MT

NAT/856

Lejn strateġija sostenibbli tal-UE dwar il-proteini tal-pjanti u ż-żejt tal-pjanti

OPINJONI

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Lejn strateġija sostenibbli tal-UE dwar il-proteini tal-pjanti u ż-żejt tal-pjanti

[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]

Kuntatt

nat@eesc.europa.eu

Amministratur

Martine DELANOY

Data tad-dokument

13/10/2022

Relatur: Lutz RIBBE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18/01/2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

05/10/2022

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

48/6/6

Adozzjoni fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1It-trobbija tal-bhejjem (inklużi l-laħam, il-prodotti tal-ħalib u l-bajd) hija settur agrikolu ekonomikament importanti fl-UE. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin kien soġġett għal dibattitu soċjali dejjem akbar; fost affarijiet oħra, minħabba l-effetti ambjentali reġjonali u globali tat-trobbija intensiva tal-bhejjem, iżda wkoll minħabba li s-settur jiddependi ħafna mill-importazzjoni tal-għalf. Dan l-aħħar punt iqajjem tħassib dwar is-sigurtà tal-għalf u tal-prodotti tal-ikel tal-UE. B’mod partikolari, id-dipendenza mill-importazzjoni ta’ pjanti b’kontenut għoli ta’ proteini hija sinifikanti (madwar 75 %).

1.2Minbarra li dan jimplika l-allokazzjoni ta' raba’ li jinħadem barra l-UE, is-settur tat-trobbija tal-annimali jirrikjedi ukoll sehem kbir ta’ raba’ li jinħadem fi ħdan l-UE. Madwar 50 % tal-ħsad jintuża bħala għalf għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel mill-annimali; inqas minn 20 % jintuża għall-produzzjoni ta’ ikel mill-pjanti dirett għall-konsum mill-bniedem.

1.3Strateġija Ewropea dwar il-proteini ilha tiġi diskussa għal snin sħaħ, iżda s’issa ftit li xejn sar progress fl-iżvilupp tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteini fl-Ewropa. Permezz ta’ din l-Opinjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq jipprovdi gwida dwar liema aspetti addizzjonali għandhom jitqiesu.

1.4Il-KESE jirrimarka li fl-UE hemm xi nuqqas fil-provvista ta’ proteini fis-settur alimentari (ibbażat fuq il-pjanti) innifsu, iżda pjuttost dan jaffettwa l-aktar lis-settur tal-għalf kompost. Hemm ħafna raġunijiet tajbin biex tiġi estiża l-kultivazzjoni tal-proteini fl-UE, u b’mod partikolari biex l-art bil-ħaxix tkopri wkoll l-għalf tal-annimali. Iżda minkejja l-potenzjal eżistenti, f’termini ta’ kwantità mhux se jkun possibbli li l-importazzjonijiet kbar ta’ proteini jiġu ssostitwiti għalkollox bil-produzzjoni Ewropea mingħajr ma jinħolqu konsegwenzi kbar fuq oqsma oħra tal-produzzjoni agrikola.

1.5Il-KESE jenfasizza wkoll li l-espansjoni tal-kultivazzjoni tal-għelejjel taż-żejt fl-UE tista’ twassal ukoll għal impatti pożittivi bħal awtosuffiċjenza f’termini ta’ fjuwil tat-tratturi, disponibbiltà akbar tal-provvista ta’ pasta taż-żrieragħ żejtnin li għandhom potenzjal eċċellenti ta’ għalf tal-proteini u żieda fin-newbiet tal-għelejjel.

1.6Dan jirriżulta minn fattur li joħloq limitazzjoni assoluta, jiġifieri s-superfiċje tar-raba’ disponibbli. Kemm fil-biedja konvenzjonali kif ukoll fil-biedja organika, qed jittieħdu passi innovattivi b’mod kostanti biex tiżdied il-produttività, iżda anke dawn qed jilħqu l-limiti tagħhom f’termini ta’ volum. Il-KESE għalhekk jemmen li hemm ħtieġa urġenti li l-UE twettaq studju dwar il-potenzjal madwar l-Ewropa kollha tal-għelejjel tal-proteini u taż-żejt li jistgħu jitkabbru fl-UE, u dwar l-allokazzjoni tal-art ddedikata għall-kultivazzjoni ta’ dawn l-għelejjel.

1.7Komponent importanti ta’ strateġija Ewropea dwar il-proteini irid ikun li t-trobbija tal-bhejjem kollha kemm hi tkun kompatibbli mal-għanijiet tal-UE stess kif ukoll ma’ dawk tan-NU fir-rigward tas-sigurtà alimentari Ewropea u globali, l-awtonomija tal-provvista u s-sostenibbiltà. Iż-żieda fil-kultivazzjoni tal-proteini fl-UE hija biss aspett wieħed minn dan. Fuq livell globali, żvilupp li fih il-konsum medju globali per capita tal-laħam u tal-prodotti tal-ħalib joqrob lejn il-livelli attwali fl-ekonomiji żviluppati jidher inkompatibbli mal-għanijiet tas-sostenibbiltà tan-NU.

1.8Strateġija Ewropea dwar il-proteini u ż-żejt għandha tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali f’konformità mal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur reġjonali ġodda li jkunu awtosuffiċjenti.

1.9Fil-Ġermanja, il-"Kummissjoni dwar il-Futur tal-Agrikoltura (ZKL)" stabbilita mill-gvern Ġermaniż, li fiha kienu rrappreżentati l-gruppi kollha soċjalment rilevanti, żviluppat proposti għal sistema agrikola u tal-ikel sostenibbli f’approċċ olistiku, li kienet tinkludi wkoll is-settur tat-trobbija tal-annimali. Ġew proposti bidliet fil-metodi ta’ produzzjoni li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ pakkett ta’ strumenti (remunerazzjoni permezz ta’ swieq u premia) biex l-akbar għadd possibbli ta’ bdiewa jkunu jistgħu jadattaw għal dan. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn il-format ta’ dan il-proċess u tqis jekk dan huwiex adattat ukoll għall-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea dwar il-proteini.

