MT

SOC/724

Intejbu l-ugwaljanza fl-UE

OPINJONI

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Intejbu l-ugwaljanza fl-UE

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Kuntatt

SOC@eesc.europa.eu  

Amministratur

Jean-Marie ROGUE

Data tad-dokument

06/10/2022

Relatur: Ozlem YILDIRIM

Korelatur: Cristian PÎRVULESCU

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20/1/2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

29/09/2022

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

85/4/15

Adozzjoni fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

.../.../...



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jfakkar fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li “l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà”. Huwa jenfasizza wkoll l-importanza tal-Artikolu 20, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi għal kulħadd.

1.2Barra minn hekk, il-KESE jfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza mhux biss tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, imma tippromovi wkoll l-applikazzjoni koerenti tal-istat tad-dritt.

1.3Il-KESE jħeġġeġ ħafna lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni jkomplu jiżviluppaw il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi, b’mod partikolari billi jadottaw il-Proposta għal Direttiva COM(2008) 426 tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

1.4Il-KESE jqis li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi bażi soda u li l-istrumenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu żviluppati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha. Fost oħrajn, huwa essenzjali li jiġu inklużi l-interazzjonijiet, l-ambjenti u s-sitwazzjonijiet kollha li fihom tista’ sseħħ id-diskriminazzjoni. Id-differenza fil-protezzjoni legali toħloq ġerarkiji inaċċettabbli bejn id-drittijiet u tħalli kategoriji sħaħ ta’ persuni mingħajr protezzjoni.

1.5Is-sistema Ewropea attwali għall-protezzjoni hija bbażata essenzjalment fuq ir-rikors individwali tal-vittmi għal rimedju ġudizzjarju u rikors għad-dritt. Madankollu, għadd ta’ studji juru li r-rapporti u l-proċeduri ma jippermettux rispons għad-dimensjoni strutturali, intersezzjonali u sistemika tal-inugwaljanzi, u li r-rikors għad-dritt min-naħa tal-vittmi ma tantx huwa sinifikanti, li statistikament huwa eċċezzjoni kbira u jintuża biss bħala soluzzjoni ta’ kontinġenza 1 .

1.6Il-KESE jissottolinja li l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni multipla kkawżati mill-istrutturi soċjali jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ politika koerenti u komprensiva, mezzi konkreti u mobilizzazzjoni sostnuta. Is-sensibilizzazzjoni, il-viżibbiltà u t-taħriġ huma xpruni importanti li jeħtieġ li jiġu attivati f’kull parti tas-soċjetà.

1.7Il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu integrati f’viżjoni soċjali usa’, li timmultiplika u ssaħħaħ l-għodod li bihom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jimmaterjalizzaw l-appoġġ għall-individwi u l-atturi pubbliċi u privati.

1.8Il-KESE jemmen li l-Unjoni għandha timpenja ruħha b’mod attiv fil-promozzjoni tar-rikonoxximent tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza u ta’ obbligi pożittivi ta’ opportunitajiet indaqs, u li biex tagħmel dan, l-istituzzjonijiet għandhom jibdew jiżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-Ewropa.

1.9Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi li l-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal-liġi għal bosta ċittadini, huwa jenfasizza li fil-fatt jistgħu joħolqu ksur ġdid tal-ugwaljanza u għaldaqstant joħolqu ħtiġijiet ġodda ta’ intervent sabiex jiġu żgurati l-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali u l-applikazzjoni tiegħu.

1.10Biex jingħeleb il-piż tal-litigazzjoni għall-individwu, biex ir-rikors għad-dritt jingħata saħħa proporzjonata mal-prattiki ddenunzjati, u biex il-qafas ġuridiku jsir theddida effettiva u jirregola d-diskriminazzjoni, il-KESE huwa favur leġiżlazzjoni tal-UE li tadotta standards li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kollettivi fl-Istati Membri biex itejbu l-aċċess għar-rimedju ġudizzjarju u l-effett tiegħu, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jitħares it-trattament ugwali.

1.11Il-KESE jemmen li l-Unjoni għandha tiżgura s-sigurtà, it-trattament ugwali u l-protezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għal atturi politiċi, atturi mit-trade unions u atturi mill-NGOs, abbażi tal-valuri tagħha tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u n-nondiskriminazzjoni mibnija fuq opinjonijiet politiċi.

1.12Għandha tittejjeb ukoll il-kapaċità tal-atturi ċiviċi kollha, b’mod partikolari dawk involuti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, biex jaħdmu bl-istrumenti legali eżistenti u jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet pubbliċi.

2.Kummenti ġenerali

2.1Il-KESE jfakkar fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li “l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà”. Huwa jenfasizza wkoll l-importanza tal-Artikolu 20, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi għal kulħadd.

