OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-miri għar-restawr tan-natura skont l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità

_____________

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
ir-restawr tan-natura

[COM(2022) 304 final – 2022/0195 (COD)]

NAT/841

Relatur: Arnold PUECH d’ALISSAC

MT

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11/07/2022

Parlament Ewropew, 14/07/2022

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

10/01/2023

Adozzjoni fil-plenarja

25/01/2023

Sessjoni plenarja Nru

575

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

201/4/11

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew li l-approċċ u l-miżuri li ttieħdu s’issa favur il-bijodiversità mhumiex effettivi u jilqa’ l-objettiv ġenerali tar-Regolament propost li jiżdiedu l-isforzi fir-restawr tan-natura sabiex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u biex il-bijodiversità tal-Ewropa titqiegħed fit-triq tal-irkupru. L-Istati Membri għalhekk se jkunu soġġetti għal obbligi legalment vinkolanti. Il-KESE jinnota li l-approċċ adottat huwa konformi mad-deċiżjonijiet tal-COP15 f’Montreal.

1.2Madankollu, il-KESE għandu għadd ta’ kummenti u tħassib dwar il-formulazzjoni tal-objettivi u l-metodoloġija ddefiniti mill-Kummissjoni. L-aktar nuqqas serju huwa li l-impatt ekonomiku tal-miżuri li bilfors iridu jittieħdu fuq l-utenti tal-art, l-aktar dawk privati, kważi ma jitqiesx. Il-KESE diġà ddikjara fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 “li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti ma jistgħux ikunu mistennija jġorru l‑piż finanzjarju għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Minflok, li huma jipprovdu “valuri u beni pubbliċi” għandha tkun opportunità interessanti ta’ sors ta’ introjtu għalihom. Iqis li attenzjoni konkreta għal din il-kwistjoni tista’ tiġi inkluża fil-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku l-ġdid permezz ta’ investimenti mmirati biex jipproteġu dak li jinsab fl-istrateġija permezz ta’ persunal u mezzi 1 . La l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma ħadu azzjoni fuq din ir-rakkomandazzjoni. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE kkritika, fost affarijiet oħra, in-nuqqas ta’ finanzjament diżastruż tal-miżuri fir-rigward tan-Natura 2000. Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-approċċ il-ġdid adottat mill-Kummissjoni se jerġa’ jfalli jekk ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi kkumpensat it-telf finanzjarju (kif ukoll biex jiġu ppremjati s-servizzi tal-bijodiversità) li l-utenti tal-art se jġarrbu meta jestendu l-użu tal-art tagħhom sabiex jipprovdu għal aktar “bijodiversità”. Għalhekk, il-KESE jitlob li jinħoloq fond Ewropew iddedikat għall-bijodiversità u li jiġu esplorati modi ġodda għad-diversi politiki tal-UE (PAK, enerġija, akkomodazzjoni, trasport, eċċ.) biex jgħinu fit-tilħiq tal-objettivi vinkolanti tar-Regolament.

1.3Fir-rigward tal-aspetti finanzjarji, il-KESE jappella għal valutazzjoni minn qabel tal-erja eżatta tal-art agrikola, il-foresti u x-xmajjar koperti mill-proposti fir-Regolament. Barra minn hekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa finanzjarja li tirriżulta mill-ħtieġa ta’ kumpens b’mod partikolari lill-bdiewa u s-sidien tal-foresti fil-periklu li jitilfu ż-żoni ta’ produzzjoni tagħhom kompletament.

1.4Għalkemm ir-restawr tan-natura huwa meħtieġ f’żoni protetti minħabba d-deterjorament tal-kundizzjoni tagħhom, mhux iż-żoni kollha restawrati jistgħu, u lanqas ma għandhom, isiru żoni protetti. Għalkemm il-KESE jqis li huwa “essenzjali li xi partijiet miż-żoni protetti għandhom ikunu soġġetti għal protezzjoni rigoruża (ġestjoni mingħajr intervent)” 2 , huwa saħansitra aktar importanti li jiġu żgurati użi li jippreservaw il-bijodiversità fit-territorju kollu. Fil-biċċa l-kbira taż-żoni, l-għan għandu jkun li jiġu restawrati l-ekosistemi tagħhom sabiex ma jiġix eskluż l-eżerċitar tal-attività ekonomika speċifika u adattata. Fil-fatt, l-agrikoltura u l-forestrija estensivi kkontribwew għal-livell għoli ta’ bijodiversità li llum jeħtieġ li tiġi protetta. Dawn il-forom estensivi ta’ agrikoltura u forestrija, li llum il-ġurnata qed jiġu abbandunati aktar minħabba l-vijabbiltà ekonomika baxxa tagħhom, għandhom għalhekk jiġu appoġġjati addizzjonalment. 3 Għaldaqstant, ir-riabilitazzjoni hija terminu xjentifiku aktar adattat li jintuża wkoll fil-politiki, maħluq biex jiżgura bilanċ bejn l-għajxien u l-produzzjoni. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li t-terminu “restawr” ma jibqax jintuża u li tintuża “riabilitazzjoni” 4 minflok, speċjalment peress li n-natura mhijiex xi ħaġa statika li tista’ tiġi “restawrata” għall-istat oriġinali tagħha daqslikieku hija dar jew karozza mitluqa. Fil-fatt, ħafna studji juru li l-miżuri ta’ restawr tal-ambjent selvaġġ, pereżempju għat-torbieri, f’ħafna każijiet jippreżentaw spejjeż sinifikanti mingħajr ma verament ikunu jistgħu jiżguraw restawr reali sħiħ tal-“istat oriġinali”. Din l-osservazzjoni hija riflessjoni semantika: l-objettiv tar-Regolament m’għandux ikun proċess biex l-ambjenti jitreġġħu lura għall-istat naturali tagħhom imma li jiġu restawrati s-servizzi tal-ekosistema tagħhom, u għalhekk, li jiġi appoġġjat l-użu sostenibbli u multifunzjonali ta’ dawn iż-żoni. Peress li l-bnedmin immodifikaw il-kuntest naturali matul is-snin, huwa xjentifikament impossibbli li jintlaħaq “restawr tan-natura”. It-tibdil progressiv fil-klima jista’ jkun ukoll fattur għaliex il-kundizzjonijiet ta’ xi ekosistemi mill-passat ma jistgħux jibqgħu jinkisbu b’mod sħiħ. Min-naħa l-oħra, l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-ambjenti permezz tal-promozzjoni għas-sostenibbiltà tas-servizzi tal-ekosistema huwa objettiv realistiku. Il-KESE jixtieq jara qafas ta’ politika adattat; f’dan ir-rigward, id-dokument tal-Kummissjoni huwa diżappuntanti.

