OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Strumenti finanzjarji innovattivi – intrapriżi b’impatt soċjali

_____________

L-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-iżvilupp tal-intrapriżi b’impatt soċjali
(Opinjoni
esploratorja)

INT/965

Relatur: Giuseppe GUERINI

Korelatur: Marie-Pierre Le BRETON

MT

Konsultazzjoni

Il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21/09/2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Adottata fis-sezzjoni

13/12/2021

Adottata fil-plenarja

19/01/2022

Sessjoni plenarja Nru

566

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

231/1/3

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE, u l-impenn speċifiku tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi u tal-Gvern Franċiż li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni favur l-ekonomija soċjali.

1.2Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi li kapaċi jkollhom impatti soċjali pożittivi, l-ewwel nett permezz ta’ azzjonijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, iżda wkoll permezz tal-involviment tal-intrapriżi kollha li għandhom l-għan li jiksbu impatti soċjali pożittivi. Għalhekk, il-KESE jilqa’ u jappoġġja d-dispożizzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 2021, b’mod partikolari l-proposta li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ swieq għall-investiment fl-intrapriżi soċjali fl-Ewropa billi jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ strumenti ġodda.

1.3Il-KESE jqis li r-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u tal-prossimità bħala waħda mill-14-il ekosistema tal-istrateġija industrijali Ewropea huwa konsistenti mal-promozzjoni tal-investimenti b’impatt soċjali u jilqa’ dan ir-rikonoxximent.

1.4Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu introdotti u appoġġjati forom ta’ investiment intiżi biex jinkisbu impatti soċjali, jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba u jiġu attirati investituri privati u kapital ġdid, iżda jirrakkomanda li dawn l-investimenti jkunu mmirati b’tali mod li jipproduċu effetti addizzjonali u multiplikaturi u li qatt ma jieħdu post in-nefqa soċjali pubblika għall-benefiċċji bażiċi.

1.5Il-KESE jaqbel mal-fatt li (i) l-għodod u l-indikaturi tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali jiġu żviluppati b’mod konġunt upstream, proġett wara proġett, biex b’hekk jiġi żgurat ir-rispett tal-ispeċifiċitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u (ii) li tiġi żviluppata definizzjoni Ewropea tal-impatt soċjali.

1.6Il-KESE jirrakkomanda li l-investimenti maħsuba biex jiksbu impatti soċjali jitfasslu b’tali mod li jiżguraw bilanċ bejn l-impatt soċjali (bidliet pożittivi ġġenerati mill-investiment), il-livell ta’ redditu (redditu responsabbli u sostenibbli għall-investitur) u l-livell ta’ riskju għall-intrapriża soċjali, billi jippromovu t-tisħiħ tal-intraprenditorija soċjali permezz ta’ influss ġdid ta’ kapital investit, it-titjib tal-istandards ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà soċjali, kif ukoll it-titjib tal-kapaċità li jiġu inklużi l-intrapriżi b’impatt soċjali u tal-ekonomija soċjali fis-sistema ekonomika Ewropea.

1.7Il-KESE japprezza l-inizjattivi implimentati mill-Kummissjoni Ewropea f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari dawk marbuta mal-programm EaSI, u jilqa' l-fatt li l-InvestEU għandu allokazzjoni speċifika maħsuba għat-tisħiħ tal-infrastruttura soċjali Ewropea.

1.8Sabiex iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu spinta ġdida lil dawn l-inizjattivi, il-KESE jqis li huwa importanti li jsiru analiżijiet b’mod regolari sabiex jitfassal immappjar elaborat tas-sistemi ta’ innovazzjoni differenti sabiex jiġi appoġġjat il-finanzjament b’impatt soċjali stabbilit fl-Istati Membri, bil-għan li tinbena bażi ta’ għarfien kondiviża u li jiġi promoss skambju ta' prattiki tajbin.

1.9Il-KESE jqis li huwa essenzjali li fil-livell Ewropew jinħoloq korp ta’ gwida politika u ta’ monitoraġġ tekniku tal-inizjattivi fil-qasam tal-finanzjamenti innovattivi tal-ekonomija soċjali u tal-intrapriżi li għandhom l-għan li jilħqu objettivi ta’ impatt soċjali.

2.Kummenti ġenerali

2.1Il-KESE ilu għal bosta snin isostni l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex isaħħu r-rwol tal-ekonomija soċjali fil-kuntest Ewropew.