2.2Barra minn hekk, il-KESE jfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza mhux biss tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, imma tippromovi wkoll l-applikazzjoni koerenti tal-istat tad-dritt.

2.3Illum, il-forom multipli ta’ inugwaljanza u d-dimensjoni intersezzjonali tagħhom huma rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea (inklużi l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, u dawk etniċi, soċjali, ġenerazzjonali, eċċ.).

2.4Aktar minn għoxrin sena wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-indikaturi Ewropej u nazzjonali kollha juru li għadha tippersisti d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika, ir-razza, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet u t-twemmin, id-diżabilità u l-età, fejn jidħlu l-impjieg, l-aċċess għall-beni, għall-edukazzjoni, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi u għall-protezzjoni soċjali.

2.5Din il-persistenza ta’ diskriminazzjoni tirriżulta b’mod partikolari minn proċessi kumplessi, li ħafna drabi jikkoinċidu, u huma r-riżultat ta’ proċessi integrati kif ukoll sistemi u standards li jipproduċu u jirriproduċu diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Din it-taħlita ta’ sorsi ta’ inugwaljanza tipproduċi sitwazzjonijiet li allura huma sistemiċi u jikkostitwixxu ostakli reali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza 2 .

2.6Il-KESE, permezz tal-membri tiegħu iżda wkoll permezz tal-attivitajiet li jsiru direttament fl-Istati Membri, jinnota wkoll li l-klima soċjali ġenerali qed tiddeterjora u li kulma jmur qed tiżdied l-imġiba diskriminatorja fil-konfront tal-persuni vulnerabbli. Minn dan il-lat, hemm ħtieġa ċara għal azzjoni rapida u koordinata fil-livell nazzjonali u Ewropew.

2.7Barra minn hekk, wara kważi sentejn ta’ kriżi tal-COVID-19, diversi aġenziji tan-NU, inkluża l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol 3 , jaraw sinjali inkwetanti ta’ inugwaljanzi soċjali u territorjali li sejrin għall-agħar. Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, u affettwat b’mod sinifikanti n-negozji Ewropej billi bidlet il-kapaċità tagħhom li jżommu u joħolqu l-impjieg.

2.8Konsegwentement, il-gruppi soċjali foqra jew prekarji huma inevitabbilment aktar vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, li tiżdied ma’ fatturi oħra ta’ vulnerabbiltà. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni lill-ispeċifiċità ta’ din id-diskriminazzjoni u li tiġi żviluppata politika b’saħħitha biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-persuni żvantaġġati ekonomikament u soċjalment fl-UE.

2.9Il-KESE jissottolinja li l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni multipla kkawżati mill-istrutturi soċjali jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ politika b’saħħitha, mezzi konkreti u mobilizzazzjoni sostnuta. Huwa meħtieġ appoġġ akbar u sinifikanti għall-korpi nazzjonali li jippromovu l-ugwaljanza u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment biex tissaħħaħ l-indipendenza u jiżdiedu l-persunal u l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom. Is-sensibilizzazzjoni, il-viżibbiltà u t-taħriġ huma xpruni importanti li jeħtieġ li jiġu attivati f’kull parti tas-soċjetà u tal-ordni pubbliku.

2.10Il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu integrati f’viżjoni soċjali usa’, li timmultiplika u ssaħħaħ l-għodod li bihom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jimmaterjalizzaw l-appoġġ għall-individwi u l-atturi pubbliċi u privati.

2.11Il-KESE jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jemmen li hemm ħafna elementi ta’ konverġenza mal-promozzjoni tal-ugwaljanza, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni 4 . Jinħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għall-implimentazzjoni tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu.

2.12F’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu 5 , il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-UE f’dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-difiża kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika, ir-razza jew l-età, ir-reliġjon, l-opinjoni jew it-twemmin, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTQIA+, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll l-integrazzjoni tal-persuni Rom u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti.

2.13Kif diġà rrimarka l-Kumitat, il-Karta għandha potenzjal mhux sfruttat min-naħa tal-istituzzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Hemm bżonn ta’ titjib sabiex jiġi rfinat l-impatt tagħha favur il-protezzjoni, il-prevenzjoni, il-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza 6 .

2.14Is-sistema Ewropea attwali għall-protezzjoni hija bbażata essenzjalment fuq ir-rikors individwali tal-vittmi għal rimedju ġudizzjarju u rikors għad-dritt. Madankollu, l-istudji kollha juru li r-rapporti u l-proċeduri ma jippermettux rispons għad-dimensjoni strutturali, intersezzjonali u sistemika tal-inugwaljanzi, u li r-rikors għal-liġi min-naħa tal-vittmi ma tantx huwa sinifikanti, statistikament huwa eċċezzjoni kbira u jintuża biss bħala soluzzjoni ta’ kontinġenza 7 .

