MT

SOC/712

Inizjattiva biex il-lista ta’ reati fl-UE tiġi estiża għall-forom kollha ta’ reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda

OPINJONI

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
[COM(2021) 777 final]

Kuntatt

soc@eesc.europa.eu

Amministratur

Jean-Marie ROGUE

Data tad-dokument

06/05/2022

Relatur: Cristian PÎRVULESCU

Korelatur: Milena ANGELOVA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 01/03/2022

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

03/05/2022

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni Plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda fl-Ewropa matul dawn l-aħħar għaxar snin. Bosta studji u konsultazzjonijiet jindikaw żieda inkwetanti fl-inċidenti, u għadd dejjem jikber ta’ individwi u gruppi esposti għal attakki bbażati fuq il-mibegħda. Il-ħidma tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa tixhed ukoll dawn it-tendenzi ta’ żieda – l-organizzazzjonijiet stess huma fil-mira tal-attakki, u qed jiffaċċjaw ħtieġa dejjem tikber li jassistu u jipproteġu lill-individwi u ’l-komunitajiet mhedda.

1.2Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament jikkooperaw bis-sħiħ fid-difiża tal-valuri ewlenin tal-UE. Il-KESE jqis li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jikkostitwixxu oqsma ta’ reat li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Deċiżjoni mill-Kunsill li tiddefinixxihom bħala tali ser tippermetti l-istabbiliment sussegwenti ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali f’dan il-qasam ta’ kriminalità.

1.3B’mod aktar speċifiku, abbażi tal-evidenza disponibbli, il-KESE jqis li hemm żvilupp sinifikanti u inkwetanti ta’ reati bbażati fuq il-mibegħda, li hemm dimensjoni transfruntiera ċara fil-livell tal-ixprunaturi, il-faċilitaturi u l-impatt, u li dawn it-tipi ta’ reati ma jistgħux jiġu evitati u miġġielda b’mod effiċjenti fin-nuqqas ta’ azzjoni leġiżlattiva u istituzzjonali fil-livell tal-UE.

1.4Flimkien mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-KESE jqis li meta atti li jikkostitwixxu reati serji jkunu diretti kontra l-integrità fiżika jew mentali ta’ persuna, huma biss il-mekkaniżmi tal-liġi kriminali effiċjenti li jistgħu jiżguraw protezzjoni adatta u jservu bħala fattur ta’ deterrent.

1.5Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jridu jiġu miġġielda irrispettivament minn fejn isseħħ l-espressjoni jew l-azzjoni, jiġifieri kemm jekk tkun fil-kuntest ta’ xogħol, kif ukoll fil-kuntest ta’ manifestazzjonijiet pubbliċi, passatempi, servizzi privati jew pubbliċi eċċ. Jistgħu jiġu kkunsidrati azzjonijiet aktar immirati fejn l-inċidenti bbażati fuq il-mibegħda huma aktar probabbli. Objettiv aktar ġenerali, segwit permezz ta’ diversi mezzi u strumenti, tkun l-azzjoni biex l-ispazji pubbliċi fl-Ewropa jsiru ħielsa mid-diskors ta’ mibegħda u mir-reati ta’ mibegħda.

1.6Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni u tesplora wkoll l-impatti diretti u indiretti tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fuq il-kundizzjonijiet għall-intraprenditorija u l-impjieg, u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

1.7Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika għas-sensibilizzazzjoni u l-ħiliet ta’ persuni fi professjonijiet bi rwol essenzjali fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, pereżempju l-għalliema, il-ġurnalisti u l-persunal tal-infurzar tal-liġi. Għall-persunal tal-infurzar tal-liġi, skont l-aħjar prattiki mill-Istati Membri tal-UE, l-informazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu obbligatorji u parti minn strateġija ġenerali biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet involuti.

1.8Għandu jkun garantit sew l-aċċess tal-vittmi għall-informazzjoni u għall-miżuri speċjali ta’ protezzjoni mogħtija lill-vittmi l-aktar vulnerabbli tal-kriminalità skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.

1.9L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, għandhom ukoll rwol essenzjali fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda: minn naħa waħda bħala gwardjani tas-soċjetà, u min-naħa l-oħra bħala promoturi tal-mod kif jaġixxu, abbażi tal-valuri, fl-attivitajiet tagħhom stess. Jeħtieġ li dawn jiġu protetti u appoġġjati fir-rwol tagħhom li jagħmlu l-postijiet, il-komunitajiet, il-gruppi, l-organizzazzjonijiet u l-midja sikuri mill-mibegħda u mid-diskriminazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba. Hemm bżonn ta’ aktar finanzjament biex jiġu mobilizzati l-kapaċitajiet u l-għarfien espert tagħhom f’dan ir-rigward.