2.2Reċentement fl-Opinjoni ECO/533, il-KESE rrakkomanda li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tqis bis-sħiħ id-diversi forom ta’ investiment b’impatt soċjali, b’mod partikolari fil-qasam tal-ekonomija soċjali.

2.3Matul l-aħħar għaxar snin, is-sensibilizzazzjoni dwar irr-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u r-rikonoxximent tiegħu wasslu biex issir enfasi dejjem akbar fuq l-investimenti b’impatt soċjali, li għandhom ikomplu jżidu l-potenzjal diġà sinifikanti tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-innovazzjoni responsabbli u sostenibbli u fil-ħolqien tal-impjiegi 1 .

2.4L-Ewropa teħtieġ dejjem aktar finanzi inklużivi u responsabbli u l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha li tistabbilixxi miżuri u linji gwida għall-istituzzjonijiet, l-intrapriżi, il-fondi finanzjarji, iżda wkoll għall-universitajiet, għaċ-ċentri ta’ riċerka, għall-atturi tal-ekonomija soċjali u tal-komunitajiet lokali, dwar kif jestendu l-potenzjal tal-intraprenditorija soċjali u jinfluwenzaw il-finanzjament bħala aġenti għall-iżvilupp ta’ ekonomija aktar inklużiva u sostenibbli.

2.5Ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jipprovdu servizzi li minnhom jiddependu l-funzjonijiet essenzjali għall-ħajja tal-kategoriji partikolarment żvantaġġati tal-popolazzjoni. Dawn huma s-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-kura u tal-edukazzjoni u, b’mod ġenerali, is-servizzi kollha meħtieġa biex tiġi żgurata ħajja dinjituża għall-persuni vulnerabbli, l-ewwel u qabel kollox billi jiġu garantiti kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol.

2.6Huwa għalhekk li l-investimenti b’impatt soċjali għandhom ikunu mmirati b’mod li jipproduċu effetti addizzjonali u multiplikaturi meta mqabbla mal-politiki pubbliċi, filwaqt li jiġi evitat li l-investimenti b’impatt soċjali jissostitwixxu fondi pubbliċi, speċjalment għall-kumpaniji li jinvestu fil-politiki soċjali mmirati lejn il-persuni vulnerabbli.

2.7Il-pandemija esponietna lkoll għal problemi soċjali li jżommuna milli nilħqu l-għanijiet ambizzjużi tat-tranżizzjoni sostenibbli (faqar u inugwaljanza, diffikultajiet fl-integrazzjoni tal-migranti, lakuni fl-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità u akkomodazzjoni inaċċessibbli għall-familji vulnerabbli u għaż-żgħażagħ). Għalhekk wasal iż-żmien li jiġu appoġġjati mudell ta' tkabbir ekonomiku u sistema ta' intrapriża li jkunu kapaċi jippromovu objettivi soċjali, li fosthom għandha tingħata prijorità lill-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità.

3.Definizzjoni tal-istrumenti finanzjarji innovattivi

3.1Fid-dawl tal-fatt li l-KESE jaqbel mad-dispożizzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu introdotti strumenti finanzjarji innovattivi, li għandhom l-għan li jiżviluppaw l-intrapriżi b’impatt soċjali u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-KESE jqis li huwa importanti ferm li jiġi enfasizzat li dawn l-istrumenti finanzjarji jinkludu firxa wiesgħa ta’ investimenti bbażati fuq l-ipoteżi li l-kapital privat jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ effetti soċjali pożittivi, li għandhom dejjem jitqiesu bħala prijoritarji u, fl-istess ħin, jiġġenera benefiċċji ekonomiċi.

3.2L-ispeċifiċità ta’ dawn l-istrumenti hija għalhekk preċiżament l-intenzjoni li biha l-investitur isegwi għanijiet soċjali billi joħloq assi komuni u valuri komuni, filwaqt li jiżgura wkoll redditu ekonomiku bilanċjat, li fil-biċċa l-kbira jkun iddedikat għall-kisba tal-għanijiet soċjali.

3.3L-atturi attivi li jippromovu u joħolqu dawn l-istrumenti innovattivi jistgħu jkunu intrapriżi, organizzazzjonijiet u fondi li jaħdmu biex jipproduċu impatt soċjali li jista’ jitkejjel u li jkun kompatibbli mal-effetti ekonomiċi.