1.10Se jkun meħtieġ li l-istrateġija dwar il-proteini, li tkun taqdi wkoll l-għanijiet tal-awtonomija tal-provvista strateġika, tinkludi l-elementi li ġejjin:

-it-trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-proteini tal-pjanti tul il-katina tal-valur kollha u għall-użu ottimizzat u orjentat lejn il-ħtiġijiet ta’ sorsi ta’ proteini tal-pjanti;

-żvilupp u promozzjoni akbar tal-potenzjal tal-proteini fl-UE;

-it-tisħiħ ta’ produzzjoni nazzjonali sostenibbli ta’ proteini tal-pjanti, prodotti skont l-istandards Ewropej għoljin;

-l-iżvilupp u l-espansjoni tal-ktajjen tal-valur reġjonali u l-kapaċitajiet ta’ pproċessar reġjonali;

-il-kollaborazzjoni kontinwa ma’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet agrikoli biex jiġu promossi l-kultivazzjoni u l-użu ta’ proteini tal-pjanti domestiċi fl-industrija tal-ikel u tal-għalf;

-jiżdied aktar il-potenzjal tal-għelejjel billi jittejbu u jitwessgħu l-istrateġiji ta’ tnissil;

-l-espansjoni tal-edukazzjoni u s-servizzi konsultattivi u t-trasferiment tal-għarfien;

-tiġi permessa u ffaċilitata l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteini f’żoni ta’ interess ekoloġiku;

-it-trobbija tal-bhejjem tintrabat b’mod aktar qawwi mal-potenzjal tal-għalf reġjonali;

-konformità konsistenti mal-livelli limiti għat-tniġġis ikkawżat mill-emissjonijiet (nitrat fl-ilma tal-wiċċ u tal-pjan, ammonijaka, eċċ.); internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;

-il-promozzjoni partikolari għal prattiki agrikoli bi trattament xieraq tal-annimali permezz ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u t-tikkettar tal-prodotti;

-l-istabbiliment ta’ standards tal-produzzjoni u tal-kwalità li jindirizzaw l-impatt fuq is-saħħa u fuq l-ambjent tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li jikkompetu ma’ dawk prodotti fl-UE;

-kampanja ta’ informazzjoni li takkumpanjaha dwar il-konsegwenzi ambjentali u tas-saħħa ta’ drawwiet ta’ dieti differenti.

2.Introduzzjoni u sfond

2.1Il-politika u l-prattika agrikoli tal-UE kienu ta’ suċċess f’termini tal-provvista tal-ikel, iżda issa permezz tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" tagħhom qed jiffukaw dejjem aktar, fost l-oħrajn, fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u l-ilħuq l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u l-SDGs. Tal-inqas sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra tal-Ukrajna, l-enfasi kienet ukoll fuq l-għan ta’ awtonomija tal-provvista strateġika.

2.2Is-settur tal-bhejjem fl-UE (bi prodotti tal-laħam u tal-ħalib, u l-bajd) huwa parti ekonomikament importanti, li, madankollu, f’dawn l-aħħar snin kien soġġett għal dibattitu soċjali dejjem akbar; aspett wieħed huwa d-dipendenza qawwija li s-settur għandu mill-importazzjoni tal-għalf.

2.3Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar “Strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini” 1 jitkellem dwar “defiċit kbir fil-proteini veġetali […] minħabba l-ħtiġijiet tas-settur tat-trobbija tal-annimali”, u li “sfortunatament rat ftit titjib ... minkejja l-użu ta’ prodotti sekondarji mill-bijofjuwils fl-għalf tal-annimali”. L-Unjoni tiddedika biss 3 % tar-raba’ għall-għelejjel li fihom il-proteini u timporta aktar minn 75 % tal-provvista ta’ proteini veġetali tagħha li ġejja prinċipalment mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti 2 , minkejja li l-produzzjoni tal-UE b’kontenut għoli ta’ proteini żdiedet minn total ta’ 24,2 għal 36,3 miljun tunnellata (+50 %) bejn l-1994 u l-2014; madankollu, il-konsum totali żdied minn 39,7 għal 57,1 miljun tunnellata (+44 %) 3 matul l-istess perjodu. Deċiżjonijiet politiċi bħall-Ftehim ta’ Blair House kienu strumentali fil-ħolqien ta’ dawn id-dipendenzi.

2.4Rwol speċjali, kważi kruċjali għall-industrija tal-għalf 4 huwa dak tal-“għalf tas-sojja, li huwa ingredjent partikolarment privileġġat fil-formulazzjoni tal-għalf kompost, minħabba l-kontenut għoli ta’ proteini tiegħu (aktar minn 40 %), il-kontenut ta’ amminoaċidu u disponibbiltà tiegħu matul is-sena kollha, li jillimita l-ħtieġa għal riformulazzjoni frekwenti” 5 . Il-konsum tas-sojja fl-Ewropa żdied minn 2,4 miljun tunnellata fl-1960 għal kważi 36 miljun tunnellata fis-sena. Biex tintlaħaq din id-domanda diffiċli ħafna għas-sojja, huma meħtieġa kważi 15-il miljun ettaru ta’ art, “li minnhom 13-il miljun ettaru huma fl-Amerika t’Isfel” 6 ; dan huwa aktar mit-total tar-raba’ li jinħadem fil-Ġermanja (11,7-il miljun ettaru) 7 . Il-maġġoranza assoluta tas-sojja importata (madwar 94 %) tikkonsisti minn varjetajiet ġenetikament modifikati.

2.5L-għelejjel tal-proteini, li jissemmew fid-dokument tal-Kummissjoni 8 , b’kontenut għoli ta’ proteina (aktar minn 15 %) “jammontaw għal madwar 1/4 tat-total tal-provvista tal-proteini tal-pjanti mhux raffinati fl-UE. Għalkemm iċ-ċereali u l-bur jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-total tal-provvista tal-proteini tal-pjanti tal-UE”, b’mod sorprendenti, madankollu, dawn mhumiex ikkunsidrati mill-Kummissjoni fir-riflessjoni strateġika tagħha dwar il-proteini tal-pjanti “minħabba kontenut baxx ta’ proteini u rilevanza baxxa għas-suq, rispettivament” 9 . Il-KESE ma jistax jaċċetta dan l-argument.

