|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
L-SMEs, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-artiġjanat u l-professjonijiet liberi: “lesti għall-mira ta’ 55 %”
|
|
_____________
|
|
L-SMEs, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-artiġjanat u l-professjonijiet liberi: “lesti għall-mira ta’ 55 %”
[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]
|
|
|
|
INT/979
|
|
|
|
Relatur: Milena ANGELOVA
|
|
Korelatur: Rudolf KOLBE
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
20/01/2022
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
27/06/2022
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
21/09/2022
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
572
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
143/1/0
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, kemm jekk huma intrapriżi tradizzjonali, negozji tal-familja, kummerċjanti, intrapriżi tal-ekonomija soċjali, artiġjanat jew professjonijiet liberi (minn hawn ’il quddiem MSMEs) huma parti essenzjali mis-soluzzjoni lejn ekonomija tal-UE kompetittiva, newtrali għall-klima, ċirkolari u inklużiva, sakemm jinħolqu u jipprevalu l-kundizzjonijiet xierqa. L-MSMEs jiġġeneraw impatt pożittiv billi jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom stess u billi jipprovdu għarfien espert u soluzzjonijiet lil intrapriżi oħrajn, liċ-ċittadini u lis-settur pubbliku. Filwaqt li jirrikonoxxi u jenfasizza d-diversità u l-ħtiġijiet differenti tal-MSMEs, il-KESE jitlob biex tingħata attenzjoni speċifika lill-iżgħar MSMEs u lil dawk l-aktar vulnerabbli.
1.2Ħafna MSMEs ma għandhomx għarfien dwar ir-rekwiżiti leġiżlattivi li dejjem jevolvu, stabbiliti biex tinkiseb in-newtralità klimatika, u dwar kif iwieġbu għalihom. Barra minn hekk, għandhom diffikultajiet biex jidentifikaw benefiċċji u opportunitajiet kummerċjali potenzjali provduti mit-tranżizzjoni ekoloġika. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn urġenti li l-MSMEs jiġu appoġġjati biex jifhmu u jiġġestixxu t-tranżizzjoni ekoloġika bl-aħjar mod possibbli.
1.3Il-KESE jitlob għal miżuri ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni estiżi u mmirati, imwettqa b’mod koordinat u komplementari mill-KE u mill-Istati Membri, flimkien mal-organizzazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħrajn.
1.4Il-KESE jitlob ukoll għal programm komprensiv, immirat lejn l-appoġġ lill-MSMEs fil-kwistjonijiet kollha li jaffaċċjaw fl-operat tan-negozju u fl-attivitajiet tagħhom biex isiru aktar ekoloġiċi u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni. Peress li hemm differenzi konsiderevoli bejn l-MSMEs, huma meħtieġa soluzzjonijiet adattati ħafna u politki u miżuri mmirati sew.
1.5Appoġġ fuq terminu qasir immedjat u mmirat għall-MSMEs huwa kruċjali biex l-irkupru ekonomiku tagħhom mill-pandemija jingħata spinta u biex jiġu megħjuna jindirizzaw il-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, bħal prezzijiet għoljin tal-enerġija u nuqqas ta’ provvista ta’ materjali u prodotti. Minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji, il-KESE jqis li għandha tingħata l-flessibilità xierqa fl-iskedi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew sakemm tintemm il-kriżi, filwaqt li jiġi żgurat li l-miri ma jiġux abbandunati għall-ebda raġuni.
1.6Bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-MSMEs, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti “ċentri ta’ ċirkolarità” f’diversi reġjuni. Dan għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn kumpaniji fl-oqsma kollha u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ prattiki u proċessi ġodda, inkluż id-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. L-organizzazzjonijiet tal-MSMEs, il-kmamar tal-kummerċ, il-qasam akkademiku, l-imsieħba soċjali, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għandhom ikunu parti integrali mill-proċess.
1.7Il-KESE jemmen li huwa importanti li r-rappreżentanti tal-MSMEs jiġu involuti fit-tħejjija ta’ pjani direzzjonali settorjali għal azzjoni klimatika fil-livell nazzjonali, kif ukoll fit-tiswir tal-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni fil-livell tal-UE għal diversi ekosistemi tan-negozji, biex b’hekk jissaħħu wkoll l-għarfien dwar il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi u l-implimentazzjoni effiċjenti.