2.15Illum, fil-qasam tal-impjieg, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni hija limitata għal sitwazzjonijiet li jikkorrispondu biss għall-kriterji msemmija fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali).

2.16Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-dritt tal-UE dwar l-aċċess għall-beni u għas-servizzi pubbliċi hija limitata għall-kriterji tar-razza jew l-oriġini etnika u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-ebda forma oħra ta’ ksur tal-ugwaljanza ma hija trattata bħala tali u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni tvarja skont kriterju jew ieħor.

2.17Illum, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għandha ġeometrija varjabbli fi ħdan l-Istati Membri. Xi wħud joffru protezzjoni lil beni u servizzi kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, filwaqt li oħrajn jipproteġuhom lil hinn mill-kriterji ta’ dan l-artikolu. B’riżultat ta’ dan, il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni, u b’hekk l-ugwaljanza, tvarja bejn l-Istat Membri.

2.18Huwa fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet li għandhom jittieħdu l-passi li jmiss biex jingħelbu r-restrizzjonijiet attwali fl-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea bil-għan li tinkiseb l-inklużjoni.

3.Kummenti speċifiċi

3.1Il-promozzjoni tal-affermazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fl-Istati Membri

3.1.1Is-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa turi li l-prinċipju tal-ugwaljanza huwa aspirazzjoni li għad hemm inċertezzi konsiderevoli dwarha. Pereżempju, il-Kummissjoni tgħid hi stess li fiż-żmien tal-COVID-19, l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa kien sfida konsiderevoli fl-Ewropa 8 .

3.1.2Illum, filwaqt li ċerti pajjiżi Ewropej japplikaw il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fil-qafas ġuridiku tagħhom billi jiżguraw id-dritt għal trattament ugwali fis-soċjetà ċivili, fir-relazzjonijiet ekonomiċi u mal-Istat, oħrajn jippenalizzaw biss id-diskriminazzjoni espressament ipprojbita mil-liġi, u ma jipprevedu l-ebda obbligu pożittiv biex jiġi implimentat il-prinċipju tal-ugwaljanza 9 .

3.1.3Din id-diskrepanza toħloq differenza sinifikanti bejn iċ-ċittadini u r-residenti Ewropej f’dak li jikkonċerna l-ambitu tal-prinċipju tal-ugwaljanza, il-protezzjoni tiegħu mil-liġi u r-rekwiżiti imposti għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

3.1.4Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet strutturali li jimpedixxu l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-ugwaljanza, fattur li jesponi l-limitazzjonijiet fir-rigward ta’ dak li nkiseb u l-livell tal-inugwaljanzi li jeżisti fl-Ewropa llum. L-organizzazzjonijiet nazzjonali li jippromovu l-ugwaljanza u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu involuti b’mod attiv f’dan il-proċess ta’ evalwazzjoni kontinwa.

3.1.5Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-Unjoni tadotta politika ambizzjuża biex tippromovi l-prinċipju tal-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs, skont il-valuri minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi timmobilizza l-oqsma kollha tal-kompetenza tagħha. Għal dan l-għan, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, ibbażata fuq l-Artikoli 157 u 19 tat-Trattat, li tiffoka fuq l-effettività tal-korpi nazzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tagħhom, ir-rwoli u l-kapaċitajiet multipli tagħhom.

3.1.6L-Unjoni għandha tgħammar lilha nnifisha b’mezzi konkreti biex il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza ssarrfu fi prinċipju ġuridiku applikabbli għall-Istati Membri kollha, li jippermetti li tingħata protezzjoni lil hinn mill-inugwaljanzi fit-trattament marbutin mas-seba’ kriterji ta’ diskriminazzjoni protetti mill-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-użu tal-fondi strutturali jkun, pereżempju, wieħed mill-mezzi effettivi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri kontra d-diskriminazzjoni.

3.1.7Ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali, il-ħolqien ta’ obbligi pożittivi u r-rikonoxximent tad-dimensjoni sistemika tagħhom huma metodi kif tittejjeb il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali.

3.2Il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni ġġenerati fil-qasam diġitali

3.2.1Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi li l-iżviluppi teknoloġiċi jagħmluha possibbli li jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-drittijiet għal bosta ċittadini, huwa jqis li fil-fatt qed joħolqu ksur ġdid tal-ugwaljanza fl-aċċess għad-drittijiet u s-servizzi, u għalhekk jeħtieġ li jsir intervent ġdid sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tat-trattament ugwali.

