OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Rieżami tad-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli

_____________

Proposta għal Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta’ pajjiżi terzi
[COM (2022) 120 final – 2022/0074 (COD)]

ECO/593

Relatur: Kęstutis KUPŠYS 

Korelatur: Christophe LEFÈVRE 

MT

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12/04/2022

Parlament Ewropew, 04/04/2022

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

01/07/2022

Adottata fil-plenarja

14/07/2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

185/0/1//

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat iqis li s-soluzzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għall-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati matul il-proċess ta’ rieżami tar-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) huma, b’mod ġenerali, suffiċjenti u effettivi. Bi proċeduri ta’ saldu tal-UE aktar effiċjenti, is-swieq kapitali se jsiru aktar attraenti kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, u se nkunu pass eqreb lejn il-ksib tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

1.2Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi proporzjonati tal-Kummissjoni biex tissostitwixxi r-rekwiżiti eżistenti tal-passaportar b’notifika, kif ukoll proposta għal kooperazzjoni superviżorja aħjar billi jiġu stabbiliti kulleġġi ta’ superviżjoni adatti, iżda mhux duplikati.

1.3Fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju, il-Kumitat jara aktar opportunitajiet f’soluzzjonijiet ibbażati fuq is-saldu fi flus tal-bank ċentrali. Biex titnaqqas aktar firxa ta’ riskji differenti, għandu jsir użu akbar mill-pjattaforma eżistenti ta’ saldu ta’ titoli monetarji ta’ bank ċentrali bʼdiversi muniti tat-Titoli TARGET2 (T2S).

1.4Il-KESE jqis li huwa ta’ benefiċċju li l-proposta attwali tal-Kummissjoni tiġi ssupplimentata bid-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tar-rwol ċentrali tat-T2S għall-infrastruttura Ewropea tas-saldu tat-titoli, filwaqt li tiġi solvuta wkoll, għalkemm parzjalment, il-kwistjoni tas-sottożvilupp tas-servizzi anċillari tat-tip bankarju fost id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs).

1.5Il-KESE jinnota li l-aktar parti kontroversjali tal-proposta – l-approċċ f’“żewġ stadji” għall-impożizzjoni potenzjali ta’ xiri sfurzat obbligatorju – għadha għażla adegwata bbilanċjata. Ix-xiri sfurzat obbligatorju ma għandux jiġi kkunsidrat qabel ma r-raġunijiet sottostanti għall-fallimenti tas-saldu jiġu eżaminati fid-dettall u tinkiseb ċarezza dwar jekk miżuri oħrajn biex jitnaqqsu l-fallimenti tas-saldu jiksbux riżultati sodisfaċenti.

1.6Il-Kumitat huwa konxju bis-sħiħ li l-iskema pilota tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT) tifforma parti importanti mill-kuntest leġiżlattiv tar-rieżami tas-CSDR, filwaqt li jwissi li l-ħolqien ta’ “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja” ma għandux jistabbilixxi preċedent biex jitbaxxew l-istandards eżistenti tal-imġiba fis-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Is-CSDs jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tan-networks tad-DLT, b’mod li jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda regolamentazzjoni superviżorja iżjed b’saħħitha għall-infurzar tas-sanzjonijiet, u jissuġġerixxi li s-CSDR għandu jirrikjedi li s-CSDs, l-emittenti tagħhom, u l-parteċipanti tagħhom jistabbilixxu mekkaniżmu vijabbli u permanenti għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data rilevanti għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet Ewropej komuni.

