|
OPINJONI
|
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
|
Id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera
|
|
_____________
|
|
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntieri, u li jemenda ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja
[COM(2021) 759 final – 2021/0394 (COD)]
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, id-Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/465/ĠAI, 2002/584/ĠAI, 2003/577/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI, 2009/829/ĠAI u 2009/948/ĠAI, u d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja
[COM(2021) 760 final - 2021/0395 (COD)]
|
|
|
|
SOC/711
|
|
|
|
Relatur: Maurizio MENSI
|
|
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 02/05/2022
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
03/05/2022
|
|
Adottata fil-plenarja
|
19/05/2022
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
569
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
198/0/1
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni u l-objettivi mfittxija bil-Proposta għal Regolament. Iqis madankollu li huwa neċessarju li jkunu pprovduti garanziji adegwati rigward l-aspetti li ġejjin: a) is-sikurezza u l-kunfidenzjalita, minħabba n-natura sensittiva tal-kwistjonijiet koperti mid-diversi seduti; b) il-ġustizzja miftuħa, jiġifieri l-bżonn li s-sistema prevista tiżgura r-rispett tal-prinċipju tal-ġustizzja miftuħa, mill-perspettiva tal-parteċipazzjoni, l-osservazzjoni u l-aċċessibbiltà; c) id-distakk diġitali, sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għal kulħadd f’termini ta’ teknoloġiji u miżuri ta’ appoġġ, biex jiġi evitat li livell baxx ta’ ħiliet diġitali, aċċess limitat għat-teknoloġija kif ukoll livelli baxxi ta’ litteriżmu u għarfien legali jżidu l-ostakli għall-aċċess u jfixklu l-objettivi segwiti.
1.2Is-sikurezza tas-sistemi teknoloġiċi użati u l-kunfidenzjalità tad-data – b'mod partikolari dik personali – involuta huma essenzjali, minħabba n-natura sensittiva ta' wħud mit-tipi ta' seduti fil-qorti. Bl-istess mod, huwa essenzjali li titwettaq valutazzjoni preċiża tal-pjattaforma online li għandha tintuża.
1.3Hemm bżonn li jiġi ggarantit, minn naħa waħda, li ma jkun hemm l-ebda pproċessar tad-data mil-lat tal-parti responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-komponenti tas-sistema u, min-naħa l-oħra, li tkun disponibbli wisa' tal-banda adegwata, minħabba li l-iċken interruzzjoni jew inkonsistenza tista' xxekkel il-kapaċità tas-sistema li tipprovdi servizz adegwat.
1.4Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu protetti b'mod adegwat is-sistemi, in-networks u d-data minn kwalunkwe attakk ċibernetiku, u tiġi ggarantita l-integrità tad-data li qed iġorru u jaħżnu, abbażi tar-regolamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data personali u ċ-ċibersigurtà. Is-sistemi tal-IT u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni diġitali kkonċernati jridu jkunu aċċessibbli wkoll skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċessibbiltà u d-Direttiva dwar is-siti web tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u f’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tat-13 ta’ Diċembru 2006.
1.5Is-sistema prevista għandha tiżgura li jiġi rispettat il-prinċipju tal-ġustizzja miftuħa (mill-perspettiva tal-parteċipazzjoni, l-osservazzjoni u l-aċċessibbiltà), u dan kemm fir-rigward tal-aċċess għas-sistema ġudizzjarja b’mod ġenerali kif ukoll fir-rigward speċifiku tas-seduti pubbliċi. Għalhekk jeħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għal kulħadd, f’termini ta’ teknoloġiji u ta’ miżuri ta’ appoġġ.
1.6Huwa essenzjali li tinżamm il-possibbiltà li jintuża mezz ta' komunikazzjoni fuq karta għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'format aċċessibbli, u b'hekk jiġi ggarantit l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, inklużi l-persuni vulnerabbli, il-minuri u l-persuni li jeħtieġu għajnuna teknika, li jgħixu f'żoni remoti jew li fi kwalunkwe każ ma għandhomx aċċess għall-mezzi diġitali jew għall-kompetenzi meħtieġa.