3.2.2It-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi tal-Istat u l-aċċess għall-beni u s-servizzi (inklużi s-servizzi bażiċi) wasslet għal bidla profonda fir-relazzjoni mal-utent billi eliminat l-ostakli fiżiċi, imma ħolqot ukoll ostakli diġitali ġodda. Din tipprevjeni l-aċċess għad-drittijiet u s-servizzi ta’ ċerti ċittadini, b’mod partikolari tal-persuni fl-iżjed kundizzjonijiet prekarji, jew dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ dgħufija jew ta’ diżabblità, kif ukoll tal-biċċa l-kbira tal-persuni akbar fl-età fit-territorju Ewropew 10 .

3.2.3Dawn id-disfunzjonijiet jirrikjedu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ ordni pubbliku ġdid ta’ inklużjoni diġitali kif ukoll il-ħolqien ta’ obbligi pożittivi għall-operaturi pubbliċi u privati fil-konfront tal-utenti, inkluż aċċess faċli u b’xejn.

3.2.4Minbarra d-diffikultajiet tekniċi tal-aċċess tekniku, u b’rabta mal-għodod derivati mill-algoritmi 11 u t-teknoloġiji bijometriċi 12 , il-KESE jinnota li qed inħabbtu wiċċna ma’ sfidi ġodda ta’ ksur tad-drittijiet u mal-konsegwenzi tad-diskriminazzjoni.

3.2.5Kif enfasizzat mill-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa 13 u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali 14 , id-deċiżjonijiet algoritmiċi jwasslu għal għodod ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bi preġudizzji diskriminatorji fuq il-bażi tat-tfittxija għar-riproduzzjoni awtomatizzata tar-riżultati. L-aktar strumenti legali rilevanti biex jittaffew ir-riskji ta’ diskriminazzjoni xprunata mill-IA huma l-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni u l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Jekk jiġu infurzati b’mod effettiv, iż-żewġ strumenti legali jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni illegali.

3.2.6Il-KESE jqis li l-monitoraġġ ta’ dawn l-effetti jeħtieġ ordni pubbliku b’saħħtu li japplika għas-suq intern Ewropew kollu u għall-atturi ekonomiċi mhux Ewropej li, b’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi diġitali li qed tiġi adottata bħalissa, jirrikjedi l-introduzzjoni ta’ proċessi ta’ monitoraġġ awtomatizzat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-verifika tad-data, l-evalwazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u l-korrezzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji. L-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Diġitali tista’ tgħin ukoll biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet.

3.3L-iżvilupp tal-protezzjoni tat-trattament ugwali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol

3.3.1Il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali tal-impjieg bħala kwistjoni ta’ integrazzjoni u t-twettiq tal-wegħda tal-ugwaljanza għal kulħadd.

3.3.2Minkejja l-impenn storiku tal-Unjoni Ewropea favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjieg, is-sitwazzjoni attwali tfakkarna li n-nisa huma storikament l-ewwel li jbatu l-konsegwenzi tal-kriżijiet (ekonomiċi, soċjali, sanitarji u oħrajn). L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-post tax-xogħol għadha waħda mill-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi Ewropej. Bil-kriżi tal-COVID-19, ir-rata tal-impjieg tan-nisa naqset fl-etajiet kollha u fil-kategoriji tax-xogħol kollha, u fil-livell globali niżlet għal 61,8 % 15 .

3.3.3Dawn l-inugwaljanzi marbutin mal-ġeneru huma kkombinati ma’ forom oħra ta’ inugwaljanza. L-istħarriġ tal-Eurostat tal-2019 juri li 68 % tal-persuni b’diżabilità kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, meta mqabbla ma’ 28,4 % fil-każ tal-popolazzjoni ġenerali 16 . 21 % tal-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom bħala LGBT ħassew li jġarrbu diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u l-istess ħassewhom 25 % tal-persuni ta’ oriġini mill-Magreb u mill-Afrika u r-Rom 17 .

3.3.4L-Ewrobarometru tal-2020 dwar id-diskriminazzjoni jindika li 59 % tal-Ewropej iqisu li l-kawża ewlenija tad-diskriminazzjoni hija l-oriġini etnika jew il-kulur tal-ġilda, u l-istudji juru li din hija partikolarment sinifikanti fil-qasam tal-impjieg, fejn l-impatt tagħha huwa konsiderevoli fuq l-opportunitajiet indaqs u l-integrazzjoni soċjali. Għandhom jiġu stabbiliti metodi biex diskriminazzjoni bħal din titressaq quddiem il-qrati, bħall-metodu Clerc, rikonoxxut mill-qrati supremi Franċiżi, li jagħmilha possibbli li jitqabbel l-avvanz fil-karriera ta’ persuni impjegati fl-istess livell 18 .