1.8Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jaċċeleraw l-investimenti ekoloġiċi tal-MSMEs billi jiżguraw li jkun hemm ambjent regolatorju abilitanti, prevedibbli u ta’ inkoraġġiment, inklużi proċeduri ta’ għoti ta’ permessi bla intoppi u l-evitar ta’ kompiti amministrattivi onerużi, kif ukoll billi jiġi pprovdut aċċess rapidu, faċli, sempliċi u traċċabbli għall-finanzjament, imfassal skont il-ħtiġijiet differenti tal-gruppi diversi kollha tal-MSMEs.
1.9Il-KESE jitlob għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-MSMEs sabiex ifasslu taħriġ li jkopri l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa fit-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet kemm tal-impjegati kif ukoll tal-intraprendituri. Barra minn hekk, il-KESE jitlob għal appoġġ għal attivitajiet ta’ innovazzjoni għall-MSMEs billi tiġi inċentivata u ffaċilitata l-kooperazzjoni ma’ negozji oħrajn, l-organizzazzjonijiet tagħhom, il-kmamar tal-kummerċ, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka.
1.10Il-KESE jħeġġeġ il-promozzjoni tal-kummerċ ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi prodotti mill-MSMEs, inkluż fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, billi l-MSMEs jiġu pprovduti b’kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq uniku u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq barranin ta’ prodotti, teknoloġiji u servizzi ekoloġiċi. Irid jiġi żgurat ambjent tan-negozju kompetittiv għall-intrapriżi tal-UE b’rabta mal-pajjiżi terzi, bl-użu tal-mezzi diplomatiċi kollha, inkluż fl-oqsma tal-politika dwar il-klima, ir-riżorsi u dik kummerċjali, u b’attenzjoni speċifika għal mossi miċ-Ċina u minn swieq emerġenti oħrajn.
2.It-tranżizzjoni ekoloġika u l-MSMEs
2.1L-MSMEs jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u li toħloq l-impjiegi. Huma jżommu lis-soċjetajiet aktar magħqudin u spiss jaqdu funzjonijiet kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. B’dan il-mod isaħħu l-bażi tad-demokrazija, l-għaqda u l-inklużività. Huma kruċjali għall-irkupru u l-ġid ekonomiku u soċjali, peress li joperaw fil-livell lokali f’kull rokna tal-UE u speċjalment fiż-żoni remoti u rurali, fejn spiss ikunu l-uniku fattur li jiġġenera attività ekonomika.
2.2It-tibdil fil-klima jixpruna t-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli, imma – fuq kollox – jixpruna l-ekonomija u s-soċjetà b’mod ġenerali lejn in-newtralità klimatika, iċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà inġenerali. Huwa jikkawża fenomeni ta’ temp estrem u diżastri naturali, u huwa marbut ma’ sfidi ambjentali ewlenin oħrajn bħat-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis ambjentali, u d-degradazzjoni tar-riżorsi naturali.
2.3Il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” jiffoka b’mod speċifiku fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jinkludi bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li jaffettwaw lill-MSMEs b’diversi modi. Huwa parti mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija tal-UE – il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tindirizza t-tkabbir sostenibbli relatat mal-industriji, mal-kummerċ, mas-servizzi u mal-enerġija, mat-trasport, mal-bini u mas-sistemi tal-ikel. L-MSMEs għandhom rwol essenzjali f’dawn l-oqsma kollha.
2.4L-MSMEs huma parti essenzjali mis-soluzzjoni fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Eropew, sakemm jinħolqu u jipprevalu l-kundizzjonijiet adatti. Dan l-impatt pożittiv jiġi ġġenerat, min-naħa waħda, permezz ta’ titjib fil-prestazzjoni ta’ varjetà wiesgħa ta’ MSMEs, u min-naħa l-oħra, permezz tal-azzjonijiet ta’ dawn l-MSMEs, billi jipprovdu għarfien espert u soluzzjonijiet lil intrapriżi oħrajn, liċ-ċittadini u lis-settur pubbliku.
2.5It-tranżizzjoni ekoloġika hija marbuta mill-qrib mat-trasformazzjoni diġitali, u l-MSMEs jeħtieġ jindirizzaw iż-żewġ partijiet ta’ din it-tranżizzjoni doppja – sfida doppja eżiġenti immens minħabba l-bżonn sostanzjali għal riżorsi. Id-diġitalizzazzjoni hija għodda biex l-operazzjonijet tan-negozji jsiru iżjed effiċjenti, tgħin fl-espansjoni tas-suq u fl-internazzjonalizzazzjoni, u għandha l-potenzjal konsiderevoli li tnaqqas l-emissjonijiet, l-iskart u l-użu tar-riżorsi naturali. Iżda s-servizzi u l-apparat diġitali jikkawżaw ukoll impatti ambjentali li jeħtieġ li jiġu ġestiti simultanjament.