1.7It-taħriġ tal-operaturi tal-ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni huwa għodda essenzjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u effettiva tar-regolament. Għal dan il-għan, għandhom jiġu organizzati mill-aktar fis possibbli attivitajiet ta' taħriġ, immirati lejn l-operaturi tal-ġustizzja kollha li huma involuti fl-attivitajiet previsti mill-Proposta għal Regolament. B'mod partikolari, jidher li huwa meħtieġ taħriġ speċifiku ffukat fuq il-ħtiġijiet tas-suspettati, l-akkużati, ix-xhieda jew il-vittmi vulnerabbli, biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja permezz tal-mezzi diġitali.
1.8Essenzjalment, il-miżuri proposti jidhru maħsubin biex itejjbu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja f'termini tat-tnaqqis u s-semplifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi, it-tnaqqis taż-żmien u tal-kostijiet għat-trattament tal-kawżi, u dan għandu jirriżulta f'aċċess aħjar u aktar ugwali għall-ġustizzja. F’dan is-sens, il-KESE jemmen li, mingħajr preġudizzju għall-kummenti msemmija hawn fuq, il-miżuri proposti huma ta’ benefiċċju għall-kummerċ transfruntier u l-kompetittività tas-sistema ekonomika u soċjali Ewropea.
2.Kummenti ġenerali
2.1Il-kontenut tar-Regolament
2.1.1Il-Proposta għal Regolament tistabbilixxi l-qafas legali għall-komunikazzjoni elettronika fil-kuntest tal-proċeduri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f'materji ċivili, kummerċjali u kriminali, u l-aċċess għall-ġustizzja f'materji ċivili u kummerċjali b'implikazzjonijiet transfruntiera, skont kif inhu previst mil-liġi eżistenti.
2.1.2Din tipprovdi wkoll regoli dwar l-użu u r-rikonoxximent tas-servizzi fiduċjarji elettroniċi, dwar l-effetti legali tad-dokumenti elettroniċi, dwar l-użu tal-vidjokonferenza jew ta' teknoloġija oħra aċċessibbli ta' komunikazzjoni mill-bogħod għas-smigħ tal-persuni f'materji ċivili, kummerċjali u kriminali. Madankollu, ir-Regolament ma jittrattax il-modalitajiet marbuta mal-użu tal-provi fil-materja ċivili u kummerċjali u ma jintroduċix proċeduri ġodda.
2.1.3Għal finijiet ta’ sikurezza u affidabbiltà, huwa bbażat fuq sistema deċentralizzata tal-IT li jikkonsisti f’sistemi tal-informatika u punti ta’ aċċess interoperabbli li joperaw taħt ir-responsabbiltà u l-ġestjoni ta’ kull Stat Membru, ta’ aġenziji u ta’ korpi tal-UE, li permezz tagħhom isir l-iskambju transfruntier bejn l-awtoritajiet rispettivi tal-Istati Membri.
2.1.4Huwa previst punt ta' aċċess elettroniku Ewropew fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li jagħmel parti minn din is-sistema tal-informatika deċentralizzata u li jista' jintuża f'kundizzjonijiet ugwali, minn kull persuna fiżika u ġuridika, għall-komunikazzjoni elettronika mal-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti fi'materji ċivili u kummerċjali b'implikazzjonijiet transfruntiera.
2.1.5Għalhekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma mitluba jaċċettaw il-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-proċeduri legali, li jitqiesu ekwivalenti għal dawk fuq karta. Madankollu, jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-persuni fiżiċi li jagħżlu tali mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew li jużaw komunikazzjonijiet fuq karta, li ma jistgħu jiġu rrifjutati fl-ebda ċirkostanza mill-awtoritajiet kompetenti.
2.1.6Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-użu tal-vidjokonferenza jew ta' teknoloġija oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod fil-proċeduri ċivili u kummerċjali transfruntiera. Huma stabbiliti wkoll regoli dwar is-smigħ tas-suspettat, tal-akkużat jew tal-ħati, kif ukoll dawk tal-minuri permezz ta' vidjokonferenza jew permezz ta' teknoloġija oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod.