1.5Skeda ta’ żmien fissa u limiti riġidi ma humiex adattati sew għall-karatteristika imprevedibbli tan-natura. L-impożizzjoni ta’ skadenzi stretti fuq l-Istati Membri hija adattata biss f’termini ta’ kundizzjonijiet amministrattivi u tal-ippjanar li għandhom jiġu stabbiliti. Madankollu, huwa meħtieġ approċċ flessibbli biex jitqiesu l-ħtiġijiet, il-kundizzjonijiet, l-opportunitajiet, il-produzzjoni u l-istatus tal-introjtu preċiżi, u l-punt tat-tluq ta’ kull żona naturali. Ir-Regolament propost mhuwiex ċar dwar il-prijoritizzazzjoni u l-allokazzjoni ta’ miżuri ta’ restawr li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, u għalhekk, jpoġġi f’riskju l-kisba ta’ riżultati ta’ kwalità għolja b’mod kosteffettiv. It-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-Istati Membri huwa prinċipju ġustifikat b’mod ċar peress li jiżgura wkoll ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetarji tal-art u jirrifletti l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

1.6Id-dokument tal-Kummissjoni huwa diżappuntanti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ġenerali, li għandha tiffoka b’mod speċjali fuq kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u tal-ikel, u għalhekk il-KESE jappella għal valutazzjoni tal-impatt addizzjonali.

1.7Il-KESE jirrakkomanda li żoni li jmissu ma’ xulxin li fil-bidu ma jkunux produttivi iżda li huma wkoll rilevanti ħafna għall-bijodiversità għandhom jiġu inklużi fil-kopertura ta’ 10 %. Il-KESE jenfasizza li t-test jistabbilixxi objettivi partikolarment ambizzjużi għall-bdiewa, u jfakkar fl-importanza li jitqiesu l-ambjenti naturali kollha li jistgħu jospita l-ispeċi. Madankollu, huwa importanti li s-soċjetà kollha kemm hi tkun involuta fit-titjib tal-ekosistemi tagħna. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar il-prinċipju tal-proporzjonalità tal-miżuri (distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet u l-ispejjeż, iżda wkoll tal-benefiċċji) bejn id-diversi partijiet interessati.

1.8Il-KESE jappoġġja l-objettiv stabbilit peress li huwa ambizzjoni strateġika għall-futur tal-UE, u jirrakkomanda li jissaħħu l-objettivi billi jitħeġġeġ, speċjalment permezz tal-attivitajiet agrikoli estensivi, ir-restawr tal-ambjenti akwatiċi kollha, inkluż it-tixrib mill-ġdid tat-torbieri, filwaqt li tkun żgurata s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-agrikoltura u l-forestrija.

1.9Il-KESE huwa konxju li neħtieġu politika tal-ilma kompletament ġdida fl-Ewropa. Il-politika tal-iskular tal-ilma mill-pajsaġġi malajr kemm jista’ jkun, ipprattikata għal sekli sħaħ, kellha ħafna konsegwenzi negattivi għall-bijodiversità, iżda sadanittant – parzjalment b’riżultat tat-tibdil fil-klima – l-impatt negattiv fuq il-forestrija u l-agrikoltura (nixfa/nirien), u fuq ir-residenti (għargħar) sar evidenti wkoll. Il-KESE, għalhekk, jenfasizza li l-ilma għandu jerġa’ lura fin-natura jew jinżamm hemmhekk, filwaqt li ma jiġix injorat il-fatt li l-azzjoni tal-bniedem tibqa’ ta’ benefiċċju f’ħafna sitwazzjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-manutenzjoni tal-korsiji tal-ilma.

1.10Il-KESE jirrakkomanda li jiġi limitat it-teħid tal-art askapitu taż-żoni naturali. Iħeġġeġ ukoll il-ħolqien ta’ spazji ekoloġiċi fil-bliet u t-tneħħija tas-superfiċji li ma jiskulax minnhom l-ilma tax-xita fil-bliet, biex jittaffew b’suċċess l-effetti tat-tibdil fil-klima sal-2030.

1.11Il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ salvagwardja taħt il-Politika Komuni tas-Sajd fir-rigward tal-objettivi tar-restawr tal-ambjent tal-baħar. Huwa jinkoraġġixxi wkoll il-ħolqien ta’ appoġġ finanzjarju Ewropew biex jistimula t-tfittxija għal soluzzjonijiet innovattivi u t-titjib tal-għarfien dwar dawn l-ekosistemi.

1.12 Il-KESE jenfasizza li l-perspettiva ekonomika u soċjali trid tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ fil-kuntest tar-restawr tan-natura. Ir-rikonoxximent u l-iżgurar tas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali huma prerekwiżit għall-aċċettabbiltà tal-leġiżlazzjoni proposta u għall-implimentazzjoni b’suċċess tagħha peress li l-eżiti se jiddependu fil-biċċa l-kbira mill-motivazzjoni, l-appoġġ u l-involviment futur tas-sidien tal-art u atturi oħrajn fuq il-post. Huwa ta’ importanza kbira li jiġu rispettati d-drittijiet tas-sidien tal-art permezz ta’ komunikazzjoni miftuħa, involviment attiv u kumpens monetarju sħiħ tat-telf ekonomiku kollu possibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-potenzjal ta’ approċċi bbażati fuq azzjoni volontarja u inċentivi ekonomiċi.