3.3.5Illum, il-politika Ewropea għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-impjieg hija limitata għal qafas ġuridiku li jippermetti t-tressiq ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni quddiem il-qrati, li fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huwa ta’ piż kbir ħafna fuq il-vittma potenzjali peress li jinvolvi rikors wieħed jew aktar kontra l-impjegatur tal-vittma, fornitur tas-servizzi jew l-Istat.

3.3.6Il-Kummissjoni ilha li rrikonoxxiet li d-diskriminazzjoni hija l-prodott ta’ fenomeni multipli. Il-litigazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ hija piż kbir ħafna għall-vittmi. Il-fenomenu tan-nuqqas ta’ rikors b’rabta mad-diskriminazzjoni huwa ddokumentat u enormi 19 . Ftit hemm tilwim dwar id-diskriminazzjoni f’dak li jikkonċerna l-impjieg u kważi ma hemm l-ebda rikors rigward id-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi. Jistgħu jissaħħu l-mekkaniżmi u l-proċessi mhux ġuriżdizzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza, kif ukoll l-appoġġ għax-xogħol legali pro bono u għal-litigazzjoni dwar l-interess pubbliku.

3.3.7Biex jingħeleb il-piż tal-litigazzjoni għall-individwu, biex ir-rikors għal-liġi jingħata saħħa proporzjonali mal-prattiki ddenunzjati, u biex il-qafas ġuridiku jsir theddida effettiva għar-regolazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-KESE huwa favur leġiżlazzjoni tal-UE li tadotta għodod proċedurali li jiffaċilitaw l-aċċess għal-liġi fl-Istati Membri, pereżempju bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ azzjoni kollettiva li jtejbu l-aċċess għar-rimedju ġudizzjarju u l-impatt tiegħu, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jitħares it-trattament ugwali.

3.3.8Barra minn hekk, jekk l-Unjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tiġġieled id-diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol b’mod effettiv, il-litigazzjoni ġudizzjarja ma tistax tkun l-uniku mezz ta’ intervent kontra d-diskriminazzjoni kollettiva u sistemika.

3.3.9L-Unjoni Ewropea għandha twessa’ l-firxa ta’ interventi tagħha kontra d-diskriminazzjoni lil hinn mir-rimedju ġudizzjarju billi tesiġi l-użu ta’ għodod ta’ antiċipazzjoni li jippermettu li jsir intervent f’każ ta’ inugwaljanzi, jikkoreġu l-prattiki u jipprevjenu d-diskriminazzjoni.

3.3.10Il-KESE jemmen li għandhom jiġu applikati politiki komparabbli fil-qasam tad-diskriminazzjoni abbażi tal-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni:

I.timpenja ruħha, fil-kuntest tal-politika tagħha fil-qasam tal-impjieg u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li tinforza b’mod effiċjenti l-miżuri eżistenti jew tadotta miżuri ġodda biex tippromovi l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

II.tadotta miżuri biex tintegra l-analiżi tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u tinkoraġġixxi l-obbligi ta’ valutazzjoni, rappurtar u monitoraġġ tal-impjegaturi;

III.tgħin lin-negozji jiżviluppaw prattiki kontra d-diskriminazzjoni u prattiki tal-inklużjoni.

3.4It-twessigħ u l-unifikazzjoni tal-ambitu tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni fl-Unjoni

3.4.1Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Unjoni Ewropea tkompli tiżviluppa l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi, b’mod partikolari billi tadotta l-Proposta għal Direttiva COM(2008) 426 tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, età jew l-orjentazzjoni sesswali.

3.4.2Il-KESE jinnota li l-protezzjoni attwali mid-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi toħloq ġerarkija ta’ protezzjoni skont il-kriterji u l-ġeneru u b’hekk toħloq sitwazzjoni ta’ protezzjoni mhux ugwali għall-persuni soġġetti għal kriterji ta’ diskriminazzjoni.

3.4.3Filwaqt li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa pilastru tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, sakemm l-adozzjoni tal-abbozz tad-Direttiva COM(2008) 426 tibqa’ sospiża, l-Unjoni Ewropea mhijiex se tissodisfa l-missjoni tagħha li kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-istess drittijiet fl-ispazju pubbliku Ewropew.

3.4.4Il-KESE jistieden lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni jiżguraw li dan l-abbozz ta’ direttiva jiġi adottat f’verżjoni li tinkorpora l-proposti ġenerali tiegħu dwar it-titjib tal-aċċess għad-drittijiet u r-rimedji, inklużi mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet permezz tal-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ azzjoni kollettiva biex jiġu żgurati l-effettività u r-rikonoxximent tal-kompetenza tal-korpi nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni.

3.4.5L-UE se jkollha tintensifika l-isforzi u l-kooperazzjoni tagħha fuq il-post biex tiżgura li d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTQIA+ jiġu rrispettati mingħajr eċċezzjonijiet, li dawn qatt ma jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni u li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika tissaħħaħ.