2.6Il-livell għoli ta’ importazzjonijiet, speċjalment tas-sojja, huwa primarjament dovut għall-fatt li s-sojja tista’ tiġi prodotta b’inqas spejjeż fl-Istati Uniti u fl-Amerika t’Isfel minħabba l-kundizzjonijiet naturali għat-tkabbir f’dawn il-pajjiżi; barra minn hekk, l-istandards ambjentali u soċjali huma parzjalment aktar baxxi b’mod sinifikanti; id-deforestazzjoni ta’ foresti naturali fl-Amerika t’Isfel u l-ispostament tal-popli indiġeni, iżda wkoll ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, huma eżempji ta’ dan 10 . Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-problema u l-impenn tagħha favur “ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni” 11 .

La fl-aħħar proposti ta' riforma tal-PAK u lanqas fin-negozjati mal-pajjiżi tal‑Mercosur ma ttieħdu miżuri suffiċjenti mill-UE li jistgħu jwasslu għal tnaqqis reali fid-dipendenza mill-importazzjoni.

2.7F’dan il-kuntest, ta’ min isemmi li, skont il-PAK attwali, il-kultivazzjoni tal-proteini bbenefikat b’mod partikolari mill-hekk imsejħa żoni ta’ interess ekoloġiku, li mhux se jibqgħu jeżistu wara r-riforma. “L-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu huma l-aktar tip ta’ għalla frekwenti ddikjarata fiż-żoni ta’ interess ekoloġiku”, u jammontaw għal 37 % ta’ tali żoni. Għad trid titwettaq evalwazzjoni tal-pjani strateġiċi nazzjonali ppreżentati għall-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida, u għalhekk il-KESE għadu mhuwiex f’pożizzjoni li jgħid jekk dawn iwasslux għal titjib jew deterjorament. Minkejja li hemm għadd ta’ opzjonijiet disponibbli għall-Istati Membri (b’mod partikolari, il-pagamenti akkoppjati) biex jippromovu l-kultivazzjoni, l-ewwel analiżijiet jagħtu wieħed x’jifhem li a) mhux l-Istati Membri kollha se jużawhom u b) il-livelli ta’ finanzjament ma jattirawx biżżejjed.

2.8Il-KESE għandu pożizzjoni ċara, u jsostni li “t-titjib tal-awtonomija tal-UE fil-proteini huwa mixtieq mill-perspettivi kollha. L-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja minn pajjiżi terzi jistgħu jikkawżaw id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-qerda tal-ekosistemi naturali f’ċerti pajjiżi produtturi. L-iżvilupp ta’ legumi, bus u ħemes b’kontenut għoli ta’ proteini fl-Unjoni jillimita l-użu tal-importazzjonijiet u b’hekk għandu impatt pożittiv fuq il-klima u l-ambjent” 12 .

2.9L-ebda naħa ma oġġezzjonat għal din il-pożizzjoni. Għall-kuntrarju, fi ħdan l-UE, il-ħtieġa li tiġi stabbilita strateġija Ewropea dwar il-proteini korrispondenti ilha tiġi diskussa għal żmien twil, iżda sa issa ma sar xejn aktar ħlief impenji biex tiġi estiża l-kultivazzjoni Ewropea tal-proteini u l-għodod li jissemmew fil-punt 2.7. Għalhekk ninsabu ’l bogħod ħafna minn strateġija Ewropea dwar il-proteini effettiva.

2.10Sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, iżda mhux l-inqas mill-gwerra tal-Ukrajna, deher ċar li d-diviżjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet kummerċjali globali ma għandhomx biss konsegwenzi pożittivi. Dawn jistgħu jwasslu għal problemi li sa issa ma ġew ikkunsidrati bl-ebda mod jew ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed. Il-motto il-ġdid huwa: awtonomija tal-provvista strateġika. Biżżejjed li wieħed jaħseb dwar il-lakuni fil-provvista tal-maskri tal-wiċċ, il-mediċini, is-semikondutturi, jew l-enerġiji fossili bħall-gass, iż-żejt, il-faħam: id-dipendenzi jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet ekonomiċi u soċjali estremi.

2.11Il-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi mistennija tagħha fit-tul se jkollhom impatt dejjiemi kemm fuq is-settur agrikolu Ewropew kif ukoll fuq dak globali u fuq l-industrija agroalimentari Ewropea, u dan jirrikjedi bidliet.

2.12Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha 13 , il-KESE għalhekk isostni wkoll “li huwa inevitabbli li l-kunflitt se jkollu konsegwenzi serji għas-settur agroalimentari tal-UE, li se jirrikjedi appoġġ addizzjonali, […] jenfasizza li l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-impenn tagħha li tikseb riżultati fir-rigward ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli filwaqt li […] b’mod partikolari, l-UE trid ittejjeb is-sigurtà tal-ikel tagħha billi tnaqqas id-dipendenzi mill-prodotti agrikoli importati u l-inputs ewlenin”.

2.13Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza “li l-impatti tal-gwerra m’għandhomx ikunu għad-detriment tal-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà”, u li l-SDGs tal-Aġenda 2030 tan-NU jippromovu wkoll il-paċi, is-sigurtà u t-tnaqqis tal-faqar. Permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, se jsir progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU u tranżizzjoni ġusta.

2.14Anke fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-11 ta’ Marzu 2022, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE jgħidu, “Ser intejbu s-sigurtà tal-ikel tagħna billi nnaqqsu d-dipendenzi tagħna fuq prodotti u inputs agrikoli importati ewlenin, b’mod partikolari billi nżidu l-produzzjoni tal-UE ta’ proteini tal-pjanti.” 14

3.Fatti u tendenzi

3.1Il-KESE jemmen li għat-tfassil ta’ strateġija Ewropea komprensiva dwar il-proteini jeħtieġ li l-kwistjonijiet sistemiċi jiġu diskussi u kkunsidrati ħafna aktar. Dan jinkludi li tiġi kkjarifikata l-kwistjoni ta’ kif is-sistema attwali għandha tiġi evalwata mill-perspettiva ta’ awtonomija tal-provvista strateġika Ewropea kif ukoll mill-aspetti tas-sostenibbiltà globali u reġjonali, x’vantaġġi u xi żvantaġġi għandha għall-bdiewa, il-konsumaturi, l-ambjent u annimali tal-irziezet. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll it-tendenzi attwali li għandhom impatt fuq il-qasam tal-provvista tal-proteini.