3.4L-elementi li ġejjin għandhom jikkaratterizzaw l-investimenti b’impatt soċjali:

·finalità ċara u intenzjonata tal-ħolqien ta’ effetti soċjali pożittivi;

·appoġġ lill-intrapriżi definiti b’mod ċar bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali abbażi ta’ definizzjonijiet aċċettati b’mod komuni u kriterji oġġettivi;

·l-iffissar tal-livelli ta’ aspettattiva marbuta ma’ redditu ekonomiku bilanċjat, sostenibbli u trasparenti, anke fejn jistgħu jkunu taħt il-medja tar-redditu tas-suq;

·ir-rieda li tiġi investita mill-ġdid parti mill-assi biex jitħeġġu investimenti oħrajn b’għanijiet soċjali;

·l-impatt li jista’ jitkejjel, li huwa essenzjali biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-għarfien adegwat tal-miri u l-għanijiet ta’ investiment.

·meta jsiru investimenti f'intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-konsistenza mal-prinċipji u l-valuri statutorji għandha tkun prijorità.

3.5L-investimenti b’impatt soċjali għandhom b’mod partikolari jappoġġjaw lill-intrapriżi impenjati fl-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-komunitajiet li, fin-nuqqas ta’ dan l-appoġġ, la jkunu jistgħu jiżviluppaw, u xi drabi wkoll lanqas jiżguraw livell adegwat ta’ servizzi lill-abitanti tagħhom. Għandhom ikunu kapaċi jiġġeneraw mezz potenzjali ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv.

3.6L-investimenti għall-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet intiżi li jkollhom impatt soċjali jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku fuq is-servizzi soċjali, edukattivi, tas-saħħa u ta’ promozzjoni kulturali u li jappoġġjaw l-impjiegi permezz ta’ parteċipazzjoni akbar tal-investituri sabiex tiġi appoġġjata ekosistema intraprenditorjali li tgħaqqad is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali.

4.Il-kwistjoni kumplessa tad-definizzjoni tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali

4.1Għalkemm l-enfasi hija dejjem aktar fuq l-analiżi u l-għarfien tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u tal-istrumenti finanzjarji innovattivi li l-aktar jistgħu jappoġġjaw ir-rwol tagħhom, għad iridu jingħelbu ħafna ostakli biex jiġi żgurat li, b’mod parallel mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, tkun tista’ tiġi żviluppata ekosistema daqstant innovattiva ta’ finanzjament innovattiv, responsabbli u sostenibbli, li jippermetti li tiġi żviluppata implimentazzjoni reali u konkreta ta’ mudell ekonomiku verament Ewropew għas-servizz taċ-ċittadini u tal-intrapriżi.

4.2Fost l-ostakli li ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jiffaċċjaw f’termini ta’ aċċess sħiħ għal strumenti finanzjarji innovattivi, bħall-parteċipazzjoni f’fondi ta’ ekwità privata, strumenti ta’ kważi-ekwità, kif ukoll self garantit u fit-tul, u finalment l-allokazzjoni tal-finanzi solidali fil-kuntest tat-tfaddil tal-impjegati f’intrapriżi soċjali, nistgħu nidentifikaw erba’ oqsma li għalihom għandha tonqos id-diskrepanza:

·jitnaqqsu l-lakuni fl-informazzjoni u jiġu korretti l-perċezzjoni tal-fornituri ta’ kreditu kif ukoll id-definizzjonijiet legali u r-rikonoxximent tan-natura speċifika tal-attività ekonomika tagħhom;

·jittejbu l-ħiliet tal-atturi tas-settur finanzjarju fil-valutazzjoni tal-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali mill-perspettiva finanzjarja;

·jiġi appoġġjat it-taħriġ tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali sabiex jittejbu l-ħiliet ekonomiċi u finanzjarji tagħhom;

·jiġi żviluppat l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali b'tali mod li jkunu jistgħu jużaw l-istrumenti finanzjarji u, b’hekk, tiġi miġġielda t-tendenza li jonqsu milli jirrikorru għalihom.

4.3Fir-rigward tal-ewwel punt, il-KESE jittama li l-pjan ta' azzjoni għall-ekonomija soċjali jkun opportunità biex iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jaslu għal definizzjoni valida kemm għall-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, li huwa dejjem aktar meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess sħiħ għas-suq tal-kapital, inkluż permezz ta' azzjonijiet ta' appoġġ mhux finanzjarju ffukati fuq it-tisħiħ tal-ħiliet tal-atturi involuti fl-investimenti b'impatt soċjali.