2.2Sfond
2.2.1L-inizjattiva leġiżlattiva hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-persuni fiżiċi u legali għandhom ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jissodisfaw l-obbligi li għandhom b'mod rapidu, effiċjenti u trasparenti, mingħajr l-ebda tip ta' diskriminazzjoni. Il-kisba ta’ aċċess effettiv għall-ġustizzja fi żmien raġonevoli huwa wkoll aspett kruċjali tad-dritt għal proċess imparzjali skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.2.2Fil-livell tal-UE diġà jeżistu għadd ta’ għodod maħsuba biex isaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja fil-kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntiera. Dawn jinkludu strumenti li għandhom x'jaqsmu mal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet, inkluż f’ċerti każijiet, dawk mal-aġenziji u l-korpi tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) tal-UE. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istrumenti ma jipprevedux l-użu tal-komunikazzjonijiet diġitali u, anke fejn din il-possibbiltà tkun prevista, hemm nuqqas ta' kanali sikuri u affidabbli jew mhuwiex previst ir-rikonoxximent ta' dokumenti, firem u siġilli elettroniċi.
2.2.3L-emerġenza tas-saħħa wriet ukoll li avvenimenti ta' force majeure jaffettwaw u għaldaqstant jikkondizzjonaw il-funzjonament regolari tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri minħabba s-sitwazzjoni ta' lockdown totali li tinsab fiha l-popolazzjoni f'tali każijiet. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja fit-tilwim transfruntier tal-UE ġew affettwati wkoll mill-emerġenza tas-saħħa, li enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żgurati mezzi ta' komunikazzjoni sikuri, kontinwi u reżiljenti, anke sabiex jiġi evitat li tkun kompromessa t-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet ekonomiċi.
2.2.4Fir-rigward tar-regoli li jinsabu fil-proposta, dawn huma mmirati biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja f'kundizzjonijiet ta' ugwaljanza, kif ukoll l-effiċjenza u r-reżiljenza tal-flussi ta' komunikazzjoni inerenti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE. L-użu tat-teknoloġiji diġitali jnaqqas il-piżijiet amministrattivi tas-sistemi ġudizzjarji, u jqassar iż-żmien tas-smigħ tal-kawżi, u b'hekk dan jagħmel il-komunikazzjoni aktar sikura u affidabbli u jwassal għall-awtomatizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kważi.
2.2.5L-inizjattiva tal-Kummissjoni tinbet mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet informatiċi fil-livell nazzjonali jwassal għal soluzzjonijiet frammentati u mhux kompatibbli mal-ħtieġa li jiġu ggarantiti miżuri uniformi fil-livell tal-UE.
2.2.6Il-Proposta għal Regolament kienet ippreċeduta mill-Komunikazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE ta' Diċembru 2020, li timmodernizza l-qafas regolatorju dwar il-proċeduri transfruntiera tal-UE fil-qasam tad-dritt ċivili, kummerċjali u kriminali, f'konformità mal-prinċipju "diġitali b'mod awtomatiku", filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' esklużjoni soċjali. Din il-proposta hija wkoll żieda mal-proposta għal regolament dwar sistema ta’ komunikazzjoni kompjuterizzata għal proċeduri ċivili u kriminali transfruntiera (l-hekk imsejħa sistema e-CODEX) u hija konformi mar-Regolament eIDAS minħabba li tintroduċi dispożizzjonijiet dwar l-użu tas-servizzi fiduċjarji. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll il-proposta li temenda r-Regolament eIDAS biex tistabbilixxi qafas għal identità diġitali Ewropea.
2.3Kummenti speċifiċi
2.3.1Il-KESE jappoġġja l-approċċ u l-objettivi tal-Kummissjoni. Iqis ukoll li huwa essenzjali li jiġu ssalvagwardjati u ggarantiti l-profili enfasizzati hawn taħt.