2.Sfond

2.1Is-CSDs huma entitajiet li jżommu u jamministraw titoli u jippermettu li t-tranżazzjonijiet tat-titoli jiġu pproċessati b’entrata fil-kotba 1 . Is-CSDs joperaw l-infrastruttura li tiżgura li t-tranżazzjonijiet tat-titoli jkunu jistgħu jitlestew. Dan is-servizz ewlieni tas-CSDs normalment jissejjaħ “saldu”. Fl-UE, CSDs 2 eżistenti jsaldaw tranżazzjonijiet li jiswew ħafna aktar minn EUR 1 000 triljun fis-sena (aktar minn 70 darba tal-prodott domestiku gross tal-UE 3 jew 17-il darba aktar mill-valur pendenti tat-titoli kollha miżmuma fil-kontijiet tas-CSDs 4 ). Is-CSDs jipprovdu wkoll servizzi ewlenin oħra, bħal (i) is-servizz notarili, jiġifieri t-traċċar ta’ titoli maħruġa ġodda, u (ii) is-servizz ta’ manutenzjoni ċentrali, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ kull bidla fiż-żamma ta’ dawk it-titoli. Għas-CSDs li joperaw fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, ilhom jeżistu proċeduri ttestjati sew u effiċjenti għal għexieren ta’ snin, iżda hekk kif is-swieq saru aktar interkonnessi, u minħabba ż-żieda fit-tranżazzjonijiet transfruntiera fl-Ewropa, il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tas-saldu transfruntier u servizzi oħra saret ċara.

2.2Ir-Regolament tal-2014, introdott wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Settembru 2014, b’implimentazzjoni gradwali 5 . Dan ġab titjib sostanzjali fl-ambjent ta’ wara n-negozjar, inkluż l-istabbiliment ta’ perjodu ta’ saldu standardizzat, it-titjib tad-dixxiplina tas-saldu transfruntier, l-introduzzjoni ta’ regoli konsistenti għas-CSDs fl-UE (eż. il-liċenzjar, l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni), u l-iżgurar tal-libertà għal emittent ta’ titoli li jagħżel is-CSD tiegħu.

2.3Wieħed mill-avvanzi ewlenin li saru fir-Regolament kien jikkonċerna d-dixxiplina tas-saldu – miżuri għall-prevenzjoni ta’ fallimenti tas-saldu u biex jiġu indirizzati tali fallimenti, jekk dawn iseħħu. Madankollu, kif uriet valutazzjoni ulterjuri, dawn il-miżuri ma kinux biżżejjed, peress li l-indikaturi ta’ falliment tas-saldu tal-UE baqgħu konsiderevolment agħar minn dawk f’ċentri finanzjarji oħra, anki meta titqies in-natura frammentata ħafna tas-swieq kapitali tal-UE meta mqabbla ma’ swieq estremament omoġenji xi mkien ieħor 6 .

2.4Titjib ewlieni ieħor li għandu l-għan li jiffaċilita l-flussi ta’ kapital transfruntier – il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor (jew “passaportar”, simili għall-qafas pan-Ewropew għas-servizzi bankarji li jiffunzjona b’mod tajjeb) – ġie stabbilit ukoll fir-Regolament, li jipprovdi spinta lis-CSDs biex jespandu l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju (servizzi li jappoġġjaw is-saldu tat-titoli) mis-CSDs, filwaqt li jikkonformaw strettament mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għar-riskji ta’ kreditu relatati ma’ dawk is-servizzi, ġie definit ukoll fir-Regolament. Madankollu, il-qafas legali ma wassalx għal-livell mixtieq ta’ integrazzjoni tas-sistema ta’ servizzi ta’ saldu tal-UE, u s-CSDs qagħdu lura milli jieħdu f’idejhom servizzi anċillari jew jinvolvu ruħhom fi proċedura għalja ta’ passaportar.

2.5F’Marzu 2022, il-Kummissjoni, filwaqt li aġixxiet f’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament li ta mandat għal rieżami, introduċiet proposta li tirrieżamina r-Regolament tal-2014 (minn hawn’il quddiem imsejjaħ ir-Rieżami tas-CSDR, jew Rieżami). Dan jittratta l-ħames kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

(I)ir-rekwiżiti ta’ piż tal-passaportar;

(II)kooperazzjoni superviżorja dgħajfa;

(III)rekwiżiti sproporzjonati għall-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju;

(IV)nuqqasijiet li jwasslu għal saldi li fallew;

(V)informazzjoni insuffiċjenti dwar l-attivitajiet ipprovduti mis-CSDs ta’ pajjiżi terzi fl-UE.