4.4F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li r-rwol tal-ekonomija soċjali biex tattira l-investimenti b’impatt soċjali fl-Ewropa 2 għandu wkoll jingħata attenzjoni akbar fil-pjan ta’ azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji.

4.5F’dak li jirrigwarda t-titjib tal-kapaċità tal-valutazzjoni tal-investimenti soċjali innovattivi, aħna nemmnu li l-operaturi finanzjarji japplikaw, f’ħafna każijiet, livell għoli ta’ riskju għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali għas-sempliċi raġuni li jadottaw għodod ta’ valutazzjoni ġeneralment użati għal intrapriżi oħrajn, li joħloq distorsjoni fil-klassifikazzjoni li għandha t-tendenza li tissottovaluta d-dimensjonijiet aktar speċifiċi tal-ekonomija soċjali bħall-kapital soċjali u uman, ir-reputazzjoni, il-funzjoni soċjali u l-kunsens soċjali, l-enfasi fuq objettivi ta’ interess ġenerali, il-kapaċità li jiġu ġġenerati assi komuni. Dan jista’ jiġi deskritt bħala kejl eċċessiv tal-mezzi minħabba n-nuqqas ta’ strumenti biex titkejjel il-finalità.

4.6L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-għanijiet soċjali, edukattivi u ambjentali. Din il-vokazzjoni soċjali trid tkun irrikonċiljata bis-sħiħ mar-rekwiżiti ekonomiċi u finanzjarji, waħda mil-lievi għas-sostenibbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, permezz ta’ appoġġ għal azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ ksib ta’ kwalifiki tal-kollaboraturi dwar kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

5.Strumenti finanzjarji innovattivi u tassonomiji soċjali

5.1Matul l-aħħar għaxar snin, l-istrumenti finanzjarji ddedikati għall-intrapriżi soċjali żviluppaw b’mod konsiderevoli 3 , iżda għad hemm lok li jkomplu jiżviluppaw u jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-intrapriżi soċjali, kif ukoll jiffavorixxu l-espansjoni tagħhom fis-suq intern. Il-KESE jqis importanti li l-espansjoni tagħhom tkun akkumpanjata mill-iżvilupp ta' kultura ta' valutazzjoni fl-organizzazzjonijiet kollha u mill-iżvilupp, b'mod partikolari mill-isfera akkademika, ta' għodod ta' valutazzjoni speċifiċi għall-ekonomija soċjali.

5.2Bejn it-12 ta’ Ġunju u s-27 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni dwar is-suġġett tat-tassonomija soċjali u ambjentali. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta’ kompetizzjoni jew ta’ kunflitt saħansitra aktar gravi bejn it-tassonomiji ambjentali u soċjali.

5.3L-iżvilupp ta' mudell tassonomiku uniku (soċjali u ambjentali) jirrappreżenta soluzzjoni ottimali, preċiżament minħabba r-rabta mill-qrib li għandha tinżamm bejn l-objettivi soċjali u ambjentali, iżda sabiex ikun fattibbli u flessibbli, m'għandux jimponi piżijiet tqal fuq l-intrapriżi.

5.4L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom l-għeruq tagħhom prinċipalment fil-komunitajiet lokali fejn tiddomina d-dimensjoni parteċipattiva u jiddistingwu ruħhom ukoll bl-impenn soċjali tagħhom: il-ħolqien ta’ impjiegi, l-appoġġ u ż-żamma tal-impjiegi, il-politika ta’ remunerazzjoni ġusta u ta’ ugwaljanza professjonali. Dan huwa dovut ukoll għall-fatt li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom essenzjalment struttura ta’ governanza parteċipattiva bbażata fuq il-kriterji tad-demokrazija, tal-ftuħ u tat-trasparenza. Dawn l-aspetti jridu jiġu kkunsidrati u mħeġġa speċjalment fit-tassonomija soċjali.