1.13Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit appoġġ tal-UE għall-ħolqien u t-tħaddim tal-katini ta’ valur, kemm fil-fażijiet upstream kif ukoll downstream fi ħdan is-settur, b’mod li jiġi sfruttat il-valur ekonomiku tal-agroforestrija.

1.14Il-KESE jwissi kontra r-riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi fuq it-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet fis-settur agrikolu, u jirrakkomanda mill-ġdid 5 li tissaħħaħ l-attraenza tal-irħula u ż-żoni rurali billi jiġu żgurati l-possibbiltajiet għall-kontinwazzjoni ta’ għajxien ekonomikament vijabbli bbażat fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.

2.Introduzzjoni

2.1F’kuntest globali ta’ sejbiet xjentifiċi li jwissu dwar il-konsegwenzi tat-tisħin globali għall-futur tas-soċjetajiet tagħna, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet l-impenn tagħha billi fasslet strateġija tal-bijodiversità b’miri ambizzjużi għall-Istati Membri kollha sal-2030 u l-2050. Fit-22 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat abbozz ta’ Regolament dwar ir-restawr tan-natura. Filwaqt li l-konservazzjoni u r-restawr tan-natura fl-UE s’issa ġew inkwadrati l-aktar mid-Direttivi dwar il-Ħabitats u dwar l-Għasafar u l-Miri ta’ Aichi, il-Kummissjoni għażlet qafas vinkolanti ġdid biex tiżgura li l-miżuri ta’ restawr jiġu implimentati b’mod effettiv mill-Istati Membri.

2.2Fl-UE, il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ikkonfermat li llum 81 % tal-ħabitats protetti huma f’kundizzjoni ħażina. 9 % minnhom biss tjiebu. Barra minn hekk, 84 % tat-torbieri – essenzjali għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju u għall-iffiltrar tal-ilma – għandhom status ta’ konservazzjoni fqir. Matul l-aħħar għaxar snin, 71 % tal-ħut tal-ilma ħelu u 60 % tal-anfibji sofrew tnaqqis fil-popolazzjoni. Aktar minn nofs il-PDG globali jiddependi min-natura u s-servizzi li tipprovdi, u aktar minn 75 % tal-kultivazzjonijiet alimentari fid-dinja jiddependu fuq id-dakkir mill-annimali 6 .

2.3Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni proposta tal-UE tinkwadra fid-deċennju ta’ azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-restawr tal-ekosistemi, li huwa mmexxi mill-UNEP u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa moviment globali vast biex jitħaffu l-proġetti ta’ restawr u jiġi żgurat li d-dinja timxi fit-triq lejn futur sostenibbli. Ir-restawr ta’ ekosistemi degradati huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, prinċipalment dawk relatati mat-tibdil fil-klima, il-qerda tal-faqar u s-sigurtà tal-ikel.

2.4Waqt li fil-bidu nbena fuq strateġija għall-bijodiversità għall-2030 b’miri volontarji, l-approċċ tal-Kummissjoni ma damx ma ġie msaħħaħ bi proposti għal testi vinkolanti għall-Istati Membri. Bħall-komunità internazzjonali, il-Kummissjoni ġiet sfurzata tirreaġixxi malajr dwar is-sejbiet tat-tnaqqis tal-bijodiversità u l-konsegwenzi enfasizzati wkoll fil-pubblikazzjonijiet reċenti tal-IPCC. Għalhekk, f’nofs in-negozjati internazzjonali fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Kummissjoni għażlet li jkollha rwol ewlieni biex tqiegħed lill-Ewropa fit-triq lejn ir-restawr tal-ekosistemi kollha tagħha sal-2050.

2.5Għalhekk, il-proposta għandha l-għan li timponi miri legalment vinkolanti fuq l-Istati Membri. L-objettiv ġenerali huwa li tikkontribwixxi għall-irkupru kontinwu, fit-tul u sostnut tan-natura bijodiversa u reżiljenti fiż-żoni tal-art u tal-baħar tal-Unjoni permezz tar-restawr tal-ekosistemi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, mingħajr dewmien, miżuri ta’ restawr effettivi u bbażati fuq iż-żona li flimkien għandhom ikopru, sal-2030, mill-inqas 20 % taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-Unjoni u, sal-2050, l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr.

2.6Dawn id-dispożizzjonijiet huma marbutin u jintegraw mal-miri stabbiliti fid-Direttivi dwar “il-Ħabitats” u dwar “l-Għasafar”, id-Direttiva Qafas dwar l-ilma, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, ir-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, fl-objettivi tal-PAK, l-objettivi tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi, kif ukoll fl-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030.

2.7Dan it-test, li huwa maħsub biex jiġi integrat direttament fil-politiki nazzjonali tal-Istati Membri, huwa innovattiv peress li jindirizza kemm il-kwistjonijiet tal-klima kif ukoll tal-bijodiversità. Fil-fatt, filwaqt li l-politiċi ilhom li ġew mgħarrfa dwar l-isfidi tat-tisħin globali, kien biss dan l-aħħar li x-xjenzati enfasizzaw ir-rabta diretta bejn it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi ewlenin fuq il-bijodiversità. B’mod li huwa pjuttost mingħajr preċedent, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi approċċ olistiku għall-kwistjonijiet u tmur lil hinn mill-politiki kompartimentalizzati li ġew segwiti s’issa.

3.Analiżi tal-abbozz ta’ Regolament

3.1Il-proġett iqajjem għadd ta’ mistoqsijiet u tħassib profondi, kemm f’termini tal-għażla tal-miri li għandhom jintlaħqu fi żmien limitat kif ukoll f’termini ta’ definizzjonijiet u indikaturi. Pereżempju, xi miżuri huma bbażati fuq kunċetti li ġejjin mil-liġi tan-natura. Għal fehim aħjar, l-abbozz ta’ Regolament għandu għalhekk jirreferi għalihom. Barra minn hekk, il-punt sa fejn tiġi ppreservata s-sussidjarjetà tal-Istati Membri għandu jiġi ċċarat għal ċertu kontenut. B’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 10, li fih indikaturi għar-restawr tal-ekosistemi tal-foresti, ta’ min jinnota li r-responsabbiltà għall-forestrija hija l-aktar tal-Istati Membri 7 .