2.6Apparti milli jirsistu għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, l-MSMEs qegħdin jissieltu mal-irkupru ekonomiku mill-pandemija u mal-implikazzjonijiet tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u n-nuqqas ta’ provvista ta’ materjali u prodotti huma fost il-kwistjonijiet reċenti li għandhom impatti sinifikanti fuq l-MSMEs u n-negozju tagħhom. Il-kompetittività tagħhom, kif ukoll il-kompetittività ġenerali tal-ekonomija tal-UE, qiegħda tkompli tiġi pperikolata mill-mossi għal għarrieda taċ-Ċina u ta’ swieq emerġenti oħrajn, li wkoll jieħdu vantaġġ milli jevitaw is-sanzjonijiet fuq ir-Russja u jsegwu rekwiżiti klimatiċi u ambjentali aktar baxxi.
2.7Il-kwistjonijiet relatati mal-klima u mal-ambjent ma humiex biss kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali iżda huma wkoll, fil-biċċa l-kbira, parti essenzjali tal-kompetittività, il-profitabbiltà u l-prestazzjoni ekonomika ġenerali tal-intrapriżi. Apparti milli jserrħu fuq il-valuri tagħhom u fuq il-kuxjenzi ġenerali, l-MSMEs jissodisfaw rekwiżiti u aspettattivi klimatiċi u ambjentali permezz ta’ diversi mekkaniżmi.
-Rekwiżiti diretti tal-qafas regolatorju għall-MSMEs, eż. dwar l-emissjonijiet, l-enerġija, il-materjali u l-prodotti, jew obbligi amministrattivi.
-Effetti indiretti ta’ xi rekwiżiti, li jħallu impatt fuq id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni bħall-enerġija u l-materjali, jew permezz ta’ spejjeż oħrajn tat-tmexxija ta’ negozju, inkluż it-tassazzjoni.
-Rekwiżiti permezz tal-katini tal-valur fil-forma ta’ aspettattivi tal-klijent, tal-investitur u tal-finanzjatur, bħal dawk li jirrigwardaw il-finanzjament sostenibbli u r-rappurtar, jew permezz tal-aspettattivi ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn.
2.8Ħafna MSMEs ma humiex konxji għalkollox mill-impatti ta’ politiki u rekwiżiti klimatiċi u ambjentali speċifiċi fuq in-negozji tagħhom u l-katini tal- provvista u tal-valur tagħhom, u lanqas minn kif jadattaw jew jittrasformaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fażi bikrija biex jipprevjenu telf jew saħansitra esklużjoni mis-suq aktar ’il quddiem. Apparti minn hekk, huma kkonfrontati minn riżorsi umani u finanzjarji limitati għall-operazzjonijiet ta’ kuljum u biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom, u hemm riskju li d-daqs limitat tagħhom jeħtieġ jew jirrikjedi wisq għarfien multiplu. Parti notevoli tal-intrapriżi jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba l-kumplessità ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li dejjem jevolvu, piżijiet amministrattivi, regoli finanzjarji u spejjeż għoljin, nuqqas ta’ għarfien espert u għarfien ambjentali speċifiku biex jagħżlu l-aħjar azzjonijiet, flimkien ma’ diffikultajiet biex jaċċessaw katini tal-valur ġodda, finanzjament, ħaddiema u mudelli ta’ negozju ġodda, fost oħrajn.
2.9Filwaqt li n-nuqqas ta’ għarfien dwar ir-rekwiżiti u modi kif wieħed iwieġeb għalihom huwa sfida importanti, daqstant ieħor huma d-diffikultajiet biex jiġu identifikati benefiċċji u opportunitajiet ta’ negozju potenzjali, bħal inqas spejjeż għall-enerġija u għall-materjali, aċċess imtejjeb għal finanzjament, talba ogħla u swieq ġodda, u dehra mtejba fost il-partijiet ikkonċernati.
2.10L-MSMEs bi proposta ta’ valur ta’ negozju fl-ekonomija ċirkolari, fil-klima, fil-bijodiversità, fl-enerġija rinnovabbli u f’temi oħrajn tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom inizjattiva inerenti biex jesploraw, jinvestu u jisfruttaw opportunitajiet ta’ negozju ġodda f’dawn l-oqsma. Għandhom bosta opportunitajiet, eż. fir-rinnovazzjoni tal-bini, fl-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, fil-produzzjoni industrijali u fil-manutenzjoni ta’ apparat, fl-għoti ta’ servizzi legali u ta’ kontabilità, u fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali. Il-proċess ta’ tranżizzjoni huwa dipendenti ferm mis-soluzzjonijiet intelliġenti tagħhom, iġġenerati mill-esperti li jimpjegaw, li juri l-importanza ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja u rilevanti, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) u titjib kostanti tal-ħiliet.