5.5It-tassonomija soċjali għandha tgħin biex tinfluwenza l-finanzjament biex jikkomplementa r-riżorsi pubbliċi li ħafna drabi jappoġġjaw b’mod inadegwat il-politiki tal-inklużjoni soċjali. Madankollu, il-finanzjament soċjali qatt m’għandu jieħu post ir-rwol tal-istituzzjonijiet, tal-liġijiet u tal-politiki pubbliċi fl-insegwiment tar-rispett tad-drittijiet soċjali, l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-inugwljanzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

5.6Fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ġenerali b’mod speċifiku, dawn għandhom ikunu ffinanzjati minn fondi pubbliċi, u l-kapital privat jista’ biss jikkomplementahom. L-intrapriżi b'impatt soċjali għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà, u għalhekk l-investimenti maħsuba għalihom iridu jkunu bbażati kemm jista’ jkun fuq fondi finanzjarji stabbli u fuq kapital paċenzjuż. Tabilħaqq, irridu nkunu konxji li l-objettivi soċjali jiġu stabbiliti fit-tul.

5.7Jeħtieġ li jiġi evitat ir-riskju li l-miżuri u l-metodi ta' kejl jikkumpensaw setturi li jistgħu jitkejlu aktar faċilment u fejn hemm aktar riżorsi disponibbli jew disponibbiltà akbar ta' data, għad-detriment ta' oqsma fejn il-kejl oġġettiv huwa aktar kumpless jew id-data hija aktar diffiċli biex tinstab. Il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku, privat u dak soċjali hija meħtieġa sabiex jinkiseb suċċess fl-investiment soċjali. Il-kollaborazzjoni tas-settur soċjali hija essenzjali sabiex jiġu prijoritizzati l-ħtiġijiet, peress li l-ħaddiema ta’ dan is-settur huma dawk li jaħdmu fuq il-post u li jafu l-ħtiġijiet.

 

6.Proposti ispirati minn prattiki tajbin fuq il-post

6.1F'dawn l-aħħar snin, imħeġġa mill-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat diversi inizjattivi, kemm direttament kif ukoll permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment, biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni soċjali u jiżdied l-aċċess għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Il-programmi EaSI Funded; EaSI Debt; EaSI Guarantee; EaSI Capacity Building; EFSI Equity Social Impact kienu ta' interess partikolari. Għall-ipprogrammar futur, l-inizjattivi soċjali previsti mill-programm InvestEU huma wkoll promettenti, speċjalment jekk, kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali, jiġu introdotti innovazzjonijiet speċifiċi biex jippromovu l-investiment soċjali.

6.2Sabiex tiġi promossa ekosistema favorevoli għall-investiment soċjali, il-KESE jqis importanti li meta jiġu implimentati d-diversi pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Istati Membri għandhom iħejju biex jimplimentaw bil-finanzjament tan-Next Generation EU għadd ta’ azzjonijiet konkreti, bħal dawk diskussi hawn taħt.

6.3F’ħafna pajjiżi, ġew żviluppati esperimenti mmirati lejn l-introduzzjoni u l-validazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament “remunerazzjoni skont il-prestazzjoni” (“pay by result”). Fi Franza, pereżempju, dan sar bis-saħħa ta’ kuntratti ta’ impatt soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-mudelli ta’ “outcome funds” li jinvolvu investituri privati li jixtiequ jimmobilizzaw riżorsi għal politiki miftiehma mal-gvern, b’mod partikolari fil-qasam tal-politiki soċjali, li l-ħlas tagħhom huwa marbut mal-kisba tar-riżultati mistennija. Il-promozzjoni ta’ prattiki bħal dawn għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni minn qabel immirata biex tidentifika tfixkil potenzjali bħat-trasferiment tal-kapaċitajiet lejn intrapriżi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ekonomija soċjali, jew il-possibbiltà ta’ diżimpenn mill-Istati.

6.4Fost l-aħjar prattiki, dik żviluppata mill-gvern Finlandiż li ħoloq iċ-"Ċentru ta' għarfien espert għall-investiment b'impatt" hija interessanti ħafna. Permezz tiegħu, tingħata assistenza teknika u professjonali biex jiġu appoġġjati l-ħiliet ta' atturi li beħsiebhom jagħmlu investimenti b'impatt soċjali.

6.5Dawn l-inizjattivi jikkonfermaw l-importanza li jiġu appoġġjati l-ħolqien, l-iżvilupp u l-aċċessibbiltà ta’ fondi ta’ impatt, ta’ fondi ta’ fondi jew ta’ strumenti finanzjarji oħrajn li jiffinanzjaw l-inizjattivi ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali, b’mod partikolari billi fondi, bħall-InvestEu jew il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, jiġu diretti b’tali mod li jiġu promossi wkoll forom ta’ investiment konġunt (ekwità), kofinanzjament (kreditu) u garanziji ta’ kreditu għall-operazzjonijiet tas-suq.