2.6Kważi simultanjament mad-dħul fis-seħħ tas-CSDR, iżda bħala żvilupp separat, fit-22 ta’ Ġunju 2015, it-T2S tnieda bħala l-ewwel pjattaforma ta’ saldu tat-titoli fi flus tal-bank ċentrali b’diversi muniti 7 . Għall-klijenti (normalment banek) ta’ CSDs li huma konnessi mal-pjattaforma T2S, dan ifisser il-kapaċità li jagħżlu bejn saldu tal-euro fi flus tal-bank kummerċjali u/jew fi flus tal-bank ċentrali. Bis-saldu ta’ titoli fi flus ta’ bank ċentrali permezz tat-T2S, is-CSDs jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom aċċess għall-ġabra unika ta’ likwidità tas-Servizzi TARGET tal-Eurosistema għal kollateral, ħlasijiet u saldu ta’ titoli. Għalhekk, il-likwidità li hija meħtieġa biex jiġu saldati t-tranżazzjonijiet madwar l-Ewropa tnaqqset ħafna. Madankollu, dan ma kellu l-ebda impatt fuq l-ispejjeż għal diversi raġunijiet, iżda primarjament minħabba li għad hemm frammentazzjoni tas-suq bejn il-linji tal-munita: fl-2019, it-tariffi tat-T2S inbidlu minn 15-il euroċenteżmi għal kull tranżazzjoni ta’ “Kunsenja kontra Ħlas” għal 23,5 euroċenteżmi 8 . It-T2S jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għar-Rieżami tas-CSDR ta’ Marzu 2022.

3.Kummenti ġenerali

3.1Kif iddikjarat fl-Opinjoni tal-KESE “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji (pjan ta’ azzjoni ġdid)” 9 , il-Kumitat jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tinkiseb il-viżjoni ambizzjuża tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li għandha tippermetti l-fluss tal-kapital madwar l-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi, l-investituri u l-kumpaniji. Mis-16-il miżura deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, waħda mill-aktar importanti hija t-titjib tas-servizzi ta’ saldu transfruntier (Azzjoni 13), peress li n-nuqqasijiet tar-regolament eżistenti huma evidenti u azzjoni leġiżlattiva rapida hija maħsuba li tmexxi ’l quddiem l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.2Fir-rigward tal-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni, li wasslu għar-Rieżami, il-Kumitat iqis li t-triq ’il quddiem proposta hija suffiċjenti u effettiva.

3.3Il-proposta li jiġu sostitwiti r-rekwiżiti eżistenti tal-passaportar, li huma kkunsidrati bħala mhux ċari jew ta’ piż, b’notifika (li jfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ CSD), hija pass importanti lejn sistema ta’ saldu aktar armonjuża u interkonnessa li twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għas-CSDs li lesti jipprovdu servizzi transfruntiera. Madankollu, wieħed għad irid jara kif dawn il-miżuri ta’ appoġġ se jissarrfu fi ffrankar fl-ispejjeż għall-emittenti u l-investituri. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji fil-pajjiżi ospitanti jżommu s-sorveljanza tas-suq.

3.4Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż filwaqt li tittejjeb il-kooperazzjoni superviżorja wasslet għall-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqfu kulleġġi superviżorji, li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ bħala miżura adegwata u bbilanċjata sew. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni ta’ kulleġġ wieħed biss għas-CSD minflok żewġ kulleġġi separati, sabiex jiġi żgurat li s-CSD ma jkunx soġġett għall-“kulleġġ tal-passaportar” u l-“kulleġġ fil-livell ta’ grupp” fl-istess ħin. Dan għandu jiffranka l-ispejjeż u jgħin biex jinkisbu sinerġiji superviżorji konsiderevoli.

3.5Wieħed mit-titjib ewlieni fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju huwa relatat mal-emenda tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament, li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ, peress li jippermetti lis-CSDs ifittxu l-forniment tas-servizzi msemmija hawn fuq, mhux biss minn istituzzjonijiet ta’ kreditu magħżula, iżda wkoll minn CSDs oħra.