L-ikel, l-għalf u l-karburanti - x’inkabbru u x’jiġri mill-ħsad tal-għelejjel agrikoli?

3.2Mingħajr l-importazzjoni kbira ta’ proteini, il-produzzjoni għolja attwali tal-laħam fl-Ewropa ma tkunx possibbli, għalkemm parti kbira mill-ħsad agrikolu diġà qed jintuża għall-għalf tal-annimali. Fil-Ġermanja, pereżempju, hemm kważi żewġ terzi tal-ħsad kollu, jiġifieri kważi l-art bil-ħaxix kollha (li naturalment aħna l-bnedmin lanqas ma nistgħu nużawha direttament) u 60 % kull wieħed mill-qamħirrum u miċ-ċereali 15 . It-tieni użu l-aktar importanti tal-ħsad f’termini ta’ volum mhuwiex il-prodotti tal-ikel li ġejjin mill-pjanti, iżda l-produzzjoni ta’ enerġija teknika (qamħirrum għall-bijogass, kolza għall-bijodiżil u ċereali u pitravi taz-zokkor għall-bijoetanol). L-użu dirett tal-għelejjel bħala pjanti għall-ikel jiġi biss fit-tielet post. Il-prodotti tal-ikel li ġejjin mill-pjanti kkunsmati fil-Ġermanja – essenzjalment iċ-ċereali tal-ħobż, il-patata, iz-zokkor, iż-żejt tal-kolza u l-ħxejjex tal-għalqa – jammontaw għal 11 % biss tal-produzzjoni totali tal-pjanti.

3.393 % tal-proteini tal-pjanti importati qed jintużaw ukoll għall-għalf. B’mod partikolari dawn l-importazzjonijiet kif ukoll il-firxa u l-intensità tal-produzzjoni tal-laħam saru s-suġġett ta’ ħafna dibattiti soċjali f’dawn l-aħħar snin.

3.4Għandhom jiġu antiċipati żewġ sejbiet: l-ewwel nett li fl-UE hemm xi nuqqas fil-provvista ta’ proteini fis-settur alimentari (ibbażat fuq il-pjanti) innifsu iżda pjuttost dan jaffettwa l-aktar lis-settur tal-għalf kompost. It-tieni, mhux se jkun possibbli li l-importazzjonijiet ta’ proteini għoljin jiġu ssostitwiti għalkollox bil-produzzjoni Ewropea mingħajr ma jinħolqu effetti fundamentali fuq oqsma oħra ta’ produzzjoni tal-agrikoltura.

3.5Dan jirriżulta minn fattur li joħloq limitazzjoni assoluta, jiġifieri s-superfiċje tar-raba’ disponibbli. Kemm fil-biedja konvenzjonali kif ukoll fil-biedja organika, qed jittieħdu passi innovattivi b’mod kostanti biex tiżdied il-produttività, iżda anke dawn qed jilħqu l-limiti tagħhom f’termini ta’ volum. Għalhekk, l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Ipproċessar taż-Żrieragħ Żejtnija fil-Ġermanja tikkonkludi, wara analiżi dettaljata, li huwa meħtieġ li l-kanali tal-provvista ta’ dawn is-sorsi tal-proteini jridu jkomplu jiġi ggarantiti, minħabba li l-awtosuffiċjenza sħiħa bi proteini domestiċi tibqa’ mhux realistika 16 .

3.6Dawn id-dikjarazzjonijiet fundamentali m’għandhomx jinftehmu ħażin. Hemm ħafna raġunijiet tajbin biex tiġi promossa b’mod intensiv aktar kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteini u taż-żejt fl-UE. Huma jassimilaw in-nitroġenu fil-ħamrija, inaqqsu l-ħtieġa ta’ nitroġenu minerali, itejbu l-kwalità tal-ħamrija u l-fertilità tagħha, u jagħtu kontribut pożittiv għal azzjoni dwar il-klima.
(Eż. inqas ħtiġijiet ta’ trasport, inqas deforestazzjoni, inqas użu ta’ riżorsi). Newbiet tal-għelejjel estiżi jnaqqsu l-frekwenza ta’ pesti u huma pożittivi għall-bijodiversità. Illum, porzjon żgħir ħafna biss (madwar 3 %) ta’ art agrikola hija kkultivata b’għelejjel li fihom il-proteini. Għalkemm rakkomandabbli ħafna, iż-żieda fis-superfiċji għall-kultivazzjoni inevitabbilment tkun għad-detriment ta’ tipi oħra ta’ kultivazzjoni, bħal għelejjel oħra jew għelejjel enerġetiċi, jew twassal ngħidu aħna għal sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma’ miżuri oħra ta’ konservazzjoni tan-natura.

Tendenzi attwali

3.7Għalhekk, l-ewwel huwa rakkomandat li jiġu deskritti u analizzati tendenzi li jista’ jkollhom impatt fuq it-trobbija u n-nutrizzjoni tal-annimali fil-futur, u għaldaqstant fuq id-domanda u l-kwalità tal-proteini.

3.7.1Minn naħa waħda, diġà tidher bidla fl-imġiba tal-konsumatur u fil-konsum. Għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi qed inaqqsu l-konsum tal-laħam tagħhom jew qed jitbiegħdu għalkollox mill-konsum tal-laħam. Qed jitqajmu wkoll dubji dwar il-livell għoli ta’ konsum tal-laħam fl-Ewropa minħabba raġunijiet ta’ nutrizzjoni. F’ċerti Stati Membri diġà ġie osservat tnaqqis fil-konsum tal-laħam 17 . Dan jidher b’mod ċar mhux biss fl-istatistika, iżda wkoll fuq l-ixkafef tas-supermarkets, fejn prodotti sostituti tal-laħam magħmulin minn għelejjel li fihom il-proteini qed jiżdiedu b’mod viżibbli.