6.6Għandha tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri li jiġbru u janalizzaw id-data meħtieġa biex tintwera li l-probabbiltà ta’ inadempjenza fuq il-finanzjament tal-kumpaniji u l-infrastrutturi soċjali hija inqas mill-medja tal-probabbiltà ta’ inadempjenza fuq kreditu bankarju u b’hekk jinkiseb ir-rikonoxximent tal-proporzjonijiet ta’ assorbiment tal-kapital ta' ekwità li jqisu l-valur soċjali ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

6.7Il-KESE diġà sejjaħ għal fatturi (speċjalment ekoloġiċi u soċjali) ta' appoġġ fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) sabiex jitnaqqas l-assorbiment tal-kapital imwarrab mill-banek biex ikopri self maħsub għall-finanzjament ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

 

6.8Ċertament ta' min jinnota r-rwol li għandhom il-banek alternattivi u etiċi li jinsabu f'ħafna pajjiżi Ewropej għall-promozzjoni ta' finanzi orjentati lejn l-objettivi soċjali u ambjentali, li f'ċerti każijiet ħolqu wkoll fondi ta' investiment jew kumpaniji ta' tfaddil amministrat immirati lejn l-investiment fis-settur soċjali u ambjentali.

6.9Arranġamenti tat-taxxa li jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija soċjali, jistgħu jkunu utli biex jinċentivaw kemm lill-emittenti kif ukoll lid-detenduri, li jkunu kapaċi juru l-impatt soċjali prodott realment.

6.10Ikun kruċjali wkoll li jitħeġġeġ u jiġi stimulat il-kapital paċenzjuż, bħat-titoli ta' kreditu tal-assoċjazzjonijiet u t-titoli ta' ekwità mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapital ta' ekwità tal-assoċjazzjonijiet u tal-kooperattivi. Barra minn hekk, biex jitħeġġeġ l-investiment f’intrapriżi tal-ekonomija soċjali, regoli ta’ inċentiv li jiffaċilitaw l-użu ta’ dawn l-għodod innovattivi jkunu utli wkoll għall-maniġers tal-fondi ta’ pensjoni.

6.11Abbażi tal-esperjenzi Franċiżi tal-allokazzjoni regolatorja ta' bilanċi pendenti tat-tfaddil bankarju regolat u tal-fondi ta' tfaddil ta’ solidarjetà tal-impjegati
rispettivament lejn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-intrapriżi
ttikkettjati b'impatt soċjali u l-fondi ta’ solidarjetà, ikun importanti li jinbidlu r-regolamenti dwar il-fondi ta' finanzjament solidali sabiex jiġi ottimizzat il-livell ta' allokazzjoni għall-intrapriżi soċjali u tiġi ġġenerata kapaċità ta' investiment addizzjonali f'kapital ta' ekwità jew kważi-ekwità.

6.12Fost il-prattiki tajbin implimentati mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, b’mod partikolari l-kooperattivi, hemm dawk immirati biex jittrasformaw intrapriżi fi kriżi f’ħaddiema organizzati taħt l-isem ta’ kooperattivi, magħrufa bħala “akkwiżizzjoni maġġoritarja ingranata mill-maniġment” (LMBO) 4 , li jiġu implimentati fi Franza, fl-Italja u fi Spanja permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament, bil-ħolqien ta’ fondi reċiproċi speċifiċi, li jintervjenu permezz ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, billi jikkofinanzjaw mal-impjegati l-issuktar tal-attività kummerċjali permezz tal-ħolqien ta’ kooperattiva.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2022

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)     https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/role-social-economy-creation-jobs-and-implementation-european-pillar-social-rights
(2)    Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid, COM(2020) 590 final.
(3)      Fil-pubblikazzjoni tal-KE “A recipe book for social finance”, hija disponibbli analiżi globali https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/f1b8099b-fd4c-11e5-b713-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-234506515
(4)      Business transfers to employees under the form of a cooperative in Europe: opportunities and challenges (Trasferimenti ta’ intrapriżi lill-impjegati fil-forma ta’ kooperattiva fl-Ewropa: opportunitajiet u sfidi), CECOP, 2013.