3.2Hemm limiti għat-tfassil ta’ opinjoni dwar abbozz ta’ Regolament li għandu l-għan li jirrestawra l-istat tal-ekosistemi tal-Istati Membri mingħajr ma jkunu magħrufa b’mod preċiż l-isfidi u l-isforzi li jridu jsiru mill-Istati Membri. Fil-fatt, l-abbozz tat-test jipprevedi l-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ “pjanijiet nazzjonali ta’ restawr” li se jitfasslu fuq il-bażi tal-aħħar analiżijiet xjentifiċi nazzjonali.

3.3Din l-ewwel osservazzjoni tagħmilha diffiċli li wieħed jesprimi opinjoni infurmata. It-termini magħżula fl-abbozz tar-Regolament huma tal-akbar importanza fl-armonizzazzjoni u l-istipular tal-bażi għall-miri li għandhom jintlaħqu għall-Istati Membri. Filwaqt li definizzjonijiet bħal “status favorevoli”, “erja ta’ referenza favorevoli” u “kwalità u kwantità suffiċjenti ta’ ħabitat għal speċi” għandhom ikunu bbażati fuq lingwaġġ ta’ kunsens xjentifiku, l-implimentazzjoni attwali tagħhom għandha limitazzjonijiet. Fil-fatt, wara dawn id-definizzjonijiet xjentifiċi jidher li hemm kunsiderazzjonijiet politiċi. Kif tagħżel “erja ta’ referenza favorevoli”? Min se jiddetermina l-“kwalità u kwantità suffiċjenti ta’ ħabitat għal speċi”? In-nuqqas ta’ limitu ta’ referenza preċedenti jillimita ċ-ċarezza tal-objettivi u l-espressjoni ta’ opinjoni infurmata dwar it-test. Il-KESE jenfasizza li, fil-kwantifikazzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-Proposta għal Regolament, għandu jittieħed kont kemm tat-telf tal-bijodiversità f'perjodu ta' żmien (il-Kummissjoni b’mod arbitrarju tipproponi perjodu ta’ 70 sena) kif ukoll tal-bidliet futuri probabbli fil-kundizzjonijiet ambjentali. Jeħtieġ li jiġi evitat ir-riskju li d-disparitajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-miżuri proposti jispiċċaw jirriżultaw f’distorsjoni tal-kompetizzjoni fost il-bdiewa tal-UE. Barra minn hekk, il-Proposta tipprevedi titjib kontinwu tal-ekosistema, li s-suċċess tiegħu għandu jiġi vvalutat kull tliet snin wara l-2030. Iżda x’se jiġri dwar l-ekosistemi li jistgħu jieħdu ftit jew wisq żmien biex jerġgħu lura lejn fejn għandhom ikunu? Huwa dubjuż jekk jistax jitkejjel titjib sinifikanti f’dawn il-perjodi qosra ta’ rappurtar. L-Istati Membri mbagħad se jiġu kkundannati filwaqt li n-natura sempliċiment teħtieġ aktar żmien biex tevolvi?

3.4Il-KESE jemmen li ż-żoni li jinsabu fin-network eżistenti ta’ żoni protetti, speċjalment-siti Natura 2000, jeħtieġ li jingħataw prijorità għar-restawr biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ dawk iż-żoni. Dan jappoġġja bl-aħjar mod il-mira li tinkiseb kundizzjoni tajba tal-ħabitats elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-immirar ta’ miżuri ta’ restawr lejn żoni protetti mhux biss jiżgura l-benefiċċji dejjiema tal-miżuri ta’ restawr, iżda jgħin ukoll biex jiġu evitati interessi konfliġġenti possibbli relatati mal-użu tal-art. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li r-rekwiżit wiesa’ ħafna u strett ta’ nondeterjorament fir-rigward tal-ħabitats li jinsabu wkoll barra min-network ta’ żoni protetti huwa żbilanċjat u sproporzjonat.

3.5Il-mekkaniżmu tar-responsabbiltà għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ restawr u t-tilħiq tal-miri ftit li xejn għandu dettalji dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miri. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni jqajjem tħassib dwar l-ekwità tal-miżuri bejn l-Istati Membri, setturi differenti u gruppi differenti ta’ persuni. Filwaqt li l-għażla għal regolament għandha vantaġġi reali f’termini ta’ armonizzazzjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri u li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, din ma tħallix biżżejjed lok għall-Istati Membri biex jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-restawr abbażi tal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Minkejja l-fatt li mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rappurtar għandu jakkumpanja l-miri, kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali għandu jiġi minimizzat. Il-mekkaniżmi nazzjonali u tal-UE eżistenti għal valutazzjoni u rappurtar kontinwi dwar il-progress għandhom jintużaw kemm jista’ jkun.

4.L-isfidi għaż-żoni agrikoli u l-forestrija tal-UE

4.1L-għanijiet ġenerali tar-restawr tal-ekosistemi agrikoli

8 Il-KESE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-għanijiet tar-restawr jikkonċernaw art agrikola privata. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-objettivi tista’ għalhekk tinkiseb biss bl-aċċettazzjoni sħiħa tal-bdiewa. Restrizzjonijiet regolatorji addizzjonali fil-ġestjoni, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiżdied il-bijodiversità fuq l-art agrikola, jistgħu madankollu jkunu piż addizzjonali għal attivitajiet agrikoli li diġà huma regolati ħafna. Il-KESE jenfasizza li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti ma jistgħux ikunu mistennija jġorru l-piż finanzjarju għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Minflok, li huma jipprovdu “valuri u beni pubbliċi” għandha tkun opportunità interessanti ta’ sors ta’ introjtu għalihom. Is-suċċess tal-għanijiet ta’ restawr se jiddependi inevitabbilment minn appoġġ b’saħħtu u sostenibbli għall-irġiel u n-nisa li jaħdmu biex jitimgħu lill-Ewropa. Huwa preċiżament hawnhekk li l-Proposta tal-Kummissjoni hija diżappuntanti, peress li ma tindirizzax din il-kwistjoni ekonomika ewlenija, kif diġà ma għamlux l-istrateġiji u l-programmi ta’ azzjoni preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-bijodiversità. Għalhekk, dan ir-Regolament x’aktarx huwa wkoll predestinat li jfalli.