2.4L-ipproċessar tad-data u ċ-ċibersigurtà
2.4.1L-implimentazzjoni tar-Regolament tinkludi l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta' sistema tal-informatika deċentralizzata, magħmula minn network ta' sistemi tal-informatika nazzjonali u punti ta' aċċess interoperabbli li joperaw taħt ir-responsabbiltà u l-ġestjoni ta' kull Stat Membru, istituzzjoni jew aġenzija tal-UE, għal skambju ta' informazzjoni sikur u affidabbli fil-livell transfruntier. Huwa importanti li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda ħżin jew ipproċessar ta’ data mill-entità fdata bil-ġestjoni operazzjonali tal-komponenti tas-sistema u li l-hardware użat ikun adegwat biex tiġi appoġġjata s-sistema tal-IT. Il-KESE jilqa’ li l-proposta tipprevedi li fejn l-Istati Membri għadhom ma żviluppawx sistemi tal-informatika nazzjonali adegwati, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw.
2.4.2Id-disponibbiltà ta' wisa' tal-banda adegwata hija importanti (komponent għali tas-servizzi tal-kollegament bil-vidjo). Il-wisa' tal-banda rakkomandata hija ta' mill-inqas 1,5-2 megabits kull sekonda għan-networks tal-IP (jew mill-inqas 384 kilobit kull sekonda għan-networks tal-ISDN). Is-sistemi tal-kollegament bil-vidjo għandhom ikunu mfassla b'kapaċità massima possibbli ta' wisa' tal-banda u anke għal sistemi bil-kapaċità massima għandhom jiġu kkunsidrati l-affidabbiltà u l-prestazzjoni tal-konnessjoni tan-network, minħabba li l-iċken interruzzjoni jew inkonsistenza tista' xxekkel il-kapaċità tas-sistema li tipprovdi servizz tajjeb.
2.4.3Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni minn naħa dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-adegwatezza teknika għall-komunikazzjoni diġitali użata, u min-naħa l-oħra li s-sistemi, in-networks u d-data jiġu protetti minn attakki ċibernetiċi, filwaqt li titqies li l-vulnerabbiltà taż-żewġ sistemi previsti, fuq karta (fi preżenza) u permezz tad-data (b'mod diġitali), hija kompletament differenti u għandhom jiġu protetti s-sistemi u n-networks filwaqt li tiġi ggarantita l-integrità tad-data li dawn iġorru u jaħżnu, abbażi tar-regolamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data personali. Is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni diġitali msemmija għandhom ikunu wkoll aċċessibbli b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea dwar l-Aċċessibbiltà u ta’ dik fuq is-siti web tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-impriżi ta’ interess pubbliku.
2.4.4Kif diġà enfasizza l-KESE fl-Opinjoni SOC/573 tiegħu, Pakkett dwar l-interoperabbiltà, tat-23 ta’ Mejju 2018, minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni skambjata, huwa essenzjali li jiġu ggarantiti minn naħa l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, u min-naħa l-oħra s-sikurezza tad-data u tas-sistemi kollha involuti.
2.4.5It-trażmissjonijiet tal-vidjo għandhom, mhux biss fil-proċeduri kriminali iżda anke f'materji ċivili u kummerċjali, ikunu sikuri minn interruzzjonijiet illegali min-naħa ta' partijiet terzi, bl-użu ta' mezzi tekniċi proporzjonati għall-kawża. F’dan ir-rigward, għandha tiġi ggarantita l-konformità mar-regolamenti eżistenti dwar iċ-ċibersigurtà u l-kontenut tal-Proposta għal Direttiva NIS 2.
2.5Taħriġ
2.5.1Il-KESE jissottolinja li t-taħriġ tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni huwa għodda essenzjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u effettiva tar-regolament. Sabiex tħejji lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja għall-isfidi futuri, il-Kummissjoni adottat ukoll strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024 biex tipprovdi taħriġ fl-użu tal-għodod diġitali fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Għal dan il-għan huwa essenzjali li jiġu organizzati mill-aktar fis possibbli attivitajiet ta' taħriġ immirati lejn l-operaturi tal-ġustizzja kollha li huma involuti fl-attivitajiet previsti mill-Proposta għal Regolament.