3.5.1Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li dan il-pass jista’ potenzjalment iżid ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-KESE jara l-mertu fl-objettiv li l-forniment transfruntier ta’ servizzi jittejjeb bħala riżultat ta’ inqas ostakli għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju, u jaqbel ma’ dik l-aspirazzjoni, il-Kumitat jara opportunitajiet f’soluzzjonijiet ibbażati fuq is-saldu fi flus tal-bank ċentrali, li huwa intrinsikament aktar sikur. Ċertament, dan ikun jeħtieġ li jiġi indirizzat l-aktar barra mis-CSDR – eż. l-espansjoni tat-T2S, l-iżvilupp ta’ muniti diġitali tal-bank ċentrali bl-ingrossa, it-tneħħija ta’ ostakli legali, eċċ.

3.5.2Madankollu, mhuwiex ċar jekk it-triq magħżula mill-Kummissjoni biex tagħti mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) biex tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, għad-definizzjoni tal-limitu li taħtu dawk is-servizzi anċillari tat-tip bankarju jistgħu jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, hijiex dik adatta. Mil-lat pożittiv, il-kalibrazzjoni ta’ limitu tista’ titwettaq bl-aħjar mod minn din l-Awtorità, u l-Kummissjoni għandha aktar flessibbiltà jekk ikun meħtieġ. Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-KESE qajjem, f’diversi okkażjonijiet 10 , il-kwistjoni li l-koleġiżlaturi jiġu mċaħħda mis-setgħa li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet sinifikanti fl-att leġiżlattiv diskuss. Għalhekk, il-KESE jitlob li kwistjonijiet ekonomiċi importanti jiġu ttrattati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja 11 .

3.6Nilqgħu l-passi għat-titjib tad-dixxiplina tas-saldu bl-akbar sodisfazzjon. Il-Kumitat favur ukoll li jkun hemm kjarifiki u eċċezzjonijiet f’diversi każijiet fir-Rieżami, relatati mal-kwistjoni tad-dixxiplina tas-saldu. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tevita li tintroduċi x-xiri sfurzat obbligatorju immedjatament għandha importanza partikolari; dan ix-xiri sfurzat jista’ jsir applikabbli jekk u meta s-sistema tal-penali waħedha ma ttejjibx il-fallimenti tas-saldu fl-Unjoni Ewropea. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ trasferiment, li jipprevjenu kaskata ta’ xiri sfurzat obbligatorju, tidher li ttaffi d-dgħufijiet sottostanti (jew il-biża’ ta’ applikazzjoni subottimali) tal-iskema proposta tax-xiri sfurzat obbligatorju. Il-Kumitat iqis approċċ “f’żewġ stadji” għax-xiri sfurzat obbligatorju bħala wieħed prudenti u jemmen li b’dan il-mod is-swieq kapitali Ewropej ser isiru aktar attraenti kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri fuq medda twila ta’ żmien.

3.7Id-dispożizzjonijiet relatati mas-CSDs taʼ pajjiżi terzi huma partikolarment importanti fil-kuntest tat-tfittxija tal-UE taʼ awtonomija strateġika miftuħa. Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit introdott fl-Artikolu 25 emendat tas-CSDR, li jiddikjara li s-CSDs li beħsiebhom jipprovdu servizzi ta’ saldu skont il-liġi ta’ Stat Membru għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Il-Kumitat jappoġġja wkoll il-miżuri introdotti mir-Rieżami li jirregolaw aspetti oħra tal-operazzjonijiet tas-CSDs ta’ pajjiżi terzi fl-UE, u b’hekk iwasslu għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u ambjent ta’ kompetizzjoni aħjar.

4.Kummenti speċifiċi

Ir-rwol tat-T2S

4.1Minħabba l-importanza konsiderevoli tat-T2S, il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi organizzat qafas koerenti ta’ superviżjoni u sorveljanza fir-rigward tar-rwol ta’ din il-pjattaforma fis-sistema ta’ saldu ġenerali. Il-ftehimiet volontarji attwali bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-ESMA, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-CSDs li jipparteċipaw fit-T2S u l-banek ċentrali li jissorveljaw is-CSDs għandhom jiġu aġġornati sabiex jiġi żgurat li l-qafas leġiżlattiv il-ġdid jipprovdi rwoli ċari għall-awtoritajiet parteċipanti kollha: l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-banek ċentrali u l-BĊE bħala sorveljanti ewlenin u l-ESMA bħala s-superviżur. Dan il-qafas imsaħħaħ jista’ jieħu l-forma ta’ kulleġġ ta’ superviżuri.

