riskju ta’ kanċers, mard respiratorju u dewmien fl-żvilupp fit-tfal. Is-saħħa riproduttiva hija tħassib ieħor. Il-KESE enfasizza li l-UE trid tgħin fil-protezzjoni tal-ambjent tal-Ukrajna u biex tissewwa l-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra. Il-KESE jsostni li l-isforzi kollha ta’ rikostruzzjoni ser jitwettqu b’konformità mal-istandards internazzjonali tal-ILO u l-prinċipji tal-kundizzjonalità soċjali. Il-KESE ppropona li l-UE tirrispondi permezz ta’ programmi bħal RescEU u LIFE, f’koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u lokali u f’kooperazzjoni mas-settur privat u l-NGOs.
2.1.14Waqt li l-gwerra għadha għaddejja, il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali hija importanti għall-immappjar u l-monitoraġġ tal-ħsara ambjentali ta’ natura transfruntiera, sabiex jiġu vvalutati l-ħsarat u l-ħtiġijiet finanzjarji, jitqanqlu l-investimenti u jiġu riallokati r-riżorsi għar-restawr sostenibbli tal-Ukrajna. Fil-każ tal-immappjar, l-EEA appoġġjat l-isforzi biex tittejjeb il-kapaċità ta’ ġbir ta’ informazzjoni li tirrifletti l-istat tal-ambjent ta’ qabel il-gwerra, li tista’ tintuża bħala l-linja bażi fil-proċessi ta’ monitoraġġ.
2.1.15Il-Kummissjoni u l-Kunsill jeħtiġilhom jappoġġjaw l-isforzi tas-soċjetà ċivili biex tiddokumenta l-ħsara ambjentali, inklużi r-reati ambjentali, imwettqa mir-Russja. L-UE jeħtiġilha tiżgura wkoll li l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-bini mill-ġdid tal-Ukrajna jipprevjenu u jtaffu l-impatti ekoloġiċi u ambjentali terribbli tal-gwerra sabiex id-drittijiet tal-bniedem jiġu applikati fil-prattika.
2.1.16L-isforzi tal-UE jridu jiżguraw li l-ekonomija tal-Ukrajna u l-ekonomija tal-UE ma jibqgħux dipendenti mill-fjuwils fossili u li l-isforzi tal-bini mill-ġdid jitbiegħdu mill-infrastruttura tal-fjuwils fossili. L-isforzi tal-UE jridu jiżguraw ukoll li l-Ukrajna tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha fis-sistema globali tal-ikel u – fid-dawl tal-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE – biex l-UE tkun tista’ tissodisfa l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Ftehim ta’ Kunming-Montreal. L-UE għandha tiżgura wkoll li l-programmi ta’ sanzjonijiet tagħha jkollhom impatt pożittiv fuq l-ambjent. L-NGOs appellaw, pereżempju, għall-użu ta’ sanzjonijiet li mhux biss ifixklu l-kapaċità tar-Russja li tkompli l-gwerra illegali tagħha iżda wkoll il-kapaċità tagħha li tapprofitta minn sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat.
2.2L-obbligu legali tal-UE li tipproteġi d-dritt għal ambjent b’saħħtu
2.2.1Fit-28 ta’ Lulju 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni storika li tirrikonoxxi d-dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli bħala dritt tal-bniedem
, li tappella lin-nazzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli għal kulħadd. Is-27 Stat Membru tal-UE vvutaw favur ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-maġġoranza kbira tan-nazzjonijiet. Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tidwi r-Rapport ta’ Informazzjoni tal-KESE tal-2021 dwar Il-protezzjoni ambjentali bħala prerekwiżit għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, u tirrikonoxxi li d-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, id-deżertifikazzjoni u l-iżvilupp mhux sostenibbli jikkostitwixxu wħud mill-aktar theddidiet urġenti u serji għall-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li jgawdu b’mod effettiv id-drittijiet kollha tal-bniedem. Ir-riżoluzzjoni tappella, fost affarijiet oħra, lil organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UE biex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali, isaħħu l-bini tal-kapaċità u jkomplu jikkondividu prattiki tajba sabiex iżidu l-iskala tal-isforzi li jiżguraw ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli għal kulħadd.
2.2.2Id-dritt għal ambjent b’saħħtu jirrikonoxxi r-rabta fundamentali bejn l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent ma jistgħux jiġu sseparati – is-saħħa tal-ekosistemi, tal-annimali u tan-nies huma interkonnessi – u l-UE jeħtiġilha tissalvagwardja dan id-dritt. Id-deterjorament ambjentali huwa l-kawża primarja ta’ mard. Pereżempju, fl-2019, 307 000 mewta prematura ġew attribwiti għal materja partikolata fina, 40 400 għad-diossidu tan-nitroġenu, u 16 800 għal esponiment akut għall-ożonu. Naturalment, il-problema tmur lil hinn mill-kwalità tal-arja. It-tniġġis akustiku, pereżempju, jikkawża l-mewt ta’ 12 000 persuna fis-sena. L-interkonnettività bejn l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem hija wkoll partikolarment evidenti fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel.
2.2.3L-ordni ġuridiku tal-UE huwa fuq quddiem nett globalment f’termini ta’ rikonoxximent, f’livell supranazzjonali, tad-dritt għal ambjent b’saħħtu. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat (l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) jimxu id f’id ma’ diversi oħrajn, b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 191 tat-TFUE, kif ukoll diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta li, meta jinqraw flimkien, jirrappreżentaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli. Bis-saħħa tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma dejjem soġġetti għal dan l-obbligu u l-Istati Membri huma soġġetti għalih meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew talab li “d-dritt għal ambjent b’saħħtu [għandu] jiġi rikonoxxut fil-Karta” u li l-UE “tmexxi l-inizjattiva li dritt simili jkun rikonoxxut internazzjonalment”.