2.5.2B'mod partikolari, jirriżulta li huwa meħtieġ taħriġ speċifiku ffukat fuq il-ħtiġijiet tas-suspettati, l-akkużati, ix-xhieda jew il-vittmi vulnerabbli, biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja permezz tal-mezzi diġitali.
2.6Għodod diġitali jew fuq karta
2.6.1L-għan tal-Proposta għal Regolament huwa li tippermetti lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jikkomunikaw b'mod diġitali mingħajr ebda tip ta' diskriminazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti u li jipparteċipaw fis-seduti bil-vidjokonferenza jew permezz ta' teknoloġija oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod mingħajr kostijiet speċifiċi addizzjonali minbarra dawk relatati mal-użu ta' kompjuter u mal-aċċess għall-internet.
2.6.2Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tinżamm il-possibbiltà li jintuża mezz ta' komunikazzjoni fuq karta għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-informazzjoni tiġi pprovduta xorta waħda f'formati aċċessibbli, u b'hekk jiġi ggarantit l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, inklużi l-persuni vulnerabbli, il-minuri u l-persuni li jeħtieġu għajnuna teknika, li jgħixu f'żoni remoti jew li fi kwalunkwe każ ma għandhomx aċċess għall-mezzi diġitali jew għall-kompetenzi meħtieġa.
2.6.3B’referenza speċifika għall-vidjokonferenza, introdotta b’mod sistematiku f’diversi pajjiżi, anke għall-finijiet tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, ta’ min jinnota li skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għalkemm il-parteċipazzjoni tal-konvenut fil-proċedura permezz ta’ vidjokonferenza ma tmurx kontra l-Konvenzjoni, huwa essenzjali li r-rikors għaliha jkollu skop leġittimu. Għalhekk, il-qrati li jużaw il-vidjokonferenza għandhom ikomplu jtejbu l-kwalità tal-vidjokonferenza u jużaw il-kriptografija tas-sinjali tal-vidjo biex jevitaw li jkun hemm interċettazzjoni. Fl-opinjoni tiegħu Nru (2011) 14 dwar "Il-ġustizzja u t-teknoloġija tal-informatikaazzjoni (IT)", il-Kunsill Konsultattiv ta' Mħallfin Ewropej jissottolinja li l-introduzzjoni tal-IT fil-qrati fl-Ewropa ma għandhiex tikkompromettil-valuri tal-bniedem u dawk simboliċi tal-ġustizzja. Jekk il-ġustizzja tiġi pperċepita mill-utenti bħala xi ħaġa purament teknika, mingħajr il-funzjoni reali u fundamentali tagħha, hemm riskju li din titlef in-natura umanizzata tagħha.
2.6.4Fl-Istati Uniti, il-kollegamenti bil-vidjo jintużaw l-aktar għas-seduti dwar il-garanziji, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet u r-riskji tat-trasport tal-imputati mill-ħabs għall-qorti. Ir-riċerkaturi tal-Università Northwestern studjaw l-ammont ta’ flus tal-garanziji stabbiliti qabel u wara l-użu tal-vidjo, u waslu għall-konklużjoni li permezz tal-vidjokonferenzi, l-ammonti ta’ garanziji żdiedu b’medja ta’ 51 %. Fil-fatt, it-trażmissjoni permezz tal-vidjo għandha effett diżuman u tpoġġi lill-imputati f'pożizzjoni ta' żvantaġġ viżwali u tas-smigħ. Fis-seduti dwar l-immigrazzjoni, jekk il-persuni jidhru f'vidjo għandhom probabbiltà akbar li jiġu deportati milli meta jidhru personalment, u l-istess jiġri għal dawk li jitolbu l-ażil. Huwa importanti wkoll dak li l-persuni fil-qorti jistgħu jaraw u jisimgħu. Il-funzjoni tal-awdjo ta' xi teknoloġiji tal-vidjokonferenza tuża filtru tal-wisa' tal-banda medja li jnaqqas il-frekwenzi vokali għoljin u baxxi, li huma tipikament użati biex iwasslu l-emozzjonijiet, kif jidher mir-rapport dwar is-seduti bil-vidjo ffinanzjat mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti tal-2015.