2.11L-aktar grupp vulnerabbli ta’ MSMEs, li għandu wkoll l-akbar ħtieġa ta’ informazzjoni huwadak li jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa sempliċiment biċċa leġiżlazzjoni addizzjonali li tkompli żżid mal-piżijiet amministrattivi kumulattivi, li tpoġġi lill-mudelli ta’ negozju tal-MSMEs taħt pressjoni, u li tillimita l-profitabbiltà f’xenarju ta’ żamma tal-istatus quo. Dan jenfasizza l-fatt li l-kategoriji kollha ta’ MSMEs, kemm jekk huma dawk vulnerabbli li waqgħu lura, dawk segwituri jew mexxejja, jeħtieġu appoġġ li huwa differenti u mmirat speċifikament lejhom
.
2.12Barra minn hekk, f’termini ta’ kapaċità u livell ta’ tħejjija, hemm ħafna differenzi bejn l-MSMEs f’termini tan-natura u d-daqs tal-kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali, ir-rekwiżiti u l-aspettattivi mmirati lejhom, u l-opportunitajiet li jsiru disponibbli għalihom. Id-differenzi jinbtu minn diversi fatturi: l-intensità fir-riżorsi naturali tan-negozju, id-daqs tal-intrapriża, il-pożizzjoni tal-intrapriża fil-katini tal-provvista u fl-ekosistemi tan-negozju, il-lokalizzazzjoni tal-intrapriża, it-tipi ta’ klijenti, is-sorsi tal-fatturi ta’ produzzjoni, u s-swieq ġeografiċi tal-intrapriża.
2.13Dan jitlob soluzzjonijiet adattati ħafna u politiki u miżuri mmirati sew li jikkunsidraw id-differenzi bejn, ngħidu aħna, intrapriżi ta’ daqs medju fl-industriji tal-manifattura, intrapriżi li joperaw fl-oqsma tal-ospitalità u tal-bejgħ bl-imnut, negozji tal-familja u tradizzjonali, negozji ġodda innovattivi, intrapriżi tal-ekonomiji soċjali, u l-artiġjanat u l-professjonijiet liberi.
2.14Minkejja l-ħafna differenzi bejn l-MSMEs, il-ġestjoni b’suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika f’kull intrapriża tibda b'sensibilizzazzjoni xierqa dwar kwistjonijiet u xejriet topiċi u l-għarfien tagħhom, li jippermetti li jiġu identifikati l-punti b’saħħithom, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u r-riskji tal-intrapriża, u li tiġi definita l-pożizzjoni li jixtiequ jieħdu fit-tranżizzjoni ekoloġika.
2.15L-aktar sforzi konkreti fil-livell tal-intrapriża huma relatati mal-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tan-negozju b’mod ġenerali, inkluż il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi, it-trasport u l-loġistika, u l-akkwist ta’ enerġija, materja prima u fatturi ta’ produzzjoni oħrajn. L-aspetti klimatiċi u ambjentali huma wkoll element integrali fl-attivitajiet ta’ innovazzjoni, fl-iżvilupp ta’ ħiliet u fl-involviment tal-ħaddiema kollha, u fil-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
3.Politiki u miżuri biex jiġu appoġġjati l-MSMEs taħt il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”
3.1Bil-għan li jkunu lesti għall-mira ta’ 55 % u kapaċi jiksbu b’suċċess it-tranżizzjoni ekoloġika, l-MSMEs iridu jkunu infurmati sew u ffaċilitati sabiex jifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tal-proposti leġiżlattivi ġodda u kumplessi. Dan jitlob informazzjoni u miżuri ta’ sensibilizzazzjoni wesgħin u mmirati, imwettqa b’mod koordinat u komplementari mill-KE u mill-Istati Membri, li f’dan ir-rigward għandhom responsabbiltà kruċjali. Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet kummerċjali u tal-kmamar tal-kummerċ ukoll huwa essenzjali biex jinfurmaw u jappoġġjaw lill-membri tagħhom, ikkumplementati mill-fornituri ta’ edukazzjoni u taħriġ, l-uffiċċji ta’ żvilupp reġjonali, l-organizzazzjonijiet raggruppanti, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili.