2.2.4Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-UE hija marbuta wkoll li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni meta d-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari permezz tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-ħajja tal-familja, u d-dar (l-Artikolu 7 tal-Karta, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem probabbilment diġà rrikonoxxiet id-dritt għal ambjent sikur u b’saħħtu. Dan jimplika mhux biss obbligi negattivi (l-obbligu li ma jiġix imfixkel id-dritt għal ambjent b’saħħtu), iżda wkoll obbligi pożittivi biex jittieħdu miżuri, bħal dawk li jikkonċernaw il-kwalità tal-arja, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għal dan id-dritt. Dawn l-obbligi se jsiru saħansitra aktar eżegwibbli ladarba l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni, kif jintalab mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Bħall-Parlament Ewropew, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa appellat għal protokoll għall-Konvenzjoni li jirrikonoxxi b’mod espliċitu “d-dritt għal ambjent sikur, nadif, b’saħħtu u sostenibbli”. Dan joħloq dritt eżegwibbli madwar is-27 Stat Membru tal-UE u d-19-il pajjiż terz li huma wkoll membri tal-Kunsill tal-Ewropa.
2.2.5L-UE hija wkoll rikonoxxuta b’mod wiesa’ li għandha influwenza kbira b’mod sproporzjonat fuq ir-regolamentazzjoni ambjentali globali. Diversi oqsma tal-liġi tal-UE li jaffettwaw id-dritt għal ambjent b’saħħtu – b’mod partikolari r-regoli dwar sustanzi tossiċi skont ir-Regolament REACH – huma każijiet klassiċi tal-“effett ta’ Brussell”, li permezz tiegħu r-regoli tal-UE jsiru standards globali.
2.2.6Id-dritt għal ambjent b’saħħtu huwa vitali għall-benessri soċjali u ekonomiku tan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja. Huwa stmat li madwar 40 % tal-impjiegi globalment jiddependu minn klima u ekosistema b’saħħithom. Fid-dawl tal-qafas legali internazzjonali u ta’ din ir-realtà qawwija, mhuwiex sorprendenti li ġew adottati bosta partijiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE biex l-obbligu tal-UE li tiżgura r-rispett għad-dritt għal ambjent b’saħħtu jiġi applikat fil-prattika. Ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE) huma eżempju ċar. L-Avukat Ġenerali Kokott sab li r-regoli dwar il-kwalità tal-arja ambjentali għalhekk ipoġġu f’termini konkreti l-obbligi tal-Unjoni li tipprovdi l-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt fundamentali għall-ħajja skont l-Artikolu 2(1) tal-Karta u l-livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali meħtieġ skont l-Artikolu 3(3) tat-TUE, l-Artikolu 37 tal-Karta, u l-Artikolu 191(2) tat-TFUE. Għall-protezzjoni massima tas-saħħa tal-bniedem, il-KESE jirrakkomanda li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Linji Gwida Globali aġġornati dwar il-Kwalità tal-Arja tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sal-2030.
2.2.7Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE – meħtieġa skont l-Artikolu 192(3) tat-TFUE – jirrikonoxxu dejjem aktar l-ambjent b’saħħtu bħala dritt. It-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jirrikonoxxi b’mod espliċitu li “[i]l-progress lejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 48/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa kundizzjoni abilitanti biex jintlaħqu l-objettivi prijoritarji tat-8 EAP”.
2.2.8Madankollu, ħafna drabi hemm nuqqas ta’ effettività fil-prattika, u l-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha biex japprofondixxu l-isforzi biex itejbu l-effettività tal-għodod legali eżistenti. Il-ħafna eżempji ta’ litigazzjoni kontra n-nuqqasijiet tal-Istati Membri jew tal-UE nnifisha f’oqsma bħall-arja nadifa, il-klima, is-sajd, jew l-ilma juru sa liema punt l-awtoritajiet pubbliċi qed jonqsu milli jiżguraw ir-rispett għal dan id-dritt.
2.2.9Fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-adeżjoni prospettiva tal-Ukrajna mal-UE, huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-UE u l-Istati Membri tagħha japplikaw fil-prattika d-dritt għal ambjent b’saħħtu. Dan ifisser li l-protezzjoni ambjentali tingħata l-istess prijorità bħal oqsma oħra tal-liġi, bħall-kompetizzjoni jew il-protezzjoni tad-data, fejn l-UE hija mudell globali kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika.
2.2.10B’dan il-mod, l-UE għandha l-opportunità li tirrikonoxxi n-natura interġenerazzjonali tad-dritt għal ambjent b’saħħtu.
2.2.11Mhuwiex sorprendenti li l-movimenti taż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom b’mod speċjali fis-sejħa għall-protezzjoni ambjentali. Minħabba l-impatti negattivi tad-degradazzjoni ambjentali fuq is-saħħa riproduttiva, l-eżistenza nnifisha tal-ġenerazzjonijiet futuri tinsab f’riskju. L-UE għandha ssegwi l-eżempju tal-Istati Membri li introduċew istituzzjonijiet imfassla biex jipproteġu l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri. Tali istituzzjoni fil-livell tal-UE tgħin biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjonijiet futuri jgawdu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li l-protezzjoni ambjentali se ġġib magħha llum.
Brussell, 27 ta’ April 2023
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________