1.10Għandha ssir enfasi fuq l-importanza ta’ interazzjonijiet sikuri online. L-iżvilupp ta’ pjattaformi tal-midja soċjali u forums online ħoloq spazju li fih xi wħud jemmnu li jistgħu jaġixxu b’impunità. Hemm ħtieġa urġenti li ssir ħidma mar-regolaturi nazzjonali u mal-pjattaformi tal-midja soċjali biex jiġi żgurat li l-mibegħda online tiġi identifikata, eliminata u investigata malajr.

2.Kummenti ġenerali

2.1Il-KESE jirrikonoxxi l-parti integrali tal-protezzjoni tad-dinjità, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza fit-tfassil tal-UE u r-reġimi demokratiċi tal-Istati Membri. Id-demokrazija, u l-UE fiha nnifisha, mhumiex possibbli jekk in-nies ikunu qed jgħixu fil-biża’ u l-mistħija, jekk jiġu ffastidjati jew attakkati waqt li jkunu qed jgħixu, jaħdmu, jistudjaw jew jipparteċipaw fis-soċjetà u fil-politika. Bit-tixrid fil-midja soċjali, il-mibegħda u l-istigmatizzazzjoni qed isiru aktar faċli u aktar rapidi, u r-riskju għat-tfal u ż-żgħażagħ qed jikber b’mod kostanti. Ma hemm l-ebda għażla ħlief li jiġi evitat u miġġieled b’mod qawwi u attiv it-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.

2.2Fil-kuntest tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, aġir li l-KESE jikkundanna bis-sħiħ, hemm żieda fid-diżinformazzjoni u t-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda fl-Ewropa. Dan mhuwiex ġdid u l-membri tal-UE saru aktar konxji u reżiljenti fil-konfront tiegħu. Il-Federazzjoni Russa tagħmel sforzi biex toħloq konfużjoni, ixxerred il-propaganda u tiddeleġittimizza l-appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma għalhekk responsabbiltà eżistenzjali għall-UE u l-Istati Membri.

2.3Bażi komuni hija indispensabbli biex jiġu miġġielda b’mod effiċjenti d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Is-soċjetajiet Ewropej huma interkonnessi, u l-libertà tal-moviment toħloq sfera soċjali u pubblika dejjem aktar integrata. L-Istati Membri għandhom l-għodod ewlenin biex jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, iżda aktarx li ma jirnexxux mingħajr l-impenn ċar, il-kooperazzjoni u s-sinerġija, permezz ta’ strumenti leġiżlattivi tal-UE adatti fis-seħħ u b’definizzjonijiet, approċċi u opportunitajiet koordinati għat-tagħlim dwar il-politiki u t-trasferiment tagħhom. L-isforzi kollha għal dan il-għan għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-UE.

2.4Il-KESE stqarr, f’ħafna okkażjonijiet, li l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod aktar deċiżiv biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jiġġieldu kontra l-firxa sħiħa ta’ mġiba diskriminatorja u bbażata fuq il-mibegħda. F’dan ir-rigward, jirrakkomanda li l-Kummissjoni tallinja l-proposta ma’ dokumenti ta’ politika ewlenin oħra bħall-Istrateġija Ġdida għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; l-Unjoni ta’ ugwaljanza – pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025; l-Istrateġiji dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneri u tal-LGBTIQ; il-Qafas Strateġiku għar-Rom; l-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija; l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.

2.5Il-proposta tal-Kummissjoni tidentifika b’mod komprensiv il-karatteristiċi li individwi u gruppi esposti għal diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda jistgħu jikkondividu: razza, etniċità, lingwa, reliġjon, nazzjonalità, età, sess, orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, karatteristiċi tas-sess jew kwalunkwe karatteristika fundamentali oħra, jew taħlita ta’ tali karatteristiċi. Ma’ dawn għandna nżidu wkoll kwalunkwe raġuni ideoloġika u politika, kif ukoll twemmin u valuri oħra relatati mal-kuxjenza. Il-KESE jqis li r-riskji u t-theddid għandhom jiġu identifikati u indirizzati wkoll b’rabta mal-kuntest soċjali u kulturali tagħhom. Riċerka eżistenti u ġdida tista’ tindika x’inhuma l-aktar sitwazzjonijiet komuni li fihom iseħħu d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.