3.5Il-KESE jqis li l-UE għandha tkun involuta b’mod attiv fil-promozzjoni tar-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali u obbligi pożittivi ta’ opportunitajiet indaqs. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jappoġġjaw ukoll l-organizzazzjonijiet nazzjonali li jippromovu l-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem billi jadottaw standards vinkolanti, sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

3.6Is-salvagwardja tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni politika, tat-trade unions u ċivika

3.6.1Il-KESE jinnota li f’dawn l-aħħar snin, fl-Ewropa kollha, l-attivisti politiċi, l-attivisti mit-trade unions jew li jappartjenu għal assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll l-attivisti mis-soċjetà ċivili ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni u l-azzjoni tagħhom, pereżempju, huma u jeżerċitaw d-dritt tagħhom li jipprotestaw sabiex jesprimu l-pretensjonijiet tagħhom jew jinnegozjaw.

3.6.2Il-KESE jemmen li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom u strumenti internazzjonali applikabbli, għandhom jiżguraw b’mod effettiv is-sigurtà, it-trattament ugwali u l-protezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għal atturi politiċi, imsieħba soċjali u atturi mill-komunità, abbażi tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u n-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi fil-livell tal-UE.

3.6.3L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO C087 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni tal-ILO C098 dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv. Il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għall-organizzazzjoni jridu wkoll jiġu rrispettati u promossi. Huwa importanti li jsiru diskussjonijiet fil-livell nazzjonali u dak tal-UE dwar kif jiġi żgurat li l-ħaddiema jista’ jkollhom aċċess għar-rappreżentanza tat-trade unions, u jeżerċitaw id-drittijiet li jorganizzaw b’mod kollettiv u jieħdu azzjoni kollettiva 20 . F’konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw, f’konformità mal-leġiżlazzjoni, is-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali u l-istrumenti internazzjonali applikabbli tagħhom, li jipproteġu b’mod effettiv il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv.

3.7Istituzzjonijiet nazzjonali effikaċi biex jippromovu l-ugwaljanza, jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jiġġieldu d-diskriminazzjoni

3.7.1Spiss wisq, l-applikazzjoni ta’ regolamenti Ewropej u nazzjonali f’dan il-qasam għandha limitazzjonijiet sinifikanti relatati mal-aspetti ġuridiċi, istituzzjonali, organizzattivi u finanzjarji li jikkaratterizzaw kull Stat Membru.

3.7.2Il-Kumitat iqis li għandhom jiġu stabbiliti pjani konkreti, inkluż appoġġ finanzjarju, biex tittejjeb il-kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali.

3.7.3Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal programm ta’ assistenza lill-istituzzjonijiet nazzjonali b’responsabbiltajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex itejbu, isaħħu u jagħmlu aktar effettivi l-kapaċitajiet tagħhom (ta’ twaqqif, akkreditazzjoni u konformità mal-istandards internazzjonali), inklużi s-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-issodisfar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi kollha.

3.7.4Għandha tittejjeb ukoll il-kapaċità tal-atturi soċjali u ċiviċi kollha, b’mod partikolari dawk involuti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, biex jaħdmu bl-istrumenti legali eżistenti u jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet pubbliċi. Huwa meħtieġ appoġġ aħjar għall-atturi soċjali u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiżguraw l-aċċess għal-liġi għall-vittmi tad-diskriminazzjoni. L-appoġġ jista’ jingħata permezz ta’ taħriġ, sensibilizzazzjoni, trasferiment tal-għarfien u l-aħjar prattiki, appoġġ finanzjarju u organizzattiv, u protezzjoni mill-attakki u l-kampanji dispreġjattivi.

3.7.5Kif ġie ssuġġerit qabel, il-Kumitat itenni l-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu effettiv u aċċessibbli biex jiġu identifikati u rrappurtati l-attakki fiżiċi u verbali, l-intimidazzjoni u l-fastidju (anke permezz ta’ proċessi legali abbużivi), u diskors ta’ mibegħda kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem 21 . Meta dawn l-attakki jsiru fl-isfera diġitali, dawn għandhom jiġu identifikati malajr u jitneħħa l-kontenut korrispondenti kollu li jkun ġie ppubblikat.

Brussell, 29 ta’ Settembru 2022

Aurel Laurenţiu Plosceanu

Il-President tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

*

*    *

N.B.: L-Appendiċi jinsab fil-paġna li jmiss.