2.6.5F'dak li jirrigwarda s-software użat, wieħed jinnota li d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' software b'sors miftuħ komparabbli fir-rigward tal-affidabbiltà u l-akkuratezza mal-aqwa prodotti industrijali joffri l-vantaġġ li jippermetti "kisbiet" direttament permezz ta' ċentri tad-data u networks jew fi kwalunkwe każ permezz ta' infrastrutturi mmexxija b'mod kollettiv mill-amministrazzjoni pubblika jew magħha. Soluzzjoni bħal din tevita r-riskju ta' flussi transfruntiera interni jew esterni għall-UE marbuta ma' soluzzjonijiet Cloud ta' kumpaniji li mhumiex Ewropej (u b'hekk tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Cloud Act tal-Istati Uniti).
2.7Titjib tal-effiċjenza u tal-kompetittività
2.7.1Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni rigward il-fatt li l-użu tal-għodda ta' komunikazzjoni diġitali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jista' bla dubju jikkontribwixxi għal effiċjenza aħjar fis-sistema ġudizzjarja, minħabba li huwa maħsub li jnaqqas id-dewmien u l-piżijiet amministrattivi, iżid is-semplifikazzjoni u jħaffef l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet, b'hekk jitnaqqsu ż-żminijiet li fihom jiġu ttrattati l-kawżi kif ukoll l-ispejjeż relatati. Għandu jitqies li l-komunikazzjoni mill-bogħod matul l-emerġenza ppermettiet li jkompli jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja, billi kienet ta' għajnuna biex tiggarantixxi l-kwalità, l-effiċjenza u l-indipendenza, li huma elementi essenzjali fil-każ tal-istat tad-dritt u tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.
2.7.2Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li jkun hemm sistemi ġudizzjarji effiċjenti għall-implimentazzjoni tad-dritt Ewropew, kif muri fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-"Tabella ta' valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE tal-2019" tas-26 ta' April 2019, li tagħti ħarsa ġenerali annwali tal-indikaturi rilevanti għall-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, abbażi tad-data tal-Kummissjoni għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa.
2.7.3F'dan is-sens, huwa maħsub li l-possibbiltà għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti f'ħidmiet transfruntiera li jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb u aktar ugwali għall-ġustizzja, minn kostijiet imnaqqsa u minn proċeduri aktar mgħaġġla sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tagħhom se ġġib magħha vantaġġi transfruntiera għall-kummerċ u titjib tal-kompetittività tas-sistema ekonomiku b'mod aktar ġenerali.
2.8Bħala konklużjoni, il-KESE jinnota li l-proposta tipprevedi li jingħataw garanziji adegwati fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:
a)Is-sikurezza tat-teknoloġija użata. Is-sikurezza u l-kunfidenzjalità huma essenzjali, minħabba n-natura sensittiva ta' xi seduti tal-qorti, kif ukoll valutazzjoni preċiża mill-esperti tal-informatika dwar il-pjattaforma online li għandha tintuża;
b)Ġustizzja Miftuħa. Is-sistema prevista għandha tiżgura l-konformità mal-prinċipju tal-ġustizzja miftuħa (fir-rigward tal-parteċipazzjoni, l-osservazzjoni u l-aċċessibbiltà);
c)Distakk Diġitali. Il-livell baxx ta' ħiliet diġitali u l-aċċess limitat għat-teknoloġija u livelli baxxi ta' litteriżmu u ta' għarfien legali jistgħu jżidu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi diġitali u jfixklu l-objettivi segwiti. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għal kulħadd, f'termini ta' teknoloġiji u ta' miżuri ta' appoġġ.
Brussel, 19 ta’ Mejju 2022
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________