4.2Il-mira tat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati mill-ilma previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament

Din il-mira se jkollha impatti ekonomiċi sinifikanti fuq l-attivitajiet professjonali, u tikkonċerna b’mod speċjali ċerti reġjuni ta’ xi Stati Membri. Għal dawk ir-reġjuni, il-mira proposta tista’ tkun ambizzjuża wisq mill-perspettiva tal-ibbilanċjar ta’ objettivi differenti. Il-KESE jirrimarka li t-tkomplija tal-użu produttiv tat-torbieri restawrati u mxarrbin mill-ġdid b’modi alternattivi tirrikjedi vijabbiltà ekonomika. Barra minn hekk, fid-dawl tal-iskeda ta’ żmien biex jintlaħaq dan l-objettiv, ġie stabbilit fl-2012, fi studju mwettaq mir-riċerkaturi dwar aktar minn 620 sit ta’ restawr ekoloġiku fl-artijiet mistagħdra li, anki wara 100 sena, li dawn l-operazzjonijiet ma ppermettewx, bħala medja, l-irkuprar ta’ bejn 65 % u 70 % tal-bijodiversità indiġena u tal-funzjonijiet idroloġiċi u ekoloġiċi varji (filtrazzjoni tal-ilma, ħażna tal-karbonju) meta mqabbel ma’ ekosistema ta’ referenza xierqa mhux iddegradata. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-perjodu ta’ restawr previst mill-iskeda ta’ żmien tal-Kummissjoni u l-objettiv ekoloġiku. Madankollu, filwaqt li t-torbieri jirrappreżentaw biss 3 % tal-wiċċ tad-dinja, jaqbdu terz tad-dijossidu tal-karbonju maqbud fil-ħamrija. Għalhekk huma jirrappreżentaw settur strateġiku ħafna għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.3Il-mira li tiġi restawrata l-konnettività naturali ta’ kanali tal-ilma kif stabbilit fl-Artikolu 7

9 Il-bidla negattiva tal-klima u l-problemi tal-ġestjoni tal-ilma qed joħolqu ambjent dejjem aktar degradat. L-ilma ma huwiex biss ta’ interess u valur naturali, iżda wkoll kwistjoni ta’ sostenibbiltà u għalhekk ta’ sikurezza. Xi drabi hija kwistjoni ta’ skular tal-ilma żejjed, drabi oħra taż-żamma tiegħu u ta’ kif wieħed jgħin liċ-ċikli naturali. Il-KESE jaqbel li, sabiex tiġi restawrata l-konnessjoni naturali tax-xmajjar u l-funzjonijiet naturali tal-pjanuri tal-għargħar assoċjati, l-ostakli li jipprevjenu l-konnessjoni lonġitudinali u laterali tal-ilma taż-żona jistgħu jiġu ttrasformati, bil-kundizzjoni ta’ superviżjoni teknika stretta. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju tal-għargħar, li jista’ jkun konsegwenza tat-tneħħija tal-infrastruttura tal-ilma. Ir-restawr tal-bijodiversità jeħtieġ l-ilma, għalhekk interventi strateġiċi jistgħu jipprovdu opportunità biex l-ilma jiġi ġestit u jiġi dirett lejn żoni fil-bżonn. Jeħtieġ li l-ilma jinżamm fil-pajsaġġ u li jiġi evitat milli jiċċirkola malajr wisq. Is-sajf tal-2022 kien eżempju ċar għall-Ewropa tar-riskji tan-nixfa li qed niffaċċjaw. Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm djalogu dwar dan is-suġġett bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jitħeġġu biex jimplimentaw proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika li jistgħu jgħinu biex il-protezzjoni mtejba mill-għargħar tiġi kkombinata mal-preservazzjoni ta’ żoni akwatiċi sensittivi u importanti għall-bijodiversità fil-livell Ewropew għall-iżvilupp ekonomiku u turistiku. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fil-każ tax-xmajjar bħad-Danubju u l-Elbe, fejn l-għargħar ikkawża ħsarat kbar.

4.4Il-mira li jitreġġa’ lura t-tnaqqis tal-pollinaturi

Il-KESE ma jistax ma jappoġġjax din il-miżura, li tirrappreżenta sfida kbira għas-sigurtà tal-ikel. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-abbozz ta’ Regolament ma jipprevedi l-ebda miżura fir-rigward tar-riżorsi tal-ikel disponibbli għall-pollinaturi. Il-vijabbiltà fit-tul ta’ dawn l-ispeċijiet ma tistax tiġi żgurata mingħajr l-istabbiliment ta’ biżżejjed infrastrutturi li jipproduċu n-nektar biex jiġi żgurat sors ta’ nutrizzjoni sostenibbli għall-pollinaturi. Is-siti tal-bejtiet u ambjent mhux tossiku huma essenzjali wkoll.