3.1.1Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew issa jinsabu taħt konsultazzjoni miftuħa f’termini ta’ skedi minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji ġodda, u d-dipendenza tal-UE mill-enerġija u l-ikel mir-Russja u mill-Ukranja. Il-KESE jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi u d-dipendenzi straordinarji, u jqis li l-miri ekoloġiċi ma għandhomx jiġu abbandunati għall-ebda raġuni, madankollu, għandha tingħata flessibilità loġika għal ċertu żmien sakemm tintemm il-kriżi.
3.1.2Apparti mill-valutazzjoni xierqa tal-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi kollha, il-KESE jitlob lill-KE sabiex tipprovdi gwida komprensiva, ċara u mhux ambigwa dwar ir-rekwiżiti relatati mal-klima eżistenti u dawk li ġejjin u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-MSMEs, li għandha tkopri:
-ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet diretti għall-MSMEs taħt il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni varji, maqsumin skont id-diversi tipi jew kategoriji ta’ intrapriżi (qasam, daqs, eċċ.);
-l-impatti indiretti fuq l-MSMEs li għandhom jiġu antiċipati permezz ta’ mekkaniżmi tas-suq, minħabba r-rekwiżiti mmirati lejn il-kumpaniji l-kbar.
3.1.3Il-KESE jitlob biex titlesta gwida korrispondenti għal leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali ewlenin oħrajn. B’mod aktar ġenerali, dan it-tip ta’ gwida għandha ssir prattika regolari u takkumpanja kwalunkwe inizjattiva futura fil-qasam tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-MSMEs jeħtieġu qafas leġiżlattiv stabbli li jipprovdi perspettivi ċari u ppjanar għall-investimenti tagħhom. Għalhekk, għandhom jiġu evitati bidliet f’daqqa, bħall-bidla reċenti tal-miri fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika proposti fil-pjan REPowerEU, peress li dawn jaggravaw l-ambjent diġà kumpless u inċert ħafna.
3.2Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wies’ u tal-profondità tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija prevista trasformazzjoni industrijali totali. Fid-dawl tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, u bil-għan li jiġi evitat li l-MSMEs “sempliċiment ifallu”, huwa meħtieġ programm komprensiv u wiesa’ ta’ appoġġ u żvilupp tal-kapaċità. L-għan huwa li l-MSMEs jiġu appoġġjati fil-kwistjonijiet kollha li jaffaċċjaw fl-operazzjonijiet u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom biex isiru aktar ekoloġiċi u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni.
3.2.1Il-KESE jqis li hemm livell għoli ta’ interess, espress mill-KE u mill-PE, biex issir ħidma ulterjuri fuq l-inizjattivi diġà fis-seħħ biex tiġi promossa l-istrateġija għall-SMEs u jiġu eżaminati aktar possibbiltajiet biex l-istrateġija titwettaq b’suċċess. Il-KESE jitlob biex dan l-interess jissarraf effettivament f’politika fl-oqsma kollha possibbli, u jisħaq fuq ir-rwol indispensabbli tal-Istati Membri, li għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-MSMEs, mal-kmamar tal-kummerċ, mal-imsieħba soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.
3.2.2L-intraprendituri żgħażagħ huma l-futur ta’ aktar tkabbir tal-MSMEs u tal-impjiegi. Għaldaqstant l-attenzjoni għall-konsumaturi u l-attraenza tagħhom għal impjegati żgħażagħ, flimkien ma’ tħassib dejjem akbar dwar it-tranżizzjoni ekoloġika, għandu jiġi identifikat u indirizzat b’mod aktar speċifiku, pereżempju fil-pjani ta’ rkupru. Barra minn hekk, sabiex isir użu mill-potenzjal sħiħ tas-soċjetà kollha u biex titkattar id-diversità fin-negozji, għandu jitneħħa kwalunkwe ostakolu għall-intraprenditorija fost in-nisa. L-ispirtu intraprenditorjali tal-gruppi vulnerabbli kollha, bħall-persuni b’diżabilità, il-migranti u l-komunitajiet li jħaddnu minoranzi, għandu jiġi stimulat u promoss ukoll.
3.2.3Bil-għan li jissaħħu s-sinerġiji tad-diġitalizzazzjoni u tal-ekoloġizzazzjoni fl-MSMEs, iż-żewġ xejriet għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess ħin fit-tfassil ta’ politiki u miżuri. Peress li la t-tranżizzjoni ekoloġika u lanqas dik diġitali ma huma sempliċi kwistjonijiet tekniċi jew finanzjarji, iridu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet personali u tan-negozju ewlenin sabiex ikun hemm maġġoranza kbira ta’ MSMEs li tadotta tranżizzjoni doppja fuq terminu twil u li tibqa’ valida fil-futur.