2.6Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jistgħu jkunu mmirati lejn l-intraprendituri jew il-persunal ta’ intrapriża, pereżempju dawk li jservu lill-klijenti. Dan għandu impatt dannuż kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-intrapriża inkwistjoni. Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv indirett fuq l-ambjent kummerċjali u ekonomiku ġenerali billi jżidu l-inċertezza, l-instabbiltà u l-kunflitti.

2.7Il-KESE jqis li hemm ħtieġa kbira għal sensibilizzazzjoni u edukazzjoni dwar il-fehim tal-impatti u l-gravità tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda u dwar l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontrihom fil-ħajja ta’ kuljum. Dan japplika għal persuni ta’ kull età: it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti bl-istess mod. Is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni kollha (materjal ta’ informazzjoni, taħriġ, prodotti) jenħtieġ jiġu pprovduti f’formati aċċessibbli.

2.8Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika għas-sensibilizzazzjoni u l-ħiliet ta’ persuni fi professjonijiet bi rwol essenzjali fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Pereżempju, l-għalliema għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-edukazzjoni lit-tfal tal-iskola rigward l-imġiba. Il-ġurnalisti għandhom rwol uniku mill-perspettiva tal-libertà tal-espressjoni. Il-persunal tal-infurzar tal-liġi, il-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin u l-impjegati taċ-ċivil jaqdu rwol ċentrali fit-trattament tal-każijiet u fl-iżvilupp ta’ qafas legali preventiv u miżuri oħra.

2.9Il-politiċi għandhom ir-responsabbiltà ewlenija tas-sistema ġenerali tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Ir-responsabbiltà tagħhom tibda mill-mument li jitolbu l-appoġġ taċ-ċittadini, u sfortunatament ċerti politiċi u partiti jagħmlu dan billi jxerrdu l-biża’ u jimmiraw lejn il-minoranzi u l-gruppi soċjali. Din it-tip ta’ mobilizzazzjoni elettorali hija perikoluża u għandha titrażżan. B’effetti saħansitra aktar serji, meta jkunu qed jokkupaw kariga pubblika, ċerti politiċi jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jinqdew bi strumenti istituzzjonali u legali biex jippromovu d-diskriminazzjoni jew jevitaw li jikkumbattuha. Il-KESE jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u lill-partiti kollha biex jaġixxu b’mod responsabbli, fil-qafas u fl-ispirtu ta’ demokrazija inklużiva.

2.10B’rabta ma’ dan, il-mexxejja tal-partiti politiċi jew saħansitra l-kapijiet ta’ gvern, li suppost jiggarantixxu ċiviltà fl-ispazju pubbliku, daħlu wkoll f’insulti u attakki verbali kontra ġurnalisti, u ħadu r-riskju li jipprovokaw vjolenza kontrihom. Il-KESE jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u lill-partiti biex jirrispettaw il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-midja, u jirreferi għar-rikonoxximent solenni tal-gravità ta’ dik il-kwistjoni li sar mill-erba’ Relaturi Speċjali internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni.

2.11L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, għandhom ukoll rwol essenzjali fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda: minn naħa waħda bħala gwardjani tas-soċjetà, u min-naħa l-oħra bħala promoturi tal-mod kif jaġixxu, abbażi tal-valuri, fl-attivitajiet tagħhom stess. Il-kodiċijiet ta’ kondotta volontarji u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba għandhom jiġu mħeġġa u promossi.

2.12Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda. Huma jinsabu l-eqreb tal-komunitajiet u jistgħu jimmonitorjaw jekk tali riskji u inċidenti jistgħux isiru realtà. Jistgħu wkoll jisfruttaw il-qawwa tas-solidarjetà u l-empatija, permezz ta’ programmi komunitarji u edukattivi, bl-appoġġ tal-gvernijiet ċentrali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

2.13Hija r-responsabbiltà tal-pajjiżi biex joħolqu ambjent abilitanti għad-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. L-Istati jistgħu jieħdu miżuri ta’ politika pożittivi biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, u biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin li jixprunaw il-mibegħda.

3.Kummenti speċifiċi

3.1Il-fatti u l-argumenti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jidhru li huma validi fil-valutazzjoni li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jissodisfaw il-kriterji stabbiliti għar-reati li jsiru fl-UE, inklużi l-gravità, l-iskala u l-iżvilupp tagħhom, kif ukoll id-dimensjoni transfruntiera tagħhom.