3.7.2It-tieni tendenza tista’ tiġi deskritta bħala “inqas laħam iżda ta’ kwalità ogħla”: Il-programmi primjum li jagħmlu enfasi fuq trattament aktar xieraq tal-annimali u aktar reġjonalità qed jiżdiedu, u dan qed iħalli impatt fuq l-għalf. Pereżempju, għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi qed joqogħdu attenti għal kif jinżammu l-annimali u jekk ġewx mitmugħa għalf prodott lokalment u/jew għalf ħieles mill-manipulazzjoni ġenetika, jew jekk kinux jirgħu, eċċ. Hemm diġà grad għoli ta’ divrenzjar fl-UE.

3.7.3Din it-tendenza kienet meqjusa bħala niċċa żgħira fil-passat, iżda qed isiru bidliet deċiżivi: ħafna ktajjen ta’ supermarkets kbar f’diversi Stati Membri diġà żiedu gradwalment ir-rekwiżiti għall-prodotti tal-laħam frisk tagħhom f’termini ta’ trattament xieraq tal-annimali u l-kompatibilità ambjentali. Aktar bidliet radikali huma imminenti: pereżempju, mill-2030, xi ħwienet kbar li jbigħu l-prodotti tagħhom bi skont se jġibu l-varjetà kollha ta’ laħam frisk tagħhom minn trobbija fil-beraħ u trobbija primjum biss. Il-bidla tapplika għall-gruppi kollha tal-bhejjem (ċanga, majjal, tiġieġ u dundjani).

3.7.4Iż-żieda ppjanata jew li diġà qed isseħħ fil-biedja organika fl-UE se jkollha wkoll impatt fuq il-provvista tal-għalf (u l-importazzjonijiet tas-sojja). Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-trobbija organika tal-annimali s’issa kienet qed tikber b’10 % fis-sena. Il-mira ta’ 25 % tal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” se tagħti spinta oħra f’dan ir-rigward jekk is-swieq jiżviluppaw kif xieraq, u l-PAK se tikkontribwixxi għal dan. Peress li 6 % biss tal-fażola tas-sojja tad-dinja hija kkummerċjalizzata bħala “sojja mhux modifikata ġenetikament”, l-azjendi agrikoli jridu jfittxu alternattivi u/jew jipproduċu aktar għalf fl-azjenda agrikola tagħhom stess.

3.7.5Bidliet sinifikanti huma diġà evidenti wkoll fis-settur tal-ħalib: f’ħafna Stati Membri, il-bejjiegħa bl-imnut tal-ikel qed jitolbu li l-proċessuri tal-ħalib jipproduċu ħalib u prodotti tal-ħalib mingħajr ma jużaw il-manipulazzjoni ġenetika biex jitimgħu l-baqar tagħhom. Pereżempju, fil-Ġermanja, dan wassal għal sitwazzjoni fejn l-għalf tas-sojja issa ma għadux jiġi mitmugħ f’madwar 70 % tal-produzzjoni tal-ħalib. Is-suq qed jibda jiddifferenzja, u eżempju ta’ dan huwa l-ħalib mir-ragħa, mill-fienu jew ħalib tal-muntanji. Madankollu, fil-futur il-prodotti tal-ħalib se jibqgħu sors essenzjali ta’ proteini u aċċessibbli għal kulħadd bħala parti minn dieta bilanċjata għall-gruppi tal-etajiet kollha tal-popolazzjoni.

3.7.6F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar ukoll fir-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar “Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u tal-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew” 18 , li jfaħħar it-trobbija estensiva tal-bhejjem (ibbażata fuq ir-ragħa u l-mergħat permanenti) mhux biss għall-importanza partikolari tagħha għall-bijodiversità u s-servizzi ambjentali u kulturali oħra tal-art, iżda wkoll għax hija kruċjali “fil-provvista ta’ ikel sostenibbli, tajjeb għas-saħħa, sikur u ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari b’popolazzjoni dinjija li qed tikber”. Il-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni akbar lir-“rwol tal-mergħat/tax-xnien bħala sors importanti ta’ proteina għar-ruminanti” tinsab ukoll f’Opinjoni oħra tal-Kumitat 19 .

3.7.7Żvilupp ieħor għalkollox differenti b’konsegwenzi potenzjalment severi għall-agrikoltura u t-trobbija tradizzjonali tal-annimali huwa l-iżvilupp tal-laħam artifiċjali. Din ix-xejra la ġejja mill-konsumaturi u lanqas mill-bdiewa, iżda minn korporazzjonijiet multinazzjonali kbar bħal Cargill, Tyson Foods jew Nestlé. Huma qed jirriċerkaw jew jiżviluppaw prattiki biex jipproduċu tessut tal-laħam artifiċjali f’reatturi industrijali. Huma jsostnu li dak li jagħmlu l-bdiewa b’annimali ħajjin (jiġifieri, ikabbru iċ-ċelloli), jistgħu jagħmluh huma f’reattur b’ħafna inqas użu ta’ art, ilma u riżorsi oħra, bl-istess “kwalità” u b’inqas spejjeż. Il-KESE jinkoraġġixxi dibattitu soċjali wiesa’ dwar dan l-iżvilupp potenzjali u l-konsegwenzi tiegħu.

Risponsi politiċi

3.8Sadanittant, hemm risponsi politiċi ċari, li wħud minnhom imorru saħansitra lil hinn mill-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” f’termini ta’ kontenut; u li nħolqu wkoll f’diskors soċjali għalkollox differenti. Pereżempju, f’Lulju 2020 fil-Ġermanja, il-gvern federali waqqaf Kummissjoni dwar il-Futur tal-Agrikoltura (ZKL), li kienet tikkonsisti minn 32 membru li ġejjin minn gruppi soċjali differenti ħafna, inklużi assoċjazzjonijiet tradizzjonali tal-bdiewa u s-settur tax-xjenza. L-għan kien li tiġi żviluppata viżjoni għall-futur tas-sistema agrikola u tal-ikel li tkun aċċettata minn setturi wiesgħa tas-soċjetà. F’Ġunju 2021, ir-rakkomandazzjonijiet ġew approvati u ppubblikati unanimament. Dawn isegwu prinċipju komuni: ir-responsabbiltà ekoloġika u etika (tal-annimali) tal-agrikoltura tista’ tittejjeb bl-aktar mod effettiv u permanenti billi jinstabu modi kif jiġu ppremjati finanzjarjament metodi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli permezz tal-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda u b’hekk isiru ekonomikament vijabbli.