3.2.4Il-KESE jitlob ukoll lill-KE u l-Istati Membri biex jimmonitorjaw l-effetti tal-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali f’termini tal-katini tal-provvista u tal-valur, u tal-iżviluppi ekonomiċi u tas-soċjetà reġjonali rispettivi sabiex ikunu jistgħu jpattu għal effetti negattivi possibbli fuq l-MSMEs u fuq l-impjiegi fi stadju bikri.
3.3Sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-operazzjonijiet ta’ negozju ta’ kuljum tal-MSMEs, bħall-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, il-produzzjoni tal-enerġija u l-użu u l-organizzazzjoni tal-loġistika, jeħtieġ li tkun disponibbli provvista xierqa ta’ servizzi ta’ konsulenza prattika u ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni.
3.3.1Il-KESE jitlob lill-UE u l-Istati Membri biex isaħħu u jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ appoġġ teknoloġiku u maniġerjali disponibbli għall-MSMEs, billi jużaw il-potenzjali sħiħ ta’ strumenti differenti, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u tal-Ftehimiet ta’ Sħubija, bit-tir li jgħinu lill-intrapriżi jtejbu l-effiċjenza enerġetika u materjali, u jnaqqsu l-ġenerazzjoni ta’ emissjonijiet u skart, sabiex jimminimizzaw kemm l-ispejjeż kif ukoll l-impatti ambjentali. Il-KESE jitlob ukoll biex l-aspetti ambjentali jiġu integrati fis-servizzi ta’ konsulenza fil-qasam diġitali.
3.3.2Bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-MSMEs, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti “ċentri ta’ ċirkolarità” f’diversi reġjuni. Dan għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji fl-oqsma kollha u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ proċessi ġodda għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart u tal-prodotti sekondarji, inkluża d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.
3.3.3Il-KESE jitlob għall-involviment tal-MSMEs u tar-rappreżentanti tagħhom fit-tħejjija ta’ pjani direzzjonali settorjali għal azzjoni klimatika fil-livell nazzjonali, kif ukoll fit-tiswir tal-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni fil-livell tal-UE għal diversi ekosistemi tan-negozji, biex b’hekk jissaħħu wkoll l-għarfien dwar il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-allokazzjoni adatta tar-riżorsi u l-implimentazzjoni effiċjenti.
3.4Bil-għan li jissaħħaħ u jiġi appoġġjat l-investiment fl-ekoloġizzazzjoni tal-MSMEs, tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali, għandu jiġi żgurat ambjent li jiffavorixxi l-investiment u kundizzjonijiet li jiffaċilitaw lill-MSMEs aċċess adatt għall-finanzjament.
3.4.1Il-KESE jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jaċċeleraw l-investimenti tal-MSMEs billi:
-jiżguraw li jkun hemm ambjent regolatorju li jiffaċilita u jinkoraġġixxi, inklużi proċeduri ta’ għoti ta’ permessi qosra u semplifikati u l-evitar ta’ kompiti amministrattivi onerużi;
-jipprovdu aċċess rapidu, faċli, sempliċi u traċċabbli għall-finanzjament, imfassal skont il-ħtiġijiet differenti tal-MSMEs li jirriżultaw mit-tip, l-attività, il-lokalizzazzjoni, il-qasam eċċ. tagħhom, inkluż permezz ta’ strumenti ta’ għotjiet immirati.
3.4.2Il-KESE jistieden lill-KE biex tqis kif dovut l-impatti indiretti tal-kriterji ta’ finanzjament sostenibbli fuq l-MSMEs. Dan japplika wkoll għar-rekwiżiti ta’ solvenza għall-banek u kwalunkwe miżura oħra ta’ politika fl-oqsma tal-politika ekonomika u fiskali li għandhom impatt indirett fuq il-kapaċità tal-MSMEs li jinvestu u joperaw, li tirriżulta fil-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi.
3.4.3Il-KESE jitlob biex jiġu rispettati r-regoli ta’ kompetizzjoni b’saħħitha fl-allokazzjoni ta’ finanzjament pubbliku għal investimenti ekoloġiċi. Il-KESE jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa għal monitoraġġ tal-flussi ta’ finanzjament b’indikaturi xierqa. Importanti li l-MSMEs jingħataw aċċess ugwali għall-akkwist u l-investiment pubbliku, eż. fl-infrastruttura ġenerali, kif ukoll li jiġi inkoraġġut l-investiment fl-ekoloġizzazzjoni tal-MSMEs infushom, eż. billi jintuża finanzjament pubbliku bħala stimolu tal-investiment privat.