4.5L-għanijiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-mira li 10 % taż-żona agrikola utilizzata tal-UE tkun tinkludi karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja. Huwa partikolarment problematiku li, skont l-Anness IV, dawn iż-żoni ma jistgħux jintużaw għall-agrikoltura produttiva (inkluż ir-ragħa u l-produzzjoni tal-foraġġ). Wieħed ma għandux jinsa li f’ħafna żoni hija l-kultivazzjoni (b’mod partikolari, pereżempju, ir-ragħa fuq mergħat Alpini, mergħat tal-ħuxlief jew mergħat tal-ħsad) li tippermetti diversità bijoloġika kbira. Li tiġi eskluża l-ġestjoni f’dawn iż-żoni mill-bidu nett huwa eċċessiv; din il-kundizzjoni għandha titneħħa. Barra minn hekk, il-bidu tal-2022 fakkarna b’mod partikolari fl-importanza tas-sovranità tal-ikel biex niffaċċjaw ir-riskji multipli li għad iridu jiġu. Li jiġu koperti 10 % tal-erja agrikola utilizzata jiżgura titjib fil-bijodiversità essenzjali għall-produttività agrikola, iżda jwassal ukoll għal telf sinifikanti fir-rendiment. Il-mira ta’ 10 % ma għandhiex tkun ikkonċentrata biss fuq l-irqajja’ agrikoli iżda għandha tinkludi l-madwar tagħhom. Pereżempju, il-ġnub tat-toroq u l-ġnub tal-mogħdijiet rurali huma ta’ interess kbir għall-bijodiversità. Dawn iż-żoni jistgħu jakkomodaw faxex ta’ fjuri li huma favorevoli għall-pollinaturi u għall-ispeċijiet awżiljarji tal-għelejjel. Barra minn hekk, dawn l-elementi tal-pajsaġġ ikunu effettivi bis-sħiħ biss jekk ikunu organizzati f’network. Għalhekk, l-istudji juru l-interess li jiġu installati diversi kurituri ta’ fjuri f’network, aktar milli roqgħa waħda kbira ta’ fjuri. Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota wkoll li għandha tingħata attenzjoni ugwali lill-ambjenti naturali kollha sabiex l-ispeċijiet ħajjin kollha f’ambjenti differenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom. Pereżempju, il-venewwa jew l-alwetta ma għandhom kważi xejn x’jiggwadanjaw minn ringiela ta’ sġajriet jew bordura madwar l-għelieqi. Il-politika ta’ preservazzjoni għandha għalhekk tapplika għas-superfiċje jew għall-użu tas-superfiċje kollu, mhux biss dak agrikolu u tal-foresti, bil-għan li jitqiesu l-ħtiġijiet differenti tas-soċjetajiet tagħna.

4.6Il-miri għall-foresti msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament

10 11 Ir-restawr tal-ambjenti tal-foresti degradati fl-Ewropa huwa sfida ewlenija għall-adattament tas-soċjetajiet tagħna għat-tibdil fil-klima, u għall-kontribut tal-attivitajiet ekonomiċi biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità. L-għanijiet ġenerali tal-abbozz tar-regolament diġà qed jitwettqu fil-livell internazzjonali u huma parti minn approċċ globali fil-livell dinji. Il-KESE jappoġġja r-rieda politika tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrestawraw l-ambjent forestali tagħhom. Madankollu, il-Kumitat jenfasizza li, minħabba l-kundizzjonijiet eteroġeni fil-foresti fl-Ewropa kollha, il-miżuri ta’ restawr jistgħu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet lokali dment li ma tiġix distorta l-kompetizzjoni bejn is-sidien tal-foresti Ewropej. Il-KESE jirrimarka wkoll l-importanza li dan ir-restawr jiġi integrat fil-kuntest tal-pajsaġġ taż-żoni ġeografiċi kkonċernati bil-għan li jiġu ppreservati s-servizzi tal-ekosistema ta’ dawn l-ambjenti, u li jitqiesu d-diżastri klimatiċi li l-Ewropa qed tesperjenza bħalissa (ħruq, nirien kbar ħafna, eċċ.). L-użu tal-art f’pajsaġġ huwa interkonness u għalhekk għandu jissodisfa kemm ir-rekwiżiti ambjentali kif ukoll dawk soċjoekonomiċi. Pereżempju, il-miżuri ta’ riforestazzjoni askapitu tal-art agrikola jistgħu jirriżultaw f’telf ekonomiku għall-komunitajiet lokali u jistgħu ma jkunux sostenibbli, filwaqt li l-integrazzjoni ta’ siġar indiġeni f’approċċ agroforestali tista’ tkun aktar xierqa u tiġġenera appoġġ lokali. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jiġu ggwidati lejn approċċi li jikkombinaw il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp ekonomiku. It-tilħiq tal-objettiv tal-forestrija mhux se jkun possibbli mingħajr appoġġ sostenibbli għall-ħolqien u t-tħaddim tal-katini ta’ valur, kemm fil-fażijiet upstream kif ukoll downstream fi ħdan is-settur, b’mod li jiġi sfruttat il-valur ekonomiku tal-agroforestrija.

5.L-isfidi għaż-żoni urbani tal-UE

5.1L-isfida tal-introduzzjoni mill-ġdid tan-natura fil-bliet hija għan ewlieni li l-KESE jappoġġja. Ma hemmx dubju dwar l-importanza li l-bliet Ewropej tagħna jkunu aktar ekoloġiċi favur il-benesseri taċ-ċittadini tagħna u s-sostenibbiltà tal-bijodiversità tagħna. It-temperaturi sħan esperjenzati fl-Ewropa f’Lulju 2022 ifakkruna fir-rwol essenzjali tas-siġar fit-tnaqqis tat-temperatura fil-bliet. Fil-fatt, is-siġar jippermettu tnaqqis sa 12 °C fit-temperatura taż-żona.

5.2Barra minn hekk, il-bliet Ewropej illum ikopru żoni konsiderevoli li jxekklu l-moviment tal-ispeċijiet u jagħmlu ħsara lill-ambjent naturali tagħhom. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġu ggwidati lejn miżuri li jillimitaw it-teħid taż-żoni naturali għal użu ieħor. Dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu bbażati fuq programmi li jipproponu tpartit tal-art.

5.3Fl-aħħar nett, l-għan tar-restawr tal-bijodiversità għandu jissaħħaħ fil-bliet permezz tal-istabbiliment ta’ infrastruttura ekoloġika bħala parti integrali mill-iżvilupp ta’ żoni ta’ ħabitats. Il-parks, it-trejqiet, kif ukoll il-bjut u l-ħitan bil-pjanti jtejbu l-klima urbana bi spiża aktar baxxa. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjoni NAT/607 12 .