3.9Għall-qasam tat-trobbija tal-bhejjem, din il-Kummissjoni dwar il-Futur issegwi r-rakkomandazzjonijiet tan-Network ta’ Kompetenza għat-Trobbija tal-Bhejjem, li nħoloq mill-Ministeru Federali tal-Agrikoltura. Il-proposti tagħha ġew ippubblikati fi Frar 2020 20 . Dawn jiddeskrivu strateġija għat-trasformazzjoni tat-trobbija tal-bhejjem b’żieda sostanzjali fil-livell tat-trattament xieraq tal-annimali. Dan jinkludi finanzjament permezz ta’ taxxi jew dazji flimkien ma’ prezzijiet tas-suq ogħla u primjum marbut ma’ tikkettar obbligatorju tat-trobbija tal-annimali bi standards definiti korrispondenti tat-trobbija. Dan huwa kruċjali sabiex tinfetaħ perspettiva ekonomika għall-bdiewa milquta. Din l-istrateġija ta’ trasformazzjoni għandha tiżgura l-għajxien għall-irziezet tal-bhejjem filwaqt li tnaqqas l-għadd ta’ bhejjem.

3.10Fil-qosor, il-forom attwali tat-trobbija tal-annimali fl-Ewropa jvarjaw, f’xi każijiet b’mod fundamentali, kemm f’termini ta’ domanda għall-importazzjonijiet (prinċipalment tas-sojja) kif ukoll f’termini ta’ impatt reġjonali fuq l-ambjent. Filwaqt li l-forom tat-trobbija tal-bhejjem aktar tradizzjonali jew estensivi mil-lat ekoloġiku huma bbażati l-aktar fuq inputs u għalf reġjonali u għandhom impatti ambjentali maniġġabbli u minn daqqiet huma saħansitra essenzjali għall-preservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali, il-volum attwali u dejjem akbar ta’ trobbija intensiva tal-annimali qed ipoġġi pressjoni fuq l-ambjent reġjonali u – minkejja domanda diġà kbira għar-raba’ li jinħadem fl-UE – huwa bbażat fil-biċċa l-kbira fuq għalf importat, li l-kultivazzjoni tiegħu għandha konsegwenzi kbar ħafna fil-pajjiżi tal-oriġini (inkluż il-kontribut għad-deforestazzjoni globali u t-tibdil fil-klima kif ukoll id-distorsjonijiet soċjali).

3.11Għalhekk, komponent importanti ta’ strateġija Ewropea dwar il-proteini jrid ikun li t-trobbija tal-bhejjem kollha kemm hi tkun kompatibbli mal-għanijiet tal-UE stess kif ukoll ma’ dawk tan-NU fir-rigward tas-sigurtà alimentari Ewropea u globali, l-awtonomija tal-provvista u s-sostenibbiltà. Iż-żieda fil-kultivazzjoni tal-proteini fl-UE hija aspett wieħed ta’ dan, iżda fuq livell globali, żvilupp li fih il-konsum medju globali per capita tal-laħam u tal-prodotti tal-ħalib joqrob lejn il-livelli attwali fl-ekonomiji żviluppati jidher inkompatibbli mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Bilfors irid isir tnaqqis fil-popolazzjoni tal-bhejjem.

3.12Fil-prinċipju, il-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Agrikoltura għamlet tali valutazzjoni tas-sistema agrikola u tal-ikel tal-lum, u għamlet dan fil-kuntest ta’ proċess ta’ diskussjoni tas-soċjetà li jistħoqqlu jiġi analizzat f’aktar dettall minn Stati Membri oħra tal-UE u mill-Kummissjoni Ewropea stess. Min-naħa waħda, hija tirrikonoxxi s-servizzi pożittivi mhux ikkontestati li l-agrikoltura tipprovdi għas-soċjetà; fl-istess ħin, tagħti ħarsa kritika lejn xiex huma bbażati l-iżviluppi tal-produzzjoni ta’ dawn l-aħħar snin u x’konsegwenzi ġabu magħhom: l-iżvantaġġ ta’ dan il-progress huwa l-forom ta’ sfruttar żejjed tan-natura u tal-ambjent, tal-annimali u taċ-ċikli bijoloġiċi, u anke ħsara perikoluża lill-klima. Madankollu, l-agrikoltura tinsab ukoll fi kriżi ekonomika. Diversi fatturi, inklużi dawk politiċi, wasslu għal prattiki ekonomiċi li la huma ekoloġikament u lanqas ekonomikament u soċjalment vijabbli. [...] Minħabba l-ispejjeż esterni assoċjati mal-forom prevalenti ta’ produzzjoni, għandha tiġi eskluża ż-żamma tas-sistema attwali tal-agrikoltura u tal-ikel, kemm għal raġunijiet ekoloġiċi u etiċi tal-annimali, kif ukoll għal raġunijiet ekonomiċi 21 .

4.Domandi: Provvista ta’ proteina sostenibbli, u t-tisħiħ tar-rwol tal-għelejjel taż-żejt.

4.1F’Ewropa li fiha l-awtonomija tal-provvista qed tiġi rikonoxxuta dejjem aktar bħala għan strateġiku, il-paraguni mal-politika tal-enerġija huma mingħajr dubju adatti: Id-dipendenza mill-importazzjoni għandha titnaqqas kemm jista’ jkun possibbli u l-enfasi għandha tkun biex id-domanda tintlaħaq b’mod sostenibbli bir-riżorsi proprji tal-pajjiż.

4.2B’differenza mis-settur tal-enerġija, li fih teknoloġiji ġodda (riħ, solari, bijomassa, idroġenu, eċċ.) jistgħu jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ fjuwils fossili, is-settur globali tal-ikel irid jadatta l-produzzjoni u l-konsum għall-potenzjal ta’ kapital naturali finit (prinċipalment l-art, iżda wkoll il-bijodiversità). Dan irid ikun akkumpanjat minn prijoritizzazzjoni tal-użu tar-rendimenti agrikoli. L-ogħla prijorità trid tkun li n-nies jiġu pprovduti primarjament bi prodotti tal-pjanti (ċereali, frott, ħaxix, eċċ.). Fortunatament, ma hemm l-ebda raġuni għal tħassib li l-UE mhux se tkun kapaċi tissodisfa dawn il-ħtiġijiet għall-popolazzjoni tagħha stess. Madankollu, minħabba t-tħassib dejjem akbar dwar il-ġuħ fid-dinja, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ġuħ fid-dinja ma jistax jiġi solvut bil-produzzjoni tal-laħam; għall-kuntrarju, l-għalf (kif ukoll il-bijomassa għal skopijiet ta’ enerġija) jikkompeti mal-ikel.