4.2Għalhekk, il-KESE jappella lil-koleġiżlaturi biex jinkludu l-pjattaforma ta’ saldu sistemiku tat-T2S fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSDR u joħolqu l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni mifruxa tas-saldu permezz tal-għodda T2S fl-UE 12 . Dan huwa meħtieġ biex din is-sistema ta’ diversi muniti fl-aħħar taħdem fil-kapaċità sħiħa tagħha, minkejja r-riżervi komprensibbli tal-banek ċentrali u s-CSDs f’pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. Ir-rwol tat-T2S fl-armonizzazzjoni tal-flussi tad-data u l-informazzjoni – aspett kruċjali għall-forniment effettiv tas-servizzi mis-CSDs – għandu jiġi rikonoxxut u inkluż ukoll fil-proposta leġiżlattiva.

4.3Attwalment, it-T2S huwa mmonitorjat fuq il-bażi ta’ għadd ta’ Prinċipji għall-Infrastruttura tas-Suq Finanzjarju inklużi fil-Qafas ta’ sorveljanza tal-BĊE – approċċ “ħafif” li jirrikonoxxi l-importanza sistemika ta’ din il-pjattaforma għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kumitat ma jara l-ebda kunflitt regolatorju li jaffettwa l-indipendenza mhux ikkontestata tal-BĊE minħabba li t-T2S jista’ jitqies bħala għodda ta’ infrastruttura għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li, għal għadd ta’ raġunijiet, hija żviluppata aħjar taħt is-“saqaf” tal-BĊE u mhux xi mkien ieħor. Barra minn hekk, l-involviment tal-BĊE fis-saldu tat-titoli permezz tal-pjattaforma huwa pass ’il bogħod mill-funzjonijiet klassiċi tal-bank ċentrali, li jwassal b’mod ċar għall-ħtieġa li t-T2S jiġi inkluż fis-CSDR biex jagħmel qafas regolatorju kemm koerenti kif ukoll effettiv.

Il-monitoraġġ tad-dixxiplina tas-saldu

4.4Il-KESE jinnota li l-aktar parti kontroversjali tal-proposta – l-infurzar possibbli ta’ xiri sfurzat obbligatorju, imwettaq b’approċċ “f’żewġ stadji” – għadha għażla adegwata bbilanċjata sew li għandha tiġi kkunsidrata sakemm tinkiseb ċarezza dwar jekk miżuri oħra biex jitnaqqsu l-fallimenti tas-saldu jiksbux riżultati sodisfaċenti.

4.5Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-indirizzar ta’ din il-kwistjoni mill-aktar fis jista’ jwassal għal fehim aħjar u aktar profond tar-raġunijiet għall-falliment tas-saldu. Għalhekk, il-KESE jappella għall-introduzzjoni ta’ data ta’ skadenza stabbilita għall-valutazzjoni tal-progress tal-indikaturi tal-falliment tas-saldu u tar-raġunijiet sottostanti għall-falliment, fil-forma ta’ rapport pubbliku abbozzat mill-awtorità kompetenti, idealment f’perjodu ta’ 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema tal-penali.

4.6Filwaqt li xi wħud huma favur it-tneħħija totali tal-obbligu tax-xiri sfurzat obbligatorju, il-KESE huwa aktar kawt fid-dawl tan-numru għoli u inaċċettabbli ta’ okkorrenzi ta’ falliment tas-saldu (anke meta mqabbla ma’ ġurisdizzjonijiet finanzjarji ewlenin oħra). It-tneħħija ta’ għażla ta’ politika sinifikanti mis-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni ma ttejjibx is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward. L-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni tidher li hija għażla adatta f’dan il-każ partikolari.