6.Sfidi għall-ambjent tal-baħar tal-UE

6.1Il-miri tar-restawr tal-baħar huma essenzjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, minħabba l-għadd ta’ speċijiet u ekosistemi li huma jappoġġjaw u l-importanza strateġika tagħhom fid-dawl tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jappoġġja l-miri proposti għar-restawr ta’ dawn l-ambjenti fejn l-attivitajiet tal-bniedem urew li wasslu għal żbilanċ fl-ekosistemi. Minbarra l-protezzjoni tal-ispeċijiet u r-restawr tal-ħabitats, għandhom jiġu adottati wkoll miżuri responsabbli għas-sajd u t-tnaqqis tat-tniġġis. Il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ salvagwardja taħt il-Politika Komuni tas-Sajd għall-ġestjoni tal-impatti negattivi fuq l-ambjent. Fil-fatt, it-tilħiq tal-objettivi għall-ambjent tal-baħar jitlob li l-Istati Membri jaqblu li flimkien jimmaniġġjaw ir-riżorsi tas-sajd. Madankollu, minħabba l-importanza tal-azzjoni favur dawn is-setturi, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità li tintervjeni biex tiżgura li jintlaħqu l-miri tal-protezzjoni u r-restawr.

6.2Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza r-rwol vitali tal-ambjent tal-baħar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-preservazzjoni tal-kapaċità tal-qbid tal-karbonju tal-oċeani hija strateġika għall-futur tagħna. Għalhekk, l-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni u r-riċerka sabiex tinkoraġġixxi t-tfittxija għal soluzzjonijiet innovattivi u t-titjib tal-għarfien ta’ dawn l-ekosistemi. Pereżempju, ix-xogħol wera l-importanza ta’ ilmijiet kostali baxxi bħala ħabitats kritiċi għal ħafna speċijiet ta’ ħut, li jikbru hemmhekk qabel imorru lura fiż-żoni tal-ħajja adulta tagħhom. Madankollu, dawn iż-żoni ħafna drabi jiġu degradati mill-iżvilupp taż-żoni kostali (portijiet, imbankmenti, eċċ.) u għalhekk jirrikjedu t-tfittxija għal soluzzjonijiet ġodda. Kien għalhekk li saru l-esperimenti li kellhom l-għan li jiffissaw skolli u ġew mgħarrqa qigħan tal-ħaxix artifiċjali fiż-żona ta’ ankraġġ fil-port ta’ Toulon u fil-port l-antik ta’ La Seyne-Sur-Mer. L-isfida ekoloġika ġenerali ta’ din l-azzjoni hija li l-funzjonijiet ekoloġiċi tal-ambjent kostali jerġgħu jingħataw il-ħajja.

7.L-isfidi finanzjarji tar-restawr tan-natura

7.1Il-KESE jenfasizza r-rieda politika notevoli li wriet il-Kummissjoni b’dan ir-Regolament ambizzjuż u innovattiv għall-UE. Madankollu, ifakkar li r-rieda politika se jkollha l-limiti tagħha meta ma tkunx appoġġjata minn ambizzjoni finanzjarja proporzjonata mal-impenji. Bħala tali, il-ħidma tal-Kummissjoni biex tiċċara aktar l-ispejjeż potenzjali tar-restawr tal-ekosistema tipprovdi l-ewwel viżjoni tal-impenn li l-Istati Membri se jkollhom juru, iżda tqajjem mistoqsijiet. Fil-fatt, din il-ħidma tindika proporzjon ta’ spejjeż/benefiċċji minn 1 sa 8 għall-preservazzjoni tal-bijodiversità iżda ma tinfurmaniex dwar l-impatt ekonomiku, soċjali u kulturali tat-tilħiq tal-għanijiet. X’se jkun l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri ta’ restawr implimentati fuq l-art? Il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni minn qabel tal-erja eżatta tal-art agrikola, tal-foresti u tax-xmajjar li se tiġi koperta mill-proposti tar-Regolament. Il-KESE jfakkar ukoll fir-rimarki li saru fl-Opinjoni NAT/786 fejn issemmew ħtiġijiet finanzjarji li jikkorrispondu mal-isfidi. Pereżempju, in-network Natura 2000, li joffri opportunità unika fl-Ewropa biex tittejjeb il-kwalità ta’ ambjenti naturali eċċellenti, jipprovdi biss 20 % tal-fondi mwiegħda u meħtieġa għall-miżuri. Il-KESE jagħti attenzjoni partikolari lill-impenji finanzjarji mħabbra mill-Kummissjoni. Huwa jtenni l-importanza li jiġu pprovduti fondi li jlaħħqu mal-aspettattivi, inkella regolamentazzjoni addizzjonali ma ġġib l-ebda riżultat.

7.2Il-KESE jwissi kontra r-riskju li l-ġenerazzjonijiet fis-settur agrikolu ma jiġux imġedda. L-implimentazzjoni ta’ miri li ma jistgħux jiġu rikolonċiljati mar-realtà tal-ħajja ta’ azjenda agrikola se twassal għal diffikultajiet finanzjarji kbar għal dan is-settur li diġà qed ibati biex iġedded il-ħaddiema tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-impatt finanzjarju ta’ dawn l-azjendi sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul, filwaqt li ssegwi l-evoluzzjoni ta’ prattiki li jqisu l-kwistjonijiet klimatiċi.

Brussell, 25 ta’ Jannar 2023

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

*

*    *

N.B.: Ara l-Appendiċi I fil-paġni li jmiss.

APPENDIĊI I

għall-Opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti mixħuta:

Punt 3.4 – Emenda 11

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-Sezzjoni

Emenda

Il-KESE jemmen li ż-żoni li jinsabu fin-network eżistenti ta’ żoni protetti, speċjalment-siti Natura 2000, jeħtieġ li jingħataw prijorità għar-restawr biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ dawk iż-żoni. Dan jappoġġja bl-aħjar mod il-mira li tinkiseb kundizzjoni tajba tal-ħabitats elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-immirar ta’ miżuri ta’ restawr lejn żoni protetti mhux biss jiżgura l-benefiċċji dejjiema tal-miżuri ta’ restawr, iżda jgħin ukoll biex jiġu evitati interessi konfliġġenti possibbli relatati mal-użu tal-art. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li r-rekwiżit wiesa’ ħafna u strett ta’ nondeterjorament fir-rigward tal-ħabitats li jinsabu wkoll barra min-network ta’ żoni protetti huwa żbilanċjat u sproporzjonat.