3.4.4Wara żviluppi reċenti fis-swieq tal-enerġija, il-KE rrikonoxxiet il-vulnerabbiltà tal-MSMEs ikkawżata mir-riskju dejjem akbar ta’ faqar enerġetiku. Il-KESE jilqa’ d-definizzjoni ta’ “mikrointrapriżi vulnerabbli” u jitlob għal sforz addizzjonali biex jiġu pprovduti bl-appoġġ rilevanti biex jindirizzaw dan il-piż.
3.5Il-KESE jitlob lill-UE u l-Istati Membri biex isaħħu l-kummerċ ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi mill-MSMEs billi jiżviluppaw u jiżguraw kundizzjonijiet tas-suq xierqa li jagħmlu dan li ġej:
-jipprovdu lill-MSMEs b’kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq uniku, f’termini tal-kummerċ fi prodotti, teknoloġiji u servizzi li jikkonribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika;
-jiżguraw li l-MSMEs jingħataw aċċess xieraq biex jipprovdu soluzzjonijiet ekoloġiċi lis-settur pubbliku fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti rigward, pereżempju, il-kostruzzjoni, it-teknoloġiji u s-servizzi. Jeħtieġ li l-proċeduri abbażi ta’ kwalità jsiru obbligatorji għal dawn is-servizzi, u li jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ kapaċità li jtellfu lill-MSMEs milli jieħdu sehem fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku;
-jiffaċilitaw aċċess ugwali għas-swieq barranin ta’ prodotti, teknoloġiji u servizzi ekoloġiċi mill-MSMEs, permezz ta’ ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Istai Membri jikkunsidraw b’mod adatt il-ħtiġijiet tal-MSMEs fl-attivitajiet tagħhom ta’ promozzjoni tal-esportazzjoni;
-jiżguraw ambjent ta’ negozju kompetittiv għall-intrapriżi tal-UE b’rabta ma’ pajjiżi terzi, bl-użu tal-mezzi diplomatiċi kollha, inkluż fid-dominji tal-klima, tar-riżorsi u tal-politika kummerċjali. Għandha tingħata attenzjoni speċifika liċ-Ċina u lil swieq emerġenti oħrajn, permezz ta’ risposti aġli u kkoordinati għall-mossi għal għarrieda tagħhom;
-jiżguraw li l-istandards li jippromovu t-tranżizzjoni ekoloġika jkunu abbozzati b’mod li jiffavorixxi lill-MSMEs, u jippermettu għall-innovazzjoni billi jinfurzaw soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti.
3.6Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-MSMEs fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi ġodda għan-negozji, għall-konsumaturi u għas-soċjetà inġenerali, il-KESE jitlob għall-miżuri li ġejjin:
-Id-diversi programmi u inizjattivi ta’ innovazzjoni jridu jkunu jinftiehmu aktar faċilment u aktar aċċessibbli għall-MSMEs u għandha tingħata gwida dwar l-istrumenti ta’ finanzjament varji disponibbli fil-qasam tal-innovazzjoni ekoloġika, inkluż l-għodod tal-Fond Ewropew tal-Investiment.
-Il-finanzjament għandu jippromovi l-aċċess tal-MSMEs għal ekosistemi u sħubijiet ta’ innovazzjoni ma’ kumpaniji kbar mexxejja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-MSMEs u l-universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka fl-iżvilupp ta’ prodotti, teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda.
-L-iżvilupp ta’ spazji ta’ data komuni u l-aċċess faċli għalihom għall-MSMEs għandu jiġi aċċellerat, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġodda, inkluż dawk ibbażati fuq l-IA.
3.7Biex jiġi żgurat li jkun hemm il-ħiliet adattati meħtieġa biex jiġu żviluppati u operati negozji f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika, il-KESE jitlob dan li ġej.
-L-iżgurar li l-kurrikuli tal-istudji vokazzjonali u universitarji u tal-approċċi tal-iżvilupp professjonali kontinwu (CDP) iqisu b’mod sħiħ il-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa fit-tranżizzjoni ekoloġika, u jiffokaw fuq il-proċess usa’ tal-ekoloġizzazzjoni tal-impjiegi u l-interdipendenza bejn l-oqsma.
-L-inkoraġġiment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-MSMEs fit-tfassil tal-provvista ta’ taħriġ, inkluż moduli u mikrokorsijiet applikabbli għat-titjib tal-ħiliet, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-intrapriżi.