3.2Il-Komunikazzjoni ġustament tiddeskrivi n-natura serja tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, abbażi tal-fatt li jmorru kontra l-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali tal-UE, u minħabba l-impatti dannużi tagħhom fuq l-individwi, il-komunitajiet u s-soċjetà inġenerali. Il-valuri tal-UE jaħdmu favur soċjetà miftuħa, li hija importanti għall-persuni, in-negozji u l-organizzazzjonijiet. L-ugwaljanza għandha għeruq fondi fil-valuri tal-UE, u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet twitti t-triq għall-progress soċjali. Id-diversità u l-pluraliżmu huma parti integrali minnha. L-ugwaljanza taġixxi bħala sors ta’ innovazzjoni u tiġġenera valur miżjud ekonomiku.

3.3Meta wieħed iqis l-isforzi dejjem akbar mill-Istati Membri biex jindirizzaw id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fil-liġi kriminali tagħhom, u l-ħtieġa li tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri u li jittejbu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni madwar l-UE, jidher li qafas kriminali komuni tal-UE huwa fattur raġonevoli biex jiġu indirizzati d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, filwaqt li jiġu rispettati s-sistemi ġuridiċi nazzjonali u l-Artikolu 2 tat-Trattat.

3.4Fl-istess ħin, il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-liġi kriminali jeħtieġ li jiġu rispettati, u b’hekk jippermettu l-istabbiliment ta’ regoli minimi permezz ta’ direttivi li għandhom jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.5Il-KESE jqis li huwa rilevanti li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jitqiesu bħala qasam ta’ reat li għandu “sustanza” komuni bbażata fuq motivazzjoni preġudikata għall-mibegħda mmirata lejn persuni jew gruppi. Dan iwassal għar-rekwiżit li permezz tiegħu id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jitqiesu b’mod olistiku, u jiġi evitat approċċ kompartimentalizzat għal forom jew miri differenti ta’ mibegħda, speċjalment fir-rigward tad-differenzi bejn l-Istati Membri. Huwa jappella wkoll biex id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jitqiesu b’rabta mal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE b’mod ġenerali. Barra minn hekk, jitloib li jiġu identifikati l-konnessjonijiet li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom mar-reati eżistenti fl-UE. F’dan il-kuntest, għandha tissaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-gvernijiet.

3.6Il-KESE jistenna bil-ħerqa li tinħoloq definizzjoni ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda bħala l-pass li jmiss, u jinsab lest jikkontribwixxi għall-konsultazzjoni interistituzzjonali. Din id-definizzjoni hija kruċjali għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u biex tiġi żgurata komunikazzjoni ġenerali soda. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali tipprovdi punt ta’ tluq rilevanti biex tiġi żviluppata definizzjoni li tista’ tiġi applikata f’dan il-kuntest usa’, filwaqt li jsir użu mid-definizzjonijiet użati mill-Kunsill tal-Ewropa.

3.7Id-definizzjonijiet ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda għandhom ikopru l-karatteristiċi protetti rilevanti kollha bbażati fuq id-drittijiet fundamentali tal-UE, inklużi s-sess/il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali, iżda anke twemmin ideoloġiku u relatat mal-kuxjenza. Filwaqt li l-karatteristiċi protetti huma differenti minn xulxin, id-definizzjoni għandha tindirizza d-diversi karatteristiċi skont l-istess prinċipji. Wieħed għandu jevita wkoll approċċ frammentat għal diversi minoranzi u gruppi, u minflok juża espressjonijiet ġenerali applikabbli għall-ispettru sħiħ tal-karatteristika protetta inkwistjoni. Barra minn hekk, id-definizzjoni għandha tkun inklużiva biżżejjed biex tindirizza forom ġodda ta’ fenomeni tas-soċjetà li jitfaċċaw maż-żmien.

3.8Id-definizzjonijiet għandhom ikopru kwalunkwe forma ta’ espressjoni u azzjoni, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, irrispettivament minn fejn isseħħ l-espressjoni jew l-azzjoni, jiġifieri jekk tkunx fil-kuntest ta’ xogħol, manifestazzjonijiet pubbliċi, jew aċċess għal servizzi privati jew pubbliċi eċċ. Għandhom ikopru wkoll espressjonijiet online kif ukoll offline.

3.9Filwaqt li d-definizzjonijiet għandhom ikunu komprensivi, ma jistgħux ikunu perfetti mingħajr ambigwità, u meta jiġu implimentati għandhom dejjem jirrikjedu ġudizzju, abbażi ta’ evidenza li titqies fil-kuntest rilevanti. Gwida komuni dwar il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun mezz wieħed biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni uniformi tad-definizzjonijiet u r-regoli.