APPENDIĊI għall-OPINJONI
tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 60(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 4

SOC/724

It-titjib tal-ugwaljanza fl-UE

Punt 3.3.7

Ibdel it-test kif ġej:

Imressqa minn:

DE FELIPE LEHTONEN Helena

ŠIRHALOVÁ Martina

ZVOLSKÁ Marie

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

Biex jingħeleb il-piż tal-litigazzjoni għall-individwu, biex ir-rikors għal-liġi jingħata saħħa proporzjonali mal-prattiki ddenunzjati, u biex il-qafas ġuridiku jsir theddida effettiva għar-regolazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-KESE huwa favur leġiżlazzjoni tal-UE li tadotta għodod proċedurali li jiffaċilitaw l-aċċess għal-liġi fl-Istati Membri, pereżempju bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ azzjoni kollettiva li jtejbu l-aċċess għar-rimedju ġudizzjarju u l-impatt tiegħu, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jitħares it-trattament ugwali.

Biex jingħeleb il-piż tal-litigazzjoni għall-individwu, biex ir-rikors għal-liġi jingħata saħħa proporzjonali mal-prattiki ddenunzjati, u biex il-qafas ġuridiku jsir theddida effettiva għar-regolazzjoni tad-diskriminazzjoni, il-KESE huwa favur l-adozzjoni ta’ għodod proċedurali li jiffaċilitaw l-aċċess għal-liġi fl-Istati Membri.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:    33

Kontra:    58

Astensjonijiet:     7

EMENDA 5

SOC/724

It-titjib tal-ugwaljanza fl-UE

Punt 3.3.10

Ibdel it-test kif ġej:

Imressqa minn:

DE FELIPE LEHTONEN Helena

ŠIRHALOVÁ Martina

ZVOLSKÁ Marie

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

[…]

II.tadotta miżuri biex tintegra l-analiżi tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u tinkoraġġixxi l-obbligi ta’ valutazzjoni, rappurtar u monitoraġġ tal-impjegaturi;

III.tgħin lin-negozji jiżviluppaw prattiki kontra d-diskriminazzjoni u prattiki tal-inklużjoni.

[…]

II.tadotta miżuri adatti biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

III.tgħin lin-negozji jiżviluppaw prattiki kontra d-diskriminazzjoni u prattiki tal-inklużjoni.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:    37

Kontra:    51

Astensjonijiet:    10

EMENDA 6

SOC/724

It-titjib tal-ugwaljanza fl-UE

Punt 3.4.4

Ibdel it-test kif ġej:

Imressqa minn:

ŠIRHALOVÁ Martina

ZVOLSKÁ Marie

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

Il-KESE jistieden lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni jiżguraw li dan l-abbozz ta’ direttiva jiġi adottat f’verżjoni li tinkorpora l-proposti ġenerali tiegħu dwar it-titjib tal-aċċess għad-drittijiet u r-rimedji, inklużi mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet permezz tal-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ azzjoni kollettiva biex jiġu żgurati l-effettività u r-rikonoxximent tal-kompetenza tal-korpi nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni.

Il-KESE jistieden lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni jiżguraw li dan l-abbozz ta’ direttiva jiġi adottat f’verżjoni li tinkorpora l-proposti ġenerali tiegħu dwar it-titjib tal-aċċess għad-drittijiet u r-rimedji biex jiġu żgurati l-effettività u r-rikonoxximent tal-kompetenza tal-korpi nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:    32

Kontra:    61

Astensjonijiet:    7

EMENDA 9

SOC/724

It-titjib tal-ugwaljanza fl-UE

Punt 1.10

Ħassar il-punt:

Imressqa minn:

DE FELIPE LEHTONEN Helena

ŠIRHALOVÁ Martina

ZVOLSKÁ Marie

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

Biex jingħeleb il-piż tal-litigazzjoni għall-individwu, biex ir-rikors għad-dritt jingħata saħħa proporzjonata mal-prattiki ddenunzjati, u biex il-qafas ġuridiku jsir theddida effettiva u jirregola d-diskriminazzjoni, il-KESE huwa favur leġiżlazzjoni tal-UE li tadotta standards li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kollettivi fl-Istati Membri biex itejbu l-aċċess għar-rimedju ġudizzjarju u l-effett tiegħu, sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jitħares it-trattament ugwali.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:    32