4.3Dan il-kunflitt dwar l-użu tal-art huwa aggravat mill-fatt li l-agrikoltura fi kważi r-reġjuni kollha tal-UE qed tiffaċċja kompetizzjoni għall-art, li xi wħud minnhom huma konsiderevoli: Skont il-kalkoli tal-UE, sal-2030 it-telf ta’ art agrikola għall-urbanizzazzjoni/żvilupp u l-infrastruttura, eċċ., jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 1 miljun ettaru fl-art li tinħadem.

4.4Madankollu, insibu sitwazzjoni komda fl-UE f’paragun globali: Jidher ċar li agrikoltura tal-UE li ssegwi l-prinċipji tal-mudell Ewropew 22 tal-biedja hija kapaċi tipprovdi biżżejjed prodotti tal-pjanti ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini kollha; barra minn hekk, ċertament tista’ tforni kwantitajiet kbar ta’ għalf, iżda mhux biex tissodisfa d-domanda attwali. U fid-dawl tat-telf preżunt ta’ provvisti tal-qamħ mill-Ukrajna u mir-Russja għar-reġjuni fejn in-nies qed ibatu l-ġuħ, trid titqajjem il-mistoqsija jekk aħna fl-UE għandniex nużaw anqas qamħ għall-għalf (jew għall-fjuwil) sabiex ngħinu tissolva l-problema tal-ġuħ globali li qed tiggrava u nżidu wkoll il-provvista tal-proteini.

4.5Fil-kuntest ta’ strateġija Ewropea dwar il-proteini, irid jitqies li r-ruminanti (iżda mhux huma biss) għandhom kapaċità li l-bnedmin ma għandhomx: huma jistgħu jutilizzaw il-ħaxix! Anke għall-annimali monogastriċi (ħnieżer u pollam), l-art bil-ħaxix tista’ tissupplimenta parti mir-razzjonijiet tal-għalf. Għalhekk, l-art bil-ħaxix għandha tirrappreżenta element essenzjali għall-provvista ta’ proteini sostenibbli, li bħalissa ftit li xejn tissemma fid-diskussjonijiet politiċi. Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-UE s-sena l-oħra biex l-ikel tal-annimali u tal-insetti jkun permess fin-nutrizzjoni tal-annimali tista’ tikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fil-proporzjon ta’ proteina tal-pjanti fin-nutrizzjoni tal-annimali.

4.6Studji reċenti mill-kumitati esperti tal-Unjoni għall-Promozzjoni tal-Pjanti taż-Żejt u tal-Proteini (UFOP) dwar il-potenzjal tal-kolza u tal-legumi fil-kultivazzjoni u fl-għalf jagħtuna raġuni biex inkunu fiduċjużi li hemm potenzjal f’termini ta’ teknoloġija ta’ kultivazzjoni ħalli l-kolza u l-legumi jitkabbru fuq skala ferm akbar u fl-istess ħin jiġu estiżi b’mod sinifikanti n-newbiet tal-għelejjel. Is-sehem tal-kolza u tal-legumi kull wieħed jammonta għal madwar 10 % tal-art li tinħadem, li jikkorrispondi, pereżempju, għal aktar mid-doppju tal-livell attwali għal legumi (b’mod partikolari l-piżelli għall-magħlef, il-ful, il-fażola tas-sojja, il-lupini ħelwin). Għalhekk aktar għelejjel taż-żejt ma jfixklux użu tal-art sostenibbli, iżda fil-fatt, dan huwa pjuttost l-oppost. Madankollu, dan jista’ jsir biss għad-detriment ta’ forom oħra ta’ kultivazzjoni.

4.7Madankollu, dan l-istudju juri wkoll li l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tal-bhejjem attwali ma jistgħux jiġu ssodisfati b’mod indipendenti, iżda jrid ikun hemm tnaqqis fl-istokk jekk irid jintlaħaq l-għan ta’ “awtonomija tal-provvista strateġika”.

4.8Il-KESE għalhekk jemmen li hemm bżonn urġenti li l-UE twettaq studju dwar il-potenzjal madwar l-Ewropa kollha tal-għelejjel tal-proteini u taż-żejt li jistgħu jitkabbru fi ħdan il-fruntieri tal-UE. Is-sostenibbiltà tal-użu tal-art (in-newbiet tal-għelejjel, il-fertilità tal-ħamrija, inkluża l-bijodiversità) trid tittieħed inkunsiderazzjoni. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom imbagħad jintużaw biex jiġu identifikati liema rekwiżiti tal-art huma meħtieġa għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa, ibbażata fuq il-proteini tal-pjanti għaċ-ċittadini Ewropej. Minn dan, imbagħad jista’ jiġi kkalkolat x’jibqa’ għall-għalf tal-annimali (jew għal skopijiet tal-enerġija) u għalhekk ukoll dak li għad irid jiġi importat għat-trobbija tal-bhejjem li jirrispetta l-limiti ekoloġiċi Ewropej u globali tat-trobbija tal-bhejjem immirati lejn is-sostenibbiltà u t-trattament xieraq tal-annimali. L-istrateġija Ewropea dwar il-proteini għandha mbagħad tindirizza wkoll il-konsegwenzi li jista’ jkollha fuq il-ftehimiet kummerċjali eżistenti (bħall-Mercosur) u kif il-bdiewa li jipproduċu b’mod sostenibbli fl-UE jistgħu jiġu protetti mill-importazzjonijiet li joriġinaw minn produzzjoni mhux sostenibbli.