4.7Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm mod effettiv ħafna biex jinkiseb tnaqqis rapidu fiċ-ċifri tal-fallimenti tas-saldu – żieda fil-penali eżistenti sakemm jintlaħaq l-ekwilibriju ġust. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-fallimenti tas-saldu li jinvolvu prattiki ta’ “bejgħ ta’ pożizzjoni qasira”. Ix-xiri sfurzat obbligatorju jisa’ jsir l-għażla tal-aħħar istanza, lesta biex tiġi implimentata b’kawtela kbira wara konsultazzjonijiet adatti mal-parteċipanti fis-suq jekk kull ħaġa oħra tfalli.

4.8Qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri li għandhom l-għan li jqassru l-ktajjen tal-intermedjarji. Ir-raġunijiet għall-użu mifrux tat-teknika ta’ “tqabbil minn qabel” jeħtieġu eżami bir-reqqa. Peress li jseħħu ħafna fallimenti (tekniċi) minħabba dewmien fil-ktajjen twal tas-saldu, ix-xiri sfurzat obbligatorju ma jistax jiġi impost mingħajr ma jitqies dan il-fattur u qabel ma jiġu implimentati miżuri adegwati biex jinkoraġġixxu t-tqassir tal-“ktajjen ta’ kmand” tas-saldu.

Saldu f’“assi diġitali” fi ħdan is-sistema ta’ saldu ta’ CSD

4.9Iż-żieda fl-“assi diġitali” enfasizzat l-interkonnessjoni funzjonali tas-servizzi ta’ negozjar u ta’ saldu f’assi partikolari. L-adozzjoni tad-DLT, fis-settur finanzjarju u bnadi oħra, toffri potenzjal enormi. Jekk in-negozjar u s-saldu f’assi “tradizzjonali” għandhom jibqgħu kompetittivi man-negozjar u s-saldu f’“assi diġitali”, is-CSDs għandhom jitħallew jistabbilixxu faċilment il-faċilitajiet tan-negozjar tagħhom stess għall-istrumenti li jsaldaw in-negozjar fihom. Il-Kumitat huwa kompletament konxju li l-iskema pilota tad-DLT tifforma parti importanti mill-kuntest leġiżlattiv tar-rieżami tas-CSDR. Il-Kumitat jappoġġja kwalunkwe bidla fis-CSDR bil-għan li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ li d-DLT tiġi posposta sakemm tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni għall-iskema pilota msemmija hawn fuq. Madankollu, bħala miżura interim, il-Kumitat jissuġġerixxi l-possibbiltà li tiġi stabbilita faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) għal strumenti li jiġu saldati fi ħdan is-sistema ta’ saldu ta’ CSD. Iż-żamma ta’ MTF għandha titqies bħala servizz anċillari skont it-tifsira tat-Taqsima B, il-parti 1 tal-Anness tas-CSDR.

4.10Il-Kumitat iwissi li l-ħolqien ta’ “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja” m’għandux joħloq preċedent għat-tnaqqis tal-istandards eżistenti tal-imġiba fis-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Iċ-ċaqliq tal-proċessi ta’ saldu kompletament lejn networks li jaħdmu bid-DLT itejjeb l-effiċjenza minħabba li jnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet assoċjati u jnaqqas ir-riskju involut meta jqassar il-katina estiża żżejjed ta’ intermedjarji. Madankollu, ir-riskju tal-kontroparti ma jibqax validu biss bl-ingranaġġ tan-networks tad-DLT. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni f’dawn in-networks jiġu definiti b’mod li jnaqqas ir-riskju tal-kontroparti. Is-CSDs għandu jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-infrastruttura.