Il-KESE jemmen li ż-żoni li jinsabu fin-network eżistenti ta’ żoni protetti, speċjalment-siti Natura 2000, jeħtieġ li jingħataw prijorità għar-restawr biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ dawk iż-żoni. Dan jappoġġja bl-aħjar mod il-mira li tinkiseb kundizzjoni tajba tal-ħabitats elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Attenzjoni speċjali għas-siti ta’ Natura 2000 tista’ tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats adottata fl-1992 u tista’ tgħin ukoll biex jiġu evitati interessi konfliġġenti possibbli relatati mal-użu tal-art.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur    91

Kontra    108

Astensjonijiet        18

Punt 4.2 – Emenda 12

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-Sezzjoni

Emenda

Il-mira tat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati mill-ilma previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament

Din il-mira se jkollha impatti ekonomiċi sinifikanti fuq l-attivitajiet professjonali, u tikkonċerna b’mod speċjali ċerti reġjuni ta’ xi Stati Membri. Għal dawk ir-reġjuni, il-mira proposta tista’ tkun ambizzjuża wisq mill-perspettiva tal-ibbilanċjar ta’ objettivi differenti. Il-KESE jirrimarka li t-tkomplija tal-użu produttiv tat-torbieri restawrati u mxarrbin mill-ġdid b’modi alternattivi tirrikjedi vijabbiltà ekonomika. Barra minn hekk, fid-dawl tal-iskeda ta’ żmien biex jintlaħaq dan l-objettiv, ġie stabbilit fl-2012, fi studju mwettaq mir-riċerkaturi dwar aktar minn 620 sit ta’ restawr ekoloġiku fl-artijiet mistagħdra li, anki wara 100 sena, li dawn l-operazzjonijiet ma ppermettewx, bħala medja, l-irkuprar ta’ bejn 65 u 70 % tal-bijodiversità indiġena u tal-funzjonijiet idroloġiċi u ekoloġiċi varji (filtrazzjoni tal-ilma, ħażna tal-karbonju) meta mqabbel ma’ ekosistema ta’ referenza xierqa mhux iddegradata. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-perjodu ta’ restawr previst mill-iskeda ta’ żmien tal-Kummissjoni u l-objettiv ekoloġiku. Madankollu, filwaqt li t-torbieri jirrappreżentaw biss 3 % tal-wiċċ tad-dinja, jaqbdu terz tad-dijossidu tal-karbonju maqbud fil-ħamrija. Għalhekk huma jirrappreżentaw settur strateġiku ħafna għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

L-objettiv tat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati mill-ilma previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament

Din il-mira se jkollha impatti ekonomiċi sinifikanti fuq l-attivitajiet professjonali, u tikkonċerna b’mod speċjali ċerti reġjuni ta’ xi Stati Membri. Għal dawk ir-reġjuni, il-mira proposta jista’ jkollha impatt partikolari mill-perspettiva tal-ibbilanċjar ta’ objettivi differenti. Il-KESE huwa konxju tal-importanza speċjali tat-torbieri għall-bijodiversità u l-klima, u jqis il-miri stabbiliti mill-Kummissjoni (ir-restawr ta’ 70 % tat-torbieri mnixxfa, u f’dan il-kuntest, ir-riumidifikazzjoni ta’ 50 % minnhom sal-2050[3] bħala kompromess bejn l-interessi ekonomiċi u l-interessi ekoloġiċi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-iskeda ta’ żmien biex jintlaħaq dan l-objettiv, ġie stabbilit fl-2012, fi studju mwettaq mir-riċerkaturi dwar aktar minn 620 sit ta’ restawr ekoloġiku fl-artijiet mistagħdra li, anki wara 100 sena, li dawn l-operazzjonijiet ma ppermettewx, bħala medja, l-irkuprar ta’ bejn 65 u 70 % tal-bijodiversità indiġena u tal-funzjonijiet idroloġiċi u ekoloġiċi varji (filtrazzjoni tal-ilma, ħażna tal-karbonju) meta mqabbel ma’ ekosistema ta’ referenza xierqa mhux iddegradata. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-perjodu ta’ restawr previst mill-iskeda ta’ żmien tal-Kummissjoni u l-objettiv ekoloġiku. Madankollu, filwaqt li t-torbieri jirrappreżentaw biss 3 % tal-wiċċ tad-dinja, jaqbdu terz tad-dijossidu tal-karbonju maqbud fil-ħamrija. Għalhekk huma jirrappreżentaw settur strateġiku ħafna għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur    99

Kontra    104

Astensjonijiet        18

_____________

(1)    Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 259
(2)    Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 259
(3)    Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u l-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku
(4)    Ir-riabilitazzjoni tfisser l-iffukar fuq ir-ristabbiliment ta’ ċerti funzjonijiet ekoloġiċi.
(5)    Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq it-tiġdid ġenerazzjonali u Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq l-iżvilupp territorjali taż-żoni rurali
(6)     IP/22/3746 .
(7)      Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġustizzja klimatika”, ĠU C 81, 2.3.2018, p.22 u Opinjoni tal-KESE dwar “Dokument ta’ Riflessjoni ‘Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030’”, ĠU C 14, 15.1.2020, p. 95
(8)    Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 259
(9)      Opinjoni tal-KESE dwar L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) ĠU C 67, 6.3.2014, p. 153
(10)    Opinjoni tal-KESE dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima, ĠU C 152, 6.4.2022, p. 169
(11)    Siġar li jgħixu f’żona kolonizzata mill-ispeċi tagħhom stess, mingħajr għajnuna umana.
(12)      Opinjoni tal-KESE dwar L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) ĠU C 67, 6.3.2014, p. 153