3.10Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li d-definizzjonijiet u r-regoli ma jaħdmux kontra l-iskop tagħhom. Pereżempju, wieħed m’għandux jistigmatizza kliem li tradizzjonalment intuża b’mod newtrali. Dan huwa relatat ukoll mal-objettiv li jiġu żviluppati regoli komuni għall-protezzjoni ta’ kwalunkwe grupp pjuttost milli jiġu suspettati ċerti gruppi.

3.11Fid-definizzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u s-sanzjonijiet rispettivi, huwa importanti li tiġi ċċarata r-relazzjoni tagħhom mad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni tal-individwi u tal-midja. B’mod korrispondenti, jista’ jkun hemm bżonn ta’ kjarifika fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra wkoll.

3.12Filwaqt li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jistgħu jitqiesu bħala qasam ta’ reat fih innifsu, dawn jinvolvu wkoll xi trikkib ma’ reati eżistenti fl-UE. Madankollu, ir-reati eżistenti fl-UE ma jkoprux id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kollha, minħabba d-diversi forom u l-kontenut varjat ta’ dan il-qasam ta’ kriminalità. Dan huwa muri tajjeb ukoll mill-“piramida ta’ mibegħda” li tibda minn diskors immotivat mill-preġudizzju u li mbagħad tgħaddi għad-diskriminazzjoni, għall-vjolenza fiżika u saħansitra għat-terroriżmu.

3.13Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni, il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda mhijiex biss kwistjoni ta’ sustanza iżda wkoll ta’ proċedura. Għalhekk għandha tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-informazzjoni, il-ġustizzja u r-rimedji. Għalkemm ir-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda huma rikonoxxuti u rregolati fil-livell nazzjonali, hemm ħafna lakuni fl-implimentazzjoni/fir-rapportar/fl-investigazzjoni. Jekk ma tiġix irrapportata u investigata kif dovut bħala reati ta’ preġudizzju, id-data dwar il-prevalenza ta’ dawk ir-reati fil-livell tal-Istati Membri fil-livell tal-UE ma tkunx affidabbli.

3.14F’termini tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, huwa essenzjali li r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda jkunu elenkati bħala lista ta’ reati fl-UE. Jekk ir-raġunijiet tal-inċidenti ta’ mibegħda ma jiġux rikonoxxuti, pereżempju d-diżabilità, allura r-regola tad-Direttiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (li tkopri l-vittmi tal-kriminalità) mhux bilfors tkun tapplika. Fid-dawl ta’ għadd dejjem jikber ta’ inċidenti, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-protezzjoni tal-vittmi. Għalhekk għandu jkun garantit sew l-aċċess tal-vittmi għall-informazzjoni u għall-miżuri speċjali ta’ protezzjoni li jingħataw lill-vittmi l-aktar vulnerabbli tal-kriminalità skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.

3.15Bħal fil-każ tad-Deċiżjoni Qafas, trasposta fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri kollha sabiex jiġi kriminalizzat id-diskors ta’ mibegħda, jidher li mhux il-pajjiżi kollha qed javvanzaw bl-istess pass. It-traspożizzjoni u l-infurzar mhux dejjem kienu korretti jew kompleti, u ġiegħlu lill-Kummissjoni tniedi azzjonijiet ta’ ksur kontra ċerti Stati Membri. Dan huwa xenarju li jista’ jirrepeti ruħu. Hija meħtieġa aktar ħidma mal-gvernijiet, il-parlamenti u l-atturi tas-soċjetà ċivili tal-Istati Membri biex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-impenn.

3.16Għandha ssir enfasi fuq l-importanza ta’ interazzjonijiet sikuri online. L-iżvilupp ta’ pjattaformi tal-midja soċjali u forums online ħoloq spazju li fih xi wħud jemmnu li jistgħu jaġixxu b’impunità. Kif jidher f’diversi rapporti ta’ riċerka, hemm konnessjoni diretta bejn id-diskors ta’ mibegħda online u l-proliferazzjoni offline ta’ mġiba bbażata fuq il-mibegħda. Hemm ħtieġa urġenti li ssir ħidma mar-regolaturi nazzjonali u mal-pjattaformi tal-midja soċjali biex jiġi żgurat li l-mibegħda online tiġi identifikata, eliminata u investigata malajr.

Brussell, 3 ta’ Mejju 2022

Aurel Laurenţiu Plosceanu
Il-president tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

_____________