Kontra:    61

Astensjonijiet:    7

_____________

(1)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Equality in the EU 20 years on from the initial implementation of the equality directives , (L-ugwaljanza fl-UE għoxrin sena wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza [mhux disponibbli bil-Malti]) April 2021.
(2)    Mulder, J., Indirect sex discrimination in employment , (Diskriminazzjoni indiretta bejn il-ġeneri fl-impjieg [mhux disponibbli bil-Malti]) Network Ewropew ta’ esperti legali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, Kummissjoni Ewropea, 2020.
(3)    Ara b’mod partikolari t-8 edizzjoni tar-rapport tal-ILO: Employment impact of the pandemic worse than expected (L-impatt tal-kriżi li għaddejja bħalissa fuq id-dinja tax-xogħol [mhux disponibbli bil-Malti]), Ottubru 2021. L-organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), COVID-19: Osservatorju tal-ILO – it-8 edizzjoni , 27 ta’ Ottubru 2021.
(4)    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, COM(2021) 38: ĠU C 374,16.9.2021, p. 38 .
(5)    Ara b’mod partikolari l-Opinjonijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità (SOC/579): ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20 , is-sitwazzjoni ta’ nisa Rom (SOC/585): ĠU C 110, 22.3.2019, p. 20 , l-aġenda għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità (SOC/616): ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41 , il-ġestjoni tad-diversità fl-Istati Membri tal-UE (SOC/642): ĠU C 10, 11.1.2021, p. 7 , l-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ għall-2020-2025 (SOC/667): ĠU C 286, 16.7.2021, p. 128 , il-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 (SOC/668): ĠU C 286, 16.7.2021, p. 134 , l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (SOC/680): ĠU C 374, 16.9.2021, p. 50 u Il-qafas strateġiku ġdid tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni wara l-2020 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)    Opinjoni dwar Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (SOC/671), OJ C 341 of 24.8.2021, p. 50 .
(7)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Equality in the EU 20 years on from the initial implementation of the equality directives , (L-ugwaljanza fl-UE għoxrin sena wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza [mhux disponibbli bil-Malti]), op. cit.
(8)    Kummissjoni Ewropea, Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE , COM(2009) 567 final.
(9)    Crowley, N., Making Europe more Equal: A legal Duty? (Nagħmlu l-Ewropa aktar ugwali: Obbligu legali? [mhux disponibbli bil-Malti]), Equinet, 2016.
(10)    Défenseur des droits, Dématérialisation et inégalités d’accès aux services publics (Id-diġitalizzazzjoni u l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi [mhux disponibbli bil-Malti]), 2019; Dématérialisation des services publics: trois ans après, où en est-on? (Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi: fejn ninsabu wara tliet snin? [mhux disponibbli bil-Malti]), 2022.
(11)    Gerards, J. Xenidis, R., Algorithmic discrimination in Europe (Id-diskriminazzjoni algrotmika fl-Ewropa [mhux disponibbli bil-Malti]), Network Ewropew ta’ Esperti Legali fil-qasam tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u n-Nondiskriminazzjoni, Kummissjoni Ewropea, 2020.
(12)    Défenseur des droits, Technologies biométriques: L’impératif respect des droits fondamentaux (It-teknoloġiji bijometriċi: il-ħtieġa assoluta ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali [mhux disponibbli bil-Malti]), 2021.
(13)    Kunsill tal-Ewropa, ECRI Zuiderveen, Frederik (Prof.), Discrimination, intelligence artificielle et décisions algorithmiques (Diskriminazzjoni, intelliġenza artifiċjali u deċiżjonijiet algoritmiċi [mhux disponibbli bil-Malti]), 2018.
(14)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali Getting the future right – Artificial intelligence and fundamental rights (Tħejjija tajba għall-futur – Intelliġenza artifiċjali u drittijiet fundamentali [mhux disponibbli bil-Malti]), 2021.
(15)    Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), Gender equality and the socio-economic impact of the COVID-19 pandemic (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 [mhux disponibbli bil-Malti]).
(16)    Eurostat, Income inequalities (Inugwaljanzi fil-pagi [mhux disponibbli bil-Malti]), 2019.
(17)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Equality in the EU 20 years on from the initial implementation of the equality directives , (L-ugwaljanza fl-UE għoxrin sena wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza [mhux disponibbli bil-Malti]), op. cit.
(18)    Chappe. V.A., La preuve par la comparaison: méthode des panels et droit de la non-discrimination (Prova permezz tal-parafgun: metodoloġija tal-panels u liġi dwar in-nondiskriminazzjoni [mhux disponibbli bil-Malti]), Sociologies pratiques, 2011/2 nru. 23, p. 45-55; Deċiżjoni qafas ta’ Défenseur des droits Nru 2022, 139 tal-31 ta’ Awwissu 2022; Qorti suprema: Awla soċjali 10/7/1998 Nru 90-41231; Awla soċjali 4/7/2000, Nru 98-43285; Awla soċjali 28/6/2006 Nru 04-46419.
(19)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Equality in the EU 20 years on from the initial implementation of the equality directives , (L-ugwaljanza fl-UE għoxrin sena wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza [mhux disponibbli bil-Malti]), op. cit.
(20)      Ara wkoll l-Opinjoni dwar Pagi minimi deċenti madwar l-Ewropa (SOC/632), punt 4.5.3 u punt 4.5.6, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159–172
(21)    Opinjoni dwar Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (SOC/671): ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50