Infurzar tas-sanzjonijiet

4.11Ir-Rieżami tas-CSDR waslet fi żmien estremament diffiċli – f’nofs il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. L-infrastruttura tas-suq finanzjarju Ewropew tfasslet biex tkun tista’ tegħleb xokkijiet bħal dawn; barra minn hekk, il-parti (sistematikament) importanti tagħha – in-network tas-CSDs – issa hija strumentali biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja jiġu implimentati kif suppost fil-livell operattiv. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi l-gwida meħtieġa f’każijiet fejn l-azzjonijiet relatati mas-sanzjonijiet jidħlu fit-“territorji l-ġodda”, u dan iwassal għal inċertezza fost l-atturi tas-suq. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ tali gwida ta’ “soluzzjoni ta’ malajr” jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll għall-użu fit-titjib ulterjuri tal-proposta ta’ Rieżami, u b’hekk issir aktar adatta għall-isfidi futuri.

4.12Fil-kuntest tal-iżviluppi internazzjonali, il-KESE jissuġġerixxi li s-CSDR għandu jirrikjedi li s-CSDs, l-emittenti tagħhom, u l-parteċipanti tagħhom jistabbilixxu mekkaniżmu vijabbli u permanenti għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data rilevanti għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet Ewropej komuni. Is-sitwazzjoni m’għandhiex tinqala’ fejn azzjoni titħalla barra biss minħabba li l-parteċipanti differenti ma jkunux jistgħu jaslu għal konklużjoni li inkella għandha tkun sempliċi jew għall-inqas tista’ tinkiseb (jiġifieri jekk tiġi kkunsidrata b’mod konġunt). Jekk is-CSDR għandux jitqies bħala strument legali adatt għal dan hija kwistjoni valida; madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda regolamentazzjoni superviżorja aktar b’saħħitha għall-infurzar tas-sanzjonijiet.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2022

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    It-titoli jistgħu jinżammu f’forma fiżika jew dematerjalizzata.
(2)    Hemm 26 CSD, flimkien ma’ żewġ CSDs Internazzjonali. Sors: Reġistru tal-ESMA
(3)    Ibbażat fuq data tal-Eurostat tal-2021 dwar il-PDG , jiġifieri EUR 14,4 triljun.
(4)    Fi tmiem l-2020, kien hemm aktar minn EUR 56 triljun f’titoli miżmuma fis-Sistemi ta’ Saldu ta’ Titoli tal-UE. Data ġġenerata permezz tal-Bażi tad-Data tal-BĊE dwar l-Istatistika dwar in-Negozjar tat-Titoli, l-Ikklerjar u s-Saldu Aċċessat fl-4 ta’ Mejju 2022.
(5)     ĠU C 299, 4.10.2012, p.76
(6)    Il-fallimenti tas-saldu f’ekwitajiet, ikkalkolati bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet, naqsu għal 3 % qabel it-taqlib fis-suq tal-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien reġgħu żdiedu għal 4,5 %. Bħala perċentwal tal-valur, il-proporzjon żdied għal 9 % f’Jannar 2021 minn 6 % qabel Marzu 2020. Sors: Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Madankollu, l-esperjenza tas-suq turi li l-maġġoranza tal-“fallimenti” jseħħu minħabba li l-istruzzjoni tas-saldu tasal fis-sistema tas-saldu permezz tal-katina ta’ intermedjarji wara l-jum magħżul mill-partijiet finali bħala “id-data prevista tas-saldu”.
(7)     Sistema ta’ Titoli TARGET2 Bħalissa, 19-il CSD minn 20 pajjiż Ewropew huma konnessi mat-T2S. Il-krona Daniża ilha disponibbli għas-saldu fit-T2S sa minn Ottubru 2018.
(8)     L-ipprezzar tas-sistema ta’ Titoli TARGET2
(9)     ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20
(10)    Reċentement, fl-Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami ta’ Solvenza II, adottata fi Frar 2022, ara l-punt 2.3. ĠU C 275, 18.07.2022, p. 45 .
(11)    Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami ta’ Solvenza II. ĠU C 275, 18.07.2022, p. 45 .
(12)    Ħlief għall-krona Daniża, l-ebda saldu ieħor tal-munita mhux tal-euro ma jista’ jitwettaq permezz tas-sistema T2S, peress li l-atturi rilevanti barra s-saldu taż-żona tal-euro huma inċerti dwar jekk jissiħbux, u qed jadottaw approċċ ta’ “nistennew u naraw”.