-L-użu tad-djalogu soċjali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u jiġu żviluppati l-ħiliet fil-postijiet tax-xogħol. Minħabba d-daqs u d-diversità tal-MSMEs u l-ispeċifiċitajiet tad-diversi sistemi nazzjonali, id-djalogu soċjali u l-kollaborazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiema fl-MSMEs għandhom diversi modalitajiet.
3.8Il-KESE jitlob għall-ħolqien ta’ indikaturi xierqa u għodod prattiċi li jikkontribwixxu għall-monitoraġġ sistematiku tal-operazzjonijiet u tal-impatti tal-intrapriżi b’rabta mat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan għandu jservi wkoll għall-komunikazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Sadanittant, il-KESE jitlob lil dawk fl-UE li jfasslu l-politiki biex joqogħdu lura milli jiffissaw obbligi ta’ rappurtar ta’ piż kbir għall-MSMEs, u anke biex jevalwaw l-implikazzjonijiet indiretti għall-MSMEs ikkawżati mir-rekwiżiti ta’ rappurtar immirati lejn kumpaniji kbar.
4.Kummenti speċifiċi dwar il-professjonijiet liberi, l-artiġjanat u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali
4.1Biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, huwa kruċjali li l-politiki tal-UE jitfasslu b’kunsiderazzjoni tal-impatt potenzjali tagħhom fuq is-snajja’ u l-artiġjanat. Dawn l-atturi ekonomiċi huma tabilħaqq importanti għall-ekonomiji lokali, għaliex jipprovduhom b’oġġetti u b’servizzi indispensabbli mfassla għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi, anke f’żoni ġeografiċi li huma inqas konnessi maċ-ċentri urbani. Id-djalogu mar-rappreżentanti tagħhom, bħall-organizzazzjonijiet kummerċjali u l-kmamar tal-kummerċ, jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin li jikkunsidraw l-impatt potenzjali fir-realtà.
4.2Għarfien espert professjonali indipendenti huwa meħtieġ biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi ottimizzati għat-tibdil fil-klima u għal sfidi ambjentali oħrajn. Il-professjonijiet liberali jwieġbu għal dan il-bżonn f’għadd ta’ oqsma tal-ekonomija u tas-soċjetà billi jipprovdu għarfien espert u pariri tekniċi, legali, finanzjarji u mhux finanzjarji. Il-KESE jitlob għal miżuri fl-UE kollha biex jinċentivaw lill-Istati Membri jippromovu regolamenti professjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adatta tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, pereżempju f’approċċi tekniċi kumplessi, b’tali mod li jiġu promossi l-aktar soluzzjonijiet ekonomiċi u innovattivi.
4.3Tista’ tiġi żgurata aktar sostenibbiltà fl-ippjanar tal-ispazju lokali u reġjonali billi jissaħħu s-servizzi ta’ konsulenza għall-muniċipalitajiet. Huwa importanti wkoll li jkompli jiġi żviluppat il-kunċett ta’ valutazzjoni ambjentali strateġika fid-direzzjoni tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà (ekoloġika, ekonomika u soċjali). Il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fl-UE għandhom japplikaw kriterji klimatiċi u kriterji oħrajn orjentati lejn il-kwalità, u permezz ta’ dan jippromovu l-innovazzjoni fl-MSMEs u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal proġetti, speċjalment fil-qasam tas-servizzi ta’ ppjanar.
4.4Huma meħtieġa tekniki, prodotti u proċessi ġodda fit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, fis-settur tal-kostruzzjoni dan jitlob li l-iskart tar-rinnovazzjoni u tal-kostruzzjoni jiġi riċiklat, l-elementi jerġgħu jintużaw, u jiġu introdotti materjali ġodda għall-kostruzzjoni, inkluż li jiġu rikonoxxuti materjali tal-kostruzzjoni sekondarji ta’ kwalità garantita, u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-produtturi, il-professjonisti tal-artiġjanat u l-industrija tar-riċiklaġġ. Il-katini tal-valur reġjonali u r-raggruppamenti tal-bini wkoll iridu jissaħħu bl-involviment tal-artiġjanat.
4.5L-isfidi ambjentali relatati mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma essenzjalment l-istess bħal dawk ta’ intrapriżi oħra f’termini tal-kwistjonijiet rilevanti. Madankollu, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn l-intrapriżi jridu jiġu kkunsidrati kif dovut f’konformità mal-bosta Opinjonijiet tal-KESE, permezz ta’ miżuri mmirati mibnija fuq il-pjan ta’ azzjoni reċenti tal-UE dwar l-ekonomija soċjali.
Brussell, 21 ta’ Settembru 2022
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________