4.9Għall-KESE huwa importanti li jenfasizza li l-espansjoni tal-kultivazzjoni tal-għelejjel taż-żejt għal 10 % tal-art li tinħadem tista’ twassal għal indipendenza enerġetika għall-provvista tal-fjuwil tat-tratturi agrikoli. Il-KESE diġà indika f’Opinjonijiet preċedenti 23 li jemmen li jkun utli li jiġi stabbilit programm separat għall-użu ta’ żjut tal-kolza mhux esterifikati (jiġifieri puri) fil-makkinarju agrikolu aktar milli dipendenza mit-taħlit mad-diżil. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta’ fjuwils tat-tip B100 (100 % żejt veġetali esterifikat). Il-pasta taż-żrieragħ żejtnin 24 li tirriżulta hija għalf tal-proteini eċċellenti (l-istess japplika, pereżempju, għall-iskart mill-produzzjoni tal-alkoħol).

4.10Xi Stati Membri diġà qed jaħdmu – għal raġunijiet differenti ħafna – biex inaqqsu l-popolazzjoni tal-bhejjem (eż. in-Netherlands). Dan jista’ jiġi ddikjarat taħt il-liġi regolatorja jew jitfassal permezz ta’ strumenti bbażati fuq is-suq. Minbarra standards ambjentali u tat-trattament xieraq tal-annimali ċari, il-KESE huwa primarjament favur soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq li joħolqu kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ ktajjen ta’ valur reġjonali ġodda li jsostnu lilhom infushom u li ma jiddependux b’mod permanenti mis-sussidji. Fl-istess ħin, għandhom jiftħu prospetti għall-akbar għadd possibbli ta’ azjendi tal-annimali. Huma jeħtiġilhom ukoll li jippermettu lill-bdiewa kollha fl-UE biex jipproduċu b’mod sostenibbli u jaqilgħu għajxien sigur. Dan jirrikjedi protezzjoni kontra l-kompetizzjoni inġusta u l-prattiki kummerċjali inġusti, kif ukoll l-avvanz tas-saħħa fis-suq tal-bdiewa fil-proċess ta’ trasformazzjoni lejn sistema globali tal-ikel sostenibbli.

4.11Dan kollu juri mill-ġdid li l-istrateġija sostenibbli tal-UE dwar il-proteini tal-pjanti u ż-żejt tal-pjanti trid tqis is-sistema agrikola u tal-ikel kollha, u li strateġija iżolata ta’ kultivazzjoni ma tgħinx.

4.12Il-mekkaniżmi tas-suq iridu jkunu allinjati biex jirriflettu l-ispejjeż reali soċjali u ambjentali u dawk għas-soċjetà. Il-fallimenti tas-suq jistgħu jiġu kkoreġuti permezz ta’ interventi mill-gvern ibbażati fuq l-evidenza u x-xjenza bil-għan li jottimizzaw il-kompromess bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għas-soċjetà, filwaqt li jitqiesu l-interessi kollha.

Brussell, 5 ta’ Ottubru 2022

Peter SCHMIDT

Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

_____________

(1)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini .
(2)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 , punt E, kumment tal-KESE: id-dipendenza ta’ 75 % hija meqjusa li tirreferi għal prodotti tar-raba’ li fihom il-proteini b’kontenut għoli ta’ proteini, filwaqt li l-provvista sinifikanti tal-proteini tal-annimali mill-ħaxix u miċ-ċereali hija injorata b’mod inkomprensibbli f’ħafna diskussjonijiet!
(3)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-17 ta’ April 2018 , punt L.
(4)    Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea, COM(2018) 757 final, page 2 .
(5)     COM(2018) 757 final, paġna 3 .
(6)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 , punt L.
(7)     Skont l-Eurostat, iż-żona agrikola totali tal-Ewropa (inklużi l-art tal-mergħa u l-art tal-ħaxix) fl-UE bħalissa tammonta għal madwar 174 miljun ettaru (mhux disponibbli bil-Malti).
(8)    COM(2018) 757 final.
(9)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 .
(10)    Opinjoni tal-KESE dwar Minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati mal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, ĠU C 275, 18.7.2022, p. 88 .
(11)    Opinjoni tal-KESE dwar Minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati mal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, ĠU C 275, 18.7.2022, p. 88 .
(12)    Opinjoni esploratorja tal-KESE fuq talba tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill dwar Is-sigurtà tal-ikel u sistemi tal-ikel sostenibbli, ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72, punt 1.3.ii .
(13)     Riżoluzzjoni tal-KESE adottata fis-sessjoni plenarja tal-24 ta’ Marzu 2022 .
(14)     https://www.consilium.europa.eu/media/54789/20220311-versailles-declaration-mt.pdf
(15)        Fl-2017, is-superfiċje tal-art agrikola fl-UE (27) kienet ta’ 178,7 miljun ettaru: li minnhom, 105,5 miljun ettaru kienu raba’ li jinħadem, b’63% (= 66.8 miljun ettaru) li jintużaw għall-għalf tal-bhejjem ( https://de.statista.com/statistik/daten/studie/1196852/umfrage/landwirtschaftliche-flaechen-in-der-eu-nach-nutzungsart/ ).
(16)     OVID, Eiweißstrategie 2.0, 2019 (L-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Ipproċessar taż-Żrieragħ Żejtnija fil-Ġermanja (OVID): L-Istrateġija tal-Proteini 2.0 [mhux disponibbli bil-Malti]).
(17)     Fil-Ġermanja, mill-1995 sal-2020 il-konsum tal-laħam tal-majjal per capita naqas minn 39,8 għal 31 kg .
(18)     Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u l-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku .
(19)    Opinjoni esploratorja tal-KESE fuq talba tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill dwar Is-sigurtà tal-ikel u sistemi tal-ikel sostenibbli, ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72 .
(20)     https://www.bmel.de/SharedDocs/Downloads/DE/_Tiere/Nutztiere/200211-empfehlung-kompetenznetzwerk-nutztierhaltung.html .
(21)     Rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Agrikoltura (mhux disponibbli bil-Malti).
(22)    Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Ir-riforma tal-PAK fl-2013, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35 .
(23)     Opinjoni tal-KESE dwar L-użu tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli , ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43 .
(24)    Meta l-kolza tiġi ppressata, wieħed ikollu madwar 1/3 żejt u 2/3 tal-hekk imsejħa pasta taż-żrieragħ żejtnin.